Language of document : ECLI:EU:C:2023:813

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

26 ta’ Ottubru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(ċ) – Provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas – Kunċett – Attivitajiet ta’ organu pubbliku tar-radju u tat-televiżjoni ffinanzjati minn miżata obbligatorja mħallsa mid-detenturi ta’ riċevitur tar-radju u tat-televiżjoni li jinsabu fiż-żona ta’ xandir terrestri – Artikolu 378(1) u l-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X – Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija – Deroga – Kamp ta’ applikazzjoni”

Fil-Kawża C‑249/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Marzu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ April 2022, fil-kawża

BM

vs

Gebühren Info Service GmbH (GIS),

fil-preżenza ta’:

Bundesministerium für Finanzen,

Österreichischer Rundfunk,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, F. Biltgen, M. Ilešič, I. Jarukaitis u D. Gratsias (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Frar 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal BM, minn F. List, Rechtsanwältin, u W. List, Rechtsanwalt,

–        għal Gebühren Info Service GmbH (GIS), minn S. Lenzhofer, Rechtsanwalt,

–        għall-Österreichischer Rundfunk, minn T. Wenger u H. Wollmann, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, F. Koppensteiner u B. Kuder, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. F. Kronborg u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u B. Martenczuk, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Mejju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ) u tal-Artikolu 378(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), moqri flimkien mal-Artikolu 151(1) u mat-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Iżvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 21, u ĠU 1995, L 1, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn BM u Gebühren Info Service GmbH (GIS), dwar talba ta’ BM intiża għar-rimbors, minn GIS, tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq il-miżata tal-programmi għall-perijodu mill‑1 ta’ Ottubru 2013 sal‑31 ta’ Ottubru 2018.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 LAtt ta’ Adeżjoni

3        L-Artikolu 151(1) tal-Att ta’ Adeżjoni jipprovdi:

“L-atti indikati fil-lista tal-Anness XV ta’ dan l-att għandhom japplikaw fir-rigward tal-Istati Membri l-ġodda taħt il-kundizzjonijiet previsti f’dak l-anness.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        L-Anness XV tal-Att ta’ Adeżjoni jinkludi Parti IX, intitolata “Tassazzjoni”, li l-punt 2 tagħha huwa fformulat kif ġej:

377 L 0388: Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas‑17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif l-aħħar emendata bi:

–        — 394 L 0005: Id-Direttiva tal-Kunsill 94/5/KEE ta’ l‑14 ta’ Frar 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 255).

L-Awstrija

[...]

(h)      Għall-finijiet tal-Artikolu 28(3)(a), ir-Repubblika tal-Awstrija tista’ tintaxxa:

–        [...]

–        it-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt 7 tal-Anness E.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 IdDirettiva dwar ilVAT

5        Id-Direttiva 77/388 (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva” tħassret bis-saħħa tal-Artikolu 411(1) tad-Direttiva dwar il-VAT. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, ir-riferimenti għas-Sitt Direttiva għandhom jitqiesu bħala riferimenti għad-Direttiva dwar il-VAT u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness XII ta’ din id-direttiva.

6        L-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi s-sistema komuni ta’ [VAT].”

7        Skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tal-istess direttiva, huma suġġetti għall-VAT il-provvisti ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

8        Skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness XII tad-Direttiva dwar il-VAT, l-Artikolu 132(1)(q) ta’ din id-direttiva jikkorrispondi għall-Artikolu 13(A)(1)(q) tas-Sitt Direttiva. Dan jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jeżentaw “l-attivitajiet, għajr dawk ta’ natura kummerċjali, imwettqa minn korpi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni”.

9        L-Artikolu 370 tal-imsemmija direttiva, li jikkorrispondi għall-Artikolu 28(3)(a) tas-Sitt Direttiva, jipprovdi:

“L-Istati Membri li, fl‑1 ta’ Jannar 1978, kienu jintaxxaw it-transazzjonjiet elenkati fl-Anness X, Parti A, jistgħu jkomplu jintaxxaw dawk it-transazzjonijiet.”

10      L-Artikolu 378(1) tal-istess direttiva, li jikkorrispondi għat-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV tal-Att ta’ Adeżjoni, jipprevedi:

“L-Awstrija tista’ tkompli tintaxxa t-transazzjonijiet elenkati fil-punt (2) ta’ l-Anness X, il-Parti A.”

