Language of document : ECLI:EU:C:2021:798

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Ottubru 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Prinċipji ta’ impediment ta’ tneħħija u ta’ indipendenza tal-imħallfin – Trasferiment mingħajr kunsens ta’ mħallef ta’ qorti ordinarja – Rikors – Digriet ta’ inammissibbiltà adottat minn imħallef tas-Sąd Najwyższy (Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych) (il-Qorti Suprema (l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi), il-Polonja) – Imħallef maħtur mill-President tar-Repubblika tal-Polonja abbażi ta’ riżoluzzjoni mogħtija mill-Kunsill Nazzjonali tal-Maġistratura minkejja deċiżjoni ġudizzjarja li tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni sakemm tingħata sentenza dwar deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja – Imħallef li ma jikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Possibbiltà li tali digriet ta’ inammissibbiltà jiġi kkunsidrat li huwa ineżistenti”

Fil-Kawża C‑487/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE mressqa mis-Sąd Najwyższy (Izba Cywilna) (il-Qorti Suprema (Awla Ċivili), il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Mejju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Ġunju 2019, fil-proċedura

W.Ż.

fil-preżenza ta’:

Prokurator Generalny zastępowany przez Prokuraturę Krajową, li kienet Prokurator Prokuratury Krajowej Bożena Górecka,

Rzecznik Praw Obywatelskich,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, A. Prechal (Relatriċi), M. Vilaras, E. Regan, M. Ilešič, L. Bay Larsen, A. Kumin u N. Wahl, Presidenti tal-Awla, D. Šváby, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Settembru 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal W.Ż., minn S. Gregorczyk–Abram u M. Wawrykiewicz, adwokaci,

–        għall-Prokurator Generalny zastępowany przez Prokuraturę Krajową, minn, R. Hernand, A. Reczka, S. Bańko B. Górecka u M. Słowińska,

–        għar-Rzecznik Praw Obywatelskich, minn P. Filipek u M. Taborowski,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, S. Żyrek u A. Dalkowska, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann, P. Van Nuffel u H. Krämer, sussegwentement minn K. Herrmann u P. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 6(1) u (3), kif ukoll tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 267 TFUE, u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mill-Imħallef W.Ż. dwar riżoluzzjoni li permezz tagħha l-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Maġistratura, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“KNM”) ikkonkluda li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar il-kontestazzjoni mressqa minn W.Ż. kontra deċiżjoni tal-President tas-Sąd Okręgowy w K. (il-Qorti Reġjonali ta’ K., il-Polonja) li tordna t-trasferiment ta’ W.Ż minn diviżjoni għal oħra ta’ din il-qorti (iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni kontenzjuża”), kontra liema riżoluzzjoni W.Ż. ippreżenta rikors quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), u liema rikors jinkludi talba intiżi għar-rikuża tal-imħallfin kollha li jifformaw l-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi, il-Polonja, iktar ’il quddiem l-“Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi) li għandha teżamina l-imsemmi rikors.

 Id-dritt Pollakk

 Il-Kostituzzjoni

3        Skont l-Artikolu 7 tal-Kostituzzjoni:

“L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jaġixxu abbażi u fil-limiti tal-liġi.”

4        L-Artikolu 10 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“1.      Is-sistema politika tar-Repubblika tal-Polonja għandha bħala bażi s-separazzjoni u l-bilanċ bejn il-poter leġiżlattiv, eżekuttiv u ġudizzjarju.

2.      Is-Sejm u s-Senat jeżerċitaw il-poter leġiżlattiv. Il-President tar-Repubblika u l-Kunsill tal-Ministri jeżerċitaw il-poter eżekuttiv. Il-qrati u t-tribunali jeżerċitaw il-poter ġudizzjarju.”

5        L-Artikolu 45(1) tal-Kostituzzjoni jipprevedi:

“Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ xieraq u pubbliku, mingħajr dewmien eċċessiv, minn qorti kompetenti, indipendenti u imparzjali.”

6        L-Artikolu 60 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“Iċ-ċittadini Pollakki li jgawdu mid-drittijiet ċivili kollha tagħhom għandhom id-dritt li jaċċedu, taħt kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza, għas-servizzi pubbliċi.”

7        Skont l-Artikolu 77(2) tal-Kostituzzjoni:

“Il-liġi ma tista’ timpedixxi lil ebda persuna milli teżerċita rimedju ġudizzjarju biex tinvoka l-libertajiet u d-drittijiet miksura tagħha.”

8        Skont l-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni:

“L-imħallfin jinħatru mill-President tar-Repubblika, fuq proposta [tal-KNM], għal żmien indeterminat.”

9        L-Artikolu 184 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“In-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja)] u l-qrati amministrattivi l-oħra għandhom jistħarrġu, fil-limiti stabbiliti mil-liġi, l-attivitajiet tal-amministrazzjoni pubblika. […]”

 Il-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema

10      Fl‑20 ta’ Diċembru 2017, il-President tar-Repubblika ffirma l-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, intestatura 5, iktar ’il quddiem il-“Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema”). Din daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ April 2018.

11      Il-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema stabbilixxiet, b’mod partikolari, l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

12      Skont l-Artikolu 26 tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema:

“Għandhom jaqgħu fil-kompetenza tal-[Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi] ir-rikorsi straordinarji, it-tilwimiet fil-qasam elettorali u l-kontestazzjonijiet tal-validità ta’ referendum nazzjonali jew ta’ referendum kostituzzjonali, il-konstatazzjoni tal-validità tal-elezzjonijiet u tar-referendums, il-kawżi l-oħra relatati mad-dritt pubbliku, inkluż il-kontenzjużi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni, tar-regolamentazzjoni tal-enerġija, tat-telekomunikazzjonijiet u tat-trasport ferrovjarju, kif ukoll ir-rikorsi diretti kontra d-deċiżjonijiet tal-Przewodniczy Krajowej Rady Radiofonii i Telewizji (il-President tal-Kunsill Nazzjonali tar-radju u tat-televiżjoni [, il-Polonja]), jew li jikkontestaw it-tul eċċessiv tal-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali u militari, kif ukoll quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].”

13      L-Artikolu 29 tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema jipprevedi li l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għandhom jinħatru mill-President tar-Repubblika, fuq proposta tal-KNM.

 Il-Liġi dwar il-KNM

14      Il-KNM huwa rregolat mill-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Maġistratura) tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. tal‑2011 Nru 126, intestatura 714), kif emendata, b’mod partikolari, mill-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Maġistratura u Ċerti Liġijiet Oħra) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, intestatura 3) u mill-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u Ċerti Liġijiet Oħra), tal‑20 ta’ Lulju 2018 (Dz. U. tal-2018, intestatura 1443) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-KNM”).

15      L-Artikolu 37(1) tal-Liġi dwar il-KNM jipprovdi:

“Meta diversi kandidati jkunu applikaw għal pożizzjoni ta’ imħallef, [il-KNM] għandu jeżamina u jevalwa flimkien il-kandidaturi kollha ppreżentati. F’din is-sitwazzjoni, [il-KNM] jadotta riżoluzzjoni li tinkludi d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-preżentazzjoni ta’ proposta ta’ ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallef, għall-kandidati kollha.”

16      Skont l-Artikolu 43 ta’ din il-liġi:

“1.      Riżoluzzjoni tal-[KNM] issir definittiva meta ma tkunx tista’ tiġi appellata.”

2.      Jekk ir-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 37(1) ma tiġix ikkontestata mill-parteċipanti kollha fil-proċedura, din issir definittiva għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ preżentazzjoni tal-proposta ta’ ħatra għall-funzjonijiet ta’ mħallef tal-parteċipanti li ma jkunux ippreżentaw rikors, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)ter.”

17      L-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KNM kien jipprevedi:

“1.      Parteċipant fil-proċedura jista’ jippreżenta rikors quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fuq il-bażi tal-illegalità tar-riżoluzzjoni [tal-KNM], sakemm dispożizzjonijiet separati ma jipprevedux mod ieħor. […]

1bis.      F’każijiet individwali li jikkonċernaw ħatra għall-funzjoni ta’ mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], rikors jista’ jiġi ppreżentat quddiem in-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)]. F’dawn il-każijiet, ma huwiex possibbli li jiġi ppreżentat rikors quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]. Ir-rikors quddiem in-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)] ma jistax ikun fondat fuq motiv ibbażat fuq evalwazzjoni skorretta tal-issodisfar, mill-kandidati, tal-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-preżentazzjoni tal-proposta ta’ ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].

1ter.      Jekk ir-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 37(1) ma tkunx ġiet ikkontestata mill-parteċipanti kollha fil-proċedura, fil-każijiet individwali dwar il-ħatra għall-funzjoni ta’ mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], l-imsemmija riżoluzzjoni ssir definittiva, għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni għall-preżentazzjoni tal-proposta ta’ ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] u għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ proposta ta’ ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallef ta’ din l-istess qorti, għal parteċipanti fil-proċedura li ma ppreżentawx rikors.

[…]

3.      Id-dispożizzjonijiet [tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili] […], dwar l-appell ta’ kassazzjoni, huma applikabbli għall-proċeduri quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] u n-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)]. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 871 tal-imsemmija liġi ma humiex applikabbli.

4.      F’każijiet individwali dwar ħatra għall-funzjoni ta’ mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], l-annullament min-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)] tar-riżoluzzjoni [tal-KNM] sabiex ma tiġix ippreżentata l-proposta ta’ ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] huwa ekwivalenti għall-aċċettazzjoni tal-kandidatura tal-parteċipant fil-proċedura li ppreżenta rikors, għall-pożizzjoni vakanti ta’ mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], għal pożizzjoni li għaliha, fid-data ta’ għoti tas-sentenza tan-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)], il-proċedura quddiem [il-KNM] ma tkunx intemmet jew, fl-assenza ta’ tali proċedura, għall-pożizzjoni vakanti li jmiss ta’ mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li hija s-suġġett tal-avviż.”

18      Il-paragrafu 1bis tal-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KNM ġie introdott f’dan l-artikolu permezz tal-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017 li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Maġistratura u Ċerti Liġijiet Oħra, li daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ Jannar 2018, u l-paragrafi 1ter u 4 ġew introdotti fih permezz tal-Liġi tal‑20 ta’ Lulju 2018 li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u Ċerti Liġijiet Oħra, li daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Lulju 2018. Qabel l-introduzzjoni ta’ dawn l-emendi, ir-rikorsi indikati fl-imsemmi paragrafu 1bis kienu ppreżentati quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) konformement mal-paragrafu 1 tal-istess Artikolu 44.

