Language of document : ECLI:EU:T:2011:742

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

14 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Avviż ta’ kompetizzjoni – Kompetizzjoni ġenerali – Nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżami bil-miktub wara r-riżultat miksub fit-testijiet ta’ ammissjoni – Tqassim tal-kompetenzi bejn l-EPSO u l-Bord tal-Għażla”

Fil-Kawża T‑361/10 P,

li għandha bħala suġġett appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Ġunju 2010, Pachtitis vs Il‑Kummissjoni (F‑35/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn J. Currall u I. Chatzigiannis, bħala aġenti, sussegwentement minn J. Currall, assistiti minn E. Antypas u E. Bourtzalas, avukati,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-proċedura huma:

Dimitrios Pachtitis, residenti f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentat minn P. Giatagantzidis u K. Kyriazi, avukati,

rikorrent fl-ewwel istanza,

sostnut minn

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD),

intervenjent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell),

komposta minn M. Jaeger, President, N. J. Forwood u A. Dittrich (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Novembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha ppreżentat skont l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Ġunju 2010, Pachtitis vs Il-Kummissjoni (F‑35/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla d-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) tal-31 ta’ Mejju u tas-6 ta’ Diċembru 2007 li permezz tagħhom Dimitrios Pachtitis ġie eskluż mil-lista ta’ 110 kandidat li kisbu l-aħjar marki fit-testijiet ta’ ammissjoni li jagħtu aċċess għall-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/77/06.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Il-fatt li wasslu għall-kawża u li huma rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ dan l-appell huma stabbiliti fis-sentenza appellata bil-mod li ġej:

“16.      Fil‑15 ta’ Novembru 2006, l‑EPSO ippubblika l‑avviż tal‑Kompetizzjoni Ġenerali EPSO/AD/77/06 (ĠU C 277 A, p. 3, iktar ’il quddiem il‑‘kompetizzjoni [kontenzjuża]’) li kellu jistabbilixxi lista ta’ riżerva ta’ amministraturi lingwisti ta’ grad AD 5, tal‑lingwa Griega, fil‑qasam tat‑traduzzjoni. Skont l‑avviż tal‑kompetizzjoni, il‑kandidati kellhom jagħżlu, bejn żewġ għażliet, imsemmija għażla 1 u għażla 2, dik li tikkorispondi mal‑konoxxenzi lingwistiċi tagħhom […]

17.      [I]r‑rikorrent, ta’ nazzjonalità Ellenika, kien kandidat fil‑kompetizzjoni msemmija iktar ’il fuq għall‑għażla 1.

18.      Il‑kompetizzjoni kienet tikkonsisti fi tliet fażijiet. Skont it‑taqsima B tal‑avviż tal‑kompetizzjoni, l‑ewwel fażi, jew il‑fażi preliminari, kienet tikkonsisti f’żewġ testijiet ta’ ammissjoni, ta’ 30 mistoqsija b’għażla multipla kull wieħed, l‑ewwel wieħed sabiex jevalwa l‑konoxxenzi relatati mal‑Unjoni Ewropea, l‑istituzzjonijiet tagħha u l‑politika tagħha [iktar ’il quddiem it‑‘test a’)] u t‑tieni sabiex jevalwa l‑ħiliet u l‑kapaċità ġenerali tal‑kandidati fil‑qasam ta’ raġunament verbali u numeriku [iktar ’il quddiem it‑‘test b’)]. Skont it‑taqsima Ċ tal‑avviż tal‑kompetizzjoni, it‑tieni fażi kienet tikkonsisti fi prova bil‑miktub [eżami bil-miktub] u t‑tielet fi prova orali [eżami orali]. Skont it‑taqsima B tal‑avviż tal‑kompetizzjoni, u dik li tirrigwarda l‑għażla 1, il‑110 kandidat biss li jkunu kisbu l‑aħjar marki fit‑testijiet ta’ ammissjoni, u fi kwalunkwe każ, il‑minimu meħtieġ, jiġifieri ħames punti fuq għaxra fit‑test a) u għaxar punti fuq għoxrin fit‑test b), kellhom jiġu mistiedna sabiex jissottomettu applikazzjoni kompleta għall‑ammissjoni tagħhom għat‑tieni fażi tal‑kompetizzjoni; in‑numru tal‑kandidati tal‑għażla 2 li setgħu jiġu ammessi għat‑tieni fażi ġie ffissat għal 30.

19.      Mit‑taqsima D tal‑avviż tal‑kompetizzjoni jirriżulta li l‑applikazzjonijiet kellhom jiġu sottomessi b’mod elettroniku. B’mod iktar speċifiku, kull kandidat ġie mistieden sabiex l‑ewwel jikkrea fajl elettroniku bid‑dettalji personali [tiegħu] permezz tas‑sistema informatika tal‑EPSO. Wara li jirreġistra l‑fajl tiegħu, il‑kandidat seta’ jippreżenta applikazzjoni elettronika għall‑parteċipazzjoni fil‑kompetizzjoni. Jekk l‑applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata fil‑ħin, l‑EPSO jibgħatlu avviż elettroniku sabiex jipparteċipa għall‑fażi preliminari tal‑kompetizzjoni, [u] wara jiddiriġih lejn sit internet ta’ sieħeb kuntrattwali estern, li l‑EPSO kien fdalu l‑organizzazzjoni u l‑implementazzjoni tal‑fażi preliminari tal‑kompetizzjoni. Fuq is‑sit ta’ dan is‑sieħeb kuntrattwali, il‑kandidat kellu jirriżerva elettronikament data u ħin ta’ eżami fil‑perijodu bejn l‑10 ta’ April u l‑4 ta’ Mejju 2007, matul liema perijodu t‑testijiet ta’ ammissjoni kellhom isiru f’diversi ċentri ta’ eżamijiet.

