Language of document : ECLI:EU:C:2020:989

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑3 ta’ Diċembru 2020 (1)

Kawża C705/19

Axpo Trading Ag

vs

Gestore dei Servizi Energetici SpA — GSE

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja))

“Domanda preliminari — Moviment liberu tal-merkanzija — Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli — Importazzjonijiet tal-elettriku ġejjin mill-Isvizzera — Dispożizzjoni nazzjonali dwar l-obbligu ta’ xiri ta’ ċertifikati ħodor — Taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali — Taxxa interna diskriminatorja — Miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni — Għajnuna mill-Istat — Trasferiment tar-riżorsi tal-istat — Selettività tal-għajnuna —Trattat bejn l-Unjoni Ewropea u l-Isvizzera”






1.        Id-Direttiva 2009/28/KE (2), li mill‑1 ta’ Lulju 2021 ser tiġi ssostitwita bid-Direttiva (UE) 2018/2001 (3), tat spinta kbira lill-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Wieħed mill-mekkaniżmi jew “skemi ta’ appoġġ” li tipprevedi sabiex tinċentiva l-produzzjoni ta’ dan it-tip ta’ enerġija huwa dak taċ-ċertifikati ħodor (iktar ’il quddiem, iċ-“ĊĦ”) (4).

2.        Meta fl‑2005 evalwat il-mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-elettriku ġġenerat minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli (iktar ’il quddiem, l-“E‑FER”), il-Kummissjoni ġabret fil-qosor u f’dawn it-termini, l-iskema taċ-ĊĦ li tintuża, fost Stati Membri oħrajn, mill-Italja: “f’konformità mal-iskema taċ-ċertifikati ħodor […], l-E‑FER jinbiegħ bil-prezzijiet tas-suq tal-enerġija konvenzjonali. Sabiex tiġi ffinanzjata l-ispiża addizzjonali tal-ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u jiġi ggarantit li tiġi prodotta l-kwantità mixtieqa, il-konsumaturi kollha (jew, f’xi pajjiżi, il-produtturi) huma obbligati jixtru numru partikolari ta’ ċertifikati ħodor mill-produtturi tal-E‑FER skont perċentwali fiss, jew sehem, tal-konsum/tal-produzzjoni totali tagħhom tal-elettriku […] [traduzzjoni mhux uffiċjali]” (5).

3.        Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar iċ-ĊĦ, b’mod partikolari, mill-perspettiva tal-moviment liberu tal-merkanzija (6). Din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippermettilha tavvanza l-ġurisprudenza tagħha, billi tindirizza l-kompatibbiltà tas-sistema legali Taljan taċ-ĊĦ mad-dritt tal-Unjoni.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ftehim tal-kummerċ ħieles KEE-Svizzera (7)

4.        L-Artikolu 2 jipprovdi li:

“Il-Ftehim għandu japplika għall-prodotti li ġejjin mill-Komunità u mill-Isvizzera:

i)      li huma kklassifikati fil-Kapitoli 25 sa 97 tal-iskema armonizzata tad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni tal-merkanzija, ħlief għall-prodotti mniżżla fl-Anness I;

ii)      li huma mniżżla fl-Anness II;

iii)      li huma mniżżla fil-Protokoll Nru 2, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet partikolari stabbiliti f’dan tal-aħħar.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5.        L-Artikolu 6(1) jipprovdi li:

“Ma hija se tiġi introdotta l-ebda taxxa b’effett ekwivalenti fuq id-dazji doganali ta’ importazzjoni fl-iskambji bejn il-Komunità u l-Isvizzera”.

6.        F’konformità mal-Artikolu 13(1):

“Ma hija se tiġi introdotta l-ebda restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni u lanqas miżura b’effett ekwivalenti fl-iskambji bejn il-Komunità u l-Isvizzera”.

2.      Id-Direttiva 2009/28

7.        Fil-premessi 15, 25, 52 u 56 huwa pprovdut li:

“(15)      Il-punt tat-tluq, il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli u t-taħlit tal-enerġija ta’ kull Stat Membru jvarja. Huwa għalhekk meħtieġ li l-mira tal-Komunità ta’ 20 % tiġi tradotta f’miri individwali għal kull Stat Membru, b’konsiderazzjoni debita għal allokazzjoni ġusta u adegwata li tqis il-punti ta’ tluq u l-potenzjali differenti tal-Istati Membri, inkluż il-livell eżistenti ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli u t-taħlita tal-enerġija. […]

[…]

(25)      L-Istati Membri għandhom potenzjali għall-enerġija rinnovabbli differenti u joperaw skemi differenti ta’ appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-livell nazzjonali. Il-maġġoranza tal-Istati Membri japplikaw skemi ta’ appoġġ li jagħtu benefiċċji biss lill-enerġija minn sorsi rinnovabbli li tiġi prodotta fit-territorju tagħhom. Għall-iffunzjonar tajjeb tal-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali huwa kruċjali li l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkontrollaw l-effett u l-ispejjeż tal-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali tagħhom skont il-potenzjali differenti tagħhom. Mezz importanti biex jintlaħaq l-għan ta’ din id-Direttiva hu li jkun garantit il-funzjonament tajjeb ta’ skemi ta’ appoġġ nazzjonali, bħal fid-Direttiva 2001/77/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Settembru 2001, fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 121)], sabiex tinżamm il-fiduċja tal-investitur u sabiex jiġi permess lill-Istati Membri jfasslu miżuri nazzjonali effettivi għall-konformità mal-mira. Din id-Direttiva għandha l-għan li tiffaċilita l-appoġġ transkonfinali tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli mingħajr ma teffettwa skemi ta’ appoġġ nazzjonali. Hija tintroduċi mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni fakultattivi bejn l-Istati Membri li jippermettulhom li jaqblu fuq il-livell li fih Stat Membru ieħor jappoġġa l-produzzjoni tal-enerġija fi Stat Membru ieħor u dwar il-livell li għalih il-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli għandha tgħodd għall-mira globali nazzjonali ta’ kwalunkwe wieħed minnhom. Sabiex tiġi żgurata l-effettività taż-żewġ miżuri ta’ konformità tal-mira, jiġifieri l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali u l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni, huwa essenzjali li l-Istati Membri jkunu kapaċi jiddeterminaw jekk u sa liema livell l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali tagħhom japplikaw għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli prodotta fi Stati Membri oħra u biex jaqblu dwar dan billi japplikaw il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni previsti f’din id-Direttiva.

[…]

(52)      Il-garanziji tal-oriġini, maħruġa għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom il-funzjoni unika li jagħtu prova lill-konsumatur finali li sehem jew kwantità speċifika ta’ enerġija ġiet prodotta minn sorsi rinnovabbli. Garanzija tal-oriġini tista’ tiġi trasferita, indipendentement mill-enerġija li tirrelata magħha, minn detentur għall-ieħor. Madankollu, bil-ħsieb li jiġi żgurat li unità tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tiġi rilaxxata darba biss lil klijent, il-kalkolar doppju u r-rilaxx doppju tal-garanziji tal-oriġini għandhom jiġu evitati. L-enerġija rinnovabbli li fir-rigward tagħha l-garanzija tal-oriġini li takkumpanjaha ġiet mibjugħa separatament mill-produttur m’għandhiex tiġi rilaxxata jew mibjugħa lill-klijent finali bħala enerġija minn sorsi rinnovabbli. Hu importanti li jkun hemm distinzjoni bejn ċertifikati ħodor użati għal skemi ta’ appoġġ u garanziji tal-oriġini.

[…]

(56)      Il-garanziji tal-oriġini waħedhom ma jagħtux dritt li wieħed jibbenefika minn skemi ta’ appoġġ nazzjonali.”

8.        Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2009/28 tistabbilixxi qafas komuni għall-promozzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, billi tiffissa, fost kwistjonijiet oħra, miri nazzjonali mandatorji għas-sehem globali ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija u għas‑sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport.

9.        L-Artikolu 3(1) u (2), jirreferi għall-mira globali nazzjonali, għas-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u għall-miżuri biex jiżguraw ir-rispett ta’ dan is-sehem.

10.      L-Artikolu 3(3) jipprovdi li:

“Sabiex jintlaħqu l-miri mniżżla fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, japplikaw il-miżuri li ġejjin:

a)      skemi ta’ sostenn;

b)      miżuri ta’ kooperazzjoni bejn Stati Membri differenti u ma’ pajjiżi terzi għall-kisba tal-miri globali nazzjonali tagħhom skont l-Artikoli 5 sa 11.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat, l-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt li jiddeċiedu skont l-Artikoli 5 sa 11 ta’ din id-Direttiva, sa fejn huma jsostnu enerġija minn sorsi rinnovabbli li tkun prodotta fi Stat Membru differenti”.

11.      L-Artikolu 7(1) jipprovdi li:

“Żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jikkooperaw għal kull tip ta’ proġetti konġunti marbuta mal-produzzjoni tal-elettriku, it-tisħin jew it-tkessiħ minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Dik il-kooperazzjoni tista’ tinvolvi operaturi privati”.

12.      L-Artikolu 9(1), jindika li:

“Stat Membru wieħed jew aktar jistgħu jikkooperaw ma’ pajjiż terz jew aktar dwar kull tip ta’ proġetti konġunti rigward il-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Din il-kooperazzjoni tista’ tinvolvi operaturi privati”.

13.      L-Artikolu 15 jispeċifika li:

“1.      Għall-finijiet li jiġi provat lill-klijenti finali s-sehem jew il-kwantità ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli f’taħlita tal-enerġija ta’ produttur tal-enerġija, skont l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2003/54/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oriġini tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tista’ tkun garantita bħala tali fit-tifsira ta’ din id-Direttiva, skont kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.

2.      Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tinħareġ garanzija tal-oriġini bi tweġiba għal talba minn produttur tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. […]

[…]

Il-garanzija tal-oriġini m’għandhiex funzjoni f’dak li jirrigwarda l-konformità ta’ Stat Membru mal-Artikolu 3. […]

9.      L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-garanziji tal-oriġini maħruġa minn Stati Membri oħrajn skont din id-Direttiva esklużivament bħala prova tal-elementi msemmijin fil-paragrafu 1 u l-paragrafu 6(a) sa (f). Stat Membru jista’ jiċħad ir-rikonoxximent ta’ garanzija tal-oriġini biss fil-każ li jkollu dubji bbażati fuq raġunijiet sodi dwar il-preċiżjoni, l-affidabbiltà jew l-awtentiċità tagħha. L-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar tali ċaħda u l-ġustifikazzjoni tagħha.

[…]”

B.      Id-dritt Taljan

1.      Regoli qabel l2011

14.      Fit-taqsimiet korrelattivi tas-sentenza Green Network l-iskema taċ-ĊĦ fis-seħħ fl-Italja qabel ir-riforma tal‑2011 hija deskritta b’dan il-mod:

“12      L-Artikolu 11(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 96/92/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (ĠU 1997, L 27, p. 20)] (iktar ’il quddiem, id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999”), jobbliga lill-operaturi li jkunu pproduċew jew importaw elettriku sabiex fis-sena ta’ wara, fis-sistema nazzjonali jikkummerċjalizzaw sehem tal-elettriku ġġenerat minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli (iktar ’il quddiem l-“elettriku aħdar”) li jkun ġej minn impjanti li jkunu daħlu fis-servizz jew żiedu l-produzzjoni tagħhom wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet. F’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu, dan l-obbligu jista’ jiġi ssodisfatt bix-xiri ta’ dan is-sehem kollu jew ta’ parti minnu mingħand produtturi oħra, sakemm l-elettriku li jiġi kkummerċjalizzat fl-iskema nazzjonali jkun aħdar, jew permezz tax-xiri taċ-ċertifikati ħodor tal-operatur tal-iskema nazzjonali msemmija, mill‑1 ta’ Novembru 2005, Gestore servizi energetici SpA (iktar ’il quddiem, il-“GSE”). Il-produtturi u l-importaturi kkonċernati għandhom, għaldaqstant, jew jippreżentaw ċertifikati li jikkonfermaw li sehem ta’ elettriku prodott jew importat ġie prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, jew jixtru ċertifikati ħodor.

13      L-Artikolu 4(6) tad-Digriet Ministerjali dwar ir-regoli ta’ eżekuzzjoni tar-regoli dwar l-elettriku ġġenerat minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli previsti fl-Artikolu 11(1), (2) u (3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79 tas‑16 ta’ Marzu 1999 ([…] iktar ’il quddiem, id-“Digriet Ministerjali tal‑11 ta’ Novembru 1999”), jipprovdi li:

“L-obbligu previst fl-Artikolu 11(1) u (2) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 79/1999] jista’ jiġi ssodisfatt billi jiġi importat l-elettriku kollu jew parti minnu li huwa ġġenerat minn impjanti li kienu bdew joperaw wara l‑1 ta’ April 1999 u huma fornuti minn sorsi rinnovabbli, sakemm dawn l-impjanti jkunu jinsabu f’pajjiżi barranin li adottaw miżuri simili ta’ promozzjoni u inċentivar tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli abbażi ta’ mekkaniżmi tas-suq li jirrikonoxxu l-istess possibbiltà għall-faċilitajiet stabbiliti fl-Italja. F’dan il-każ, min huwa obbligat għandu jippreżenta t-talba prevista fit-taqsima 3 flimkien mal-kuntratt tax-xiri tal-enerġija ġġenerata mill-faċilità u b’titolu validu ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ din l-enerġija fl-iskema tal-elettriku nazzjonali. L-informazzjoni kollha għandha tkun iċċertifikata mill-awtorità maħtura, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(3) tad-Direttiva [96/92], fil-pajjiż fejn hija stabbilita l-faċilità. Fil-każ ta’ pajjiżi li ma humiex parti mill-Unjoni Ewropea, l-aċċettazzjoni tat-talba sseħħ bil-kundizzjoni li l-operatur tal-iskema ta’ trażmissjoni nazzjonali jikkonkludi ftehim mal-awtorità lokali omoloġika kompetenti, li fih ikunu stabbiliti l-metodi sabiex jitwettqu l-verifiki meħtieġa”.

14      Skont l-Artikolu 20(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 387, dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva [2001/77], fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli fis-suq intern ta’ l-elettriku ([…]; iktar ’il quddiem, id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003”), l-importaturi tal-enerġija elettrika minn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea jistgħu jitolbu lill-GSE li jiġu eżentati mill-obbligu li jixtru ċ-ċertifikati ħodor stabbilit fl-Artikolu 11 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999, għas-sehem tal-elettriku importat, sakemm jippreżentawlha kopja konformi tal-garanzija ta’ oriġini maħruġa, f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/88. Fil-każ ta’ importazzjoni tal-elettriku prodott f’pajjiż terz, l-Artikolu 20(3) imsemmi jagħti din l-eżenzjoni bil-kundizzjoni li jiġi konkluż ftehim bejn ir-Repubblika Taljana u l-Istat terz ikkonċernat, li fih jiġi stabbilit li l-elettriku kkonċernat huwa ġġenerat minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli u huwa ggarantit bħala tali skont l-istess modalitajiet bħal dawk previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/77.

15      Fis‑6 ta’ Marzu 2007, il-Ministeri Taljani kompetenti u d-Dipartiment Federali Svizzeru tal-Ambjent, it-Trasport, l-Enerġija u l-Komunikazzjonijiet ikkonkludew ftehim f’dan is-sens. Dan il-ftehim jistabbilixxi r-rikonoxximent reċiproku tal-garanziji ta’ oriġini għal dak li jirrigwarda l-elettriku importat mis-sena 2006; sena li matulha l-Konfederazzjoni Svizzera għaddiet leġiżlazzjoni li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/77.

16      Skont l-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003, hija l-GSE li għandha tivverifika l-issodisfar tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 11 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999 u li għandha tikkomunika lill-AEEG (Autorità per l’energia elettrica e il gas (l-Awtorità għall-Enerġija Elettrika u l-Gass, l-Italja) l-identità ta’ min ma jissodisfax dawn l-obbligi sabiex timponi sanzjonijiet skont il-Liġi Nru 481, dwar ir-regoli ta’ kompetizzjoni u l-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi ta’ utilità pubblika — Istituzzjoni tal-awtoritajiet regolatorji tas-servizzi ta’ utilità pubblika […]”.

