Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (Spanja) fit-23 ta’ Novembru 2023 – Apuestas Deportivas Valencianas S.A. et vs Conselleria de Hacienda y Modelo Económico de la Generalitat Valenciana

(Kawża C-721/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Apuestas Deportivas Valencianas S.A., Codere Apuestas Valencia S.A., Luckia Retail S.A., Mediterránea de Apuestas S.A., Orenes Apuestas CV S.A. u Sportium Apuestas Levante S.A.

Konvenut: Conselleria de Hacienda y Modelo Económico de la Generalitat Valenciana

Parti oħra fil-proċedura: Organización Nacional de Ciegos Españoles (ONCE)

Domandi preliminari

L-Artikoli 26, 49 u 56 TFUE, li jistabbilixxu l-prinċipji ta’ libertà ta’ intrapriża, ta’ libertà ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali (bħall-Artikolu 5 tad-Decreto 97/2021, de 16 de julio, del Consell (id-Digriet 97/2021 tas-16 ta’ Lulju 2021 tal-Gvern tal-Komunità ta’ Valencia) li jimplimenta l-Artikoli 45(5) u 45(6) tal-Ley 1/2020 Valenciana, de regulación del juego y de prevención de la ludopatía en la Comunidad Valenciana (il-Liġi tal-Komunità ta’ Valencia 1/2020 dwar ir-regolamentazzjoni tal-logħob tal-ażżard u l-prevenzjoni tal-logħob tal-ażżard kompulsiv fil-Komunità ta’ Valencia) li tistabbilixxi sistema ta’ distanza minima ta’ 500 metru bejn l-istabbilimenti tal-logħob u ta’ 850 metru bejn l-istabbilimenti tal-logħob u l-istabbilimenti ta’ tagħlim, minkejja li din il-leġiżlazzjoni tipprevedi diġà miżuri oħrajn inqas restrittivi, iżda li jistgħu jitqiesu bħala daqstant effikaċi għall-protezzjoni tal-konsumaturi, tal-interess ġenerali u, b’mod partikolari, tal-minuri: a) bħall-projbizzjoni ta’ aċċess u ta’ parteċipazzjoni għall-minuri, għall-persuni li għandhom inkapaċità ġuridika permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva, għad-diretturi ta’ entitajiet tal-isport u għall-arbitri tal-attivitajiet li fuqhom isiru l-imħatri, għad-diretturi u għall-azzjonisti tal-kumpanniji tal-imħatri, għall-persuni li jġorru arma, għall-persuni fis-sakra jew taħt l-influwenza ta’ sustanzi psikotropiċi li jistgħu jfixklu l-iżvolġiment tal-logħob u għall-persuni inklużi fir-Reġistru tal-persuni esklużi mill-aċċess għal-logħob tal-azzard; u b) bħall-projbizzjoni tar-reklamar, tal-promozzjoni jew tal-isponsorizzazzjoni u ta’ kull tip ta’ promozzjoni kummerċjali, inkluż il-promozzjoni telematika permezz tan-netwerks tal-midja soċjali, kif ukoll tal-promozzjoni tal-logħob tal-azzard barra mill-istabbilimenti, tar-reklamar statiku fit-toroq pubbliċi u fuq l-mezzi tat-trasport, tal-posters jew ta’ stampi fuq kwalunkwe mezz li jkun?

Indipendentement mir-risposta għad-domanda preċedenti, l-Artikoli 26, 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik prevista mit-tieni dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2020, li timponi b’effett retroattiv id-distanza ta’ 850 metru, li għandu jkun hemm bejn l-istabbilimenti tal-logħob u l-istabbilimenti ta’ tagħlim, fuq l-istabbilimenti tal-logħob li jkunu diġà ġew stabbiliti mingħajr osservanza ta’ tali distanza, meta jitolbu t-tiġdid tal-liċenzja jew tal-awtorizzazzjoni tagħhom wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija Liġi 1/2020, inkwantu tali rekwiżit huwa inkompatibbli mal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq ta’ libertà ta’ intrapriża u ta’ stabbiliment kif ukoll ta’ eżerċizzju liberu ta’ attivitajiet?

Indipendentement mir-risposti għad-domandi preċedenti, l-Artikoli 26, 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik prevista mill-għaxar dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2020, li tistabbilixxi moratorju ta’ ħames snin mid-dħul fis-seħħ tal-imsemmija Liġi 1/2020 għall-għoti ta’ liċenzji jew awtorizzazzjonijiet ġodda lil stabbilimenti tal-logħob, inkwantu tali sospensjoni ta’ permessi għal perijodu massimu ta’ ħames snin hija inkompatibbli mal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq ta’ libertà ta’ intrapriża u ta’ stabbiliment kif ukoll ta’ eżerċizzju liberu ta’ attivitajiet?

Indipendentement mir-risposti għad-domandi preċedenti, l-Artikoli 26, 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 45(5) u (6) tal-Liġi 1/2020, inkwantu din id-dispożizzjoni tissuġġetta biss lill-istabbilimenti tal-logħob privati, iżda mhux lill-istabbilimenti tal-logħob pubbliċi, li lanqas ma huma suġġetti għar-restrizzjonijiet fuq ir-reklamar u għall-kontrolli ta’ aċċess li huma suġġetti għalihom l-istabbilimenti tal-logħob privati, u teżentahom mit-twettiq tal-obbligi li ġejjin: a) l-osservanza ta’ sistema ta’ distanza minima ta’ 500 metru bejn l-istabbilimenti tal-logħob u ta’ 850 metru bejn l-istabbilimenti tal-logħob u l-istabbilimenti ta’ tagħlim; b) l-osservanza, b’effett retroattiv, tad-distanza ta’ 850 metru, li għandu jkun hemm bejn l-istabbilimenti tal-logħob u l-istabbilimenti ta’ tagħlim għall-istabbilimenti tal-logħob li jkunu diġà ġew stabbiliti mingħajr osservanza ta’ tali distanza, meta jitolbu t-tiġdid tal-liċenzja jew tal-awtorizzazzjoni tagħhom wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija Liġi 1/2020, ċ) l-applikazzjoni ta’ moratorju għal perijodu massimu ta’ ħames snin, mid-dħul fis-seħħ tal-imsemmija Liġi 1/2020, għall-għoti ta’ liċenzji jew awtorizzazzjonijiet ġodda lil stabbilimenti tal-logħob u tal-imħatri kif ukoll għall-użu ta’ magni tal-logħob?

Il-prinċipji ta’ unità tas-suq, ta’ ugwaljanza u ta’ uniformità fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni bejn l-operaturi tas-settur tal-logħob jipprekludu dawn id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali?

Is-sitwazzjoni deskritta tikkostitwixxi vantaġġ li jikkawża distorsjoni ta’, u jippreġudika, il-kompetizzjoni fis-settur?

____________