20.      Dawn it‑testijiet, li, kif kienet pprovdiet it‑taqsima B tal‑avviż tal‑kompetizzjoni, kienu mwettqa fuq kompjuter, saru għaldaqstant f’postijiet u dati li kienu differenti għal kull kandidat. Il‑mistoqsijiet, li kienu wkoll differenti għal kull kandidat, intgħażlu b’mod każwali minn bażi ta’ data li kien fiha ammont ta’ mistoqsijiet, ipprovduti lill‑EPSO minn sieħeb kuntrattwali estern. Il‑Bord tal-Għażla tal‑kompetizzjoni [kontenzjuża] ma interveniex ħlief wara l-eżitu tat‑testijiet ta’ ammissjoni u għaldaqstant fil‑fażi tal‑provi bil‑miktub u orali biss. Skont il‑punt 2 tat‑taqsima E, tal‑avviż tal‑kompetizzjoni, l‑ismijiet tal‑membri tal‑Bord tal-Għażla ġew ippublikati fuq is‑sit internet tal‑EPSO ħmistax‑il ġurnata qabel ma bdew il‑provi bil‑miktub.

21.      Wara l‑parteċipazzjoni tar‑rikorrent fit‑test ta’ ammissjoni, l‑EPSO bagħtlu, fil‑31 ta’ Mejju 2007, b’mod elettroniku, il‑marki li huwa kien kiseb fit‑testijiet a) u b), filwaqt li informah li dawn il‑marki ‘għalkemm iktar jew daqs il‑minimu meħtieġ [kienu] insuffiċjenti sabiex huwa jiġi inkluż mal‑kandidati li kisbu l‑aħjar 110 marka skont ir‑regoli ddettaljati stabbiliti fit‑taqsima B tal‑avviż tal‑kompetizzjoni’ […]

      […]

      […]

24.      Ir‑rikorrent ikkontesta ‘il‑validità u l‑kontenut’ tad‑deċiżjoni tal‑EPSO, tal‑31 ta’ Mejju 2007, billi ppreżenta lment skont l‑Artikolu 90(2) tar‑Regolamenti tal‑Persunal, fejn, billi lmenta, minn naħa, [dwar] il‑ksur tal‑prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ oġġettività u ta’ trasparenza kif ukoll tal‑obbligu ta’ motivazzjoni tad‑deċiżjoni tal‑31 ta’ Mejju 2007 u, min‑naħa l‑oħra, [dwar] żbalji ta’ evalwazzjoni li ‘il‑Bord tal-Għażla tat‑testijiet ta’ ammissjoni (jiġifieri l‑kompjuter)’ bilfors wettaq matul il‑korrezzjoni tat‑testijiet ta’ ammissjoni tiegħu fid‑dawl tal‑esperjenza professjonali tiegħu, huwa talab li l‑EPSO jirrevedi l‑kontenut ta’ din id‑deċiżjoni wara reviżjoni tat‑testijiet ta’ ammissjoni tiegħu u jinformah jekk, u fil‑pożittiv, liema, mill‑mistoqsijiet fit‑testijiet ta’ ammissjoni kienu ġew ‘newtralizzati’ mill‑Bord tal-Għażla.

      […]

26.      Permezz ta’deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2007, li fiha ddikjara li kien irreveda, minn naħa, il‑fajl tar‑rikorrent dwar l‑ipproċessar awtomatizzat tat‑testijiet ta’ ammissjoni tiegħu u, min‑naħa l‑oħra, il‑konsegwenzi tan‑newtralizzazzjoni ta’ ċerti mistoqsijiet fuq il‑marki tiegħu, l‑EPSO ċaħad l‑ilment u kkonferma d‑deċiżjoni tiegħu tal‑31 ta’ Mejju 2007. Fir‑rigward, b’mod iktar partikolari, tal‑mistoqsijiet newtralizzati, l‑EPSO indika li effettivament seba’ mistoqsijiet kienu ġew newtralizzati minn ‘kumitat konsultattiv’, li kien responsabbli għall‑kontroll tal‑kwalità tal‑mistoqsijiet inklużi fil‑bażi ta’ data, iżda li fit‑testijiet ta’ ammissjoni tar‑rikorrent ma kienu inklużi l‑ebda mill‑mistoqsijiet newtralizzati.”

 Il-proċedura fl-ewwel istanza u s-sentenza appellata

3        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl‑14 ta’ Marzu 2008, D. Pachtitis fetaħ kawża li ġiet irreġistrata bir-referenza F‑35/08.

4        D. Pachtitis talab, fl-ewwel l-istanza, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu jannulla d-deċiżjonijiet tal-EPSO tal-31 ta’ Mejju u tas-6 ta’ Diċembru 2007, kif ukoll kull att relatat, u jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż (punt 27 tas-sentenza appellata).

5        Il-Kummissjoni talbet, fl-ewwel istanza, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu jiċħad ir-rikors bħala manifestament infondat u jikkundanna lil D. Pachtitis għall-ispejjeż (punt 28 tas-sentenza appellata).

6        Kif jirriżulta mill-punti 29 u 30 tas-sentenza appellata, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), li kien ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ D. Pachtitis permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Novembru 2008 tal-President tal-Ewwel Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, għamel intervent fl-ewwel istanza.

