Language of document : ECLI:EU:T:2008:537

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Sitt Awla Estiża)

28 ta’ Novembru 2008 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali favur impriżi stabbiliti fit-territorju ta’ Venezia u ta’ Chioggia – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li timponi l-irkupru tal-għajnuna mogħtija – Ammissibbiltà – Rabta individwali – Kundizzjonijiet dwar l-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u dwar l-impatt fuq il-kompetizzjoni – Derogi abbażi tal-Artikolu 87(3)(b) sa (e) KE u tal-Artikolu 87(2)(b) KE – Klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida jew bħala għajnuna eżistenti – Prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda T-254/00, T-270/00 u T-277/00,

Hotel Cipriani SpA, stabbilita f’Venezia (l-Italja), irrappreżentata inizjalment minn M. Marinoni, G. M. Roberti, u F. Sciaudone, sussegwentement minn Roberti, Sciaudone u A. Bianchini, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T-254/00,

Società italiana per il gas SpA (Italgas), stabbilita f’Torino (l-Italja) irrappreżentata minn M. Merola, C. Tesauro, M. Pappalardo u T. Ubaldi, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T-270/00,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata inizjalment minn U. Leanza, sussegwentement minn I. M. Braguglia u S. Fiorentino, bħala aġenti, assistiti minn P. Gentili u S. Fiorentino, avvocati dello Stato,

intervenjenti fil-Kawża T-270/00,

Coopservice - Servizi di fiducia Soc. coop. rl, stabbilita f’Cavriago (l-Italja),

Comitato “Venezia vuole vivere”, stabbilit f’Venezia (l-Italja),

irrappreżentati minn A. Bianchini u A. Vianello, avocats,

rikorrenti fil-Kawża T-277/00,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Di Bucci, bħala aġent, assistit minn A. Dal Ferro, avocat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/394/KE, tal-25 ta’ Novembru 1999, dwar miżuri ta’ għajnuna favur impriżi stabbiliti fit-territorju ta’ Venezia u ta’ Chioggia, previsti mil-Liġijiet Nru 30/1997 u Nru 206/1995 li jistabbilixxu tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (ĠU 2000, L 150, p. 50),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn A. W. H. Meij (Relatur), President, V. Vadapalas, N. Wahl, M. Prek u V. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ April 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Skema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali meħuda inkunsiderazzjoni

1        Id-Digriet Ministerjali Taljan tal-5 ta’ Awwissu 1994, li ġie nnotifikat lill-Kummissjoni, jiddefinixxi l-kriterji għall-assenjazzjoni ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali previst mid-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 59 tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Taljana tas-6 ta’ Marzu 1978, li jistabbilixxi skema speċjali għat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti minn min iħaddem lill-Istituto Nazionale della Previdenza Sociale (INPS, Istitut nazzjonali tas-Servizzi Soċjali), fil-Mezzogiorno, għall-perijodu inkluż bejn l-1994 u l-1996.

2        Permezz tad-Deċiżjoni 95/455/KE, tal-1 ta’ Marzu 1995, dwar id-dispożizzjonijiet fil-qasam tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fuq l-impriżi fil-Mezzogiorno u tal-ġbir mill-awtoritajiet fiskali ta’ wħud minn dawn il-kontribuzzjonijiet (ĠU L 265, p. 23), il-Kummissjoni ddikjarat l-iskema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali msemmija fil-punt preċedenti, bħala kompatibbli mas-suq komuni, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċertu numru ta’ kundizzjonijiet Din id-deċiżjoni kienet b’mod partikolari tipprovdi li l-awtoritajiet Taljani kellhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet adottati għat-twaqqif ta’ pjan ta’ tneħħija progressiva, impost mill-istess deċiżjoni, tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

3        L-iskema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni f’dan il-każ ġiet stabbilita mil-Liġi Taljana Nru 206/1995, li testendi, għas-snin 1995 u 1996, l-iskema ta’ għajnuna prevista mid-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994, iċċitat iktar ’il fuq, għall-impriżi stabbiliti fit-territorju insulari ta’ Venezia u ta’ Chioggia. Il-Liġi Taljana Nru 30/1997 estendiet din l-iskema, għas-sena 1997, favur impriżi stabbiliti kemm fir-reġjuni tal-Mezzogiorno kif ukoll fit-territorju insulari ta’ Venezia u ta’ Chioggia.

4        L-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994 jipprovdi tnaqqis ġenerali tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti minn min iħaddem. Rigward l-Artikolu 2 ta’ dan l-istess digriet, dan jipprovdi eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali għall-impjiegi ġodda maħluqa fl-impriżi, matul terminu ta’ sena mid-data li fiha jiġi impjegat ħaddiem mingħajr xogħol.

5        Mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/394/CE, tal-25 ta’ Novembru 1999, dwar il-miżuri ta’ għajnuna favur l-impriżi stabbiliti fit-territorju ta’ Venezia u ta’ Chioggia, previsti mil-liġijiet Nru 30/1997 u Nru 206/1995 li jistabbilixxu tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (ĠU 2000, L 150, p. 50, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) jirriżulta li, skont l-informazzjoni mogħtija mill-INPS għall-perijodu meħud inkunsiderazzjoni inkluż bejn l-1995 u l-1997, it-tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mogħti lil impriżi li jinsabu fit-territorju insulari ta’ Venezia u ta’ Chioggia, skont l-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994, kien tela’ għal 73 biljun Lira Taljana (ITL) (EUR 37,7 miljun) fis-sena bħala medja, imqassam bejn 1 645 impriża. L-eżenzjonijiet mogħtija lil impriżi li jinsabu fit-territorju insulari ta’ Venezia u ta’Chioggia skont l-Artikolu 2 ta’ dan id-Digriet kien jammonta għal ITL 567 miljun (EUR 292 831) fis-sena, imqassma bejn 165 impriża.

B –  Il-proċedura amministrattiva

6        Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Ġunju 1997, l-awtoritajiet Taljani kkomunikaw il-Liġi Nru 30/1997, imsemmija iktar ’il fuq, lill-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 95/455 (ara l-punt 2 iktar ’il fuq). Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Lulju 1997, segwita minn nota ta’ tfakkir tat-28 ta’ Awwissu 1997, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali li tikkonċerna l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali msemmi iktar ’il fuq favur impriżi stabbiliti f’Venezia u fi Chioggia.

7        Fin-nuqqas ta’ tweġiba, il-Kummissjoni kkomunikat lir-Repubblika Taljana, permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 1997, id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE, fir-rigward tal-għajnuna prevista mid-dispożizzjonijiet tal-Liġijiet Nru 206/1995 u Nru 30/1997, li kienu jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali previst għall-Mezzogiorno fit-territorju insulari ta’ Venezia u ta’ Chioggia.

8        L-awtoritajiet Taljani ssospendaw l-iskema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni fl-1 ta’ Diċembru 1997.

9        Id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-18 ta’ Frar 1998. B’ittra tas-17 ta’ Marzu 1998, ir-rikorrent, il-Comitato “Venezia vuole vivere” (iktar ’il quddiem “il-Kumitat”), assoċjazzjoni li tiġbor fiha l-organizzazzjonijiet prinċipali ta’ operaturi industrijali u kummerċjali ta’ Venezia, u li ġie ffurmat wara l-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami msemmija iktar ’il fuq sabiex jikkoordina l-azzjonijiet intiżi sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni żvantaġġuża tal-operaturi stabbiliti f’Venezia, ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu u ttrażmetta rapport, flimkien ma’ studju mwettaq mill- Consorzio per la ricerca e la formazione (COSES, konsorzju għar-riċerka u għall-formazzjoni) bid-data tax-xahar ta’ Marzu 1998 u li jirrigwarda d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom l-impriżi li joperaw fit-territorju tal-laguna, meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti fuq l-art. Fit-18 ta’ Mejju 1998, il-muniċipalità ta’ Venezia ppreżentat ukoll xi osservazzjonijiet, flimkien ma’ studju inizjali li sar mill-COSES dwar l-istess suġġett, bid-data tax-xahar ta’ Frar 1998. Fl-osservazzjonijiet tagħha, hija enfasizzat li, fost il-benefiċjarji, kien hemm l-impriżi muniċipali, inkarigati mill-provvista ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Hija invokat favur tagħhom l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE. Dawn l-osservazzjonijiet kollha ġew trażmessi lir-Repubblika Taljana.

10      L-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom b’ittra tat-23 ta’ Jannar 1999. B’ittra tal-10 ta’ Ġunju 1999, huma informaw lill-Kummissjoni li kienu qegħdin jagħmlu tagħhom l-osservazzjonijiet trażmessi mill-muniċipalità ta’ Venezia.

11      B’deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 1999, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Taljana sabiex tipprovdilha d-dokumenti u l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tippreċiża r-rwol tal-impriżi muniċipali u sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni mas-suq komuni. L-awtoritajiet Taljani wieġbu permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Lulju 1999. Fit-12 ta’ Ottubru 1999, saret laqgħa fi Brussell bejn dawn l-awtoritajiet u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni.

C –  Id-deċiżjoni kkontestata

12      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni dak it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali previst mil-liġijiet imsemmija iktar ’il fuq, li jirreferi għall-Artikolu 2 tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994, ladarba dan it-tnaqqis ikun ingħata lil impriżi, stabbiliti fuq it-territorji ta’ Venezia u ta’ Chioggia, li jkunu jew impriżi żgħar u medji (SMEs) skont il-qafas Komunitarju tal-għajnuna mill-Istat lill-SMEs (ĠU 1996, C 213, p. 4), jew impriżi stabbiliti f’żona li tista’ tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE, jew impriżi li jimpjegaw kategoriji ta’ ħaddiema li jsibu diffikultajiet partikolari ta’ inklużjoni jew ta’ inklużjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, skont il-linji gwida dwar l-għajnuna għall-impjieg (ĠU 1995, C 334, p.4; l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 u l-Premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, fil-konklużjonijiet il-Kummissjoni ddikjarat li mill-evalwazzjoni tagħha tal-miżuri kkunsidrati fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (paragrafu 110), hija tikkonkludi li l-miżuri li josservaw ir-regola de minimis ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87 KE, ħlief fis-setturi koperti mit-Trattat KEFA, kif ukoll fis-setturi tal-kostruzzjoni tal-bastimenti, tat-trasport, tal-agrikoltura u tas-sajd, skont il-komunikazzjoni tagħha dwar l-għajnuna de minimis (ĠU 1996, C 68, tas-6 ta’ Marzu 1996, p. 9).

14      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, hija inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna prevista fl-Artikolu 2 tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994, jekk din tkun ingħatat lil impriżi li mhumiex SMEs u li mhumiex stabbiliti fiż-żoni awtorizzati sabiex jibbenefikaw mid-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

15      Skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali previst fl-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994, mogħti lill-impriżi stabbiliti fit-territorju ta’ Venezia u ta’ Chioggia.

16      Skont l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna mogħtija mir-Repubblika Taljana lill-impriża muniċipali ASPIV (Azienda servizi publici idraulici e vari Venezia) u lill-Consorzio Venezia nuova hija kompatibbli mas-suq komuni skont, rispettivament, id-deroga prevista fl-Artikolu 86(2) KE u d-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(d) KE.

17      L-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li l-miżuri implementati mir-Repubblika Taljana favur l-impriżi muniċipali ACTV (Azienda del conzorzio trasporti veneziano) u AMAV (Azienda multiservizi ambientali Venezia) u ta’ Panfido SpA ma jikkostitwixxux għajnuna skont l-Artikolu 87 KE.

18      Fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq ir-Repubblika Taljana l-obbligu li tirkupra mill-benefiċjari l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1, u fl-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, li ngħatat lilhom illegalment.

19      Id-deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fit-23 ta’ Ġunju 2000.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 u t-18 ta’ Settembru 2000, ir-rikorrenti ppreżentat dawn ir-rikorsi.

21      Barra minn hekk, tressqu wkoll 56 rikors minn rikorrenti oħra kontra d-deċiżjoni kkontestata, fit-termini stabbiliti.

22      B’atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta’ Jannar 2001, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

23      B’deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2001, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrinvijat il-kawżi quddiem it-Tieni Awla Estiża, skont l-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

24      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-7 ta’ Marzu 2001, ir-Repubblika Taljana talbet sabiex tintervjeni, fil-Kawża T-270/00, insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti, il-kumpannija Società italiana per il gas SpA (Italgas). Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Ġunju 2001, il-President tat-Tieni Awla Estiża ippermetta li jsir dan l-intervent.

25      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fid-dawl tal-kumplessità tal-kriterji ta’ kompatibbiltà msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, stiednet lir-Repubblika Taljana sabiex tippreċiża, għal kull waħda mill-partijiet rikorrenti f’dawn il-kawżi kif ukoll fis-56 kawża konnessa msemmija iktar ’il fuq, jekk hija kinitx tqis lilha nnifisha marbuta, skont l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirkupra l-għajnuna inkwistjoni mħallsa.

26      Wara t-tweġibiet tar-Repubblika Taljana tal-25 ta’ Settembru 2003 u tal-24 ta’ Marzu 2004, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat 22 rikors totalment inammissibbli u 6 rikorsi parzjalment inammissibbli, fir-rigward tal-impriżi rikorrenti li ma ġġustifikawx interess ġuridiku sa fejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kienu qiesu, matul l-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn l-impriżi ma kinux ibbenefikaw minn għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li ma kinux suġġetti għal obbligu ta’ rkupru, skont din id-deċiżjoni (digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Marzu 2005, Gruppo ormeggiatori del porto di Venezia et vs Il-Kummissjoni, T-228/00, T-229/00, T-242/00, T-243/00, T-245/00 sa T-248/00, T-250/00, T-252/00, T-256/00 sa T-259/00, T-265/00, T-267/00, T-268/00, T-271/00, T-274/00 sa T-276/00, T-281/00, T-287/00 u T-296/00, Ġabra 2005 p. II‑787; Confartigianato Venezia et vs Il-Kummissjoni, T-266/00;, Baglioni Hotels u Sagar vs Il-Kummissjoni, T-269/00; Unindustria et vs Il-Kummissjoni, T-273/00, u Principessa vs Il-Kummissjoni, T-288/00, li mhumiex ippubblikati fil-Ġabra).

27      Fit-12 ta’ Mejju 2005, saret laqgħa informali quddiem l-Imħallef Relatur, bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-partijiet, għas-37 kawża li fihom ir-rikors ma kienx ġie ddikjarat totalment inammissibbli. Il-partijiet rappreżentati ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u qablu fuq l-għażla ta’ erba’ kawżi piloti. Wara din il-laqgħa informali, dawn il-kawżi (T-254/00, T-270/00 u T-277/00) u l-Kawża T-221/00 intgħażlu bħala kawżi piloti.

28      F’29 kawża konnessa oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza ordnat is-sospensjoni tal-proċedura fuq talba konġunta tal-partijiet

29      B’digriet tat-12 ta’ Settembru 2005, il-President tat-Tieni Awla Estiża, wara li sema’ lill-partijiet, għaqqad il-kawżi T-254/00, T-270/00 u T-277/00 għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza, b’mod konformi mal-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

30      Il-proċeduri bil-miktub dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà saru permezz tal-preżentata, bejn il-5 u t-23 ta’ Diċembru 2005, tal-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti fit-tliet kawżi magħquda, kif ukoll dawk tar-Repubblika Taljana fil-Kawża T-270/00.

31      B’digriet tat-18 ta’ Mejju 2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tgħaqqad l-eżami tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mal-mertu. Il-proċedura bil-miktub intemmet fit-23 ta’ Frar 2007 fil-Kawżi T-254/00 u T-277/00, u fis-26 ta’ Novembru 2007 fil-Kawża T-270/00.

32      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza ġiet mibdula, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla Estiża, u konsegwentement, dawn il-kawżi ġew assenjati lil din l-Awla.

33      Peress li l-Imħallef T. Tchipev ma setax jippresjedi, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, innomina lill-Imħallef N. Wahl sabiex l-Awla tkun kompluta.

34      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Sitt Awla Estiża), iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Il-Kummissjoni ppreżentat id-dokumenti miktuba fit-terminu mogħti.

35      B’digriet tal-14 ta’ Ottubru 2008, il-Kawża T-221/00 ġiet imħassra wara li rtirat ir-rikorrenti.

36      Ir-rikorrenti fil-Kawża T-254/00 titlob sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni;

–        b’mod iktar sussidjarju, tannulla l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn l-obbliġu ta’ rkupru li jistabbilixxi jinkludi fih l-għajnuna allokata fuq il-bażi tar-regola de minimis; u/jew tannulla dan l-Artikolu sa fejn jipprevedi l-ħlas ta’ interessi b’rata superjuri għar-rata effettivament imħallsa minnha fuq id-djun rispettivi tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

37      Ir-rikorrenti fil-Kawża T-270/00 titlob sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jiddikjaraw bħala inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mogħtija taħt forma ta’ eżenzjonijiet fiskali previsti mid-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994;

–        tannulla l-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

38      Ir-rikorrenti fil-Kawża T-277/00 jitolbu sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata fil-limiti tal-interess tagħhom;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jimponi obbligu ta’ rkupru tal-ammont tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni, u sa fejn jipprovdi li jżid dan l-ammont b’interessi għall-perijodu kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

39      Il-Kummissjoni titlob sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi bħala inammissibbli jew mhux fondati;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

40      Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, il-Kummissjoni tinvoka n-nuqqas ta’ locus standi kemm tal-kumpanniji rikorrenti kif ukoll tal-Kumitat “Venezia vuole vivere”. L-ewwel nett, hija tqajjem eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens kontra r-rikors ippreżentat mill-Kumitat fil-Kawża T-277/00.

D –  Fuq il-lis alibi pendens allegata fil-Kawża T-277/00

1.     L-argumenti tal-partijiet

41      Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata kontra r-rikors ippreżentat mill-Kumitat fil-Kawża T-277/00, il-Kummissjoni invokat l-identiċità f’kull rigward ta’ dan ir-rikors u tar-rikors li dan ippreżenta fil-Kawża T-274/00. Barra minn hekk, hija osservat li l-preżenti rikors fil-Kawża T-277/00 kien jitlob l-annullament tal-istess deċiżjoni u kien ibbażat fuq motivi fil-parti l-kbira identiċi għal dawk imqajma fil-Kawża T-231/00. Għaldaqstant, ir-rikors fil-Kawża T-277/00 għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli sa fejn ġie ppreżentat mill-Kumitat, parzjalment minħabba l-lis alibi pendens f’dak li jikkonċerna l-preżentata ta’ motivi identiċi, u parzjalment minħabba ksur tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, fir-rigward tal-preżentata ta’ motivi ġodda.

42      Il-Kumitat joġġezzjona li r-rikors tiegħu huwa ammissibbli.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

43      Peress li l-kumitat irtira r-rikors tiegħu fil-Kawża T-274/00 (Digriet ta’ tħassir tal-kawża tat-12 ta’ Settembru 2005, Comitato “Venezia vuole vivere” vs Il-Kummissjoni, T-274/00), l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-lis alibi pendens jibqa’ biss validu fir-rigward tar-rikors konġunt ippreżentat minn Adriatica di navigazione SpA u mill-Kumitat fil-Kawża T-231/00. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Kumitat ippreżenta r-rikors fil-kawża T-277/00 flimkien mal-kumpannija Coopservice – Servizi di fiducia Soc. coop. rl, b’tali mod li, anki jekk tiġi stabbilita l-lis alibi pendens allegata, din ma jkollha l-ebda impatt fuq l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors sa fejn dan ġie ppreżentat minn Coopservice, u b’mod partikolari fuq il-motivi dwar il-mertu evalwati f’dan il-każ mill-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li dawn ġew invokati b’mod konġunt miż-żewġ rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza bħala prinċipju ma tistax tkun marbuta li tevalwa l-eċċezzjoni tal-lis alibi pendens imqajma mill-Kummissjoni f’dan il-każ.

44      F’kull każ, għandu jiġi osservat li r-rikors ippreżentat b’mod partikolari mill-Kumitat fil-Kawża T-277/00 u li huwa intiż għall-annullament tal-istess deċiżjoni, mhuwiex ibbażat fuq l-istess motivi bħal dawk invokati insostenn tar-rikors li kien ippreżenta preċedentement fil-Kawża T-231/00. Isegwi li l-kundizzjonijiet li għalihom il-ġurisprudenza tissuġġetta l-eżistenza tal-lis alibi pendens ma jeżistux kollha f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, id-Digriet Gruppo ormeggiatori del porto di Venezia et vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li numru ta’ motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 88(3) KE kif ukoll fuq l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L83, p.1), u l-ksur tal-Artikolu 87(2)(b) KE, tal-Artikolu 87(3)(b) KE u tal-Artikolu 87(3)(e) KE, huma invokati unikament fil-Kawża T-277/00.

45      B’mod partikolari, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 88(3) KE u tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, imsemmi iktar ’il fuq, għandu jiġi nnotat li dan il-motiv li huwa intiż sabiex jistabbilixxi li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna eżistenti, jibbaża ruħu fuq il-kontinwità allegata tal-liġijiet Nru 206/1995 u 330/1997, li jistabbilixxu din l-iskema ta’ għajnuna, b’leġiżlazzjoni preċedenti li kienet tipprovdi wkoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, eżenzjonijiet mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali favur impriżi stabbiliti f’ċerti reġjuni tal-Italja. Min-naħa l-oħra, il-motiv ibbażat fuq in-natura tal-għajnuna eżistenti tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, invokat fil-Kawża T-231/00, huwa bbażat fuq l-idea separata li l-iskema ta’ għajnuna kkunsidrata ġiet stabbilita biss, fir-rigward tal-attività ta’ kabotaġġ intern, wara l-liberalizzazzjoni ta’ dan is-settur mid-dritt Komunitarju fl-1999 (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il-Kummissjoni, T-298/97, T-312/97, T-313/97, T-315/97, T-600/97 sa T-607/97, T-1/98, T-3/98 sa T-6/98 u T-23/98, Ġabra p. II‑2319, punti 143 u 167). Isegwi li l-argumentazzjonijiet tal-Kumitat invokati rispettivament fil-Kawżi T-231/00 u T-277/00 u intiżi sabiex juru li l-iskema ta’ għajnuna kkunsidrata kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti, għandhom jiġu evalwati bħala motivi distinti.

46      Barra minn hekk, kuntrarjament għall-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jipprekludi biss it-tressiq ta’ motivi ġodda matul kawża, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura. Huwa għal kollox irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-inammissibbiltà ta’ rikors li għandu l-istess suġġett, u li jinvolvi lill-istess partijiet iżda li huwa bbażat fuq motivi distinti minn dawk invokati f’rikors preċedenti. Il-ġurisprudenza (ara l-punt 44 iktar ’il fuq) ma tissuġġettax l-ammissibbiltà ta’ tali rikors għall-eżistenza ta’ elementi ta’ dritt jew ta’ fatt ġodda. Fil-fatt, rikors jista’ jkun inammissibbli fuq il-bażi tal-lis alibi pendens biss meta jinvolvi lill-istess partijiet, huwa intiż għall-annullament tal-istess deċiżjoni, u huwa bbażat fuq l-istess motivi bħal dawk invokati f’rikors preċedenti.

47      Għaldaqstant, it-talba għal inammissibbiltà bbażata fuq l-eċċezzjoni tal-lis alibi pendens għandha tiġi miċħuda.

E –  Fuq l-allegat nuqqas ta’ locus standi tal-impriżi rikorrenti fil-Kawżi T-254/00, T-270/00 u T-277/00

1.     L-argumenti tal-partijiet

48      Il-Kummissjoni ssostni li l-impriżi rikorrenti mhumiex individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 230 KE.

49      Skont il-Kummissjoni, il-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna mhumiex individwalment ikkonċernati minn deċiżjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ din l-iskema u li tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija, peress illi tali deċiżjoni għandha portata ġenerali.

50      Il-Kummissjoni tfakkar li l-benefiċjarji potenzjali ta’ skema ta’ għajnuna mhumiex individwalment ikkonċernati minn deċiżjoni li tiddikjara lil din l-iskema bħala inkompatibbli mas-suq komuni. Minbarra dan, il-qorti Komunitarja qieset bħala inammissibbli r-rikors ippreżentat minn benefiċjarju ta’ skema ta’ għajnuna illegali, kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet iddikjarat lil din l-iskema bħala inkompatibbli mas-suq komuni, iżda ma kinitx imponiet l-irkupru tal-għajnuna mogħtija (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra 1988, p. 219, punt 15).

51      Madankollu, skont il-Kummissjoni, l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ rkupru ma jbiddilx in-natura tad-deċiżjoni tagħha u għaldaqstant ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna huma individwalment ikkonċernati.

52      F’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni (C‑15/98 u C‑105/99, Ġabra p. I-8855) għandha tinqara fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti, Sardegna Lines – Servizi Marittimi della Sardegna SpA. Din kienet fir-realtà bbenefikat minn għajnuna individwali, mogħtija formalment fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna. Fil-fatt, l-iskema ta’ għajnuna kkunsidrata kienet tapplika għal numru ristrett ħafna ta’ impriżi, u Sardegna Lines bbenefikat minn parti kbira mill-għajnuna mogħtija (mill-inqas 9,6 biljun Lira Taljana (ITL) fuq total ta’ ITL 12 697 450 000). Barra minn hekk, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet ikkaratterizzata mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li kienu jgawdu minnha l-awtoritajiet nazzjonali fid-dawl tal-għoti ta’ għajnuna individwali fl-implementazzjoni ta’ din l-iskema.

53      Bl-istess mod, fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑298/00 P, Ġabra p. I-4087, punt 39), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-impriżi li jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna kkunsidrata kienu individwalment ikkonċernati, peress li l-Kummissjoni kienet taf in-numru ta’ applikazzjonijiet li ġew milqugħa u l-ammont tal-krediti previsti għall-għajnuna inkwistjoni. Barra minn hekk, din l-iskema ta’ għajnuna kienet ġiet implementata permezz ta’ deċiżjonijiet individwali.

54      F’dak li jirrigwarda s-soluzjoni adottata fis-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tal-21 ta’ Lulju 2005, Fesil u Finnfjord et vs L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (Kawżi magħquda E-5/04, E-6/04 u E-7/04), invokata mir-rikorrenti, il-Hotel Cipriani, din ma tistax tiġi trasposta f’dan il-każ, peress li r-regoli dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA), l-Awtorità ta’ Sorveljanza u l-Qorti tal-EFTA ma fihom l-ebda dispożizzjoni simili għall-Artikolu 234 KE, li tipprovdi l-possibbiltà ta’ rinviju preliminari sabiex tiġi evalwata l-validità tal-atti tal-istituzzjonijiet

55      Barra minn hekk, fid-digriet tagħha, Gruppo ormeggiatori del porto di Venezia et vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq (punti 29 u s-segwenti), il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat ċerti rikorsi bħala inammissibbli, filwaqt li aċċettat il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tikkontesta n-nuqqas ta’ rkupru tal-għajnuna mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat. B’hekk, l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors ma kinitx tiddependi mill-irkupru jew min-nuqqas ta’ rkupru tal-għajnuna mingħand ir-rikorrenti. Fl-aħħar, fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Frar 2006, Atzeni et (C‑346/03 u C-529/03, Ġabra 2006 p. I‑1875, punti 33 u 34), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma kienx ċar jekk rikors għall-annullament ippreżentat minn benefiċjarji ta’ skemi ta’ għajnuna intiżi għal kategoriji ta’ persuni ddefiniti b’mod ġenerali, kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi l-irkupru tal-għajnuna mogħtija, huwiex ammissibbli.

56      Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li s-sentenzi L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, u L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, ma jibdlux il-ġurisprudenza kostanti, li tgħid li r-rikors ta’ persuni fiżiċi jew morali kontra deċiżjonijiet relatati ma’ skemi ta’ għajnuna huma inammissibbli.

57      Madankollu, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tammetti li, meta l-implementazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tkun teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri individwali ta’ implementazzjoni li jimplikaw setgħa diskrezzjonali tal-awtorità amministrattiva kompetenti, il-benefiċjarji effettivi ta’ tali skema jistgħu jitqiesu bħala individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà tagħha mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija.

58      F’dan il-każ, ir-rikorrenti mhumiex individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata għal żewġ raġunijiet Minn naħa, it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni kien ġie mogħti b’mod awtomatiku lill-impriżi kollha stabbiliti fit-territorju ta’ Venezia u ta’ Chioggia.

59      Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda numru indeterminat u indeterminabbli ta’ impriżi, skont il-karatteristiċi oġġettivi tagħhom, jiġifieri li jimpjegaw ħaddiema u jeżerċitaw l-attività tagħhom f’żona ġeografika partikolari. Għalkemm, matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jista’ jkun li l-Kummissjoni kienet, kif issostni r-rikorrenti, teoretikament f’pożizzjoni li tiddetermina l-impriżi benefiċjarji, bl-għajnuna tal-awtoritajiet nazzjonali, hija kellha tevalwa l-iskema ta’ għajnuna, u mhux kull każ ta’ applikazzjoni speċifiku. L-unika eċċezzjoni kienet ikkonċernat l-impriżi muniċipali li s-sitwazzjoni tagħhom kienet ġiet esposta b’mod speċifiku fl-osservazzjonijiet tal-muniċipalità ta’ Venezia li kien adotta l-Gvern Taljan. Għaldaqstant, il-Kummissjoni analizzat is-sitwazzjoni partikolari ta’ dawn l-impriżi li, diversament mir-rikorrenti, huma għal din ir-raġuni individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

60      Min-naħa l-oħra, peress li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi – abbażi tat-tabella pprovduta mill-INPS (Istitut Nazzjonali għas-Servizzi Soċjali) – it-tnaqqis li kienet ibbenefikat minnu kull impriża b’mod individwali, hija ma setgħetx tikkonstata l-għoti ta’ għajnuna lil kull wieħed mill-benefiċjarji. Għaldaqstant, l-Istat Membru kkonċernat għandu l-obbligu li jidentifika lill-impriżi benefiċjarji li, fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huma marbuta li jħallsu lura l-għajnuna li rċevew. Din l-identifikazzjoni teħtieġ analiżi kumplessa bbażata fuq numru ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, huwa l-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali li japplikaw, f’kull każ individwali, il-kundizzjonijiet relatati mal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE, kif ukoll il-kriterji msemmija b’mod ġenerali u astratt fid-deċiżjoni kkontestata.

61      Tali kontroll għandu jsir mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-kwadru ta’ kollaborazzjoni leali mal-Kummissjoni. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, il-Kummissjoni tista’ tirreferi għall-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE. Fir-rigward tal-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni, huma jistgħu jikkontestaw xi eventwali deċiżjonijiet ta’ rkupru meħuda kontra tagħhom, billi jissollevaw eċċezzjonijiet ta’ illegalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-protezzjoni ġudizzjarja tagħhom hija assigurata mill-Artikolu 234 KE.

62      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, u b’mod differenti mid-deċiżjoni eżaminata fis-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata ħalliet miftuħa l-possibbiltà li xi wħud mit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni jaħarbu mill-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat jew jikkwalifikaw bħala għajnuna kompatibbli mas-suq komuni. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kkonstatatx l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lil kull wieħed mill-benefiċjarji u b’hekk ma ddeterminatx lill-impriżi li huma marbuta li jagħtu lura l-għajnuna li rċevew abbażi tal-iskema inkwistjoni.

63      Minn dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-impriżi rikorrenti m’għandhomx kwalitajiet jew karatteristiċi partikolari li ġew evidenzjati fid-deċiżjoni kkontestata, u li dawn ma jistgħux jinvokaw ħsara speċifika. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

64      Ir-rikorrenti u r-Repubblika Taljana, li tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ Italgas u li taqbel mal-osservazzjonijiet tagħha, jfakkru li l-impriżi rikorrenti kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rkupru tal-għajnuna rċevuta, waqt l-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’ċirkustanzi simili, il-qorti Komunitarja kienet aċċettat l-eżistenza ta’ rabta individwali.

65      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti kollha u r-Repubblika Taljana jallegaw li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata ma tirrappreżentax portata ġenerali u astratta, peress li l-benefiċjarji effettivi ta’ skema ta’ għajnuna jikkostitwixxu grupp magħluq u huma identifikabbli waqt l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Madankollu, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tipprovdi l-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli, sabiex tneħħi l-effett tagħha, timplika li l-Kummissjoni għandha preliminarjament tivverifika l-effetti ta’ din l-għajnuna. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jippreċiżaw li huwa biżżejjed li l-impriżi benefiċjarji jistgħu jiġu identifikati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, matul il-proċedura ta’ rkupru. Il-benefiċjarji effettivi jistgħu jitqiesu bħala d-destinatarji diretti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, Hotel Cipriani u Italgas jikkontestaw li, matul l-implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu f’kull każ individwali jivverifikaw jekk jeżistux il-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (ara l-punti 124 u 138, iktar ‘il quddiem).

66      Fit-tieni lok, Hotel Cipriani u Coopservices josservaw ukoll li deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna u li timponi l-irkupru tal-għajnuna mogħtija, tolqot b’mod individwali l-interessi tal-benefiċjarji attwali tal-għajnuna u tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju fir-rigward tagħhom.

67      Ir-rikorrenti kollha jiċħdu l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-individwi jibbenefikaw minn protezzjoni ġuridika effettiva quddiem il-qorti nazzjonali. Il-proċedura tar-rinviju preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja toffrilhom possibbilitajiet ħafna inqas wiesgħin biex isostnu l-argumenti tagħhom. Barra minn hekk, bl-ebda mod ma huwa ggarantit li l-qorti nazzjonali tressaq rinviju preliminari.