19      Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2019, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) iddikjarat l-Artikolu 44(1)bis tal-Liġi dwar il-KNM inkompatibbli mal-Artikolu 184 tal-Kostituzzjoni, minħabba, essenzjalment, li l-kompetenza mogħtija lin-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) mill-imsemmi paragrafu 1bis ma kienet iġġustifikata la fid-dawl tan-natura tal-kawżi kkonċernati, la tal-karatteristiċi organizzattivi tal-imsemmija qorti u lanqas tal-proċedura applikata minnha. F’din is-sentenza, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) indikat ukoll li din id-dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità “twassal neċessarjament għall-għeluq tal-proċeduri ġudizzjarji pendenti kollha bbażati fuq id-dispożizzjoni mħassra”.

20      Sussegwentement l-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KNM ġiet emendata bl-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz ustawy ‐ Prawo o ustroju sądów administracyjnych (il-Liġi li Temenda l-[Liġi dwar il-KNM] u l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Kontenzjuż Amministrattiv), tas‑26 ta’ April 2019 (Dz. U. tal‑2019, intestatura 914) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tas‑26 ta’ April 2019”), li daħlet fis-seħħ fit‑23 ta’ Mejju 2019. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 44 huwa issa fformulat kif ġej:

“Parteċipant fil-proċedura jista’ jippreżenta rikors quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fuq il-bażi tal-illegalità tar-riżoluzzjoni [tal-KNM], sakemm dispożizzjonijiet separati ma jipprevedux mod ieħor. Ma huwiex possibbli li jiġi ppreżentat rikors fil-kawżi individwali li jirrigwardaw il-ħatra għall-funzjonijiet ta’ mħallef [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].”

21      Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tal-liġi tas‑26 ta’ April 2019 jipprevedi li: “[ir]-rikorsi ppreżentati sabiex jikkontestaw ir-riżoluzzjonijiet [tal-KNM] f’kawżi individwali dwar il-ħatra għall-funzjonijiet ta’ mħallef [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], ippreżentati iżda mhux deċiżi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, għandhom jingħalqu ipso jure mingħajr l-għoti ta’ deċiżjoni”.

 Il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji

22      L-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji), tas‑27 ta’ Lulju 2001, kif emendata (Dz. U. tal‑2019, intestatura 52), tipprovdi fl-Artikolu 22bis tagħha:

“[…]

4ter      It-trasferiment ta’ mħallef għal diviżjoni oħra ma huwiex suġġett għall-kunsens tiegħu:

1.      fil-każ ta’ trasferiment għal diviżjoni oħra li tieħu konjizzjoni ta’ kawżi fl-istess qasam;

[…]

4quater      Id-dispożizzjonijiet tal-ewwel punt […] tal-Artikolu 4ter, ma japplikawx għall-imħallef li, fuq perijodu ta’ tliet snin, ġie ttrasferit għal diviżjoni oħra mingħajr il-kunsens tiegħu. […]

5.      L-imħallef jew l-imħallef awżiljarju li l-kompetenzi tiegħu nbidlu, b’tali mod li n-natura tar-responsabbiltajiet tiegħu nbidlet, b’mod partikolari minħabba trasferiment għal diviżjoni oħra tal-qorti kkonċernata, jista’ jippreżenta rikors quddiem il-[KNM] fi żmien sebat ijiem mill-attribuzzjoni tar-responsabbiltajiet ġodda tiegħu. L-ebda rikors ma jista’ jiġi ppreżentat fil-każ:

1.      ta’ trasferiment għal diviżjoni oħra li tieħu konjizzjoni ta’ kawżi fl-istess qasam;

[…]”

 Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili

23      Skont l-Artikolu 49 tal-ustawa ‐ Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) tas‑17 ta’ Novembru 1964, kif emendata (Dz.U. tal‑2018, intestatura 1360) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”):

“[…] il-qorti għandha tirrikuża imħallef fuq talba tiegħu jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, jekk ikun hemm ċirkustanza ta’ natura li tqajjem dubju raġonevoli dwar l-imparzjalità tiegħu f’kawża partikolari”.

24      L-Artikolu 50(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdi:

“Sakemm tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal rikuża ta’ mħallef:

1)      l-imħallef adit bir-rikors jista’ jkompli l-proċedura;

2)      ma tista’ tingħata ebda deċiżjoni jew miżura li ttemm l-istanza.”

25      L-Artikolu 365(1) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“Deċiżjoni finali torbot mhux biss lill-partijiet u lill-qorti li tkun tatha, iżda wkoll lill-qrati l-oħra, lill-awtoritajiet pubbliċi l-oħra u lill-korpi tal-amministrazzjoni, kif ukoll, fil-każijiet previsti mil-liġi, lill-persuni l-oħra.”

26      L-Artikolu 388(1) tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Fil-każ ta’ appell ta’ kassazzjoni, meta l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tkun ta’ natura li tikkawża dannu irreparabbli lil parti, il-qorti tat-tieni istanza tista’ tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sakemm il-proċedura tal-appell tintemm […]. Id-deċiżjoni tista’ tingħata in camera. […]”

27      Skont l-Artikolu 391(1) tal-istess kodiċi:

“Ir-regoli proċedurali quddiem il-qorti li tiddeċiedi fl-ewwel istanza għandhom japplikaw b’analoġija għall-proċedura quddiem il-qorti li tiddeċiedi fit-tieni istanza, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolawha. […]”

28      L-Artikolu 39821 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi:

“Ir-regoli proċedurali tal-appell għandhom japplikaw b’analoġija għall-proċedura quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolawha. […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

29      W.Ż. jeżerċita l-funzjoni ta’ mħallef fi ħdan is-Sąd Okręgowy w K. (il-Qorti Reġjonali ta’ K.). Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Awwissu 2018, il-President ta’ din il-qorti ddeċieda, skont il-punt 1 tal-Artikolu 22bis(4ter) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, li jittrasferixxi lil W.Ż. mid-diviżjoni tal-imsemmija qorti fejn kien sedenti sa dan iż-żmien, għal diviżjoni oħra ta’ din l-istess qorti.

30      W.Ż. ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-KNM abbażi tal-Artikolu 22bis(5) tal-imsemmija liġi. Permezz tar-riżoluzzjoni kontenzjuża, il-KNM ikkonkluda li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq dan ir-rikors.

31      Fl‑14 ta’ Novembru 2018, W.Ż. ippreżenta rikors kontra r-riżoluzzjoni kontenzjuża quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), li fiha l-eżami tal-imsemmi rikors għandu jsir mill-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi. F’dan il-kuntest, W.Ż. madankollu, ressaq ukoll talba għal rikuża tal-imħallfin kollha li jifformaw l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi għar-raġuni li, fid-dawl tal-modalitajiet li bih huma nħatru, dawn ma kinux joffru l-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa. L-eżami ta’ din it-talba jaqa’ fil-kompetenza tas-Sąd Najwyższy (Izba Cywilna) (il-Qorti Suprema ((Awla Ċivili)), ikkostitwita minn kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin.

32      Fir-rigward tal-imsemmija modalitajiet ta’ ħatra, il-qorti tar-rinviju, jiġifieri s-Sąd Najwyższy (Izba cywilna) (il-Qorti Suprema (Awla Ċivili)), li tiddeċiedi bħala kulleġġ ġudikanti estiż ta’ seba’ imħallfin, tippreċiża li r-Riżoluzzjoni Nru 331/2018 tal-KNM tat‑28 ta’ Awwissu 2018 li tipproponi lill-President tar-Repubblika li jaħtar il-persuni kkonċernati fil-pożizzjonijiet ta’ mħallef tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi, kienet is-suġġett ta’ rikorsi ppreżentati, abbażi tal-Artikolu 44(1bis) tal-Liġi dwar il-KNM, quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), minn kandidati li l-proposta għal ħatra tagħhom ma ġietx ippreżentata mill-KNM f’din ir-riżoluzzjoni.

33      Permezz ta’ digriet definittiv tas‑27 ta’ Settembru 2018, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ordnat, abbażi tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 388(1) u 39821 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili kif ukoll tal-Artikolu 44(3) tal-Liġi dwar il-KNM, li tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tar-Riżoluzzjoni Nru 331/2018.

34      Minkejja l-eżistenza tal-imsemmija rikorsi u tal-imsemmi digriet, il-President tar-Repubblika ħatar, fl‑10 ta’ Ottubru 2018, fil-pożizzjoni ta’ Mħallef tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi, uħud mill-kandidati li kienu ġew ippreżentati mill-KNM fir-Riżoluzzjoni Nru 331/2018.

35      Sussegwentement, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑22 ta’ Novembru 2018, issospendiet id-deċiżjoni tar-rikorsi li hija kienet adita bihom sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni fuq id-domandi preliminari magħmula lilha minn din l-istess qorti nazzjonali permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Novembru 2018 fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-Imħallfin għall-Qorti Suprema – Rikors) (C‑824/18, iktar il-quddiem is-“sentenza A.B. et”, EU:C:2021:153), li tikkonċerna riżoluzzjoni oħra tal-KNM li kien ippreżenta lill-President tar-Repubblika l-kandidatura ta’ ċerti persuni sabiex jinħatru fil-pożizzjoni ta’ mħallef fl-Awli Ċivili u Kriminali tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Permezz ta’ dawn id-domandi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) kienet qegħda tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix dispożizzjonijiet bħal dawk tal-Artikolu 44(1bis) sa (4) tal-Liġi dwar il-KNM.

36      Fl‑20 ta’ Frar 2019, il-President tar-Repubblika pproċeda bil-ħatra, bħala mħallef tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi, ta’ persuna li l-kandidatura tagħha kienet ukoll ġiet proposta mill-KNM fir-riżoluzzjoni tiegħu Nru 331/2018 (iktar ’il quddiem l-“imħallef ikkonċernat”).

37      Fit‑8 ta’ Marzu 2019, l-imħallef ikkonċernat, li ddeċieda bħala imħallef uniku, mingħajr ma kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-atti tal-proċess li kienu fil-pussess tas-Sąd Najwyższy (Izba Cywilna) (il-Qorti Suprema ((Awla Ċivili)), ikkostitwita minn kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin, u mingħajr is-smigħ ta’ W.Ż., adottat digriet li jiċħad bħala inammissibbli r-rikors ta’ dan tal-aħħar kontra r-riżoluzzjoni kontenzjuża (iktar ’il quddiem id-“digriet kontenzjuż”).

38      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Marzu 2019, is-Sąd Najwyższy (Izba Cywilna) (il-Qorti Suprema ((Awla Ċivili)), ikkostitwita minn kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin, iddeċidiet li d-digriet kontenzjuż kien ġie adottat bi ksur tal-punt 2 tal-Artikolu 50(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, filwaqt li enfasizzat li din id-dispożizzjoni tipprekludi l-għoti ta’ deċiżjoni li ttemm l-istanza sakemm ma tkunx ingħatat deċiżjoni dwar talba għal rikuża ta’ mħallef imressqa minn imħallef ieħor. F’din l-istess deċiżjoni, l-imsemmija qorti kkonstatat, barra minn hekk, li dan id-digriet kien jikser id-drittijiet tad-difiża ta’ W.Ż., fis-sens tal-Artikolu 45(1) tal-Kostituzzjoni, tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u tal-Artikolu 47 tal-Karta, peress li l-imsemmi digriet kien ittieħed minn istanza li ma kellhiex l-atti tal-proċess u mingħajr ma W.Ż. seta’ jifhem il-pożizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur.