7        Permezz tas-sentenza appellata (punti 43 sa 72), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku laqa’ r-rikors għal annullament sa fejn ikkunsidra li t-tieni motiv imqajjem minn D. Pachtitis, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-EPSO li jipproċedi għall-eliminazzjoni ta’ kandidati matul il-fażi preliminari tal-kompetizzjoni kontenzjuża, kien fondat. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għalhekk ikkonkluda li kien hemm lok li d-deċiżjonijiet tal-EPSO tal-31 ta’ Mejju u tas-6 ta’ Diċembru 2007 jiġu annullati mingħajr ma jkun meħtieġ li jiddeċiedi dwar it-tliet motivi l-oħra mqajma minn D. Pachtitis.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u t-talbiet tal-partijiet

8        Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Awwissu 2010, il-Kummissjoni ressqet dan l-appell u talbet li tingħata deċiżjoni dwaru bi prijorità, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

9        Permezz ta’ ittra ppreżentata fit-30 ta’ Novembru 2010, il-KEPD irrinunzja milli jieħu sehem f’din il-proċedura u milli jressaq risposta.

10      D. Pachtitis ippreżenta r-risposta tiegħu fid-29 ta’ Diċembru 2010.

11      Permezz ta’ ittra ppreżentata fil-21 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni ressqet talba sabiex titħalla tippreżenta replika fil-qosor.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2011, il-President tal-Awla tal-Appell laqa’ din it-talba.

13      Il-Kummissjoni ppreżentat replika fl-14 ta’ Marzu 2011.

14      D. Pachtitis ippreżenta kontroreplika fil-5 ta’ Mejju 2011.

15      Permezz ta’ ittri ppreżentati fl-24 ta’ Mejju u fl-14 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni u D. Pachtitis ifformulaw, rispettivament, talba skont l-Artikolu 146 tar-Regoli tal-Proċedura sabiex jinstemgħu fil-kuntest tal-fażi orali tal-proċedura.

16      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) laqgħet dawn it-talbiet imressqa skont l-Artikolu 146 tar-Regoli tal-Proċedura u fetħet il-proċedura orali.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2011, il-President tal-Awla tal-Appell laqa’ t-talba tal-Kummissjoni sabiex id-deċiżjoni dwar dan l-appell tingħata bi prijorità skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

18      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-9 ta’ Novembru 2011.

19      Il‑Kummissjoni titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla s‑sentenza appellata;

–        tibgħat il‑kawża lura quddiem it‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku sabiex dan jeżamina l-motivi l-oħra mqajma insostenn tal-annullament;

–        tikkundanna lil D. Pachtitis għall-ispejjeż tal-proċedura tal-appell u tal-proċedura fl-ewwel istanza.

20      D. Pachtitis jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-appell kollu kemm hu;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha taż-żewġ istanzi.

 Fuq l-appell

21      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem aggravju wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 1, 5 u 7 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), tad-Deċiżjoni 2002/620/KE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat [...] tar-Reġjuni u tal-Ombudsman Ewropew, tal-25 ta’ Lulju 2002, li tistabbilixxi l-EPSO (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 46), tad-Deċiżjoni 2002/621/KE tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-Segretarjat Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kumitat tar-Reġjuni, u r-Rappreżentant tal-Ombudsman Ewropew, tal-25 ta’ Lulju 2002, dwar l-organizzazzjonijiet u l-ħidma tal-EPSO (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 48), kif ukoll ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

22      Il-Kummissjoni essenzjalment issostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra b’mod żbaljat li l-EPSO ma kellux il-kompetenza li jeskludi lil D. Pachtitis mit-tieni fażi tal-kompetizzjoni ġenerali inkwistjoni, li kienet tikkonsisti f’eżami bil-miktub. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-ewwel fażi tal-kompetizzjoni msemmija, li kienet tikkonsisti f’żewġ testijiet ta’ ammissjoni, l-EPSO kellu l-kompetenza li jiddefinixxi l-kontenut tal-eżamijiet ta’ preselezzjoni li jagħtu aċċess għat-tieni fażi ta’ din il-kompetizzjoni. It-tieni fażi u t-tielet fażi tal-kompetizzjoni, liema tielet fażi kienet tikkonsisti f’eżami orali, jifformaw il-kompetizzjoni fil-veru sens tal-kelma. Skont il-Kummissjoni, ma teżisti ebda dispożizzjoni li tipprojbixxi lill-EPSO milli jorganizza l-ewwel fażi tal-kompetizzjoni msemmija sa fejn din il-kompetizzjoni, mit-tieni fażi tagħha, kienet effettivament suġġetta għall-kontroll ta’ Bord tal-Għażla.

23      Qabel jiġu indirizzati l-ilmenti msemmija fil-punt 22 iktar ’il fuq, għandu l-ewwel jiġi eżaminat l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata.

 Fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata

24      Insostenn tal-affermazzjoni tagħha li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu fir-rigward tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tenfasizza li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma tax spjegazzjoni għall-kunsiderazzjoni tiegħu li kompetizzjoni ma tistax tiġi organizzata f’“żewġ fażijiet”, fejn l-ewwel fażi tkun tikkonsisti f’eżamijiet ta’ preselezzjoni filwaqt li t-tieni waħda tkun tikkonsisti fil-kompetizzjoni fil-veru sens tal-kelma. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma indika ebda dispożizzjoni li tipprojbixxi li, fil-kompetizzjonijiet organizzati f’“żewġ fażijiet”, l-ewwel waħda tkun tista’ tiġi organizzata mill-EPSO. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku żbalja meta ma ħax inkunsiderazzjoni d-Deċiżjonijiet 2002/620 u 2002/621.

25      Għandu jiġi osservat li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jeħtieġx li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jipprovdi spjegazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha fformulati mill-partijiet fil-kawża. Dan ifisser li l-motivazzjoni tista’ tkun impliċita sakemm permezz tagħha l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jifhmu r-raġunijiet għaliex ittieħdu l-miżuri inkwistjoni u l-qorti kompetenti jkollha biżżejjed elementi sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 372, u tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punt 46).

