Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Pajjiżi l-Baxxi) fid29 ta’ Awwissu 2023 – American Express Europe SA, American Express Carte France SA, Visa Europe Ltd, MasterCard Europe SA, Autoriteit Consument en Markt, Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV, parti oħra: International Card Services BV

(Kawża C-549/23, American Express Europe et)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

College van Beroep voor het bedrijfsleven

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: American Express Europe SA, American Express Carte France SA, Visa Europe Ltd, MasterCard Europe SA, Autoriteit Consument en Markt, Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV

Parti oħra: International Card Services BV

Domandi preliminari

Il-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad29 ta’ April 2015 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard  (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”), għandu jiġi interpretat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ dan ir-Regolament, fis-sens li l-ammont nett totali tal-pagamenti, tal-iskontijiet u tal-inċentivi rċevuti minn sieħeb f’co-branding ta’ skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet fil-kuntest ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas bil-kard jew ta’ attività oħra relatata għandu jitqies bħala kumpens nett, anki jekk dan is-sieħeb f’co-branding innifsu ma huwiex emittent?1

L-Artikolu 4 tar-Regolament, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-punt 10 tal-Artikolu 2, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kumpens nett jaqa’ direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4?

L-Artikolu 5 tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll ir-remunerazzjonijiet, inkluż il-kumpens nett, li sieħeb f’co-branding jirċievi mill-iskema ta’ kards ta’ ħlas meta dan is-sieħeb f’co-branding ma jkunx emittent?

a.L-Artikolu 5 tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li remunerazzjoni, inkluż kumpens nett, irċevut minn sieħeb f’co-branding fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas jew ta’ attivitajiet relatati, għandha għan ekwivalenti għat-tariffa ta’ interkambju, meta din ir-remunerazzjoni tkun intiża sabiex testendi l-attivitajiet ta’ skema ta’ kards ta’ ħlas?

b.L-Artikolu 5 tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li remunerazzjoni, inkluż kumpens nett, irċevuta minn sieħeb f’co-branding fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas jew ta’ attivitajiet relatati, għandha effett ekwivalenti għal tariffa ta’ interkambju, meta din ir-remunerazzjoni twassal għal estensjoni tal-attivitajiet ta’ skema ta’ kards ta’ ħlas?

c.Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal dawn id-domandi, tqum il-kwistjoni dwar liema huma l-kriterji u/jew fatturi li għandhom jintużaw sabiex jiġi evalwat jekk remunerazzjoni, inkluża remunerazzjoni netta, irċevuta minn sieħeb f’co-branding fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas jew ta’ attivitajiet relatati għandhiex għan jew effett ekwivalenti għat-tariffa ta’ interkambju?

L-Artikolu 5 tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex remunerazzjoni titqies li tagħmel parti mit-tariffa ta’ interkambju għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament, huwa biżżejjed li din ikollha għan ekwivalenti għat-tariffa ta’ interkambju?

Il-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li tariffa għas-servizzi tan-negozjant imħallsa minn sieħeb f’co-branding fi skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet tista’ titnaqqas mill-ħlasijiet, mill-iskontijiet u mill-inċentivi li s-sieħeb f’co-branding jirċievi mill-iskema ta’ kards ta’ ħlas fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas bil-kard jew ta’ attivitajiet relatati?

a.Il-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li mill-ammont totali li s-sieħeb f’co-branding jirċievi mill-iskema ta’ co-branding jitnaqqsu mhux biss ir-remunerazzjonijiet finanzjarji mħallsa mis-sieħeb f’co-branding, iżda wkoll l-ispejjeż jew il-korrispettiv ekonomiku tas-servizz minn sieħeb f’co-branding?

b.Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, liema kriterji għandhom jintużaw sabiex jiġi ddeterminat dan il-valur?

____________

1 ĠU 2015, L 123, p. 1.