Language of document : ECLI:EU:C:2022:100

Kawżi magħquda C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU

X
u
Y

(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Amsterdam)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Frar 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/JAI – Artikolu 1(3) – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 – Dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilit minn qabel bil-liġi – Nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati – Eżami f’żewġ stadji – Kriterji ta’ applikazzjoni – Obbligu tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tivverifika b’mod konkret u preċiż jekk jeżistux raġunijiet serji u kkonfermati sabiex jitwemmen li l-persuna suġġetta għal mandat ta’ arrest Ewropew, fil-każ ta’ konsenja, tgħaddi minn riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Konsenja ta’ persuni kkundannati jew taħt suspett lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Obbligu ta’ rispett tad-drittijiet u tal-prinċipji ġuridiċi fundamentali – Konsegwenzi tal-konstatazzjoni tar-riskju ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 1(3))

(ara l-punti 45, 46)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Konsenja ta’ persuni kkundannati jew taħt suspett lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Obbligu ta’ rispett tad-drittijiet u tal-prinċipji ġuridiċi fundamentali – Dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi – Nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati li jikkonċernaw l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti – Nuqqasijiet li jirrigwardaw il-proċedura ta’ ħatra tal-membri ta’ din is-setgħa – Preżunzjoni ta’ ksur ta’ dan id-dritt – Assenza – Verifika mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Portata – Konsegwenzi

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 1(3))

(ara l-punti 53, 66, 76 sa 81, 83, 93, 96 sa 102 u d-dispożittiv)

3.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47)

(ara l-punti 56, 58, u 69 sa 75)

Sunt

Rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew: il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kriterji li jippermettu lil awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tevalwa r-riskju eventwali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tal-persuna mfittxija għal smiegħ xieraq

F’April 2021 inħarġu żewġ mandati ta’ arrest Ewropej (iktar ’il quddiem il-“MAE”) (1) mill-qrati Pollakki kontra żewġ ċittadini Pollakki, għall-finijiet, rispettivament, tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija u tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali. Peress li l-persuni kkonċernati jinsabu fil-Pajjiżi l-Baxxi u ma tawx il-kunsens għall-konsenja tagħhom, ir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) ġiet adita b’talbiet għall-eżekuzzjoni ta’ dawn il-MAE.

Din il-qorti tesprimi dubji dwar l-obbligu tagħha li tilqa’ dawn it-talbiet. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, mill-2017, fil-Polonja jeżistu nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati li jaffettwaw id-dritt fundamentali għal smigħ xieraq (2), u b’mod partikolari d-dritt għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, nuqqasijiet li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-fatt li l-imħallfin Pollakki jinħatru fuq proposta tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja, iktar ‘il quddiem il-“KRS”). Issa, skont ir-riżoluzzjoni adottata fl-2020 mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), il-KRS ma għadux, mid-dħul fis-seħħ ta’ liġi ta’ riforma ġudizzjarja fit-17 ta’ Jannar 2018, korp indipendenti (3). Sa fejn imħallfin maħtura fuq proposta tal-KRS setgħu jipparteċipaw fil-proċedura kriminali li wasslet għall-kundanna ta’ waħda miż-żewġ persuni kkonċernati jew jistgħu jintalbu jieħdu konjizzjoni tal-kawża kriminali tal-persuna l-oħra kkonċernata, il-qorti tar-rinviju tqis li jeżisti riskju reali li dawn il-persuni jsofru, fil-każ ta’ konsenja, ksur tad-dritt tagħhom għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-eżami f’żewġ stadji (4), li ġie stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ konsenja abbażi tal-MAE, fid-dawl tal-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità inerenti għad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, huwiex applikabbli fil-każ fejn tqum il-kwistjoni tal-garanzija, ukoll inerenti għal dan id-dritt fundamentali, dwar qorti stabbilita minn qabel bil-liġi.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja u skont il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, tirrispondi fl-affermattiv u tippreċiża l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-eżami.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mitluba tiddeċiedi l-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ MAE jkollha elementi li juru l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati f’dak li jikkonċerna l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, fir-rigward b’mod partikolari tal-proċedura ta’ ħatra tal-membri ta’ din is-setgħa, hija tista’ tirrifjuta l-konsenja, abbażi tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (5), biss jekk hija tikkonstata li jkunu jeżistu, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, raġunijiet serji u stabbiliti li jwasslu li wieħed jemmen li d-dritt fundamentali tal-persuna għal smiegħ xieraq quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, ikun ġie miksur, jew ikun hemm riskju, fil-każ ta’ konsenja, li jiġi miksur.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li d-dritt għal smigħ minn qorti “stabbilita mil-liġi” jinkludi, min-natura tiegħu stess, il-proċess ta’ ħatra tal-Imħallfin. Għalhekk, fil-kuntest tal-ewwel stadju tal-eżami intiż li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, b’mod partikolari marbut ma’ ksur tar-rekwiżit ta’ qorti stabbilita bil-liġi, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha twettaq evalwazzjoni globali, ibbażata fuq kull element oġġettiv, affidabbli, preċiż u debitament aġġornat dwar il-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja fl-Istat Membru emittenti u, b’mod partikolari, il-qafas ġenerali ta’ ħatra tal-Imħallfin f’dan l-Istat Membru. Jikkostitwixxu tali elementi l-informazzjoni li tinsab fi proposta motivata indirizzata mill-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 7(1) TUE, ir-riżoluzzjoni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), imsemmija iktar’ il fuq, kif ukoll il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja (6) u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (7). Min-naħa l-oħra, il-fatt li korp, bħall-KRS, li jkun involut fil-proċess ta’ ħatra tal-Imħallfin ikun kompost, b’mod predominanti, minn membri li jirrappreżentaw lill-awtoritajiet leġiżlattivi jew eżekuttivi jew magħżula minnhom, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika rifjut ta’ konsenja.