26      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma spjegax il-kunsiderazzjoni tiegħu li kompetizzjoni ma tistax tiġi organizzata f’“żewġ fażijiet”, għandu jiġi kkonstatat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ddikjarax tali kunsiderazzjoni. Fil-fatt, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku indika b’mod espliċitu li r-raġunament żviluppat fis-sentenza appellata b’ebda mod ma kien idaħħal inkwistjoni s-setgħa tal-Awtorità tal-Ħatra li torganizza kompetizzjoni li tkun tinkludi żewġ fażijiet distinti, jiġifieri fażi inizjali ta’ preselezzjoni, ibbażata fuq domandi fejn jingħataw diversi risposti li minnhom il-kandidat ikollu jagħżel ir-risposta t-tajba, u fażi ulterjuri, il-fażi li tikkostitwixxi l-kompetizzjoni fil-veru sens tal-kelma u li l-parteċipazzjoni fiha tkun tiddependi mill-eżitu pożittiv tal-eżamijiet fil-fażi inizjali u li l-aċċess għaliha jkun irriżervat għal numru limitat ta’ kandidati.

27      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma indika ebda dispożizzjoni li tipprojbixxi li, fil-kompetizzjonijiet organizzati f’“żewġ fażijiet”, l-ewwel fażi tista’ tiġi organizzata mill-EPSO, għandu jiġi osservat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kkonkludiex li l-EPSO ma setax jorganizza din l-ewwel fażi. Għall-kuntrarju, huwa kkonkluda, fil-punti 57 u 58 tas-sentenza appellata, li la l-għażla u lanqas l-evalwazzjoni tas-suġġetti tad-domandi magħmula fil-kuntest ta’ kompetizzjoni ma jaqgħu fil-kompetenza tal-EPSO u li r-rwol tal-EPSO, għalkemm sinjifikattiv sa fejn jassisti lill-Bord tal-Għażla, jibqa’, fi kwalunkwe każ, sussidjarju fil-konfront tar-rwol tal-Bord tal-Għażla, li ma jistax jiġi ssostitwit mill-EPSO. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku spjega, b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi, ir-raġunament tiegħu f’dan ir-rigward billi eżamina, fil-punti 50 sa 56 tas-sentenza appellata, id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-EPSO u l-Bord tal-Għażla fir-rigward tar-reklutaġġ tal-uffiċjali. F’dan ir-rigward huwa wettaq, l-ewwel nett, paragun tal-kompetenzi bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla billi eżamina, fil-punti 50 sa 55 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li, għal kull kompetizzjoni, Bord tal-Għażla, maħtur mill-Awtorità tal-Ħatra, għandu jistabbilixxi l-lista tal-kandidati xierqa u l-proċedura ta’ kompetizzjoni prevista fl-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. It-tieni nett, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku indika li d-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla, kif deskritta fil-punti preċedenti, ma saritx permezz tal-ħolqien, fl-2002, tal-EPSO, li l-att ta’ kostituzzjoni tiegħu jipprevedi b’mod espliċitu, fl-Artikolu 2 tiegħu, li l-EPSO għandu jeżerċita s-setgħat ta’ selezzjoni ddelegati lill-Awtoritajiet tal-Ħatra fil-kuntest ta’ kompetizzjoni. L-argumenti tal-Kummissjoni għalhekk għandhom jiġu miċħuda.

28      Fir-rigward, it-tielet nett, tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn, b’mod żbaljat, naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni d-Deċiżjonijiet 2002/620 u 2002/621, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku indika, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li skont ir-raġunament tiegħu dawn id-deċiżjonijiet ma kinux jikkontradixxu l-konklużjoni tiegħu fir-rigward tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-EPSO u l-Bord tal-Għażla. Fil-fatt, skont it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dawn id-deċiżjonijiet għandhom, fi kwalunkwe każ, grad ġerarkiku inferjuri għal dak tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.

29      Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni dwar allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-kompetenza tal-EPSO li jeskludi lil D. Pachtitis mit-tieni fażi tal-kompetizzjoni inkwistjoni

30      Il-Kummissjoni essenzjalment issostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra b’mod żbaljat, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, li l-EPSO ma kellux il-kompetenza li jeskludi lil D. Pachtitis mit-tieni fażi tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku interpreta b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ta’ kompetizzjoni prevista fl-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan is-sens, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ħax inkunsiderazzjoni l-kompetenzi kollha mogħtija lill-EPSO permezz ta’ dan l-anness, b’mod partikolari permezz tal-Artikolu 1(1)(e) u tal-Artikolu 7(1) u (2) tiegħu, kif ukoll permezz tad-Deċiżjonijiet 2002/620 u 2002/621.

31      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni inkwistjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kkunsidrax li l-EPSO ma kellux il-kompetenza li jorganizza din il-kompetizzjoni f’“żewġ fażijiet”. Fil-fatt, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, filwaqt li għamel riferiment għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 2004, Falcone vs Il-Kummissjoni (T‑207/02, ĠabraSP p. I‑A-305 u II-1393), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku indika li r-raġunament żviluppat fis-sentenza appellata b’ebda mod ma kien idaħħal inkwistjoni s-setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra li torganizza kompetizzjoni li tkun tinkludi żewġ fażijiet distinti, jiġifieri fażi inizjali ta’ preselezzjoni, ibbażata fuq domandi fejn jingħataw diversi risposti li minnhom il-kandidat ikollu jagħżel ir-risposta t-tajba, u fażi ulterjuri, il-fażi li tikkostitwixxi l-kompetizzjoni fil-veru sens tal-kelma u li l-parteċipazzjoni fiha tiddependi mill-eżitu pożittiv tal-eżamijiet fil-fażi inizjali u li l-aċċess għaliha jkun irriżervat għal numru limitat ta’ kandidati. Skont it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-kwistjoni diskussa fis-sentenza appellata hija dik ta’ jekk l-ewwel fażi ta’ kompetizzjoni, bħal dik imsemmija fis-sentenza Falcone vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, jew fil-kawża li wasslet għas-sentenza appellata, tistax tiġi organizzata u mmexxija sat-tmiem tagħha mill-EPSO waħdu u fl-assenza totali ta’ Bord tal-Għażla.