2.      Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011 (8)

15.      Skont l-Artikolu 25(2), “l-enerġija elettrika importata mill‑1 ta’ Jannar 2012 ma għandhiex tkun suġġetta għall-obbligu previst fl-Artikolu 11(1) u (2) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 79/1999] b’mod esklużiv fil-każ li tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi nazzjonali previsti fl-Artikolu 3”.

16.      L-istess Artikolu 25(11)(a) ippreveda t-tħassir tal-Artikolu 20(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 378/2003 mill‑1 ta’ Jannar 2012. Minn dakinhar ’il quddiem, l-importaturi tal-enerġija elettrika minn Stati Membri oħra ma setgħux jitolbu lill-GSE sabiex teżentahom mill-obbligu tax-xiri taċ-ĊĦ.

II.    Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17.      Axpo Trading AG (iktar ’il quddiem, “Axpo”) (9) hija kumpannija Svizzera li topera fis-settur tal-elettriku. Hija timporta enerġija prodotta fl-Isvizzera (u, f’livell inqas, fi Franza) lejn l-Italja minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli u kombustibbli fossili.

18.      Il-GSE adottat żewġ riżoluzzjonijiet, tat‑8 ta’ April 2014 u tal‑10 ta’ Lulju 2016, fejn tipprovdi li Axpo, matul l‑2012 u l‑2014, importat fl-Italja elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli mingħajr ma xtrat iċ-ĊĦ korrispondenti, bi ksur tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011, u għalhekk imponitilha l-obbligu li tixtri ċ-ĊĦ fi żmien 30 jum.

19.      Axpo kkontestat ir-riżoluzzjonijiet ta’ GSE quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio, (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja).

20.      Din il-qorti, fis-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2017, ċaħdet ir-rikors ta’ Axpo, billi għamlet riferiment, b’mod partikolari, għas-sentenza Ålands Vindkraft. Hija kienet tal-fehma li l-leġiżlazzjoni Taljana ma kinitx tikkostitwixxi eżenzjoni b’effett ekwivalenti u lanqas għajnuna mill-Istat peress li ma kinitx selettiva u ma kkawżatx distorsjoni tal-kompetizzjoni, u kienet kompatibbli mad-Direttiva 2009/28.

21.      Minbarra l-azzjoni ġudizzjarja, fid‑29 ta’ Ottubru 2014, Axpo kienet ressqet ilment quddiem id-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni (DG COMP) tal-Kummissjoni.

22.      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Diċembru 2017, id-DG COMP ħadet nota tal-fatt li Axpo appellat mis-sentenza tal-prim’istanza u talbet lill-Qorti tal-Appell sabiex tressaq talba għal deċiżjoni preliminari. Hija sostniet ukoll li ma kinitx ġiet innotifikata dwar l-iskema Taljana taċ-ĊĦ u spjegat ir-raġunamenti użati fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha sabiex tanalizza ċ-ĊĦ ta’ Stati Membri oħra (10).

23.      Fit‑2 ta’ Frar 2015, Axpo ressqet ilment ieħor quddiem id-Direttorat Ġenerali tat-Taxxa u l-Unjoni Doganali (DG TAXUD) tal-Kummissjoni. Huwa wieġeb li ser jistudja l-possibbiltà li jiftaħ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Taljana.

24.      Axpo appellat is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2017 quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) fejn talbet in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni. Insostenn tat-talba tagħha, essenzjalment targumenta li l-obbligu tax-xiri taċ-ĊĦ sabiex timporta l-E‑FER jikser ir-regoli tat-TFUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, tal-Unjoni doganali, tal-moviment liberu tal-merkanzija u tat-trattament ugwali, kif ukoll il-Ftehim KEE-Svizzera.

25.      Il-Kummissjoni intervjeniet fil-proċedura quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) billi sostniet li, fis-sentenza Ålands Vindkraft, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss dwar in-nuqqas ta’ konformità tar-regoli Svediżi mal-projbizzjoni tal-miżuri b’effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni. Barra minn hekk, hija argumentat li l-qorti nazzjonali tista’ teskludi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat iżda li, jekk tevalwa l-eżistenza tagħha, hija ma għandhiex tevalwa l-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni, li huwa l-prerogattiva esklużiva tal-Kummissjoni.

26.      Fid-digriet tar-rinviju tiegħu, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iqis li l-leġiżlazzjoni Taljana hija konformi mar-regoli tat-TFUE, mad-Direttiva 2009/28 u mal-Ftehim KEE-Svizzera. B’mod partikolari, huwa jqis li l-iskema nazzjonali taċ-ĊĦ:

–      Hija konformi mar-regoli tat-TFUE dwar l-għajnuna mill-Istat, minħabba li ma kien hemm l-ebda mobbilizzazzjoni ta’ xi riżorsa pubblika. Anki jekk dawn kienu riżorsi pubbliċi, il-leġiżlazzjoni hija konformi mad-Direttiva 2009/28, li tippromwovi l-miżuri tal-Istat ta’ inċentiv tal-produzzjoni tal-enerġija ħadra, u mal-protezzjoni tal-ambjent. Fi kwalunkwe każ, il-miżura ma tistax tiġi kklassifikata bħala waħda selettiva għaliex il-mekkaniżmu previst fid-Direttiva 2009/28 huwa selettiv minnu nnifsu, billi jagħti privileġġ lill-produtturi tal-E‑FER f’kull Stat Membru.

–      Ma tikkostitwixxix eżenzjoni b’effett ekwivalenti u lanqas miżura b’effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, minħabba l-objettiv tad-Direttiva 2009/28.

–      Hija kompatibbli mal-Artikoli 18 TFUE u 110 TFUE għaliex tipprovdi l-istess trattament lill-operaturi kollha tas-settur elettriku li jinjettaw l-E‑FER fil-grilja Taljana.

27.      Madankollu, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) qies li huwa neċessarju li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Tista’ l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara jekk:

–      l-Artikolu 18 TFUE, sa fejn jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati;

–      l-Artikoli 28 u 30 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 6 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles KEE – Svizzera, sa fejn jipprevedu t-tneħħija tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni u tal-miżuri b’effett ekwivalenti;

–      l-Artikolu 110 TFUE, sa fejn jipprojbixxi taxxi fuq l-importazzjonijiet li jkunu ogħla minn dawk applikati direttament jew indirettament fuq prodotti simili nazzjonali;

–      l-Artikolu 34 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 13 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles KEE – Svizzera, sa fejn jipprojbixxu l-adozzjoni ta’ miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet;

–      l-Artikoli 107 u 108 TFUE, sa fejn jipprojbixxu l-eżekuzzjoni ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li ma tkunx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u li tkun inkompatibbli mas-suq intern;

–      id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, sa fejn hija intiża li tiffavorixxi l-kummerċ intra-Komunitarju ta’ elettriku minn sorsi rinnovabbli kif ukoll il-promozzjoni tal-kapaċitajiet produttivi tal-Istati Membri individwali,

jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-importaturi ta’ elettriku minn sorsi rinnovabbli oneru pekunjarju li ma japplikax għall-produtturi nazzjonali tal-istess prodott?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.      Il-proċedura għal deċiżjoni preliminari ddaħħlet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Settembru 2019.

29.      Axpo, il-GSE, Fallimento Esperia (iktar ’il quddiem “Esperia”) (11), il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Minbarra l-GSE, ilkoll kemm huma intervjenew fis-seduta li saret fit‑23 ta’ Settembru 2020.

IV.    L-Evalwazzjoni

30.      Ser nibda billi nesponi fil-qosor, l-iskema Taljana taċ-ĊĦ sabiex iktar ’l isfel neżamina l-konformità tagħha mad-Direttiva 2009/28. Iktar tard ser nindirizza l-problemi li jirriżultaw minn din l-iskema fir-rigward tad-dritt primarju tal-Unjoni u tal-Ftehim KEE-Svizzera.

A.      L-Iskema Taljana taċ-ĊĦ

31.      Permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999, l-Italja introduċiet l-iskema taċ-ĊĦ. Bħalma diġà esponejt (12), permezz ta’ din l-iskema hija ppruvat tinċentiva l-iżvilupp tal-E‑FER billi tagħti lill-produtturi tagħha xi ċertifikati (iċ-ĊĦ) li huma jistgħu jinnegozjaw fis-suq, billi jbigħuhom lil dawk li kienu jiġġeneraw l-elettriku minn sorsi mhux rinnovabbli (13).

32.      L-għoti taċ-ĊĦ kien isir mingħajr ħlas lil kull produttur tal-E‑FER li kien jitlobhom lill-GSE, b’mod proporzjonat għall-elettriku ġġenerat minnhom u wara li tkun ġiet akkreditata din l-informazzjoni (14).

33.      Permezz tal-bejgħ taċ-ĊĦ li ġew allokati lilhom, il-produtturi tal-E‑FER setgħu jiffinanzjaw “l-ispiża addizzjonali tal-ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u [jiggarantixxu] li tiġi prodotta l-kwantità mixtieqa” (15).

34.      Sabiex jiġu ssodisfatti l-objettivi tiegħu, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999 u r-regoli li jimplimentawh jobbligaw lill-produtturi jew l-importaturi kollha tal-elettriku sabiex jinjettaw perċentwali tal-E‑FER fin-network nazzjonali (li setgħu jipproduċi direttament jew jiksbu minn produttur Taljan), kif ukoll sabiex jixtru ĊĦ.

35.      Għaldaqstant, il-produtturi u l-importaturi tal-elettriku fl-Italja kellhom jippreżentaw iċ-ċertifikazzjoni akkreditattiva li turi li: a) parti mill-elettriku (prodott jew importat) tagħhom ġiet iġġenerata minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jew b) alternattivament, xtraw iċ-ĊĦ korrispondenti.

36.      Meta produttur jew importatur tal-elettriku konvenzjonali jiddeċiedi li jilħaq il-perċentwal tal-E‑FER tiegħu billi jixtri ĊĦ, huwa obbligat jippreżenta dikjarazzjoni annwali lill-GSE dwar l-elettriku prodott u l-kwantità ta’ ĊĦ proporzjonali għas-sehem tiegħu.

37.      Wara l-verifika, il-GSE tannulla ċ-ĊĦ li ppreżentalha dan il-produttur jew l-importatur (16). Jekk ikunu inqas mis-sehem tal-produttur jew tal-importatur, dawn għandhom jikkumpensaw id-differenza, billi jixtru ċ-ĊĦ li jkun fadal u jibagħtuhom lill-GSE (17).

38.      Dawn l-obbligi huma, madankollu, eżentati milli jiġu ssodisfatti jekk jintwera li l-elettriku importat fl-Italja jkun ġej minn sorsi rinnovabbli. Għalhekk, skont l-Artikolu 20(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003:

–      L-importaturi tal-E‑FER iġġenerat fi Stati Membri oħra tal-Unjoni jistgħu jitolbu lill-GSE li jiġu eżentati mill-obbligu li jixtru ċ-ĊĦ għas-sehem ta’ elettriku importat, sakemm jehmżu miegħu kopja tal-garanzija ta’ oriġini.

–      Jekk minflok, tkun kwistjoni ta’ importazzjoni ta’ E‑FER prodott fi Stat terz, l-eżenzjoni tingħata sakemm ikun hemm l-iffirmar ta’ ftehim bejn l-Italja u dan l-Istat, fejn jiġi stabbilit li l-elettriku jkun iġġenerat minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli u jiġi garantit bħala tali.

39.      Skont is-sentenza Green Network (18), fis‑6 ta’ Marzu 2007, l-Italja u l-Konfederazzjoni Svizzera waslu għal ftehim f’dan is-sens. Fil-ftehim ġie inkluż ir-rikonoxximent reċiproku tal-garanziji ta’ oriġini għall-elettriku importat mill‑2006 li hija s-sena meta l-Konfederazzjoni Svizzera adottat leġiżlazzjoni li hija kompatibbli mad-Direttiva 2001/77, u li sussegwentement ġiet issostitwita bid-Direttiva 2009/28.

40.      Fis-sentenza Green Network, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Istati Membri ma jistgħux jikkonkludu dan it-tip ta’ ftehim għaliex il-konklużjoni tagħhom hija l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Ikkunsidrat ukoll li d-dritt tal-Unjoni ma huwiex kompatibbli mar-regola Taljana li kienet tippermetti l-eżenzjonijiet għall-obbligu ta’ xiri taċ-ĊĦ fuq l-elettriku importat minn pajjiżi terzi (19).

41.      Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011 emenda l-iskema ta’ promozzjoni tal-E‑FER stabbilita mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999 billi għażel l-abbandun progressiv taċ-ĊĦ u s-sostituzzjoni tagħhom bi skema ta’ appoġġ oħra. Barra minn hekk, bħalma diġà fakkart, mill‑1 ta’ Jannar 2012, ħassar il-possibbiltà li l-importaturi tal-E‑FER jiġu eżentati mix-xiri ta’ ĊĦ Taljani (20).

42.      L-emenda leġiżlattiva tal‑2011 hija preċiżament dik li wasslet għat-tilwima li rriżultat fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari.

B.      Il-kompatibbiltà tal-iskema Taljana mad-Direttiva 2009/28

43.      Axpo tikkunsidra li din l-iskema tikser id-Direttiva 2009/28 minħabba li tippenalizza l-importazzjonijiet ta’ E‑FER billi timponi fuq l-importaturi l-obbligu li jappoġġjaw il-produzzjoni nazzjonali meta din id-direttiva tipprovdi mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni.

44.      Il-qorti tar-rinviju, il-GSE, l-Italja u l-Kummissjoni jsostnu, għall-kuntrarju ta’ dan, li l-iskema hija konformi mad-Direttiva 2009/28.

45.      Nemmen li huwa xieraq li nsemmi, qabel kollox, il-punti 26 sa 29 tas-sentenza Elecdey Carcelen et (21), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dawn id-dikjarazzjonijiet fir-rigward tad-Direttiva 2009/28:

“26      […] [i]d-Direttiva 2009/28, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, għandha l-għan li tiddefinixxi qafas komuni għall-promozzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, billi tistabbilixxi, b’mod partikolari, għanijiet nazzjonali vinkolanti dwar is-sehem tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija.

27      Għalhekk, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/28, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw li s-sehem tal-enerġija prodott minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija tagħhom fl‑2020 jikkorrispondi minn tal-inqas għall-għan nazzjonali globali, kif stabbilit fil-parti A tal-Anness I ta’ din id-direttiva, li għandu jkun koerenti mal-għan li minn tal-inqas 20 % mill-enerġija prodotta tkun minn sorsi rinnovabbli.

28      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri huma marbuta jimplementaw miżuri mfassla b’mod effikaċi sabiex jiggarantixxu li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli tkun minn tal-inqas ugwali għal dik prevista fit-‘trajettorja indikattiva’ stabbilita fil-Parti B [tal-Anness I] tal-istess direttiva.

29      Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-Istati Membri jistgħu, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28, japplikaw ‘skemi ta’ sostenn’ fis-sens tal-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tagħha, u għalhekk, jallokaw, b’mod partikolari, għajnuna għall-investiment, eżenzjonijiet jew tnaqqis fiskali u rimbors tat-taxxa jew anki jimponu obbligu li tintuża l-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli”.

46.      B’hekk, il-mekkaniżmu Taljan taċ-ĊĦ huwa skema ta’ appoġġ li jaqa’ b’mod naturali taħt id-Direttiva 2009/28. Barra minn hekk huwa analogu għal dak li kien is-suġġett tas-sentenza Ålands Vindkraft, li fiha ġie ddikjarat b’mod espliċitu li “[…] id-dispożizzjonijiet tal-punti (k) u (l) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28 jirreferu speċifikament ukoll għall-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali li jużaw ‘ċertifikati ekoloġiċi [ħodor]’” (22).

47.      Is-sentenza Ålands Vindkraft ivvalidat l-iskema ta’ appoġġ Svediża li implimentat, għall-ispejjeż tal-fornituri tal-elettriku u ta’ ċerti konsumaturi, l-obbligu li jintuża ĊĦ “sabiex jissodisfaw l-obbligi rispettivi tagħhom li jinkludu proporzjon speċifikat ta’ elettriku aħdar fil-provvista tagħhom jew li jinkludu proporzjon speċifikat ta’ elettriku aħdar fil-konsum tagħhom” (23).

48.      Id-Direttiva 2009/28 ma tistabbilixxix qafas uniformi, għall-Unjoni kollha, tas-sistemi nazzjonali ta’ appoġġ għall-E‑FER, iżda tagħti marġni wiesa’ fl-Istati Membri sabiex jirregolawhom.