11      Il-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X tad-Direttiva dwar il-VAT isemmi “l-attivitajiet ta’ korpi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni minbarra dawk ta’ natura kummerċjali”. Dawn l-attivitajiet kienu preċedentement imsemmija fil-punt 7 tal-Anness E tas-Sitt Direttiva.

 Iddritt Awstrijak

 IrRGG

12      Skont l-Artikolu 2(1) tal-Bundesgesetz betreffend die Einhebung von Rundfunkgebühren (il-Liġi Federali dwar il-Miżata tax-Xandir, BGBl. I, 159/1999), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“RGG”), kull persuna li tuża ġewwa bini apparat riċevitur tax-xandir għandha tħallas il-miżata prevista fl-Artikolu 3 tar-RGG (iktar ’il quddiem il-“miżata tax-xandir”). Il-fatt li wieħed ikollu fil-pussess tiegħu apparat riċevitur tax-xandir jitqies daqslikieku qiegħed juża tali apparat.

13      L-Artikolu 4(1) tar-RGG jipprevedi li l-irkupru tal-miżata tax-xandir u ta’ kull taxxa u kull remunerazzjoni oħra marbuta mal-miżata huwa r-responsabbiltà ta’ GIS, li hija wkoll kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal eżenzjoni f’dan ir-rigward.

 LORFG

14      Bis-saħħa tal-Artikolu 1(1) tagħha, il-Bundesgesetz über den Österreichischen Rundfunk (il-Liġi Federali dwar l-Österreichischer Rundfunk, BGBl. 379/1984), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-kawża prinċipali (BGBl. I, 55/2014) (iktar ’il quddiem l-“ORF‑G”), stabbilixxiet fondazzjoni ta’ dritt pubbliku bl-isem ta’ “Österreichischer Rundfunk (ORF)”.

15      L-Artikolu 31 tal-ORF‑G, intitolat “Miżata tal-programmi”, jipprovdi, fil-paragrafi 1, 10 u 17 tiegħu:

“(1)      Kull persuna għandha d-dritt li tirċievi x-xandiriet radjofoniċi jew televiżivi mill-[ORF] bħala korrispettiv għal miżata ta’ programmi ta’ natura kontinwa (miżata tar-radju, miżata tat-televiżjoni). L-ammont tal-miżata tal-programmi għandu jiġi stabbilit mill-bord ta’ tmexxija tal-fondazzjoni fuq talba tad-direttur ġenerali. [...]

[...]

(10)      Il-miżata tal-programmi hija dovuta irrispettivament mill-frekwenza u mill-kwalità tax-xandiriet jew tar-riċezzjoni tagħhom, kemm‑il darba il-post ta’ riċezzjoni tal-utent (Artikolu 2(1) tar-RGG) ikun jinsab f’żona koperta mix-xandir terrestri (analoġiku jew DVB‑T) tal-programmi tal-[ORF] [...]. Il-bidu u t-tmiem tal-obbligu li titħallas il-miżata tal-programmi, kif ukoll l-eżenzjoni minn dan l-obbligu, huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni federali li japplikaw għall-miżati tax-xandir.

[...]

(17)      Il-miżata ta’ programmi għandha tinġabar flimkien mal-miżata tax-xandir, u bl-istess mod bħalma tinġabar din tal-aħħar; ebda mod ieħor ta’ ħlas ma jħallas id-dejn.”

 LUStG

16      L-Artikolu 1 tal-Bundesgesetz über die Besteuerung der Umsätze (il-Liġi Federali dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ, BGBl. 663/1994), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UStG 1994”), jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“It-tranżazzjonijiet li ġejjin huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ:

1.      il-kunsinni u servizzi oħra mwettqa bi ħlas fit-territorju nazzjonali minn imprenditur fil-kuntest tan-negozju tiegħu. It-tranżazzjoni li titwettaq abbażi ta’ att leġiżlattiv jew amministrattiv, jew li titqies li twettqet skont dispożizzjoni leġiżlattiva, xorta tibqa’ taxxabbli;

[...]”