32      Fir-rigward, it-tieni nett, tan-natura tal-ewwel fażi tal-kompetizzjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li din il-fażi tikkonsisti f’eżamijiet ta’ preselezzjoni li jagħtu aċċess għat-“tieni fażi”, liema fażi tikkostitwixxi l-kompetizzoni fil-veru sens tal-kelma.

33      Fir-rigward tal-kontenut tal-ewwel fażi tal-kompetizzjoni, għandu jitfakkar li, skont il-punt 18 tas-sentenza appellata, din il-fażi kienet tikkonsisti f’żewġ testijiet ta’ ammissjoni, kull wieħed minnhom bi 30 domanda fejn jingħataw diversi risposti li minnhom il-kandidat ikollu jagħżel ir-risposta t-tajba, fejn l-ewwel test kien intiż sabiex jiġu evalwati l-konoxxenzi relatati mal-Unjoni Ewropea, mal-istituzzjonijiet tagħha u mal-politiki tagħha filwaqt li t-tieni wieħed kien intiż sabiex jiġu evalwati l-kapaċitajiet u l-kompetenzi ġenerali tal-kandidati fir-rigward tal-kapaċità ta’ raġunament verbali u numeriku.

34      Fil-punt 61 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li, minn 1 772 kandidat li rriżervaw data għat-testijiet ta’ ammissjoni tal-kompetizzjoni kontenzjuża, 140 biss setgħu jiġu mistiedna sabiex jippreżentaw kandidatura sħiħa fid-dawl tal-ammissjoni tagħhom għat-tieni fażi tal-kompetizzjoni. Fil-punt 62 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għamel riferiment, mingħajr ma dan ġie kkontestat speċifikament mill-Kummissjoni, għan-natura komparattiva tat-testijiet tal-ewwel fażi, li hija inerenti għall-kunċett stess ta’ kompetizzjoni, sa fejn ma kienx biżżejjed li kandidat jikseb il-marka meħtieġa sabiex jgħaddi mit-testijiet inkwistjoni iżda, sabiex ikun jista’ jgħaddi għat-tieni fażi tal-kompetizzjoni, kien meħtieġ li dan il-kandidat jiġi fost numru ddeterminat minn qabel ta’ kandidati li jkunu kisbu l-aħjar marki fit-testijiet ta’ ammissjoni. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku seta’ jikkonkludi, ġustament, li l-ewwel fażi msemmija kellha n-natura ta’ kompetizzjoni. Għalhekk, din il-fażi ma kinitx biss element formali tal-proċedura ta’ kompetizzjoni inkwistjoni iżda kellha wkoll in-natura ta’ kompetizzjoni.

35      Fir-rigward, it-tielet nett, tad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla fir-rigward tar-reklutaġġ tal-uffiċjali, il-Kummissjoni ssostni li l-Awtorità tal-Ħatra minn dejjem kienet kompetenti, skont l-Artikolu 1 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li tiddetermina l-kontenut tal-eżamijiet ta’ preselezzjoni u li l-ħolqien tal-EPSO kellu biss il-konsegwenza li jgħaddi din il-kompetenza partikolari lil dan tal-aħħar.

36      F’dan id-dawl, għandu jiġi eżaminat jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaqx żball ta’ liġi meta, fil-punti 51 sa 55 tas-sentenza appellata, evalwa d-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla fir-rigward tar-reklutaġġ tal-uffiċjali.

37      Fil-punt 51 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li kienet l-Awtorità tal-Ħatra, kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-Artikolu 4 tal-istess anness, li kellha, minn naħa, tistabbilixxi l-avviż ta’ kompetizzjoni, u dan wara li tikkonsulta lill-Kumitat Konġunt, u, min-naħa l-oħra, tistabbilixxi l-lista tal-kandidati li jissodisfaw l-ewwel tliet kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex ikunu jistgħu jinħatru bħala uffiċjali, jiġifieri l-kundizzjoni relatata maċ-ċittadinanza ta’ wieħed mill-Istati Membri kif ukoll dawk dwar il-pożizzjoni fir-rigward tal-liġijiet dwar is-servizz militari u dwar ir-referenzi ta’ karattru xieraq għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet.

38      Fil-punt 52 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li, ladarba din il-lista tintbagħat mill-Awtorità tal-Ħatra lill-president tal-Bord tal-Għażla, ikun imbagħad il-Bord tal-Għażla stess, kif huwa indikat fl-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li għandu, l-ewwel nett, jiddetermina l-lista tal-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-avviż ta’ kompetizzjoni, it-tieni nett, jipproċedi bl-eżamijiet u, it-tielet nett, jistabbilixxi l-lista tal-kandidati xierqa u jibgħatha lill-Awtorità tal-Ħatra.

39      Fil-punti 53 sa 55 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku enfasizza li, fid-dawl ta’ dan ir-rwol kruċjali fdat lill-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, il-leġiżlatur ippreveda numru ta’ garanziji kemm fir-rigward tat-twaqqif u tal-kompożizzjoni tiegħu kif ukoll fir-rigward tal-funzjonament tiegħu. F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għamel riferiment, b’mod partikolari, għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal li jipprovdi li, għal kull kompetizzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra għandha taħtar Bord tal-Għażla, li jistabbilixxi l-lista tal-kandidati xierqa.

40      Skont il-Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi sa fejn, fl-evalwazzjoni tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla, la ħa inkunsiderazzjoni l-Artikolu 1(1)(b) u (e) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas ma ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li dan l-anness ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tipprojbixxi lill-Awtorità tal-Ħatra milli tiddetermina l-kontenut tal-eżamijiet ta’ preselezzjoni.