39      F’din id-deċiżjoni, l-imsemmija qorti eżaminat ukoll il-kwistjoni dwar jekk l-imħallef ikkonċernat kellux effettivament il-kwalità ta’ imħallef, u fin-nuqqas ta’ dan, ikun hemm lok li jiġi konkluż li d-digriet kontenzjuż ma jeżistix legalment. Tali kwistjoni hija rilevanti għall-eżitu tal-proċedura ta’ rikuża pendenti quddiem din l-istess qorti sa fejn, fil-każ ta’ eżistenza pprovata tad-digriet kontenzjuż, din il-proċedura jkollha tingħalaq mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni minħabba nuqqas ta’ suġġett, filwaqt li, fil-każ ta’ ineżistenza ta’ dan id-digriet, ikun hemm lok għall-kuntrarju li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal rikuża mressqa minn W.Ż.. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Najwyższy (Izba Cywilna) (il-Qorti Suprema (Awla Ċivili)), ikkostitwita minn kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin, iddeċidiet li tibgħat lill-qorti tar-rinviju id-domandi li ġejjin:

“1)      Id-digriet ta’ ċaħda ta’ rikors ippreżentat quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kontra riżoluzzjoni tal-KNM, mogħti minn kulleġġ ġudikanti b’imħallef uniku kkostitwit minn persuna li nħatret imħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), minkejja rikors ippreżentat preċedentement quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) kontra r-riżoluzzjoni tal-KNM li tipproponi l-ħatra ta’ din il-persuna għall-funzjonijiet ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u minkejja li l-proċedura quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema kienet għadha pendenti fid-data tal-komunikazzjoni tal-att ta’ ħatra, jeżisti legalment u jtemm l-istanza mibdija permezz tal-preżentata tar-rikors inkwistjoni?

2)      Is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tar-riżoluzzjoni tal-KNM li, abbażi tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 388(1) u 39821 tal-[Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili] kif ukoll tal-Artikolu 44(3) tal-[Liġi dwar il-KNM], in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet qabel il-komunikazzjoni tal-att ta’ ħatra għall-funzjoni ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), hija rilevanti għar-risposta tad-domanda magħmula fil-punt 1?”

40      Il-qorti tar-rinviju tqis li r-risposta għad-domandi li hija adita bihom ser tiddependi, b’mod partikolari, fuq il-punt dwar jekk imħallef maħtur f’tali ċirkustanzi jikkostitwixxix qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita mil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 267 TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

41      Skont il-qorti tar-rinviju, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jeżiġi, fil-fatt, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali tagħhom mitluba jiddeċiedu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw tali rekwiżiti, li jimplika, b’mod partikolari, li l-imħallfin ikkonċernati jiġu maħtura b’mod regolari.

42      Issa, minn naħa, l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi hija b’mod partikolari mitluba tiddeċiedi kawżi relatati ma’ materji li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni bħal, pereżempju, dawk relatati mal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u mal-leġiżlazzjoni tal-enerġija. Min-naħa l-oħra, id-digriet kontenzjuż ingħata f’kawża li tirrigwarda l-istatus u l-protezzjoni tal-indipendenza ta’ mħallef ta’ qorti nazzjonali li hija stess hija mitluba tiddeċiedi fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, li jimponi, f’kull stadju tal-proċedura fil-kawża prinċipali, l-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

43      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li l-imħallef ikkonċernat inħatar bi ksur flagranti u deliberat tad-dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt Pollakk li jirregolaw il-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin.

44      L-ewwel, fil-fatt, l-imsemmija ħatra seħħet meta n-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) kienet adita b’rikors kontra r-Riżoluzzjoni Nru 331/2018 li tipproponi l-ħatra tal-persuna kkonċernata. Issa, mill-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni jirriżulta li tali proposta għandha portata kostituttiva, b’tali mod li sakemm l-eżistenza ġuridika tal-imsemmija riżoluzzjoni tibqa’ inċerta minħabba l-imsemmi rikors, kull ħatra tkun nieqsa minn bażi legali, peress li tali rikors huwa intiż fil-fatt sabiex jiggarantixxi lill-parteċipanti fil-proċedura ta’ ħatra s-salvagwardja tad-drittijiet tagħhom ta’ aċċess għas-servizz pubbliku f’kundizzjonijiet ugwali u għal qorti skont l-Artikolu 45(1), l-Artikolu 60 u l-Artikolu 77(2) tal-Kostituzzjoni.

45      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1ter) u (4) tal-Liġi dwar il-KNM ma humiex ta’ natura li jaffettwaw il-kunsiderazzjonijiet preċedenti. Fil-fatt, kif enfasizzat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li wasslet għas-sentenza A.B. et, minħabba dubji li din il-qorti nazzjonali kellha fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza għalhekk li huwa b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kjarifiki li jingħatawlha mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża li n-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) għandha tiddeċiedi dwar l-imsemmija kompatibbiltà jew tiżgura interpretazzjoni ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni.

46      It-tieni, billi pproċeda għall-ħatra kontenzjuża minkejja d-deċiżjoni definittiva li permezz tagħha n-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ordnat is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tar-Riżoluzzjoni Nru 331/2018, il-President tar-Repubblika kiser id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 365(1), 391(1) u 39821 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kif ukoll tal-Artikolu 44(3) tal-Liġi dwar il-KNM. Barra minn hekk, il-ħatra tal-imħallef ikkonċernat tikser ukoll l-Artikoli 7 u 10 tal-Kostituzzjoni, peress li l-President tar-Repubblika ma osservax is-setgħa ġudizzjarja mogħtija lin-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema).

47      Minbarra dan, tali ħatra irregolari taqa’ f’kuntest iktar ġenerali li fih ġew immultiplikati l-miżuri intiżi sabiex jostakolaw l-istħarriġ ġudizzjarju effettiv tar-riżoluzzjonijiet tal-KNM li jipproponu ħatriet għal pożizzjonijiet ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

48      Dan huwa l-każ, l-ewwel, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Artikolu 44(1ter) u (4) tal-Liġi dwar il-KNM, li l-konformità tiegħu mad-dritt tal-Unjoni hija, kif tfakkar preċedentement, is-suġġett ta’ domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li wasslet għas-sentenza A.B. et, it-tieni, fir-rigward tal-introduzzjoni, mill-KNM u grupp ta’ senaturi, ta’ rikorsi quddiem it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) li wasslu sabiex din tal-aħħar tiddikjara, f’sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2019, li l-Artikolu 44(1bis) tal-Liġi dwar il-KNM kien jikser il-Kostituzzjoni u li r-rikorsi kollha kontra tali riżoluzzjonijiet pendenti quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) kellhom, konsegwentement, jingħalqu, u, it-tielet, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 li ordnat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq dawn l-istess rikorsi u teskludi kwalunkwe rikors ta’ dan it-tip fil-futur.

49      Dan għandu jiġi ssupplimentat b’difetti oħra li jirrigwardaw il-ħatra tal-imħallef ikkonċernat, fosthom il-fatt li l-ħmistax-il membru tal-attwali KNM li għandhom il-kwalità ta’ mħallef inħatru mis-Sejm (il-Kamra l-Baxxa tal-Parlament) u mhux, bħal qabel, mill-pari tagħhom, u l-fatt li l-ħatra tal-imsemmija membri tal-KNM seħħet permezz tat-tqassir tat-terminu, kostituzzjonalment iggarantit, tal-mandat tal-membri tal-KNM preċedenti. Min-naħa tagħhom, dawn l-aspetti huma s-suġġett tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kawżi magħquda li wasslu għas-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18).

50      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li fihom saret il-ħatra tal-imħallef ikkonċernat, il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li dan ma joffrix il-garanziji meħtieġa fir-rigward tal-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu. Fil-fatt, l-imsemmija ċirkustanzi huma ta’ natura li joħolqu dubji f’dan ir-rigward, fil-partijiet fil-kawża, kif ukoll li jesponu lil dan l-imħallef għal pressjonijiet esterni mill-awtoritajiet li jkunu wettqu l-ħatra tiegħu u, imbagħad, ħadmu sabiex din ma tkunx tista’ tiġi kkontestata ġudizzjarjament. Dawn l-istess ċirkustanzi joħolqu wkoll riskju ta’ parzjalità fil-kuntest tal-kawża prinċipali, kif tindika l-adozzjoni tad-digriet kontenzjuż mill-imħallef ikkonċernat.

51      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Najwyższy (Izba Cywilna) (il-Qorti Suprema (Awla Ċivili), ikkostitwita minn kulleġġ ġudikanti estiż ta’ seba’ mħallfin, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 2, l-Artikolu 6(1) u (3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta] u mal-Artikolu 267 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel mil-liġi, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, qorti komposta minn imħallef uniku ppreseduta minn persuna maħtura bħala imħallef bi ksur manifest tad-dispożizzjonijiet tal-Istat Membru li jirregolaw il-ħatra tal-imħallfin, minħabba, b’mod partikolari, il-ħatra ta’ din il-persuna li seħħet minkejja rikors ippreżentat preċedentement quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti [Naczelny Sąd Aministracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva, il-Polonja)] kontra d-deċiżjoni ta’ korp nazzjonali [il-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Maġistratura, il-Polonja)] li tipproponi l-ħatra tal-persuna kkonċernata għall-funzjonijiet ta’ imħallef, kif ukoll is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni stabbilita skont id-dritt nazzjonali u minkejja li l-proċeduri quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti [Naczelny Sąd Aministracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva)] kienu għadhom pendenti fid-data tan-notifika tal-att ta’ ħatra?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq it-talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa

52      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti sostniet li tali proċedura hija ġġustifikata fid-dawl tal-fatt li, lil hinn minn din il-kawża prinċipali, ir-risposta għad-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha riperkussjonijiet fir-rigward tal-attività ġudizzjarja ta’ diversi mħallfin oħra reċentement assenjati lill-Awli differenti tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li l-ħatra tagħhom saret f’ċirkustanzi parzjalment jew totalment analogi għal dawk tal-ħatra tal-imħallef ikkonċernat.

53      L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq it-talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi suġġett għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien.