17      L-Artikolu 10 tal-UStG 1994, intitolat “Rata ta’ tassazzjoni”, jipprovdi:

“(1)      Ir-rata tat-taxxa hija ta’ 20 % tal-bażi tat-taxxa għal kull tranżazzjoni taxxabbli (Artikoli 4 u 5).

(2)      Ir-rata tat-taxxa hija mnaqqsa għal 10 % fir-rigward ta’

[...]

5.       il-provvisti tal-impriżi tax-xandir, sa fejn dawn jagħtu lok għall-ġbir ta’ miżati tar-radju u tat-televiżjoni, kif ukoll il-provvisti l-oħra ta’ impriżi tat-televiżjoni bil-cable, sa fejn dawn jikkonsistu fix-xandir simultanju, sħiħ u mhux mibdul ta’ programmi tar-radju u tat-televiżjoni nazzjonali u barranin, li jsiru aċċessibbli għall-pubbliku permezz ta’ kanali, bħala korrispettiv ta’ remunerazzjoni li għandha titħallas fuq bażi kontinwa;

[...]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

18      BM hija rreġistrata ma’ GIS bħala utent ta’ servizzi tax-xandir, f’żona koperta mix-xandir diġitali terrestri tal-programmi tal-ORF, li r-riċezzjoni tagħhom hija possibbli permezz ta’ antenna interna.

19      Fit‑23 ta’ Ottubru 2018, BM talbet lil GIS tagħraf, permezz ta’ deċiżjoni, id-dritt tagħha għar-rimbors tal-ammont totali ta’ EUR 100.57, li jikkorrispondi għall-VAT imħallsa fuq il-miżata tal-programmi li hija kellha tħallas skont l-Artikolu 31(1) tal-ORF‑G, għall-perijodu mill‑1 ta’ Ottubru 2013 sal‑31 ta’ Ottubru 2018. Insostenn tat-talba tagħha, BM sostniet, essenzjalment, li l-fatt li l-miżata tal-programmi ġiet issuġġettata għall-VAT kien imur kontra d-Direttiva dwar il-VAT, moqrija fid-dawl tas-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas (C‑11/15, EU:C:2016:470).

20      GIS adottat deċiżjoni li biha ċaħdet it-talba ta’ BM. Din tal-aħħar ressqet azzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), li ġie miċħud. BM ippreżentat appell għal “reviżjoni” minn din is-sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) quddiem il-qorti tar-rinviju.

21      Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-ġbir tal-miżata tax-xandir u tal-miżata tal-programmi huwa r-responsabbiltà ta’ GIS. Madankollu, filwaqt li l-ewwel waħda hija dovuta minn kull utent li juża jew li għandu apparat riċevitur tax-xandir operattiv, bħal sett tat-televiżjoni jew radju, irrispettivament mill-post ta’ riċezzjoni, it-tieni waħda, li hija l-unika waħda li hija suġġetta għall-VAT, hija dovuta biss jekk il-post ta’ riċezzjoni jkun jinsab f’żona koperta mix-xandir terrestri tal-programmi tal-ORF.

22      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, f’sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2008, hija kienet iddeċidiet li l-miżata tal-programmi kienet dovuta biss jekk il-persuna kkonċernata kellha apparat li kien jippermettilha li effettivament tirċievi l-programmi tal-ORF. Issa, fl‑2011, wara din is-sentenza, l-Artikolu 31(10) tal-ORF‑G ġie emendat biż-żieda tal-kliem “kemm‑il darba l-post tar-riċezzjoni tal-utent (Artikolu 2(1) tar-RGG) ikun jinsab f’żona koperta mix-xandir terrestri (analoġiku jew DVB-T) tal-programmi tal-[ORF]”. Mill-ispjegazzjoni tar-raġunijiet ta’ din l-emenda jirriżulta li ż-żamma ta’ apparat tekniku konkret li jippermetti li wieħed jirċievi programmi tal-ORF, wara adattament minuri, fejn meħtieġ, bħall-akkwist ta’ apparat ta’ riċezzjoni (receiver modulator) ta’ xandiriet tat-televiżjoni diġitali, hija determinanti għall-obbligu li titħallas il-miżata tal-programmi. Mill-banda l-oħra, meta r-riċezzjoni tal-programmi tal-ORF tista’ titwettaq biss permezz ta’ miżuri kumplessi jew li jiswew ħafna flus, ma jkun hemm ebda obbligu li titħallas din il-miżata. B’hekk huwa possibbli li meta utent ikollu sett tat-televiżjoni jew tar-radju li ma jkunx jinsab f’żona ta’ riċezzjoni terrestri tal-programmi tal-ORF, huwa jkun obbligat iħallas biss il-miżata tax-xandir.