41      Fir-rigward tal-Artikolu 1(1)(b) u (e) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Personal, li jipprovdi li l-Awtorità tal-Ħatra għandha tispeċifika, fl-avviż ta’ kompetizzjoni, il-modalitajiet tal-kompetizzjoni (kompetizzjoni fuq il-bażi ta’ kwalifiki, fuq il-bażi ta’ eżamijiet jew fuq il-bażi ta’ kwalifiki u eżamijiet) u, fil-każ ta’ kompetizzjoni fuq il-bażi ta’ eżamijiet, in-natura tal-eżamijiet u kif ser ikunu mmarkati, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jsemmu ebda kompetenza tal-Awtorità tal-Ħatra dwar l-għażla u l-evalwazzjoni tas-suġġetti tad-domandi magħmula fil-kuntest ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, sa fejn il-modalitajiet ta’ kompetizzjoni skont l-Artikolu 1(1)(b) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal huma kompetizzjonijiet fuq il-bażi ta’ kwalifiki, fuq il-bażi ta’ eżamijiet jew fuq il-bażi ta’ kwalifiki u eżamijiet, din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax id-determinazzjoni tal-kontenut tal-eżamijiet. Fir-rigward tal-Artikolu 1(1)(e) tal-istess anness, għandu jiġi osservat li, għalkemm id-determinazzjoni tal-marka meħtieġa sabiex wieħed jgħaddi mill-eżamijiet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett tat-“tip [tal-eżamijiet] u kif ikunu mmarkati”, dan ma jistax jingħad fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kontenut tad-domandi li għandhom isiru fil-kuntest ta’ kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-5 ta’ Marzu 2003, Staelen vs Il-Parlament, T‑24/01, ĠabraSP p. I‑A‑79 u II‑423, punt 51).

42      Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li l-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tipprojbixxi lill-Awtorità tal-Ħatra milli tiddetermina l-kontenut tal-eżamijiet ta’ preselezzjoni, għandu jiġi osservat li dan l-anness ma jipprevedix b’mod espliċitu min għandu jiddetermina l-kontenut tal-eżamijiet ta’ preselezzjoni u min għandu jissorvelja din il-fażi tal-kompetizzjoni. Tali kompetenza la hija b’mod espliċitu attribwita lill-Awtorità tal-Ħatra u lanqas lill-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni.

43      Madankollu, sabiex jevalwa t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla f’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrefera, ġustament, għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal u għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu rispettivament li huwa l-Bord tal-Għażla li għandu jistabbilixxi l-lista tal-kandidati xierqa u li għandu jiddetermina l-lista tal-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-avviż ta’ kompetizzjoni. Fid-dawl ta’ dawn il-kompetenzi, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku seta’ jikkunsidra, ġustament, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Għażla għandu rwol kruċjali matul l-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni.

44      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-argument tal-Kummissjoni li l-Awtorità tal-Ħatra minn dejjem kienet kompetenti sabiex tiddetermina l-kontenut tal-eżamijiet ta’ preselezzjoni, għandu jiġi osservat li, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra, ġustament, li, skont is-sistema legali li kienet fis-seħħ qabel il-ħolqien tal-EPSO, l-iżvolġiment tat-testijiet ta’ preselezzjoni, analogi għat-testijiet ta’ ammissjoni f’din il-kawża, kien jaqa’ fir-responsabbiltà esklużiva tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, minn ġurisprudenza ferm stabbilita jirriżulta li, qabel il-ħolqien tal-EPSO permezz tad-Deċiżjoni 2002/620, filwaqt li l-Awtorità tal-Ħatra kellha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet u tal-modalitajiet tal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni, il-Bord tal-Għażla kellu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-modalitajiet u tal-kontenut iddettaljat tal-eżamijiet previsti fil-kuntest ta’ kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Stalen vs Il-Parlament, iċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, punt 51; Falcone vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, punti 31 u 38, u tal-14 ta’ Lulju 2005, Le Voci vs Il-Kunsill, T‑371/03, ĠabraSP p. I‑A‑209 u II‑957, punt 41). Qabel il-ħolqien tal-EPSO, il-Bord tal-Għażla kien ukoll kompetenti li jissorvelja eventwali fażi inizjali ta’ preselezzjoni tal-kandidati organizzata mill-Awtorità tal-Ħatra (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2003, Alexandratos u Panagiotou vs Il-Kunsill, T‑233/02, ĠabraSP p. I‑A‑201 u II‑989, punt 26, u Falcone vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, punt 39). Dan l-argument tal-Kummissjoni għandu għalhekk jiġi miċħud.

45      Minn dan isegwi li, meta evalwa, fil-punti 51 sa 55 tas-sentenza appellata, it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla fir-rigward tar-reklutaġġ tal-uffiċjali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma wettaqx żball ta’ liġi. L-argumenti tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

46      Fir-rigward, ir-raba’ nett, tal-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, magħmula fil-punti 56 sa 58 tas-sentenza appellata, fis-sens li dan it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla ma kienx affettwat mill-ħolqien fl-2002 tal-EPSO, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrefera għall-Artikolu 7 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll għad-Deċiżjonijiet 2002/620 u 2002/621.

