Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rayonen sad Lukovit (il-Bulgarija) fis-6 ta’ Settembru 2023 – Proċeduri kriminali kontra IC

(Kawża C-558/23, Dramanova 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Rayonen sad Lukovit

Partijiet fil-proċeduri prinċipali

Rayonna prokuratura Lovech, teritorialno otdelenie grad Lukovit, Bulgaria

IC

Domandi preliminari

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jippermetti dispożizzjoni legali nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 172b tan-Nakazatelno Kodeks (il-Kodiċi Kriminali), li tipprevedi piena ta’ priġunerija ta’ bejn sena u sitt snin kif ukoll multa għall-ewwel reat kontra d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, irrispettivament minn jekk l-użu illegali ta’ trade mark protetta kienx maħsub jew le u/jew minn jekk dan l-użu jkunx sar fuq skala kummerċjali?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, kif għandhom jiġu interpretati l-espressjonijiet “maħsub” u “fuq skala kummerċjali”, li jintużaw fl-Artikolu 61 tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 305)?

Il-prinċipju ta’ legalità u l-projbizzjoni tal-applikazzjoni arbitrarja tal-liġi jippermettu dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprevedi fl-istess ħin responsabbiltà amministrattiva (l-Artikolu 127 taż-Zakon za markite i geografskite oznacheniya (il-Liġi dwar it-Trade Marks u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi)) u responsabbiltà kriminali (l-Artikolu 172b tal-Kodiċi Kriminali), mingħajr ma tistabbilixxi kriterji ċari li jippermettu klassifikazzjoni oġġettiva u prevedibbli skont il-perikolu għall-pubbliku tal-istess att (użu illegali ta’ trade mark protetta)?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.