Language of document : ECLI:EU:C:2011:541

Kawża C-442/09

Karl Heinz Bablok et

vs

Freistaat Bayern

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof)

“Prodotti tal-ikel modifikati ġenetikament — Regolament (KE) Nru 1829/2003 — Artikoli 2 sa 4 u 12 — Direttiva 2001/18/KE — Artikolu 2 — Direttiva 2000/13/KE — Artikolu 6 — Regolament (KE) Nru 178/2002 — Artikolu 2 — Prodotti tal-apikultura — Preżenza ta’ polline ta’ pjanti modifikati ġenetikament — Konsegwenzi — Tqegħid fis-suq — Kunċett ta’ ‘organiżmu’ u ta’ ‘ikel li fih ingredjenti prodotti minn organiżmi modifikati ġenetikament’”

Sommarju tas-sentenza

1.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Prodotti tal-ikel u għalf modifikati ġenetikament — Regolament Nru 1829/2003 — Orġaniżmi modifikati ġenetikament — Kunċett

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1829/2003, Artikolu 2(5))

2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Prodotti tal-ikel u għalf modifikati ġenetikament — Regolament Nru 1829/2003 — Kamp ta’ applikazzjoni

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 178/2002, Artikolu 2, u Nru 1829/2003, Artikoli 2(1), (10) u (13), u 3(1)(ċ); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2000/13, Artikolu 6(4)(a))

3.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Prodotti tal-ikel u għalf modifikati ġenetikament — Regolament Nru 1829/2003 — Obbligu ta’ awtorizzazzjoni u ta’ sorveljanza ta’ prodott tal-ikel

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1829/2003, Artikoli 3(1), 4(2), u 12(2))

1.        Il-kunċett ta’ organiżmu modifikat ġenetikament fis-sens tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 1829/2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament għandu jiġi interpretat fis-sens li sustanza, bħall-polline derivat minn varjetà ta’ qamħirrun modifikat ġenetikament, li tilfet il-kapaċità tagħha li tirripproduċi u li ma għandha l-ebda kapaċità li titrasferixxi materjal ġenetiku kontenut fiha, ma taqax iktar taħt dan il-kunċett.

(ara l-punt 62, id-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 2(1), (10) u (13), kif ukoll l-Artikolu 3(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1829/2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel, u l-Artikolu 6(4)(a) tad-Direttiva 2000/13, fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta sustanza bħall-polline li jkun fiha DNA u proteini modifikati ġenetikament ma tistax titqies bħala organiżmu modifikat ġenetikament, prodotti bħall-għasel u supplimenti tal-prodotti tal-ikel li fihom tali sustanza jikkostitwixxu, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1829/2003, prodott tal-ikel li fih ingredjenti prodotti minn organiżmi modifikati ġenetikament. Tista’ ssir l-istess klassifikazzjoni indipendentement mill-punt jekk il-kontaminazzjoni tas-sustanza inkwistjoni kinitx intenzjonali jew aċċidentali.

Fil-fatt, il-polline ma huwiex materjal barrani, impurità tal-għasel, iżda komponent normali tiegħu li, permezz tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-prinċipju, ma jistax jitneħħa anki jekk il-perjodiċità tal-inkorporazzjoni tiegħu u l-kwantitajiet li fihom jinstab fl-għasel jiddependu minn ċerti imprevisti li jistgħu jinqalgħu matul il-produzzjoni. Għaldaqstqant, għandu jitqies bħala sustanza użata fil-manifattura jew fil-preparazzjoni tal-prodott tal-ikel u li tibqa’ preżenti meta jitlesta l-prodott u, konsegwentement, għandu jiġi kklassifikat bħala “ingredjent” fis-sens tal-Artikolu 2(13) tar-Regolament Nru 1829/2003 u tal-Artikolu 6(4)(a) tad-Direttiva 2000/13.

(ara l-punti 77-79, 92 u d-dispożittiv 2)

3.        L-Artikoli 3(1) u 4(2) tar-Regolament Nru 1829/2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta jinvolvu obbligu ta’ awtorizzazzjoni u ta’ sorveljanza ta’ prodott tal-ikel, ma jistax jiġi applikat mutatis mutandis limitu ta’ tolleranza għal dan l-obbligu bħal dak previst fil-qasam tal-ittikkettjar fl-Artikolu 12(2) tal-istess regolament.

(ara l-punt 108 u d-dispożittiv 3)