68      Ir-Repubblika Taljana tenfasizza li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni kienu ngħataw lill-impriżi bl-unika kundizzjoni li dawn ikunu stabbiliti fit-territorju insulari ta’ Venezia u ta’ Chioggia. F’dan il-kuntest, matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienet teżisti l-ebda inċertezza dwar l-identità tal-benefiċjarji li kellhom l-obbligu li jħallsu lura l-għajnuna rċevuta.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

69      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ġustament tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ rabta diretta skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 230 KE. Hija ssostni li l-awtoritajiet Taljani għandhom l-obbligu, skont id-deċiżjoni kkontestata, li jneħħu l-għajnuna ddikjarata bħala inkompatibbli u li jirkupraw l-għajnuna inkompatibbli mogħtija illegalment. Hija tammetti li dawn l-awtoritajiet ma jiddisponu minn ebda setgħa diskrezzjonali fl-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

70      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li l-benefiċjarji effettivi ta’ skema ta’ għajnuna illegali bħala regola ġenerali mhumiex individwalment ikkonċernati minn deċiżjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ din l-iskema u li tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija, peress li tali deċiżjoni hija essenzjalment ibbażata fuq analiżi ġenerali u astratta tal-iskema msemmija. Hija tispjega l-allegat nuqqas ta’ rabta individwali mill-fatt li n-numru ta’ benefiċjarji mhuwiex determinabbli. Għaldaqstant, matul l-implementazzjoni tad-deċiżjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija, l-Istat Membru kkonċernat għandu l-obbligu li jidentifika l-impriżi benefiċjarji li għandhom l-obbligu li jħallsu lura l-għajnuna li rċevew.

71      Għaldaqstant, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tikkontesta li l-ġurisprudenza tistabbilixxi l-locus standi tal-benefiċjarji effettivi ta’ skema ta’ għajnuna, kontra d-deċiżjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ din l-iskema u li tordna l-irkupru tal-għajnuna ddikjarata bħala inkompatibbli. Hija tissuġġerixxi li dan il-locus standi jiġi limitat għall-każijiet li fihom l-iskema ta’ għajnuna tiġi implementata permezz ta’ deċiżjonijiet individwali (ara l-punt 56, iktar ’il fuq).

72      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tipproponi li matul l-implementazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna illegali, l-awtoritajiet nazzjonali jiġu rrikonoxxuti l-kompetenza li jivverifikaw f’kull każ individwali jekk jeżistux il-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE dwar l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika, assenjazzjoni tal-kummerċ intra-Komunitarju u għall-effett fuq il-kompetizzjoni.

73      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda skema ta’ għajnuna illegali u li timponi l-irkupru tal-għajnuna mogħtija għandha, hekk kif tosserva l-Kummissjoni, portata ġenerali fir-rigward tal-benefiċjarji effettivi ta’ din l-iskema, sa fejn din tapplika għal sitwazzjonijiet determinati b’mod oġġettiv u tinvolvi effetti legali fir-rigward tal-benefiċjarji tal-imsemmija skema, previsti b’mod ġenerali jew astratt. Effettivament, is-sempliċi fatt li l-benefiċjarji effettivi ta’ tali skema huma identifikabbli ma jinvolvi l-ebda obbligu fuq il-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tagħhom. Għaldaqstant, deċiżjoni dwar skema ta’ għajnuna hija bħala prinċipju bbażata fuq kontroll ġenerali u astratt tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, li fih innifsu jikkostitwixxi att ta’ portata ġenerali (ara l-punti 83, 209, 229 u 230, iktar ‘il quddiem). Għaldaqstant, din għandha portata distinta minn dik, pereżempju, ta’ deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 81 KE, li tista’ titqies bħala sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali ddestinati għall-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C-310/97 P, Ġabra p. I-5363, punti 39, 49 u 63). B’mod partikolari, il-fatt li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni timponi b’mod ġenerali u astratt l-irkupru tal-għajnuna mħallsa ma jagħtix lil din id-deċiżjoni l-karattru ta’ grupp ta’ deċiżjonijiet individwali (ara, b’analoġija, id-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2008, Saint-Gobain Glass Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑503/07 P, ĠU C 142, p. 10, punt 72). Min-naħa l-oħra, meta l-Kummissjoni tevalwa s-sitwazzjoni individwali ta’ ċerti benefiċjarji effettivi ta’ skema ta’ għajnuna, id-deċiżjoni tagħha tippreżenta karattru individwali fir-rigward tagħhom.

74      Barra minn hekk, mhuwiex eskluż li f’ċerti ċirkustanzi, id-dispożizzjonijiet ta’ att ta’ portata ġenerali jkunu jistgħu jikkonċernaw b’mod individwali lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, meta dawn ikunu milquta minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minn sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzhom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorniu vs Il-Kunsill, C‑309/89, Ġabra p. I‑1853, punti 19 sa 21, sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Novembru 1996, Roquette Frères vs Il-Kunsill, T‑298/94, Ġabra p. II‑1531, punt 37, u d-Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Settembru 2007, Fels-Werke et vs Il-Kummissjoni, T‑28/07, ĠU C 283, p. 27, punt 60).

75      F’dan il-kuntest ġuridiku, hemm lok li tiġi eżaminata l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, kemm fir-rigward tal-kriterji ġurisprudenzjali ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta individwali, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 230 KE, kif ukoll tas-sistema ta’ kontroll preliminari tal-għajnuna mill-Istat hekk kif ġiet stabbilita mit-Trattat u interpretata mill-ġurisprudenza. Għal dan l-iskop, għandha qabel kollox tiġi evalwata r-rilevanza tal-kriterju relatat mal-metodi ta’ evalwazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna, fid-dawl tal-ġurisprudenza bbażata fuq is-sentenzi L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ‘il fuq, u L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, kif ukoll fir-rigward tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Wara, il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina l-argument tal-Kummissjoni dwar il-firxa tal-kompetenzi tal-Istat Membru kkonċernat matul l-implementazzjoni tad-deċiżjoni li tiddikjara bħala mhux kompatibbli mas-suq komuni skema ta’ għajnuna illegali u li tordna l-irkupru tal-għajnuna mħallsa.

a)     L-evalwazzjoni tal-kriterju relatat mal-metodi ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna, fid-dawl tal-ġurisprudenza

76      Qabel kollox, fir-rigward tal-ġurisprudenza, għandu preliminarjament jiġi osservat li, kuntrarjament għall-affermazzjoni tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx il-locus standi tal-benefiċjarji effettivi ta’ skema ta’ għajnuna illegali kontra deċiżjoni li tiddikjara din l-iskema bħala inkompatibbli u li timponi l-irkupru tal-għajnuna mogħtija. F’dan ir-rigward, is-sentenza Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, invokata mill-Kummissjoni, mhiex rilevanti. Fil-fatt, mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sir Gordon Slynn dwar din is-sentenza (Ġabra p. 240) jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx imponiet obbligu ta’ rkupru fid-deċiżjoni inkwistjoni f’din il-kawża. Għalkemm fl-aħħar paragrafu ta’ din id-deċiżjoni hija rriżervat il-possibbiltà ta’ rkupru fi stadju ulterjuri, hija infurmat lill-Qorti tal-Ġustizzja, matul is-seduta, li hija ma kienet ħadet l-ebda inizjattiva f’dan is-sens.

77      Min-naħa l-oħra, jirriżulta b’mod ċar mis-sentenzi L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, u L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, li meta l-Kummissjoni tikkonstata l-inkompatibbiltà mas-suq komuni ta’ skema ta’ għajnuna illegali u timponi r-rifużjoni tal-għajnuna mogħtija, il-benefiċjarji effettivi kollha ta’ din l-iskema huma individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il-Kummissjoni, T-55/99, Ġabra p. II-3207, punt 25; tat-12 ta’ Settembru 2007, L-Italja u Brandt Italia vs Il-Kummissjoni, T-239/04 u T-329/04, ĠU C 247, p. 26, punt 44, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Salvat père & fils et vs Il-Kummissjoni, T-136/05, ĠU C 269, p. 47, punti 69 sa 73).

78      Fil-fatt, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, mid-deċiżjoni evalwata fis-sentenza L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq), ma kienx jirriżulta li s-sitwazzjoni partikolari ta’ Sardegna Lines kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tindika, fil-kuntest tad-deskrizzjoni tal-fatti, li hija kienet “sabet l-eżistenza tal-skema ta’ għajnuna kkontestata matul rikors li jikkonċerna każ partikolari ta’ applikazzjoni ta’ din l-iskema” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Anki jekk jiġi aċċettat li l-Kummissjoni kienet taf bis-sitwazzjoni ta’ Sardegna Lines, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li hija ma semmietx lil din l-impriża f’mod speċifiku fid-deċiżjoni inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li hija ma rreferiet għal ebda element li minnu nnifsu jista’ jikkaratterizza s-sitwazzjoni speċifika tagħha. Bil-kontra, hija indikat biss l-ammont totali tal-għajnuna mogħtija sa mid-dħul fis-seħħ tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, sabiex jingħataw is-self u l-leasing inkwistjoni. Wara, il-Kummissjoni pproċediet fuq din il-bażi għal evalwazzjoni ġenerali u astratta tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni (ara b’mod partikolari l-punt VII tad-deċiżjoni inkwistjoni). F’dawn iċ-ċirkustanzi, mis-sentenza L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma jistax jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li s-sitwazzjoni individwali ta’ Sardegna Lines kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. Bil-kontra, kien bil-paragun tal-benefiċjarji potenzjali ta’ skema ta’ għajnuna maħsuba b’mod astratt mal-benefiċjarji effettivi ta’ tali skema implementata illegalment li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Sardegna Lines kienet individwalment ikkonċernata “fil-kwalità tagħha ta’ benefiċjarju effettiv ta’ għajnuna individwali mogħtija skont [l-skema ta’ għajnuna lill-proprjetatrji ta’ bastimenti ta’ Sardenja] u li tagħha l-Kummissjoni ordnat ir-rifużjoni” (punt 34 tas-sentenza). Ir-rifereriment, iċċitat iktar ’il fuq, għall-“għajnuna individwali” tirrigwarda b’mod ċar l-għajnuna mogħtija lil Sardegna Lines b’implementazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Kuntrarjament għall-interpretazzjoni ssuġġerita mill-Kummissjoni, hija ma tistax tinftiehem bħala li tirreferi għal teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni individwali ta’ Sardegna Lines minn din l-istituzzjoni, minħabba li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma kinitx tapplika b’mod awtomatiku.

79      Din l-evalwazzjoni tas-sentenza L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, hija kkorroborata mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fis-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq (Ġabra p. I-4092). Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali effettivament ċaħad l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fis-sentenza L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, kienet ġiet implementata permezz ta’ deċiżjonijiet ta’ eżekuzzjoni diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali. F’dan ir-rigward, huwa enfasizza:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja [...] bbażat ruħha unikament [fil-punt 34 tas-sentenza tagħha] fuq il-fatt li r-rikorrenti Sardegna Lines kienet ikkonċernata bħala benefiċjarju ta’ għajnuna li l-Kummissjoni kienet ordnat l-irkupru tagħha. Hija ma semmietx ċirkustanzi oħra li huma partikolari għar-rikorrenti, bħat-teħid inkunsiderazzjoni tal-każ tagħha fil-proċedura amministrattiva” (punt 71 tal-konklużjonijiet).

80      Fis-sentenza tagħha L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat b’mod ċar is-soluzzjoni li kienet adottat fis-sentenza L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq. Għandu jiġi enfasizzat li l-iskema ta’ għajnuna settorjali inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, kienet tikkonċerna numru kbir ta’ trasportaturi ta’ merkanzija bit-triq. Diversament minn Sardegna Lines, l-ebda wieħed mit-trasportaturi rikorrenti ma kien differenti mill-benefiċjarji l-oħra tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fir-rigward tad-daqs tal-għajnuna rċevuta jew tar-rwol partikolari matul il-proċedura amministrattiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-impriżi rikorrenti kienu jinsabu f’pożizzjoni differenti minn dik ta’ applikanti peress illi dawn kienu kkonċernati “fil-kwalità tagħhom ta’ benefiċjarji effettivi mill-għajnuna individwali mogħtija abbażi ta’ din l-iskema u li l-Kummissjoni kienet ordnat l-irkupru tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 39 tas-sentenza).

81      Barra minn hekk, il-punt 39, iċċitat iktar ’il fuq, ta’ din is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, minkejja li huwa konċiż, fih ukoll preċiżazzjonijiet importanti f’dak li jikkonċerna l-ġustifikazzjoni tal-locus standi tal-impriżi li bbenefikaw minn skema ta’ għajnuna illegali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza fih li d-deċiżjoni inkwistjoni semmiet “in-numru ta’ applikazzjonijiet li ġew milqugħa u l-ammont tal-kreditu previst għall-għajnuna inkwistjoni”, matul il-perijodu inkwistjoni, u minn dan ikkonkludiet li “b’hekk il-Kummissjoni ma setgħetx tinjora l-eżistenza tal-benefiċjarji effettivi”. Għaldaqstant, hija tiddistingwi espressament is-sitwazzjoni tal-benefiċjarji effettivi, li kienu identifikabbli u li s-sitwazzjoni tagħhom kienet partikolarment milquta mill-ordni ta’ rkupru, minn dik tal-benefiċjarji potenzjali.

82      B’mod partikolari, fid-dawl tal-konklużjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Avukat Ġenerali Alber fis-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, (punti 74 sa 85), il-punt 39 iċċitat iktar ’il fuq tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, jista’ għaldaqstant jinftiehem bħala li jirrikonoxxi li l-impriżi rikorrenti kienu kkaratterizzati meta mqabbla ma’ kull operatur ieħor, mill-fatt li huma kienu jikkostitwixxu grupp magħluq ta’ persuni b’mod speċjali milquta mill-ordni ta’ rkupru. B’mod partikolari, b’mod differenti mill-benefiċjarji potenzjali ta’ skema ta’ għajnuna, il-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jikkostitwixxu grupp magħluq, peress li din l-iskema kienet waqfet milli tiġi implementata qabel l-adozzjoni stess tad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-Kummissjoni kienet, bħala prinċipju, f’pożizzjoni li tidentifikahom, bl-għajnuna tal-awtoritajiet nazzjonali, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssuġġettatx ir-rikonoxximent ta’ rabta individwali mal-identifikazzjoni konkreta tal-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u mal-analiżi tas-sitwazzjoni individwali tagħhom mill-Kummissjoni.

83      Għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm deċiżjoni dwar skema ta’ għajnuna għandha portata ġenerali, sa fejn il-Kummissjoni tagħmel eżami ġenerali u astratt ta’ din l-iskema (ara l-punt 72, iktar ’il fuq), tali deċiżjoni hija relatata unikament ma’ skema ta’ għajnuna partikolari. Għaldaqstant, din ma tifformax parti mid-determinazzjoni ta’ politika Komunitarja, iżda tifforma parti mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ dritt Komunitarju relatati, f’dan il-każ, mal-għajnuna mill-Istat, diversament mill-atti ta’ natura normativa li japplikaw fil-konfront tal-ġeneralità tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati (ara, bħala eżempju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1989, Lefebvre vs Il-Kummissjoni, 206/87, Ġabra p. 275, is-sentenza Roquette Frères vs Il-Kunsill, punt 74 iktar ’il fuq, punt 42, u d-Digriet Fels-Werke et vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ‘il fuq, punti 61 u 63).

84      F’dan il-kuntest ġuridiku, il-fatt li wieħed ikun jifforma parti mill-grupp magħluq ta’ benefiċjarji effettivi ta’ skema ta’ għajnuna, speċjalment milquta mill-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna mogħtija impost mill-Kummissjoni fuq l-Istat Membru kkonċernat, huwa biżżejjed sabiex jikkaratterizza lil dawn il-benefiċjarji fil-konfront ta’ kull persuna oħra, b’mod konformi mal-ġurisprudenza (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223). F’dan il-każ, l-individwalizzazzjoni tirriżulta mill-ksur partikolari kkawżat mill-ordni ta’ rkupru lill-interessi tal-membri perfettament identifikabbli ta’ dan il-grupp magħluq.

85      Li kieku l-locus standi ta’ benefiċjarju effettiv ta’ skema ta’ għajnuna jkun suġġett għall-eżami tas-sitwazzjoni individwali tiegħu, dan il-locus standi jkun jiddependi mill-għażla tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li tipproċedi jew le għal tali eżami individwali, abbażi tal-informazzjoni li ġiet trażmessa lilha matul il-proċedura amministrattiva. Din is-soluzzjoni toħloq inċertezza legali, peress li l-għarfien, min-naħa tal-Kummissjoni, tas-sitwazzjonijiet individwali konkreti hija ta’ spiss frott ta’ koinċidenzi (il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fis-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punt 83). Barra minn hekk, fl-ipoteżi li fiha benefiċjarju jikkontesta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza n-nuqqas ta’ eżami individwali tas-sitwazzjoni tiegħu min-naħa tal-Kummissjoni, fir-rigward pereżempju tal-informazzjoni li tirrigwarda lilu mogħtija lil din l-istituzzjoni matul il-proċedura amministrattiva, l-ammissibbiltà tar-rikors tiegħu hija marbuta mal-evalwazzjoni tal-mertu. F’dan il-kuntest, il-kumplessità u l-karattru diffiċilment prevedibbli tar-riżultat tal-eżami tal-ammissibbiltà jżidu l-inċertezza legali.

86      Fl-aħħar, għandu jiġi mfakkar li l-kriterju tal-grupp magħluq li l-membri tiegħu huma speċjalment milquta minn deċiżjoni tal-Kummissjoni, ukoll ġie adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C‑182/03 u C-217/03, Ġabra 2006 p. I‑5479, punti 58 sa 64). B’mod partikolari, fir-rigward taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li l-awtorizzazzjoni tagħhom kienet pendenti, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, b’mod konformi mis-sentenzi L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ‘il fuq, u L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, li dawn iċ-ċentri kienu individwalment ikkonċernati peress li kienu “perfettament identifikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni [li kienet suġġetta għal appell]” (sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger f’din il-kawża, Ġabra p I-5485, punti 196 u 197). Fir-rigward taċ-ċentri li l-applikazzjonijiet għat-tiġdid tagħhom kienu pendenti matul in-notifika tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn il-benefiċjarji potenzjali kellhom locus standi, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, minħabba li kienu jifformaw parti minn grupp magħluq li l-membri tiegħu kienu speċjalment milquta mid-deċiżjoni inkwistjoni, peress li ma jistgħux jingħataw iktar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni (sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 62 u 63, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger f’din il-kawża, punt 211).

87      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza kollha, il-kriterju bbażat fuq il-metodi ta’ eżekuzzjoni tal-iskema ta’ għajnuna, propost mill-Kummissjoni, huwa irrilevanti. B’mod partikolari, il-qari tas-sentenzi L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ‘il fuq, u L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, ma jippermetti li jiġi identifikat l-ebda teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-fatt, li diġà ġie invokat mill-Kummissjoni fil-kawżi li wasslu għal dawn is-sentenzi, li l-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni kienu effettivament ġew applikati permezz ta’ deċiżjonijiet amministrattivi ta’ eżekuzzjoni li jimplikaw setgħa diskrezzjonali. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li s-sentenza CETM vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, u s-sentenza tal-Qorti tal-EFTA Fesil and Finnfjord et vs L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, punt 54 iktar ’il fuq, kienu jirrigwardaw skemi ta’ għajnuna li kienu jibbenefikaw minnhom b’mod awtomatiku l-impriżi li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa minn dawn l-iskemi. Mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja EFTA (punt 46) jirriżulta li, fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni kienet diġà osservat, kontra l-ammissibbiltà tar-rikors, li l-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni fis-sentenzi L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, u L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, ma kinux japplikaw b’mod awtomatiku għall-impriżi li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet, iżda kienu jawtorizzaw lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali sabiex jagħtu vantaġġi lill-benefiċjarji permezz ta’ atti amministrattivi ulterjuri. Din id-distinzjoni ma ġietx meqjusa bħala rilevanti mill-Qorti tal-EFTA, kif jixhed il-fatt li hija żammet mal-motivazzjoni konċiża iżda ċara taż-żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija iktar ’il fuq.

88      F’dak li jirrigwarda d-digriet Gruppo ormeggiatori del porto di Venezia et vs Il-Kummissjoni (punt 26 iktar ’il fuq), invokat mill-Kummissjoni (ara l-punt 55, iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ġustament josservaw li dan mhuwiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-locus standi. Fil-fatt, f’dan id-digriet, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma evalwatx il-locus standi tal-impriżi kkonċernati, iżda ddikjarat bħala inammissibbli, minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku, tar-rikorsi ppreżentati minn impriżi li sadanittant kienu ġew esklużi mill-proċedura ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni implementata mill-awtoritajiet nazzjonali b’implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, sabiex turi l-locus standi tagħha meta jitressaq rikors, huwa biżżejjed li impriża tindika b’mod rilevanti li hija bbenefikat minn miżuri abbażi tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, li tista tkun koperta minn dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà mas-suq komuni ddikjarata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni. Fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar skema ta’ għajnuna, il-Qorti tal-Prim’Istanza mgħandhiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni konkreta tal-kriterji stabbiliti f’din id-deċiżjoni, sabiex tiddetermina jekk il-miżuri inkwistjoni favur impriża determinata għandhomx jitqiesu bħala għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, abbażi tad-deċiżjoni msemmija. Fil-fatt, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom, waqt l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni, japplikaw il-kriterji msemmija f’kull każ individwali, taħt il-kontroll tal-Kummissjoni.

89      F’dan il-kuntest, id-digriet Gruppo ormeggiatori del porto di Venezia et vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, jillimita ruħu sabiex jeskludi kull interess ġuridiku ta’ impriża rikorrenti meta, wara li jiġi ppreżentat rikors, ikun jidher li, skont l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-miżuri li tibbenefika minnhom din l-impriża abbażi tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, mhumiex suġġetti għal obbligu ta’ rkupru, jew għaliex, bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni, dawn ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, jew għaliex dawn jissodisfaw il-kriterji ta’ kompatibbiltà mas-suq komuni stabbiliti fid-deċiżjoni msemmija. B’mod partikolari, f’dan id-digriet (punt 26), il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-argument tal-impriżi inkwistjoni dwar is-setgħa tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-kontroll tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tagħha mill-Istat Membru kkonċernat, li timponi ulterjorment fuq l-Istat membru l-obbligu li jipproċedi għall-irkupru tal-għajnuna allegata mingħand dawn l-impriżi, preċiżament minħabba li tali ċirkustanza jkollha biss karattru futur u inċert. Barra minn hekk, f’dan il-każ, huwa paċifiku li l-impriżi rikorrenti kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rkupru min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, liema ħaġa tikkonferma l-interess ġuridiku tagħhom.

90      Fis-sentenza Atzeni et, punt 55 iktar ’il fuq, li ukoll ġiet invokata mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tillimita ruħha sabiex tippreċiża li rinviju preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità mhuwiex inammissibbli meta jkun jirrigwarda deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar skema ta’ għajnuna, minħabba li l-locus standi tal-impriżi kkonċernati abbażi tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 230 KE, kien jimplika analiżi kumplessa u għaldaqstant ma kienx ċar. Din is-sentenza tifforma parti mil-linja ġurisprudenzjali stabbilita mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, Ġabra p. I‑833) li tgħid li motiv ta’ inammissibbiltà mhuwiex dirett kontra l-invokazzjoni permezz ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, quddiem qorti nazzjonali, ħlief jekk m’hemmx dubju li l-impriżi benefiċjarji mill-għajnuna kellhom id-dritt li jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni u kienu ġew informati b’dan id-dritt (sentenza TWD Textilwerke Deggendorf, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24; is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 1996, Accrington Beef et, C‑241/95, Ġabra 1996 p. I‑6699, punti 15 u 16 u tal-11 ta’ Novembru 1997, Eurotunnel et, C‑408/95, Ġabra 1997 p. I‑6315, punt 28). Barra minn hekk, mis-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq (punt 31), jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċaħdet b’mod impliċitu l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li, jekk jiġi rrikonoxxut li l-benefiċjarji effettivi ta’ skema ta’ għajnuna għandhom locus standi kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara lil din l-iskema inkompatibbli u li timponi l-irkupru tal-għajnuna mogħtija, kull rinviju preliminari li jirrigwarda l-irkupru ta’ tali għajnuna jiġi kkunsidrat inammissibbli skont il-ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza TWD Textilwerke Deggendorf, iċċitata iktar ’il fuq (ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet imsemmija iktar ‘il fuq tal-Avukat Ġenerali Alber fis-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 79 iktar ‘il fuq, punti 86 sa 89). Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li benefiċjarji effettivi fl-ebda każ ma jistgħu jiġu ddikjarati li skaditilhom il-preskrizzjoni permezz ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni quddiem il-qorti nazzjonali meta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ jew tal-kumplessità tal-kriterji stabbiliti minn din id-deċiżjoni sabiex l-għajnuna mogħtija tiġi ddefinita bħala mhux kompatibbli mas-suq komuni, suġġetta għall-obbligu ta’ rkupru, il-kwistjoni dwar jekk dawn il-benefiċjarji għandhomx l-obbligu jew le li jħallsu lura l-għajnuna inkwistjoni fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, setgħet inizjalment b’mod raġonevoli tqajjem ċerti dubji, b’tali mod li l-interess ġuridiku tagħhom ma kienx jidher ċar (Digriet Gruppo ormeggiatori del porto di Venezia et vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 31).

91      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata (Premessa 13), u mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti, jirriżulta li, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet taf in-numru preċiż ta’ impriżi benefiċjarji kif ukoll l-ammont totali, min-naħa, tat-tnaqqis ġenerali tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mogħtija skont l-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994 u, min-naħa l-oħra, tal-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-impjiegi l-ġodda skont l-Artikolu 2 ta’ dan id-Digriet Ministerjali, matul il-perijodu inkwistjoni.

92      Minn dan jirriżulta li l-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienu perfettament identifikabbli fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn dak li ntqal jirriżulta li l-impriżi rikorrenti għandhom jitqiesu bħala individwalment ikkonċernati minn din id-deċiżjoni.

93      Il-qari tal-ġurisprudenza (ara l-punti 74 sa 85, iktar ’il fuq), li fuqha hija bbażata din il-konklużjoni, hija kkonfermata mill-eżami tas-sistema Komunitarja ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, li tipprekludi li jiġu aċċettati l-kriterji u l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni, hekk kif jirriżulta mill-punti segwenti.

b)     Evalwazzjoni tal-kriterju bbażat fuq il-metodi ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna, fid-dawl tas-sistema Komunitarja ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat

94      L-eżami tas-sistema Komunitarja ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat tikkorrobora n-nuqqas ta’ rilevanza tal-kriterju dwar il-metodi ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna, invokat mill-Kummissjoni.

95      Jekk jiġi adottat, dan il-kriterju jwassal għal inċertezza legali għall-individwu, peress li d-determinazzjoni tal-qorti kompetenti tkun qabel kollox skont il-metodi ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, u wara, jekk din l-iskema kienet awtomatikament applikabbli, ta’ eventwali eżami tas-sitwazzjoni individwali ta’ wħud mill-benefiċjarji mill-Kummissjoni (ara l-punt 85, iktar ’il fuq). Madankollu, tali kriterju huwa nieqes minn kull ġustifikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta individwali, fis-sistema Komunitarja ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, il-metodi ta’ applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna ma jeżerċitaw l-ebda effett la fuq il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tidentifika lill-benefiċjarji, u lanqas fuq il-kontroll magħmul minn din l-istituzzjoni, u lanqas fuq il-portata tal-obbligu ta’ rkupru għall-benefiċjarji.

96      Fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-benefiċjarji effettivi ta’ skema ta’ għajnuna huma individwalizzati mill-appartenenza tagħhom fil-grupp magħluq ta’ persuni speċjalment milquta mill-ordni ta’ rkupru (ara l-punti 77 sa 84 iktar ’il fuq). Madankollu, peress li, f’kull każ, dawn il-benefiċjarji effettivi jikkostitwixxu preċiżament grupp magħluq, dawn huma dejjem perfettament identifikabbli matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, kemm jekk l-iskema jkollha applikazzjoni awtomatika jew jekk teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni individwali.

97      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-portata ġenerali ta’ kull skema ta’ għajnuna, xejn ma jiġġustifika a priori li n-natura u l-firxa tal-kontroll tal-Kummissjoni tvarja skont jekk din l-iskema tipprovdix li l-għajnuna tingħatax b’mod awtomatiku jew permezz ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni. Fil-fatt, fil-preżenza ta’ skema ta’ għajnuna illegali, bħala prinċipju hija l-Kummissjoni biss li għandha teżamina l-karatteristiċi ġenerali u astratti ta’ din l-iskema (ara l-punt 73, iktar ’il fuq). Konsegwentement, anki meta l-iskema ta’ għajnuna tkun ġiet eżegwita permezz ta’ deċiżjonijiet individwali li jimplikaw setgħa diskrezzjonali, il-Kummissjoni mhiex madankollu marbuta li tipproċedi għal evalwazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ għoti każ b’każ, u b’mod partikolari li tevalwa f’kull każ individwali jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE humiex sodisfatti.

98      Fit-tielet lok, matul il-proċedura nazzjonali ta’ rkupru, il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna ġiet implementata b’mod awtomatiku jew permezz ta’ deċiżjonijiet individwali m’għandu l-ebda effett fuq il-portata tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-benefiċjarji. Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet, l-awtoritajiet nazzjonali huma biss awtorizzati sabiex jimplementaw din id-deċiżjoni ġenerali u astratta. Huma ma jistgħux jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE humiex sodisfatti f’kull każ individwali (ara l-punti 98 sa 100 iktar ’il quddiem).

99      Barra minn hekk, il-fatt li l-għajnuna ġiet mogħtija permezz ta’ deċiżjonijiet individwali ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna, mhux neċessarjament inaqqas il-kumplessità tal-evalwazzjonijiet li għandhom isiru mill-awtoritajiet bil-għan li tiġi implementata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li fiha d-deċiżjonijiet individwali msemmija iktar ’il fuq bħala prinċipju ma jittieħdux inkunsiderazzjoni (ara l-punt 97, iktar ’il fuq). F’kull każ, hekk kif l-awtoritajiet nazzjonali jillimitaw ruħhom fil-każijiet kollha sabiex jimplementaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-livell ta’ kumplessità tal-evalwazzjonijiet tagħhom matul l-irkupru tal-għajnuna ma jikkostitwixxix kriterju rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk il-benefiċjarji effettivi humiex individwalment ikkonċernati jew le minn din id-deċiżjoni. Wara kollox, l-argument relatat mal-kumplessità ta’ tali evalwazzjonijiet, diġà invokat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-appell tagħha li wassal għas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq (punt 53 iktar ’il fuq), ġie miċħud b’mod impliċitu mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza.

c)     Fuq il-kompetenza allegata tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jivverifikaw f’kull każ individwali l-eżistenza ta’ għajnuna, matul l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ rkupru

100    Madankollu, sabiex jintwera li l-benefiċjarji effettivi ta’ skema ta’ għajnuna mhumiex individwalment ikkonċernati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ din l-iskema u li timponi l-irkupru tal-għajnuna mogħtija, il-Kummissjoni ssostni li, matul l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, l-Istat Membru kkonċernat huwa kompetenti mhux biss sabiex japplika l-kriterji mħabbra fid-deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll sabiex jivverifika f’kull każ individwali jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE humiex issodisfatti, fid-dawl tas-sitwazzjoni suġġettiva tal-impriża kkonċernata.

101    Madankollu, il-Kummissjoni ma tipprovdi l-ebda ġustifikazzjoni insostenn ta’ dan l-argument, jekk mhux li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni f’dan il-każ ma kellha l-ebda natura settorjali, iżda kienet tapplika għal kull impriża stabbilita fit-territorju insulari ta’ Venezia u ta’ Chioggia, b’tali mod li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tevalwa jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE kinux issodisfatti f’kull wieħed mid-diversi setturi ta’ attività kkonċernati. Għaldaqstant, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jwettaq dan il-kontroll.

102    Madankollu, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat, min-naħa, li l-Kummissjoni tidher li tissuġġerixxi, fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna multisettorjali u li timponi l-irkupru tal-għajnuna mogħtija, l-awtoritajiet nazzjonali huma awtomatikament awtorizzati sabiex jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE humiex sodisfatti, fis-setturi ta’ attività ekonomika li fihom il-Kummissjoni ma eżaminatx l-impatt tal-miżuri kkunsidrati fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u l-kompetizzjoni. Għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali hija funzjoni tal-firxa tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li ukoll tiddependi fuq l-informazzjoni kkomunikata lil din l-istituzzjoni matul il-proċedura amministrattiva, b’tali mod li d-delimitazzjoni tal-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali msemmija iktar ’il fuq hija suġġetta għal inċertezza legali (ara l-punti 85, iktar ’il fuq, u u 229 sa 234, iktar ’il quddiem).

103    Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni eskludiet biss mill-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, skont l-Artikolu 87(1) KE, dawk l-eżenzjonijiet mill-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali inkwistjoni li jirrispettaw ir-regola de minimis (ara l-punt 13, iktar ’il fuq). Fil-fatt, għalkemm il-parti dispożittiva tad-deċiżjoni kkontestata ma tagħmel l-ebda riferiment għar-regola de minimis, din hija ħaġa waħda mal-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, u għaldaqstant għandha tiġi interpretata fid-dawl u fil-kuntest tal-motivi kollha li wasslu għall-adozzjoni tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni, C‑355/95 P, Ġabra p. I‑2549, punt 21, u s-sentenza Alzetta et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 163). Konsegwentement, peress li fil-paragrafu 110 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ddikjarat li l-miżuri li jirrispettaw ir-regola de minimis ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87 KE, dawn il-miżuri mhumiex suġġetti għall-obbligu ta’ rkupru impost mill-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġu esklużi eżenzjonijiet oħra tal-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali inkwistjoni mill-obbligu ta’ rkupru, għaliex dawn ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE.