54      Għandu jitfakkar li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż sabiex jirrispondi għal sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-proċedura mħaffa tista’ ma tiġix applikata meta n-natura sensittiva u kumplessa tal-problemi ġuridiċi mqajma minn kawża tagħmilha diffiċli sabiex tiġi applikata tali proċedura, b’mod partikolari meta ma jkunx jidher xieraq li titqassar il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 103 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dan il-każ, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fl‑20 ta’ Awwissu 2019, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ t-talba msemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza.

56      Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tikkonċerna, essenzjalment, rikors li permezz tiegħu mħallef jikkontesta d-deċiżjoni li permezz tagħha huwa kien is-suġġett ta’ trasferiment minn diviżjoni tal-qorti li fiha kien jippresjedi sa dak iż-żmien għal diviżjoni oħra ta’ din l-istess qorti, rikors li fuqu kienet ibbażata talba għal rikuża tal-imħallfin mitluba sabiex jiddeċiedu fuqu. Issa, bħala tali, kawża ta’ dan it-tip ma hijiex ta’ natura li toħloq sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja.

57      Barra minn hekk, għalkemm id-domanda magħmula effettivament tirrigwarda dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, din għandha natura kumplessa u estremament sensittiva u taqa’ hija stess f’kuntest proċedurali u ġuridiku nazzjonali relattivament ikkumplikat, u għalhekk ma tistax tkun is-suġġett ta’ deroga mir-regoli ordinarji ta’ proċedura. Barra minn hekk, kien importanti wkoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif jirriżulta mill-punti 45, 48 u 49 ta’ din is-sentenza, uħud mid-domandi tal-qorti tar-rinviju li fuqhom hija bbażata d-domanda magħmula kienu diġà s-suġġett ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari oħrajn li kienu jinsabu fi stadji ta’ pproċessar pjuttost avvanzati.

 Fuq il-fażi orali tal-proċedura u t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tagħha

58      Wara l-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-partijiet ikkonċernati u, b’mod partikolari, il-Gvern Pollakk, ippreżentaw l-argumenti orali tagħhom fis-seduta li nżammet fit‑22 ta’ Settembru 2020. L-Avukat Ġenerali ppreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fil‑15 ta’ April 2021, f’liema data ngħalqet, konsegwentement, il-fażi orali tal-proċedura.

59      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Mejju 2021, il-Gvern Pollakk talab il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

60      Insostenn ta’ din it-talba, l-imsemmi gvern invoka l-fatt li kienu jeżistu differenzi ta’ opinjoni bejn, minn naħa, il-konklużjonijiet mogħtija mill-Avukat Ġenerali f’din il-kawża u, min-naħa l-oħra, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Repubblika (C‑896/19, EU:C:2020:1055) u s-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311), fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin nazzjonali fid-diversi Stati Membri fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

61      Il-Gvern Pollakk huwa wkoll tal-opinjoni li ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura huwa ġġustifikat, f’dan il-każ, minħabba l-fatt li, fil-konklużjonijiet tiegħu, li dan il-gvern ma jaqbilx magħhom, l-Avukat Ġenerali ma kkunsidrax biżżejjed l-argumenti tiegħu, b’tali mod li dawn il-konklużjonijiet ma humiex oġġettivi.

62      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-Istatut, li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu pubblikament jippreżenta, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’ dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li permezz tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, irrispettivament mill-kwistjonijiet li dan tal-aħħar jeżamina fil-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu motiv li jiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Fir-rigward tal-allegazzjonijiet tal-Gvern Pollakk dwar allegat nuqqas ta’ oġġettività tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-fatt li l-imsemmi gvern iqis li l-argumenti tiegħu, fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, ma ttieħdux suffiċjentement inkunsiderazzjoni f’dawn il-konklużjonijiet ma huwiex, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li jistabbilixxi tali nuqqas ta’ oġġettività.

65      Skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, barra minn hekk, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

66      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, madankollu, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li hija għandha, wara l-proċedura bil-miktub u s-seduta li nżammet quddiemha, l-elementi neċessarji kollha sabiex tagħti deċiżjoni fir-rigward ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Hija tirrileva, barra minn hekk, li t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura mressqa mill-Gvern Pollakk ma tiżvela l-ebda fatt ġdid ta’ natura li jista’ jinfluwenza d-deċiżjoni li hija mitluba tagħti.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq id-domanda preliminari

68      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun meħtieġ, tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo, C‑742/19, EU:C:2021:597, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tagħti risposta għad-domandi mressqa quddiemha mis-Sąd Najwyższy (Izba Cywilna) (il-Qorti Suprema ((Awla Ċivili)), ikkostitwita minn kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin, kif riprodotti fil-punt 39 ta’ din is-sentenza. Permezz ta’ dawn id-domandi, din il-qorti tal-aħħar tixtieq tkun taf jekk hijiex iġġustifikata li tinjora d-digriet kontenzjuż u, konsegwentement, mitluba tkompli bl-eżami tat-talba għal rikuża li hija adita biha fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jew jekk għandhiex tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar din it-talba, minħabba li l-imsemmi digriet temm it-tilwima fil-kawża prinċipali billi ddikjara inammissibbli r-rikors ippreżentat minn W.Ż. quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kontra r-riżoluzzjoni kontenzjuża.

70      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, permezz tal-imsemmija riżoluzzjoni, il-KNM iddikjara li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward ta’ rikors ippreżentat minn W.Ż. kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha l-President tas-Sąd Okręgowy w K. (il-Qorti Reġjonali ta’ K.), qorti li W.Ż. huwa assenjat lilha bħala mħallef, ittrasferixxa lil dan tal-aħħar, mingħajr il-kunsens tiegħu, mid-diviżjoni ta’ din il-qorti li fiha huwa kien jippresjedi sa dak iż-żmien, għal diviżjoni oħra tal-imsemmija qorti.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali adita b’talba għal rikuża bbażata fuq rikors li permezz tiegħu mħallef jikkontesta deċiżjoni li biha huwa ġie ttrasferit, mingħajr il-kunsens tiegħu, minn diviżjoni għal oħra tal-qorti li lilha huwa assenjat, għandha tqis bħala ineżistenti digriet li bih istanza, li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, f’formazzjoni ta’ mħallef uniku, ċaħdet l-imsemmi rikors, minħabba li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom seħħet il-ħatra tal-imħallef uniku li jippresjedi fl-imsemmija qorti, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi, fis-sens tal-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

72      Fir-rigward tal-imsemmija ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tinsisti, b’mod partikolari, fid-domanda tagħha, fuq il-fatt li, fid-data tal-ħatra tal-imħallef ikkonċernat, ir-riżoluzzjoni tal-KNM, li permezz tagħha dan l-imħallef kien ġie propost għal din il-ħatra, kienet is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja, kif ukoll fuq il-fatt li n-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema), adita b’dan ir-rikors, kienet ordnat is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni.

73      Kif jirriżulta mill-punti 45, 48 u 49 ta’ din is-sentenza, fil-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll dubji li hija għandha, f’dan il-kuntest, f’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-emendi suċċessivi li affettwaw ir-regoli nazzjonali li jirregolaw tali azzjonijiet ġudizzjarji u l-kompetenza tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) sabiex tieħu konjizzjoni tagħhom, u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas apparenti ta’ indipendenza tal-KNM, filwaqt li tenfasizza li dawn iż-żewġ kwistjonijiet kienu, barra minn hekk, diġà s-suġġett ta’ rinviju għal deċiżjonijiet preliminari mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fil-kawża li wasslet għas-sentenza A.B. et kif ukoll fil-kawżi magħquda li wasslu għas-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982).

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

74      Skont il-Prokurator Generalny (il-Prosekutur Ġenerali, il-Polonja), il-modalitajiet proċedurali applikabbli fil-qasam tal-ħatra tal-imħallfin u l-kundizzjonijiet ta’ validità ta’ tali ħatriet jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri u ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, dawn il-kwistjonijiet ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

75      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’, ċertament, taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma obbligati josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni u li dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ regoli nazzjonali dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin u, fejn ikun il-każ, ta’ regoli dwar l-istħarriġ ġudizzjarju applikabbli fil-kuntest ta’ tali proċeduri ta’ ħatra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi A.B. et, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 48)).

76      Barra minn hekk, l-argument hekk imressaq mill-Prosekutur Ġenerali, fir-realtà, jirrigwarda l-portata stess u, għaldaqstant, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju msemmija fid-domanda magħmula, liema interpretazzjoni taqa’ manifestament taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 111 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

77      Min-naħa tiegħu, il-Gvern Pollakk isostni li l-għan tad-domanda preliminari ma huwiex li tinkiseb interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda hija intiża biss għat-tisħiħ tal-argument tal-qorti tar-rinviju li l-imħallef ikkonċernat ma huwiex indipendenti u imparzjali, u lanqas ma huwa maħtur legalment, li jimplika kemm interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirregolaw il-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin, kif ukoll kunsiderazzjoni tal-fatti fid-dawl tal-imsemmija dispożizzjonijiet u l-eżami tal-punt dwar jekk tali ksur tad-dritt nazzjonali wassalx għal ksur tad-dritt tal-Unjoni. Issa, tali kwistjonijiet ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari.

78      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, madankollu, minn naħa, li, għalkemm, fil-kuntest ta’ proċedura indikata fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija, ċertament, il-qorti nazzjonali biss li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2017, Farkas, C‑564/15, EU:C:2017:302, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), xorta jibqa’ l-fatt li hija l-Qorti tal-Ġustizzja, għall-kuntrarju, li għandha tipprovdi lill-qorti nazzjonali li tkun ressqet quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli fis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-indikazzjonijiet inklużi fid-deċiżjoni tar-rinviju fir-rigward tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-imsemmija tilwima u għall-fatti li jikkaratterizzaw lil din tal-aħħar.

79      Min-naħa l-oħra, għalkemm ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għall-kuntrarju, ġurisdizzjoni sabiex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni u li jkunu jistgħu jippermettu lill-qorti tar-rinviju tevalwa tali konformità għall-finijiet tas-sentenza fil-kawża li hija tkun adita biha (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni fuq din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq l-ammissibbiltà

81      Il-Gvern Pollakk u l-Prosekutur Ġenerali jikkunsidraw li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli għal diversi raġunijiet.

82      Fl-ewwel lok, il-Prosekutur Ġenerali jsostni li, meta tiddeċiedi dwar rikors bħal dak fil-kawża prinċipali intiż kontra riżoluzzjoni tal-KNM, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma taġixxix bħala qorti li tiddeċiedi dwar tilwima, iżda fil-kwalità ta’ “korp ta’ protezzjoni legali” li jintervjeni fi proċedura dwar riżoluzzjoni “astratta”.

