Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' Ottubru 2009 - Arques Industries vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-395/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Arques Industries AG (Starnberg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: C. Grave, B. Meyring u A. Scheidtmann, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komuniatjiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5791 finali, tat-22 ta' Lulju 2009, fil-Każ COMP/39.396 - karbur tal-kalċju et al., sa fejn id-deċiżjoni hija indirizzata lir-rikorrenti;

b'mod sussidjarju, tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti permezz tal-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kkontestata;

b'mod sussidjarju, tannulla l-Artikoli 1 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5791 finali, tat-22 ta' Lulju 2009, fil-Każ COMP/39.396 - reaġenti bbażati fuq il-karbur tal-kalċju u l-manjesju għall-industriji tal-azzar u tal-gass. Fid-deċiżjoni kkontestata ġiet imposta multa fuq ir-rikorrenti u kumpanniji oħra għall-ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE. Fil-fehma tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu fis-setturi tal-karbur tal-kalċju u tal-manjesju fiż-ŻEE, ħlief fi Spanja, fil-Portugall, fl-Irlanda u fir-Renju Unit, fejn kienet involuta fi ftehim dwar it-tqassim tas-suq, tal-kwoti u tal-klijenti, iffissar ta' prezzijiet u skambju ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali dwar prezzijiet, klijenti u volum ta' bejgħ.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq tmien motivi, li huma ppreżentati fi tliet partijiet.

Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija nżammet responsabbli in solidum għall-imġieba ta' SKW Stahl-Metallurgie GmbH, u f'dan ir-rigward hija tibbaża ruħha fuq il-motivi li ġejjin:

applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 1 sa fejn il-Kummissjoni qieset lir-rikorrenti responsabbli in solidum flimkien ma' SKW Stahl-Metallurgie GmbH;

ksur tal-Artikolu 253 KE peress li l-Kummissjoni ma ġġustifikatx l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward tar-responsabbiltà tar-rikorrenti bħala l-kumpannija parent preċedenti;

applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 81 peress li l-konvenuta wettqet żball ta' liġi meta kkunsidrat il-ksur bħala uniku u kontinwu.

Fit-tieni parti, ir-rikorrenti titlob, b'mod sussidjarju, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha u f'dan ir-rigward tressaq il-motivi li ġejjin:

ksur tal-Artikolu 253 KE peress li d-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja f'dak li jirrigwarda l-ammont tal-multa;

ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 peress li l-Kummissjoni evalwat b'mod żbaljat il-gravità u t-tul tal-ksur;

ksur tal-prinċipju ġenerali ta' ugwaljanza fir-rigward tal-gravità u tat-tul tal-ksur hekk kif ikkunsidrati mill-Kummissjoni;

ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 peress li l-konvenuta ma ħaditx inkunsiderazzjoni bħala attenwanti l-fatt li r-rikorrenti ma kinitx espliċitament ċaħdet il-konstatazzjonijiet tagħha matul il-proċeduri amministrattivi.

Fit-tielet parti, ir-rikorrenti titlob, b'mod sussidjarju, li l-Artikoli 1 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu annullati sa fejn jikkonċernawha, peress li huma bbażati fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 u jiksru l-Artikolu 253 KE.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 08, Volum 02, p. 205).