Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Settembru 2009 - Skareby vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-193/08 P)1

("Appell - Servizz Pubbliku - Uffiċjali -Evalwazzjoni - Rapport tal-iżvilupp tal-karriera - Proċedura ta' evalwazzjoni 2004 - Iffissar tal-oġġettivi u komunikazzjoni tal-kriterji għal evalwazzjoni")

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Carina Skareby (Louvain, il-Belġju) (rappreżentanti: S. Rodrigues u C. Bernard-Glanz, avukati)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: G. Berscheid u K. Hermmann, aġenti)

Suġġett

Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tieni Awla), tas-6 ta' Marzu 2008, Skareby vs Il-Kummissjoni (F-46/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), u intiż għall-annullament ta' din is-sentenza.

Dispożittiv

Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tas-6 ta' Marzu 2008, Skareby vs Il-Kummissjoni (F-46/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), hija annullata sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta' ffissar minn qabel tal-oġġettivi, ta' komunikazzjoni minn qabel tal-kriterji għal evalwazzjoni u ta' deskrizzjoni tal-pożizzjoni ta' Carina Skareby.

Id-deċiżjoni tal-31 ta' Awwissu 2005 li tistabbilixxi r-rapport tal-iżvilupp tal-karriera ta' C. Skareby għall-perijodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Jannar 2004 hija annullata, sa fejn din tirrigwarda l-punt 6.1, intitolat "Effiċjenza".

Il-kumplament tar-rikors ippreżentat quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bir-referenza F-46/06 huwa miċħud.

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata tbati l-ispejjeż kollha marbuta ma' din l-istanza u ma' dik quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

____________

1 - ĠU C 197, 2.8.2008.