83      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kundizzjonijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja twettaq il-funzjoni tagħha fil-qasam ta’ deċiżjoni preliminari huma indipendenti min-natura u mill-għan tal-proċeduri kontenzjużi mibdija quddiem il-qrati nazzjonali. L-Artikolu 267 TFUE jirreferi għas-sentenza li għandha tingħata mill-qorti nazzjonali mingħajr ma tipprevedi reġim partikolari skont in-natura tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, EU:C:1981:302, punt 33).

84      Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-qrati nazzjonali jistgħu jirrikorru għall-Qorti tal-Ġustizzja jekk kawża tkun pendenti quddiemhom u jekk ikunu mitluba jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, Belov, C‑394/11, EU:C:2013:48, punt 39).

85      Issa, dan huwa manifestament il-każ hawnhekk.

86      Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fil-kawża prinċipali, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) hija mitluba tiddeċiedi fuq rikors li permezz tiegħu W.Ż. jikkontesta riżoluzzjoni tal-KNM li tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward tar-rikors li huwa ppreżenta quddiem dan il-korp kontra deċiżjoni li biha huwa ġie ttrasferit, mingħajr il-kunsens tiegħu, minn diviżjoni għal oħra tal-qorti li lilha huwa assenjat bħala mħallef.

87      Fit-tieni lok, il-Gvern Pollakk jallega li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija, f’dan il-każ, mitluba ma humiex applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali u li huma ma jistgħux, b’mod partikolari, jimponu obbligi fuq Stat Membru meta jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ trasferiment applikabbli għall-imħallfin jew il-proċedura ta’ ħatra tagħhom, u lanqas ma jistgħu jobbligaw lill-President tar-Repubblika jissospendi l-ħruġ tal-atti ta’ ħatra tal-imħallfin sakemm in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tkun iddeċidiet fuq ir-rikors ippreżentat kontra riżoluzzjoni tal-KNS. Dawn il-kwistjonijiet kollha jaqgħu, fil-fatt, taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 5 TUE moqri flimkien mal-Artikoli 3 u 4 TFUE.

88      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma għandha l-ebda kompetenza, skont id-dritt nazzjonali, sabiex tadotta deċiżjoni ekwivalenti de facto għal revoka ta’ mandat tal-imħallef ikkonċernat u kull ħolqien ta’ tali kompetenza fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni jew ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jikser ċerti prinċipji kostituzzjonali interni fundamentali bi ksur tal-Artikolu 4(2) TUE, kif ukoll tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, ta’ impediment ta’ tneħħija tal-imħallfin u ta’ ċertezza legali.

89      F’dan ir-rigward, minn naħa, diġà tfakkar, fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom, b’mod partikolari dik dwar l-istabbiliment ta’ regoli nazzjonali li jirregolaw il-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin u l-issuġġettar tiegħu għal stħarriġ ġudizzjarju, l-Istati Membri huma obbligati josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni.

90      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti hekk imressqa mill-Gvern Pollakk jirrigwardaw, essenzjalment, il-portata u, għaldaqstant, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma s-suġġett tad-domanda preliminari, kif ukoll l-effetti li jistgħu jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet, fid-dawl, b’mod partikolari, tas-supremazija marbuta ma’ dan id-dritt. Tali argumenti, li jikkonċernaw il-mertu tad-domanda magħmula, ma jistgħux għalhekk, min-natura tagħhom stess, iwasslu għal inammissibbiltà ta’ din (ara, f’dan is-sens, is-sentenza A.B. et, punt 80).

91      Fit-tielet lok, il-Gvern Pollakk u l-Prosekutur Ġenerali jikkunsidraw li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari ma hijiex neċessarja fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

92      L-imsemmija partijiet ikkonċernati jikkunsidraw, l-ewwel, li peress li r-rikors ta’ W.Ż. kontra r-riżoluzzjoni kontenzjuża ġie miċħud permezz tad-digriet kontenzjuż, ma teżistix iktar tilwima li għandha tiġi deċiża fil-kawża prinċipali, b’tali mod li t-talba għal rikuża pendenti quddiem is-Sąd Najwyższy (Izba Cywilna) (il-Qorti Suprema ((Awla Ċivili)), ikkostitwita minn kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin, issa ma għadx għandha skop.

93      F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li, kif indikat il-qorti tar-rinviju, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula hija neċessarja sabiex tippermetti lil din il-qorti nazzjonali tirrispondi għad-domandi magħmulha lilha mis-Sąd Najwyższy (Izba Cywilna) (il-Qorti Suprema ((Awla Ċivili)), ikkostitwita minn kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin, u li huma intiżi speċifikament sabiex jiġi ddeterminat jekk din l-aħħar qorti għandhiex tqis bħala ineżistenti d-digriet kontenzjuż u jekk tibqax, għalhekk, mitluba tiddeċiedi fuq it-talba għal rikuża li hija adita biha.

94      Minn dan isegwi, f’dan il-każ, li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja hija neċessarja sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju u, sussegwentement, lis-Sąd Najwyższy (Izba Cywilna) (il-Qorti Suprema (Awla Ċivili)), ikkostitwita minn kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin, tiddeċiedi kwistjonijiet li jirriżultaw in limine litis, qabel ma’ din l-aħħar qorti tkun tista’, jekk ikun il-każ, tiddeċiedi fuq il-mertu tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-oġġezzjoni tal-Gvern Pollakk u tal-Prosekutur Ġenerali għandha tiġi miċħuda.

95      It-tieni, il-Prosekutur Ġenerali jsostni li t-talba għal rikuża pendenti fil-kawża prinċipali kellha tiġi ddikjarata inammissibbli skont il-ġurisprudenza nazzjonali peress li hija ġiet indirizzata lil imħallfin li ma kienx għadhom ġew innominati sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża kkonċernata.

96      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed, madankollu, li jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tteħditx konformement mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarji (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u lanqas, b’mod partikolari, li teżamina l-kwistjoni dwar jekk talba pendenti quddiem qorti tar-rinviju hijiex ammissibbli skont dawn ir-regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2000, Schnorbus, C‑79/99, EU:C:2000:676, punti 21 u 22).

97      It-tielet, skont il-Prosekutur Ġenerali, filwaqt li d-domanda preliminari magħmula hija bbażata fuq l-affermazzjoni li nkisru regoli li jirregolaw il-proċedura nazzjonali ta’ ħatra ta’ mħallfin, tali ksur tad-dritt nazzjonali ma seħħx.

98      F’dan ir-rigward, madankollu diġà tfakkar, fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u lanqas li tevalwa l-fatti.

99      Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-Prosekutur Ġenerali jsostni li l-motivazzjoni inkluża fit-talba għal deċiżjoni preliminari ma tosservax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, l-espożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli inkluża fl-imsemmija deċiżjoni hija selettiva u ma ssostnix l-allegat ksur tal-proċedura nazzjonali ta’ ħatra tal-imħallfin, filwaqt li r-raġunijiet li ddettaw l-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba u li huma xierqa sabiex tiġi stabbilita r-rabta meħtieġa bejniethom u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali lanqas ma huma spjegati mill-imsemmija qorti.

100    F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi kkonstatat li mill-elementi msemmija fil-punti 3 sa 28 u 40 sa 50 ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi l-elementi kollha neċessarji, b’mod partikolari dawk relatati mal-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw f’dan il-każ, mar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll dawk relatati mar-rabtiet li tistabbilixxi l-imsemmija qorti bejn din id-dispożizzjoni u r-regoli nazzjonali msemmija iktar ’il fuq, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi fuq id-domanda li hija adita biha.

101    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

102    Kif previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri li tiżgura lill-partijiet fil-kawża l-osservanza tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, li għalih jirreferi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB u li fil-preżent huwa kkonfermat fl-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑397/19, C‑291/19 u C‑355/19, EU:C:2021:393, punt 190 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din l-aħħar dispożizzjoni għandha, għalhekk, tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Artikolu 19(1) TUE, din id-dispożizzjoni tkopri “[l]-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, indipendentement mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 192 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kull Stat Membru għandu għalhekk jiżgura, b’mod partikolari, li l-istanzi li, bħala “qrati” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, jagħmlu parti mis-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, u li, għalhekk, jistgħu jagħtu deċiżjoni, f’din il-kwalità, fuq l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza A.B. et, punt 112 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

105    Fir-rigward tal-kawża prinċipali, għandu jitfakkar, qabelxejn, li r-rikors ippreżentat minn W.Ż. quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) huwa dirett kontra riżoluzzjoni tal-KNM li ddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar il-kontestazzjoni li l-persuna kkonċernata kienet adixxiet lill-imsemmi korp fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-President tas-Sąd Okręgowy w K. (il-Qorti Reġjonali ta’ K.) li abbażi tagħha, mingħajr il-kunsens ta’ W.Ż., huwa ġie ttrasferit mid-diviżjoni ta’ din il-qorti li fiha huwa kien jippresjedi sa dak iż-żmien, għal diviżjoni oħra ta’ din l-istess qorti.

106    F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li qorti ordinarja Pollakka bħal Sąd Okręgowy (il-Qorti Reġjonali) tista’ tasal sabiex tiddeċiedi dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li hija taqa’, għaldaqstant, bħala “qorti”, fis-sens ta’ dan id-dritt, taħt is-sistema Pollakka ta’ rimedji ġudizzjarji fl-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji), C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 104, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari għal imħallfin) C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 55).

107    Sabiex jiġi żgurat li tali istanza tkun tista’ tiggarantixxi l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva meħtieġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-ħarsien tal-indipendenza tagħha hija primordjali, kif jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti “indipendenti” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv (sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 194 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari għal imħallfin) C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 57).

108    Dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti għall-kompitu ta’ għoti ta’ deċiżjoni, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali sa fejn jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni u l-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari tal-valur tal-Istat tad-dritt (sentenzi tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari għal imħallfin) C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 58).