23      Il-qorti tar-rinviju tqis li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma differenti minn dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas, (C‑11/15, EU:C:2016:470). Minn naħa, fid-dritt Awstrijak, teżisti, bis-saħħa ta’ finzjoni legali, relazzjoni kuntrattwali rregolata mid-dritt ċivili bejn l-utent u l-ORF.

24      Min-naħa l-oħra, il-programmi tal-ORF huma encrypted u r-riċezzjoni tagħhom teħtieġ apparat ta’ riċezzjoni konformi mal-istandards tat-televiżjoni diġitali (DVB‑T, DVB‑S jew DVB‑C), jew il-konklużjoni ta’ kuntratt ma’ operatur tat-televiżjoni bil-cable li joffri programmi tal-ORF fil-pakkett tiegħu. Jista’ jitqies għalhekk li, bl-akkwist ta’ tali apparat jew bil-konklużjoni ta’ tali kuntratt, l-utent jesprimi l-intenzjoni tiegħu li juża d-dritt tiegħu li jirċievi l-programmi tal-ORF u tinħoloq, b’hekk, relazzjoni legali bejnu u l-ORF. Filwaqt li tibbaża ruħha, b’analoġija, fuq is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2002, Kennemer Golf (C‑174/00, EU:C:2002:200), il-qorti tar-rinviju tqis li l-frekwenza li biha l-utent effettivament jara jew jisma’ l-programmi tal-ORF ma hijiex, f’dan ir-rigward, rilevanti.

25      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tispjega li d-dritt fiskali Awstrijak kien diġà jipprevedi, qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija mal-Unjoni Ewropea, il-ġbir tal-VAT b’rata mnaqqsa fuq il-provvisti tal-impriżi tax-xandir, sa fejn dawn jagħtu lok għall-ġbir ta’ miżati tar-radju u tat-televiżjoni. Skont il-qorti tar-rinviju, mid-dokumenti dwar in-negozjati tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija mal-Unjoni jirriżulta li l-għan tad-deroga mogħtija lir-Repubblika tal-Awstrija skont il-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV tal-Att ta’ Adeżjoni kien li tawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija żżomm din it-taxxa wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni.

26      Huwa għalhekk li l-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Fid-dawl tad-dispożizzjoni tad-dritt primarju tal-Artikolu 151(1) moqrija flimkien mat-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt h, Nru 2, tal-Parti IX tal-Anness XV tal-[Att ta’ Adeżjoni], ħlas bħall-‘Programmentgelt’ (il-miżata tal-programmi) tal-[ORF], li x-xandar tas-servizz pubbliku nnifsu jistabbilixxi sabiex jiffinanzja l-operat tiegħu, għandu jitqies ħlas fis-sens tal-Artikolu 2 moqri flimkien mal-Artikolu 378(1) tad-[Direttiva dwar il-VAT]?

(2)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-‘Programmentgelt’ tal-ORF hemm imsemmija għandha wkoll titqies ħlas fis-sens tad-[Direttiva dwar il-VAT] sa fejn din għandha titħallas minn persuni li, għalkemm joperaw riċevitur tax-xandir f’bini li huwa pprovdut mill-ORF bil-programmi terrestri tagħha, ma jistgħux jirċievu dawn il-programmi tal-ORF minħabba li ma għandhomx l-apparat ta’ riċezzjoni neċessarju?”