49.      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, “[k]if jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28, u b’mod partikolari mit-terminu ‘jistgħu’, l-Istati Membri b’ebda mod ma huma obbligati, sabiex jippromwovu l-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli, li jadottaw skemi ta’ sostenn u lanqas, a fortiori, jekk jiddeċiedu li jadottaw tali skemi, li jikkonċepixxu tali skemi f’għamla ta’ eżenzjonijiet jew ta’ tnaqqis fiskali” (24).

50.      L-Istati Membri huma obbligati biss li “jintlaħqu [jilħqu] l-għanijiet vinkolanti nazzjonali globali stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2009/28, moqri flimkien mal-Anness I ta’ din id-direttiva” (25). Skont kif tirrapporta l-Kummissjoni, ir-Repubblika Taljana laħqet l-objettiv globali nazzjonali tagħha għall-użu tal-enerġija ħadra għall‑2020.

51.      Il-marġni diskrezzjonali li d-Direttiva 2009/28 tagħti lill-Istati Membri sabiex jistrutturaw l-iskemi ta’ appoġġ tagħhom għall-E‑FER jippermetti tfassil purament nazzjonali ta’ dawn l-iskemi li jaħdem favur il-produzzjoni, li hija wkoll nazzjonali, tal-E‑FER u teskludi lil dik importata minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi (26).

52.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat dan b’mod ċar: “[i]l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jobbliga lill-Istati Membri li għażlu skema ta’ għajnuna li tuża ċertifikati ħodor li jestendu l-benefiċċju ta’ din l-iskema għall-elettriku aħdar prodott fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor” (27).

53.      Għaldaqstant, l-Istati Membri huma awtorizzati sabiex jiddeċiedu jekk l-iskemi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom japplikawx għall-E‑FER iġġenerat fi Stati Membri oħra (a fortiori, f’pajjiżi terzi), jew le. Jekk ikunu favur il-ftuħ ta’ din il-possibbiltà, jistgħu anki jipprovdu b’liema mod huma ser jagħmlu dan.

54.      Huwa minnu li d-Direttiva 2009/28 tinkorpora mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri li huma differenti mill-garanziji ta’ oriġini maħruġa skont din id-direttiva (garanziji li huma nnifishom ma jagħtux id-dritt li jibbenefikaw mis-sistemi ta’ appoġġ nazzjonali) (28). Dawn il-mekkaniżmi madankollu, huma fakultattivi u mhux obbligatorji, b’mod li l-Istati jkunu jistgħu sempliċiment jirrestrinġu l-iskemi ta’ appoġġ tagħhom għall-E‑FER iġġenerat fi ħdan il-fruntieri tagħhom.

55.      Sa fejn il-leġiżlazzjoni Taljana għażlet li mis-sena 2012 tinċentiva biss il-produzzjoni tal-E‑FER iġġenerat fl-Italja, hija ma tiksirx id-Direttiva 2009/28.

C.      L-iskema Taljana taċ-ĊĦ u r-regoli tat-TFUE dwar l-unjoni doganali u l-moviment liberu tal-merkanzija.

56.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “meta qasam kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fuq il-livell tal-Unjoni, kull miżura nazzjonali relatata miegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dik il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju” (29).

57.      Id-Direttiva 2009/28 ma wettqitx armonizzazzjoni eżawrjenti tal-mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Fis-sentenza Ålands Vindkraft (30) huma stabbiliti l-argumenti li jikkonfermaw in-natura mhux eżawrjenti tal-armonizzazzjoni mwettqa mid-Direttiva 2009/28, li ma naħsibx li huwa meħtieġ li nirriproduċi hawnhekk.

58.      Abbażi ta’ din il-premessa, il-kompatibbiltà tal-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi analizzata skont id-Direttiva 2009/28 u d-dritt primarju.

59.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel domanda, b’mod partikolari, dwar il-kompatibbiltà tal-iskema Taljana taċ-ĊĦ mal-projbizzjoni tat-taxxi b’effett ekwivalenti għad-dazji doganali fuq l-importazzjoni (l-Artikolu 30 TFUE), tat-taxxi interni diskriminatorji (l-Artikolu 110 TFUE) u tal-miżuri b’effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni (l-Artikolu 34 TFUE).

60.      Ma huwiex ser ikun essenzjali li jiġi analizzat id-dritt Taljan fid-dawl tal-Artikolu 18 TFUE peress li dan tal-aħħar japplika biss jekk ma jkunx hemm regoli iktar speċifiċi li jirriflettu l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (31). Dan huwa l-każ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija (li taħtu jaqgħu l-importazzjonijiet tal-elettriku), billi l-Artikoli 30, 34 u 110 TFUE jispeċifikaw il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li huwa stabbilit b’mod ġenerali mill-Artikolu 18 TFUE.

61.      Peress li l-projbizzjoni tal-miżuri b’effett ekwivalenti għall-restrizzjonijiet kwantitattiva għandha natura residwali fir-rigward tal-projbizzjonijiet l-oħra tat-TFUE fuq il-moviment liberu tal-merkanzija (32), għandha tiġi indirizzata qabel kollox, il-kompatibbiltà tal-iskema Taljana mal-projbizzjoni tat-taxxi b’effett ekwivalenti għal dazji doganali fuq l-importazzjoni u mal-projbizzjoni tat-taxxi interni diskriminatorji.

1.      Il-projbizzjoni tat-taxxi b’effett ekwivalenti għad-dazji doganali fuq l-importazzjoni (l-Artikoli 28 u 30 TFUE)

62.      Dazju doganali huwa taxxa indiretta imposta fuq l-importazzjoni ta’ merkanziji minn pajjiżi terzi (b’mod eċċezzjonali, l-esportazzjoni) f’konformità mat-tipi ta’ rati tat-taxxa stabbiliti fit-tariffi doganali tal-Unjoni.

63.      L-iskema taċ-ĊĦ, fir-rigward tal-importazzjoni tal-E‑FER fl-Italja, u fid-dawl tal-karatteristiċi tagħha, ma hijiex dazju doganali (barra milli taffettwa mhux biss l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi iżda wkoll l-importazzjonijiet minn Stati Membri oħra).

64.      Axpo ssostni, madankollu, li din l-iskema tista’ tiġi kklassifikata bħala taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali fuq l-importazzjoni li jeħtieġx studju iktar iddettaljat.

65.      Għalkemm id-dritt oriġinali ma joffrix definizzjoni ta’ dan it-tip ta’ taxxi, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppatu fil-ġurisprudenza tagħha: “kull piż pekunjarju, anki jekk minimu, impost unilateralment, irrispettivament minn kif huwa msejjaħ u l-mod ta’ kif jiġi applikat, u li jolqot il-merkanzija minħabba l-fatt li din taqsam fruntiera, meta dan ma huwiex dazju doganali fil-veru sens tal-kelma, jikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali” (33). Dan huwa sabiex ma jkollux effett diskriminatorju jew protezzjonist, anki jekk ma jinġabarx għall-benefiċċju tal-Istat, u l-prodott intaxxat ma huwiex f’kompetizzjoni mal-produzzjoni nazzjonali (34).

66.      Il-projbizzjoni tat-taxxi b’effett ekwivalenti għal dazju doganali hija assoluta u d-dritt oriġinali ma jipprevedix restrizzjonijiet. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet tliet limitazzjonijiet fuq din il-projbizzjoni, li ma tapplikax għal:

–      Piżijiet pekunjarji miġbura, taħt ċerti kundizzjonijiet, minħabba l-kontrolli mwettqa sabiex jiġu osservati l-obbligi imposti mid-dritt tal-Unjoni (35).

–      Piżijiet pekunjarji li jirrappreżentaw il-korrispettiv għal servizz effettivament ipprovdut lill-operatur li jkollu jħallsu, u li jkun ta’ ammont proporzjonat mal-imsemmi servizz (36).

–      Skemi fiskali li jolqtu biss de facto l-importazzjonijiet (37).

67.      Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inqis li l-iskema Taljana taċ-ĊĦ applikata għall-importaturi tal-E‑FER lanqas ma hija taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali.

68.      Nista’ nammetti li l-obbligu tax-xiri ta’ ĊĦ Taljani jinvolvi xi konsegwenzi simili għal dawk ta’ piż pekunjarju impost b’mod unilaterali mill-Istat Taljan fuq l-importaturi tal-elettriku fl-Italja. Madankollu ma nemminx li dan l-obbligu huwa ekwivalenti għal dak li ġej minn taxxa fiskali jew parafiskali, li hija kundizzjoni essenzjali sabiex piż pekunjarju jaqa’ taħt il-projbizzjoni tal-Artikoli 28 u 20 TFUE.

69.      Barra minn hekk, l-obbligu tax-xiri taċ-ĊĦ ma huwiex marbut mal-qsim tal-fruntiera Taljana: ma huwiex impost bħala reazzjoni kontra l-importazzjoni tal-enerġija elettrika, iżda sabiex tiġi osservata l-iskema nazzjonali ta’ appoġġ għall-E‑FER.

70.      Skont din l-istess skema, mill‑2012 ġiet eliminata l-eżenzjoni li kienet tippermetti lill-importaturi jagħtu prova tal-oriġini ħadra tal-elettriku tagħhom fl-Istat ta’ oriġini. Bħalma diġà spjegajt, b’dan il-mod kienu obbligati jixtru ĊĦ Taljani, li bihom l-Istat Taljan kien jinċentiva biss il-produzzjoni tal-E‑FER nazzjonali u kien waqaf milli jiffavorixxi l-E‑FER importat.

71.      Permezz tal-emenda f’dawn it-termini tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskema nazzjonali ta’ appoġġ tiegħu għall-użu tal-enerġija rinnovabbli, l-Istat Taljan, fil-verità ma impona l-ebda taxxa relatata mal-fatt tal-importazzjoni (jiġifieri, mal-qsim tal-fruntiera), iżda emenda fl-iskema interna tiegħu li kienet leġittimizzata mid-Direttiva 2009/28 (38).

72.      Regola nazzjonali b’dawn il-karatteristiċi ma timplikax għaldaqstant taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali (39).

2.      Il-projbizzjoni ta’ taxxi interni diskriminatorji

73.      Għall-Qorti tal-Ġustizzja “piż pekunjarju li jirriżulta minn sistema ġenerali ta’ taxxi interni li hija ta’ piż sistematikament, skont l-istess kriterji oġġettivi, fuq ċerti kategoriji ta’ prodotti indipendentement mill-oriġini tagħhom jew mid-destinazzjoni tagħhom jaqa’ taħt l-Artikolu 110 TFUE, li jipprojbixxi t-taxxi interni diskriminatorji” (40).

74.      Bħalma diġà spjegajt, l-obbligu tax-xiri taċ-ĊĦ Taljani ma għandux natura fiskali jew parafiskali, u għaldaqstant il-projbizzjoni tal-Artikolu 110 TFUE ma tapplikax għalih.

75.      Naqbel mal-Kummissjoni li miżura bħal din ma tikkostitwixxix taxxa, jiġifieri, ma timplikax piż ta’ natura fiskali, li hija asserzjoni li ma tiġix ostakolata (bħal bosta obbligi simili oħra) milli tkun ġiet stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

3.      Il-projbizzjoni ta’ miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni (l-Artikolu 34 TFUE)

76.      L-Artikolu 34 TFUE, “billi jipprojbixxi bejn l-Istati Membri l-miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, […] jkopri kull miżura nazzjonali li tista’ tostakola direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju” (41).

77.      L-obbligu tax-xiri taċ-ĊĦ impost mill-Italja fuq l-importazzjonijiet tal-E‑FER sal‑2016 huwa miżura b’effett ekwivalenti li taqa’ taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 34 TFUE.

78.      Hija miżura li tapplika biss għall-importazzjonijiet tal-E‑FER u mhux għall-produzzjoni nazzjonali ta’ din l-istess merkanzija. Iċ-ĊĦs huma allokati lill-produtturi nazzjonali tal-E‑FER mingħajr ħlas, filwaqt li l-importaturi ta’ dan l-istess elettriku għandhom bilfors jixtruhom (jixtruhom mill-produtturi nazzjonali jew minn fuq il-pjattaforma diġitali ġestita mill-kumpannija GME), skont l-elettriku li jimportaw fl-Italja.

79.      Din is-sitwazzjoni li tirrendi l-importazzjonijiet diffiċli, bdiet fl‑1 ta’ Jannar 2012, minħabba d-Digriet leġiżlattiv Nru 28/2011, u nżammet, nirrepeti, sal‑2016 (42). Matul dan il-perjodu, dawk li importaw l-E‑FER sabiex jinjettawh fin-network Taljana, anki jekk kienu jakkreditaw il-garanzija tal-oriġini tagħha, kellhom jixtru ċ-ĊĦ Taljani.

80.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-iskema Svediża taċ-ĊĦ, li hija simili għal dik Taljana, kienet miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni (43). Hija ddeċidiet ukoll dwar il-ġustifikazzjoni tagħha, fid-dawl tal-objettiv tagħha (44), għar-raġunijiet imniżżla fil-punt 82 tas-sentenza Ålands Vindkraft: “għan ta’ promozzjoni tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għall-produzzjoni tal-elettriku […] jista’, bħala prinċipju, jiġġustifika eventwali ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija”.

81.      F’dan l-istess proporzjon, l-iskema Taljana taċ-ĊĦ hija xierqa għall-protezzjoni ta’ objettivi identiċi, billi tippromwovi wkoll il-produzzjoni tal-E‑FER (45).

82.      Il-konnessjoni diretta taċ-ĊĦ mal-produzzjoni tal-E‑FER tintwera, fost l-oħrajn, fl-Artikolu 11(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999 meta jipprevedi li ċ-ĊĦ jiġu allokati skont l-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli (46).

83.      Barra minn hekk, in-natura purament nazzjonali tal-iskema Taljana ta’ appoġġ għall-produzzjoni tal-E‑FER ma hijiex ostakolu sabiex dan il-mekkaniżmu jikkontribwixxi għas-salvagwardja tal-interessi ġenerali tal-preservazzjoni tal-ambjent u għall-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti.

84.      Fir-rigward tal-proporzjonalità tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-iskema Svediża taċ-ĊĦ “tfittex b’mod partikolari li timponi l-ispiża żejda marbuta mal-produzzjoni ta’ elettriku aħdar direttament fuq is-suq, jiġifieri fuq il-fornituri u l-utenti tal-elettriku li huma marbuta bl-obbligu ta’ kwota, u, fl-aħħar mill-aħħar, fuq il-konsumaturi. […] Billi jagħmel tali għażla, Stat Membru ma jeċċedix il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu sabiex jilħaq l-għan leġittimu li jfittex li jżid il-produzzjoni ta’ elettriku aħdar” (47).

85.      Madankollu, sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li:

“[I]l-funzjonament tajjeb ta’ tali skema timplika, essenzjalment, l-eżistenza ta’ mekkaniżmi tas-suq li jistgħu jippermettu lill-operaturi, li jkunu suġġetti għall-obbligu ta’ kwota u li jkun għad ma għandhomx iċ-ċertifikati meħtieġa sabiex jissodisfaw l-imsemmi obbligu, li jiksbu ċertifikati b’mod effettiv u taħt kundizzjonijiet ġusti. […] Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jiżguraw l-implementazzjoni ta’ suq ġenwin taċ-ċertifikati fejn l-offerta u d-domanda effettivament ikunu jistgħu jiġu ssodisfatti u jkunu bbilanċjati, b’mod li jkun effettivament possibbli għall-fornituri u għall-utenti interessati li jiksbu ċertifikati taħt kundizzjonijiet ġusti” (48).

86.      Dawn l-istess kriterji u kundizzjonijiet jinsabu fiċ-ĊĦ Taljani:

–      Minn naħa, din l-iskema ġiet stabbilita għall-għan identiku għal dak tal-iskema Svediża li hija l-oġġett tas-sentenza Ålands Vindkraft.

–      Min-naħa l-oħra, l-importaturi tal-elettriku fl-Italja jistgħu jissodisfaw l-obbligu tagħhom billi jixtru ċ-ĊĦ direttament mill-produtturi stabbiliti f’dan il-pajjiż jew mis-suq taċ-ċertifikati (il-pjattaforma diġitali ġestita mill-kumpannija GME).