109    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, tal-ħatra, tat-tul tal-kariga kif ukoll tar-raġunijiet għall-astensjoni, għar-rikuża u għat-tneħħija tal-membri tagħha, li jippermettu l-esklużjoni ta’ kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi quddiemha (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li l-imħallfin ikunu protetti kontra interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tagħhom. Ir-regoli applikabbli għall-istatus tal-imħallfin u għall-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom ta’ mħallef għandhom, b’mod partikolari, jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati, u għalhekk jeskludu assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tagħhom li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C-397/19, EU:C:2021:393, punt 197 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    Il-libertà indispensabbli tal-imħallfin fir-rigward ta’ kwalunkwe intervent jew pressjoni esterna teżiġi għalhekk, b’mod partikolari, ċerti garanziji li jipproteġu lill-persuni li għandhom il-kompitu li jagħtu deċiżjoni, fosthom l-impediment ta’ tneħħija (sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    Fid-dawl tal-importanza kardinali tal-prinċipju ta’ impediment ta’ tneħħija, eċċezzjoni għall-imsemmi prinċipji tista’ tiġi aċċettata biss jekk tkun iġġustifikata minn għan leġittimu u tkun proporzjonata fir-rigward tiegħu u sakemm din ma hijiex ta’ natura li toħloq dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-qrati kkonċernati fil-konfront ta’ elementi esterni u n-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi quddiemha. Għalhekk, huwa normalment aċċettat li l-imħallfin ikunu jistgħu jitneħħew jekk ma jkunux jistgħu jkomplu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom minħabba inkapaċità jew nuqqas serju, permezz tal-osservanza ta’ proċeduri xierqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji), C‑192/18, EU:C:2019:924, punti 113 u 115 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

113    F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-imħallfin li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jimponi li s-sistema dixxiplinari applikabbli għalihom ikollha l-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ użu ta’ tali sistema bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Regoli li jiddefinixxu, b’mod partikolari, kemm l-aġir li jikkostitwixxi ksur dixxiplinari kif ukoll is-sanzjonijiet effettivament applikabbli, li jipprevedu l-intervent ta’ istanza indipendenti konformement ma’ proċedura li tiggarantixxi b’mod sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża, u li jistabbilixxu l-possibbiltà li d-deċiżjonijiet tal-korpi dixxiplinari jiġu kkontestati permezz ta’ proċeduri legali, jikkostitwixxu għalhekk ġabra ta’ garanziji li huma essenzjali sabiex titħares l-indipendenza tal-poter ġudizzjarju (sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 198 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari għal imħallfin) C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 61)).

114    Issa, it-trasferimenti mingħajr kunsens ta’ mħallef għal qorti oħra jew, kif kien il-każ fil-kawża prinċipali, it-trasferiment mingħajr kunsens ta’ mħallef minn diviżjoni għal oħra tal-istess qorti huma, dawn wkoll, potenzjalment ta’ natura li jippreġudikaw il-prinċipji ta’ impediment tneħħija u ta’ indipendenza tal-imħallfin.

115    Fil-fatt, tali bidliet jistgħu jikkostitwixxu mezz sabiex jiġi eżerċitat kontroll fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji peress li dawn jistgħu mhux biss jaffettwaw il-portata tas-setgħat tal-maġistrati kkonċernati u l-ipproċessar tal-fajls fdati lilhom, iżda wkoll ikollhom konsegwenzi sinjifikattivi fuq il-ħajja u l-karriera tagħhom u, għalhekk, ikollhom effetti analogi għal dawk ta’ sanzjoni dixxiplinari.

116    Wara li eżaminat diversi strumenti internazzjonali li jittrattaw il-kwistjoni tat-trasferimenti ġudizzjarji, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrilevat li tali strumenti kienu intiżi sabiex jikkonfermaw l-eżistenza ta’ dritt tal-membri tal-poter ġudizzjarju għal protezzjoni kontra trasferiment arbitrarju, bħala korollarju għall-indipendenza ġudizzjarja. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti enfasizzat b’mod partikolari l-importanza ta’ salvagwardji proċedurali u ta’ possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-karriera tal-imħallfin, inkluż l-istatus tagħhom, u b’mod partikolari d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment mingħajr kunsens li jaffettwawhom, sabiex jiġi żgurat li l-indipendenza tagħhom ma tkunx kompromessa minn influwenzi esterni indebiti (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 9 ta’ Marzu 2021, Bilgen vs It-Turkija, CE:ECHR:2021:0309JUD000157107, punti 63 u 96).

117    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-imħallfin li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jimponi li s-sistema applikabbli għat-trasferimenti tagħhom mingħajr kunsens għandha tinkludi, bħar-regoli fil-qasam dixxiplinari, b’mod partikolari l-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju li din l-indipendenza tiġi pperikolata permezz ta’ interventi esterni diretti jew indiretti. Minn dan isegwi li r-regoli u l-prinċipji mfakkra fil-punt 113 ta’ din is-sentenza dwar is-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin għandhom, mutatis mutandis, japplikaw ukoll fir-rigward ta’ tali sistema ta’ trasferimenti.

118    Għalhekk, huwa importanti li, anki meta tali miżuri ta’ trasferiment mingħajr kunsens huma, bħal fil-kuntest tal-kawża prinċipali, adottati mill-President tal-qorti li għaliha jappartjeni l-imħallef ikkonċernat minnhom lil hinn mill-kuntest tas-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin, l-imsemmija miżuri jistgħu jiġu adottati biss għal raġunijiet leġittimi marbuta b’mod partikolari ma’ tqassim tar-riżorsi disponibbli li jippermettu li tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, u li tali deċiżjonijiet ikunu jistgħu jiġu kkontestati b’mod ġudizzjarju, skont proċedura li tiggarantixxi b’mod sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża.

119    Fir-rigward tal-kuntest tal-kawża prinċipali, ir-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman, il-Polonja), b’mod partikolari, sostna quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel, li d-deċiżjoni ta’ trasferiment ikkontestata minn W.Ż. hija kkunsidrata minnu bħala li tikkostitwixxi żgradar mhux iġġustifikat, peress li l-persuna kkonċernata ġiet ittrasferita minn diviżjoni ċivili tal-qorti reġjonali li tiddeċiedi fl-appell għal diviżjoni ċivili ta’ din l-istess qorti li tiddeċiedi fl-ewwel istanza, it-tieni, li W.Ż. kien membru u kelliem tal-ex KNM u kien magħruf għall-kritika pubblika tiegħu tar-riformi ġudizzjarji reċenti fil-Polonja u, it-tielet, li l-President tal-qorti li ddeċieda dwar it-trasferiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali nħatar mill-Ministru għall-Ġustizzja b’mod diskrezzjonali skont l-Artikolu 24(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, bħala sostitut tal-President preċedenti ta’ din l-istess qorti li l-mandat tiegħu kien għadu madankollu fis-seħħ. Filwaqt li jitfakkar li r-rikors ippreżentat minn W.Ż. kontra l-imsemmija deċiżjoni ta’ trasferiment ġie kklassifikat mingħajr segwitu mir-riżoluzzjoni kontenzjuża, l-Ombudsman sostna wkoll, f’dan il-kuntest, u billi rrepeta d-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, li l-KNM il-ġdid li adotta din ir-riżoluzzjoni ma kienx jikkostitwixxi korp indipendenti.

120    Għalkemm ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, adita, bħal f’dan il-każ, b’domanda preliminari, li tivverifika sa fejn tali fatti jew uħud minnhom effettivament seħħew, xorta jibqa’ neċessarju, fi kwalunkwe każ, sabiex tiġi ggarantita possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni ta’ trasferiment mingħajr kunsens bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li qorti indipendenti u imparzjali stabbilita mil-liġi tkun tista’, konformement ma’ proċedura li tiggarantixxi bis-sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, tistħarreġ il-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll dik tad-deċiżjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni adottata minn korp bħall-KNM fir-rigward tal-kontestazzjoni ppreżentata kontra l-imsemmija deċiżjoni ta’ trasferiment.

121    F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, u kif jirriżulta mill-punt 71 ta’ din is-sentenza, li tiddetermina jekk, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni jimponix li d-digriet kontenzjuż li permezz tiegħu l-imħallef ikkonċernat ċaħad r-rikors ippreżentat minn W.Ż. kontra r-riżoluzzjoni kontenzjuża jitqies bħala ineżistenti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom saret il-ħatra ta’ dan l-imħallef. Skont il-formulazzjoni tagħha, din id-domanda tirrigwarda, b’mod iktar preċiż, il-punt dwar jekk, fid-dawl tal-imsemmija ċirkustanzi, dan l-imħallef jistax jitqies li jikkostitwixxi “qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel mil-liġi, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni”.

122    Fir-rigward ta’ dawn il-kunċetti, mill-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li tirrifletti, essenzjalment u kif diġà tfakkar fil-punt 102 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għalih jirreferi wkoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jirriżulta li kull persuna għandha d-dritt għal smigħ xieraq, pubbliku u fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi.

123    Barra minn hekk, sa fejn il-Karta tistabbilixxi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-KEDB, l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet inklużi fiha u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, mingħajr ma dan jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. Skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għalhekk, tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka, C‑38/18, EU:C:2019:628, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il-Kunsill u HG vs Il-Kummissjoni, C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2020:232, punt 72).

124    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzat b’mod partikolari li, għalkemm id-dritt għal “tribunal […] mwaqqaf b’liġi” ggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB jikkostitwixxi dritt awtonomu, dan tal-aħħar xorta waħda għandu rabtiet mill-qrib ħafna mal-garanziji ta’ “indipendenza” u ta’ “imparzjalità”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, l-imsemmija qorti ddeċidiet b’mod partikolari li minkejja li r-rekwiżiti istituzzjonali tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB għandhom għan preċiż li jipprovdu garanziji speċifiċi għal smigħ xieraq, dawn għandhom komuni bejniethom il-fatt li huma intiżi għall-osservanza tal-prinċipji fundamentali tal-Istat tad-dritt u tas-separazzjoni tal-poteri, filwaqt li tispeċifika, f’dan ir-rigward, li kull wieħed minn dawn ir-rekwiżiti huwa bbażat fuq il-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-fiduċja li l-poter ġudizzjarju għandu jispira fil-parti fil-kawża u l-indipendenza ta’ dan il-poter fil-konfront tal-poteri l-oħra (il-Qorti EDB, l‑1 ta’ Diċembru 2020, Ástráðsson vs L-Islanda, CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 231 u 233)

125    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem indikat ukoll li, fid-dawl tal-konsegwenzi fundamentali li l-imsemmi proċess jinvolvi għall-funzjonament tajjeb u għall-leġittimità tal-poter ġudizzjarju fi Stat demokratiku rregolat mill-Istat tad-dritt, tali proċess jikkostitwixxi neċessarjament element inerenti għall-kunċett ta’ “qorti stabbilita mil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, filwaqt li ppreċiżat li l-indipendenza ta’ qorti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tintiżen, b’mod partikolari, bil-mod kif il-membri tagħha jkunu nħatru (il-Qorti EDB, l‑1 ta’ Diċembru 2020, Ástráðsson vs L-Islanda, CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 227 u 232).

126    Kif iddeċidiet, min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel mil-liġi, u b’mod partikolari dawk li jiddeterminaw il-kunċett tagħha kif ukoll il-kompożizzjoni tagħha, jirrappreżentaw il-bażi tad-dritt għal smigħ xieraq. Il-verifika dwar jekk, permezz tal-kompożizzjoni tagħha, istanza tikkostitwixxix tali qorti, meta jkun hemm dubju serju dwar dan il-punt, hija neċessarja għall-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fil-partijiet fil-kawża (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il-Kunsill u HG vs Il-Kummissjoni, C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2020:232, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

127    Konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li huwa karatteristika tal-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, l-indipendenza tal-qrati għandha b’mod partikolari tiġi żgurata fil-konfront tal-poter leġiżlattiv u dak eżekuttiv (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Kif tfakkar fil-punti 109 u 110 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli, fosthom, b’mod partikolari, dawk li jikkonċernaw il-kompożizzjoni tal-istanza u l-ħatra tal-membri tagħha, li jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fil-konfront ta’ elementi esterni u tan-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi quddiemha.