 Fuq iddomandi preliminari

27      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. B’dan premess, huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Volkswagen Group Italia u Volkswagen Aktiengesellschaft, C‑27/22, EU:C:2023:663, punt 79, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan il-każ, il-kawża prinċipali toriġina minn talba lill-GIS għar-rimbors tal-VAT fuq il-miżata tal-programmi tal-ORF li allegatament tħallset bi ksur tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar speċifiku, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT. Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, filwaqt li, fil-formulazzjoni tad-domandi magħmula, il-qorti tar-rinviju tiffoka b’mod speċifiku fuq il-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas”, liema kunċett huwa previst b’mod espliċitu fl-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT u mhux fl-Artikolu 378(1) tagħha, din il-qorti tfittex, finalment, b’mod iktar ġenerali, li tikseb risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-VAT hekk imħallsa mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari fid-dawl tad-deroga prevista f’dan l-Artikolu 378(1), li tippermetti lir-Repubblika tal-Awstrija tkompli tintaxxa ċerti tranżazzjonijiet.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(ċ) u l-Artikolu 378(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, moqrija flimkien mal-Artikolu 151(1) u mat-tieni inċiż tal-punt 2(h) tal-ewwel subparagrafu tal-Anness XV tal-Att ta’ Adeżjoni, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jżommu lir-Repubblika tal-Awstrija milli tissuġġetta għall-VAT attività ta’ xandir pubbliku, iffinanzjata minn miżata legali obbligatorja u mħallsa minn kull persuna li tuża apparat riċevitur tax-xandir ġewwa bini li jinsab f’żona koperta mix-xandir terrestri tal-korp pubbliku tax-xandir ikkonċernat.

30      Qabelxejn, għandu jitfakkar li d-Direttiva dwar il-VAT tistabbilixxi sistema komuni tal-VAT ibbażata, b’mod partikolari, fuq definizzjoni uniformi tat-tranżazzjonijiet taxxabbli (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2018, Gmina Wrocław, C‑665/16, EU:C:2017:431, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      B’hekk, skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, li jaqa’ taħt it-Titolu I ta’ din id-direttiva, bl-isem “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, huma suġġetti għall-VAT il-provvisti ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

32      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li t-tranżazzjonijiet taxxabbli jippreżupponu l-eżistenza ta’ tranżazzjoni bejn il-partijiet li tistipula prezz jew korrispettiv. B’hekk, meta l-attività ta’ fornitur tikkonsisti esklużivament fil-provvista ta’ servizzi mingħajr kontroparti dirett, ma jkunx hemm bażi tat-taxxa u għalhekk dawn is-servizzi ma jkunux suġġetti għall-VAT (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas, C‑11/15, EU:C:2016:470, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Minn dan jirriżulta li provvista ta’ servizzi ssir biss “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, u għalhekk tkun taxxabbli biss jekk teżisti bejn il-fornitur u l-benefiċjarju relazzjoni legali li matulha jsir skambju ta’ servizzi reċiproċi, fejn ir-remunerazzjoni li jirċievi l-fornitur tikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tas-servizz ipprovdut lill-benefiċjarju. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(c), jippreżupponi l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn is-servizz ipprovdut u l-korrispettiv irċevut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas, C‑11/15, EU:C:2016:470, punti 21 u 22, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      Meta attività tiġi kklassifikata bħala tranżazzjoni mwettqa “bi ħlas”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija taqa’, f’dan ir-rigward, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT. Għall-kuntrarju, attività li ma tiġix ikklassifikata b’dan il-mod ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas (C‑11/15, EU:C:2016:470, punti 34 u 36).

35      Għalkemm l-Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi, min-naħa tiegħu, l-eżenzjoni ta’ “l-attivitajiet, għajr dawk ta’ natura kummerċjali, imwettqa minn korpi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni”, din id-dispożizzjoni tapplika biss, madankollu, bil-kundizzjoni li dawn l-attivitajiet ikunu “suġġetti għall-VAT” fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva u ma tistax tiġi interpretata b’mod li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, kif iddefinit f’dan l-Artikolu 2 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas, C‑11/15, EU:C:2016:470, punt 32).

36      Madankollu, l-Artikolu 378(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, li jirrifletti t-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV tal-Att ta’ Adeżjoni, jippermetti lir-Repubblika tal-Awstrija li tidderoga minn dawn id-dispożizzjonijiet billi tagħti l-possibbiltà lil dan l-Istat Membru jkompli jintaxxa t-tranżazzjonijiet li jinsabu fil-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X ta’ din id-direttiva, li jirrigwarda l-attivitajiet tal-korpi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni minbarra dawk ta’ natura kummerċjali.