87.      Essenzjalment, għalkemm l-iskema Taljana taċ-ĊĦ tista’ tiġi kklassifikata bħala miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni, hija ġġustifikata mill-objettivi ġenerali tal-preservazzjoni tal-ambjent u tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti.

D.      L-iskema Taljana taċ-ĊĦ u l-Artikoli 107 u 108 TFUE

88.      Skont Axpo u Esperia, l-iskema Taljana tinkludi għajnuna mill-Istat favur il-produtturi Taljani tal-E‑FER. Peress li ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni, din tikser l-Artikolu 108 TFUE.

89.      Għall-kuntrarju ta’ dan, il-GSE u l-Gvern Taljan jifhmu li din l-iskema ma tinvolvix għajnuna mill-Istat għaliex ma hemm l-ebda trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat u ma hijiex selettiva.

90.      Għall-Kummissjoni, “is-sempliċi fatt li l-operaturi li jimportaw l-enerġija jkunu obbligati jixtru ċ-ĊĦ ma jidhirx li jikkostitwixxi, fih innifsu, għajnuna ffinanzjata mill-fondi statali, peress li dawn l-operaturi għandhom jixtru ċ-ĊĦ bir-riżorsi finanzjarji tagħhom stess”. B’kunsiderazzjoni tan-natura u tal-funzjonijiet tal-GSE fil-ġestjoni tal-iskema taċ-ĊĦ, ikun meħtieġ li jiġi ddeterminat liema grad ta’ intervent u ta’ kontroll jeżerċita l-Istat fuq din l-iskema, iżda, abbażi tal-elementi pprovduti, “ma jidhirx li f’dan il-każ huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jintużaw il-fondi statali” (49).

91.      Il-Kummissjoni żżid li, peress li d-digriet tar-rinviju jipprovdi spjegazzjonijiet insuffiċjenti, li ma jippermettux determinazzjoni definittiva tan-natura tal-għajnuna mill-Istat, “analiżi tal-iskema taċ-ĊĦ kollha kemm hi ma tidhirx li hija rilevanti għall-finijiet tat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju” (50).

92.      Jekk jiġi aċċettat l-approċċ tal-Kummissjoni, il-parti tad-digriet tar-rinviju li tikkonċerna l-klassifikazzjoni tal-iskema Taljana taċ-ĊĦ, kollha kemm hi, bħala għajnuna mill-Istat, għandha tiġi ddikjarata bħala inammissibbli minħabba n-nuqqas tal-elementi ta’ evalwazzjoni f’dan l-istess digriet (51).

93.      Madankollu jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja tinsab f’pożizzjoni li tipprovdi risposta utli lill-Consiglio di Stati (il-Kunsill tal-Istat), fid-dawl tal-informazzjoni addizzjonali li, f’dan ir-rigward, u fl-assenza ta’ informazzjoni iktar estensiva fit-talba għal deċiżjoni preliminari, ipprovdew il-partijiet fl-interventi bil-miktub u orali tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

94.      Din ir-risposta għandha tkun suġġetta, fi kwalunkwe każ, għall-verifika mill-qorti tar-rinviju tal-karatteristiċi tal-iskema taċ-ĊĦ li ser nagħmel riferiment għalihom immedjatament.

1.      L-approċċ ġenerali

95.      L-Artikolu 107(1) TFUE jiddikjara li kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

96.      Hemm, għalhekk, erba’ rekwiżiti li jridu jiġu ssodisfatti sabiex tiġi evalwata l-inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat: a) għandu jkun intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat; b) dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri; ċ) għandha tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha; u d) għandha twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (52).

97.      Ma huwiex diskuss il-fatt jekk l-iskema inkwistjoni tissodisfax it-tieni rekwiżit (l-impatt possibbli fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u r-raba’ rekwiżit (distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni). Għall-kuntrarju, hemm nuqqas ta’ qbil dwar it-tnejn l-oħra, li jirrendi neċessarju li jiġi ċċarat jekk din l-iskema hijiex vantaġġ selettiv għall-impriżi benefiċjarji u, fuq kollox, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżura hijiex attribwibbli lill-Istat u jekk tinvolvix l-użu ta’ riżorsi tal-Istat.

2.      L-intervent tal-Istat u t-trasferiment ta’ fondi statali

98.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex vantaġġ selettiv ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dan għandu, minn naħa, jingħata direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikun imputabbli lill-Istat (53). Dawn huma żewġ kundizzjonijiet kumulattivi (54) li, madankollu, huma ġeneralment ikkunsidrati flimkien meta tiġi evalwata miżura skont din id-dispożizzjoni.

99.      Axpo targumenta li l-iskema Taljana tinvolvi t-trasferiment ta’ riżorsi statali, bħala konsegwenza tal-għoti mingħajr ħlas taċ-ĊĦ lill-produtturi Taljani tal-E‑FER, tax-xiri mill-ġdid taċ-ĊĦ żejda mill-GSE u tal-kontroll tal-Istat fuq id-dħul tal-kumpannija GME.

100. Skont Axpo, il-produtturi Taljani jirċievu, mingħajr ħlas, iċ-ĊĦ proporzjonali għall-kwantità ta’ E‑FER iġġenerat minnhom, u jistgħu jbigħuhom lill-produtturi Taljani tal-elettriku konvenzjonali u lill-importaturi ta’ kull tip ta’ elettriku. Barra minn hekk, il-GSE tiżgura l-eżistenza ta’ suq taċ-ĊĦ, billi tqiegħed kwantità ikbar fis-suq meta d-domanda tkun għolja u tirtira ċ-ĊĦ minn dan is-suq meta d-domanda tkun wisq baxxa.

101. Il-Gvern Taljan, il-GSE u l-qorti tar-rinviju jifhmu, minflok, li ċ-ĊĦ ma jimmobbilizzax ir-riżorsi statali. Ix-xiri taċ-ĊĦ huwa ffinanzjat mill-impriżi li huma obbligati jixtruhom u x-xiri mill-ġdid taċ-ĊĦ żejda mill-GSE huwa ffinanzjat mill-konsumaturi finali, mingħajr ma l-Istat ikollu kontroll fuq dawn ir-riżorsi.

102. Il-Kummissjoni tesprimi ruħha biss fuq l-obbligu tax-xiri taċ-ĊĦ, li ma li ma tqisx li huwa għajnuna ffinanzjata mir-riżorsi statali (55).

a)      Imputazzjoni tal-miżura lill-Istat

103. Sabiex tiġi evalwata l-imputabbiltà ta’ miżura lill-Istat, għandu jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi kinux involuti fl-adozzjoni tagħha.

104. Dan huwa l-każ, b’mod ċar, meta l-vantaġġi selettivi għal kategorija ta’ impriżi jkunu ġew stabbiliti minn liġi (56). Dan huwa dak li jiġri bl-iskema Taljana taċ-ĊĦ, irregolata minn regoli, li wħud minnhom għandhom status legali u li huma adottati mill-Istat Taljan.

105. Il-GSE tinvoka madankollu, kontra l-imputazzjoni lill-Istat Taljan, li dan ma għandux il-kontroll tal-elementi kollha li jiffurmaw s-sistema legali taċ-ĊĦ, billi targumenta, b’mod partikolari, li hija l-GSE, kumpannija rregolata mid-dritt privat, li tixtri mill-ġdid iċ-ĊĦ.

106. L-intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat jinkludi kemm l-għajnuna mogħtija direttament mill-Istat kif ukoll dik mogħtija minn organi pubbliċi jew privati stabbiliti jew intiżi minn dan sabiex jiġġestixxu l-għajnuna (57). Id-dritt tal-Unjoni ma jistax jippermetti li jkun hemm evażjoni tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat billi sempliċiment jinħolqu istituzzjonijiet awtonomi bir-responsabbiltà li jallokaw għajnuna (58).

107. In-natura tal-kumpannija rregolata mid-dritt privat tal-GSE ma tipprekludix li l-Istat jiġi imputat bil-ħolqien u bil-leġiżlazzjoni tal-iskema taċ-ĊĦ, li hija imposta b’mod obbligatorju fuq din il-kumpannija.

108. Effettivament, huwa d-dritt Taljan, flimkien mar-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu li jinkariga lill-GSE talloka ċ-ĊĦ lill-produtturi Taljani tal-E‑FER, tirtira ċ-ĊĦ żejda meta mqabbla mad-domanda u tiddetermina prezz ta’ referenza għall-provvista taċ-ĊĦ. Ma jidhirx li l-GSE għandha l-awtonomija sabiex tieqaf milli teżerċita dawn il-kompiti.

109. Addizzjonalment, il-GSE, għalkemm hija kumpannija rregolata mid-dritt privat, hija kkontrollata kompletament mill-Gvern Taljan u twettaq funzjonijiet pubbliċi fis-settur tal-enerġija.

110. Konsegwentement, il-miżura inkwistjoni hija imputabbli lill-Istat Taljan.

b)      It-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat

111. Fil-konklużjonijiet tiegħi tal-kawża Georgsmarienhütte et (59) esponejt is-sitwazzjoni tal-ġurisprudenza fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ xi skemi ta’ appoġġ għall-E‑FER bħala għajnuna mill-Istat, li ser infakkar issa (60).

112. Minbarra l-imputazzjoni lill-Istat, huwa meħtieġ li l-miżura tkun tinvolvi t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat lill-kumpanniji benefiċjarji sabiex titqies bħala għajnuna mill-Istat.

113. Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “riżorsi tal-Istat” b’mod wiesa’, li jinkludi mhux biss dawk tas-settur pubbliku, f’sens ristrett, iżda wkoll dawk ta’ xi wħud mill-korpi privati, f’ċerti ċirkustanzi.

114. It-tnaqqis indirett tad-dħul tal-Istat ikkawżat mill-adozzjoni ta’ regolamenti jew miżuri nazzjonali ma jikkostitwixxix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, jekk tali riperkussjoni tkun inerenti għalihom (61).

115. L-ikbar diffikultajiet sabiex wieħed ikun jaf jekk kienx hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat iqumu meta l-Istati japprovaw mekkaniżmi ta’ intervent fil-ħajja ekonomika, u għalhekk xi kumpanniji jistgħu jiksbu vantaġġ selettiv. B’mod partikolari, iż-żona griża tirrispondi għal każijiet ta’ intervent mill-Istat li, għalkemm imorru lil hinn mill-adozzjoni ta’ sempliċi regolament ġenerali tas-settur, ma humiex ekwivalenti għal trasferiment dirett ta’ riżorsi. F’dan ir-rinviju jqum wieħed minn dawn il-każijiet, li għas-soluzzjoni tiegħu huwa meħtieġ li l-ewwel tiġi indirizzata l-ġurisprudenza kumplessa (u mhux dejjem lineari) tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

116. Miżura mill-Istat li tiffavorixxi ċerti kumpanniji jew ċerti prodotti ma titlifx in-natura tagħha ta’ vantaġġ mingħajr ħlas minħabba l-fatt li tkun iffinanzjata, totalment jew parzjalment, minn taxxi imposti mill-awtorità pubblika u applikati lill-kumpanniji kkonċernati (62).

117. Fil-fatt, l-Artikolu 107(1) TFUE jinkludi l-mezzi ekonomiċi kollha li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex isostnu lill-impriżi, irrispettivament minn jekk dawn il-mezzi jkunux tal-Istat b’mod permanenti jew le. Anki jekk l-ammonti korrispondenti għall-miżura inkwistjoni ma humiex fil-pussess permanenti tat-Teżor Pubbliku, il-fatt li jibqgħu b’mod kostanti taħt il-kontroll pubbliku, u, għalhekk, għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala “riżorsi tal-Istat” (63).

118. Fir-rigward tas-settur tal-elettriku, fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “l-fondi pprovduti permezz ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru, ġestiti u mqassma skont din il-leġiżlazzjoni jistgħu jiġu kkunsidrati bħala riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, anki jekk huma ġestiti minn entitajiet distinti mill-awtorità pubblika” (64).

119. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li dak li huwa konklużiv sabiex jiġi vverifikat jekk ir-riżorsi inkwistjoni humiex riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE huwa l-livell ta’ intervent u tal-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi fuqhom.

120. In-nuqqas ta’ kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi jispjega l-fatt għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidrax bħala għajnuna, pereżempju, każijiet fejn ir-riżorsi tal-membri f’korporazzjoni professjonali jintużaw sabiex jiffinanzjaw skop speċifiku fl-interess ta’ dawn il-membri, li huwa l-fattur deċiżiv għal organizzazzjoni privata u li għandha għanijiet purament kummerċjali, li fir-rigward tagħhom l-Istat jaġixxi sempliċiment bħala mezz li jagħti natura obbligatorja lill-kontribuzzjonijiet introdotti mill-organizzazzjonijiet kummerċjali. Eżempji ta’ dawn il-każijiet huma offruti fil-kawżi Pearle et (65) u Doux Élevages u Coopérative agricole UKL-ARREE (66).

121. In-nuqqas ta’ kontroll mill-Istat fuq it-trasferimenti ta’ riżorsi jispjega wkoll il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidrax bħala għajnuna s-suppożizzjonijiet ta’ regolamenti li jagħtu lok għar-ridistribuzzjoni finanzjarja minn entità privata għal oħra, mingħajr intervent addizzjonali mill-Istat. Bħala prinċipju, ma hemm l-ebda trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat jekk il-flus jgħaddu direttament minn entità privata għal oħra, mingħajr ma jgħaddu minn entità pubblika jew privata maħtura mill-Istat sabiex jimmaniġġjaw it-trasferiment (67).

122. Lanqas ma jkun hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat meta l-kumpanniji, li fil-maġġor parti tagħhom huma privati, ma jkunux ġew ikkummissjonati mill-Istat Membru sabiex jimmaniġġjaw riżorsi tal-Istat, iżda jkollhom biss obbligu li jixtru billi jużaw ir-riżorsi finanzjarji tagħhom stess (68). Din hija l-ipoteżi tas-sentenza PreussenElektra, skont liema l-obbligu, impost minn Stat Membru fuq il-fornituri privati, li jakkwistaw bi prezzijiet minimi stabbiliti l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, ma jimplikax it-trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi tal-Istat favur il-kumpanniji li jipproduċu dan it-tip ta’ elettriku, mingħajr ma din iċ-ċirkustanza ma tbiddel il-fatt li d-dħul iktar baxx tal-kumpanniji suġġetti għal dan l-obbligu x’aktarx li jikkawża tnaqqis fid-dħul mit-taxxa, peress li din il-konsegwenza hija inerenti fil-miżura (69). F’dak il-każ, il-kumpanniji affettwati (jiġifieri l-fornituri privati tal-elettriku) kienu marbutin b’obbligu li jakkwistaw tip speċifiku ta’ elettriku bir-riżorsi finanzjarji tagħhom stess, iżda ma ġewx maħturin mill-Istat sabiex jimmaniġġjaw skema ta’ appoġġ.

123. Il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma kkunsidrat li hemm kontroll mill-Istat (u, għalhekk, trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat) fil-mekkaniżmu Pollakk li impona fuq il-fornituri l-obbligu li jbigħu sehem ta’ elettriku prodott permezz ta’ koġenerazzjoni, ekwivalenti għal 15 % annwali lill-konsumaturi finali (70).

124. Madankollu, il-kontroll mill-Istat jerġa’ jitfaċċa u jkun hemm trasferiment ta’ riżorsi mill-Istat meta l-ammonti mħallsin mill-individwi jsiru permezz ta’ entità pubblika jew privata maħtura sabiex tgħaddihom lill-benefiċjarji. Hekk ġara fil-kawża Essent Netwerk Noord, fejn entità privata rċeviet il-kompitu, bil-liġi, li titlob prezz addizzjonali (miżata) tal-elettriku, f’isem l-Istat, bid-dmir li tgħaddih lill-benefiċjarji mingħajr ma kienet awtorizzata li tuża l-ammont tiegħu għal skopijiet oħra apparti dawk indikati fil-liġi. L-ammont totali ta’ dik il-miżata (li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kienet ikklassifikata bħala taxxa) kien taħt kontroll pubbliku, li kien biżżejjed sabiex jikkwalifika bħala riżorsi tal-Istat (71).

125. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll il-kontroll mill-Istat fil-kawża Vent de Colère! et, fejn kien hemm mekkaniżmu, iffinanzjat mill-konsumaturi finali kollha, li kkumpensa kompletament l-ispejjeż żejda mħallsa minn kumpanniji suġġetti għal obbligu li jixtru elettriku ġġenerat mill-enerġija eolika (bi prezz ogħla mill-prezz tas-suq). Kien hemm intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat, anki meta dan il-mekkaniżmu kien ibbażat, parzjalment, fuq trasferiment dirett ta’ riżorsi fost entitajiet privati (72).

126. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Elcogás hija fuq l-istess linja, fiha ġie diskuss “jekk l-ammonti attribwiti lil kumpannija privata li tipproduċi l-elettriku li huma ffinanzjati mill-grupp ta’ utenti finali tal-elettriku stabbiliti fit-territorju nazzjonali jikkostitwixxux intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat” (73).

127. Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet li l-mekkaniżmu ta’ kumpens għall-ispejjeż żejda li l-kumpannija bbenefikat minnhom (iffinanzjat mit-tariffa finali tal-elettriku applikata lill-konsumaturi Spanjoli kollha u lill-utenti tan-netwerks tat-trasport u d-distribuzzjoni fit-territorju nazzjonali) għandu jinftiehem bħala intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. F’dan ir-rigward, ma kienx hemm “każ […] li l-kwantitajiet intiżi sabiex ipaċu l-ispejjeż eċċessivi ma joriġinawx minn supplement speċifiku tat-tariffa tal-elettriku u li l-mekkaniżmu ta’ finanzjament inkwistjoni ma jaqax strettament taħt il-kategorija ta’ taxxa, ħlas fiskali jew tariffa parafiskali skont id-dritt nazzjonali” (74).

128. Mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-iskemi ta’ appoġġ għall-E‑FER deċiżi wara l-konklużjonijiet tal-kawża Georgsmarienhütte et, jispikkaw dik tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (75) u dik tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (76) li jqiegħdu enfasi, b’mod partikolari, fuq il-kontroll tal-Istat fuq il-kwantitajiet li jibbenefikaw minnhom l-impriżi tal-elettriku.

129. Fl-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Mejju 2016, il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (77), kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet ikkonfermata fiha, dwar is-sistema ta’ għajnuna Ġermaniż għall-E‑FER (78).

130. Fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ma kinitx “stabbilixxietx li l-vantaġġi previsti mill-EEG [Liġi li permezz tagħha tiġi stabbilita regolamentazzjoni ġdida tal-kuntest ġuridiku tal-promozzjoni tal-elettriku ġġenerat minn enerġiji rinnovabbli] tal‑2012, jiġifieri s-sistema ta’ għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli u minn gass mill-minjieri ffinanzjata mis-soprataxxa-EEG u s-sistema ta’ kumpens speċjali għat-tnaqqis ta’ din is-soprataxxa għall-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija, kienu jinvolvu riżorsi tal-Istat u kienu jikkostitwixxu, għaldaqstant, għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.” (79).

131. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni, fost argumenti oħra, dawn li ġejjin:

–      “[…] [I]ċ-ċirkustanza li l-fondi mis-soprataxxa-EEG huma esklużivament użati għall-finanzjament tas-sistemi ta’ għajnuna u ta’ kumpens, skont id-dispożizzjonijiet tal-EEG tal‑2012, ma timplikax li l-Istat jista’ jiddisponi minnhom, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata […]. Dan il-prinċipju legali ta’ użu esklużiv tal-fondi mis-soprataxxa-EEG pjuttost juri, fl-assenza ta’ kwalunkwe element ieħor fis-sens kuntrarju, preċiżament li l-Istat ma kienx f’pożizzjoni li jiddisponi minn dawn il-fondi, jiġifieri li jiddeċiedi allokazzjoni differenti minn dik prevista mill-EEG tal‑2012”.

–      Il-GRT (l-operaturi tan-netwerks tat-trasport inter-reġjonali b’vultaġġ għoli u għoli ħafna upstream) inkarigati bl-amministrazzjoni tal-iskema ta’ appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku EEG [elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u minn gass minerali], ma kinux b’mod kostanti taħt kontroll pubbliku, u lanqas ma kienu suġġetti għal kontroll pubbliku. Huwa minnu li l-GRT ma setgħux jużaw il-fondi mis-soprataxxa-EEG għal għanijiet oħra differenti minn dawk stabbiliti mil-leġiżlatur, li kienu suġġetti għall-obbligu li jamministraw l-imsemmija fondi f’kont speċifiku u li l-osservanza ta’ dan l-obbligu kien is-suġġett ta’ kontroll minn istanzi pubbliċi skont l-Artikolu 61 tal-EEG tal‑2012, u li l-entitajiet tal-Istat kienu jeżerċitaw kontroll strett fuq diversi livelli fuq l-atti tal-GRT, sabiex jiżguraw b’mod partikolari l-kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku EEG konformement mal-Artikolu 37 tal-EEG tal‑2012.

–      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li “l-elementi adottati b’dan il-mod jippermettu effettivament li jiġi konkluż li l-awtoritajiet pubbliċi jeżerċitaw kontroll tal-eżekuzzjoni tajba tal-EEG tal‑2012, [iżda] dawn ma jistgħux, min-naħa l-oħra, jippermettu li jiġi konkluż li hemm kontroll pubbliku fuq il-fondi ġġenerati mis-soprataxxa-EEG innifishom” (80).

132. Min-naħa tagħha, is-sentenza Achema et ikkonfermat il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi indikat li “[…] miżura li tikkonsisti, b’mod partikolari, f’obbligu ta’ xiri ta’ enerġija tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘għajnuna’ minkejja li din ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat […]” u li, “[a]nki jekk somom li jikkorrispondu mal-miżura ta’ għajnuna kkonċernata ma jkunux fil-pussess tat-Teżor pubbliku b’mod permanenti, il-fatt li dawn jibqgħu kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex dawn jiġu kklassifikati bħala ‘riżorsi tal-Istat’” (81).

133. F’din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrepetiet li dak li kien deċiżiv kien li l-entitajiet differenti tal-awtorità pubblika huma “maħtura mill-Istat sabiex jiġġestixxu riżorsi tal-Istat, u mhux sempliċement marbuta b’obbligu ta’ xiri permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess” (82).

134. Bl-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza fuq it-tilwima, ser neżamina, l-ewwel nett, l-iskema tax-xiri taċ-ĊĦ skont il-pożizzjoni tal-benefiċjarji u ta’ dawk obbligati li jixtruhom; it-tieni nett, ser neżamina l-grad ta’ kontroll tal-GSE fuq il-mekkaniżmu taċ-ĊĦ.

1)      L-obbligu tax-xiri taċ-ĊĦ

135. Fir-rigward tal-benefiċjarji (il-produtturi Taljani tal-E‑FER), dawn ma jirċevux riżorsi mill-Istat, iżda mill-importaturi —jew minn produtturi nazzjonali oħra— tal-elettriku fl-Italja, li għandhom jixtru ċ-ĊĦ allokati lil dawn tal-ewwel.

136. Għaldaqstant, trasferiment ta’ riżorsi minn entità għal oħra, anki jekk ikun f’konformità ma’ mandat legali, bħala prinċipju jippreżupponi li l-kwantità ttrasferita (f’dan il-każ, il-prezz ta’ bejgħ bejn operaturi ekonomiċi privti) ma għandux natura statali. L-obbligu ta’ xiri permezz tal-użu tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess minn partijiet privati ma huwiex kopert, bħala regola, mill-Artikolu 107(1) TFUE.

137. Dan huwa essenzjalment l-approċċ li pprevala fis-sentenza PreussenElektra, fis-sentenza Uteca (83) u, iktar reċenti, fis-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (84).

138. Fir-rigward ta’ dawk li huma obbligati jixtru ċ-ĊĦ (jiġifieri, l-parti l-oħra tal-bejgħ), il-pagament tagħhom isir, nirrepeti, permezz tar-riżorsi tax-xerrejja stess.

139. Jista’ jiġi argumentat li l-Istat jirrinunzja (85) li jirċievi riżorsi pubbliċi billi jattribwixxi ċ-ĊĦ mingħajr ħlas lill-produtturi tal-E‑FER stabbiliti fl-Italja?

140. Kien hemm ir-rieda li r-risposta fil-pożittiv għal din id-domanda tiġi sostnuta fis-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, peress li l-għoti mingħajr ħlas ta’ ċerti drittijiet ta’ emissjoni ġie mifhum bħala indikazzjoni tan-natura statali tar-riżorsi korrelattivi (86). Wara din is-sentenza, il-Kummissjoni bidlet il-kriterju tagħha, peress li sa dak il-mument ma kinitx ikkunsidrat bħala riżorsi tal-Istat lil dawk korrispondenti għaċ-ĊĦ (87).

141. Madankollu, inqis li ma setgħetx issir din l-estrapolazzjoni. In-natura stess taċ-ĊĦ teżiġi li jingħataw mingħajr ħlas lill-produtturi tal-E‑FER, sabiex dawn ibigħuhom fis-suq u jgawdu l-profitt mill-ammont ta’ dan il-bejgħ. Jekk is-sistema mingħajr ħlas tgħib u l-produtturi tal-E‑FER ikollhom iħallsu kwantità (direttament lil-GSE jew fi rkant) sabiex jiksbu ċ-ĊĦ, ser tintilef it-tifsira stess ta’ dan l-inċentiv.

142. Iċ-ĊĦ irriżultaw bħala mod ta’ finanzjament tal-ispiża addizzjonali li tippreżenta l-ġenerazzjoni tal-E‑FER għall-produtturi tagħha. Dan il-finanzjament jisparixxi (u ċ-ĊĦ tkun inutli) jekk il-produttur tal-E‑FER li jirċevih ikollu jħallas l-ammont tiegħu. Jekk dan ikun il-każ, ma’ din l-ispiża addizzjonali tiżdied dik taċ-ĊĦ stess, u għaldaqstant dan il-mekkaniżmu ma jservix sabiex jippromwovi l-produzzjoni tal-E‑FER. Huma preċiżament l-ispejjeż ta’ produzzjoni iktar għolja (mill-inqas, f’dak il-mument), meta mqabbla mal-elettriku konvenzjonali (88), li appoġġjaw l-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-inċentiv (89).

143. Bħalma ddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, “skema ta’ għajnuna […] li […] tuża ċertifikati ħodor, tfittex b’mod partikolari li timponi l-ispiża żejda marbuta mal-produzzjoni ta’ elettriku aħdar direttament fuq is-suq, jiġifieri fuq il-fornituri u l-utenti tal-elettriku […] u, fl-aħħar mill-aħħar, fuq il-konsumaturi” (90).

144. Dawn id-dikjarazzjonijiet juru, fil-fehma tiegħi, li huwa s-suq, u mhux l-awtoritajiet tal-Istat, li jassumi l-ispejjeż żejda tal-produzzjoni tal-E‑FER li huma riflessi fiċ-ĊĦ, peress li dawn tal-aħħar huma titoli negozjabbli b’valur assigurat mill-eżistenza ta’ xerrejja obbligati bil-liġi.

145. Bl-istess mod, il-baġit tal-Istat Taljan ma huwiex affettwat mill-għoti mingħajr ħlas ta’ ĊĦ li, intenni, ma jimplikax minnu nnifsu t-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat (91).

146. Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) hekk jifhmu wkoll peress li jiddikjara li “f’dan il-każ, ma humiex involuti riżorsi tal-Istat peress li ma jidhirx li hemm xi trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi pubbliċi favur il-produtturi tal-enerġija ħadra li joperaw fl-Italja” (92).

147. Il-baġit tal-Istat għaldaqstant ma jieqafx milli jinkiseb dħul mill-għoti mingħajr ħlas taċ-ĊĦ, li huwa inerenti, bħalma indikajt, għan-natura ta’ dan l-inċentiv.

148. Jekk nammettu, għall-grazzja tal-argument, li dan l-għoti mingħajr ħlas fisser telf indirett għall-Istat Taljan, dan ma jfissirx neċessarjament li dan huwa għajnuna mill-Istat: għall-Qorti tal-Ġustizzja, it-tnaqqis indirett fid-dħul tal-Istat ikkawżat mill-adozzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet jew miżuri nazzjonali ma jirrappreżentax trasferiment tar-riżorsi tal-Istat jekk dan l-impatt ikun inerenti għalihom (93).

2)      Il-kontroll tal-Istat tar-riżorsi intiżi għax-xiri mill-ġdid ta’ ĊĦ

149. Peress li t-tilwima li tat lok għat-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-obbligu ta’ Axpo li tixtri ċ-ĊĦ, bħala importatur fl-Italja tal-E‑FER, dak li ntqal sa issa dwar l-ineżistenza tar-riżorsi tal-Istat ikun biżżejjed sabiex tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju, u dan huwa dak li tipproponi l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha.

150. Madankollu, dan l-approċċ jista’ ma jkunx eżawrjenti peress li jeskludi l-analiżi tal-kontroll tal-Istat Taljan fuq elementi oħra tal-iskema taċ-ĊĦ u tal-implimentazzjoni tagħha. B’mod partikolari, l-Istat jista’ jeżerċita l-kontroll tiegħu fuq ir-riżorsi finanzjarji ddedikati għaċ-ĊĦ, irrispettivament mit-trasferimenti privati bejn il-produtturi tal-E‑FER u l-importaturi u l-produtturi nazzjonali tal-elettriku konvenzjonali.

151. Bħalma diġà ġie spjegat, il-leġiżlatur Taljan implimenta mekkaniżmu sabiex iżomm il-valur tas-suq taċ-ĊĦ. Ċertament, iċ-ĊĦ jistgħu jkunu l-oġġett ta’ tranżazzjonijiet diretti bejn il-produtturi tal-E‑FER u l-importaturi u l-produtturi nazzjonali tal-elettriku konvenzjonali, iżda l-leġiżlazzjoni Taljana stabbilixxiet ukoll pjattaforma diġitali għall-iskambju taċ-ĊĦ, ġestita mill-kumpannija GME, li hija sussidjarja tal-GSE.

152. La fid-digriet tar-rinviju u lanqas fis-seduta ma ġew prodotti provi ta’ sostenn li juru li l-GME tuża r-riżorsi tagħha b’mod li tinvolvi trasferimenti ta’ riżorsi tal-Istat favur il-produtturi nazzjonali tal-E‑FER. Bħala prinċipju, jidher li GME hija limitata li timmaniġġja l-pjattaforma billi tintermedja bejn ix-xerrejja u l-bejjiegħa taċ-ĊĦ. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika din iċ-ċirkustanza.

153. Għall-kuntrarju ta’ dan, element ieħor minn fost l-elementi tal-iskema Taljana taċ-ĊĦ, jiġifieri, l-intervent tal-GSE fis-suq sabiex tixtri mill-ġdid iċ-ċertifikati żejda sabiex iżżomm il-prezz tagħhom, jista’ jinvolvi l-mobbilizzazzjoni tar-riżorsi pubbliċi (favur il-produtturi tal-E‑FER).

154. Ir-riżorsi disponibbli għall-GSE għax-xiri mill-ġdid taċ-ĊĦ żejda ġejjin mid-dħul miksub taħt il-komponent tariffarju A3, li jitħallas mill-konsumaturi Taljani fil-kont tal-elettriku tagħhom. L-ammont tal-A3 huwa stabbilit mill-Artorità di regolazione per energia, reti e ambiente (l-Awtorità ta’ regolazzjoni tal-enerġija, tan-netwerks u tal-ambjent) (94).

155. Il-komponent tariffarju A3 jagħmel parti mill-hekk imsejħa spejjeż ġenerali tas-sistema tal-elettriku (95), li l-ammonti tagħhom kienu stabbiliti fl-Artikolu 39(3) tad-Digriet-liġi Nru 83/2012. L-entitajiet li jużaw is-servizzi tan-network tal-elettriku għandhom obbligu legali li jħallsu dawn l-ammonti lill-Fond ta’ Kumpens tas-settur tal-elettriku (96) u għandhom jgħadduhom lill-konsumaturi finali (li, intenni, iħallsuhom fil-kontijiet tagħhom).

156. Il-kwantitajiet meħtieġa sabiex jiġu ssodisfatti l-ispejjeż ġenerali tas-sistema tal-elettriku huma intiżi sabiex jiffinanzjaw objettivi ta’ interess ġenerali, skont il-kriterji ta’ tqassim stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi. Wieħed minn dawn l-objettivi huwa l-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza fl-enerġija, li huma koperti mill-komponent tariffarju A3 (97).