129    Barra minn hekk, fil-punt 73 tas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il-Kunsill u HG vs Il-Kummissjoni (C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2020:232), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, b’riferiment f’dan ir-rigward, għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li l-introduzzjoni tal-espressjoni “mwaqqaf b’liġi” fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB għandha l-għan li tevita li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja titħalla għad-diskrezzjoni tal-eżekuttiv u li tiżgura li din il-materja tkun irregolata minn liġi adottata mill-poter leġiżlattiv b’mod konformi mar-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha. Din l-espressjoni tirrifletti, b’mod partikolari, il-prinċipju tal-istat tad-dritt u tikkonċerna mhux biss il-bażi legali tal-eżistenza stess tal-qorti, iżda wkoll il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti f’kull kawża kif ukoll kull dispożizzjoni oħra tad-dritt intern li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jirrendi irregolari l-parteċipazzjoni ta’ mħallef wieħed jew iktar fl-eżami tal-kawża, li jinkludi, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-qorti kkonċernata.

130    Fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet, abbażi, f’dan ir-rigward, tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li irregolarità mwettqa matul il-ħatra ta’ mħallfin fi ħdan is-sistema ġudizzjarja kkonċernata twassal għal ksur tar-rekwiżit li qorti tkun stabbilita mil-liġi, b’mod partikolari meta din l-irregolarità hija ta’ natura u ta’ gravità tali li toħloq riskju reali li fergħat oħra tal-poter, b’mod partikolari l-eżekuttiv, ikunu jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita li tipperikola l-integrità tar-riżultat li jwassal għaliha l-proċess ta’ ħatra u għalhekk toħloq dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallef jew tal-imħallfin ikkonċernati, li jkun il-każ meta jkunu inkwistjoni regoli fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-istabbiliment u mill-funzjonament ta’ din is-sistema ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il-Kunsill u HG vs Il-Kummissjoni, C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2020:232, punt 75).

131    Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi, fid-dawl tal-prinċipji kollha li għadhom kemm tfakkru, fil-punti 126 sa 130 ta’ din is-sentenza, u wara li tkun wettqet l-evalwazzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan, fuq il-punt dwar jekk iċ-ċirkustanzi kollha li fihom saret il-ħatra tal-imħallef ikkonċernat u, b’mod partikolari, l-irregolaritajiet eventwali li twettqu fil-proċedura ta’ ħatra tiegħu, humiex ta’ natura li jwasslu għall-konklużjoni li l-istanza li fiha tali mħallef adotta d-digriet kontenzjuż, fil-formazzjoni ta’ mħallef uniku, ma aġixxietx bħala “qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel mil-liġi”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

132    Fil-fatt, kif tfakkar essenzjalment fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, iżda jawtorizzaha biss tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u l-atti mwettqa mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

133    Madankollu, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita f’dan l-Artikolu 267 TFUE, fuq il-bażi tal-elementi fl-atti tal-proċess, tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 201 u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    F’dan il-każ, id-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar il-kwalità ta’ “qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel mil-liġi” tal-imħallef kkonċernat, meta adotta d-digriet kontenzjuż, jirriżultaw, fl-ewwel lok, mill-fatt li l-ħatra ta’ dan l-imħallef seħħet minkejja li r-Riżoluzzjoni Nru 331/2018 tal-KNM li ppreżentat lill-persuna kkonċernata għal din il-ħatra kienet is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja pendenti quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema), fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, għandu bħala konsegwenza li din il-ħatra seħħet bi ksur tad-dritt nazzjonali applikabbli.

135    F’dan ir-rigward, kemm il-Gvern Pollakk u l-Prosekutur Ġenerali kif ukoll il-Kummissjoni, madankollu, irrilevaw li r-regoli nazzjonali fis-seħħ meta ġie ppreżentat l-imsemmi rikors u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1ter) u (4) tal-Liġi dwar il-KNM, ma kinux, jekk wieħed jibbaża ruħu fuq il-formulazzjoni tagħhom, ta’ natura li jissuġġerixxu li tali rikors jista’, fl-aħħar mill-aħħar, iwassal għal kontestazzjoni tal-proposta ta’ ħatra tal-kandidat magħżul mill-KNM, u lanqas ma kienu, għaldaqstant, ta’ ostakolu għal ħatra tal-persuna kkonċernata.

136    Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju f’din il-kawża jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju li l-ħatra tal-imħallef ikkonċernat saret bi ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-ħatra tal-imħallfin tirriżulta mhux mill-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 44(1ter) u (4) tal-Liġi dwar il-KNM ġew injorati, f’dan il-każ, iżda pjuttost mill-fatt li, skont din il-qorti, l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali jiksru huma stess ċerti dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni u tad-dritt tal-Unjoni.

137    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk il-qorti tar-rinviju finalment tikkunsidra li, fid-dawl tad-dritt nazzjonali fis-seħħ fid-data li fiha saret il-ħatra tal-Imħallef ikkonċernat, is-sempliċi fatt li rikors bħal dak imsemmi fil-punt 134 ta’ din is-sentenza kien pendenti quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva) ma kienx b’mod ċar ta’ natura li jipprekludi lill-President tar-Repubblika milli jipproċedi għal din il-ħatra, ma jistax jitqies li l-imsemmija ħatra saret bi ksur manifest tar-regoli fundamentali applikabbli fil-qasam tal-ħatra tal-imħallfin, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 130 ta’ din is-sentenza.

138    Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju, madankollu, semmiet ukoll, minn naħa, li l-ħatra tal-imħallef ikkonċernat kienet seħħet bi ksur tad-deċiżjoni definittiva tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) li ordnat, b’mod kawtelatorju, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tar-Riżoluzzjoni Nru 331/2018, minkejja li tali sospensjoni tal-eżekuzzjoni kienet timplika, skont il-qorti tar-rinviju, projbizzjoni, għall-President tar-Repubblika, li jipproċedi b’tali ħatra.

139    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju rreferiet, kif jirriżulta mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, għall-fatt li l-imsemmija ħatra saret, b’dan il-mod, bi ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 365(1), 391(1) u 39821 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, u tal-Artikolu 44(3) tal-Liġi dwar il-KNM, li jagħtu lil din il-qorti s-setgħa li tadotta tali miżuri kawtelatorji kif ukoll tal-Artikoli 7 u 10 tal-Kostituzzjoni dwar is-separazzjoni u l-bilanċ bejn il-poteri eżekuttivi u ġudizzjarji u l-limiti li jirregolaw l-azzjoni tagħhom.

140    Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju enfasizzat ukoll li, fid-data tal-ħatra tal-imħallef ikkonċernat, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) kienet, barra minn hekk, issospendiet il-proċeduri fuq ir-rikors ippreżentat kontra r-Riżoluzzjoni Nru 331/2018, u dan, fl-istennija tas-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tagħti wara rinviju għal deċiżjoni preliminari magħmul minn din l-istess qorti nazzjonali fil-kawża A.B. et (C‑824/18). Issa, għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) riedet speċifikatament tikseb mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja kjarifiki dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni u mad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv iggarantit minn dan id-dritt, tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Artikolu 44(1ter) u (4) tal-Liġi dwar il-KNM.

141    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, meta saret il-ħatra tal-imħallef ikkonċernat, ma setax, qabel kollox, jiġi injorat li l-effetti tar-Riżoluzzjoni Nru 331/2018 li pproponiet il-ħatra tal-persuna kkonċernata kienu ġew sospiżi permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema). Sussegwentement, kien manifest li tali sospensjoni kienet ser tibqa’ fis-seħħ, f’dan il-każ, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet fuq id-domanda preliminari li din l-istess qorti nazzjonali kienet għamlitilha b’deċiżjoni tat‑22 ta’ Novembru 2018 fil-kawża li wasslet għas-sentenza A.B. et u li l-imsemmija domanda kienet intiża preċiżament sabiex isir magħruf jekk id-dritt tal-Unjoni kienx jipprekludi dispożizzjonijiet bħal dawk tal-Artikolu 44(1ter) u (4) tal-Liġi dwar il-KNM. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien, fl-aħħar nett, ukoll ċar li r-risposta mistennija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija kawża setgħet twassal lin-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) sabiex ikollha, konformement mal-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, twarrab l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali u, jekk ikun il-każ, tannulla din ir-riżoluzzjoni tal-KNM fl-intier tagħha.

142    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-effikaċja sħiħa tad-dritt tal-Unjoni teżiġi li l-imħallef li għandu quddiemu tilwima rregolata minn dan id-dritt ikun jista’ jadotta miżuri provviżorji sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata. Fil-fatt, jekk il-qorti nazzjonali li tissospendi l-proċeduri quddiemha sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari tagħha ma tkunx tista’ tadotta miżuri provviżorji sakemm tagħti d-deċiżjoni tagħha wara r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-effett utli tas-sistema stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE jitnaqqas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et, C‑213/89, EU:C:1990:257, punti 21 u 22, kif ukoll tad‑9 ta’ Novembru 1995, Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (I), C‑465/93, EU:C:1995:369, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-effettività ta’ din is-sistema tiġi kompromessa wkoll jekk l-awtorità marbuta ma’ tali miżuri provviżorji tkun tista’ tiġi injorata, b’mod partikolari, minn awtorità pubblika li taqa’ taħt l-Istat Membru li fih ġew adottati l-imsemmija miżuri.