47      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 7 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li minn din id-dispożizzjoni kien jirriżulta li, fir-rigward tal-iżvolġiment tal-kompetizzjonijiet għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali, il-kompiti tal-EPSO huma essenzjalment ta’ natura organizzattiva. Barra minn hekk, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku osserva li, fl-Artikolu 7 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, ma kien hemm ebda riferiment għal xi kompitu tal-EPSO li jikkonċerna d-determinazzjoni jew id-definizzjoni “tal-kontenut tal-eżamijiet” fir-rigward tal-kompetizzjonijiet għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali. Għall-kuntrarju, skont it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dan l-istess Artikolu 7 jagħti b’mod espliċitu lill-EPSO tali kompiti b’mod partikolari fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-uffiċjali, fl-Artikolu 7(2)(ċ), jew fir-rigward tal-għażla tal-membri tal-persunal temporanju u bil-kuntratt, fl-Artikolu 7(4). Skont it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, din l-assenza ta’ riferiment tikkonferma li la l-għażla u lanqas l-evalwazzjoni tas-suġġetti tad-domandi magħmula fil-kuntest ta’ kompetizzjoni ma jaqgħu fil-kompetenza tal-EPSO.

48      Il-Kummissjoni ssostni, f’dan ir-rigward, li l-funzjoni tal-EPSO, skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li jiżgura l-applikazzjoni ta’ standards uniformi fil-proċeduri ta’ selezzjoni tal-uffiċjali tista’ titwettaq biss jekk l-EPSO jkollu rwol fid-determinazzjoni tal-kontenut tal-eżamijiet. Issa, id-diversi kompiti tal-EPSO huma ddefiniti b’mod espliċitu fl-Artikolu 7(2) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalkemm huwa minnu li dawn il-kompiti għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-funzjoni tal-EPSO kif prevista fl-imsemmi Artikolu 7(1), id-definizzjoni tal-funzjoni bħala tali ma tistax tattribwixxi lill-EPSO kompetenzi ġodda. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li din il-funzjoni tal-EPSO tikkonċerna d-determinazzjoni, b’mod ġenerali, tal-proċeduri ta’ selezzjoni tal-uffiċjali u mhux id-determinazzjoni tal-kontenut tal-eżamijiet ta’ kompetizzjonijiet speċifiċi.

49      Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li, għalkemm il-leġiżlatur ma jindikax b’mod espliċitu, fl-Artikolu 7 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kompetenza tal-EPSO li jiddetermina l-kontenut tal-eżamijiet għall-kompetizzjonijiet intiżi għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali, għall-kuntrarju ta’ dak li jagħmel fir-rigward tar-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal temporanju u bil-kuntratt u fir-rigward tal-proċedura li tikkonċerna l-iżvilupp tal-karriera tal-uffiċjali fil-gradi AST, dan huwa dovut għall-fatt li l-leġiżlatur ikkunsidra tali indikazzjoni bħala inutli minħabba li din il-kompetenza kienet diġà teżisti fil-kuntest tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi osservat li mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 35 sa 45 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Awtorità tal-Ħatra ma kellhiex tali kompetenza. Mill-kunsiderazzjoni magħmula fil-punt 44 iktar ’il fuq jirriżulta, b’mod partikolari, li, skont is-sistema legali fis-seħħ qabel il-ħolqien tal-EPSO, l-iżvolġiment tat-testijiet ta’ preselezzjoni kien jaqa’ fir-responsabbiltà esklużiva tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni. Għalhekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku seta’ jikkunsidra, ġustament, li l-fatt li fl-Artikolu 7 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal ma kien hemm ebda riferiment għal xi kompitu tal-EPSO li jikkonċerna d-determinazzjoni jew id-definizzjoni “tal-kontenut tal-eżamijiet” fir-rigward tal-kompetizzjonijiet għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali jikkonferma l-konklużjoni tiegħu li la l-għażla u lanqas l-evalwazzjoni tas-suġġetti tad-domandi magħmula fil-kuntest ta’ kompetizzjoni ma kienu jaqgħu fil-kompetenza tal-EPSO.

50      Fir-rigward, fit-tieni lok, tad-Deċiżjonijiet 2002/620 u 2002/621, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li d-Deċiżjoni 2002/620 kienet tipprovdi b’mod espliċitu, fl-Artikolu 2 tagħha, li l-EPSO għandu jeżerċita s-setgħat ta’ selezzjoni ddelegati lill-Awtoritajiet tal-Ħatra fil-kuntest ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra, fl-istess punt tas-sentenza appellata, li l-konstatazzjoni li l-kompiti tal-EPSO huma essenzjalment ta’ natura organizzattiva ma kinitx kontradetta mid-dispożizzjonijiet speċifiċi li jinsabu fid-Deċiżjonijiet 2002/620 u 2002/621, minkejja li dawn id-deċiżjonijiet xi drabi jinkludu formulazzjonijiet li jistgħu jqarrqu b’dak li jkun, bħal dik fejn jingħad li l-EPSO “jfassal listi ta’ riserva [listi ta’ kandidati xierqa]”, u li jagħtu x’jinftiehem li l-EPSO għandu l-kompetenza li jiddetermina liema kandidati għandhom ikunu inklużi f’din il-lista, u dan peress li fi kwalunkwe każ id-deċiżjonijiet inkwistjoni għandhom grad ġerarkiku inferjuri għal dak tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.

51      Skont il-Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi sa fejn ma ħax inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet imsemmija minħabba l-allegata ġerarkija tan-normi. Sa fejn il-kompetenza fir-rigward tal-istabbiliment tad-domandi fil-kuntest ta’ kompetizzjoni ma ġietx irriżervata esklużivament għall-Bord tal-Għażla, il-Kummissjoni ssostni, filwaqt li tirreferi għall-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Deċiżjoni 2002/621, li l-EPSO għandu l-kompetenza li jiddetermina l-kontenut ta’ dawn id-domandi.

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra, ġustament, li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2002/620, l-EPSO għandu jeżerċita s-setgħat ta’ selezzjoni ddelagati lill-Awtoritajiet tal-Ħatra fil-kuntest ta’ kompetizzjoni. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kompetenzi tal-Awtorità tal-Ħatra taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal u taħt l-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal ġew ittrasferiti lill-EPSO. Sa fejn diġà ġie kkonstatat li, meta evalwa t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla fir-rigward tar-reklutaġġ ta’ uffiċjali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma wettaqx żball ta’ liġi, dan tal-aħħar seta’ ġustament jasal għall-konklużjoni, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li la l-għażla u lanqas l-evalwazzjoni tas-suġġetti tad-domandi magħmula fil-kuntest ta’ kompetizzjoni ma jaqgħu fil-kompetenza tal-EPSO.