37      Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, iż-żamma ta’ din is-sistema derogatorja tirrifletti n-natura progressiva u parzjali tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-VAT. L-armonizzazzjoni prevista għadha ma twettaqx inkwantu dispożizzjonijiet derogatorji, bħall-Artikolu 378 tad-Direttiva dwar il-VAT, jawtorizzaw lill-Istati Membri jkomplu jżommu ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom li, mingħajr dawn l-awtorizzazzjonijiet, ikunu inkompatibbli ma’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, Jetair u BTWE Travel4you, C‑599/12, EU:C:2014:144, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      B’dan premess, il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 378(1) tad-Direttiva dwar il-VAT hija mogħtija bħala deroga, skont l-Artikolu 151(1) u t-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV tal-Att ta’ Adeżjoni, kemm‑il darba jiġu osservati l-kundizzjonijiet speċifiċi għal dawn id-dispożizzjonijiet. B’hekk, għandha tiġi eżaminata il-portata ta’ din id-deroga sabiex jiġi ddeterminat jekk it-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

39      Għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti.

40      Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tkun tista’ tingħata diversi interpretazzjonijiet, għandha tingħata preferenza lil dik l-interpretazzjoni li tissalvagwardja l-effett utli tagħha (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union, C‑31/17, EU:C:2018:168, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan il-każ, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 378(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, kif jirriżulta mill-punt 36 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X ta’ din id-direttiva, tawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija “tkompli tintaxxa” l-attivitajiet tal-korpi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni minbarra dawk ta’ natura kummerċjali.

42      Għaldaqstant, skont il-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija hija awtorizzata biss li żżomm sistema ta’ tassazzjoni diġà eżistenti tal-attivitajiet imsemmija iktar ’il fuq u mhux li tintroduċi taxxa ġdida fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, Grupa Lotos, C‑225/18, EU:C:2019:349, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Sa fejn din id-dispożizzjoni ssemmi b’mod speċifiku t-tassazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet mir-Repubblika tal-Awstrija fid-data tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, il-modalitajiet ta’ din it-tassazzjoni sa minn din id-data għandhom jibqgħu essenzjalment l-istess sabiex l-imsemmija tassazzjoni tibqa’ koperta mid-deroga prevista fl-Artikolu 378(1) tad-Direttiva dwar il-VAT.

44      F’dan ir-rigward, mill-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-miżata tal-programmi ġiet emendata fl‑2011, b’tali mod li, issa, din il-miżata għandha titħallas kemm‑il darba l-post ta’ riċeviment tal-utent ikun jinsab f’żona koperta mix-xandir terrestri tal-programmi tal-ORF, anki jekk dan l-utent ma jkunx għamel l-adattament minuri meħtieġ tal-apparat tiegħu sabiex ikun jista’ jirċievi x-xandiriet tat-televiżjoni diġitali tal-ORF.

45      Issa, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din l-emenda leġiżlattiva sempliċement ħadet inkunsiderazzjoni l-innovazzjonijiet teknoloġiċi li seħħew fil-frattemp, mingħajr ma biddlet il-fatt li minnu jitnissel l-obbligu li titħallas il-miżata tal-programmi meta mqabbel ma’ kif kien fid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija mal-Unjoni.

46      Fir-rigward tal-għan imfittex mill-Artikolu 378(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, kif jirriżulta mill-Anness XII ta’ din id-direttiva, din id-dispożizzjoni hija intiża li timplimenta d-deroga mogħtija lir-Repubblika tal-Awstrija bis-saħħa tal-Artikolu 151(1) tal-Att ta’ Adeżjoni, moqri flimkien mat-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV ta’ dan l-att. Issa, mid-dokumentazzjoni dwar in-negozjati ta’ qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija mal-Unjoni, invokata minn GIS, mill-ORF, mir-Repubblika tal-Awstrija u mill-Kummissjoni Ewropea, jirriżulta li r-Repubblika tal-Awstrija kienet talbet li tibbenefika minn deroga li tippermettilha li tkompli tissuġġetta għall-VAT l-attivitajiet ta’ organi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni minbarra dawk ta’ natura kummerċjali u li l-Istati Membri tal-Unjoni laqgħu din it-talba.

47      L-elementi msemmija fil-punti 41 sa 46 ta’ din is-sentenza jwasslu sabiex l-Artikolu 378(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X ta’ din id-direttiva, jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tippermetti lir-Repubblika tal-Awstrija li tkompli tissuġġetta għall-VAT il-miżata tal-programmi.