104    F’dan il-kuntest, l-argument imressaq mill-Kummissjoni, li fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet nazzjonali huma kompetenti sabiex jivverifikaw f’kull każ individwali jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE humiex sodisfatti, imkien ma hija kkonfermata fil-ġurisprudenza. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinvoka biss, fir-risposta tagħha, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑310/99, Ġabra p. I-2289), li minnha jirriżulta li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-motiv ibbażat fuq l-insuffiċenza ta’ motivazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Kummissjoni, fl-eżami tal-karatteristiċi tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u billi spjegat l-evalwazzjoni tagħha permezz tal-eżempju ta’ wieħed mis-setturi ta’ attività milqut minn din l-iskema, kienet stabbilixxiet biżżejjed fid-dritt li din l-iskema kienet tiżgura benefiċċju sinjifikattiv lill-benefiċjarji meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u kienet ta’ natura li essenzjalment tibbenefika lil impriżi li jieħdu sehem f’kummerċ bejn l-Istati Membri (punti 88 sa 90 tas-sentenza). B’insistenza fuq il-fatt li “[i]d-deċiżjoni kkontestata ma kellhiex ikollha analiżi tal-għajnuna mogħtija f’każijiet individwali fuq il-bażi ta’ din l-iskema”, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tgħid li: “[h]uwa biss fil-livell tal-irkupru tal-għajnuna li huwa neċessarju li tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata” (punt 91) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fin-nuqqas ta’ kull indikazzjoni f’dan is-sens, xejn ma jippermetti li din il-frażi tiġi interpretata bħala li tirreferi għal eżami individwali tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE matul il-proċedura ta’ rkupru tal-għajnuna. Bil-kontra, fil-kuntest tal-kwistjoni, iktar jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha sabiex tagħmel enfasi fuq in-natura suffiċjenti tal-analiżi ġenerali u astratta tal-iskema ta’ għajnuna li saret fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, billi enfasizzat li eżami tas-sitwazzjoni individwali tal-benefiċjarji tkun neċessarja biss sabiex tiġi rkuprata l-għajnuna preċiżament fl-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni (ara l-punti 73, iktar ’il fuq u 209, iktar ’il quddiem).

105    Barra minn hekk, is-soluzzjoni mogħtija f’dan il-każ mill-Kummissjoni hija kontradittorja mal-ġurisprudenza kostanti li tara li l-għajnuna illegali ma tingħatax trattament iktar favorevoli mill-għajnuna nnotifikata b’mod regolari. B’mod partikolari, ġie meqjus li, meta għajnuna ġdida tkun ingħatat mingħajr ma tkun ġiet innotifikata qabel, il-Kummissjoni mhix madankollu marbuta li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ impatt reali ta’ din l-għajnuna fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni. Fil-fatt, tali ħtieġa tiffavorixxi lill-Istati Membri li jagħtu għajnuna bi ksur tal-obbligu ta’ notifika għad-dannu ta’ dawk li jinnotifikaw l-għajnuna fl-istat ta’ proġett (ara b’mod partikolari is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Alzetta et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 79).

106    Madankollu, li jiġi aċċettat li l-Istat Membru kkonċernat jista’, fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda skema ta’ għajnuna illegali, jivverifika f’kull każ individwali jekk jeżistux il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, iwassal sabiex dan l-Istat Membru jingħata, f’każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ notifika tiegħu, setgħa li sa llum qatt ma ġiet irrikonoxxuta lilu mill-ġurisprudenza, meta deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun iddikjarat skema ta’ għajnuna nnotifikata bħala inkompatibbli mas-suq. Konsegwentement, jekk jiġi aċċettat l-argument tal-Kummissjoni, ikun biss ir-rikonoxximent ta’ setgħat simili tal-Istat ikkonċernat fil-preżenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara skema nnotifikata bħala inkompatibbli mas-suq komuni, li jippermetti li jiġi evitat ir-riskju ta’ trattament iktar favorevoli tal-għajnuna mhux innotifikata.

107    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, filwaqt li temmet ċerti dubji dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ notifikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 88(3) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li hija biss l-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE li hija suġġetta għall-proċedura ta’ notifika (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2005, Xunta de Galicia, C‑71/04, Ġabra 2005 p. I‑7419, punt 32). Skont l-istess loġika, fir-rigward tal-miżuri mogħtija bil-għan li jiġu kkumpensati l-ispejjeż maħluqa mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, Ġabra 2003 p. I‑7747, iktar ’il quddiem, is-“sentenza Altmark”, punti 87 u 94), jirriżulta li tali miżuri ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE u b’hekk m’għandhomx jiġu nnotifikati, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din is-sentenza. Min-naħa l-oħra, il-qorti Komunitarja għadha ma ġietx mitluba sabiex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk miżuri mogħtija, permezz ta’ skema ta’ għajnuna, kemm bħala eżempju lil entità li ma mhijiex impriża skont l-Artikolu 87(1) KE, jew, bħala kumpens, lil impriża inkarigata mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fil-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Altmark, iċċitata iktar ’il fuq, jidħlux fil-klassifikazzjoni ta’ għajnuna u għaldaqstant jistgħux jiġu implementati mingħajr awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, anki jekk din l-istituzzjoni kienet qabel iddikjarat l-iskema ta’ għajnuna bħala mhux kompatibbli mas-suq komuni.

108    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-kompetenza tal-Istat Membru kkonċernat, ikkonfermata mis-sentenza Xunta de Galicia, punt 107, iktar ’il fuq, li jiddefinixxi miżura fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, bil-għan li jistabbilixxi jekk din hijiex suġġetta għall-obbligu ta’ notifika u tar-rispett tal-effet sospensiv stabbilit fl-Artikolu 88(3) KE, ma tippermettilux li jaħrab mis-setgħa ta’ stħarriġ mogħtija lill-Kummissjoni mit-Trattat, meta din tkun iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni prevista mill-Artikolu 88(2) KE. Kemm fir-rigward tal-kontroll preliminari ta’ għajnuna nnotifikata jew tal-kontroll a posteriori ta’ għajnuna illegali, bħala prinċipju, dan il-kontroll jirrigwarda kemm lill-klassifikazzjoni bħala għajnuna, kif ukoll, jekk ikun il-każ, lill-kompatibbiltà tagħha, u bħala prinċipju dan isir mill-Kummissjoni abbażi tal-karatteristiċi ġenerali tal-iskema. B’hekk, is-soluzzjoni ssuġġerita f’dan il-każ mill-Kummissjoni tinvolvi mhux biss trasferiment ta’ setgħa kbira lill-Istat Membru kkonċernat, iżda wkoll modifika tas-sustanza tal-kontroll tal-iskemi ta’ għajnuna, peress li l-Istat Membru jkun jista’ jieħu inkunsiderazzjoni b’mod sistematiku, matul l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, is-sitwazzjoni individwali ta’ kull benefiċjarju sabiex jikklassifika lill-miżura li jkun ibbenefika minnha, minkejja l-konstatazzjoni minn din l-istituzzjoni ta’ impatt tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u l-kompetizzjoni. Madankollu, anki quddiem skema multisettorjali, ir-rikonoxximent ta’ tali kompetenza mhuwiex iġġustifikat għall-finijiet tal-applikazzjoni ċara tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, matul l-evalwazzjoni ta’ tali skema mill-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu l-possibbiltà, billi b’mod gradwali jiġbed l-attenzjoni ta’ din l-istituzzjoni fuq is-sitwazzjoni tas-suq f’setturi ta’ attività partikolari, li jwassal lill-Kummissjoni sabiex tivverifika b’mod partikolari jekk, f’dawn is-setturi, l-iskema ta’ għajnuna hiex kapaċi li tolqot il-kummerċ intra-Komunitarju u li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara l-punti 231 sa 233, iktar ’il quddiem). Barra minn hekk, huwa l-Istat Membru kkonċernat li, jekk jagħti l-każ, għandu jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq is-sitwazzjoni individwali partikolari ta’ ċerti impriżi (ara l-punt 209, iktar ’il quddiem).

109    Barra minn hekk, is-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni timplika bdil fil-metodi ta’ azzjoni tagħha. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni qieset li l-Istat Membru kkonċernat wettaq żball matul l-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-irkupru tal-għajnuna mogħtija, hija għandha d-dritt, mhux li terġa tiftaħ il-proċedura prevista mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE, iżda li tippreżenta rikors direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE.

110    Għaldaqstant, minħabba l-portata tagħha, is-soluzzjoni ssuġġerita f’dan il-każ mill-Kummissjoni hija differenti mis-soluzzjoni mogħtija fir-rigward tas-servizzi pubbliċi fis-sentenza Altmark, punt 107 iktar ’il fuq, li tħalli f’idejn l-Istati Membri l-kura li jevalwaw il-miżuri li, mogħtija bħala korrispettiv għall-amministrazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, jevitaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat u, konsegwentement, l-obbligu ta’ notifika. Madankollu, tali miżuri jistgħu jkunu suġġetti għal kontroll a posteriori tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni prevista mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE.

111    Fl-istat attwali tar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat u tal-ġurisprudenza, ir-rikonoxximent tas-setgħa tal-Istat Membru kkonċernat sabiex jevalwa f’kull każ individwali jekk ikunux jeżistu l-kundizzjonijiet kollha ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara skema ta’ għajnuna bħala inkompatibbli u li timponi l-irkupru tal-għajnuna mogħtija, huwa ta’ natura li jfixkel il-portata u l-effettività tal-kontroll eżerċitat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni prevista mill-Artikolu 88(2) KE, li matulha din l-istituzzjoni normalment tipproċedi għall-klassifikazzjoni ta’ għajnuna, qabel ma tiddikjaraha, jekk ikun il-każ, bħala inkompatibbli mas-suq komuni.

112    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-impriżi rikorrenti għandhom locus standi kontra d-deċiżjoni kkontestata.

F –  Fuq l-allegat nuqqas ta’ locus standi tal-kumitat “Venezia vuole vivere”, fil-Kawża T-277/00

113    Il-Kummissjoni ssostni li l-kumitat, li jiġbor fih lil diversi assoċjazzjonijiet professjonali, ma ppreżenta l-ebda element li jippermetti li jiġi pprovat li waħda jew diversi minn dawn l-assoċjazzjonijiet kienu individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil-kwalità ta’ negozjaturi fl-elaborazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata. Minbarra dan, l-impriżi membri ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet mhumiex huma stess individwalment ikkonċernati.

114    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, peress li l-impriża rikorrenti Coopservice għandha locus standi, mhemmx lok għalfejn jiġi evalwat il-locus standi tal-kumitat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra 1993 p. I‑1125, punt 31). Għaldaqstant, ir-rikors ippreżentat minn Coopservice u mill-kumitat fil-Kawża T-277/00 huwa għalhekk ammissibbli.

115    Barra minn hekk, u f’kull każ, għandu jingħad ukoll li l-kumitat, fil-kwalità tiegħu ta’ korp li jiġbor fih assoċjazzjonijiet professjonali li jirrappreżentaw lil impriżi stabbiliti f’Venezia jew fi Chioggia u li minħabba dan il-fatt jibbenefika mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, huwa direttament u individwalment milqut mid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dan jaġixxi minflok u f’isem il-membri tiegħu li setgħu huma stess ippreżentaw rikors li kien jiġi ddikjarat ammissibbli (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il-Kummissjoni, T-447/93 sa T-449/93, Ġabra p. II‑1971, punt 60).

116    Isegwi li dawn ir-rikorsi huma ammissibbli fl-integralità tagħhom.

 Fuq il-mertu

117    Ir-rikorrenti jikkontestaw id-deċiżjoni kkontestata peress li, minn naħa, din tikklassifika l-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni u, min-naħa l-oħra, din timponi obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna mogħtija.

G –  Fuq il-klassifikazzjoni allegatament żbaljata tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni

118    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jqajmu numru ta’ motivi bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE, tal-Artikolu 86(2) KE u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni u tan-natura kontradittorja tal-motivazzjoni. Fit-tieni lok, huma jinvokaw il-ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, fit-tielet lok, il-ksur tal-Artikolu 87(3)(d) KE, fir-raba’ lok, il-ksur tal-Artikolu 87(3)(e) KE u, fil-ħames lok, il-ksur tal-Artikolu 87(3)(b) KE u tal-Artikolu 87(2)(b) KE.

1.     Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 87(1) KE u tal-Artikolu 86(2) KE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, u l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni u kontradizzjoni fil-motivazzjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

 L-argumenti tar-rikorrenti

–       Kawża T-254/00

119    Ir-rikorrenti, Hotel Cipriani, tinvoka l-ksur tal-Artikolu 87(1) KE u n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

120    Fl-ewwel lok, hija tosserva li d-deċiżjoni kkontestata (Premessi 49, 50 u 58) hija vvizzata minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, li tirriżulta min-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tan-natura lokali tas-suq ikkonċernat.

121    Hija tallega li l-Kummissjoni hija marbuta li tevalwa l-karatteristiċi, il-metodi u l-kontenut tal-miżuri kkunsidrati, b’tali mod li tkun tista’ tevalwa l-effetti tagħhom fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni, abbażi ta’ eżami settorjali.

122    Tnaqqis fl-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-iskemi ta’ għajnuna barra minn hekk iġib ħsara għall-kontroll sħiħ tal-qorti Komunitarja dwar il-klassifikazzjoni ta’ miżura fir-rigward tal-Artikolu 87(1) KE.

123    F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda riferiment, lanqas fil-qosor, għas-swieq tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, u lanqas għall-kurrenti ta’ importazzjoni jew ta’ esportazzjoni u għall-pożizzjoni tal-impriżi kkonċernati fuq dawn is-swieq. B’mod partikolari, imkien ma jissemmew is-setturi tal-lukandi u tar-ristoranti.

124    Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Taljani m’għandhomx l-obbligu li jiddeterminaw u jevalwaw is-sitwazzjoni ta’ kull benefiċjarju, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru tal-għajnuna. Effettivament, dawn l-awtoritajiet huma marbuta li jadottaw b’mod awtomatiku l-konklużjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, f’dan il-każ, matul l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet Taljani kellhom, preċiżament minħabba n-nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, jitolbu kjarifiki lill-Kummissjoni sabiex ikunu jistgħu jiddeterminaw l-impriżi li bbenefikaw minn miżuri li jissodisfaw il-kriterju tal-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju (ara r-risposti tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Awwissu u tad-29 ta’ Ottubru 2001, annessi mar-risposti tal-Gvern Taljan tat-12 ta’ Marzu 2004 għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza).

125    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wetqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u b’hekk kisret l-Artikolu 87(1) KE, meta bbażat ruħha fuq preżunzjoni “ġenerika” minflok ma ħadet inkunsiderazzjoni n-natura lokali tas-suq ikkonċernat.

126    Matul is-seduta, ir-rikorrenti enfasizzat li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq tali preżunzjoni, peress li hija kienet f’pożizzjoni li tkun taf li l-miżuri kkunsidrati favur ċerti kategoriji ta’ impriżi ma setgħux jolqtu l-kummerċ intra-Komunitarju u li jeżerċitaw effett fuq il-kompetizzjoni.

127    Madankollu, in-natura lokali tal-attivitajiet tal-lukandi u tar-ristoranti ġiet ikkonfermata b’mod ġenerali, b’mod partikolari permezz tal-qafas tal-għajnuna mill-Istat lill-impriżi f’żoni urbani żvantaġġati (ĠU 1997, C 146, p. 6). Fil-fatt, il-konsumaturi jagħżlu lukanda fil-lokalità jew l-iktar viċin possibbli tal-lokalità fejn iżuru.

128    Barra minn hekk, u f’kull każ, is-suq tal-lukandi f’Venezia għandu natura speċifika. Minħabba attrazzjoni qawwija ta’ din il-belt, l-impriżi tal-lukandi ta’ Venezia ma jinsabux f’kompetizzjoni ma’ impriżi tal-istess settur, stabbiliti fi bliet oħra. Il-kriterju ta’ għażla tal-konsumaturi ma jinsabx fil-prezz, iżda fil-pożizzjoni tal-lukandi. Għaldaqstant, il-miżuri inkwistjoni ma jistgħux jeżerċitaw impatt, anki potenzjali, fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u fuq il-kompetizzjoni.

129    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha l-informazzjoni neċessarja partikolarment dwar in-natura speċifika tas-settur tal-lukandi f’Venezia, b’mod partikolari minħabba l-parteċipazzjoni tal-kumitat “Venezia vuole vivere” fil-proċedura amministrattiva. Minbarra dan, l-informazzjoni dwar is-setturi kkonċernati u n-numru ta’ impriżi benefiċjarji kienu ġew trażmessi lilha mill-awtoritajiet Taljani (ara l-Premessi Nru 6 u 13 tad-deċiżjoni kkontestata). F’kull każ, hija kellha titlob informazzjoni addizzjonali lil dawn l-awtoritajiet dwar is-sitwazzjoni tad-diversi benefiċjarji, skont il-proċeduri previsti mir-Regolament Nru 659/1999, u b’hekk mingħajr ma tirrikorri neċessarjament għal ordni.

130    Barra minn hekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata ma tinftiehemx u hija kontradittorja, peress li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni biss id-dimensjoni lokali ta’ ċerti servizzi kollettivi.

131    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u b’hekk kisret l-Artikolu 87(1) KE, meta ħadet inkunsiderazzjoni xi spejjeż addizzjonali mħallsa mill-impriżi li joperaw f’Venezia, sabiex tevalwa jekk il-miżuri inkwistjoni kinux ta’ natura li jagħtu vantaġġ ekonomiku effettiv lill-benefiċjarji tagħhom. Barra minn hekk, anki fuq dan il-punt, id-deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjentement immotivata.

132    L-imsemmija spejjeż addizzjonali huma ta’ bejn 8 u 12 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati, skont ir-rapport tal-kabinett tal-esperti tat-8 ta’ Settembru 2000 imressaq mir-rikorrenti. Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, dawn kienu ġew stmati fid-dawl ta’ punti ta’ riferenza konkreti u oġġettivi.

133    Dawn l-ispejjeż addizzjonali ma jirriżultawx minn fatturi makroekonomiċi, marbuta pereżempju mal-ispejjeż tal-kreditu, mat-tassazzjoni jew mal-kundizzjonijiet tal-kambju, iżda mill-fatt biss li l-attività hija eżerċitata f’Venezia. Dawn huma biss parzjalment koperti mill-miżuri inkwistjoni, liema ħaġa tispjega għalfejn il-prezzijiet ta’ Hotel Cipriani huma ogħla minn dawk operati normalment mill-istabbilimenti li jinsabu f’postijiet oħra.

–       Kawża T-270/00

134    Ir-rikorrenti, il-kumpannija Italgas, tosserva li l-awtoritajiet Taljani kienu pprovdew lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar l-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni mqassma għal kull settur. Għaldaqstant, din l-istituzzjoni kellha tipproċedi għal evalwazzjoni sħiħa, anki b’mod sommarju, tal-impatt prevedibbli tal-miżuri kkunsidrati dwar il-kummerċ intra-Komunitarju u l-kompetizzjoni, fis-setturi ta’ attività inkwistjoni.

135    Barra minn hekk, il-linji gwida tat-12 ta’ Diċembru 1995 dwar għajnuna għall-impjieg (ĠU, C 334, p.4) jipprovdu espressament li l-miżuri favur l-impjieg, “li jikkonċernaw attivitajiet li mhumiex is-suġġett ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri (pereżempju, is-servizzi ta’ viċinat, ċerti inizjattivi lokali ta’ impjieg)” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE.

136    Fl-ewwel lok, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li din ma fihiex eżami suffiċjenti tal-fatti.

137    Ir-rikorrenti tikkontesta li, fid-deċiżjonijiet dwar l-iskemi ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tagħmel referenza għax-“xenarju l-anqas favorevoli” (worst case scenario). Għalkemm tali deċiżjoni teżamina biss l-agħar każ, u madankollu kellha magħha obbligu ta’ rkupru ta’ portata ġenerali, għandhom jiġu ppreċiżati liema awtorità, f’liema ċirkustanzi u abbażi ta’ liema kriterji, din tista’ tiddetermina jekk il-każ li ttieħed inkunsiderazzjoni seħħx, u għal liema operaturi jew kategoriji ta’ operaturi.

138    Matul is-seduta, ir-rikorrenti enfasizzat li, meta l-Kummissjoni teżamina skema ta’ għajnuna, hija għandha kompetenza esklużiva sabiex tapplika d-dispożizzjonijiet materjali tal-Artikolu 87 KE. Fil-fatt, fis-sistema attwali ta’ kontroll Komunitarju tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni m’għandhiex il-possibbiltà li tiddelega s-setgħat diskrezzjonali tagħha lill-awtoritajiet nazzjonali. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tagħha għandha jkollha l-motivazzjoni neċessarja sabiex il-qorti Komunitarja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq din id-deċiżjoni, u lill-awtoritajiet nazzjonali li jimplementaw l-ordni ta’ rkupru taħt l-istħarriġ tal-qorti nazzjonali, li waħedha għandha tiżgura l-osservazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

139    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tosserva li d-deċiżjoni kkontestata ma kienx fiha l-elementi kollha meħtieġa għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tagħha fir-rigward ta’ Italgas. Għaldaqstant, sabiex jordnaw ir-rifużjoni tal-għajnuna allegata, l-awtoritajiet nazzjonali bbażaw ruħhom fuq l-evalwazzjoni li tinsab fl-ittra tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ottubru 2001, imsemmija iktar ’il fuq. Madankollu, peress li tali evalwazzjoni saret wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, din ma tistax validament tagħti lok għal rinviju preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

140    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk jiġi aċċettat li l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet fil-preżenza ta’ skema ta’ għajnuna, dan iwassal għal dgħajfien fl-obbligu ta’ eżami diliġenti u imparzjali tagħha, u konsegwentement, għal tnaqqis fil-possibbiltà li tiġi kkontestata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

141    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ evalwazzjoni ċar u b’hekk kisret l-Artikolu 87(1) KE, meta rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura kumpensatorja tal-miżuri inkwistjoni, mingħajr lanqas ma għamlet evalwazzjoni sommarja tal-kundizzjonijiet tas-suq.

142    F’dan il-każ, matul il-proċedura amministrattiva, l-awtoritajiet Taljani, filwaqt li bbażaw fuq ir-rapport COSES, invokaw l-ispejjeż żejda mħallsa mill-impriżi li joperaw fuq il-gżejjer tal-laguna. Huma qiesu li dawn l-impriżi kienu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-volatilità tax-xogħol, ma’ dik tal-impriżi tal-Mezzogiorno. Fil-fatt, it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni jikkumpensa biss, għall-inqas parzjalment, il-kundizzjonijiet sfavorevoli tas-suq tax-xogħol fiż-żona tal-laguna, u b’hekk sabiex irażżan l-eżodu tal-impriżi lejn l-art. Peress li dawn il-miżuri huma b’mod leġittimu intiżi sabiex iqabblu l-ispejjeż imħallsa mill-impriżi kkonċernati ma’ dawk imħallsa mill-impriżi stabbiliti fuq l-art, fejn l-spejjeż żejda għandhom jiġu evalwati b’riferiment għall-ispejjeż fuq l-art. F’kull każ, id-deċiżjoni kkontestata hija mingħajr motivazzjoni fuq dan il-punt, peress li l-Kummissjoni ma pprovatx li l-ispejjeż imħallsa mill-impriżi tal-laguna kienu jinsabu fil-medja Komunitarja.

143    Fit-tielet lok, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mhijiex biżżejjed, fiha kontradizzjonijiet ċari u għandha natura diskriminatorja, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, b’mod partikolari flimkien mal-Artikolu 86 KE.

144    Fil-fatt, fir-rigward tal-impriżi muniċipali, il-Kummissjoni vverifikat b’mod individwali jekk kinux jeżistu l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE.

145    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma analizzatx is-sitwazzjoni tal-impriżi l-oħra kollha li essenzjalment sabu ruħhom f’sitwazzjoni simili għal dik tal-impriżi muniċipali. Din id-differenza fit-trattament mhijiex iġġustifikata mill-fatt li kienet ġiet invokata deroga favur l-impriżi muniċipali abbażi tal-Artikolu 86(2) KE.

146    L-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, il-kontradizzjoni fil-motivazzjoni u l-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali huma iktar ċari f’dak li jirrigwarda lil Italgas. Fil-fatt, fil-perijodu meħud inkunsiderazzjoni (1995-1996), is-settur tad-distribuzzjoni tal-gass fuq livell urban, li kienet topera fih il-kumpannija Veneziana Gas li wara ġiet assorbita minn Italgas, ma kienx ġie lliberalizzat. Għaldaqstant, fin-nuqqas totali ta’ kummerċ u ta’ kompetizzjoni, l-eżenzjonijiet miksuba minn Veneziana Gas b’hekk ma setgħux jolqtu l-kummerċ intra-Komunitarju u l-kompetizzjoni ħielsa. Fil-fatt, il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-gass inbdiet fuq livell Komunitarju permezz tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/30/KE, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tirrigwarda regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali (ĠU L 204, p. 1). Barra minn hekk, matul il-perijodu li ttieħed inkunsiderazzjoni, Veneziana Gas ibbenefikat minn monopolju legali komunali, taħt forma ta’ skema ta’ konċessjoni esklużiva, għad-distribuzzjoni u l-provvista ta’ gass fit-territorju tal-komun ta’ Venezia.

147    Barra minn hekk, id-distribuzzjoni tal-gass fuq livell komunali kienet tirrappreżenta servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Ir-responsabbiltà tat-tħaddim ta’ dan is-servizz kienet ġiet assenjata lil Veneziana Gas permezz ta’ att taħt l-awtorità tal-amministrazzjoni komunali li jmur lura għall-1970, li kien jindika b’mod ċar in-natura u l-perijodu tal-obbligi ta’ servizz pubbliku kif ukoll it-territorju lokali kkonċernat. Dan l-att kien ipprovda l-iffissar tat-tariffi applikabbli mill-awtoritajiet kompetenti, skont parametri uniformi għall-Italja kollha.

148    Sabiex jiġu evalwati l-ispejjeż żejda li kellha tħallas Veneziana Gas, l-ispejjeż imħallsa minn din il-kumpannija kellhom b’mod loġiku jiġu pparagunati ma’ dawk tal-impriżi l-oħra li tapplika għalihom l-istess sistema tariffarja, iddefinita fuq livell nazzjonali.

149    F’dan il-każ, is-sitwazzjoni ta’ Veneziana Gas fil-perijodu meħud inkunsiderazzjoni, kien b’mod partikolari jixbah lil dik tal-impriża muniċipali ASPIV. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat li l-eżenzjonijiet mogħtija lil ASPIV, inkarigata bis-servizz ta’ tmexxija integrali tal-ilma, kienu esklużivament intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż supplementari li jirriżultaw mit-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku fdata lil din l-impriża.

150    Ir-Repubblika Taljana, li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-kumpannija Italgas, tosserva li, fid-dawl tal-ammont relattivament dgħajjef tal-eżenzjonijiet meħuda inkunsiderazzjoni, il-Kummissjoni kellha tidentifika s-setturi kkonċernati u tiddetermina b’mod sistematiku lil dawk fosthom li kienu kkaratterizzati minn kompetizzjoni attiva. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kkontestatx l-affermazzjonijiet tal-awtoritajiet Taljani u tat-terzi kkonċernati, li jgħidu li l-impriżi stabbiliti fiż-żona tal-laguna ta’ Venezia b’mod ġenerali kienu jeżerċitaw kemm attivitajiet ta’ servizz pubbliku lokali, kif ukoll attivitajiet artiġġjanali jew kummerċjali marbuta mill-qrib mat-territorju insulari, b’tali mod li huma ma kinux f’kompetizzjoni mal-impriżi stabbiliti barra minn dan it-territorju.

151    Barra minn hekk, il-Gvern Taljan jinvoka n-natura kumpensatorja tal-miżuri inkwistjoni. B’mod partikolari, huwa jibbaża ruħu fuq is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1999, Franza vs Il-Kummissjoni (C-251/97, Ġabra 1999 p. I-6639, punti 40 sa 47), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li t-tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali huwa intiżi bħala kumpens għall-ispejjeż żejda mħallsa mill-impriżi ta’ ċerti setturi wara l-ftehim kollettivi, ma jistax jeskludihom mill-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat. B’mod kuntrarju, jirriżulta li għalkemm il-kawżi tal-ispejjeż żejda ma jirriżultawx mill-għażla libera mill-impriża kkonċernata fir-rigward ta’ vantaġġi miksuba f’ċerti oqsma bħala korrispettiv ta’ konċessjonijiet aċċettati f’oqsma oħra, il-miżuri ta’ kumpens ta’ dawn l-ispejjeż żejda “mhux mixtieqa” ma jistgħux jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat. Madankollu, f’dan il-każ, l-ispejjeż żejda invokati huma neċessarjament imħallsa mill-impriżi kollha li joperaw fiż-żona insulari. Għaldaqstant, il-kumpens parzjali tagħhom permezz tal-miżuri inkwistjoni ma jistax jitqies bħala għajnuna mill-Istat.

–       Kawża T-277/00

152    Ir-rikorrenti, il-kumpannija Coopservice u l-kumitat jinvokaw il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE u l-obbligu ta’ motivazzjoni.

153    Fl-ewwel lok, il-miżuri inkwistjoni għandhom natura ta’ kumpens fir-rigward tal-kontribuzzjoni tal-impriżi preżenti fit-territorju tal-laguna, għall-konservazzjoni tal-patrimonju arkitettoniku u kulturali ta’ Venezia. Skont ir-rapport COSES, imsemmi iktar ’il fuq, dawn jirrappreżentaw 2,9 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi benefiċjarji, filwaqt li l-ispejjeż żejda li jirriżultaw mill-lokalizzazzjoni tagħhom f’Venezia jilħqu 9,5 % ta’ dan id-dħul mill-bejgħ. Wara kollox, in-neċessità li jiġu kkumpensati l-ispejjeż żejda mħallsa mill-operaturi fir-reġjuni insulari ġiet imħabbra b’mod partikolari fid-dikjarazzjoni Nru 30 dwar ir-reġjuni insulari, annessa mal-att finali tat-Trattat ta’Amsterdam u fl-Artikolu 130 A tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 158 KE).

154    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma pprovatx li l-ispejjeż imħallsa mill-impriżi li joperaw fuq l-art, li għamlu riferiment għalihom l-awtoritajiet Taljani għall-paragun, kienu jirriflettu realtà iktar vantaġġuża minn dik tal-medja Komunitarja, u li bil-kontra, l-ispejjeż imħallsa mill-impriżi tal-laguna kienu konformi mal-medja Komunitarja.

155    Barra minn hekk, il-Kummissjoni – meta vverifikat jekk il-miżuri inkwistjoni kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE – kisret is-superjorità tar-regoli tal-koeżjoni ekonomika u soċjali fuq dawk tal-kompetizzjoni. Hija tagħti preċedenza lit-tieni, bi ksur tal-Artikolu 2 UE. Madankollu, skont ir-rikorrenti, il-miżuri inkwistjoni kienu jippermettu r-realizzazzjoni tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 imsemmi iktar ’il fuq.

156    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tinvoka l-ammont dgħajjef ta’ eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali li bħala medja bbenefikaw minnhom kull wieħed mill-operaturi inkwistjoni. Hija tallega li l-parti l-kbira tal-impriżi li bbenefikaw mill-miżuri inkwistjoni kienu jeżerċitaw l-attività tagħhom fuq livell esklużivament lokali. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssemmi l-impriżi li joperaw fis-setturi tal-lukandi, tat-trasport lokali jew tat-tindif. Wara kollox, l-esklużjoni tal-impriżi li joperaw biss fil-livell lokali tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE kienet ġiet ikkonfermata mill-Kummissjoni mhux biss, pereżempju, fil-linji gwida dwar l-għajnuna għall-impjieg, iċċitati iktar ’il fuq, u fil-komunikazzjoni dwar il-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat lil-SME, iċċitata iktar ’il fuq, iżda wkoll fid-deċiżjoni kkontestata stess (Premessi 90, 91 u 93), f’dak li jirrigwarda lil ċerti impriżi muniċipali.

157    F’dan il-kuntest, id-deċiżjoni kkontestata hija wkoll ivvizzjata minn kontradizzjoni ta’ motivazzjoni u minn ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

158    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti, abbażi tad-dokumenti mressqa mill-Kummissjoni fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza, osservaw l-ekwivalenza tal-informazzjoni u tat-talbiet intiżi għan-nonapplikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, trażmessi lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, f’dak li jirrigwarda, min-naħa waħda, lill-impriżi muniċipali u, min-naħa l-oħra, lil ċerti setturi ta’ attivitajiet lokali.

159    Fil-fatt, il-komun ta’ Venezia ma kienx identifika l-impriżi li fir-rigward tagħhom huwa talab deroga abbażi tal-Artikolu 86 (2) KE, u ma invokax il-karattru lokali tas-suq li kienu joperaw fih. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-eżenzjonijiet mill-eżenzjonijiet tas-sigurtà soċjali favur l-impriżi muniċipali ACTV u AMAV u tal-impriża Panfido ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, minħabba l-karattru lokali tas-swieq ikkonċernati. Madankollu, fl-osservazzjonijiet tagħhom tat-23 ta’ Jannar 1999, l-awtoritajiet Taljani pprovdew il-lista tas-setturi li fihom l-impriżi ma kinux normalment jipparteċipaw fil-kummerċ, inklużi s-setturi tal-bini, tal-kummerċ, tal-lukandi kif ukoll tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Barra minn hekk, it-tabelli tal-INPS, imsemmija iktar ’il fuq, annessi ma’ dawn l-osservazzjonijiet, kellhom fihom numru ta’ impriżi benefiċjarji u n-numru ta’ impjegati kkonċernati, għal kull settur ta’ attività. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Marzu 1998, il-kumitat “Venezia vuole vivere” enfasizza li n-natura partikolari, prinċipalment lokali, tal-attivitajiet eżerċitati mill-parti il-kbira tal-impriżi benefiċjarji tiċħad l-istabbiliment ta’ dawn l-impriżi f’suq ikkaratterizzat minn kompetizzjoni b’saħħitha, u kellha bħala konsegwenza li anki eventwali impatt fuq il-volum tal-kummerċ bejn l-Istati Membri f’kull każ kien minimu. Fl-aħħar, ir-rapport tal-COSES ta’ Marzu 1998 b’mod partikolari janalizza s-setturi tal-kummerċ, tal-lukandi, tas-servizzi u tal-attivitajiet artiġġjanali, bħax-xogħol tal-ħġieġ ta’ Murano, li fihom is-swieq kienu limitati għaċ-ċentru storiku jew l-iktar għat-territorju tal-komun ta’ Venezia.

160    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha titlob informazzjoni addizzjonali lil impriżi li kienu akbar, pereżempju permezz ta’ ordni lill-awtoritajiet Taljani, hekk kif għamlet għall-impriżi muniċipali.

161    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jqisu li s-sitwazzjoni tal-kumpannija Coopservice kienet simili għal dik ta’ AMAV (Premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata), peress li ż-żewġ impriżi kienu jeżerċitaw l-istess attività ta’ ġestjoni ta’ servizzi ta’ tindif u ta’ manutenzjoni, fuq livell esklużivament lokali.