157. Il-kwantitajiet miġbura sabiex ikopru l-ispejjeż ġenerali tas-sistema tal-elettriku ma jmorrux fil-baġit tal-Istat iżda jitħallsu fil-kontijiet ta’ ġestjoni ta’ entità pubblika ekonomika (il-Fond ta’ kumpens tas-settur tal-elettriku), li jiddistribwixxihom mill-ġdid favur ċerti kategoriji ta’ operaturi, għal użi speċifiċi. L-eċċezzjoni għal din ir-regola hija l-komponent tariffarju A3, li l-ammont tiegħu jitħallas minn 98 % tal-kontijiet tal-GSE (98).

158. Il-komponent tariffarju A3 huwa, għaldaqstant, piż pekunjarju impost mil-leġiżlazzjoni Taljana sabiex jiffinanzja l-objettiv ta’ interess ġenerali ta’ promozzjoni tal-produzzjoni tal-E‑FER. Fost l-azzjonijiet inklużi f’din il-leġiżlazzjoni sabiex tilħaq dan l-objettiv hemm ix-xiri mill-ġdid taċ-ĊĦ li twettaq il-GSE.

159. Id-dħul li ġej mill-komponent tariffarju A3, għalkemm ma huwiex inkluż fil-baġit tal-Istat, jista’ jiġi kkunsidrat bħala riżorsi tal-Istat li jinsabu taħt il-kontroll indirett tal-awtoritajiet Taljani, għaliex il-GSE, bħala kumpannija li hija proprjetà totali tal-Ministeru Taljan għall-Ekonomija u għall-Finanzi, tirċievi, minn dan tal-aħħar u mill-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, l-linji gwida li għandha tikkonforma ruħha magħhom (99).

160. Essenzjalment, il-fondi tal-komponent A3 iddedikati mill-GSE għax-xiri mill-ġdid ta’ ĊĦ jistgħu jiġu kkunsidrati bħala riżorsi tal-Istat sakemm: a) ikunu ġejjin minn piż pekunjarju impost mil-leġiżlazzjoni Taljana; b) ikunu mħallsa mill-konsumaturi finali tal-elettriku; u c) ikunu amministrati minn kumpannija pubblika (il-GSE) li topera taħt it-tmexxija tal-Istat Taljan u hija inkarigata biex tallokahom lill-produtturi Taljani tal-E‑FER, billi tixtri mill-ġdid iċ-ĊĦ mill-pjattaforma ta’ skambju ġestita mill-GME, meta l-prezz tagħhom jinżel (100).

161. Il-komponent tariffarju A3 għaldaqstant jiġġenera dħul kwalifikabbli bħala riżorsi tal-Istat, li huwa mgħoddi lill-produtturi Taljani tal-E‑FER, b’mod indirett permezz tax-xiri mill-ġdid taċ-ĊĦ mill-GSE, li hija entità f’forma ta’ kumpannija li tappartjeni lill-Istat (101). Sal-istess punt, inkunu qegħdin naffaċċjaw trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (102).

162. Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju, li għandha l-informazzjoni rilevanti kollha, li għandha: a) tanalizza l-intervent tal-GSE fix-xiri mill-ġdid taċ-ĊĦ kontra l-komponent tariffarju A3; b) tiddetermina jekk, permezz ta’ dan l-intervent, iseħħx trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat favur il-produtturi Taljani tal-E‑FER; u ċ) tivverifika liema grad ta’ kontroll mill-Istat jeżisti, fil-prattika, fuq il-fondi li l-GSE talloka għax-xiri mill-ġdid taċ-ĊĦ.

3.      In-natura selettiva tal-vantaġġ

163. Il-produtturi tal-E‑FER stabbiliti fl-Italja jiksbu vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, billi jirċievu ċ-ĊĦ, peress li dawn tal-aħħar huma allokati lilhom mingħajr ħlas u sussegwentement jistgħu jbigħuhom, direttament jew minn fuq il-pjattaforma diġitali ġestita mill-GME, għal prezz li l-GSE hija responsabbli żżomm f’livell raġonevoli (103).

164. Dan il-vantaġġ huwa offrut biss lill-produtturi nazzjonali tal-E‑FER, li jirriżulta li huma privileġġjati meta mqabbla mal-importaturi tal-elettriku (kemm jekk E‑FER kif ukoll jekk konvenzjonali) u mal-produtturi nazzjonali tal-elettriku konvenzjonali. Prima facie, għaldaqstant dan huwa vantaġġ selettiv (104).

165. Għall-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tar-rekwiżit ta’ selettività tal-vantaġġ jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, il-miżura nazzjonali tistax tiffavorixxi lil “ċerti impriżi jew prodotti” meta mqabbla ma’ oħrajn li, fid-dawl tal-għan tas-sistema inkwistjoni, ikunu f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli, u li, għaldaqstant jirċievu trattament iddifferenzjat li, essenzjalment, jista’ jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju (105).

166. Fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna u mhux ta’ għajnuna individwali, huwa meħtieġ li jiġi deċiż jekk skema nazzjonali, anki meta talloka vantaġġ ta’ portata ġenerali, tagħmilx dan għall-benefiċċju esklużiv ta’ ċerti impriżi jew ta’ ċerti setturi ta’ attività (106).

167. Skont il-metodu li huwa komunement adottat mill-ġurisprudenza f’dan ir-rigward, l-analiżi tas-selettività ta’ miżura normalment titwettaq fi tliet stadji: a) l-identifikazzjoni tas-sistema legali ta’ referenza; b) it-tqabbil tas-sitwazzjoni fattwali u legali tal-operaturi li jibbenefikaw mill-miżura; u ċ) il-ġustifikazzjoni possibbli tat-trattament favorevoli fin-natura jew fl-ekonomija ġenerali tal-iskema ta’ referenza (107).

168. Fir-rigward tal-identifikazzjoni tas-sistema legali ta’ referenza, matul is-seduta, il-partijiet ippreżentaw approċċi kompletament diverġenti: għal uħud, għandha tinftiehem bħala tali dik ġenerali tal-produzzjoni tal-elettriku fl-Italja; għal oħrajn, dik li tirregola l-produzzjoni tal-E‑FER.

169. Fil-fehma tiegħi, is-sistema legali ta’ referenza f’din il-kawża, hija preċiżament waħda minn dawk stabbiliti mid-Direttiva 2009/28. Naqbel mal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) meta jiddikjara li din is-sistema tirriżulta li hija “ex se, espressament u volontarjament selettiva, sa fejn għandha t-tendenza li tipprivileġġja, f’kull Stat Membru, il-produzzjoni tal-enerġija ħadra […]” (108).

170. Għalhekk, naqbel mal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-evalwazzjoni tagħha li skema ta’ appoġġ nazzjonali għall-E‑FER bħal dik taċ-ĊĦ (li d-Direttiva 2009/28 tikkunsidra u tipprova tiggarantixxi) ma tikkostitwixxix deroga mill-qafas ta’ referenza, iżda tagħmel parti minnu (109).

171. Jekk, għall-kuntrarju ta’ dan, jiġi mifhum li s-sistema legali ta’ referenza hija dik li fl-Italja tirregola, b’mod ġenerali, is-suq tal-elettriku (li tagħha l-mekkaniżmu taċ-ĊĦ huwa eċċezzjoni), ikun meħtieġ li tiġi eżaminata l-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet ta’ xi operaturi ekonomiċi u ta’ operaturi ekonomiċi oħrajn sabiex jiġu dedotti l-effetti ta’ din l-iskema ta’ appoġġ (110).

172. L-Istat Taljan, permezz taċ-ĊĦ jixtieq jippromwovi l-produzzjoni tal-E‑FER u l-individwalità ta’ dan it-tip ta’ enerġija tfisser li s-sitwazzjonijiet ta’ min, fl-Italja, jiġġenera l-elettriku minn sorsi rinnovabbli ma humiex, fihom infushom, kumparabbli ma’ dawk li jiksbu l-elettriku minn sorsi fossili jew konvenzjonali. L-ispejjeż differenti li jġarrbu jimpedixxu l-klassifikazzjoni tas-sitwazzjonijiet ta’ wieħed jew ieħor bħala komparabbli.

173. Madankollu, sabiex jinkiseb dan l-għan, bħala prinċipju, il-post ta’ produzzjoni tal-E‑FER jirriżulta irrilevanti peress li l-unika ħaġa rilevanti tkun, nirrepeti, il-ġenerazzjoni tiegħu minn sorsi rinnovabbli. Minn dan l-approċċ, is-sitwazzjoni tal-produtturi Taljani tal-E‑FER u dik tal-importaturi ta’ dan l-istess E‑FER minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi tkun simili. Dawn tal-aħħar, għaldaqstant jiġu ddiskriminati meta mqabbla ma’ tal-ewwel, sabiex il-vantaġġ tal-produtturi tal-E‑FER installati fl-Italja tkun selettiva.

174. Fuq dan il-punt, ma għandux jintesa li d-Direttiva 2009/28, kif ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ålands Vindkraft, tawtorizza, b’mod speċifiku, li l-iskemi ta’ appoġġ għall-produzzjoni tal-E‑FER jiġu strutturati fuq bażi nazzjonali.

175. Sabiex dan l-appoġġ iseħħ, l-ammont tal-bejgħ taċ-ĊĦ ma għandux ikun ta’ daqs eċċessiv, jiġifieri, ma għandux jaqbeż l-ekwivalenti għall-prezz ogħla li, għall-produtturi tal-E‑FER għandu dan it-tip ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku. Jekk, b’mod artifiċjali, il-prezz taċ-ĊĦ jiżdied lil hinn minn dak il-prezz, ma tistax tiġi miċħuda s-selettività tal-miżura (flimkien man-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva tagħha).

176. Preċiżament dwar il-ġustifikazzjoni tal-miżura, jiena tal-fehma li n-natura jew l-ekonomija ġenerali tal-iskema taċ-ĊĦ (111) jagħtuha l-appoġġ neċessarju. Jekk l-iskema ta’ appoġġ hija sostnuta mid-Direttiva 2009/28, dan huwa sabiex tiġi ffavorita l-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti. Sakemm ikun hemm konformità għaldaqstant mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, tinfetaħ il-possibbiltà li l-għajnuna tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mal-Artikolu 107(3) TFUE.

177. L-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern ma hijiex kompitu madankollu tal-qrati nazzjonali, iżda tal-Kummissjoni, fuq bażi ta’ każ b’każ, wara n-notifika li tintbagħtilha mill-Istat Membru korrispondenti (112), filwaqt li jiġu segwiti l-linji gwida stabbiliti minnha nnifisha (113).

E.      Il-Ftehim KEE-Svizzera

178. Il-Ftehim KEE-Svizzera huwa, bħala prinċipju, applikabbli għall-importazzjonijiet tal-elettriku bejn l-Isvizzera u l-Istati Membri tal-Unjoni (114). Għal Axpo, l-obbligu tax-xiri ta’ ĊĦ Taljani, meta tiġi importata l-E‑FER mill-Isvizzera għall-Italja, jikser l-Artikoli 6 u 13 tiegħu.

179. L-invokazzjoni ta’ dawn il-preċetti tal-Ftehim teħtieġ, qabel kollox, li Axpo turi li l-elettriku li timporta fl-Italja mill-Isvizzera ġie prodott minn sorsi rinnovabbli. Sabiex dan ikun il-każ, huwa meħtieġa li l-Unjoni u l-Isvizzera jkunu qablu dwar mekkaniżmu li jiggarantixxi u jiċċertifika din il-provenjenza.

180. Skont kif tirrapporta l-Kummissjoni u kif ġie kkorroborat fis-seduta, l-Unjoni ma kkonkludiet l-ebda ftehim mal-Isvizzera sabiex jarmonizzaw il-garanziji ta’ oriġini tal-E‑FER, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2009/28. In-negozjati bilaterali li nbdew f’dan il-qasam ġew interrotti.

181. Ċertament, fis‑6 ta’ Marzu 2007, l-Italja u l-Isvizzera kkonkludew ftehim li ppreveda r-rikonoxximent reċiproku tal-garanziji ta’ oriġini fir-rigward tal-elettriku importat mill‑2006 (115). Madankollu, dan il-ftehim bilaterali ma huwiex validu għar-rikonoxximent reċiproku tal-garanziji ta’ oriġini tal-E‑FER, bħalma spjegajt iktar ’il fuq (116).

182. Anki jekk Axpo setgħet turi l-oriġini rinnovabbli tal-elettriku li timporta mill-Isvizzera, inqis li l-Artikoli 6 u 13 tal-Ftehim KEE-Svizzera (117) ma jopponux l-iskema Taljana tax-xiri ta’ ĊĦ, li huwa impost fuq l-importaturi.

183. Fir-rigward tal-Artikolu 6(1) (li jipprojbixxi t-taxxi b’effett ekwivalenti għad-dazji doganali fuq l-importazzjoni fl-iskambji bejn il-Komunità u l-Isvizzera, b’mod analogu għall-Artikoli 27 u 30 TFUE), diġà indikajt (118) li l-obbligu inkwistjoni ma għandux natura fiskali jew parafiskali, u din tagħmilha impossibbli li jiġi kklassifikat bħala taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali.

184. Fir-rigward tal-Artikolu 13(1) (li jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u l-miżuri b’effett ekwivalenti għall-iskambji bejn il-Komunità u l-Isvizzera, din il-projbizzjoni hija simili għal dik li hemm fl-Artikolu 34 TFUE. Bħalma diġà spjegajt ukoll (119), il-mekkaniżmu Taljan taċ-ĊĦ, filwaqt li jirrappreżenta miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni, huwa ġġustifikat minħabba l-preservazzjoni tal-ambjent u l-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti, u għaldaqstant ma jiksirx il-projbizzjoni tal-Artikolu 34 TFUE. Dan l-istess raġunament jista’ jiġi estrapolat għall-projbizzjoni tal-Artikolu 13 tal-Ftehim KEE-Svizzera.

V.      Konklużjoni

185. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) kif ġej:

“1)      Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, ma tipprekludix leġiżlazzjoni li permezz tagħha Stat Membri jiddeċiedi li ma jeżentax lill-importaturi tal-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli fi Stati Membri oħra, jew f’pajjiżi terzi, mill-obbligu li jixtru ċertifikati ħodor marbuta esklużivament mal-produzzjoni nazzjonali ta’ dan it-tip ta’ elettriku.

2)      Skema ta’ appoġġ permezz ta’ ċertifikati ħodor bħal dik inkwistjoni f’din it-tilwima ma hijiex dazju doganali fuq l-importazzjoni u lanqas ma hija taxxa b’effett ekwivalenti, li jmorru kontra l-Artikolu 28 u 30 TFUE; lanqas ma hija taxxa interna diskriminatorja inkompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE. Madankollu, din is-sistema tikkostitwixxi miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni, li tmur kontra l-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-Artikolu 34 TFUE, iżda li hija ġġustifikata minħabba r-rekwiżit imperattiv tal-preservazzjoni tal-ambjent u minħabba l-interess ġenerali tal-protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti, li huwa ammess fl-Artikolu 36 TFUE.

3)      L-obbligu tax-xiri ta’ ċertifikati ħodor impost mill-Istat Taljan fuq l-importaturi tal-elettriku, kif ukoll l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ dawn iċ-ċertifikati lill-produtturi nazzjonali tal-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli, ma jimplikawx it-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Madankollu, l-obbligu tax-xiri mill-ġdid taċ-ċertifikati ħodor żejda li jitfa’ piż fuq il-kumpannija ta’ kapital pubbliku Gestore servizi energetici (Amministratur tas-servizzi tal-enerġija), li għandu jitħallas mill-komponent tariffarju A3, jista’ jimplika trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Dan it-trasferiment ma jikkwalifikax bħala għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn ma tagħtix vantaġġ selettiv lill-produtturi Taljani tal-elettriku miksub minn sorsi rinnovabbli.

4)      L-obbligu tax-xiri ta’ ċertifikati ħodor ta’ oriġini nazzjonali impost minn leġiżlazzjoni interna fuq l-importaturi tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli f’pajjiż terz, bħall-Isvizzera, ma jmurx kontra l-Artikoli 6(1) u 13(1) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera tal‑1972”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82, bir-rettifika fil-ĠU 2020, L 311, p. 11). Hija tikkonsolida d-Direttiva 2009/28, li t-tħassir tagħha huwa previst għall‑1 ta’ Lulju 2021. Għaldaqstant hija inapplikabbli ratione temporis f’din il-kawża.