48      Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija l-unika waħda li tissalvagwardja l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 ta’ din is-sentenza.

49      Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-Repubblika tal-Awstrija, fid-data tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, kienet tissuġġetta għall-VAT l-attivitajiet tal-organi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni minbarra dawk ta’ natura kummerċjali billi kienet timponi din it-taxxa fuq il-miżata tal-programmi. B’hekk, sa fejn l-Artikolu 378(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jawtorizza biss lir-Repubblika tal-Awstrija “tkompli tintaxxa” tali attivitajiet u mhux ukoll tintroduċi taxxa ġdida, is-sens tal-imsemmija dispożizzjoni jintilef li kieku kellha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tawtorizzax il-ġbir tal-VAT fuq il-miżata tal-programmi.

50      Ma tistax twassal għal evalwazzjoni differenti s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas (C‑11/15, EU:C:2016:470, punt 32), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Artikolu 13(A)(1)(q) tas-Sitt Direttiva, ifformulat b’mod identiku għall-Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva dwar il-VAT, jipprevedi l-eżenzjoni tal-“attivitajiet, għajr dawk ta’ natura kummerċjali, imwettqa minn korpi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni” biss kemm‑il darba dawn l-attivitajiet ikunu “suġġetti għall-VAT”, konformement mal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, li jikkorrispondi għall-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-VAT u li, għaldaqstant, l-Artikolu 13(A)(1)(q) tas-Sitt Direttiva ma jistax jiġi interpretat b’mod li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar direttiva.

51      Huwa biżżejjed li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas (C‑11/15, EU:C:2016:470), il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex tinterpreta dispożizzjoni derogatorja bħal, f’dan il-każ, l-Artikolu 378(1) tad-Direttiva dwar il-VAT. Issa, huwa fin-natura ta’ tali dispożizzjoni li tintroduċi eċċezzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha. Fil-fatt, it-tassazzjoni permessa minn din id-dispożizzjoni ma hijiex tassazzjoni armonizzata li tagħmel parti integrali mis-sistema tal-VAT kif stabbilita mid-Direttiva dwar il-VAT. Għall-kuntrarju, il-possibbiltà prevista fiha tippermetti lir-Repubblika tal-Awstrija żżomm il-leġiżlazzjoni tagħha dwar it-tassazzjoni tas-servizzi kkonċernati, mingħajr ma d-differenzi li jistgħu jirriżultaw minn din il-leġiżlazzjoni bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u Stati Membri oħra jkunu kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 2006, Eurodental, C‑240/05, EU:C:2006:763, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑13 ta’ Marzu 2014, Jetair u BTWE Travel4you, C‑599/12, EU:C:2014:144, punti 46 u 50).

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(ċ) u l-Artikolu 378(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, moqrija flimkien mal-Artikolu 151(1) u mat-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV tal-Att ta’ Adeżjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jżommux lir-Repubblika tal-Awstrija milli tissuġġetta għall-VAT attività ta’ xandir pubbliku, iffinanzjata minn miżata legali obbligatorja u mħallsa minn kull persuna li tuża apparat riċevitur tax-xandir ġewwa bini li jinsab f’żona koperta mix-xandir terrestri tal-korp pubbliku tax-xandir ikkonċernat, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk l-attività ta’ xandir pubbliku kkonċernata taqax taħt il-kunċett ta’ “provvisti ta’ servizzi bi ħlas”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(1)(ċ).

 Fuq lispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(1)(ċ) u l-Artikolu 378(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqrija flimkien mal-Artikolu 151(1) u mat-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Iżvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jżommux lir-Repubblika tal-Awstrija milli tissuġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud attività ta’ xandir pubbliku, iffinanzjata minn miżata legali obbligatorja u mħallsa minn kull persuna li tuża apparat riċevitur tax-xandir ġewwa bini li jinsab f’żona koperta mix-xandir terrestri tal-korp pubbliku tax-xandir ikkonċernat, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk l-attività ta’ xandir pubbliku kkonċernata taqax taħt il-kunċett ta’ “provvisti ta’ servizzi bi ħlas”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(1)(ċ).

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.