162    Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija mingħajr motivazzjoni. Hija ma tinkludi l-ebda analiżi tal-impatt tal-miżuri kkunsidrati fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u l-kompetizzjoni, iżda tibbaża ruħha biss fuq preżunzjonijiet

163    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jinvokaw il-ksur tal-Artikolu 86 (2) KE. Dawn jallegaw li l-kumpannija Coopservice kienet tipprovdi servizzi ta’ tindif u ta’ manutenzjoni lil entitajiet pubbliċi u privati fil-belt ta’ Venezia, bil-għan li tissodisfa interess ġenerali.

 L-argumenti tal-Kummissjoni

164    Il-Kummissjoni tfakkar li, matul l-evalwazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna, hija tista’ tillimita ruħha sabiex tevalwa l-karatteristiċi ġenerali ta’ din l-iskema. Hija għandha tibbaża ruħha fuq ix-xenarju l-aktar żfavorevoli (worst case scenario), kemm sabiex tikklassifika l-iskema meħuda inkunsiderazzjoni kif ukoll, jekk ikun il-każ, sabiex tevalwa l-kompatibbilità tagħha mas-suq komuni.

165    F’dan il-każ, il-fatt li l-awtoritajiet Taljani pprovdew lill-Kummissjoni b’informazzjoni mqassma skont is-settur, li b’mod partikolari tindika n-numru ta’ impriżi teoretikament milquta mill-iskema, ma jibdilx il-fondatezza ta’ dan l-approċċ. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma setgħetx ibbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq din l-informazzjoni speċifika miġbura mill-awtoritajiet Taljani wara l-implementazzjoni illegali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, mingħajr ma tagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-benefiċċju ta’ analiżi konkreta ex post.

166    Fid-dawl tal-informazzjoni li kellha, il-Kummissjoni kienet ivverifikat biżżejjed fid-dritt, fid-deċiżjoni kkontestata (Premessa 49), ir-rispett tal-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87 (1) KE.

167    Huma l-awtoritajiet nazzjonali, fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li għandhom iwettqu evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali ta’ kull benefiċjarju.

168    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali għandhom jirrispettaw l-evalwazzjoni tal-inkompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna magħmula minnha, bla ħsara għall-possibbiltà li l-qrati jressqu talba għall-validità quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 234 KE. Min-naħa l-oħra, matul l-irkupru tal-għajnuna mogħtija, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw ruħhom li, fil-każ individwali, il-miżura effettivament tkun tikkostitwixxi għajnuna, kemm jekk tkun għajnuna ġdida u kemm jekk ma tkunx ġiet iddikjarata bħala kompatibbli abbażi ta’ regolament ta’ eżenzjoni jew ta’ deċiżjoni oħra tal-Kummissjoni.

169    F’kull każ, il-Kummissjoni tikkontesta li l-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali inkwistjoni li bbenefikaw minnhom ir-rikorrenti ma kellhom l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. L-attività ta’ akkomodazzjoni fil-lukandi f’Venezia tista’ f’ċerti każijiet tkun is-suġġett ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri. F’dak li jirrigwarda s-suq tal-provvisti ta’ servizzi ta’ tindif fuq skala industrijali, li topera fiha Coopservice, dan jista’ jkun ta’ interess anki għall-impriżi mhux nazzjonali, b’mod partikolari jekk l-inkarigi mogħtija jkollhom valur ekonomiku sinjifikattiv. Fl-aħħar nett, m’hemm l-ebda dubju li Italgas, li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-suq tal-enerġija, tinsab f’kompetizzjoni mal-operaturi ta’ Stati Membri oħra.

170    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri inkwistjoni m’għandhomx natura kumpensatorja li tippermetti li dawn jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

171    Ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, dwar l-għoti ta’ vantaġġ ekonomiku, għall-assenjazzjoni tal-kummerċ intra-Komunitarju u għall-impatt fuq il-kompetizzjoni, mhumiex sodisfatti f’dan il-każ. Huma jallegaw li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għandha natura kumpensatorja u, b’hekk, ma tagħti l-ebda benefiċċju lill-benefiċjarji tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx tat prova li din l-iskema setgħet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u jkollha impatt fuq il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn insuffiċjenza jew nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-imsemmija kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE.

172    Barra minn hekk, Italgas (Kawża T-270/00) u Coopservice kif ukoll il-kumitat (Kawża T-277/00) isostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija diskriminatorja u kontradittorja, peress li l-Kummissjoni wettqet eżami tas-sitwazzjoni individwali tal-impriżi muniċipali biss. Din id-dispożizzjoni tikser ukoll l-Artikolu 86(2) KE.

173    Ikun konvenjenti li jinġabru flimkien dawn il-motivi kollha bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE, tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, b’tali mod li l-ewwel jiġu eżaminati fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ għoti ta’ vantaġġ, li jirriżulta min-natura allegatament kumpensatorja tal-miżura inkwistjoni, u wara fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ assenjazzjoni tal-kummerċ intra-Komunitarju u tal-impatt fuq il-kompetizzjoni.

 Fuq l-allegat nuqqas ta’ vantaġġ, minħabba n-natura allegatament kumpensatorja tal-miżuri kkunsidrati

174    Sabiex tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, skont l-Artikolu 87(1) KE, miżura għandha b’mod partikolari tkun ta’ natura li tagħti vantaġġ selettiv, għall-benefiċċju esklużiv ta’ xi impriżi jew ta’ ċerti setturi ta’ attività. Dan l-artikolu huwa intiż fil-fatt għall-għajnuna li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni “billi tivvaforixxi xi impriżi jew xi produzzjonijiet”.

175    F’dan il-każ, il-miżura inkwistjoni tikkonsisti fl-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali favur kull impriża stabbilita fit-territorju ta’ Venezia u ta’ Chioggia. Ir-rikorrenti ma jikkontestawx in-natura selettiva ta’ dawn l-eżenzjonijiet, li f’dan il-każ tirriżulta mill-ispeċifiċità tar-reġjun (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C-88/03, Ġabra 2006 p. I-7115).

176    Barra minn hekk, m’hemmx dubju li l-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni jnaqqsu l-ispejjeż li normalment huma ta’ piż fuq il-baġit ta’ impriża u minħabba f’hekk jagħtu vantaġġ finanzjarju lill-benefiċjarji tagħhom meta mqabbla mal-impriżi suġġetti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C-387/92, Ġabra 1994 p. I-877, punti 13 u 14).

177    Madankollu, ir-rikorrenti jqisu li l-iskema ta’ eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni ma tagħti l-ebda vantaġġ lill-benefiċjarji tagħha, peress li din għandha natura kumpensatorja.

178    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti kollha jsostnu li l-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni jillimitaw ruħhom sabiex jikkumpensaw parzjalment l-iżvantaġġi strutturali rrappreżentati mill-ispejjeż żejda mħallsa mill-impriżi li joperaw fuq il-gżejjer tal-laguna. Barra minn hekk, Italgas (Kawża T-270/00) u Coopservice kif ukoll il-kumitat (Kawża T-277/00) josservaw li l-eżenzjonijiet kienu jirrappreżentaw kumpens parzjali ta’ ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li kellhom iħallsu ż-żewġ impriżi rikorrenti.

 Fuq l-allegat kumpens ta’ żvantaġġi strutturali (Kawżi T-254/00, T-270/00 u T-277/00)

179    Skont ir-rikorrenti u r-Repubblika Taljana li tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ Italgas, l-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni ma kienu jagħtu l-ebda vantaġġ kompetittiv lill-impriżi benefiċjarji, iżda kienu kkumpensaw parzjalment sitwazzjoni kompetittiva żfavorevoli. Fil-fatt, l-impriżi stabbiliti fil-gżejjer tal-laguna kienu jħallsu spejjeż supplimentari b’mod partikolari marbuta max-xiri u mal-manutenzjoni tal-bini, fid-dawl tal-kirjiet u l-prezzijiet tax-xiri għoljin, restrizzjonijiet marbuta mal-umidità u mal-marea l-kbira, u mal-obbligi imposti min-neċessità li jiġi mħares il-partimonju storiku u tal-pajżaġġ, kif ukoll tal-ispejjeż żejda għat-trasport u t-trasbord tal-istokk u tal-merkanzija. Barra minn hekk, minħabba l-karattru turistiku ta’ Venezia, il-prezzijiet tal-prodotti u tas-servizzi wkoll huma iktar għoljin.

180    Tali argumentazzjoni kienet diġà saret mill-awtoritajiet Taljani, kif ukoll mill-muniċipalità ta’ Venezia u mill-kumitat abbażi taż-żewġ studji tal-COSES, matul il-proċedura amministrattiva (ara l-punt 9, iktar ’il fuq).

181    Fid-deċiżjoni kkontestata (paragrafi 52 sa 54), il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument minħabba li n-natura kumpensatorja ta’ miżura ma teskludix li din tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, iżda f’ċerti każijiet tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbilità tal-għajnuna mas-suq komuni. Essenzjalment, hija tispjega li t-Trattat mhuwiex intiż sabiex jiżgura ugwaljanza teoretika perfetta bejn l-impriżi. Dawn kienu joperaw f’suq reali u mhux f’suq perfett fejn il-kundizzjonijiet li huma suġġetti għalihom huma totalment identiċi. Barra minn hekk, l-ispejjeż żejda allegati ma kinux ġew ikkalkolati fir-rigward tal-ispejjeż medji tal-impriżi Ewropej, iżda fir-rigward tal-ispejjeż li l-impriżi inkwistjoni ma kienx ikollhom iħallsu li kieku stabbilixxew ruħhom fuq l-art.

182    Din l-analiżi tal-Kummissjoni hija konformi mal-ġurisprudenza. Fil-fatt, fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, (punt 61), il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li kkonfermat is-sentenza Alzetta et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq), fakkret li l-fatt li Stat Membru jipprova japprossima, permezz ta’ miżuri unilaterali, il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni eżistenti f’ċertu settur ekonomiku ma’ dawk li jipprevalu fi Stati Membri oħra ma jistax ineħħi minn dawn il-miżuri l-karattru ta’ għajnuna. F’din il-kawża, l-iżvantaġġ allegat kien b’mod partikolari marbut mas-sitwazzjoni ġeografika li kienet b’mod partikolari tesponi lill-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna reġjonali inkwistjoni għall-kompetizzjoni ta’ operaturi, stabbiliti f’pajjiżi terzi, li kienu bbenefikaw minn għajnuna mill-Istat u minn tassazzjoni inqas oneruża (ara s-sentenza Alzetta et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punti 64 u 101).

183    Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ Hotel Cipriani, din il-ġurisprudenza ma tirrigwardax biss il-miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw żvantaġġ kompetittiv marbut ma’ fatturi macroekonomiċi bħall-prezz tal-kreditu, it-tassazzjoni jew il-kundizzjonijiet tal-kambju.

184    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, bħal f’partijiet oħra tal-liġi Komunitarja kollha dwar il-kompetizzjoni, ir-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat huma intiżi mhux sabiex jiżguraw kompetizzjoni perfetta, iżda kompetizzjoni effettiva jew effiċjenti, kif tenfasizza l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 181, iktar ’il fuq).

185    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kumpens għal żvantaġġi strutturali jippermetti biss li tiġi eskluża l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi. L-ewwel nett, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, vantaġġ mogħti lil impriża, bil-għan li tiġi korretta sitwazzjoni kompetittiva żfavorevoli, ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE, meta dan ikun iġġustifikat minħabba raġunijiet ekonomiċi u meta ma jġibx diskriminazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi stabbiliti fid-diversi Stati Membri. F’din it-tip ta’ sitwazzjoni, il-qorti Komunitarja fir-realtà tapplika l-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq (ara s-sentenza Alzetta et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 99). Dan kien bħala eżempju l-każ ta’ tariffa preferenzjali għall-gass naturali mogħtija lill-ortikulturi tas-serer minn kumpannija, Gasunie, ikkontrollata mill-awtoritajiet Olandiżi, peress li din it-tariffa kienet oġġettivament iġġustifikata min-neċessità li jkun hemm prezzijiet kompetittivi meta mqabbla ma’ sorsi oħra ta’ enerġija, fil-kuntest tas-suq ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 30).

186    Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li vantaġġ mogħti lil impriża u li jnaqqas l-ispejjeż li normalment jitħallsu mill-baġit tagħha, mhuwiex għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE peress li dan il-vantaġġ huwa intiż sabiex jirrimedja għall-fatt li l-impriża benefiċjarja hija esposta għal spejjeż supplimentari li jirriżultaw minn skema derogatorja, li mhumiex esposti għalihom l-impriżi kompetituri suġġetti għad-dritt komuni fil-kundizzjonijiet normali tas-suq. B’hekk, fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C-237/04, Ġabra 2006 p. I-2843, punt 32), il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li liġi Taljana li kienet tillimita d-dritt għar-rimbors f’każ ta’ rtirar eċċezzjonali magħmul mill-imsieħba ta’ Sotacarbo SpA, u li minħabba f’hekk teħles lil din il-kumpannija minn spiża li normalment kien ikollha tħallas, kienet, fir-realta, tillimita ruħha sabiex tneħħi l-benefiċċju mogħti lill-imsieħba Enirisorse SpA taħt forma ta’ dritt eċċezzjonali ta’ rtirar, b’deroga mid-dritt komuni. Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li din il-liġi bl-ebda mod ma kellha l-effett li toħloq vantaġġ ekonomiku skont l-Artikolu 87(1) KE, favur Sotacarbo.

187    Fl-istess linja ta’ ħsieb, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Marzu 2004, Danske Busvognmænd vs Il-Kummissjoni (T-157/01, Ġabra 2004 p. II‑917, punt 57), il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, matul il-privatizzazzjoni ta’ impriża tat-trasport bil-karozzi tal-linja, Combus A/S, il-ħlas mir-Renju tad-Danimarka ta’ remunerazzjoni unika favur l-uffiċjali li kienu impjegati minn din il-kumpannija, bħala kumpens tar-rinunzja tagħhom għad-drittijiet li jirriżultaw mill-istatus tagħhom bħala uffiċjali matul il-bidla fl-istatus tagħhom għal dak ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt f’Combus, ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat li l-miżura inkwistjoni kienet intiża sabiex tissostitwixxi l-istatus privileġġat u li kien jinvolvi ħafna spejjeż, tal-uffiċjali impjegati minn Combus, bl-istatus ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt paragunabbli ma’ dak tal-impjegati ta’ impriżi oħra tat-trasport bil-karozzi tal-linja u, għaldaqstant, sabiex teħles lil Combus minn żvantaġġ strutturali, li jirriżulta mill-istatus privileġġat tal-uffiċjali, fil-konfront tal-kompetituri privati tagħha. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tagħha Franza vs Il-Kummissjoni, punt 149 iktar ’il fuq, (punti 46 u 47), invokata mir-Repubblika Taljana, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li l-miżuri Statali inkwistjoni kienu intiżi sabiex jikkumpensaw spejjeż żejda li l-impriżi ta’ ċerti setturi kienu ħallsu wara l-konklużjoni u l-implementazzjoni ta’ ftehim kollettivi settorjali, ma setax ineħħilhom il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, minħabba li l-ftehim li kkonkludew l-imsieħba soċjali jifformaw ħaġa sħiħa li hija l-frott ta’ kompromess li għalih kull parti kellha tagħmel konċessjonijiet f’ċerti oqsma bħala korrispettiv għal vantaġġi f’oqsma oħra, b’tali mod li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, kien impossibbli li jiġu evalwati b’mod preċiż l-ispejjeż finali ta’ tali ftehim għall-impriżi. Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-Repubblika Taljana, l-element deċiżiv f’din is-sentenza ma kienx jinsab fin-natura kunsenswali tal-ftehim kollettivi inkwistjoni, iżda fil-bilanċ tal-ispejjeż finali rispettivament imħallsa mill-imsieħba soċjali u l-impossibbiltà li jiġu evalwati b’mod preċiż l-ispejjeż ta’ dawn il-ftehim għall-impriżi.

188    F’dan il-każ, jirriżulta b’mod ċar min-natura tagħhom li l-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni intiżi sabiex jikkumpensaw parzjalment l-iżvantaġġi strutturali marbuta mal-ispejjeż supplimentari mħallsa mill-impriżi minħabba li huma stabbiliti fuq il-gżejjer tal-laguna (ara l-punt 179, iktar ’il fuq), mhumiex iġġustifikati la minn kunsiderazzjonijiet ekonomiċi oġġettivi u lanqas minn ħtiġijiet marbuta mal-koerenza tas-sistema legali applikabbli u mal-bilanċ tat-taxxi u tal-ispejjeż – fir-rigward tad-dritt komuni li huma suġġetti għalih l-impriżi kompetituri – bħal dawk li ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-ġurisprudenza evalwata fil-punti preċedenti.

189    Barra minn hekk, b’differenza miċ-ċirkustanzi inkwistjoni fis-sentenzi Enirisorse, punt 186 iktar ’il fuq, u Danske Busvognmaend vs Il-Kummissjoni, punt 187 iktar ’il fuq, f’dan il-każ ma teżisti l-ebda rabta diretta bejn l-iskema ta’ eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni u l-għanijiet allegati, intiżi f’dan il-każ għall-kumpens tal-ispejjeż żejda marbuta mal-problemi strutturali speċifiċi li jirriżultaw mis-sitwazzjoni lagunari ta’ Venezia u ta’ Chioggia. B’mod partikolari, l-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni, previsti favur l-impriżi kollha stabbiliti f’Venezia jew fi Chioggia u intiżi sabiex jiffaċilitaw l-impjiegi billi jnaqqsu l-ispejjeż ta’ min iħaddem, ma jolqtux b’mod speċifiku l-kumpens tal-iżvantaġġi strutturali allegati, bħall-ispejjeż żejda marbuta pereżempju max-xiri u mal-manutenzjoni tal-bini jew mar-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-umidità u mill-marea l-kbira (“aqua alta”; ara l-punt 179, iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, mhuwiex stabbilit li l-iktar setturi milquta mill-iżvantaġġi strutturali allegati huma dawk li joħolqu l-iktar impjiegi u li minħabba f’hekk jibbenefikaw l-iktar mill-kumpens parzjali tal-ispejjeż supplimentari tagħhom. Madankollu, fuq dan il-punt, ir-rikorrenti, abbażi tal-imsemmija studji tal-COSES, jinvokaw il-volatilità tax-xogħol fit-territorju insulari. L-istudju tal-COSES tax-xahar ta’ Frar 1998 (punt 1.2.4) effettivament jikkonferma li, minħabba l-insularità, l-impriżi huma ta’ spiss kostretti li jħallsu l-ispejjeż ta’ ċaqliq u ta’ ristorazzjoni tal-impjegati tagħhom u huma esposti għad-dewmien jew għall-assenzi tagħhom minħabba ċ-ċpar u l-fenomenu tal-marea l-kbira. Madankollu, anki jekk tiġi aċċettata din l-ispjegazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li għandu jkun hemm rabta diretta bejn l-ammont tal-ispejjeż żejda mħallsa u dak tal-kumpens, anki jekk din hija biss parzjali kif josservaw ir-rikorrenti.

190    Madankollu, f’dan il-każ, l-elementi mressqa mir-rikorrenti ma jippermettux li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-ispejjeż supplimentari effettivament imħallsa u l-ammont tal-għajnuna li rċevew id-diversi operaturi, fis-setturi prinċipali tal-attività ekonomika. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma pprovdew l-ebda element li jippermetti li jiġi preżunt li l-parti l-kbira mis-setturi ta’ attività huma esposti b’mod paragunabbli mal-iżvantaġġi ekonomiċi allegati, marbuta mal-insularità. F’dan ir-rigward, b’mod kuntrarju, mill-istudju tal-COSES tax-xahar ta’ Frar 1998 (punt 1.1.3) jirriżulta li l-attivitajiet marbuta mat-turiżmu u ċerti setturi kummerċjali jistgħu jibbilanċjaw l-iżvantaġġi marbuta mal-insularità permezz tal-immaġni attraenti (il forte richiamo di immagine) ta’ Venezia. L-istudju tal-COSES tax-xahar ta’ Marzu 1998 (punt 1.3) juri b’mod partikolari li, għal-lukandi, il-lokalizzazzjoni fiċ-ċentru storiku ta’ Venezia jew fuq il-gżejjer tal-laguna, tista’ toffri libertà kbira fl-iffissar tal-prezzijiet u tirrappreżenta vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv. B’hekk, fis-settur tal-lukandi bħala eżempju, l-ispejjeż żejda mħallsa huma kkumpensati minn prezzijiet ogħla, kif wara kollox osserva Hotel Cipriani.

191    Konsegwentement, anki jekk jitqies li, b’mod iktar ġenerali, meta miżura tkun intiża sabiex tikkumpensa għal ċerti żvantaġġi strutturali speċifiċi, tali kumpens jista’ f’ċerti każijiet jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk din il-miżura tagħtix vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarji tagħha, għandu jiġi osservat li l-kundizzjonijiet għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali kumpens mhumiex sodisfatti f’dan il-każ.

192    Barra minn hekk, u f’kull każ, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, l-awtoritajiet Taljani u t-terzi kkonċernati għamlu referenza għall-ispejjeż imħallsa mill-impriżi stabbiliti fuq l-art, kif enfasizzat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 181, iktar ’il fuq). Madankollu, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, huma biss l-iżvantaġġi strutturali speċifiċi li jinvolvu spejjeż żejda fil-konfront ta’ sitwazzjoni “tipika” li fiha l-operaturi ekonomiċi jkunu normalment kapaċi li jintlaqtu minnha f’suq ikkaratterizzat minn kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva (ara l-punt 184, iktar ’il fuq) - li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ skont l-Artikolu 87(1) KE, hekk kif osservat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-każ, il-fatt biss li l-impriżi stabbiliti f’Venezia jew fi Chioggia huma esposti għal spejjeż supplimentari meta mqabbla ma’ dawk li kienu jkunu suġġetti għalihom li kieku jiċċaqilqu fuq l-art, ma jippermettix li jitqies li l-iskema inkwistjoni ma tagħtihom l-ebda benefiċċju u li b’dan il-mod ma tintroduċix diskriminazzjoni fir-rigward tal-kompetituri tagħhom fl-Italja jew fi Stati Membri oħra. B’hekk, fuq dan il-punt, il-Kummissjoni ma qabżitx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta qieset li l-ispejjeż żejda allegati kellhom jiġu evalwati fil-konfront tal-ispejjeż medji tal-impriżi Komunitarji.

193    Barra minn hekk, kienu l-awtoritajiet nazzjonali jew it-terzi kkonċernati li kellhom, matul il-proċedura amministrativa, jressqu l-prova tal-ispejjeż żejda allegatament imħallsa meta pparagunati mal-ispejjeż medji tal-impriżi Komunitarji, sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ żvantaġġi strutturali speċifiċi li jiġġustifikaw il-miżura ta’ kumpens inkwistjoni. Konsegwentement, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, mhijiex il-Kummissjoni li għandha tagħti prova li l-ispejjeż imħallsa mill-impriżi li joperaw fuq l-art, invokati mill-awtoritajiet Taljani għall-finijiet tal-paragun, jirrappreżentaw sitwazzjoni iktar favorevoli minn dik li tikkorrispondi għall-ispejjeż medji tal-impriżi Komunitarji, li ma kinux ġew ikkomunikati lilha matul il-proċedura amministrativa.

194    Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma stabilixxewx li l-Kummissjoni kienet wetqet żball ta’ evalwazzjoni ċar meta qieset li, minkejja l-għan tagħha intiż għall-kumpens parzjali tal-iżvantaġġi strutturali marbuta mal-insularità, l-iskema ta’ eżenzjoni ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni tikkonferixxi vantaġġ kompetittiv lill-benefiċjarji tagħha.

195    F’dan il-kuntest, l-argument tal-kumpannija Coopservice u tal-kumitat, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjoni Nru 30 dwar ir-reġjuni insulari annessa mal-Att finali tat-Trattat ta’ Amsterdam u tar-Regoli tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ vantaġġ kompetittiv (ara l-punti 153 u 155 iktar ’il fuq), għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-Artikolu 87(1) KE ma jiddistingwix skont il-kawżi jew l-għanijiet ta’ miżuri li jnaqqsu l-ispejjeż li normalment jitħallsu minn impriża, iżda jiddefinixxi lil din il-miżura skont l-effetti tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, Ġabra p. 709, punt 27, u tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, imsejħa “Maribel bis/ter”, C‑75/97, Ġabra p. I‑3671, punt 25). Għaldaqstant, miżura intiża sabiex tikkumpensa żvantaġġ strutturali ma tistax, minħabba l-għan tagħha, tevita l-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, jekk din tagħti vantaġġ skont dan l-Artikolu lill-benefiċjarji tagħha. Madankollu, f’dan il-każ, mill-evalwazzjoni preċedenti jirriżulta li, anki jekk l-iskema ta’ eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni hija intiża sabiex tikkumpensa parzjalment l-iżvantaġġi strutturali speċifiċi marbuta mas-sitwazzjoni insulari ta’ Venezia u ta’ Chioggia, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li, minħabba n-natura kumpensatorja tagħha, din l-iskema ma kienet tikkonferixxi l-ebda vantaġġ kompetittiv lill-benefiċjarji tagħha u li b’hekk ma kienet qed toħloq l-ebda diskriminazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-għanijiet ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali invokati mir-rikorrenti jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dikjarazzjoni ta’ kompatibbilità tal-iskema ta’ għajnuna mas-suq komuni, jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ tali deroga stabbiliti mit-Trattat u r-regoli għall-eżekuzzjoni tagħha.

196    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Kummissjoni ma kisritx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) KE meta fid-deċiżjoni kkontestata qieset li l-kumpens tal-iżvantaġġi strutturali invokati mir-Repubblika Taljana u mit-terzi kkonċernati li ħadu sehem fil-proċedura ma kienx ta’ natura li jeskludi li dawn il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

197    Minbarra dan, id-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata biżżejjed fuq dan il-punt (ara l-punt 181, iktar ’il fuq). Fil-fatt, minn din jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-kumpens għall-iżvantaġġi strutturali allegati permezz tal-miżura inkwistjoni ma kienx jeskludi l-għoti ta’ vantaġġ skont l-Artikolu 87(1) KE, u li f’kull każ, l-eżistenza ta’ spejjeż żejda fil-konfront ta’ sitwazzjoni “tipika”, fil-preżenza ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva, ma kinitx ġiet stabbilita f’dan il-każ.

198    Isegwi li l-motivi bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE u tan-nuqqas ta’ motivazzjoni, invokati fil-konfront tal-allegat kumpens għal żvantaġġi strutturali, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq l-allegat kumpens tat-tmexxija ta’ servizzi pubbliċi (Kawżi T-270/00 u T-277/00)

199    Fil-Kawża T-270/00, il-kumpannija Italgas issostni li, matul l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, il-kumpannija Veneziana Gas, li wara ġiet assorbita minn Italgas, kienet inkarigata b’servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali tad-distribuzzjoni ta’ gass fil-komun ta’ Venezia. Għaldaqstant, Veneziana Gas kellha tibbenefika mid-deroga stabbilita fl-Artikolu 86(2) KE.

200    Essenzjalment, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li llimitat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tal-impriżi muniċipali, li favur tagħhom l-awtoritajiet Taljani kienu talbu deroga abbażi tal-Artikolu 86(2) KE. Billi naqset milli tagħmel evalwazzjoni individwali simili f’dak li jirrigwarda l-impriżi l-oħra li jinsabu f’sitwazzjonijiet simili, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u mmotivat id-deċiżjoni kkontestata b’mod kontradittorju. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tosserva li, hekk kif ammettiet hija stess, fil-paragrafu 92 tad-deċiżjoni kkontestata, in-natura kumpensatorja tal-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni favur il-kumpannija ASPIV, inkarigata bis-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ta’ ġestjoni taċ-ċiklu integrali tal-ilma, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni f’din id-deċiżjoni l-ispejjeż supplimentari li jirriżultaw lil Veneziana Gas mit-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku tagħha fit-territorju tal-laguna.

201    Fil-Kawża T-277/00, il-kumpannija Coopservice u l-kumitat isostnu wkoll li din il-kumpannija kienet inkarigata bil-provvista ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.

202    Il-Kummissjoni tilmenta li matul il-proċedura amministrattiva, l-ebda informazzjoni dwar is-sitwazzjoni individwali tal-impriżi rikorrenti ma ġiet ipprovduta lilha.

203    F’dan ir-rigward, għandu preliminarjament jiġi osservat li l-eżami tal-osservazzjonijiet kollha tal-awtoritajiet Taljani u tat-terzi kkonċernati li ddikjaraw il-pożizzjoni tagħhom, jiġifieri l-kumitat u l-muniċipalità ta’ Venezia, indirizzati lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, u li ġew imressqa minn din l-istituzzjoni fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kif ukoll taż-żewġ rapporti tal-COSES, jikkonferma li l-attenzjoni tal-Kummissjoni ma ġietx miġbuda fuq l-ispejjeż żejda mħallsa minn Veneziana Gas jew mill-impriżi ta’ manutenzjoni u ta’ tindif, bħal Coopservice. Għalkemm huwa veru li, fl-osservazzjonijiet tagħhom tat-23 ta’ Jannar 1999, l-awtoritajiet Taljani semmew, mingħajr preċiżjoni, is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fost is-setturi li fihom, skont dawn l-awtoritajiet, l-impriżi ma setgħux jipparteċipaw fil-kummerċ, madankollu, huma ma semmew l-ebda waħda minn dawn l-impriżi u lanqas ma pprovdew l-ebda indikazzjoni li kienet tippermetti li jiġu identifikati jew li jiġu ddeterminati l-attivitajiet ta’ servizz pubbliku intiżi.

204    Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-Repubblika Taljana u l-muniċipalità ta’ Venezia talbu deroga abbażi tal-Artikolu 86(2) KE favur l-impriżi muniċipali. Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti matul is-seduta, dawn l-impriżi muniċipali, li jeżistu f’numru limitat, kien identifikati b’mod ċar mill-istatut tagħhom stess, fl-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Kummissjoni. B’mod partikolari, dawn ġew imsemmija fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Taljan tas-27 ta’ Lulju 1999, li kienu jispeċifikaw is-setturi tal-attività tagħhom u l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet

205    Minbarra dak li jirrigwarda lill-impriżi muniċipali, l-uniċi indikazzjonijiet ikkomunikati lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, sabiex tiġi msaħħa n-natura kumpensatorja tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, kienu jikkonċernaw l-ispejjeż supplimentari dovuti b’mod ġenerali mill-impriżi li jeżerċitaw l-attività tagħhom fuq il-gżejjer tal-laguna. Is-sitwazzjoni partikolari ta’ Veneziana Gas, jew dawk tal-impriżi ta’ tindif bħal Coopservice, ma ssemmiet fl-ebda mument.

206    Madankollu, skont Italgas, l-ispejjeż żejda mħallsa minn Veneziana Gas, meta mqabbla mal-ispejjeż imħallsa mill-impriżi l-oħra ta’ distribuzzjoni ta’ gass li għalihom tapplika l-istess sistema tariffarja ddefinita fuq il-livell nazzjonali, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata n-natura kumpensatorja tal-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali kkunsidrati fir-rigward ta’ din l-impriża.

207    F’dan ir-rigward, Italgas tallega li l-applikazzjoni tal-metodu tariffarju uniku jwassal għall-iffissar ta’ tariffi għall-provvista ta’ gass differenzjati skont iż-żoni, skont spiża standard u parametri uniformi għall-Italja kollha li ma jieħdux inkunsiderazzjoni l-kuntest reali li fih isir id-distribuzzjoni tal-gass fiż-żona lagunari u l-ispejjeż żejda effettivament imħallsa minn Veneziana Gas.

208    Qabel kollox, f’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura formali ta’ nvestigazzjoni, ikunu l-Istat Membru kkonċernat u l-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni li għandhom jissollevaw l-argumenti tagħhom intiżi sabiex juru li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna jew li din hija kompatibbli mas-suq komuni, peress li l-għan tal-proċedura formali huwa proprju dak li jikkjarifika l-informazzjoni kollha tal-kawża għall-Kummissjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Novembru 2004, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, T-176/01, Ġabra 2004 p. II‑3931, punt 93). B’mod partikolari, bil-għan li tinkiseb l-approvazzjoni, b’deroga mir-regoli tat-Trattat, għal għajnuna mmodifikata jew ġdida, huwa l-Istat Membru kkonċernat, abbażi tal-obbligu tiegħu ta’ kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, li għandu jipprovdi l-elementi kollha li huma kapaċi li jippermettu lil din l-istituzzjoni li tivverifika li l-kundizzjonijiet tad-deroga huma ssodisfatti (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 1993, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-364/90, Ġabra p. I-2097, punt 20, u s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T-171/02, Ġabra 2005 p. II-2123, punt 129, u tas-6 ta’ April 2006, Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke vs Il-Kummissjoni, T-17/03, Ġabra 2006 p. II‑1139, punt 48).

209    Minbarra dan, bħala prinċipju, quddiem skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni mhiex marbuta li tagħmel evalwazzjoni tal-għajnuna mogħtija f’każijiet individwali (ara l-punt 73, iktar ’il fuq). Hija tista’ tillimita ruħha sabiex tistudja l-karatteristiċi ġenerali tal-iskema inkwistjoni, mingħajr ma tkun obbligata li tevalwa kull każ ta’ applikazzjoni partikolari (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, punt 52, iktar ’il fuq, punt 51; tad-29 ta’ April 2004, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-278/00, Ġabra 2004 p. I‑3997, punt 24; tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-66/02, Ġabra 2005 p. I-10901, punti 91 u 92, u tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C-148/04, Ġabra 2005 p. I-11137, punti 67 u 68).

210    Madankollu, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha, fl-interess ta’ amministrazzjoni ġusta tar-regoli fundamentali tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, tipproċedi fil-kuntest tal-Artikolu 88 KE għal eżami diliġenti u imparzjali tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra 1998 p. I‑1719, punt 62, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T-228/99 u T-233/99, Ġabra 2003 p. II-435, punt 167). B’mod partikolari, fi proċedura formali għall-investigazzjoni, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni ġusta, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tal-Istat tad-dritt komuni għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri, jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tosserva l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni interessati (ara, f’dan is-sens, id-Digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ April 2002, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, T-198/01 R, Ġabra 2002 p. II‑2153, punt 85).