4      Sistemi oħra ta’ appoġġ jistgħu jikkonsistu fi primjums tar-rati, proċeduri għas-sejħa għal offerti u inċentivi fiskali.


5      COM/2005/0627 final, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas‑7 ta’ Diċembru 2005, dwar l-appoġġ għall-elettriku ġġenerat minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli.


6      B’mod partikolari, fis-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft (C‑573/12, EU:C:2014:2037); iktar ’il quddiem, is-“sentenza Ålands Vindkraf”; tal‑11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium (C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2014:2192); u tas‑26 ta’ Novembru 2014, Green Network (C‑66/13, EU:C:2014:2399); iktar ’il quddiem, is-“sentenza Green Network”.


7      Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU 1972, L 300, p. 188, EE 11/02, p. 191; iktar ’il quddiem, il-“Ftehim KEE-Svizzera”), emendat bid-Deċiżjoni Nru 1/2000, tal-Kumitat Konġunt KE‑Svizzera, tal‑25 ta’ Ottubru 2000 li tadatta l-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropew u l-Konfederazzjoni Svizzera fl-okkażjoni tal-introduzzjoni tas-sistema armonizzata tad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni tal-merkanzija (ĠU 2001, L 51, p.1).


8      Decreto legislativo 3 marzo 2011, n. 28 – Attuazione della direttiva 2009/28/CE sulla promozione dell’uso dell’energia da fonti rinnovabili (id-Digriet Leġiżlattiv Nruo28, tat‑3 ta’ Marzu 2011, li jittrasponi d-Direttiva 2009/28/KE, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, iktar ’il quddiem, id-“Digriet Leġiżlattiv Nruo28/2011”).


9      Minn Settembru 2008, Axpo Trading AG biddlet isimha għal Axpo Solutions AG.


10      Wara li ċċitat, bħala eżempju, id-Deċiżjonijiet fil-Każijiet SA.37177 (ir-Rumanija), SA.37345 (il-Polonja) u SA.45867 (il-Belġju), il-Kummissjoni sostniet li “l-Istati Membri inkwistjoni, f’dawn il-każijiet, kienu taw ċertifikati ħodor mingħajr ħlas lill-produtturi ta’ [E‑FER], filwaqt li kienu qegħdin joħolqu suq għall-bejgħ ta’ dawn iċ-ċertifikati. Billi biegħu dawn iċ-ċertifikati, il-produtturi ta’ [E‑FER] setgħu jiksbu l-benefiċċji korrispondenti. F’dawn il-każijiet, l-Istat ipprovda lill-produtturi ta’ [E‑FER] b’assi intanġibbli li huwa stess seta’ jbiegħ jew jirkanta. Billi aġixxa b’dan il-mod, l-Istat ċeda r-riżorsi pubbliċi”. Hija żiedet li, f’dawn id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑279/08 P, EU:C:2011:511).


11      Esperia intervjeniet insostenn tal-argumenti ta’ Axpo, billi hija tinsab f’tilwima oħra simili, li tinsab pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju u qiegħda tistenna r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja dwarha.


12      Ara l-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13      Iċ-ĊĦ setgħu jiġu nnegozjati fuq pjattaforma ta’ skambju, ġestita minn kumpannija magħmula mill-GSE, imsemmija Gestore dei Mercati Energetici SpA (iktar ’il quddiem, il-“GME”). Il-GSE kellha s-setgħa li terġa’ tixtri ċ-ĊĦ offruti għall-bejgħ fil-pjattaforma ta’ skambju. Mill‑2008, setgħet tirtira ċ-ĊĦ żejda u mhux mitluba mill-produtturi tal-elettriku konvenzjonali, filwaqt li tiddetermina l-prezz ta’ rtirar tagħhom.


14      B’risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Axpo spjegat li l-għoti mingħajr ħlas taċ-ĊĦ kien ġej mid-Digriet tal-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku tat‑18 ta’ Diċembru 2008, li l-Artikolu 11 tiegħu jipprovdi li, fuq talba tal-produttur, il-GSE kienet toħroġ iċ-ĊĦ mingħajr ebda kunsiderazzjoni ladarba l-applikant kien jikkomunika magħha l-produzzjoni tal-E‑FER. Axpo żżid li hija, bħala proprjetarja ta’ impjant eoliku fl-Italja, irċeviet iċ-ĊĦ mingħajr ħlas.


15      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ċċitata fil-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 5.


16      L-Artikolu 13 tad-Digriet Ministerjali tat‑18 ta’ Diċembru 2008.


17      Jekk dan ma jsirx, il-GSE tikkomunika dan lill-awtorità kompetenti sabiex jiġu imposti s-sanzjonijiet korrispondenti.


18      Sentenza Green Network, punt 15.


19      Sentenza Green Network, punt 1 tad-dispożittiv: id-dritt tal-Unjoni “tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-għoti ta’ eżenzjoni mill-obbligu li jinxtraw ċertifikati ħodor dovut għall-introduzzjoni, fis-suq nazzjonali tal-konsum, ta’ elettriku importat minn Stat terz, permezz tal-konklużjoni minn qabel, bejn l-Istat Membru u l-Istat terz ikkonċernat, ta’ ftehim li permezz tiegħu l-elettriku hekk importat huwa ggarantit bħala elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, skont modalitajiet identiċi għal dawk li jipprevedi l-Artikolu 5 [tad-D]irettiva [2001/77]”.


20      L-Artikolu 25(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011 żamm madankollu l-possibbiltà li l-enerġija elettrika importata mill‑1 ta’ Jannar 2011 tiġi eżentata minn dan l-obbligu “esklużivament meta tikkontribwixxi għat-twettiq tal-objettivi nazzjonali previsti fl-Artikolu 3”. Skont Axpo, din il-possibbiltà kienet eskluża de facto peress li l-Artikolu 35(1)(a) ta’ dan id-Digriet leġiżlattiv mexxa l-konklużjoni ta’ ftehim bejn Stati għat-trasferiment tal-E‑FER għall‑2016 (osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Axpo, punt 7).


21      Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017 (C‑215/16, C‑216/16, C‑220/16 u C‑221/16, iktar ’il quddiem, is-“sentenza Elecdey Carcelen et”, EU:C:2017:705).


22      Is-sentenza Ålands Vindkraft, punti 41 u 42.


23      Ibidem, punt 46. Fl-iskema Taljana, l-obbligu jaqa’ fuq il-produtturi u l-importaturi.


24      Sentenza Elecdey Carcelen et, punt 31.


25      Ibidem, punt 32. Fl-istess sens fir-rigward tad-Direttiva 2001/77, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2013, IBC & Cie (C‑195/12, EU:C:2013:598, punt 80); u Green Network, punt 54.


26      Is-sentenza Ålands Vindkraft, punti 49: “[…] f’dak li jirrigwarda d-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprovdi għall-għoti ta’ ċertifikati tal-elettriku billi jiġi kkunsidrat biss l-elettriku aħdar prodott fit-territorju nazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li, meta adotta d-Direttiva 2009/28, il-leġiżlatur tal-Unjoni żamm il-possibbiltà ta’ tali limitazzjoni territorjali.”


27      Ibidem, punt 53. Fl-istess sentenza hija ċċitata l-premessa 25 tad-Direttiva 2009/28, li tipprovdi kif il-maġġoranza tal-Istati Membri jimplimentaw skemi ta’ appoġġ li jiffavorixxu biss il-produzzjoni ta’ enerġija ħadra fit-territorju tagħhom: “sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tal-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali, jidher li huwa essenzjali li l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkontrollaw l-effetti u l-ispejjeż ta’ dawn l-iskemi skont il-potenzjal tagħhom […]” (punt 99).


28      Dawn il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni jippermettu lill-Istati Membri jiftiehmu dwar il-grad li fih, wieħed minnhom, jappoġġja l-enerġija ta’ ieħor u l-grad li fih, il-produzzjoni tal-E‑FER ser tgħodd għat-twettiq tal-objettivi nazzjonali globali.


29      Sentenzi Ålands Vindkraft, punt 57; u tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz (C‑309/02, EU:C:2004:799, punt 53).


30      Sentenza Ålands Vindkraft, punti 59 sa 62.


31      “[L]-Artikolu 18 TFUE, li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li għalihom it-Trattat ma jipprevedix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni” (sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2017, Erzberger (C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 25); u tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah (C‑703/17, EU:C:2019:850), punt 19)).


      “Issa, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità jiġi implimentat, fost l-oħrajn, fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, fl-Artikolu 34 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 36 TFUE” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Mediasanus (C‑296/15, EU:C:2017:431), punt 65; u tat‑18 ta’ Ġunju 2019, L-Awstrija vs Il-Ġermanja (C‑591/17, EU:C:2019:504), punt 40).


32      Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2007, Brzeziński (C‑313/05, EU:C:2007:33, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2018, FENS (C‑305/17, EU:C:2018:986, punt 29), u tal‑14 ta’ Ġunju 2018, Lubrizol France (C‑39/17, EU:C:2018:438, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 1995, Simitzi (C‑485/93 u C‑486/93, EU:C:1995:281), punti 14 sa 16; tad‑9 ta’ Novembru 1983, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (158/82, EU:C:1983:317, punt 18), u tal‑1 ta’ Lulju 1969, Il-Kummissjoni vs L-Italja (24/68, Eu:C:1969:29, punti 7 u 9).


35      Sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2018, FENS (C‑305/17, EU:C:2018:986, punt 31).


36      Sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2018, Lubrizol France (C‑39/17, EU:C:2018:438, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


37      Ibidem, punt 46. Skont ġurisprudenza stabbilita, taxxa imposta fuq il-prodotti nazzjonali u importati abbażi ta’ kriterji identiċi tista’ madankollu tkun ipprojbita mit-Trattat meta l-prodott ta’ tali taxxa jkun maħsub għall-finanzjament ta’ attivitajiet li jibbenefikaw b’mod speċjali lill-prodotti nazzjonali intaxxati. Jekk il-vantaġġi li jgawdu minnhom dawn il-prodotti jikkumpensaw b’mod sħiħ it-taxxa, l-effetti tat-taxxa jidhru biss fir-rigward tal-prodotti importati u din it-taxxa tikkostitwixxi taxxa b’effett ekwivalenti.


38      Infakkar għal darba oħra, li din id-direttiva tawtorizza lill-Istati Membri jiddeterminaw jekk l-iskemi nazzjonali tagħhom ta’ appoġġ japplikawx jew le, u sa fejn, għall-E‑FER iġġenerat ’il barra mill-fruntieri tagħhom.


39      Peress li ma taqax taħt il-kunċett ta’ taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali, ma għadux neċessarju li jitqies jekk l-obbligu tax-xiri ta’ ĊĦ Taljani mill-importaturi tal-elettriku għadux jaqa’ taħt xi waħda minn dawn il-limitazzjonijiet għal din il-projbizzjoni.


40      Sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2018, FENS (C‑305/17, EU:C:2018:986, punt 29).


41      Sentenzi Ålands Vindkraft, punt 66; u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, L.E.G.O. (C‑242/17, EU:C:2018:804, punt 58).


42      Fl‑2016, iċ-ĊĦ ġew issostitwiti bi skema ta’ appoġġ ibbażata fuq il-primjums tar-rati, peress li l-Italja kienet qabżet l-objettivi tal-użu tal-enerġija rinnovabbli f’konformità mad-Direttiva 2009/28.


43      Sentenzi Ålands Vindkraft, punt 75; u tal‑11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium NV (C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2014:2192, punt 88).


44      Sentenza Ålands Vindkraft, punti 76 sa 82


45      Fil-punti 9.2 u 9.3 tad-digriet tar-rinviju, jinqara li l-iskema Taljana għandha “l-għan li tilħaq l-objettiv nazzjonali impost mid-dritt Ewropew […] billi tiġi inċentivata l-produzzjoni fit-territorju nazzjonali tal-enerġija ħadra li l-piż tagħha huwa sostnut sew mill-konsumaturi (li jieħdu f’idejhom il-piż ekonomiku tas-setgħa tax-xiri, mill-GSE taċ-ċertifikati li eventwalment ma jinbigħux), kif ukoll mill-operaturi li, taħt kwalunkwe waħda mill-modalitajiet, jinjettaw enerġija fin-network nazzjonali li ma hijiex prodotta fl-Italja minn sorsi rinnovabbli”.


46      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ålands Vindkraft, punti 95 u 96. Skont dan tal-aħħar, in-natura “ħadra” tal-elettriku tista’ tiġi vverifikata biss fl-istadju tal-produzzjoni: “ladarba jiddaħħal fin-network ta’ trasport jew ta’ distribuzzjoni, huwa diffiċli li tiġi ddeterminata l-oriġini speċifika tiegħu, b’mod li l-identifikazzjoni bħala elettriku aħdar fl-istadju tal-konsum tidher li hija diffiċli li ssir”.


47      Ibidem, punti 109 u 110.


48      Ibidem, punti 113 u 114.


49      Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, punt 36.


50      Ibidem, punt 37. Mingħajr ma dan ġie enfasizzat fl-oriġinali.


51      Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza reċenti tas‑17 ta’ Settembru 2020, Burgo Group (C‑92/19, EU:C:2020:733), punti 41 sa 44, iddikjarat bħala inammissibbli żewġ domandi ta’ talba oħra għal deċiżjoni preliminari tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), minħabba li ma pprovdietx l-elementi neċessarji sabiex jiġi ddeterminat jekk “l-Artikolu 107 TFUE […] jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li ma għandhomx il-karatteristika li huma installazzjonijiet b’effiċjenza għolja, fis-sens ta’ din id-Direttiva [2004/8], li jkomplu jibbenefikaw, anki wara l‑31 ta’ Diċembru 2010, minn skema ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni, li abbażi tagħha huma b’hekk jiġu eżentati b’mod partikolari mill-obbligu li jixtru ċertifikati ħodor”.


52      Sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 15); tas‑16 ta’ April 2015, Trapeza Eurobank Ergasias (C‑690/13, EU:C:2015:235, punt 17); tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 40); tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 38); tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 17); u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Azienda Napoletana Mobilità (C‑659/17, EU:C:2019:633, punt 20).


53      Sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 20).


54      Sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 24).


55      Ara l-punt 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


56      Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punt 49).


57      Sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig (78/76, EU:C:1977:52, punt 21); tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160, iktar ’il quddiem is-“sentenza PreussenElektra”) punt 58; u tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671), punt 23.


58      Sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294), punt 23.


59      Konklużjonijiet tas‑27 ta’ Frar 2018, Georgsmarienhütte et (C‑135/16, EU:C:2018:120, punti 104 sa 121).


60      Il-punti sussegwenti, minn 112 sa 127, huma riproduzzjoni tal-punti korrispondenti ta’ dawk il-konklużjonijiet.


61      Sentenza PreussenElektra, punt 62.


62      Sentenza tat‑22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig (78/76, EU:C:1977:52, punt 22).


63      Sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 37); tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413, punt 70); tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 21); u tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 25).


64      C‑262/12, EU:C:2013:85, punt 25; u tat‑2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni (173/73, EU:C:1974:71, punt 35).


65      Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2004 (C‑345/02, EU:C:2004:448, punt 41). F’din il-kawża, fir-rigward tal-finanzjament ta’ kampanja ta’ reklamar favur l-ottiċi, ir-riżorsi sabiex jitħallas dan ir-reklamar inġabru minn kumpanniji privati, permezz ta’ korporazzjoni professjonali taħt il-liġi pubblika. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li kienu “riżorsi tal-Istat”, minħabba li din il-korporazzjoni “qatt ma [kellha] l-poter li [tuża] kif trid” t-taxxi, “destinati speċifikament għall-finanzjament tal-[…] kampanja [ta’ reklamar]”.


66      Sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013 (C‑677/11, EU:C:2013:348, punt 36). F’din il-kawża, dwar ordni li estendiet għall-professjonisti kollha ftehim konkluż fi ħdan organizzazzjoni professjonali (fergħa agrikola tal-produzzjoni u t-trobbija tad-dundjani) li biha ġiet stabbilita kontribuzzjoni sabiex tiffinanzja ishma komuni, deċiża mill-imsemmija organizzazzjoni, l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat ma ġietx innotata. L-awtoritajiet nazzjonali ma setgħux jużaw b’mod effettiv ir-riżorsi minn kontribuzzjonijiet bħal dawn sabiex jappoġġjaw lil ċerti kumpanniji, riżorsi li l-użu tagħhom kien jiġi deċiż mill-organizzazzjoni interprofessjonali għall-finijiet iddeterminati minnha. Dawn ir-riżorsi ma kinux kontinwament taħt kontroll pubbliku jew għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tal-Istat.