53      Fir-rigward tad-Deċiżjoni 2002/621, għandu jiġi osservat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra, ġustament, li din kellha grad ġerarkiku inferjuri għal dak tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal. B’mod partikolari, peress li d-Deċiżjoni 2002/621 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2002/620, hija għandha wkoll grad ġerarkiku inferjuri għal dak ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar. Minn dan il-grad ġerarkiku, li għandu jiġi osservat skont il-prinċipju ta’ legalità, jirriżulta li d-Deċiżjoni 2002/621 ma tistax tiġi interpretata b’mod li jmur kontra r-Regolamenti tal-Persunal u d-Deċiżjoni 2002/620. Madankollu, id-Deċiżjoni 2002/621 tista’ tkun element li permezz tiegħu jkunu jistgħu jiġu interpretati r-Regolamenti tal-Persunal u d-Deċiżjoni 2002/620 fil-proċess ta’ applikazzjoni tagħhom.

54      Fir-rigward tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Deċiżjoni 2002/621, li skont il-Kummissjoni jipprovdi li l-EPSO għandu l-kompetenza li jiddetermina l-kontenut tad-domandi inkwistjoni, dan jipprovdi li wieħed mill-kompiti tal-EPSO huwa li jiżviluppa metodi u teknika ta’ selezzjoni fuq il-bażi tal-aħjar prassi u skont il-profili ta’ abbiltà kif rikjesti fir-rigward tad-diversi kategoriji ta’ persunal tal-istituzzjonijiet. Issa, mit-termini ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li l-EPSO għandu l-kompetenza allegata. Fil-kuntest tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2002/621, li tipprovdi li l-EPSO għandu jorganizza kompetizzjonijiet ġenerali bil-għan li jiġu ggarantiti lill-istituzzjonijiet is-servizzi ta’ uffiċjali fl-aħjar kundizzjonijiet professjonali u finanzjarji, l-Artikolu 1(2)(ċ) tal-istess deċiżjoni jagħti lill-EPSO r-rwol li jassisti lill-Bord tal-Għażla fl-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni billi jiżviluppa l-metodi u t-teknika ta’ selezzjoni. F’dan il-każ, għalhekk, ma tqumx il-kwistjoni ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Deċiżjoni 2002/621 b’mod li jmur kontra r-Regolamenti tal-Persunal jew id-Deċiżjoni 2002/620, li lanqas ma jagħtu lill-EPSO l-kompetenza allegata.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma wettaqx żball ta’ liġi meta kkunsidra, fil-punti 56 sa 58 tas-sentenza appellata, li l-ħolqien tal-EPSO u, b’mod partikolari, l-Artikolu 7 tal-Anness III tar-Regolament tal-Persunal kif ukoll id-Deċiżjonijiet 2002/620 u 2002/621, ma kinux affettwaw it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla. L-argumenti tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

56      Sa fejn il-Kummissjoni tikkontesta l-kunsiderazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li tinsab fil-punt 71 tas-sentenza appellata, fis-sens li l-volum addizzjonali ta’ xogħol li jimplikaw għal Bord tal-Għażla s-sorveljanza u s-superviżjoni tat-testijiet ta’ ammissjoni tal-fażi preliminari, anki jekk ikun biss numru limitat ta’ kandidati li jkollhom aċċess għal dawn l-eżamijiet, huwa biss parti żgħira ħafna meta mqabbel mal-volum kbir ta’ xogħol meħtieġ għall-eżamijiet bil-miktub u orali, għandu jiġi osservat li din il-kunsiderazzjoni saret għal finijiet ta’ kompletezza u li għalhekk ma tistax twassal għall-annullament tas-sentenza appellata. Dan l-ilment huwa għalhekk ineffettiv u għandu jiġi miċħud.

57      Fl-aħħar nett, sa fejn il-partijiet ma jaqblux dwar il-legalità tal-għażla ta’ kokontraenti esterna inkarigata mill-EPSO sabiex torganizza u timplementa l-fażi preliminari tal-kompetizzjoni, għandu jiġi osservat li s-sentenza appellata ma fiha ebda kunsiderazzjoni min-naħa tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fir-rigward tal-legalità ta’ tali għażla, lanqas għal finijiet ta’ kompletezza. Issa, skont l-Artikolu 11(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell quddiem il-Qorti Ġenerali għandu jkun limitat għal punti ta’ liġi. Dan l-appell jista’ jkun ibbażat fuq aggravji msejsa fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fuq irregolaritajiet proċedurali quddiem dan tal-aħħar li jippreġudikaw l-interessi tal-parti kkonċernata, kif ukoll fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li l-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni dwar l-imsemmija għażla ta’ kokontraenti esterna.

58      Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma wettaqx żball ta’ liġi meta kkonkluda li D. Pachtitis kien ġie eskluż mit-tieni fażi tal-kompetizzjoni fi tmiem proċedura mmexxija minn awtorità li ma kellhiex kompetenza u permezz ta’ deċiżjoni meħuda minn din l-istess awtorità. L-argumenti tal-Kummissjoni għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

59      Minn dak kollu li għadu kemm intqal, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

60      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 148 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun infondat, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

61      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(2) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 144 ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

62      Peress li l-Kummissjoni tilfet u peress li D. Pachtitis talab li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta’ D. Pachtitis fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk ta’ Dimitrios Pachtitis fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Jaeger

Forwood

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Diċembru 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.