211    F’dan il-kuntest legali, ir-rikonoxximent eventwali ta’ obbligu tal-Kummissjoni li tevalwa individwalment is-sitwazzjoni ta’ ċerti benefiċjarji, waqt l-evalwazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna, huwa marbut, minn naħa, mar-rispett tal-obbligi proċedurali li jinsabu rispettivament fuq il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, mal-kontenut tal-informazzjoni speċifika dwar l-imsemmija benefiċjarji kkomunikata mill-awtoritajiet nazzjonali jew mit-terzi kkonċernati lill-Kummissjoni.

212    B’mod partikolari, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni abbażi tal-informazzjoni disponibbli, jekk l-Istat Membru kkonċernat jastjeni, bi ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni tiegħu abbażi tal-Artikolu 10 KE, milli jipprovdilha l-informazzjoni li talbithu sabiex teżamina l-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) KE u tevalwa, jekk ikun il-każ, il-kompatibbilità tal-għajnuna mas-suq komuni. Madankollu, qabel ma tieħu tali deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tirrikjedi lill-Istat Membru sabiex jipprovdilha, fit-terminu stabbilit, id-dokumenti, l-informazzjoni u l-informazzjoni kollha neċessarji sabiex hija tkun tista’ teżerċita l-kontroll tagħha. Huwa biss jekk l-Istat Membru, minkejja l-ordni tal-Kummissjoni, jonqos milli jipprovdi l-informazzjoni mitluba, li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li ttemm il-proċedura u li jekk ikun il-każ tieħu deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna u l-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni abbażi tal-elementi li tiddisponi minnhom (ara f’dan is-sens is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Ottubru 2005, Freistaat Thüringen vs Il-Kummissjoni, T-318/00, Ġabra p. II‑4179, punt 73, u tat-12 ta’ Settembru 2007, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il-Kummissjoni, T-68/03, ĠU C 247, p. 22, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata).

213    Dawn il-prinċipji ġew ikkonfermati mill-Artikolu 5(2) u (3), l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999. B’mod partikolari, dan l-aħħar Artikolu jistabbilixxi li, fil-każ fejn Stat Membru jonqos milli jikkonforma ruħu ma’ ordni li jipprovdi informazzjoni, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura formali ta’ investigazzjoni abbażi tal-Artikolu 7 ta’ dan l-istess Regolament tittieħed fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli.

214    F’dan il-każ, il-Kummissjoni issodisfat l-obbligi proċedurali tagħha b’mod sħiħ, kemm fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat kif ukoll tal-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, fil-kwalità tagħhom bħala terzi kkonċernati. Fil-fatt, it-terzi kkonċernati ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni permezz ta’ komunikazzjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tat-18 ta’ Frar 1998, skont l-Artikolu 88(2) KE. Din il-komunikazzjoni tirriproduċi l-kliem tal-ittra li permezz tagħha l-Kummissjoni infurmat lir-Repubblika Taljana bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ proċedura formali u li fiha hija talbitha tipprovdilha b’mod partikolari id-dokumenti, l-informazzjoni u d-data kollha li hija tqis bħala utli għall-evalwazzjoni ta’ din il-kawża. B’ittra tas-17 ta’ Marzu 1998, il-kumitat ittrażmetta lill-Kummissjoni rapport akkumpanjat minn studju tal-COSES tax-xahar ta’ Marzu 1998. Il-muniċipalità ta’ Venezia ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni, b’ittra tat-18 ta’ Mejju 1998. F’din l-ittra, hija indikat li l-impriżi muniċipali kienu inkarigati bil-provvista ta’ servizz pubbliku u invokat l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE. L-impriżi rikorrenti ma ppreżentawx osservazzjonijiet L-osservazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-kumitat u tal-muniċipalità ta’ Venezia ġew trażmessi lill-Gvern Taljan, li bagħat il-kummenti tiegħu lill-Kummissjoni b’ittra tat-23 ta’ Jannar 1999, u sostna t-talba għal deroga li saret abbażi tal-Artikolu 86(2) KE favur l-impriżi muniċipali, b’ittra tal-10 ta’ Ġunju 1999. B’deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 1999, il-Kummissjoni, li qieset li r-Repubblika Taljana ma kinitx ipprovditilha l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex tevalwa l-miżuri favur l-impriżi muniċipali, talbitha sabiex tipprovdilha d-dokumenti, l-informazzjoni u d-data kollha neċessarja sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri mas-suq komuni abbażi tal-Artikolu 86(2) KE. L-awtoritajiet Taljani rrispondew permezz tal-ittra tas-27 ta’ Lulju 1999, imsemmija iktar ’il fuq.

215    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fin-nuqqas ta’ kull element ta’ informazzjoni dwar l-impriżi rikorrenti fl-osservazzjonijiet u d-dokumenti kkomunikati lill-Kummissjoni (ara l-punti 207 u 209, iktar ’il fuq), din l-istituzzjoni ma tistax tiġi akkużata li naqset milli tevalwa s-sitwazzjoni individwali tagħhom.

216    B’mod partikolari, fin-nuqqas ta’ kull informazzjoni fuq dan il-punt, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tivverifika jekk l-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni mogħtija lil Veneziana Gas u lil Coopservice kinux jirrappreżentaw il-kumpens finanzjarju ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u li minħabba f’hekk ma tawhom l-ebda vantaġġ abbażi tal-Artikolu 87(1) KE.

217    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet mogħtija qabel is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2001, Ferring (C‑53/00, Ġabra 2001 p. I-9067, punt 27), u Altmark, punt 107 iktar ’il fuq, liema ħaġa tispjega għalfejn fil-paragrafu 92 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni eżaminat il-kumpens tat-tmexxija ta’ servizz pubbliku, mill-impriża muniċipali ASPIV, abbażi tad-deroga prevista mill-Artikolu 86(2) KE u mhux fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE.

218    Madankollu, il-kriterji msemmija fis-sentenza Altmark, punt 107 iktar ’il fuq, li jirriżultaw minn interpretazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, huma għal kollox applikabbli għas-sitwazzjoni fattwali u legali ta’ din il-kawża kif ġiet ippreżentata quddiem il-Kummissjoni meta din adottat id-deċiżjoni kkontestata (ara f’dan is-sens is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T-289/03, ĠU C 79, p. 25, punt 158). Madankollu, peress li din id-deċiżjoni ġiet adottata diversi snin qabel din is-sentenza, ikun konvenjenti, jekk ikun il-każ, li jiġi eżaminat jekk l-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, huwiex kompatibbli mas-sustanza tal-kriterji msemmija fis-sentenza Altmark, punt 107 iktar ’il fuq, iktar milli ssir applikazzjoni litterali ta’ dawn il-kriterji (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs Ufex et, C-341/06 P u C-342/06 P, ĠU C 209, p. 7, punt 94).

219    F’dan il-każ, Italgas tinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 2003, Enirisorse, (C‑34/01 sa C‑38/01, Ġabra 2003 p. I-14243, punti 31 sa 40), li tadotta l-kundizzjonijiet imsemmija mis-sentenza Altmark, punt 107 iktar ’il fuq.

220    Madankollu, peress li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta, fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, li teżamina s-sitwazzjoni individwali ta’ Veneziana Gas u ta’ Coopservice (ara l-punt 215, iktar ’il fuq), għandu jiġi osservat li f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata ma tiksirx l-Artikolu 87(1) KE u mhiex ivvizzjata la minn ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u lanqas minn kontradizzjoni fil-motivazzjoni, peress li din tillimita ruħha sabiex teżamina s-sitwazzjoni individwali tal-impriżi muniċipali.

221    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-motivi u l-argumenti kollha tar-rikorrenti u tar-Repubblika Taljana li jirrigwardaw in-natura allegatament kumpensatorja tal-miżura inkwistjoni għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq l-allegat nuqqas ta’ impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-impatt fuq il-kompetizzjoni

222    Skont ir-rikorrenti u r-Repubblika Taljana li tintervjeni insostenn ta’ Italgas, kienet il-Kummissjoni li kellha l-obbligu li tevalwa jekk l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni setgħetx tolqot il-kummerċ intra-Komunitarju u teżerċita impatt fuq il-kompetizzjoni, fis-setturi ta’ attività prinċipali inkwistjoni. B’mod partikolari, huma jikkużaw lill-Kummissjoni li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni n-natura lokali tas-swieq ikkonċernati. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjentement immotivata u tikser l-Artikolu 87(1) KE. Barra minn hekk, meta ħadet inkunsiderazzjoni biss in-natura lokali tal-attività tal-impriżi muniċipali, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u mmotivat id-deċiżjoni kkontestata b’mod kuntradittorju.

223    Fil-paragrafu 49, id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi:

“[I]l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri huma distorti minħabba l-fatt li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali huma mogħtija lill-impriżi kollha, fosthom impriżi li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi li huma s-suġġett ta’ kummerċ bejn dawn l-Istati. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Taljani, jidher li l-impriżi benefiċjarji joperaw b’mod partikolari fis-setturi li huma s-suġġett ta’ kummerċ intensiv, bħal bħala eżempju s-settur tal-manifattura u dak tas-servizzi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

224    Fid-dawl ta’ din il-motivazzjoni fil-qosor, hekk kif isostnu r-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li mill-informazzjoni dwar ċerti setturi li ġiet trażmessa lilha mill-awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni f’dan il-każ ibbażat ruħha fuq preżunzjoni ġenerali peress li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet tinkludi setturi ta’ attività kollha f’żona ġeografika partikolari.

225    Għandu jiġi vverifikat jekk tali approċċ jistax jitqies bħala konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) KE u mal-obbligu ta’ motivazzjoni.

226    Sabiex jipprovaw li l-Kummissjoni kienet marbuta li twettaq analiżi tas-swieq ikkonċernati, ir-rikorrenti jinvokaw b’mod partikolari is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (248/84, Ġabra p. 4013), tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Ġermanja et vs Il-Kummissjoni, msejħa “Bremer Vulkan vs Il-Kummissjoni” (C‑329/93, C‑62/95 u C‑63/95, Ġabra p. I‑5151), Maribel bis/ter, punt 195 iktar ’il fuq, L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, punt 52, iktar ’il fuq, tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza Alzetta et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, u tas-6 ta’ Settembru 2006, L-Italja u Wam vs Il-Kummissjoni (T-304/04 u T-316/04, ĠU C 281, p. 33) li qiegħda fl-istadju tal-appell.

227    Mill-eżami tal-ġurisprudenza jirriżulta li l-ħtiġijiet dwar il-motivazzjoni u l-analiżi min-naħa tal-Kummissjoni tal-impatt ta’ miżura ta’ għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-kompetizzjoni jvarjaw b’mod loġiku ħafna skont in-natura, individwali jew ġenerali, ta’ din il-miżura.

228    F’dak li jirrigwarda l-għajnuna individwali, il-qorti Komunitarja tivverifika jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tkunx ibbażata fuq elementi konkreti sabiex tistabbilixxi li l-miżura evalwata tkun tista’ tolqot il-kummerċ intra-Komunitarju u teżerċita impatt fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari, bħad-daqs tal-impriża benefiċjarja, l-attivitajiet ta’ esportazzjoni tagħha, l-ammont tal-għajnuna (ara, bħala eżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni, 730/79, Ġabra 1980 p. 2671, punti 10 u 11). Hija teħtieġ analiżi ekonomika konkreta tas-sitwazzjoni tas-suq, mill-Kummissjoni (ara s-sentenza Bremer Vulkan, punt 226 iktar ’il fuq, punt 53; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Frar 2006, Le Levant 001 et vs Il-Kummissjoni, T-34/02, Ġabra 2006 p. II-267, punti 123 u 124, u L-Italja u Wam vs Il-Kummissjoni, punt 226 iktar ’il fuq, punt 73).

229    Waqt l-eżami tal-iskemi ta’ għajnuna settorjali, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tillimita ruħha għal analiżi astratta. Il-qorti Komunitarja tivverifika wkoll li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq elementi konkreti, dwar pereżempju l-karatteristiċi tal-iskema ta’ għajnuna jew tas-suq ikkonċernat, sabiex tevalwa l-impatt tal-għajnuna (ara, bħala eżempju, is-sentenza Alzetta et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 87, u s-sentenza L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 69, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-deċiżjoni kkontestata minħabba motivazzjoni insuffiċjenti, minħabba li l-Kummissjoni kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ liberalizzazzjoni tas-settur ikkonċernat tal-kabotaġġ mal-gżejjer tal-Mediterran, matul il-perijodu kkonċernat).

230    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-iskemi ta’ għajnuna multisettorjali, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi tal-programm inkwistjoni sabiex tevalwa jekk, minħabba l-ammonti jew il-perċentwali għolja tal-għajnuna, il-karatteristiċi tal-investimenti magħmula jew metodi oħra previsti minn dan il-programm, dan jiżgura vantaġġ sinjifikattiv lill-benefiċjarji meta pparagunat mal-kompetituri tagħhom u huwiex kapaċi li essenzjalment ikun ta’ profitt għal impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 226 iktar ’il fuq, punt 18; tas-17 ta’ Ġunju 1999, Maribel bis/ter, punt 195 iktar ’il fuq, punt 48, u tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 104 iktar ’il fuq, punti 89 u 91).

231    Minn dan jirriżulta li, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna applikabbli, bħal f’dan il-każ, għall-impriżi kollha stabbiliti fuq territorju determinat, ma jistax ikun meħtieġ mill-Kummissjoni li hija tagħti prova, fuq il-bażi ta’ eżami anki sommarju tas-sitwazzjoni tas-swieq, impatt prevedibbli ta’ din l-iskema fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u l-kompetizzjoni, fis-setturi ta’ attività kollha ikkonċernati.

232    Fil-fatt, f’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, it-tqassim tal-oneru tal-prova huwa suġġett għar-rispett tal-obbligi proċedurali rispettivi fuq il-Kummissjoni u fuq l-Istat Membru kkonċernat, fil-kuntest tal-eżerċizzju min-naħa ta’ din l-istituzzjoni tas-setgħha li għandha twassal lill-Istat Membru sabiex jipprovdilha l-informazzjoni neċessarja kollha (ara s-sentenza Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il-Kummissjoni, punt 212, iktar ’il fuq, punt 35).

233    B’mod partikolari, huwa l-Istat Membru kkonċernat, abbażi tad-dmir tiegħu ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni, u t-terzi interessati debitament mitluba sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom b’mod konformi mal-Artikolu 88(2) KE, li għandhom jissollevaw l-argumenti tagħhom u sabiex jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha li tista’ tiċċaralha l-informazzjoni kollha tal-kawża (ara l-punt 208, iktar ’il fuq).

234    Huwa preċiżament abbażi tal-argumenti u l-informazzjoni li ngħataw lilha li l-Kummissjoni hija marbuta – fl-osservanza tal-obbligi proċedurali tagħha (ara l-punt 212, iktar ’il fuq) – b’mod partikolari li tivverifika b’mod diliġenti u imparzjali jekk il-miżura inkwistjoni tistax tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li teżerċita impatt fuq il-kompetizzjoni. Fil-fatt, ma jeżisti l-ebda obbligu fuq il-Kummissjoni li tevalwa ex officio u bis-suppożizzjonijiet liema huma l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt li setgħu jiġu ppreżentati lilha matul il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 210 iktar ’il fuq, punt 60, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T-109/01, Ġabra p. II-127, punt 49).

235    Konsegwentement, quddiem skema ta’ għajnuna multisettorjali, il-Kummissjoni hija biss l-obbligu li tikkontrolla, abbażi ta’ elementi konkreti, jekk, f’ċerti setturi partikolari, il-miżura inkwistjoni tissodisfax iż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, meta tkun ġiet provduta lilha biżżejjed informazzjoni rilevanti għal dan il-għan matul il-proċedura amministrattiva. Fin-nuqqas ta’ biżżejjed informazzjoni, il-Kummissjoni tista’, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, tirrikorri għal preżunzjoni bbażata fuq l-analiżi tal-karatteristiċi tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni (ara l-punt 230, iktar ’il fuq).

236    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza kostanti, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu, iżda wkoll fil-kuntest tiegħu, kif ukoll fid-dawl tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. Għalkemm fil-motivazzjoni ta’ deċiżjoni l-Kummissjoni m’għandhiex obbligu li tirrispondi għal kull punt ta’ fatt u ta’ dritt invokat mill-Istat Membru kkonċernat jew mill-persuni interessati matul il-proċedura amministrativa, hija għandha, madankollu, tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi u l-elementi rilevanti kollha fil-każ inkwistjoni, sabiex il-qorti Komunitarja tkun tista’ tistħarreġ il-legalità u sabiex kemm l-Istati Membri kif ukoll iċ-ċittadini kkonċernati jkunu jafu ċ-ċirkustanzi li fihom hija applikat it-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, (T-371/94 u T-394/94, Ġabra p. II-2405 punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

237    Isegwi li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni, quddiem skema ta’ għajnuna multisettorjali, tiddependi f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-impatt ta’ din l-iskema fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u l-kompetizzjoni, mill-informazzjoni u mill-elementi kkomunikati lil din l-istituzzjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

238    Fl-aħħar nett, il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi evalwata biss abbażi tal-elementi li din kienet tiddisponi minnhom fil-mument tal-adozzjoni tagħha, u mhux abbażi ta’ argumenti ta’ fatt mhux magħrufa minn din l-istituzzjoni u li ma ġewx ikkomunikati lilha matul il-proċedura amministrattiva (is-sentenza Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il-Kummissjoni, punt 212 iktar ’il fuq, punti 72 u 73).

239    Għaldaqstant, f’dan il-każ, huwa fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, li kienet ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Taljani, mill-kumitat u mill-muniċipalità ta’ Venezia, matul il-proċedura amministrattiva, u li ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li għandu jiġi evalwat jekk din l-istituzzjoni stabbilixxietx b’mod suffiċjenti ta’ dritt li l-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni setgħu jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju u li jeżerċitaw impatt fuq il-kompetizzjoni, u jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex immotivata biżżejjed fuq dan il-punt.

240    F’dan il-każ, hekk kif enfasizzaw ir-rikorrenti matul is-seduta, l-awtoritajiet Taljani, fl-ittra tagħhom tat-23 ta’ Jannar 1999, osservaw li l-impriżi li joperaw fis-setturi tal-kostruzzjoni, tal-kummerċ, tal-lukandi u tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ma kinux suġġetti li jipparteċipaw fil-kummerċ. Madankollu, din l-affermazzjoni ma kienet ibbażata fuq l-ebda argument legali jew ta’ fatt. B’mod partikolari, it-tabelli tal-INPS (Istitut Nazzjonali tas-Servizzi Soċjali), annessi ma’ din l-ittra u msemmija fid-deċiżjoni kkontestata (paragrafu 6), kien fihom biss informazzjoni dwar l-implementazzjoni tal-miżura inkwistjoni, maqsuma għal kull settur ta’ attività u għal kull sena, dwar in-numru u d-daqs tal-impriżi benefiċjarji, kif ukoll in-numru ta’ ħaddiema kkonċernati. Barra minn hekk, dawn ma kien fihom l-ebda element u l-ebda informazzjoni li tippermetti li jiġi stabbilita n-natura strettament lokali tas-swieq, b’mod partikolari fis-setturi msemmija mill-awtoritajiet Taljani fl-ittra msemmija iktar ’il fuq.

241    B’mod partikolari, in-natura lokali tas-setturi ta’ attività li joperaw fihom l-impriżi rikorrenti ma rriżultatx mill-osservazzjonijiet tal-kumitat tas-17 ta’ Marzu 1998 u mill-istudji tal-COSES, b’mod partikolari l-istudju tax-xahar ta’ Marzu 1998, li b’mod partikolari kien fih analiżi tas-sitwazzjoni kompetittiva b’mod partikolari fis-setturi tal-kummerċ marbut mat-turiżmu, tal-lukandi u tar-ristorazzjoni, tas-servizzi, u tal-artiġjanat tradizzjonali bħal dak tal-ħġieġ ta’ Murano. Fil-fatt, kienet biss il-kompetizzjoni mal-operaturi li huma stabbiliti fuq l-art li kienet evalwata f’dan l-istudju, f’dak li jirrigwarda s-setturi kollha evalwati. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar l-impatt tal-miżura inkwistjoni fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarji fil-konfront tal-operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra jew f’territorji oħra fl-Italja ma ġewx ikkunsidrati. Barra minn hekk, is-setturi tas-servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ tindif, li topera fihom Coopservice, u ta’ distribuzzjoni tal-gass, li kienet topera fih Veneziana Gas, ma kinux analizzati. B’mod partikolari, fir-rigward tas-servizzi, l-istudju msemmi kien jirreferi biss b’mod ġenerali għas-“settur terzjarju” (punt 1.4).

242    Minn dan jirriżulta li l-osservazzjonijiet u d-dokumenti kkomunikati lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva ma kienu fih l-ebda element u l-ebda informazzjoni konkreta li tista’ tiġbed l-attenzjoni ta’ din l-istituzzjoni fuq is-sitwazzjoni partikolari ta’ ċerti setturi, u li tippermettilha b’mod partikolari li tistabbilixxi li, f’dawn is-setturi, l-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni ma setgħux jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju u li jeżerċitaw impatt fuq il-kompetizzjoni.

243    F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex l-obbligu tal-Kummissjoni, li ssodisfat bis-sħiħ l-obbligi proċedurali tagħha (ara l-punt 214, iktar ’il fuq), li tiġbor l-informazzjoni supplimentari mingħand l-awtoritajiet nazzjonali sabiex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE dwar l-assenjazzjoni tal-kummerċ intra-Komunitarju u l-impatt fuq il-kompetizzjoni kinux issodisfatti, fid-diversi setturi ta’ attività kkonċernati, u b’mod partikolari f’dawk tal-lukandi, tad-distribuzzjoni tal-gass, u tas-servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ tindif, li fihom joperaw l-impriżi rikorrenti.

244    F’dan ir-rigward, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-impriżi rikorrenti matul is-seduta, is-sitwazzjoni tagħhom u dik tal-benefiċjarji l-oħra tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija distinta minn dik tal-impriżi muniċipali, li kienu ġew identifikati u li fir-rigward tagħhom kienet ġiet ipprovduta informazzjoni preċiża lill-Kummissjoni, matul il-proċedura amministrattiva (ara l-punt 202, iktar ’il fuq). Għaldaqstant, il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tan-natura kuntradittorja tal-motivazzjoni b’hekk għandhom jiġu miċħuda.

245    Barra minn hekk, peress li mid-dokumenti trażmessi lill-Kummissjoni jirriżulta li din l-istituzzjoni ma kellha ebda informazzjoni konkreta dwar in-natura speċifika tas-setturi ta’ attività tagħhom, mhuwiex ammissibbli li r-rikorrenti jinvokaw din in-natura speċifika sabiex jipprovaw li huma joperaw f’suq strettament lokali, jew – f’dak li jirrigwarda lil Italgas – li s-settur tad-distribuzzjoni tal-gass ma kienx miftuħ għall-kompetizzjoni matul il-perijodu inkwistjoni.

246    Barra minn hekk, l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-ammont baxx tal-għajnuna inkwistjoni, u dwar il-fatt li l-parti l-kbira tal-impriżi benefiċjarji kienu jeżerċitaw l-attività tagħhom fuq livell esklużivament lokali, ma jistgħux jintlaqgħu.

247    Fil-fatt, l-ammont relattivament baxx ta’ għajnuna jew id-daqs relattivament żgħir tal-impriża benefiċjarja ma jeskludux a priori l-possibbiltà li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jiġi milqut. B’mod partikolari, għajnuna ta’ daqs relattivament zgħir tista’ taffettwa tali kummerċ meta s-settur li fih joperaw l-impriżi li jibbenefikaw minnha huwa wieħed ikkaratterizzat minn kompetizzjoni attiva. Għalhekk, meta settur huwa kkaratterizzat minn numru kbir ta’ impriżi żgħar, għajnuna, anki jekk tkun relattivament żgħira fuq livell individwali, iżda potenzjalment miftuħa għall-impriżi kollha jew għall-parti l-kbira mill-impriżi li joperaw fis-settur, jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq il-kummerċ bejn Stati Membri (ara pereżempju s-sentenza Xunta de Galicia, punt 107 iktar ’il fuq, punti 41 sa 43, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni eskludiet espressament, fid-deċiżjoni kkontestata, il-miżuri li jirrispettaw ir-regola de minimis mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (ara l-punt 103, iktar ’il fuq).

248    Bl-istess mod, jekk jitqies li l-parti l-kbira tal-impriżi benefiċjarji jeżerċitaw l-attività tagħhom fuq livell lokali biss, liema ħaġa mhiex stabbilita, dan il-fatt f’kull każ ma jkunx rilevanti. Skont ġurisprudenza kostanti, għajnuna tista’ tkun ta’ natura li tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri u toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni anki jekk l-impriżi benefiċjarji li jkunu f’kompetizzjoni ma’ produtturi ta’ Stati Membri oħra jeżerċitaw l-attività tagħhom esklużivament fuq livell lokali. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti għajnuna lil impriża, il-produzzjoni interna tista’ tinżamm l-istess jew tiżdied, bil-konsegwenza li l-possibbiltajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jesportaw il-prodotti tagħhom lejn is-suq ta’ dan l-Istat Membru jonqsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 104 iktar ’il fuq, punt 84; Xunta de Galicia, punt 107 iktar ’il fuq, punt 40; tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 209 iktar ’il fuq, punt 117, u Alzetta et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 91).

249    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, fid-dawl, minn naħa, tal-karatteristiċi tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, li jipprovdu eżenzjonijiet mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali favur l-impriżi kollha stabbiliti f’Venezia jew fi Chioggia u, min-naħa l-oħra, tal-elementi u l-informazzjoni li ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, din l-istituzzjoni ma kisritx l-Artikolu 87(1) KE, meta ppreżumiet li tali skema kienet tibbenefika lil impriżi li joperaw f’setturi li huma s-suġġett ta’ kummerċ intensiv, bħas-settur tal-manifattura jew dak tas-servizzi, mingħajr ma għamlet riferiment, lanqas fil-qosor, għal swieq preċiżi u mingħajr ma bbażat ruħha fuq karatteristiċi konkreti ta’ xi wħud minn dawn is-swieq.

250    Barra minn hekk, il-Kummissjoni, meta mmotivat id-deċiżjoni kkontestata b’dan il-mod (ara l-punt 223, iktar ’il fuq) indikat fil-qosor iżda b’mod ċar, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għalfejn l-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni setgħu jolqtu l-kummerċ intra-Komunitarju u li jeżerċitaw impatt fuq il-kompetizzjoni.

251    Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, din il-motivazzjoni kienet biżżejjed sabiex tippermetti lill-awtoritajiet Taljani jiddeterminaw liema kienu dawk l-impriżi kellhom l-obbligu li jħallsu lura l-għajnuna li rċevew, b’eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, hekk kif diġà ġie deċiż (ara l-punti 100 sa 111 iktar ’il fuq), waqt l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dawn l-awtoritajiet mhumiex kompetenti sabiex jivverifikaw f’kull każ individwali jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE kinux sodisfatti.

252    Isegwi li d-deċiżjoni kkontestata stess kienet biżżejjed, u la kienet teħtieġ u lanqas kienet is-suġġett ta’ motivazzjoni addizzjonali. F’dan ir-rigward, it-tweġibiet tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Awwissu u tad-29 ta’ Ottubru 2001, invokati mir-rikorrenti – għal talbiet ta’ kjarimenti dwar il-metodi ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li ntbagħtu lilha mill-awtoritajiet nazzjonali, kienu jiffurmaw parti biss mill-qafas ta’ kooperazzjoni leali bejn din l-istituzzjoni u l-awtoritajiet nazzjonali.

253    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE u dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2.     Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE u l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

 L-argumenti tar-rikorrenti

–       Kawża T-254/00

254    Ir-rikorrenti, il-Hotel Cipriani, tosserva li l-Artikolu 87(3)(ċ) KE għandu jiġi interpretat b’mod konformi mal-għanijiet ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali stabbiliti fl-Artikolu 2 KE u b’mod speċjali implementati mill-Artikoli 158 KE u s-segwenti. Fil-fatt, it-twettiq ta’ suq uniku u l-protezzjoni tal-kompetizzjoni ma jikkostitwixxix għan fih innifsu, iżda huwa intiż għat-twettiq tal-għanijiet essenzjali tat-Trattat. L-għajnuna reġjonali tikkostitwixxi strument essenzjali fl-implementazzjoni ta’ dawn l-għanijiet, li mhuwiex il-“prerogattiva” tal-fondi strutturali. Għaldaqstant, hija l-Kummissjoni, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li għandha tapplika d-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna reġjonali b’mod flessibbli, billi f’ċerti każijiet tipprovdi soluzzjonijiet differenti sabiex tieħu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tas-sitwazzjonijiet ikkunsidrati, sabiex tiggarantixxi l-effettività ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u t-twettiq tal-għanijiet tagħhom.

255    F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet ta’ deroga abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE huma ssodisfatti. B’mod partikolari, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u minn nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li din teskludi t-territorju ta’ Venezia kollu mill-benefiċċju ta’ din id-deroga.

256    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega li l-miżuri inkwistjoni, intiżi sabiex jippriżervaw il-wirt soċjo-ekonomiku tal-belt ta’ Venezia, jaqblu b’mod sħiħ mal-għanijiet tal-iskema Komunitarja tal-għajnuna reġjonali. Fil-fatt, parti mit-territorju ta’ Venezia, b’mod partikolari l-gżejjer tal-laguna – fosthom il-gżira ta’ Giudecca fejn jinsab il-Hotel Cipriani – jinsabu fost ir-reġjuni Taljani li jistgħu jibbenefikaw mill-interventi abbażi tal-għan Nru 2 tal-fondi strutturali, kif ukoll fuq il-mappa tar-reġjuni taljani awtorizzati sabiex jibbenefikaw mid-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

257    Barra minn hekk, it-territorju kollu ta’ Venezia jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għall-impriżi fiż-żoni urbani żvantaġġati msemmija iktar ’il fuq (punt 127, iktar ’il fuq), għaliex jinsab inkluż fl-inizjattiva Komunitarja favur iż-żoni urbani msejħa bħala l-inizjattiva URBAN (punt 7 tal-linji gwida). Barra minn hekk, dan jissodisfa l-kriterji alternattivi l-oħra ta’ eliġibbiltà. Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni (paragrafu 72 tad-deċiżjoni kkontestata), dan il-qafas ġie maħsub bħala strument intiż sabiex jikkompleta l-iskemi Komunitarji l-oħra dwar il-protezzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, u li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet in-natura parzjali u inadegwata tagħhom (Premessa 1 tal-linji gwida). B’hekk, dawn jirrispondu għall-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni indikaturi soċjo-ekonomiċi oħra, li jappartjenu għar-realitajiet intra-urbani (Premessa 7 tal-linji gwida). F’dan il-każ, l-applikazzjoni, fil-każ ta’ Venezia, ta’ kriterji speċjali bħal dawk li huma previsti fil-linji gwida, imsemmja iktar ’il fuq, hija oġġettivament iġġustifikata minħabba l-spejjeż żejda marbuta mal-insularità u r-riskju li Venezia ssir “belt-mużew” imċaħħda minn wirt ekonomiku u soċjali awtentiku. Fil-komunikazzjoni tagħha tat-22 ta’ Mejju 2002 dwar l-iskadenza ta’ dawn il-linji gwida Komunitarji, il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li l-għajnuna favur żoni żvantaġġati tista’ titqies bħala kompatibbli “skont il-każ u skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-proġett ta’ għajnuna, direttament abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE”.

258    Konsegwentement, minħabba l-insularità, is-sitwazzjoni ta’ Venezia għandha natura speċifika assoluta, li kienet tiġġustifika approċċ iktar flessibbli min-naħa tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, hekk kif stieden espressament fil-konfront tagħha l-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu, dwar is-sitwazzjoni kritika ta’ Venezia, tas-16 ta’ April 1999 (ĠU C 219, p. 511).

259    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tosserva li l-miżuri inkwistjoni kkumpensaw biss b’mod parzjali ħafna lil dawk l-ispejjeż żejda li l-Kummissjoni ma tikkontestax l-eżistenza tagħhom fid-deċiżjoni kkontestata (Premessa 78). Għaldaqstant, dawn huma proporzjonati mal-għan ta’ żvilupp reġjonali mixtieq, u b’hekk ma jbidlux il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni. Dan jgħodd a fortiori għas-settur tal-lukandi u tar-ristorazzjoni.

–       Kawża T-270/00

260    Ir-rikorrenti, Italgas, tfakkar li l-Kummissjoni, sabiex tevita li titratta lil sitwazzjonijiet analogi b’mod diskriminatorju, hija marbuta li tapplika l-Artikolu 87(3)(ċ) KE skont kriterji oġġettivi, li ġeneralment tiddefinixxi hija stess f’komunikazzjonijiet ta’ interpretazzjoni li jikkonferixxu lill-prattika tagħha l-kontinwità u l-prevedibbiltà meħtieġa mill-prinċipju taċ-ċertezza legali. Għaldaqstant, dawn il-komunikazzjonijiet ma jippermettux li tiġi stabbilita lista eżawrjenti tal-interventi li jistgħu jibbenefikaw mid-deroga reġjonali msemmija f’dan l-artikolu. B’hekk, dawn ma jneħħux l-obbligu lill-Kummissjoni li tivverifika jekk interventi oħra, intiżi sabiex jirrimedjaw problemi lokali speċifiċi, jistħoqqilhomx li jiġu awtorizzati abbażi ta’ dan l-Artikolu. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li miżuri li ma jinsabux fil-linji gwida Komunitarji dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE jistgħu madankollu jibbenefikaw mid-deroga msemmija f’dan l-Artikolu, meta l-kundizzjonijiet tal-kummerċ ma jiġux mibdula f’sens li jmorru kontra l-interess komuni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ April 2001, Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia vs Il-Kummissjoni, T-288/97, Ġabra 1999 p. II-1169, punt 72).