Fil-kuntest tat-tieni stadju tal-imsemmi eżami, hija l-persuna li tkun is-suġġett ta’ MAE li għandha tipproduċi elementi konkreti li jagħtu x’tifhem li n-nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati tas-sistema ġudizzjarja kellhom effett konkret fuq it-trattament tal-kawża kriminali tagħha jew jista’ jkollhom, fil-każ ta’ konsenja, tali effett. Dawn l-elementi jistgħu jiġu kkompletati, jekk ikun il-każ, permezz ta’ informazzjoni pprovduta mill-awtorità ġudizzjarja emittenti.

F’dan ir-rigward, fir-rigward, l-ewwel nett, ta’ MAE maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li ċċaħħad il-libertà, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni elementi relatati mal-kompożizzjoni tal-Kulleġġ Ġudikanti li jkun sema’ l-kawża kriminali jew ma’ kull ċirkustanza oħra rilevanti għall-evalwazzjoni tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ dan il-kulleġġ. Ma huwiex biżżejjed, sabiex tiġi rrifjutata l-konsenja, li mħallef wieħed jew iktar, li jkunu pparteċipaw f’din il-proċedura, ikunu nħatru fuq proposta ta’ korp bħall-KRS. Barra minn hekk, il-persuna kkonċernata għandha tipprovdi elementi dwar, b’mod partikolari, il-proċedura ta’ ħatra tal-Imħallfin ikkonċernati u d-delegazzjoni eventwali tagħhom, li jwasslu għall-konstatazzjoni li l-kompożizzjoni ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti kienet ta’ natura li taffettwa d-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq. Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-possibbiltà, għall-persuna kkonċernata, li titlob ir-rikuża tal-membri tal-kulleġġ ġudikanti għal raġunijiet marbuta ma’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq, l-eżerċizzju eventwali ta’ din il-possibbiltà minn din il-persuna kif ukoll il-konsegwenzi relatati mat-talba tagħha għal rikuża.

It-tieni nett, meta jkun inħareġ MAE għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tal-persuna kkonċernata, man-natura tar-reat li għalih tkun qegħda tiġi akkużata, mal-kuntest fattwali li fih dan il-MAE ikun irreġistrat jew ma’ kull ċirkustanza oħra rilevanti għall-evalwazzjoni tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-kulleġġ ġudikanti li probabbilment ikun ser jintalab jieħu konjizzjoni tal-proċedura relatata ma’ din il-persuna. Tali elementi jistgħu jirrigwardaw ukoll id-dikjarazzjonijiet magħmula minn awtoritajiet pubbliċi li jista’ jkollhom effett fuq il-każ konkret. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-identità tal-Imħallfin li eventwalment ikunu ser jissejħu sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża tal-persuna kkonċernata ma tkunx magħrufa fil-mument tad-deċiżjoni dwar il-konsenja, jew, meta l-identità tagħhom tkun magħrufa, li dawn l-imħallfin ikunu nħatru fuq proposta ta’ korp bħall-KRS, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi rrifjutata din il-konsenja.


1      Fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24).


2      Iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


3      Il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punti 108 u 110).


4      Fil-kuntest tal-ewwel stadju ta’ dan l-eżami, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tevalwa r-riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fir-rigward tas-sitwazzjoni ġenerali tal-Istat Membru emittenti; fil‑kuntest tat-tieni stadju, din l-awtorità għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, jekk jeżistix riskju reali li jiġi ppreġudikat dritt fundamentali tal- persuna rikjesta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. Ara s‑sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal‑awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU et C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033).


5      Ara f’dan is-sens l-Artikolu 1(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li bis-saħħa tiegħu, minn naħa, l-Istati Membri għandhom jeżegwixxu kwalunkwe MAE abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skont id‑dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija deċiżjoni qafas ma jistax ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif stabbiliti mill-Artikolu 6 TUE.


6      Sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema), (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982), tat‑2 ta’ Marzu 2021, A. B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema - Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153), tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596), kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u affarijiet pubbliċi tal-Qorti Suprema - Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798).


7      Il-Qorti EDB, 22 ta’ Lulju 2021, Reczkowicz vs Il-Polonja KE:ECHR:2021:0722JUD 004344719.