67      Sentenza tal‑24 ta’ Jannar 1978, Van Tiggele (82/77, EU:C:1978:10, punti 25 u 26).


68      Sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413, punt 74); tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 35); u tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 26).


69      Sentenza PreussenElektra, punti 59 sa 62. Ara wkoll is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2009, UTECA (C‑222/07, EU:C:2009:124, punti 43 sa 47), dwar il-kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti fuq ix-xandara għall-produzzjoni ċinematografika, li ma jinvolvux it-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat.


70      Sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671, punti 27 sa 30). L-awtorità Pollakka kompetenti awtorizzat it-tariffi massimi tal-bejgħ tal-elettriku lill-utenti finali b’tali mod li l-oneru finanzjarju li jirriżulta minn dan l-obbligu ta’ xiri ma setax sistematikament jingħadda mill-impriżi fuq l-utenti finali. Għaldaqstant, f’ċerti ċirkustanzi, il-fornituri tal-elettriku kienu jiksbu l-elettriku prodott mill-koġenerazzjoni bi prezz ogħla minn dak applikat fil-kuntest tal-bejgħ lill-utenti finali, u dan iwassal għal spiża addizzjonali għalihom. L-impossibbiltà ta’ impatt sħiħ tal-ispiża addizzjonali fuq il-konsumatur finali, fil-kontribuzzjoni obbligatorja imposta mill-Istat Membru sabiex tiffinanzjah, jew saħansitra mekkaniżmu għall-kumpens sħiħ, wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-kumpanniji tal-provvista ma kinux maħturin mill-Istat sabiex jamministraw riżorsi tal-Istat, iżda li ffinanzjaw l-obbligu ta’ xiri li jaqa’ fuqhom bir-riżorsi tagħhom stess.


71      Sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord (C‑206/06, EU:C:2008:413, punti 69 sa 75).


72      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent de Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851, punti 25 u 26).


73      Digriet tat‑22 ta’ Ottubru 2014 (C‑275/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2314, punt 20).


74      Ibidem, punti 30 u 31.


75      Kawża C‑405/16 P, EU:C:2019:268.


76      Kawża C‑706/17, EU:C:2019:407.


77      Kawża T‑47/15, EU:T:2016:281.


78      Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1585 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.33995 (2013/C) (ex 2013/NN) (implimentata mill-Ġermanja għall-appoġġ tal-elettriku rinnovabbli u tal-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija).


79      Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punt 90).


80      Ibidem, punti 76 sa 80.


81      Sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019/407, punti 52 sa 54).


82      Ibidem,  punt 55 (mingħajr enfażi fl-oriġinali). Is-sentenza Achema et ivverifikat li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fl-iskema Litwana ta’ teħid tal-fondi intiżi għall-iffinanzjar ta’ skema ta’ servizzi ta’ interess pubbliku fis-settur tal-elettriku.


83      Sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2009 (C‑222/07, EU:C:2009:124). F’dik il-kawża, id-dritt Spanjol kien jimponi l-obbligu fuq l-operaturi tat-televiżjoni, pubbliċi jew privati li jirriżervaw perċentwali mid-dħul tagħhom għall-industrija ċinematografika ta’ dan l-Istat Membru (permezz ta’ ffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni). Il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-determinazzjoni ta’ jekk inkwistjoni kienx hemm riżorsi tal-Istat, iddikjarat li “l-vantaġġ mogħti minn miżura meħuda minn Stat Membru […] lill-industrija ċinematografika ta’ dan l-istess Stat Membru, tikkostitwixxi vantaġġ li huwa mogħti direttament mill-Istat jew permezz ta’ korp pubbliku jew privat, innominat jew stabbilit minn dan l-Istat” (punt 44).


84      Kawża C‑405/16 P, EU:C:2019:268. Skont il-punt 75 tagħha, “minkejja li […] l-oriġini legali tal-għajnuna għall-elettriku EEG implimentata mill-EEG tal‑2012 u għalhekk involviment ċert tal-Istat fuq il-mekkaniżmi stabbiliti mill-EEG tal‑2012, dawn l-elementi ma humiex madankollu suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-Istat kellu, għaldaqstant, setgħa li jiddisponi mill-fondi amministrati mill-GRT”.


85      L-Istat Taljan, minn din il-perspettiva, jirrinunzja għal dħul li seta’ jikseb billi jbigħ iċ-ĊĦ fi rkant jew billi jattribwixxihom bi ħlas.


86      Kawża C‑279/08 P, EU:C:2011:551. Il-punt 107 tagħha jipprovdi li: “l-Istat Membru, billi jagħti lil dawn id-drittijiet ta’ emissjonijiet [ta’ ossidi tan-nitroġenu] in-natura ta’ beni immaterjali negozjabbli u billi jqegħdhom b’xejn għad-dispożizzjoni tal-impriżi kkonċernati minflok ma biegħhom jew irkantahom, qed fil-fatt jirrinunċja għal riżorsi pubbliċi”.


87      Ara n-nota 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha (punt 40 tal-verżjoni bit-Taljan), il-GSE tfakkar li, fl-evalwazzjoni tal-iskema taċ-ĊĦ Belġjani fid-Deċiżjoni tagħha tal‑25 ta’ Lulju 2001 [għajnuna mill-Istat N 550/2000, SG (2001) D/290545], il-Kummissjoni spjegat li: “’L’État procure gratuitement les certificats verts […] aux producteurs d’électricité verte. Ceux-ci doivent prouver qu’ils ont produit une certaine quantité d’électricité verte, en échange de quoi ils reçoivent une quantité correspondante de certificats verts. Ils peuvent vendre ces certificats aux distributeurs sur le (futur) marché des certificats verts. L’État leur offre donc des biens incorporels. On ne peut cependant considérer qu’il accepte un manque à gagner en procurant les certificats verts gratuitement […] En conséquence, la fourniture de certificats verts par l’État aux producteurs ne met pas en jeu des ressources d’État” (mingħajr enfażi fl-oriġinali)


88      Linji gwida komunitarji dwar l-għajnuna mill-istat għall-ħarsien ta’ l-ambjent tal‑2008 (ĠU 2008, C 82, p. 1): “[l]-għajnuna mill-Istat tista’ tkun ġustifikata jekk l-ispiża tal-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded tkun ogħla mill-ispiża ta’ produzzjoni bbażata fuq sorsi inqas favur l-ambjent […]”.


89      Sentenza Ålands Vindkraft, punt 103.


90      Ibidem, punt 109.


91      Il-Gvern Taljan, fis-seduta argumenta li ma hemm l-ebda rinunzja mill-Italja għal riżorsa pubblika għaliex, effettivament, qatt ma kien hemm tali riżorsa. Iċ-ĊĦ jiċċertifika l-kwantità tal-E‑FER iġġenerat minn produttur Taljan u jkun loġiku li l-benefiċċju ta’ dan iċ-ĊĦ jerġa’ lura għand il-produttur stess.


92      Digriet tar-rinviju, punt 8.


93      Sentenza PreussenElektra, punt 62.


94      Axpo tinvoka f’dan ir-rigward ir-rapport tal-attività tal-GSE tal‑2016, li skontu, “il-GSE, flimkien mas-CSEA (Cassa per i Servizi Energetici e Ambientali (Fond għas-servizzi tal-enerġija u tal-ambjent)), tevalwa n-neċessitajiet ekonomiċi tal-komponent A3 fuq bażi annwali. Skont in-neċessitajiet tagħha, l-AEEGSI [li nbidlet f’ARERA] tiddetermina d-dħul meħtieġ sabiex jiġi alimentat il-kont għall-impjanti l-ġodda ta’ produzzjoni minn sorsi rinnovabbli u oħrajn simili u tikkontribwixxi għall-aġġornament ta’ kull tliet xhur tal-valuri tal-komponent tariffarju A3, imħallas mill-konsumaturi fil-kontijiet tal-elettriku tagħhom”.


95      Għal spjegazzjoni iktar dettaljata tal-ispejjeż ġenerali tas-sistema tal-elettriku fl-Italja, nagħmel rifereiment għas-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2017, IRCCS — Fondazione Santa Lucia (C‑189/15, EU:C:2017:17, punti 31 sa 35), u għall-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (C‑189/15, EU:C:2016:287).


96      Cassa per i Servizi Elettrici e Ambientali, li sal‑2015 kienet imsejħa Cassa Conguaglio per il Settore Elettrico.


97      Objettivi oħra ta’ interess ġenerali koperti kienu s-sigurtà nukleari u l-kumpens territorjali, l-iskemi tariffarji speċjali għas-Soċjetà nazzjonali tal-ferroviji, il-kumpens intiż għall-impriżi żgħar tas-settur tal-elettriku, l-appoġġ fir-riċerka applikata fis-settur tal-elettriku u l-kopertura tal-“bonus elettriku” u tal-vantaġġi mogħtija lill-impriżi ta’ konsum għoli tal-elettriku.


98      Għal spjegazzjoni dettaljata ta’ dan il-mekkaniżmu, ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑23 ta’ Mejju 2017, SA.38635 (2014/NN) – Italy – Reductions of the renewable and cogeneration surcharge for electro-intensive users in Italy [(C(2017) 3406 final], punti 6 sa 13.


99      Din hija l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tat‑23 ta’ Mejju 2017, SA.38635 (2014/NN) – Italy – Reductions of the renewable and cogeneration surcharge for electro-intensive users in Italy [(C(2017) 3406 final], punt 91.


100      Axpo, fis-seduta ddikjarat li, fil-prattika, il-GSE tixtri l-parti l-kbira taċ-ĊĦ mill-pjattaforma diġitali ta’ skambju ġestita l-GME.


101      F’mekkaniżmu ta’ għajnuna differenti u sussegwenti għal dak taċ-ĊĦ, il-Kummissjoni qieset li intervent simili tal-GSE jimplika trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi (Deċiżjoni tal‑14 ta’ Ġunju 2019, SA.53347 (2019/N) – Italy – Support to electricity from renewable sources 2019-2021).


102      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 25); digriet tat‑22 ta’ Ottubru 2014, Elcogás (C‑275/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2314, punt 30); u s-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019/407, punt 68).


103      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014‑2020 (ĠU 2014, C 200, p. 1). Dawn il-linji gwida jirrikonoxxu li “[l]-Istati Membri jistgħu jagħtu appoġġ għal sorsi ta’ enerġija li tiġġedded billi jużaw il-mekkaniżmi tas-suq bħalma huma ċertifikati ambjentali. Dawn il-mekkaniżmi tas-suq [li jsitgħu, pereżempju, jobbligaw lill-fornituri tal-elettriku jixrtu porporzjon partikolari tal-provvisti tagħhom minn sorsi rinnovabbli] jippermettu lill-produtturi kollha tal-enerġija li tiġġedded li jibbenefikaw indirettament minn talba ggarantita għall-enerġija tagħhom bi prezz li jkun ogħla mill-prezz tas-suq għall-enerġija konvenzjonali. Il-prezz ta’ dawn iċ-ċertifikati ħodor ma jkunx iffissat minn qabel iżda jkun jiddependi fuq il-provvista u d-domanda tas-suq” (punt 135). Mingħajr enfasi fl-oriġinali.


104      Fl-aħħar snin, il-kontroversji dwar in-natura selettiva tal-għajnuna mill-Istat (b’mod partikolari, dik mogħtija permezz ta’ regoli tat-taxxa) kienu qegħdin jiżdiedu, u xi kultant kisbu tali kumplessità li tkun diffiċli għall-operaturi ekonomiċi jew ġuridiċi sabiex ikunu jafu a priori, b’ċertezza, x’jistennew.


105      Sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs MOL (C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 59); tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 54); u s-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019/407, punt 84).


106      Sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑270/15 P, EU:C:2016:489, punti 49 u 50); tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981), punt 55; u tal‑4 ta’ Mejju 2015, Il-Kummissjoni vs MOL (C-14/15, ECLI:EU:C:2015:362), punt 60.


107      L-applikazzjoni ġeneralizzata ta’ dan il-metodu ma hijiex eżentata mill-kritiki, li jenfasizzaw l-inkapaċità tagħha sabiex tikkwalifika xi skemi ta’ għajnuna.


108      Digriet tar-rinviju, punt 8.8.


109      Digriet tar-rinviju, punt 8.6: “peress li l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali għall-produzzjoni tal-enerġija ħadra […] jipprevedu, bħala definizzjoni, trattament speċjali, fis-sens tekniku-ġuridika, favur il-produtturi tal-enerġija ħadra […] jista’ jiġi dedott li […] lil hinn mill-introduzzjoni ta’ deroga mis-‘sistema ta’ referenza’ u, bħala tali, l-integrazzjoni potenzjali ta’ għajnuna mill-Istat, jappoġġjaw, jiffavorixxu u jagħtu kunsens, minflok, għall-implimentazzjoni konkreta”.


110      L-Artikolu 107(1) TFUE ma jiddistingwixxix skont il-kawżi jew l-objettivi tal-interventi mill-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom u, għaldaqstant b’mod indipendenti mit-tekniki użati (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 48; u tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja/Government of Gibraltar u r-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 87).


111      Sentenzi tad‑9 ta’ Ottubru 2014, Ministeru tad-Difiża u Navantia (C‑522/13, EU:C:2014:2262, punti 42 u 43); tat‑18 ta’ Lulju 2013, P (C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 19); u tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 62); u tat-8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et (C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punti 49 et seq).


112      Ir-Repubblika Taljana nnotifikat lill-Kummissjoni dwar skemi oħra ta’ appoġġ: ara, fost oħrajn, dawk iċċitati fil-punti 98, 99 u 101 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑28 ta’ April 2016, SA.43756, (2015/N) – Italy –Support to electricity for renewable sources in Italy [C(2016) 2726 final].


113      Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent 2008 (ĠU 2008, C 82, p. 1); u Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014‑2020 (ĠU 2014, C 200, p. 1).


114      L-Artikolu 2 tal-Ftehim jipprovdi li dan “japplika għall-prodotti mill-Komunità u mill-Isvizzera: […] li huma kklassifikati fil-Kapitoli 25 sa 97 tas-sistema armonizzata tad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni tal-merkanzija, ħlief għall-prodotti mniżżla fl-Anness I”. L-enerġija elettrika hija inkluża fil-Kapitolu 27 ta’ din is-sistema armonizzata (Kodiċi 2716).


115      Punti 39 u 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’riferiment għas-sentenza Green Network. Fis-seduta, il-Gvern Taljan indika li seta’ jirriżulta kunflitt ta’ dritt internazzjonali pubbliku, billi l-applikazzjoni tal-ftehim bilaterali kien impossibbli wara l-adozzjoni tad-Digriet leġiżlattiv Nru 28 tal‑2011. Bejn l‑1 ta’ Jannar 2012 u s‑26 ta’ Novembru 2014, li hija d-data tas-sentenza Green Network, ir-rikonoxximent reċiproku tal-garanziji ta’ oriġini fir-rigward ta’ dan il-ftehim bilaterali ma ppermettiex lill-importaturi tal-E‑FER Svizzera fl-Italja jaħarbu mill-obbligu tax-xiri taċ-ĊĦ Taljani.


116      Il-ġurisprudenza Green Network tista’ tiġi estrapolata għad-Direttiva 2009/28, peress li tfasslet b’rabta mad-Direttiva 2001/77, li l-kontenut tagħha huwa simili f’dan ir-rigward.


117      Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tqajjimx il-kwistjoni u toħodha bħala xi ħaġa impliċita, nemmen li l-Artikoli 6 u 13 tal-Ftehim jista’ jkollhom effett dirett u jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati nazzjonali mill-individwi kkonċernati. Dawn huma regoli li jinkludu projbizzjonijiet ċari, preċiżi u mingħajr kundizzjonijiet u l-Ftehim, minħabba l-karatteristiċi tiegħu, huwa xieraq b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu jistgħu jiġu invokati direttament, f’konformità mas-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 1982, Kupferberg, (C‑104/81, EU:C:1982:362, punti 22 u 23); u tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


118      Punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


119      Punti 76 sa 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.