261    Din l-interpretazzjoni tirriżulta wkoll mill-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat lill-impriżi fiż-żoni urbani żvantaġġati, msemmija iktar ’il fuq, li fihom il-Kummissjoni aċċettat li ċerti ċirkustanzi lokali partikolari – filwaqt li ma jissodisfawx il-kriterji strutturali ddefiniti fil-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali ppubblikati fl-1998 (ĠU 1998 C 74, p. 9 iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1998”) – madankollu jiġġustifikaw ukoll l-awtorizzazzjoni tal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE. F’dawn il-linji gwida (punti I u III), il-Kummissjoni għamlet enfażi fuq inadegwatezza tal-linji gwida tal-1998 msemmija iktar ’il fuq sabiex tingħata tweġiba għad-diffikultajiet marbuta mal-ispejjeż żejda mħallsa mill-impriżi fiż-żoni urbani żvantaġġati.

262    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-istess kriterji ta’ evalwazzjoni sabiex tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ sitwazzjoni eċċezzjonali speċifika għal Venezia li, għalkemm mhiex ikkunsidrata fil-linji gwida msemmija iktar ’il fuq, kienet iġġustifikat l-awtorizzazzjoni ta’ intervenzjoni Statali abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Madankollu, l-awtoritajiet Taljani u l-komun ta’ Venezia invokaw, matul il-proċedura amministrattiva, il-possibbiltà ta’ tali awtorizzazzjoni, fid-dawl tas-sitwazzjoni unika taż-żona lagunari li għaliha huma talbu soluzzjoni ad hoc, indipendentement mill-informazzjoni pprovduta mill-indikaturi strutturali abitwali u mill-iskema ta’ għajnuna b’għan reġjonali, li minnha ma talbux la l-applikazzjoni u lanqas il-modifika tagħha.

263    Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata (Premessa 74), il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tinvoka n-nuqqas “ta’ elementi ġodda” li jistgħu jiġġustifikaw id-deroga mitluba, madankollu mingħajr ma indikat ir-raġunijiet għalfejn hija qieset li l-provi mressqa mill-awtoritajiet Taljani ma kinux biżżejjed sabiex jiġġustifikaw tali deroga.

264    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li l-għajnuna kkontestata ġiet mogħtija qabel ir-riforma li saret mil-linji gwida tal-1998. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma indikatx il-motivi legali u ta’ fatt għar-rifjut tagħha milli tawtorizza d-deroga mitluba. Hija ma tispjegax għalfejn il-kriterji stabbiliti fil-linji gwida li kienu fis-seħħ dak iż-żmien kienu jipprekludu t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari ta’ Venezia, abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

265    Madankollu, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni hija marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni, punt 228 iktar ’il fuq, punt 17, u tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, imsejħa “Tubemeuse” C‑142/87, Ġabra p. I‑959, punt 56; u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 2002, HAMSA vs Il-Kummissjoni, T-152/99, Ġabra 2002 p. II‑3049, punt 48). Id-deċiżjoni tagħha għandha tinkludi raġunament li jista jinftiehem mid-destinatarji tiegħu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 40/85, Ġabra 1986 p. 2321, punt 21).

266    Għaldaqstant, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas kbir fil-motivazzjoni, minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Taljan u tal-partijiet interessati. Dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni jidher iktar fid-dawl tad-dikjarazzjoni Nru 30 dwar ir-reġjuni insulari, annessa mal-att finali tat-Trattat ta’ Amsterdam, li tistabbilixxi li l-leġiżlazzjoni Komunitarja għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqasijiet strutturali marbuta mal-insularità tagħhom u li jistgħu jittieħdu “miżuri speċifiċi” favur dawn ir-reġjuni. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata (Nota Nru 30, taħt il-Premessa 78), il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tindika li l-allegati diffikultajiet strutturali invokati mhumiex marbuta mal-insularità tat-territorji tal-laguna u għaldaqstant ma jikkostitwixxux inkonvenjenzi strutturali skont id-dikjarazzjoni Nru 30, imsemmija iktar ’il fuq.

267    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li l-eżenzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu miżuri ta’ għajnuna għall-impjieg li testendi għat-territorju ta’ Venezia u ta’ Chioggia l-prinċipji li jmexxu l-politika tal-impjiegi fil-Mezzogiorno. Il-fatt li Venezia ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti fil-punt 22 tal-linji gwida dwar l-għajnuna għall-impjiegi (ĠU C 334 tat-12 ta’ Diċembru 1995, p. 4), ma jipprekludix l-applikazzjoni favur tagħha ta’ deroga reġjonali abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Fil-fatt, il-Kummissjoni hija ħielsa li tbiddel il-prattika tagħha b’mod evoluttiv bla ħsara għall-obbligu li tirrispetta l-kriterji msemmija iktar ’il fuq fil-każijiet espressament previsti mill-linji gwida li jistabbilixxuwhom. B’mod partikolari, hija tista b’analoġija tapplika l-prinċipji li huma ispirati minnhom il-linji gwida għal każijiet oħra, indipendentement mill-adozzjoni ta’ komunikazzjoni intiża sabiex tirregola preċiżament dan il-każ.

268    Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata hija f’kull każ ivvizzjata minn żball ta’ dritt peress li fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 tiddisponi li l-għajnuna prevista fl-Artikolu 2 tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994 tikkostitwixxi għajnuna mhux kompatibbli mas-suq komuni, jekk din ġiet mogħtija lil impriżi li mhumiex SME u li mhumiex stabbiliti fiż-żoni li jistgħu jibbenefikaw mid-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(c) KE. Fil-fatt, peress li din l-għajnuna hija intiża għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, din għandha tibbenefika, abbażi tal-punt 20 tal-linji gwida dwar l-għajnuna għall-impjiegi, mid-deroga stabbilita fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE, jekk tkun għajnuna intiża sabiex “tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet”. F’dan il-kuntest, l-għajnuna intiża għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda għandha tiġi ddikjarata bħala kompatibbli anki meta tkun ingħatat lil impriżi stabbiliti barra ż-żoni li jistgħu jibbenefikaw mid-deroga reġjonali stabbilita fl-Artikolu msemmi iktar ’il fuq.

269    Ir-Repubblika Taljana, li tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ Italgas, tosserva li l-Kummissjoni stess ammettiet, fis-sottomissjonijiet għad-difiża (punt 191), li l-istrument tad-deroga reġjonali stabbilit mill-Artikolu 87(3)(ċ) KE seta’ jwieġeb b’mod xieraq għar-rekwiżiti tat-tip bħal dawk li ġew imressqa minn Italgas fir-rigward ta’ Venezia, mingħajr ma huwa neċessarju li jinħolqu liġijiet ad hoc. Issa, din il-pożizzjoni ġiet difiża mill-awtoritajiet Taljani matul il-proċedura amministrattiva. Madankollu, il-Kummissjoni, mingħajr ma kkontestat l-argumenti ta’ dawn l-awtoritajiet dwar id-degradazzjoni irriversibbli tal-istruttura ekonomika taż-żoni tal-laguna, ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-talba tagħhom għall-applikazzjoni ta’ deroga abbażi tal-Artikolu msemmi iktar ’il fuq, f’dak li jirrigwarda l-parti insulari u lagunari ta’ Venezia. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata (Premessa 74) hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, il-biża tal-Kummissjoni li toħloq numru kbir ta’ talbiet għal derogi simili mhix iġġustifikata, b’mod partikolari fid-dawl tal-ispeċifiċità taż-żona insulari u lagunari ta’ Venezia.

–       Kawża T-277/00

270    Ir-rikorrenti, il-kumpannija Coopservice u l-kumitat Venezia vuole vivere, isostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball u minn nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni – meta hija tevalwa jekk l-iskema inkwistjoni tistax tibbenefika minn deroga reġjonali abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE – in-natura insulari tat-territorju ta’ Venezia u ta’ Chioggia, li tiġġustifika l-għoti tal-miżuri inkwistjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tinjora mingħajr ġustifikazzjoni u b’mod żbaljat id-dikjarazzjoni Nru 30 tat-Trattat ta’ Amsterdam. Issa, minn din id-dikjarazzjoni jirriżulta li l-insularità tiġġustifika l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna skont preżunzjoni dwar l-inkonvenjenzi strutturali li jolqtu lir-reġjuni insulari minħabba l-fatt biss tal-insularità tagħhom.

 L-argumenti tal-Kummissjoni

271    Il-Kummissjoni ssostni li, minħabba n-natura derogatorja tiegħu, l-Artikolu 87(3)(ċ) KE għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. In-natura eċċezzjonali tad-derogi reġjonali tirriżulta b’mod ċar mill-linji gwida tal-1998 (subparagrafu 4 tal-punt 1), li ħadu post il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metodu ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [87](3) punti (a) u (ċ) KE, għall-għajnuna reġjonali, tat-12 ta’ Awwissu 1988 (ĠU 1988 C 212, p. 2). Ir-regoli stabbiliti fil-linji gwida jorbtu lill-Kummissjoni.

272    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li ż-żoni ta’ kull Stat Membru li jistgħu jibbenefikaw mid-deroga reġjonali jidhru fuq il-mappa tal-għajnuna għal skop reġjonali approvata minn din l-istituzzjoni abbażi ta’ kriterji komuni u ta’ proġett innotifikat mill-Istat Membru, b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fil-linji gwida tal-1998 (b’mod partikolari punt 3.10).

273    F’dan il-każ, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni wkoll hija intiża għal impriżi stabbiliti f’żoni li mhumiex ammessi fid-deroga stabbilita fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Hekk kif kienet indikat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (Premessa 68), din iċ-ċirkustanza kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika li din l-iskema ma tkunx tista’ tibbenefika minn deroga reġjonali. Fil-fatt, matul l-evalwazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni mhix marbuta li tanalizza s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża benefiċjarja. Konsegwentement, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ Hotel Cipriani, id-deċiżjoni kkontestata mhix milquta minn nuqqas fil-motivazzjoni minħabba li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li din ir-rikorrenti kienet stabbilita f’żona ammessa li tibbenefika mid-deroga ġenerali.

274    Barra minn hekk, għal dawn l-istess raġunijiet, il-Kummissjoni għamlet sew meta rrifjutat li tilqa’ t-talba tal-awtoritajiet Taljani intiża sabiex tingħata l-awtorizzazzjoni tal-skema ta’ għajnuna inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, minħabba s-sitwazzjoni lokali speċifika ta’ Venezia, ikkaratterizzata mill-ħtieġa li jiġi evitat it-tnaqqis fil-populazzjoni tal-belt, it-tnaqqis tal-attivitajiet industrijali tagħha u t-trasformazzjoni tagħha f’belt mużew, u min-natura allegatament kumpensatorja tal-miżuri inkwistjoni (paragrafu 67 tad-deċiżjoni kkontestata).

275    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta li Venezia tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat lill-impriżi fiż-żoni urbani żvantaġġati.

276    Barra minn hekk, hija tosserva li f’kull każ, l-ebda leġiżlazzjoni ad hoc dwar Venezia ma hija meħtieġa sabiex twieġeb għall-ħtiġijiet invokati minn Italgas. F’dan il-każ, hija r-Repubblika Taljana li ddeċidiet li ma tinkludix it-territorju kollu ta’ Venezia fil-proposta tagħha dwar il-lista taż-żoni ammissibbli għad-derogi reġjonali previsti mill-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

277    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li fid-deċiżjoni kkontestata (paragrafi 73 u 74), hija esponiet ir-raġunijiet għalfejn hija ma kellhiex l-intenzjoni li tibdel il-metodu ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu sabiex tadattah għall-każ ta’ Venezia, hekk kif kienet għamlet matul it-tkabbir tal-Komunità għall-Isvezja u għall-Finlandja.

278    Fl-aħħar, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument ta’ Italgas, li jgħid li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tipprovdi miżuri favur l-impjiegi simili għal dawk imħabbra mil-leġiżlazzjoni dwar il-Mezzogiorno, li kienu ġew estiżi għat-territorji ta’ Venezia u ta’ Chioggia.

279    Fir-rigward tal-argument dwar il-konformità tal-miżuri inkwistjoni mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, magħmul minn Hotel Cipriani, dan kien jirreferi għal sitwazzjoni individwali u għal settur ta’ attività partikolari, li mhumiex suġġetti għall-eżami mill-Kummissjoni matul l-evalwazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

280    Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata (Premessi 60 sa 63 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1), il-Kummissjoni, filwaqt li tibbaża fuq il-punti 20, 21 u 23 tal-linji gwida dwar l-għajnuna għall-impjiegi, li kienu jirrigwardaw biss l-għajnuna għall-impjiegi li ma kinitx marbuta ma’ investiment (ara l-punt 10 tal-linji gwida), iddikjarat bħala kompatibbli mas-suq komuni, abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, l-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-ħolqien ta’ impjiegi previsti mill-Artikolu 2 tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994, peress li dawn l-eżenzjonijiet ingħataw lil impriżi li jew huma SME’s, jew impriżi stabbiliti f’żona li tista’ tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE, jew impriżi li impjegaw kategoriji ta’ ħaddiema li jsibu diffikultajiet partikolari sabiex jidħlu jew jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol.

281    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 u fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, kkunsidrat li l-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-ħolqien ta’ impjiegi li ma jissodisfawx waħda mit-tliet kundizzjonijiet alternattivi msemmija iktar ’il fuq, kif ukoll it-tnaqqis ġenerali tal-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali previsti mill-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994, li huma intiżi għaż-żamma tal-impjiegi (ara l-Premessi 64 u 65 tad-deċiżjoni kkontestata), ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti mill-linji gwida dwar l-għajnuna għall-impjiegi (punt 22), imsemmija iktar ’il fuq, sabiex jiġu awtorizzati skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE bħala għajnuna settorjali intiża sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet mingħajr ma tvarja l-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni.

282    Fil-Premessi 67 sa 78 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni vverifikat jekk l-eżenzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti setgħux – fin-nuqqas tal-possibbiltà li jibbenefikaw minn deroga settorjali abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, bħala għajnuna għall-impjiegi – jibbenefikaw minn deroga reġjonali, abbażi tal-Artikolu 87(3)(a) jew (ċ) KE, bħala għajnuna b’għan reġjonali. F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha espressament fuq il-komunikazzjoni tagħha tat-12 ta’ Awwissu 1988, li kienet tapplika matul il-perijodu inkwistjoni bejn l-1995 u l-1 ta’ Diċembru 1997, id-data li fiha l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ġiet sospiża (ara l-Premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

283    Dan il-metodu ġie mibdul ulterjorment, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fil-25 ta’ Novembru 1999, mill-linji gwida tal-1998, li ġew adottati fis-16 ta’ Diċembru 1997 abbażi ta’ “kull miżura xierqa” msemmija fl-Artikolu 88(1) KE (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2002, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-242/00, Ġabra 2002 p. I-5603, punt 30), u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fl-10 ta’ Marzu 1998.

284    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-linji gwida msemmija kinux applikabbli f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li dawn il-linji gwida, fil-punt 6.1 tagħhom, jistabbilixxu li l-Kummissjoni għandha tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna b’għan reġjonali mas-suq komuni abbażi tal-linji gwida msemmija, sa mill-adozzjoni tagħhom. Madankollu, dawn jippreċiżaw li l-proġetti ta’ għajnuna nnotifikati qabel il-komunikazzjoni lill-Istati Membri ta’ dawn il-linji gwida għandhom jiġu evalwati abbażi tal-kriterji fis-seħħ fil-mument tan-notifika. Issa, f’dan il-każ, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet ġiet implementata illegalment sa mill-1995. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-liġi Nru 30/1997 li jestendu din l-iskema, għall-1997, favur l-impriżi stabbiliti fit-territorju ta’ Venezia u ta’ Chioggia, kif ukoll fir-reġjuni tal-Mezzogiorno, ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni b’ittra tal-10 ta’ Ġunju 1997, skont id-Deċiżjoni 95/155, li taħt ċerti kundizzjonijiet tawtorizza l-iskema tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fil-Mezzogiorno, u mhux bħala notifika formali ta’ proġett ta’ għajnuna favur l-impriżi ta’ Venezia u ta’ Chioggia b’mod konformi mal-Artikolu 88(3) KE, peress li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet diġà implementata. Għaldaqstant, tali komunikazzjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala notifika li tippermetti l-applikazzjoni tal-kriterji fis-seħħ fil-mument ta’ din in-notifika, skont il-Punt 6.1 tal-linji gwida tal-1998. Madankollu, abbażi tad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti mill-punti 6.2 u 6.3 tal-linji gwida tal-1998, minn naħa, il-Kummissjoni setgħet, taħt ċerti kundizzjonijiet, minn naħa waħda, tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-linji gwida, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-eleġġibiltà tal-listi tar-reġjuni assistiti, u f’dan ir-rigward tkompli tibbaża ruħha fuq il-metodu ddefinit fil-komunikazzjoni tagħha tat-12 ta’ Awwissu 1988. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni setgħet ukoll tidderoga, taħt ċerti kundizzjonijiet, mid-dispożizzjonijiet tal-linji gwida tal-1998 dwar l-eżami tal-kompattibilità tal-intensitajiet u tal-limiti tal-kumulazzjoni.

285    Isegwi li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq il-pjanta tar-reġjuni li jistgħu jibbenefikaw minn deroga reġjonali, kif ukoll fuq il-limiti ta’ intensità tal-għajnuna u l-limiti ta’ kumulu, stabbiliti skont il-metodu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3) (a) u (ċ) KE, stabbiliti fil-komunikazzjoni tat-12 ta’ Awwissu 1988, imsemmija iktar ’il fuq. F’dak li jirrigwarda l-elementi l-oħrajn, il-linji gwida ppubblikati fl-1998 kienu applikabbli.

286    Barra minn hekk, kif fakkret il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Lulju 2002, HAMSA vs Il-Kummissjoni, punt 265 iktar ’il fuq (punti 201 u 202), mill-komunikazzjoni tat-12 ta’ Awwissu 1988 (l-ewwel subparagrafu tal-punt 6), u kif ġie kkonfermat u mfisser mil-linji gwida tal-1998 (subparagrafi 4, 4.1 u 4.11 tal-punt 1), imsemmija iktar ’il fuq, jirriżulta li l-għajnuna reġjonali, li tista’ tibbenefika minn deroga abbażi tal-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE, għandhom bħala għan kemm investiment produttiv kif ukoll il-ħolqien ta’ impjiegi marbuta mat-twettiq ta’ investiment. Min-naħa l-oħra, peress li l-għajnuna għall-funzjonament tista’ biss tiġi awtorizzata b’mod eċċezzjonali, abbażi tal-Artikolu 87(3)(a) jew (ċ) KE (it-tieni subparagrafu tal-punt 6, tal-komunikazzjoni tat-12 ta’ Awwissu 1988, u l-punti 4.15 sa 4.17 tal-linji gwida tal-1998). Anki jekk jitqies li d-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna għall-ħolqien tal-impjiegi marbuta mat-twettiq ta’ investiment u dawk relatati mal-għajnuna għall-funzjonament li jinsabu fil-linji gwida tal-1998, ma japplikawx ratione temporis, liema ħaġa hija miċħuda mill-punt 6.1, iċċitat iktar ’il fuq, li jiddisponi li dawn il-linji gwida japplikaw sa mill-adozzjoni tagħhom, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti mill-punti 6.2 u 6.3, iċċitat iktar ’il fuq, xorta jibqa’ l-fatt li l-importanza tal-kriterju ta’ rabta ma’ investiment u n-natura eċċezzjonali tal-għajnuna għall-funzjonament jirriżultaw b’mod ċar mill-komunikazzjoni tat-12 ta’ Awwissu 1988. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tal-komunikazzjoni tat-12 ta’ Awwissu 1988 hija neċessarja peress li hija għal kollox konformi mal-għan imfittex mid-derogi reġjonali abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, intiżi sabiex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi mingħajr ma jbiddlu l-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni.

287    Għaldaqstant, fid-deċiżjoni kkontestata (Premessi 68 u 69), il-Kummissjoni tfakkar ġustament li l-kriterji ta’ eleġibbiltà ta’ żona għal deroga reġjonali abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, it-tipi ta’ għajnuna li jistgħu jingħataw, kif ukoll l-intensità tal-għajnuna, kienu ddeterminati fil-komunikazzjoni tat-12 ta’ Awwissu 1988. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri inkwistjoni ma setgħux jibbenefikaw minn tali deroga minħabba żewġ motivi. Fl-ewwel lok, hija osservat li kienet biss parti mit-territorju tal-belt ta’ Venezia li kienet inkluża fil-lista tar-reġjuni Taljani ammessi għall-benefiċċju tad-deroga reġjonali prevista fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Fit-tieni lok, hija osservat li, b’mod konformi mal-komunikazzjoni tal-1988, għajnuna b’skop reġjonali għandha bħala għan kemm investimenti produttivi kif ukoll ħolqien ta’ impjiegi marbuta mal-investiment. Peress li l-eżenzjonijiet inkwistjoni favur il-ħolqien tal-impjiegi kienu jikkostitwixxu għajnuna għall-funzjonament, huma setgħu jingħataw biss abbażi tal-punti 4.15 sa 4.17 tal-linji gwida tal-1998, taħt kundizzjonijiet rigorużi ħafna, lil impriżi li joperaw f’reġjuni li jibbenefikaw mid-deroga prevista mill-Artikolu 87(3) (a) KE, li Venezia u Chioggia ma jaqgħux taħtha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li huma ma setgħux jiġu klassifikati bħala miżuri b’għan reġjonali (ara l-Premessi 68 sa 70 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegat għan ta’ żvilupp reġjonli, il-Kummissjoni osservat li, b’kunsiderazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, ma kien hemm l-ebda rabta bejn din l-iskema u d-diffikultajiet strutturali invokati (ara l-Premessa 78).

288    Sussegwentement, fid-deċiżjoni kkontestata (Premessi 71 sa 77), il-Kummissjoni rrifjutat l-argumenti li kienu ġew invokati mill-awtoritajiet Taljani, mill-kumitat u mill-muniċipalità ta’ Venezia favur l-applikazzjoni ta’ kriterji iktar flessibbli minn dawk stabbiliti fil-komunikazzjoni tat-12 ta’ Awwissu 1988. B’mod partikolari, hija tikkontesta li applikat regoli li jagħmlu eċċezzjoni għall-kriterji stabbiliti f’din il-komunikazzjoni, b’mod partikolari fil-linji gwida tal-għajnuna mill-Istat lill-impriżi fiż-żoni urbani żvantaġġati, tal-14 ta’ Mejju 1997, fil-komunikazzjoni tagħha dwar bdil fil-metodu għall-applikazzjoni tal-Artikolu [87](3)(ċ) [KE] għall-għajnuna b’għan reġjonali fid-dawl tal-adeżjoni tal-pajjiżi nordiċi tal-20 ta’ Diċembru 1994 (ĠU C 364, p. 8), u fid-deċiżjoni 94/455 tagħha (ara l-punt 2, iktar ’il fuq).

289    Bi qbil mal-argumentazzjoni invokata quddiem il-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti u r-Repubblika Taljana li tintervjeni insostenn ta’ Italgas isostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 87(3)(ċ) KE u hija insuffiċjentement immotivata peress li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod xieraq id-diffikultajiet speċifiċi marbuta b’mod partikolari mal-insularità li tikkaratterizza t-territorju ta’ Venezia, għall-finijiet tal-għoti ta’ deroga reġjonali favur eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ddikjarati bħala inkompatibbli fid-deċiżjoni kkontestata.

290    Għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali kumplessi, li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju. L-istħarriġ ġudizzjarju tal-mod ta’ kif din id-diskrezzjoni għandha tiġi eżerċitata għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni u kif ukoll għall-ivverifikar tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati u li ma kienx hemm żball ta’ dritt, żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew abbuż tal-poter (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-409/00, Ġabra 2003 p. I-1487, punt 93, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Pollmeier Malchow vs Il-Kummissjoni, T-137/02, Ġabra 2004 p. II-3541, punt 52).

291    Barra minn hekk, mill-istess Artikolu 87(3) KE u tal-Artikolu 88 KE, jirriżulta li l-Kummissjoni “tista’” tikkunsidra bħala kompatibbli mas-suq Komuni l-għajnuna msemmija fl-ewwel min dawn iż-żewġ dispożizzjonijet Għaldaqstant minkejja li l-Kummissjoni għandha dejjem tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà mas-suq tal-għajnuna mill-Istat li fuqha hija teżerċita l-kontroll tagħha anki meta din l-għajnuna ma tkunx ġiet innotifikata lilha, il-Kummissjoni mhiex marbuta li tiddikjara lil tali għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 290 iktar ’il fuq, punt 94, u Pollmeier Malchow vs Il-Kummissjoni, punt 287 iktar ’il fuq, punt 53).

292    Il-Kummissjoni tista’ timponi fuqha nfisha politika għall-eżerċizzju tas-setgħat diskrezzjonali tagħha, permezz ta’ atti bħal linji gwida jew komunikazzjonijiet, peress li dawn l-atti fihom regoli indikativi fuq id-direzzjoni li għandha tiġi segwita minn din l-istituzzjoni u ma jistgħux imorru kontra r-regoli tat-Trattat. Meta l-Kummissjoni tadotta tali atti intiżi sabiex jiġu speċifikati, fl-osservanza tat-Trattat, il-kriterji li għandha l-intenzjoni li tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali, tirriżulta awtolimitazzjoni ta’ din is-setgħa peress li din timponi fuqha stess l-obbligu li tikkonforma mar-regoli indikattivi li hija tkun imponiet fuqha stess. F’dan il-kuntest, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tivverifika jekk ir-regoli ġewx osservati mill-Kummissjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-1 ta’ Diċembru 2004, Kronofrance vs Il-Kummissjoni, T-27/02, Ġabra p. II-4177, punt 79, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 290 iktar ’il fuq, punt 95, u Pollmeier Malchow vs Il-Kummissjoni, punt 290 iktar ’il fuq, punt 54).

293    Fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fl-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3) KE, il-Kummissjoni jibqgħalha s-setgħa li tħassar jew li temenda l-linji gwida jew il-komunikazzjonijiet tagħha jekk iċ-ċirkustanzi hekk jimponu. Barra minn hekk, dawn l-atti jirrigwardaw settur definit u huma mmotivati mill-intenzjoni li tiġi segwita politika li ġiet iddeterminata minnha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, T-214/95, Ġabra 1998 p. II-717, punt 89).

294    B’mod partikolari, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax titqies li ċaħdet lilha nnifisha mis-setgħa li tirrikonoxxi l-kompatibbiltà ta’ għajnuna direttament abbażi tal-Artikolu 87(3) KE, jekk hija ma tkunx ħadet pożizzjoni ċara fuq din il-kwistjoni fil-komunikazzjoni jew fil-linji gwida rilevanti. B’mod partikolari, dan huwa l-każ meta l-linji gwida applikabbli ma jipprojbixxux espressament jew m’għandhomx l-għan li jipprojbixxu t-tip ta’ għajnuna mogħtija f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Settembru 2007, Fachvereinigung Mineralfaserindustrie vs Il-Kummissjoni, T-375/03, ĠU C 269, p. 44, punti 143 u 144).

295    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li tali linji gwida jew komunikazzjonijiet ma jistgħux jiġu mifhuma fir-rigward tal-kliem tagħhom biss. Dawn għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 87 KE u tal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri dak ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni. Fis-sentenza Kronofrance vs Il-Kummissjoni, punt 292 iktar ’il fuq (punt 89), il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li l-linji gwida multisettorjali tal-għajnuna għal skop reġjonali favur proġetti ta’ investiment kbar setgħu jinftehmu fis-sens, allegat mill-Kummissjoni, li għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fattur relatat mal-istat tal-kompetizzjoni, l-evalwazzjoni tal-kriterju relatat ma’ suq li sejjer lura hija awtorizzata biss b’mod sussidjarju, meta l-informazzjoni dwar ir-rata ta’ użu tal-kapaċitajiet tas-settur inkwistjoni ma jkunux biżżejjed. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li dawn il-linji gwida kellhom jinftehmu fis-sens li, fil-każ fejn l-informazzjoni dwar l-użu tal-kapaċitajiet tas-settur ikkonċernat ma jwassluwhiex sabiex tikkonkludi li dan is-settur ibati minn kapaċità stutturali żejda, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk is-suq inkwistjoni huwiex sejjer lura, peress li din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda konformi mal-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta.

296    Bl-istess mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fis-sentenza Pollmeier Malchow vs Il-Kummissjoni, punt 290 iktar ’il fuq, li d-dispożizzjonijiet tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ April 1996 dwar id-definizzjoni tal-SME kellhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għan tal-kriterju tal-indipendenza ekonomika. Għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet kienu essenzjalment jipprovdu li impriżi mhux miżmuma sa 25 % jew iktar minn impriża jew iktar li ma jissodisfawx id-definizzjoni ta’ SME kienu kkunsidrati bħala indipendenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux biddlu s-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tiddetermina jekk impriżi li jiffurmaw parti minn grupp jikkostitwixxux unità ekonomika għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-iskema tal-għajnuna mill-Istat (ara b’mod partikolari l-punti 58 sa 63 tas-sentenza).

297    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 253 KE, il-Kummissjoni għandha timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha, inklużi dawk li jirrifjutaw li jiddikjaraw għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Issa, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-awtorità Komunitarja li wettqet l-att ikkontestat, b’mod li tippermetti lill-persuni interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u, jekk ikun il-każ, li jiddefendu d-drittijiet tagħhom, kif ukoll lill-qrati li jeżerċitaw l-istħarriġ tagħhom (ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 290 iktar ’il fuq, punti 95 u 98).

298    Għaldaqstant, f’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 287 u 288 iktar ’il fuq) tistax titqies bħala suffiċjenti u jekk, fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet, il-Kummissjoni qabżitx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-kuntest tal-komunikazzjonijiet u tal-linji gwida rilevanti, fid-dawl tal-ġurisprudenza li għadha kif issemmiet

299    Qabel kollox, fir-rigward tal-argument tal-Hotel Cipriani, li jgħid li d-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna nazzjonali għal skop reġjonali għandhom jiġu interpretati b’mod flessibbli fid-dawl tal-għanijiet ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali, il-Kummissjoni tenfasizza ġustament li l-implementazzjoni ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq intern (Artikolu 3(1)(g) KE u l-Artikoli 81 KE sa 89 KE), minn naħa waħda, u r-rinfurzar tal-koeżjoni ekonomika u soċjali (l-Artikolu 3(1)(k) KE u l-Artikoli 158 KE sa 162 KE), min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu żewġ politiki distinti u awtonomi tal-Komunità. Il-Fondi strutturali jikkostitwixxu l-istrument prinċipali tat-tieni waħda minn dawn il-politiki, filwaqt li d-derogi reġjonali previsti mill-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE jiffurmaw parti mill-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni u huma limitati mill-ħtieġa li tiġi evitata kull distorsjoni illegali li tmur kontra l-interess komuni. Madankollu, il-kumplimentarità ta’ dawn iż-żewġ politiki dwar l-għajnuna reġjonali, li wara kollox tirriżultaw mill-komunikazzjoni tat-12 ta’ Awwissu 1988 (ir-raba’ premessa tal-preambolu), msemmija iktar ’il fuq, ma timplika l-ebda ġerarkija bejn l-għanijiet rispettivament imfittxija. Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza, imsemmija fit-tielet premessa tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1628/2006, tal-24 ta’ Ottubru 2006, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 KE u 88 KE għall-għajnuna nazzjonali għall-investiment bi skop reġjonali (ĠU L 302, p. 29), ta’ eżenzjoni skont il-kategorija invokata minn Hotel Cipriani, li l-għajnuna mill-Istat għal skop reġjonali ittejjeb il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Istati Membri u tal-Komunità sħiħa, ma jistax ikollu impatt fuq l-interpretazzjoni tar-regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat għal skop reġjonali. B’mod partikolari, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, il-Kummissjoni mhix marbuta li tapplika dawn ir-regoli b’mod iktar flessibbli b’mod li l-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali jipprevalu fuq dawk tal-politika tal-kompetizzjoni. Fil-prattika, il-linji gwida tal-1998 jinkludu fihom dispożizzjoni speċifika (punt 3.10.5) intiża sabiex tiffavorixxi l-koerenza tal-għajnuna mill-Istat għal skop reġjonali mal-Fondi strutturali, filwaqt li jiggarantixxu l-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet stabbiliti fil-linji gwida.

300    Sussegwentement, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti dwar il-linji gwida u l-komunikazzjonijiet invokati mir-rikorrenti sabiex juru li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet marbuta li tiddikjara l-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni, abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

301    L-ewwel nett, hekk kif tosserva l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (Premessa 72), il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat lill-impriżi fiż-żoni urbani żvantaġġati ma jirrigwardawx l-għoti ta’ derogi reġjonali, iżda l-għoti ta’ derogi settorjali abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li, fir-rigward tal-intensità tad-diffikultajiet li jiġġustifikaw l-għoti ta’ deroga abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, il-punt 13 ta’ dawn il-linji gwida jistabbilixxi li ż-żoni urbani żvantaġġati għandhom, kemm fuq il-livell soċjo-ekonomiku kif ukoll fuq il-livell tad-diżabbiltajiet u l-ispejjeż żejda mħallsa mill-impriżi stabbiliti fihom, diffikultajiet ta’ intensità paragunabbli mar-reġjuni assistiti skont l-Artikolu msemmi iktar ’il fuq, madankollu fil-punt 10 huwa enfasizzat li l-problemi misjuba mill-impriżi f’dawn iż-żoni urbani żvantaġġati huma problemi ta’ natura essenzjalment lokali li ma jiġġustifikawx intervent ta’ tip reġjonali miftuħ għall-impriżi l-kbar. Barra minn hekk, skont il-punt 5, in-natura mhux adegwata tar-regoli li jirregolaw għajnuna reġjonali jirriżultaw b’mod partikolari, minn naħa, mill-kriterji ta’ eleġibbiltà taż-żoni ammissibbli u, min-naħa l-oħra, mill-impossibbiltà li jibbenefikaw minn għajnuna reġjonali l-impriżi eżistenti li ma jinsabux f’operazzjoni ta’ investiment.

302    Barra minn hekk, wieħed mill-kriterji alternattivi – definiti fil-punt 7 tal-linji gwida msemmija iktar ’il fuq – ta’ eliġibbiltà taż-żoni għal għajnuna mill-Istat lill-impriżi fiż-żoni urbani żvantaġġati jikkonsisti fil-fatt li dawn iż-żoni jkunu ġew magħżula abbażi tal-inizjattiva URBAN, stabbilta fil-kuntest tal-fondi strutturali b’applikazzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93, tal-20 ta’ Lulju 1993, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 4253/88 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 f’dak li jirrigwarda l-koordinazzjoni bejn l-interventi tad-diversi fondi strutturali, minn naħa, u bejn dawn u dawk tal-Bank Ewropew għall-Investiment u tal-istrumenti finanzjarji l-oħra eżistenti, min-naħa l-oħra (ĠU L 193, p. 24) u tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2083/93, tal-20 ta’ Lulju 1993, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 4254/88 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 f’dak li jirrigwarda l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ĠU L 193, p. 34). Il-komunikazzjoni lill-Istati Membri li tistabbilixxi l-linji gwida għall-programmi operazzjonali li l-Istati Membri huma mitluba li jistabbilixxu fil-kuntest tal-inizjattiva Urban (ĠU 1994, C 180, p. 6) tipprovdi, fil-punt 14, li għajnuna Komunitarja, taħt forma ta’ self jew ta’ sussidji, tkun tista’ tingħata fil-kuntest tal-inizjattiva Urban favur programmi ta’ żvilupp integrati għal parti ddefinita ġeografikament u limitata għal żona urbana f’diffikultà. F’dan ir-rigward, mill-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat lill-impriżi stabbiliti fiż-żoni urbani żvantaġġati (punt 2.1) jirriżulta li b’mod partikolari, din tirrigwarda l-għajnuna mill-Istat intiża sabiex tikkompleta l-isforzi tal-fondi strutturali.

303    Għandu jiġi osservat li, skont il-punt 4 ta’ dawn il-linji gwida, l-iżvantaġġi ekonomiċi li jfixklu lill-impriżi taż-żoni urbani żvantaġġati huma dovuti b’mod konkret għall-“ispejjeż żejda diretti jew indiretti marbuta mal-istabbiliment f’dawn iż-żoni (serq, livell tal-primjums ta’ assigurazzjoni, vandaliżmu...), kif ukoll id-diżabbiltajiet strutturali ta’ dawn il-kwartieri (diffikultà li jinsabu ħaddiema kkwalifikati lesti li jaħdmu hemmhekk, tnaqqis globali tal-attività ekonomika, nuqqas u degradazzjoni tal-infrastruttura pubblika, nuqqas ta’ sigurtà, diffikultajiet finanzjarji tal-awtoritajiet lokali, problemi ta’ “immaġni tat-trade mark”)”. Dawn il-linji gwida jirrigwardaw biss l-għajnuna lill-impriżi ż-żgħar li jeżerċitaw attività ta’ natura lokali (punt 11), u fl-Anness 1 tagħhom isemmu l-attivitajiet eliġibbli, li fosthom jidhru b’mod partikolari l-lukandi u r-ristorazzjoni. Fost l-“attivitajiet mhux milquta” msemmija f’dan l-Anness, hemm b’mod partikolari d-distribuzzjoni tal-gass.

304    F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li min-naħa l-oħra, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tibbenefika lill-impriżi kollha stabbiliti f’Venezia u fi Chioggia. Din ma tipprovdi l-ebda limitu għall-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha.

305    Barra minn hekk, għalkemm Hotel Cipriani ssostni li t-territorju ta’ Venezia jidħol, b’mod partikolari abbażi tal-inizjattiva Urban (ara l-punt 299, iktar ’il fuq), fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-linji gwida msemmija iktar ’il fuq, ma jistax jingħad validament u wara kollox l-ebda wieħed mir-rikorrenti ma jippretendi li l-kriterji speċifiċi stabbiliti f’dawn il-linji gwida huma ssodisfatti mill-iskema ta’ għajnuna kkunsidrata. Għaldaqstant, tali linji gwida huma irrilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni ġustament li l-linji gwida msemmija iktar ’il fuq ma jikkostitwixxux eżempju ta’ intervent li jidderoga mill-kriterji ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE li kien iġġustifikat minħabba kundizzjonijiet uniċi u eċċezzjonali. Bil-kontra, dan jiddefinixxi kriterji ġenerali applikabbli għaż-żoni urbani żvantaġġati kollha, għall-finijiet tal-għoti ta’ deroga settorjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għall-pożizzjoni tar-rikorrenti, il-fatt li f’dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet ekonomiċi speċifiċi fiż-żoni urbani żvantaġġati, ma jippermettix li jitqies li għall-finijiet tal-għoti ta’ deroga abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-problemi speċifiċi eżistenti f’Venezia, allegati mir-rikorrenti, li m’għandhom l-ebda relazzjoni mad-diffikultajiet taż-żoni urbani żvantaġġati.

306    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti u r-Repubblika Taljana mhumiex iġġustifikati li jilmentaw talli l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-problemi strutturali marbuta mal-insularità invokati mill-awtoritajiet Taljani u l-persuni interessati matul il-proċedura amministrattiva, sabiex tingħata deroga reġjonali skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, minħabba li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni taqbel mal-għanijiet ta’ żvilupp reġjonali previsti mill-iskema ta’ għajnuna reġjonali u huma proporzjonati.

307    Ċertament, mill-ġurisprudenza jirriżulta (ara l-punti 294 sa 296 iktar ’il fuq) li l-Kummissjoni – hekk kif isostnu r-rikorrenti u r-Repubblika Taljana – tista’ fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tieħu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet speċifiċi abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, mingħajr ma huwa meħtieġ li għal dan il-għan tinbidel l-iskema ta’ għajnuna reġjonali li tirriżulta mill-komunikazzjonijiet u mil-linji gwida applikabbli jew li tinħoloq leġiżlazzjoni ad hoc. F’tali każ, hija l-Kummissjoni li għandha tibbilanċja l-effetti benefiċi tal-għajnuna u l-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta (ara s-sentenzi Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni, punt 225 iktar ’il fuq, punti 24 u 26, u Alzetta et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 129).

308    Madankollu, f’dan il-każ, l-argumenti invokati mir-rikorrenti u mir-Repubblika Taljana ma jippermettux li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni qabżet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta fil-Premessi 68 u 69 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 287, iktar ’il fuq), ibbażat ruħha fuq kriterji ta’ evalwazzjoni ddefiniti fil-komunikazzjoni tat-12 ta’ Awwissu 1988 u fuq il-linji gwida tal-1998.

309    B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma tawx prova li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ diskrezzjoni meta qieset li s-sitwazzjoni ta’ Venezia ma ppreżentatx elementi ġodda, u għaldaqstant, meta bbażat ruħha fuq il-fatt li l-għajnuna inkwistjoni ma kinitx marbuta ma’ investiment, sabiex tirrifjuta li tawtorizzaha abbażi tad-deroga reġjonali (ara l-punt 288, iktar ’il fuq). Barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti u mir-Repubblika Taljana li kienu biss ċerti żoni fit-territorju ta’ Venezia li kienu inklużi fil-lista tar-reġjuni intitolati għall-benefiċċju ta’ deroga reġjonali abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Dwar dan l-aħħar punt madankollu għandu jiġi osservat li kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, minnu nnifsu dan il-fatt ma kienx jeskludi t-territorju kollu ta’ Venezia mill-benefiċċju ta’ deroga reġjonali. Madankollu, fiż-żoni eliġibbli, in-natura ta’ għajnuna għall-funzjonament tal-għajnuna inkwistjoni kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika r-rifjut tal-Kummissjoni milli tawtorizzhom abbażi tal-għajnuna reġjonali.

310    Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-ilment ta’ Italgas u tar-Repubblika Taljana, li jgħid li meta fid-deċiżjoni kkontestata (paragrafu 74), il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tinvoka n-nuqqas ta’ elementi ġodda li setgħu jiġġustifikaw l-għoti tad-deroga ad hoc mitluba, hija ma mmotivatx biżżejjed ir-rifjut tagħha tal-argumenti bbażati fuq is-sitwazzjoni unika taż-żona lagunari ta’ Venezia, invokati mill-awtoritajiet Taljani u t-terzi kkonċernati fil-proċedura amministrattiva.

311    Fil-fatt, fil-Premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet għalfejn f’dan il-każ hija ma kellhiex l-intenzjoni li tibdel il-metodu ta’ applikazzjoni ta l-Artikolu 87(3)(ċ) KE tat-12 ta’ Awwissu 1988, sabiex tadattah għall-każ inkwistjoni, hekk kif kienet għamlet fid-dawl tat-tkabbir tal-Komunità bl-Iżvezja u bil-Finlandja. F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni kienet effettivament biddlet, b’deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 1994, il-metodu msemmi iktar ’il fuq billi essenzjalment applikat kriterju supplimentari ta’ eleġibbiltà taż-żoni għal deroga reġjonali u l-possibbiltà li tawtorizza għajnuna intiża sabiex tikkumpensa parzjalment l-ispejjeż żejda tat-trasport, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet ġeografiċi ġodda għall-Komunità Ewropea, jiġifieri l-ultranordiċità, kundizzjonijiet klimatiċi iebsa, distanzi interni twal ħafna, densità ta’ populazzjoni dgħajfa f’ċerti partijiet mit-territorju, li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni bħala problemi bażiċi matul l-elaborazzjoni tal-metodu (ara l-komunikazzjoni tal-20 ta’ Diċembru 1994, iċċitata iktar ’il fuq, indirizzata lill-Istati Membri u lill-persuni interessati l-oħra dwar emenda magħmula fit-Titolu II tal-komunikazzjoni tat-12 ta’ Awwissu 1988. Għaldaqstant, meta spjegat li s-sitwazzjoni ta’ Venezia ma kinitx tippreżenta elementi ġodda, u li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet ta’ natura li tfixkel is-sistema ta’ għajnuna li kienet fis-seħħ – peress li din hija għajnuna għall-funzjonament mogħtija f’reġjun li m’għandux problemi kbar ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali – il-Kummissjoni mmotivat biżżejjed ir-rifjut tagħha milli, f’dan il-każ, tiċħad il-kriterji stabbiliti fil-metodu applikabbli.

312    It-tielet nett, l-argument ta’ Italgas, li b’mod partikolari jgħid li, il-Kummissjoni kellha s-setgħa li tiċħad il-kriterji stabbiliti fil-punt 22 tal-linji gwida dwar l-għajnuna għall-impjiegi, f’dak li jirrigwarda l-eżenzjonijiet ġenerali tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali intiżi għaż-żamma tal-impjiegi previsti mill-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994, ukoll għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, filwaqt li dawn il-linji gwida jirrigwardaw derogi settorjali abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, ir-rikorrenti tillimita ruħha sabiex tinvoka d-Deċiżjoni 95/455, fejn il-Kummissjoni kienet ikkonċediet deroga reġjonali fir-rigward ta’ eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali applikabbli fil-Mezzogiorno, f’ċirkustanzi totalment differenti minn dawk inkwistjoni f’dan il-każ, hekk kif osservat fid-deċiżjoni kkontestata (Premessi 75 u 76). F’din id-deċiżjoni tal-1995 (Premessa 14), il-Kummissjoni kienet ikkonstatat li l-għajnuna għall-funzjonament prevista mill-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994 kienet tissodisfa, fir-reġjuni kollha minbarra l-Abruzzo u l-Molise, il-kundizzjonijiet kollha sabiex tibbenefika mid-deroga reġjonali abbażi tal-Artikolu 87(3)(a), KE. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Abruzzo u tal-Molise, li ma kinux jissodisfaw iktar dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn iż-żewġ reġjuni kienu ġew koperti mid-deroga abbażi tal-Artikolu 87(3)(a) KE sal-31 ta’ Diċembru 1993. Għaldaqstant, hija qieset li għalkemm l-Artikolu 87(3)(ċ) KE ma jkoprix l-għajnuna għall-funzjonament, kien adegwat u kompatibbli mas-suq komuni, mingħajr mal-kundizzjonijiet tal-kummerċ jiġu mibdula b’mod li jmur kontra l-interess komuni, li din l-għajnuna tiġi awtorizzata, bħala miżura ta’ akkumpanjament ta’ natura temporanja, b’mod li jiġi favorit l-adattament tal-impriżi tar-reġjun mal-iskema inqas favorevoli prevista mill-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Fid-Deċiżjoni 94/455 tagħha (paragrafu 15), il-Kummissjoni kienet iġġustifikat din id-deroga għall-kriterji stabbiliti mill-komunikazzjoni tat-12 ta’ Awwissu 1988 bħala “prinċipju ġenerali ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ partikolarità oġġettiva ta’ sitwazzjonijiet mhux paragunabbli ma’ dawk tar-reġjuni suġġetti għal deroga abbażi tal-Artikolu [87](3)(ċ) [KE]”.

313    Fir-raba’ lok, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ Italgas, il-Kummissjoni kienet konformi b’mod sħiħ mal-kriterji li hija stabilixxiet fil-linji gwida dwar l-għajnuna għall-impjiegi, imsemmija iktar ’il fuq, meta ddikjarat l-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali għall-ħolqien ta’ impjiegi previsti mill-Artikolu 2 tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994 bħala mhux kompatibbli mas-suq, meta dawn l-eżenzjonijiet ma kinux ingħataw la lill-SMEs, la lil impriżi stabbiliti f’żona eliġibbli għall-għajnuna għal skop reġjonali u lanqas lil impriża ta’ inseriment. Fil-fatt, fil-punt 21 ta’ dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar il-kriterji skont liema hija kienet tevalwa jekk għajnuna għall-ħolqien ta’ impjiegi tistax tibbenefika minn deroga settorjali abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Issa, fost dawn il-kriterji jidhru t-tliet kundizzjonijiet alternattivi msemmija iktar ’il fuq, b’mod partikolari fosthom dak dwar il-lokalizzazzjoni tal-impriża benefiċjarja f’żona eliġibbli għall-għajnuna għal skop reġjonali. Peress li Italgas ma tippreżenta l-ebda element li jippermetti li titqiegħed in diskussjoni l-koerenza ta’ dawn it-tliet kriterji alternattivi mal-għanijiet tad-derogi settorjali abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE li jirrigwardaw l-għajnuna intiża sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi meta dawn ma jbidlux il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur konta l-interess Komunitarju, għandu jitqies li l-Kummissjoni kellha l-obbligu, skont ġurisprudenza ferm stabbilita (ara l-punt 292, iktar ’il fuq), li tkun konformi mal-kriterji indikattivi li kienet imponiet fuqha nnifisha. F’kull każ, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li applikat dawn il-kriterji, peress li la ma ngħatat prova, u lanqas ġie allegat b’mod sostanzjat li dawn mhumiex kompatibbli mal-għan imfittex mid-derogi settorjali (ara, bil-kontra, is-sentenza Pollmeier Malchow vs Il-Kummissjoni, punt 290 iktar ’il fuq).

314    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-motivi li jirrigwardaw il-ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE u tan-nuqqas ta’ motivazzjoni għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

3.     Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 87(3)(d) KE u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif ukoll l-allegati nuqqas ta’ motivazzjoni u kontradizzjoni fil-motivazzjoni

a)     L-argument tal-partijiet

 L-argumenti tar-rikorrenti

–       Kawża T-254/00

315    Ir-rikorrenti, il-Hotel Cipriani, tikkontesta l-motiv tar-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti deroga kulturali. Hija tallega li l-istudju tal-COSES, ippreżentat mill-kumitat, ikkonferma n-natura ġenerali tar-restrizzjonijiet li jirriżultaw f’Venezia minħabba l-leġiżlazzjoni Taljana dwar il-protezzjoni tal-beni kulturali u tal-ambjent. Dan l-istudju wera bi preċiżjoni l-ispejjeż żejda li jirriżultaw f’Venezia minħabba tali restrizzjonijiet, fil-konfront tal-ispejjeż dovuti minn restrizzjonijiet analogi f’kuntesti ambjentali differenti. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tinvoka r-restrizzjonijiet imposti mil-liġi Taljana Nru 1089/39 li kienet implementat skema ta’ protezzjoni tal-beni ta’ interess storiku u artistiku u, b’mod speċjali fir-rigward ta’ Venezia, id-Digriet Nru 791/73 tal-President tar-Repubblika, li introduċa dispożizzjonijiet partikolari dwar l-interventi ta’ restawr u ta’ tindif tal-bini ta’ interess arkitettoniku, storiku u artistiku. Hija żżid li barra minn hekk, il-kumitat kien ippropona li jipprovdi l-informazzjoni żejda li l-Kummissjoni kienet tqis bħala meħtieġa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm huwa minnu li ċerti impriżi ma kinux suġġetti għal-limitazzjonijiet żejda msemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet marbuta biss li teskludi mid-deroga kulturali lill-impriżi mhux suġġetti għal dawn ir-restrizzjonijiet, billi tibbaża ruħha fuq l-elementi ta’ informazzjoni kollha meħtieġa.

316    Wara, ir-rikorrenti tosserva li, fid-dawl tal-kobor tal-ispejjeż żejda, l-ammont limitat tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni, li barra minn hekk kien degressiv sat-tneħħija totali tagħhom, kien għaldaqstant proporzjonat. F’dan il-każ, hija d-deċiżjoni kkontestata li tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

317    Il-Kummissjoni ikkonċediet ukoll deroga kulturali lill-Consorzio Venezia Nuova, mingħajr ma kkontrollat ir-rabta bejn l-għan kulturali ta’ dan l-organu u l-ammont ta’ għajnuna mogħtija. Għaldaqstant, minn dan il-lat, id-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja u tmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali.

318    L-attività tal-lukandi tar-rikorrenti li l-bini tagħha huwa suġġett għall-iskema estremament restrittiva applikabbli fiċ-ċentru storiku, hija marbuta mill-qrib mal-identità tal-bini li tuża’ u li d-destinazzjoni oriġinali tagħhom għandha tinżamm skont id-Digriet Legali Nru 791/1973, imsemmi iktar ’il fuq. B’hekk, it-tħaddim għal dan il-għan ta’ persunal f’numru suffiċjenti jirrispondi għall-ħtieġa li jiġi ppriżervat l-aspett u r-rwol storiku ta’ dan il-bini fil-belt.

–       Kawża T-277/00

319    Ir-rikorrenti, il-kumpannija Coopservice u l-kumitat Venezia vuole vivere, jilmentaw li l-Kummissjoni injorat l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet ġenerali li b’mod speċifiku jirrigwardaw it-territorju tal-laguna u b’mod partikolari intiżi sabiex jippriżervaw il-patrimonju arkitettoniku u ambjentali. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni restrizzjonijiet imposti b’mod partikolari mid-Digriet Nru 962/1973 tal-President tar-Repubblika, sabiex tiġi assigurata “l-priżervazzjoni tal-kwadru tal-pajsaġġ, storiku, arkeoloġiku u artistiku tal-belt ta’ Venezia u tal-laguna tagħha”, skont l-għanijiet stabbiliti mil-Liġi Taljana Nru 171/1973, kif ukoll mil-Liġi Taljana Nru 431/1985 intiża għat-twettiq tal-għanijiet primarji ta’ priżervazzjoni ambjentali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni eżaminat biss ir-restrizzjonijiet diretti relatati mal-protezzjoni tat-teżori arkitettoniċi u immobli, ikkunsidrati mil-Ligi Nru 1089/39. Min-naħa l-oħra, hija injorat ir-restrizzjonijiet “indiretti” li huma intiżi sabiex jipproteġu l-kundizzjoniiet relatati mal-ambjent, fil-kuntest, mil-lat u fid-dawl tal-proprjetà immobbli suġġetta għar-restrizzjonijiet diretti.

320    L-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni huma intiżi għall-promozzjoni tal-kultura u għall-preżervazzjoni tal-patrimonju. Barra minn hekk, dawn huma proporzjonati għall-ispejjeż żejda li jirriżultaw mill-imsemmija restrizzjonijiet u ma jvarjawx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ intra-Komunitarju u tal-kompetizzjoni. Taħt dawn iż-żewġ aspetti, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata u insuffiċjenti.

 L-argumenti tal-Kummissjoni

321    Il-Kummissjoni toġġezzjona li hija applikat biss l-Artikolu 87(3)(d) KE. Għaldaqstant, hija kkonstatat in-nuqqas ta’ relazzjoni reali bejn il-benefiċċju mogħti u l-ispejjeż supplimentari relatati mal-preżervazzjoni tal-patrimonju li dan il-benefiċċju huwa intiż li jikkumpensa.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

322    Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li mhuwiex stabbilit li l-ispejjeż żejda marbuta mal-konservazzjoni tal-patrimonju huma mħallsa mill-impriżi kollha li jibbenefikaw mit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni. B’mod partikolari, il-fatt, invokat minn Hotel Cipriani, li l-interess arkitettoniku, storiku u artistiku jista’ jiġi ddeterminat “għall-proprjetà immobbli kollha ddefinita skont parametri relatati mad-delimitazzjoni tat-toroq, tal-pjazez u tal-kanali”, kif kien indika l-kumitat, mhuwiex prova li l-proprjetà immobbli kollha użata minn impriżi li jibbenefikaw mit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni, huma suġġetti għal tali spejjeż żejda.

323    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni ma kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni neċessarja sabiex fid-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi distinzjoni bejn l-impriżi li jużaw proprjetà immobbli suġġetta għal-limitazzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tal-patrimonju u dawk li ma jużawx din it-tip ta’ proprjetà immobbli.

324    B’mod iktar ġenerali, mill-osservazzjonijiet u mid-dokumenti li kienu ġew trażmessi lilha matul il-proċedura amministrattiva, jirriżulta li l-Kummissjoni ma kellha ebda informazzjoni rilevanti biex tkun f’pożizzjoni li tevalwa l-portata tal-eventwali restrizzjonijiet arkitettoniċi u kulturali, invokati minn Hotel Cipriani, Coopservice u l-kumitat, u li tevalwa l-possibbiltà li jekk ikun il-każ tagħti deroga skont l-Artikolu 87(3)(d) KE. B’mod partikolari, mid-deċiżjoni kkontestata (Premessa 79) jirriżulta, u mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti, li l-Gvern Taljan qatt ma talab deroga kulturali iżda iddefenda biss in-natura ta’ għajnuna reġjonali tal-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni. Barra minn hekk, l-istudju tal-COSES tax-xahar ta’ Frar 1998 (punt 3.3), imsemmi iktar ’il fuq, ikkomunikat lill-Kummissjoni mill-muniċipalità ta’ Venezia, jillimita ruħu sabiex jistabbilixxi l-lista tal-liġijiet u tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li japplikaw għal Venezia fil-qasam tal-ambjent, tal-kostruzzjoni u tal-urbaniżmu. Għalkemm mhuwiex ikkontestat li xi wħud minn dawn il-liġijiet jew minn dawn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jimponu restrizzjonijiet “ta’ natura storika u artistika”, hekk kif issostni r-rikorrenti, id-daqs u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali restrizzjonijiet mhumiex speċifikati. Barra minn hekk, il-parti l-kbira tal-leġiżlazzjoni ċċitata tirrigwarda b’mod iktar ġenerali restrizzjonijiet tat-tip urbanistiku, ambjentali jew tal-pajsaġġ, li bħala prinċipju ma jittieħdux inkunsiderazzjoni għall-promozzjoni tal-kultura u għall-konservazzjoni tal-patrimonju, skont l-Artikolu 87(3)(d) KE. Fir-rigward tal-istudju tal-COSES tax-xahar ta’ Marzu 1998 (punti 1.2 u 1.5), ikkomunikat lill-Kummissjoni mill-kumitat, dan ma jinkludi fih l-ebda indikazzjoni dwar l-ispejjeż imħallsa mill-impriżi stabbiliti f’Venezia jew fi Chioggia, b’relazzjoni diretta mal-protezzjoni tal-patrimonju.

325    Fit-tieni lok, għandu jiġi nnotat li l-metodi ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni ma jippermettux li tiġi ggarantita l-proporzjonalità ta’ dawn il-miżuri mal-għan imfittex mid-deroga invokata, hekk kif tosserva l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (Premessa 81). Fil-fatt, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li, fir-rigward tal-metodi tal-għoti tal-għajnuna, bħala regola ġenerali ma teżisti l-ebda rabta bejn, minn naħa, l-ammont tal-eżenzjonijiet fiskali mogħtija lil impriża, marbut man-numru ta’ persuni impjegati, u, min-naħa l-oħra, it-tip jew id-daqs tal-proprjetà immobbli użata minn din l-impriża u, bħala konsegwenza, l-ispejjeż żejda mħallsa b’relazzjoni mal-protezzjoni tal-patrimonju.

326    Fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ Hotel Cipriani, invokata f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tistax tinvoka argumenti ta’ fatt li jirrigwardaw is-sitwazzjoni partikolari tagħha, peress li dawn l-argumenti ma kinux ġew sottomessi lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva.

327    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnotat li l-evalwazzjoni individwali fid-deċiżjoni kkontestata, tal-għajnuna mogħtija lill-Consorzio Venezia Nuova tispjega ruħha mill-fatt li din hija waħda mill-impriżi muniċipali li fir-rigward tagħhom l-awtoritajiet Taljani kienu pprovdew informazzjoni dettaljata fir-rigward tagħhom. Huwa abbażi ta’ tali informazzjoni li l-Kummissjoni qieset li l-għajnuna mogħtija lil din l-impriża, li l-għan statutorju tagħha kien l-implementazzjoni ta’ interventi deċiżi mill-Istat sabiex tiġi assigurata l-preżervazzjoni tal-patrimonju storiku, artistiku u arkitettoniku ta’ Venezia, kellha skop kulturali.

328    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, m’hemmx lok għalfejn jitqies li f’dan il-każ, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u li qabżet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta b’mod partikolari naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali ta’ Hotel Cipriani u billi b’mod ġenerali qieset li l-limitazzjonijiet allegati ma kinux jiġġustifikaw l-għoti ta’ deroga kulturali.

329    Għaldaqstant, isegwi li l-motivi bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 87(3)(d) KE u l-obbligu ta’ motivazzjoni għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

4.     Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 87(3)(e) KE

a)     L-argumenti tal-partijiet

330    Fil-Kawża T-227/00, ir-rikorrenti, il-kumpannija Coopservice u l-kumitat Venezia vuole vivere, huma tal-fehma li d-deċiżjoni kkontestata (paragrafu 84) tikser l-Artikolu 87(3)(e) KE u li l-motivazzjoni tagħha mhix suffiċjenti u hija kuntradittorja, peress li l-Kummissjoni tqis li lanqas biss tista’ tipprovdi l-possibbiltà li tapplika d-deroga prevista f’dan l-Artikolu. Huma jallegaw li t-tfittxija tal-għanijiet ta’ interess ġenerali relatati mal-konservazzjoni tal-patrimonju kulturali ta’ Venezia jiġġustifikaw tali deroga.

331    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

332    L-Artikolu 87(3)(e) KE jirrigwarda “kategoriji ta’ għajnuna oħra li jistgħu jiġu speċifikati b’deċiżjoni tal-Kunsill, b’votazzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni”. Għaldaqstant, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, hekk kif tosserva l-Kummissjoni, li ma kienet teżisti l-ebda deċiżjoni tal-Kunsill ad hoc, meħuda abbażi ta’ dan l-Artikolu, li tippermetti li tiġi awtorizzata l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

333    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

5.     Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 87(3)(b) KE, tal-Artikolu 87(2)(b) KE u tal-Artikolu 253 KE, kif ukoll fuq l-allegati insuffiċjenza u kontradizzjoni tal-motivazzjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

334    Fil-Kawża T-277/00, ir-rikorrenti, Coopservice u l-kumitat, jilmentaw li l-Kummissjoni eskludiet b’mod żbaljat u mingħajr motivazzjoni li l-priżervazzjoni tal-belt ta’ Venezia kienet tikkostitwixxi proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni, skont l-Artikolu 87(3)(b) KE. Id-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja fuq dan il-punt, peress li l-Kummissjoni rrikonoxxiet ukoll l-importanza kbira tal-preżervazzjoni ta’ Venezia u konsegwentement għarfet il-kompatibbilità tal-għajnuna mogħtija lil Consorzio Venezia Nuova (Premessa 96).

335    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni eskludiet ukoll b’mod żbaljat u mingħajr motivazzjoni d-deroga prevista mill-Artikolu 87(2)(b) KE f’dak li jirrigwarda d-diżastri naturali. Issa, l-marea l-kbira tirrappreżenta diżastru naturali minħabba, minn naħa, il-gravità estrema tal-effetti tagħha fuq il-wirt ekonomiku u soċjali tal-belt u n-natura repettittiva tagħha, u, min-naħa l-oħra, minħabba l-konsegwenzi devastanti tagħha meta dan il-fenomenu jseħħ b’firxa eċċezzjonali.

336    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

337    Fl-ewwel lok,għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ssostni ġustament li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma tistax titqies bħala marbuta mill-qrib ma proġett kbir ta’ interess Ewropew. Fil-fatt, din ma ġietx implementata għall-finijiet li tiġi ppreżervata Venezia, iżda hija intiża sabiex tnaqqas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li normalment jitħallsu mill-baġit tal-impriżi stabbiliti fit-territorju ta’ Venezia u ta’ Chioggia. Għaldaqstant, din l-iskema hija essenzjalment intiża sabiex ittejjeb il-kompetittività ta’ dawn l-impriżi. Issa, skont il-ġurisprudenza, miżura ta’ għajnuna ma tistax tibbenefika mid-deroga prevista mill-Artikolu 87(3)(b) KE, ħlief jekk din ma tkunx prinċipalment ta’ vantaġġ għall-operaturi ekonomiċi ta’ Stat Membru, iżda tkun tirrappreżenta vantaġġ għall-Komunità sħiħa (ara s-sentenzi Unicredito Italiano, punt 209 iktar ’il fuq, punti 72 sa 78, u tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 209 iktar ’il fuq, punti 139 u 140).

338    Għaldaqstant, meta fid-deċiżjoni kkontestata (Premessa 97), il-Kummissjoni ċaħdet il-klassifikazzjoni bħala “proġett ta’ interess komuni” skont l-Artikolu 87(3)(b) KE, hija ma qabżitx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Barra minn hekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda kontradizzjoni fil-motivazzjoni peress li l-għajnuna mħallsa lill-Consorzio Venezia Nuova ma ġietx awtorizzata skont l-Artikolu 87(3)(b) (ara l-punt 327, iktar ’il fuq).

339    Barra minn hekk, il-Kummissjoni mmotivat id-deċiżjoni kkontestata b’mod suffiċjenti fil-liġi billi indikat li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma tirrigwardax proġett kbir ta’ interess komuni u lanqas ma hija intiża bħala rimedju għal perturbazzjoni gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru.

340    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni huwa proporzjonat mal-massa tas-salarji u mhuwiex intiż sabiex jirrimedja għal xi danni kkawżati minn katastrofi naturali jew minn avvenimenti oħra ta’ natura straordinarja, kif jeħtieġ l-Artikolu 87(2)(b) KE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li, skont prattika kostanti, fil-qasam agrikolu, id-danni marbuta ma kundizzjonijiet meteoroloġiċi ħżiena ma jistgħux jiġu pparagunati ma’ danni kkawżati minn katastrofi naturali skont l-Artikolu 87(2)(b) KE, ħlief jekk dawn jaqbżu l-limiti stabbiliti fil-konfront tal-produzzjoni normali. Tali kriterji ma jistgħux jiġu adottati f’dak li jirrigwarda l-fenomenu tal-marea l-kbira f’Venezia.

341    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Kummissjoni ma qabżitx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta fid-deċiżjoni kkontestata (Premessa 99), qieset li l-fenomenu tal-marea l-kbira f’Venezia ma setax jitqies bħala kalamità naturali jew avveniment straordinarju skont l-Artikolu 87(2)(b) KE. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija mmottivata b’mod suffiċjenti fuq dan il-punt.

342    Isegwi li dawn il-motivi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

H –  Fuq l-allegata irregolarità ta’ obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna imposta mill-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata

343    Ir-rikorrenti jiżviluppaw żewġ gruppi ta’ motivi insostenn tat-talbiet tagħhom intiżi għall-annullament tal-obbligu ta’ rkupru impost fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-ewwel lok, huma jinvokaw il-ksur tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, kif ukoll il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ħarsien tal-aspettativi leġittimi u ta’ trattament ugwali, fir-rigward tal-klassifikazzjoni allegatament żbaljata tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna ġdida. Fit-tieni lok, id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tordna l-irkupru tal-għajnuna kkontestata, tikser l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u l-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali, ta’ trattament ugwali u ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, kif ukoll ir-regoli tal-liġi tranżitorja u l-obbligu ta’ motivazzjoni.

1.     Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u ta’ trattament ugwali, b’relazzjoni mal-klassifikazzjoni allegatament żbaljata tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna ġdida

a)     L-argumenti tal-partijiet

 L-argumenti tar-rikorrenti

–       Kawża T-254/00

344    Ir-rikorrenti, Hotel Cipriani, tfakkar li fl-1997, il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni tagħha dwar it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni f’din il-kawża. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, intiż sabiex jiżgura ċ-ċertezza legali, kien illimita s-setgħa investigattiva u deċiżjonali tal-Kummissjoni, għall-għajnuna mogħtija mill-1987, li tista’ tkun suġġetta biss għal irkupru meta jiskadi t-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit minn dan l-Artikolu.

345    Issa, Hotel Cipriani tibbenefika b’mod partikolari, mill-inqas sa mill-1972, minn tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali previst fuq it-territorju nazzjonali kollu minn liġijiet differenti mil-liġijiet Nri 206/1995 u 30/1997 li tibbaża fuqhom il-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali favur impriżi artiġjanali u industrijali ta’ inqas minn 300 impjegat stabbilit mil-Liġi Nru 590/1971 u estiż għall-impriżi tal-lukandi permezz tal-liġi Nru 463/1972. Hija żżid li bbenefikat ukoll minn tnaqqis ta’ ċerti kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali stabbilit mil-Liġi Nru 102/1977, li japplika fit-territorju nazzjonali kollu favur l-impriżi artiġjanali u industrijali bis-saħħa tal-Liġi Nru 102/1977, u li ġie estiż għall-impriżi tal-lukandi permezz tal-Liġi Nru 573/1977.

346    Għaldaqstant, it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni f’din il-kawża jikkostitwixxi għajnuna eżistenti, skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 659/1999, u mhux għajnuna ġdida li ġiet stabbilita mil-Liġijiet Nru 206/1995 u 30/1997 li ġew eżaminati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, il-pożizzjoni ta’ Hotel Cipriani, bħal dik tal-lukandi l-oħra, hija intanġibbli.

347    Anki jekk jiġi aċċettat li r-rikorrenti bbenefikat mit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni b’applikazzjoni tal-Liġijiet Nru 206/1995 u Nru 30/1997, liema ħaġa hija tikkontestata, dawn il-miżuri għandhom jitqiesu bħala għajnuna eżistenti, li tmur lura għas-snin 1972 u l-1978. Fil-fatt, minn naħa, dawn il-liġijiet jipprovdu s-sempliċi estensjoni fiż-żmien u fl-ispazju ta’ għajnuna eżistenti, stabbilita mil-Liġi Nru 1089/1968, li tipprovdi tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali favur l-impriżi tal-Mezzogiorno, estiż għat-territorju ta’ Venezia permezz tal-Liġi Nru 171/1973 u għas-settur tal-lukandi permezz tal-Liġi Nru 502/1978, kif ukoll mil-Liġi Nru 463/1972, imsemmija iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti bbenefikat sa mill-1978 mill-eżenzjonijiet mit-taxxa previsti mil-leġiżlazzjoni dwar iż-żoni żvantaġġati (aree depresse).

348    Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, teżisti kontinwità legali bejn l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u l-għajnuna eżistenti msemmija iktar ’il fuq, peress li dawn ma kinux suġġetti għal emendi sostanzjali. Għalkemm din l-għajnuna kienet ġiet stabbilita minn liġijiet differenti, madankollu, dan xorta huwa l-istess tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, li l-applikazzjoni tiegħu għat-territorji ta’ Venezia u ta’ Chioggia kien previst mil-liġi Nru 171/1973, kif interpretata mil-liġi Nru 502/1978. Din l-analiżi hija kkonfermata mill-Artikolu 5a tal-liġi Nru 206/1995, li jħabbar li d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23 tal-liġi Nru 171/1973 u fl-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 502/1978 għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali previsti minnhom jibqa’ jingħata skont il-kriterji stabbiliti mid-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994. Minn dan jirriżulta li l-liġijiet Nru 206/1995 u Nru 30/1997 jillimitaw ruħhom sabiex jikkonfermaw l-applikabbilità, fit-territorji ta’ Venezia u ta’ Chioggia, tat-tnaqqis ta’ spejjeż diġà previsti qabel, mingħajr ma jemendaw l-elementi essenzjali tal-iskema, jiġifieri l-benefiċjarji, il-forma tal-intervent u l-livell tiegħu.

349    F’dan il-kuntest legali, u fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1) u (2) tar-Regolament Nru 659/1999, il-benefiċjarji tal-iskema ta’ eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni setgħu jiffurmaw aspettativa leġittima fil-legalità u l-kompatibbiltà ta’ dawn l-eżenzjonijiet mas-suq komuni. Fil-fatt, it-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri fl-1973, jekk mhux qabel. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tallega li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li jiddisponi li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda fil-jum meta l-għajnuna illegali tingħata lill-benefiċjarju, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, l-att li jagħti l-għajnuna jaħbat mal-adozzjoni tal-liġi li stabbilixxiet din l-iskema. L-iskadenzi mensili ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni mhumiex rilevanti, għaliex dawn sempliċement jiffurmaw parti mill-eżekuzzjoni ta’ din il-liġi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T-195/01 u T-207/01, Ġabra p. II-2309, punt 130).

350    Barra minn hekk, b’mod żbaljat, il-Kummissjoni qieset b’mod impliċitu li l-miżuri inkwistjoni kienu għajnuna ġdida, u li bħala tali kienu suġġetti għal obbligu ta’ notifika b’applikazzjoni skont l-Artikolu 88(3) KE.

351    Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tar-rikorrenti, fil-konfront tal-lukandi stabbiliti fuq il-bqija tat-territorju Taljan, li jkomplu jibbenefikaw mit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

–       Kawża T-277/00

352    Ir-rikorrenti, Coopservice u l-kumitat Venezia vuole vivere, isostnu wkoll li l-miżuri inkwistjoni, previsti mil-liġijiet Nri 206/1995 u 30/1997, jikkostitwixxu għajnuna eżistenti skont l-Artikoli 1 u 15 tar-Regolament Nru 659/1999, li mhumiex suġġetti għall-obbligu ta’ notifika abbażi tal-Artikolu 88(3) KE. Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, din l-għajnuna ma tistax tkun is-suġġett ta’ rkupru. Ir-rikorrenti jallegaw li l-leġiżlazzjoni dwar it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali favur l-impriżi tal-Mezzogiorno hija derivanti mil-liġi Nru 1089/1968, li tistabbilixxi sempliċement skema ta’ eżenzjonijiet mit-taxxa li d-data ta’ skadenza tagħhom kienet inizjalment iffissata għall-31 ta’ Diċembru 1972. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-iskema ġie estiż għal Venezia u għal Chioggia permezz tal-liġi Nru 171/1973. L-iskema ta’ għajnuna stabbilita mil-liġi Nru 1089/1968 baqgħet fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 1994. Din ġiet parzjalment issostitwita mid-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994, li stabbilixxa sistema ta’ eżenzjonijiet it-taxxa “unika” li tassorbi fiha d-diversi eżenzjonijiet previsti mil-liġi Nru 1089/1968, kif ukoll eżenzjoni mit-taxxa annwali totali għall-impjiegi l-ġodda. Madankollu, ir-rieda tal-leġiżlatur, ikkonkretizzata fil-liġi Nru 171/1973, li l-impriżi li joperaw fiċ-ċentri storiċi ta’ Venezia u ta’ Chioggia jingħataw benefiċċji identiċi għal dawk mogħtija lill-impriżi li joperaw fiċ-ċentru storiku tan-nofsinhar tal-Italja, ma nbidlitx. Fil-fatt, l-elementi essenzjali tal-iskema ma ġewx emendati. Din l-iskema għadha diretta lejn l-istess destinatarji, u hija ġġustifikata mill-istess raġunijiet, dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi għaċ-ċentri storiċi ta’ Venezia u ta’ Chioggia, u hija bbażata fuq l-istess mekkaniżmu sabiex tiġi ddeterminata l-għajnuna, jiġifieri r-riferiment għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fiċ-Ċentru u fin-Nofsinhar tal-Italja.

353    Għaldaqstant, kien hemm kontinwità fil-kundizzjonijiet u fil-metodi ta’ applikazzjoni tal-miżuri previsti b’mod partikolari mil-liġi Nru 171/1973 u mil-liġijiet Nru 206/1995 u Nru 30/1997. Fin-nuqqas ta’ bdil sostanzjali min-naħa ta’ dawn l-aħħar żewġ liġijiet tal-miżuri previsti mil-liġi Nru 171/1973, it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni f’dan il-każ ma jikkostitwixxux għajnuna ġdida. L-uniċi bidliet li saru mil-liġijiet Nri 206/1995 u 30/1997 naqsu l-vantaġġ li kien ingħata qabel lill-benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni, u għaldaqstant ma jistgħux jitqiesu bħala sostanzjali.

354    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li d-data li fiha ġiet stabbilita l-iskema ta’ għajnuna mhiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat il-mument meta jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 659/1999. Huma josservaw li l-għajnuna mogħtija abbażi ta’ skema ta’ għajnuna tikkonkretizza ruħha fid-data meta l-impriża inkwistjoni tiġi approvata għall-benefiċċju ta’ din l-iskema, u mhux matul l-eżekuzzjoni, kull xahar, tal-obbligu li titħallas l-għajnuna diġà mogħtija.

355    F’dan il-każ, il-Kummissjoni naqset milli tinnota r-rabta bejn l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, applikabbli sa mix-xahar ta’ Lulju 1994, u l-iskema li kienet ġiet stabbilita mil-liġi Nru 171/1973. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn ksur tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 u minn nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li b’mod impliċitu, din tikklassifika lill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni bħala għajnuna ġdida.

 L-argumenti tal-Kummissjoni

356    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

357    Peress li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, li jipprovdu terminu ta’ preskrizzjoni, huma kkunsidrati bħala li għandhom natura proċedurali, dawn kienu applikabbli b’mod immedjat għall-proċeduri kollha pendenti quddiem il-Kummissjoni matul id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, fis-16 ta’ April 1999 (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ April 2003, Scott vs Il-Kummissjoni, T-366/00, Ġabra p. II-1763, punt 51). Peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fil-25 ta’ Novembru 1999, għandu jiġi evalwat jekk f’dan il-każ, dan it-terminu ta’ preskrizzjoni kienx skada b’tali mod li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għandha tiġi meqjusa bħala għajnuna eżistenti b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(3) ta’ dan ir-Regolament.

358    Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-miżuri intiżi sabiex jistabbilixxu jew sabiex jemendaw għajnuna, jikkostitwixxu għajnuna ġdida (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 1984, Heineken Brouwerijen, 91/83 u 127/83, Ġabra 1984 p. 3435, punti 17 u 18, u tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit, C-44/93, Ġabra 1994 p. I-3829, punt 13). B’mod partikolari, meta l-emenda tolqot l-iskema inizjali fis-sustanza tagħha stess, din l-iskema titrasforma ruħha fi skema ta’ għajnuna ġdida. Min-naħa l-oħra, meta l-emenda ma tkunx waħda sostanzjali, tkun biss l-emenda bħala tali li tkun tista’ titqies bħala għajnuna ġdida (sentenza Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, punt 349 iktar ’il fuq, punti 109 u 111).

359    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li meta l-liġi Nru 206/1995, meta estendiet għall-impriżi stabbiliti fit-territorju ta’ Venezia u ta’ Chioggia l-eżenzjonijiet minn kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali previsti għall-Mezzogiorno permezz tad-Digriet Presidenzjali tal-5 ta’ Awwissu 1994, u l-liġi Nru 30/1997 billi estendiet l-iskema fl-1997, hija stabbilixxiet skema ġdida speċifika applikabbli preċiżament fit-territorju ta’ Venezia u ta’ Chioggia.

360    F’dan ir-rigward, l-argumenti invokati mir-rikorrenti sabiex jipprovaw li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet tikkostitwixxi biss sempliċi estensjoni temporali u territorjali tal-għajnuna eżistenti, ma jistgħux jirnexxu. Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ssostni, mingħajr kontradizzjoni min-naħa tar-rikorrenti, li l-liġi Nru 463/1972, invokata minn Hotel Cipriani, testendi sat-30 ta’ Ġunju 1973 it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali previst mil-liġi Nru 590/1971 favur l-impriżi artiġjanali, l-SME industrijali u l-impriżi tal-lukandi. Dan it-tnaqqis tal-ispejjeż ilu ma jingħata sa mill-1 ta’ Lulju 1973, u għaldaqstant m’għandu l-ebda relazzjoni mal-għajnuna eżaminata fid-deċiżjoni kkontestata li ngħatat bejn l-1995 u l-1997. L-istess jgħodd għat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali previsti mil-liġijiet Nru 502/1978, Nru 102/1977 u Nru 573/1977, applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 1981.

361    Fit-tieni lok, l-imsemmi Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994, li jirreferu għalih il-liġijiet Nru 30/1997 u Nru 206/1995 kellu bħala skop “skema ġdida ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fit-territorji tal-Mezzogiorno”. Għaldaqstant, dan stabbilixxa skema ta’ għajnuna ġdida għall-Mezzogiorno. Il-liġi Nru 206/1995 estendiet din l-iskema l-ġdida għall-impriżi ta’ Venezia u ta’ Chioggia, u l-liġi Nru 30/1997 emendat il-kundizzjonijiet ta’ assenjazzjoni ta’ din l-iskema l-ġdida.

362    F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni prevista inizjalment mil-liġi Nru 206/1995, kienet tillimita ruħha sabiex testendi skema ta’ għajnuna eżistenti lil benefiċjarji ġodda, mingħajr madankollu ma għamlet emendi sostanzjali lill-iskema eżistenti, din l-estensjoni separabbli mill-iskema inizjali tikkostitwixxi għajnuna ġdida, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, punt 349 iktar ’il fuq, punti 109 u 110).

363    Minn dan jirriżulta li f’kull każ, id-deċiżjoni kkontestata, li timponi l-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, imħallsa skont il-liġijiet Nru 206/1995 u Nru 30/1997, ingħatat qabel ma skada t-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999.

364    Barra minn hekk, u f’kull każ, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, it-terminu ta’ preskrizzjoni previst mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 beda jiddekorri biss mid-data li fiha tħallset l-għajnuna illegali. Għaldaqstant, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna stabbilita iktar minn għaxar snin qabel l-ewwel interruzzjoni tal-preskrizzjoni, l-għajnuna illegali u li mhix kompatibbli mogħtija abbażi ta’ din l-iskema matul l-aħħar għaxar snin hija suġġetta għall-irkupru (ara s-sentenza Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, punt 349 iktar ’il fuq, punt 130).

365    Konsegwentement, f’dan il-każ, anki jekk jitqies li kienet teżisti kontinwità bejn l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u l-iskemi preċedenti, liema ħaġa hija miċħuda mill-eżami tal-fatti, it-terminu ta’ preskrizzjoni deċennali fl-ebda każ ma skada qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fl-1999, f’dak li jirrigwarda l-għajnuna kkunsidrata minn din id-deċiżjoni, li kienet tħallset bejn l-1995 u l-1997.

366    Fl-aħħar nett, jinsab stabbilit li matul il-proċedura amministrattiva, il-Gvern Taljan qatt ma sostna li l-iskema inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti, u lanqas ma kkontesta l-klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ proċedura ta’ evalwazzjoni. Minbarra dan, it-terzi interessati ukoll ma pprovdux argumenti rilevanti f’dan ir-rigward. Għaldaqstant din l-istituzzjoni ma tistax tiġi akkużata li ma vverifikatx jekk l-iskema kkunsidrata kellhiex titqies bħala għajnuna eżistenti jew bħala għajnuna ġdida (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Mejju 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑400/99, Ġabra 2005 p. I‑3657, punt 51).

367    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, dawn il-motivi għandhom jiġu miċħuda bħala mhux fondati.

2.     Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali, ta’ trattament ugwali u ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, kif ukoll tar-regoli tad-dritt tranżitorju u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

 L-argumenti tar-rikorrenti

–       Kawża T-254/00

368    Ir-rikorrenti, Hotel Cipriani, issostni, sussidjarjament li, anki jekk jitqies li t-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 ma ddekorriex, liema ħaġa hija tikkontesta, l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni impost fid-deċiżjoni kkontestata jikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali, u li għaldaqstant, imur ukoll kontra l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/99 li jistabbilixxi li l-Kummissjoni m’għandhiex tordna l-irkupru tal-għajnuna jekk, b’dan, hija tikser prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ rkupru ma jirriżultax b’mod awtomatiku mid-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kompatibbiltà. Hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jikkaratterizzaw lil dan il-każ, sabiex tivverifika jekk l-impożizzjoni ta’ tali obbligu hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

369    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ċaħdet mingħajr motivazzjoni suffiċjenti l-argumenti magħmula mill-awtoritajiet Taljani kontra l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni.

370    Is-sitwazzjoni eżaminata f’dan il-każ hija kkaratterizzata minn livell għoli ta’ inċertezza legali. Fil-fatt, huwa probabbli li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mogħtija lil impriżi li jeżerċitaw attività ekonomika f’suq purament lokali ma jistax jolqot il-kummerċ intra-Komunitarju u l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, it-tneħħija tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fit-30 ta’ Novembru 1997, u n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ terzi kkonċernati fil-proċedura, tikkorrobora n-nuqqas ta’ impatt ta’ din l-iskema fuq il-funzjonament tas-suq. Għaldaqstant, l-obbligu ta’ rkupru mhuwiex proporzjonat.

371    Fir-replika, ir-rikorrenti tosserva li, fil-kuntest imsemmi iktar ’il fuq, hija setgħet leġittimament tistenna li s-sitwazzjoni tagħha tiġi evalwata, b’mod konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali, bl-istess mod kif sar mal-impriżi muniċipali. F’dan il-każ, din l-aspettativa leġittima tipprekludi l-irkupru tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni.

372    Fl-aħħar, ir-rata ta’ riferenza adottata fid-deċiżjoni kkontestata għall-kalkolu tal-interessi fuq is-somom li għandhom jinġabru hija illegali, peress li taqbeż ir-rata ta’ interessi applikata lill-impriża kkonċernata għad-dejn tagħha stess, matul il-perijodu inkwistjoni. Fil-fatt, dan imur kontra l-iskop tal-irkupru, li huwa intiż sabiex jerġa jistabbilixxi s-sitwazzjoni li kienet tinsab fiha l-impriża li kieku ma kinitx ibbenefikat mill-għajnuna inkwistjoni.

–       Kawża T-270/00

373    Qabel kollox, ir-rikorrenti, il-kumpannija Italgas, issostni li l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi invokati mill-awtoritajiet Taljani, insostenn tat-talba tagħhom sabiex ma jsirx l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali.

374    Sussegwentement, hija tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nonretroattività tar-regoli sostantivi billi fid-deċiżjoni kkontestata, hija bbażat ruħha fuq l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999. Dan ir-Regolament daħal fis-seħħ fis-16 ta’ April 1999, filwaqt li l-għajnuna inkwistjoni ngħatat biss sal-1997. Issa, l-Artikolu 14(1) imsemmi iktar ’il fuq, jikkontjeni regola sostantiva li temenda l-kriterji fuq liema l-Kummissjoni tista’ tibbaża eventwali deċiżjoni li ma timponix fuq l-Istat Membru kkonċernat l-obbligu li jirkupra l-għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, taħt l-iskema preċedenti, il-Kummissjoni kienet tgawdi minn setgħa diskrezzjonali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-75/97, Ġabra p. I-3671, punt 82). B’hekk, hija setgħet tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali ta’ eventwali ordni ta’ rkupru. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta li timponi l-irkupru tal-għajnuna ħlief jekk dan l-irkupru jmur kontra wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

375    Konsegwentament, l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata huwa vvizzjat minn żball ta’ dritt.

376    Barra minn hekk, fin-nuqqas, ratione temporis, tal-obbligu tal-Kummissjoni li timponi l-irkupru tal-għajnuna skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, id-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata u mhux immotivata biżżejjed, peress li din tordna b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni l-irkupru tal-għajnuna mogħtija, mingħajr ma tivverifika ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha b’ċertezza suffiċjenti, abbażi ta’ evalwazzjoni approfondita, li l-miżura inkwistjoni setgħet tolqot il-kummerċ intra-Komunitarju u l-kompetizzjoni.

377    Ir-Repubblika Taljana, li tintervjeni insostenn ta’ Italgas, taqbel mal-osservazzjonijiet tagħha. Hija żżid li n-natura speċifika tas-sitwazzjoni fattwali preżenti f’dan il-każ u l-inċertezza legali li tirriżulta minnha, kif ukoll in-nuqqas ta’ osservazzjonijiet min-naħa ta’ terzi kkonċernati, kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tivverifika b’mod konkret jekk l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni kienx neċessarju sabiex terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni kompetittiva preċedenti. Din il-kwistjoni, li ġiet diskussa fil-fond matul il-proċedura amministrattiva, mhix evalwata fid-deċiżjoni kkontestata.

–       Kawża T-277/00

378    Ir-rikorrenti, Coopservice u l-Kumitat, isostnu li l-obbligu ta’ rkupru impost mid-deċiżjoni kkontestata jmur kontra l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u taċ-ċertezza legali, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

379    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u taċ-ċertezza legali, il-fatt li l-Kummissjoni tqis, f’dak li jirrigwarda l-impriżi muniċipali ACTV, Panfido S.p.A. u AMAV, li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE mhumiex sodisfatti, juri li minnhom innifishom, skont din l-istituzzjoni, il-miżuri inkwistjoni ma jikkostitwixxux għajnuna illegali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet kriterji ta’ kumpattibbiltà li għandhom jiġu applikati mill-Istat Membru kkonċernat. Ir-rinviju għal din il-proċedura nazzjonali sabiex jiġi stabbilit, abbażi ta’ evalwazzjoni individwali fil-fond u kumplessa, jekk għajnuna tkunx illegali jimplika, skont ir-rikorrenti, li l-konstatazzjoni ta’ irregolarità tal-għajnuna toħloq biss effetti ex nunc. Konsegwentement, il-benefiċjarji ta’ dawn il-miżuri ma jistgħux jiġu miċħuda l-protezzjoni tal-aspettativi leġittimi.

380    Barra minn hekk, it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni kienu previsti minn leġiżlazzjoni nazzjonali tal-1973. F’dan il-kuntest, ikun eċċessiv li l-benefiċjarji ta’ dawn il-miżuri jkunu obbligati li jinfurmaw ruħhom dwar il-proċedura Komunitarja, iktar u iktar meta dawn jikkostitwixxu kategorija numeruża u indeterminata. Wara tletin sena ta’ eżistenza, huwa preżunt li din l-iskema ta’ għajnuna hija magħrufa fil-kuntest Komunitarju, anki jekk ma kinitx is-suġġett ta’ notifika formali.

381    Fit-tieni lok, l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress illi dawn il-miżuri eżerċitaw impatt ridikolu fuq il-kummerċ, filwaqt li l-ħlas lura tagħhom jirrappreżenta spiża estremament iebsa fuq il-benefiċjarji tagħhom.

382    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni, billi naqset milli tivverifika jekk l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni kienx imur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju.

383    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jqisu li d-deċiżjoni kkontestata tmur ukoll kontra l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettativi leġittimi peress li tipprevedi li l-ammont tal-għajnuna li għandha titħallas lura għandha tiżdied b’interessi kkalkolati abbażi ta’ rata ta’ riferenza użata għall-kalkolu tal-ekwivalent – sussidju fil-kuntest tal-għajnuna għal skop reġjonali. Barra minn hekk, l-għażla tal-metodu ta’ likwidazzjoni tal-interessi mhix immotivata.

 b) L-argumenti tal-Kummissjoni

384    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

385    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li bħala regola, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, jimponi l-obbligu fuq il-Kummissjoni li timponi l-irkupru tal-għajnuna illegali li ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, huwa biss jekk l-irkupru tal-għajnuna jmur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-Kummissjoni m’għandhiex timponi l-irkupru tagħha. Barra minn hekk, preliminarjament għandu jiġi mfakkar ukoll li kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ Italgas (ara l-punt 373, iktar ’il fuq), l-Artikoli 87 KE u s-segwenti, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità, ma jistgħux jipprekludu miżura nazzjonali li tordna l-ħlas lura ta’ għajnuna b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li kklassifikat lil din l-għajnuna bħala mhux kompatibbli mas-suq komuni u li l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet u prinċipji ġenerali ma weriet l-ebda element li jista’ jolqot il-validità tagħha (ara s-sentenza Unicredito Italiano, punt 209 iktar ’il fuq (punt 125).

386    F’dan il-kuntest, l-ilment ta’ Italgas li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ nonretroattività tal-liġijiet, peress li sabiex timponi obbligu ta’ rkupru, hija tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jipprovdi regola sostantiva ġdida, ma jistax jiġi milqugħ. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li fid-deċiżjoni kkontestata (paragrafi 100 sa 103), il-Kummissjoni ma għamlitx riferenza biss għall-obbligu impost mill-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-Regolament. Hija bbażat ruħha wkoll b’mod espress fuq il-ġurisprudenza preċedenti, li ġiet formalment stabbilita mill-Artikolu 14(1) imsemmi iktar ’il fuq, li f’dan ir-rigward ma jistabbilixxi l-ebda regola ġdida.

387    Fil-fatt, anki qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 659/1999, it-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz ta’ rkupru kienet, skont ġurisprudenza kostanti, il-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Tubemeuse, punt 265 iktar ’il fuq, punt 66, u tal-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-169/95, Ġabra p. I-135, punt 47). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni ma tistax tikser is-setgħa diskrezzjonali tagħha meta tordna lill-Istat Membru li jirkupra l-għajnuna illegali, peress li l-irkupru huwa intiż biss sabiex terġa tiġi stabbilita s-sitwazzjoni preċedenti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja “Maribel bis/ter”, punt 226 iktar ’il fuq, punt 66).

388    Konsegwentement, anki jekk għandu jiġi ammess li, bħala prinċipju, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 ma kienx formalment applikabbli f’dan il-każ peress li jikkontjeni regola sostantiva, dan il-fatt ma jistax iħassar l-obbligu ta’ rkupru impost f’din id-deċiżjoni kkontestata peress li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti, il-Kummissjoni qieset li l-irkupru kien meħtieġ sabiex terġa tiġi stabbilita s-sitwazzjoni preċedenti, billi jitneħħew il-vantaġġi li kienu bbenefikaw minnhom l-impriżi permezz tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

389    B’mod partikolari, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni ma jistax jitqies bħala sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, peress li din hija l-konsegwenza loġika tal-illegalità u hija intiża sabiex terġa’ tistabbilixxi s-sitwazzjoni preċedenti.

390    F’kull każ, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-parti l-kbira tal-impriżi benefiċjarji eżerċitaw l-attività tagħhom fuq livell lokali, liema ħaġa mhiex stabbilita, ma kienx jippermetti li jiġi injorat l-impatt kollu tal-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni, hekk kif diġà ġie deċiż (ara l-punti 246 sa 248, iktar ’il fuq). Bl-istess mod, in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tat-terzi kkonċernati fil-proċedura amministrattiva ma jurix li l-benefiċjarji ta’ dawn l-eżenzjonijiet ma kinux ibbenefikaw minn vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv li kellu jitneħħa sabiex terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni preċedenti.

391    F’dan il-kuntest, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ Hotel Cipriani, fid-deċiżjoni kkontestata (Premessa 103), il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni b’mod xieraq l-osservazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet Taljani insostenn tat-talba tagħhom li ma jsirx l-irkupru tal-għajnuna mhux kompatibbli.

392    Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, invokat minn Hotel Cipriani kif ukoll minn Coopservice u mill-kumitat, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, il-benefiċjarju ta’ għajnuna illegali ma jistax ikollu aspettativa leġittima fir-regolarità tal-għoti ta’ din l-għajnuna (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Unicredito Italiano, punt 209 iktar ’il fuq, punti 104 u 108 sa 111, u tat-22 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Salzgitter, C‑408/04 P, ĠU C 142, p. 2, punt 104). F’dan il-każ, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma kinitx ġiet innotifikata, u għaldaqstant, l-irkupru tal-għajnuna kien jirrappreżenta riskju prevedibbli. F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza, invokata minn Coopservice u mill-kumitat, li l-irkupru jsir fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, hija rrilevanti.

393    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jinvokaw l-ebda ċirkustanza oġġettivament eċċezzjonali li tippermetti li jiġi stabbilit li l-obbligu ta’ rkupru kkontestat imur kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali, hekk kif teħtieġ il-ġurisprudenza (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Salzgitter, punt 392 iktar ’il fuq, punt 107). B’mod partikolari, l-argumenti dwar il-kontinwità fiż-żmien tar-regoli li jagħtu l-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali favur l-impriżi stabbiliti f’Venezia jew fi Chioggia, diġà ġew miċħuda bħala mhux fondati mill-Qorti tal-Prim’Istanza (ara l-punt 362 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, u f’kull każ, tali kontinwità waħidha ma kinitx tirrappreżenta ċirkustanza eċċezzjonali kapaċi li tagħmel illegali deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni fir-rispett tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999.

394    F’dak li jirrigwarda l-motiv ibbażat fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali, invokat minn Hotel Cipriani, għandu jiġi mfakkar li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda konstatazzjoni ta’ natura individwali, bl-eċċezzjoni tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-impriżi muniċipali, li saret abbażi tal-informazzjoni li kienet ingħatat lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-muniċipalità ta’ Venezia. Min-naħa l-oħra, peress li l-ebda informazzjoni dwar is-sitwazzjoni individwali ta’ Hotel Cipriani ma kienet ingħatat lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, id-deċiżjoni kkontestata ma jistax ikollha natura diskriminatorja fir-rigward tar-rikorrenti, meta mqabbla mal-impriżi muniċipali.

395    Fir-rigward tal-argumenti rispettivi ta’ Hotel Cipriani, kif ukoll ta’ Coopservice u tal-kumitat, intiżi sabiex juru l-irregolarità tal-metodu ta’ kalkolu tal-interessi imposti fuq l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati, dawn ukoll għandhom jiġu miċħuda. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat l-ewwel nett li, għalkemm huwa veru li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li tistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rata ta’ interessi xierqa, tikkostitwixxi regola sostantiva, u minħabba f’hekk ma kinitx formalment applikabbli f’dan il-każ, madankollu din id-dispożizzjoni ma tintroduċi l-ebda regola ġdida.

396    F’dan il-każ, biżżejjed jingħad li r-rata ta’ interessi stabbilita fid-deċiżjoni kkontestata (subparagrafu 2 tal-Artikolu 5), li tirreferi għar-rata wżata għall-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti fil-kuntest tal-għajnuna għal skop reġjonali, hija konformi mal-għan tal-irkupru, u għaldaqstant ma tistax titqies bħala mhux prevedibbli.

397    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li timmotiva wkoll l-għażla ta’ din ir-rata ta’ riferenza, fid-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, il-fatt waħdu li din ir-rata hija allegatament superjuri għal dik applikata għad-dejn ta’ Hotel Cipriani ma jippermettix li jitqies li din ma tirrippreżentax ir-rati ta’ interessi ipprattikati fis-suq (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck et Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 159). Barra minn hekk, u f’kull każ, mhuwiex ammissibbli li din ir-rikorrenti tinvoka s-sitwazzjoni individwali tagħha, peress li din ma ġietx ikkomunikata lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, hekk kif diġà ġie deċiż (ara, b’mod partikolari, il-punti 211 u 215 iktar ’il fuq).

398    Isegwi li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li r-rata stabbilita fid-deċiżjoni kkontestata ma kinitx xierqa, minħabba li eċċediet dak li kien neċessarju sabiex jitneħħew il-vantaġġi li jirriżultaw lill-benefiċjarji mill-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni.

399    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-motivi bbażati fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali, ta’ trattament ugwali u ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, kif ukoll tar-regoli ta’ dritt tranżitorju u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq l-ispejjeż

400    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni, inklużi, f’dak li jirrigwarda lir-rikorrenti fil-Kawża T-277/00, dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

401    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti f’kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Isegwi li r-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Hotel Cipriani SpA, is-Società italiana per il gas SpA (Italgas), Coopservice – Servizi di fiducia Soc. coop. rl u l-Kumitat “Venezia vuole vivere” għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni. Coopservice u l-Kumitat “Venezia vuole vivere” għandhom ibatu wkoll l-ispejjeż kollha sostnuti fil-kuntest tal-proċedura għal miżuri provviżorji.

Meij

Vadapalas

Wahl

Prek

 

      Ciuca

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Novembru 2008.

Reġistratur

 

      President

E. Coulon

 

      A.W.H. Meij

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Skema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali meħuda inkunsiderazzjoni

B –  Il-proċedura amministrattiva

C –  Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà

A –  Fuq il-lis alibi pendens allegata fil-Kawża T-277/00

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B –  Fuq l-allegat nuqqas ta’ locus standi tal-impriżi rikorrenti fil-Kawżi T-254/00, T-270/00 u T-277/00

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)  L-evalwazzjoni tal-kriterju relatat mal-metodi ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna, fid-dawl tal-ġurisprudenza

b)  Evalwazzjoni tal-kriterju bbażat fuq il-metodi ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna, fid-dawl tas-sistema Komunitarja ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat

c)  Fuq il-kompetenza allegata tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jivverifikaw f’kull każ individwali l-eżistenza ta’ għajnuna, matul l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ rkupru

C –  Fuq l-allegat nuqqas ta’ locus standi tal-kumitat “Venezia vuole vivere”, fil-Kawża T-277/00

Fuq il-mertu

A –  Fuq il-klassifikazzjoni allegatament żbaljata tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni

1.  Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 87(1) KE u tal-Artikolu 86(2) KE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, u l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni u kontradizzjoni fil-motivazzjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

L-argumenti tar-rikorrenti

–  Kawża T-254/00

–  Kawża T-270/00

–  Kawża T-277/00

L-argumenti tal-Kummissjoni

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-allegat nuqqas ta’ vantaġġ, minħabba n-natura allegatament kumpensatorja tal-miżuri kkunsidrati

Fuq l-allegat kumpens ta’ żvantaġġi strutturali (Kawżi T-254/00, T-270/00 u T-277/00)

Fuq l-allegat kumpens tat-tmexxija ta’ servizzi pubbliċi (Kawżi T-270/00 u T-277/00)

Fuq l-allegat nuqqas ta’ impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-impatt fuq il-kompetizzjoni

2.  Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE u l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

L-argumenti tar-rikorrenti

–  Kawża T-254/00

–  Kawża T-270/00

–  Kawża T-277/00

L-argumenti tal-Kummissjoni

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 87(3)(d) KE u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif ukoll l-allegati nuqqas ta’ motivazzjoni u kontradizzjoni fil-motivazzjoni

a)  L-argument tal-partijiet

L-argumenti tar-rikorrenti

–  Kawża T-254/00

–  Kawża T-277/00

L-argumenti tal-Kummissjoni

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

4.  Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 87(3)(e) KE

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

5.  Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 87(3)(b) KE, tal-Artikolu 87(2)(b) KE u tal-Artikolu 253 KE, kif ukoll fuq l-allegati insuffiċjenza u kontradizzjoni tal-motivazzjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B –  Fuq l-allegata irregolarità ta’ obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna imposta mill-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata

1.  Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u ta’ trattament ugwali, b’relazzjoni mal-klassifikazzjoni allegatament żbaljata tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna ġdida

a)  L-argumenti tal-partijiet

L-argumenti tar-rikorrenti

–  Kawża T-254/00

–  Kawża T-277/00

L-argumenti tal-Kummissjoni

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali, ta’ trattament ugwali u ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, kif ukoll tar-regoli tad-dritt tranżitorju u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

L-argumenti tar-rikorrenti

–  Kawża T-254/00

–  Kawża T-270/00

–  Kawża T-277/00

b) L-argumenti tal-Kummissjoni

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż




* Lingwa tal-kawża: it-Taljan