143    Għalhekk, il-ħatra tal-imħallef ikkonċernat bi ksur tal-awtorità li kienet marbuta mad-digriet definittiv tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tas‑27 ta’ Settembru 2018, u mingħajr stennija tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li wasslet għas-sentenza A.B. et, ippreġudikat l-effettività tas-sistema stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE. F’dan ir-rigward, għandu barra minn hekk jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fid-dispożittiv tas-sentenza tagħha A.B. et, billi bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, fuq il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 156 sa 165 ta’ din is-sentenza, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet li jemendaw l-istat tad-dritt nazzjonali fis-seħħ u li jipprovdu:

–        minn naħa, minkejja l-preżentata, minn kandidat għal pożizzjoni ta’ mħallef f’qorti bħas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ korp bħall-KNM li ma jaċċettax il-kandidatura tiegħu, iżda li jippreżenta dik ta’ kandidati oħra lill-President tar-Repubblika, din id-deċiżjoni għandha natura definittiva sa fejn din tippreżenta lil dawn il-kandidati l-oħra, b’tali mod li dan ir-rikors ma jostakolax il-ħatra ta’ dawn tal-aħħar mill-President tar-Repubblika u li l-eventwali annullament tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn din ma tkunx ippreżentat lir-rikorrent għall-ħatra ma jistax iwassal għal evalwazzjoni ġdida tas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar għall-finijiet tal-għoti eventwali tal-pożizzjoni kkonċernata, u,

–        min-naħa l-oħra, tali rikors ma jistax ikun fondat fuq motiv ibbażat fuq evalwazzjoni mhux xierqa tal-osservanza, mill-kandidati, tal-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni meta tittieħed deċiżjoni dwar il-preżentazzjoni tal-proposta ta’ ħatra,

meta jkun jidher, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa abbażi tal-elementi rilevanti kollha, li dawn id-dispożizzjonijiet huma ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin hekk maħtura mill-President tar-Repubblika fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet tal-KNM, fir-rigward ta’ elementi esterni, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva, u fir-rigward tan-newtralità tagħhom fil-konfront tal-interessi quddiemhom u, għaldaqstant, jistgħu jwasslu għal assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-persuni fil-kawża f’soċjetà demokratika u ta’ Stat tad-dritt.

144    F’din l-istess sentenza A.B. et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-każ ta’ ksur ikkonfermat tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-qorti tar-rinviju li twarrab l-imsemmija dispożizzjonijiet favur l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali preċedentement fis-seħħ filwaqt li teżerċita hija stess l-istħarriġ ġudizzjarju previst minn dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar.

145    Fit-tielet lok, kif jirriżulta mill-punt 49 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju sostniet ukoll, fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom saret il-ħatra tal-imħallef ikkonċernat abbażi tar-Riżoluzzjoni Nru 331/2018, dubji li kellha fir-rigward tal-indipendenza tal-KNM li ppropona lill-persuna kkonċernata għal din il-ħatra.

146    Dawn id-dubji kienu jirriżultaw, minn naħa, mill-fatt li l-mandat fis-seħħ, għal perijodu ta’ erba’ snin previst fl-Artikolu 187(3) tal-Kostituzzjoni, ta’ ċerti membri li sa dak iż-żmien kienu jifformaw il-KNM kien tqassar u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li, bħala konsegwenza tal-emendi li saru reċentement għal-Liġi dwar il-KNM, il-ħmistax-il membru tal-KNM li kellhom il-kwalità ta’ mħallef u li qabel kienu ġew eletti mill-pari tagħhom, kienu, fir-rigward tal-KNM il-ġdid, inħatru minn fergħa tal-poter leġiżlattiv Pollakk, bil-konsegwenza li 23 minn 25 membru tal-KNM f’din il-kompożizzjoni ġdida tiegħu, inħatru mill-poter eżekuttiv u minn dak leġiżlattiv Pollakk jew huma membri tal-imsemmija poteri.

147    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tispeċifika, f’diversi sentenzi reċenti, li s-sempliċi fatt li l-imħallfin tas-Sad Najwyższy (il-Qorti Suprema) ikkonċernati jinħatru mill-President tar-Repubblika ma huwiex ta’ natura li joħloq dipendenza min-naħa ta’ dawn tal-aħħar fil-konfront tiegħu u lanqas ma huwa ta’ natura li joħloq dubji dwar l-imparzjalità tagħhom jekk, ladarba maħtura, il-persuni kkonċernati ma jkunu suġġetti għal ebda pressjoni u ma jirċevux istruzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et  (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 133, A.B. et, punt 122, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 97).

148    F’dawn l-istess sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, indikat ukoll li kien għad hemm bżonn li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet ta’ ħatra jkunu tali li ma jkunux jistgħu joħolqu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fir-rigward ta’ elementi esterni u tan-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi li jkollhom quddiemhom, ladarba l-persuni kkonċernati jinħatru, u li kien importanti, b’mod partikolari, għal dan l-għan, li l-imsemmija kundizzjonijiet u modalitajiet ikunu maħsuba b’mod li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti mfakkra fil-punti 109 u 110 ta’ din is-sentenza (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et  (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 134, A.B. et, punt 123, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

149    Wara li rrilevat li, skont l-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni, l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jinħatru mill-President tar-Repubblika fuq proposta tal-KNM, jiġifieri l-korp investit mill-Artikolu 186 tal-Kostituzzjoni bil-missjoni ta’ gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-intervent ta’ tali korp, fil-kuntest ta’ proċess ta’ ħatra tal-imħallfin, seta’, bħala prinċipju, ikun ta’ natura li jikkontribwixxi sabiex dan il-proċess ikun oġġettiv, billi jillimita l-marġni ta’ manuvra li għandu l-President tar-Repubblika fl-eżerċizzju tal-kompetenza li hija mogħtija lilu b’dan il-mod, filwaqt li ppreċiżat, madankollu, li dan huwa l-każ biss sakemm, b’mod partikolari, l-imsemmi korp ikun huwa stess suffiċjentement indipendenti mill-poter leġiżlattiv u minn dak eżekuttiv u mill-awtorità li lilha huwa mitlub jippreżenta tali proposta ta’ ħatra (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A.K. et  (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 136 sa 138, A.B. et, punti 124 u 125, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 99 u 100, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

150    Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement iddeċidiet li ż-żewġ ċirkustanzi msemmija mill-qorti tar-rinviju u li huma inkwistjoni fil-punt 146 ta’ din is-sentenza, meħuda flimkien mal-fatt li dawn jaqgħu f’kuntest fejn kien mistenni li jkun hemm diversi pożizzjonijiet mas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), setgħu joħolqu dubji leġittimi, f’dak li jirrigwarda l-indipendenza tal-KNM u r-rwol tiegħu fil-proċess ta’ ħatra li kellu jwassal għall-imsemmija ħatriet f’pożizzjonijiet ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) C‑791/19, EU:C:2021:596, punti 104 sa 108).

151    Fir-raba’ lok, u fir-rigward taċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom l-imħallef ikkonċernat inħatar mill-President tar-Repubblika bħala mħallef fi ħdan l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi u twassal, sussegwentement, sabiex jadotta d-digriet kontenzjuż, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, l-ewwel, li l-imsemmija ħatra u digriet saru minkejja li s-Sąd Najwyższy (Izba Cywilna) (il-Qorti Suprema (Awla Ċivili)) kienet tinsab adita, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, b’talba għal rikuża diretta kontra l-imħallfin kollha li kienu fil-kariga dak iż-żmien fl-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi. It-tieni, mid-dikjarazzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-motivi invokati insostenn ta’ din it-talba għal rikuża kienu jirrigwardaw b’mod partikolari ċ-ċirkustanzi li fihom kienu seħħew il-ħatriet tal-imħallfin li jifformaw din l-aħħar awla, jiġifieri ċirkustanzi li huma f’diversi aspetti analogi għal dawk li wasslu għall-ħatra tal-imħallef ikkonċernat stess.

152    Ikkunsidrati flimkien, iċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti 138 sa 151 ta’ din is-sentenza huma, bla ħsara għall-evalwazzjonijiet finali li għandhom isiru, f’dan ir-rigward, mill-qorti tar-rinviju, ta’ natura li jistgħu jwasslu, minn naħa, għall-konklużjoni li l-ħatra tal-imħallef ikkonċernat saret bi ksur manifest tar-regoli fundamentali tal-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li jifformaw parti integrali mill-istabbiliment u mill-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja kkonċernata, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 130 ta’ din is-sentenza.

153    Min-naħa l-oħra, u taħt din l-istess riżerva, l-imsemmija ċirkustanzi kollha jistgħu wkoll iwasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tikkonkludi li ċ-ċirkustanzi li fihom saret il-ħatra tal-imħallef ikkonċernat ipperikolaw l-integrità tar-riżultat li wassal għalih il-proċess ta’ ħatra inkwistjoni fil-kawża prinċipali billi jikkontribwixxu għall-ħolqien, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, ta’ dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà ta’ dan l-imħallef fir-rigward ta’ elementi esterni u tan-newtralità tiegħu fir-rigward tal-interessi quddiemu, kif ukoll tal-assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tiegħu li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt.

154    Jekk il-qorti tar-rinviju tasal għal tali konklużjonijiet, ikun hemm lok li jiġi kkunsidrat li ċ-ċirkustanzi li fihom saret il-ħatra tal-imħallef ikkonċernat huma, f’dan il-każ, ta’ natura li jipprekludu li jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li jipprovdi li meta istanza, bħal dik li fiha ppresjeda l-imsemmi mħallef, f’dan il-każ, f’formazzjoni ta’ mħallef uniku, tintalab tiddeċiedi dwar miżura ta’ trasferiment mingħajr kunsens ta’ mħallef li, bħal W.Ż., jista’ jintalab jinterpreta u japplika d-dritt tal-Unjoni, tali istanza għandha tikkostitwixxi qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

155    F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li jkollha tippreċiża, fir-risposti li hija mitluba tagħti għad-domandi magħmula mis-Sąd Najwyższy (Izba Cywilna) (il-Qorti Suprema (Awla Ċivili)), ikkostitwita minn kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin, li din l-aħħar qorti għandha, konformement mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, tqis id-digriet kontenzjuż bħala ineżistenti, mingħajr ma ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ma tista’ jipprekludi dan.

156    F’dan ir-rigward, fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-preeminenza ta’ dan id-dritt fuq id-dritt tal-Istati Membri. Dan il-prinċipju, għalhekk, jobbliga lill-istanzi kollha tal-Istati Membri jagħtu l-effett sħiħ tagħhom lid-diversi regoli tal-Unjoni, filwaqt li d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett irrikonoxxut ta’ dawn id-diversi regoli fit-territorju tal-imsemmija Stati (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația “Forumul Judecătorilor Din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 244 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

157    Għalhekk, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li Stat Membru jinvoka dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, anki jekk ta’ natura kostituzzjonali, ma jistax jippreġudika l-unità u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita sew, l-effetti marbuta mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni huma imposti fuq il-korpi kollha ta’ Stat Membru, mingħajr ma, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet interni, inklużi dawk ta’ natura kostituzzjonali, jistgħu jostakolaw dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația “Forumul Judecătorilor Din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 245 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

158    B’mod partikolari, kull qorti nazzjonali, adita fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, għandha, bħala korp ta’ Stat Membru, b’mod iktar preċiż, l-obbligu li tħalli mhux applikata kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tkun kuntrarja għal dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett fit-tilwima li jkollha quddiemha (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația “Forumul Judecătorilor Din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 248 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

159    Għalhekk, peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż u mingħajr ebda kundizzjoni għal dak li jikkonċerna l-indipendenza li għandha tikkaratterizza l-qrati mitluba biex jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni, is-Sąd Najwyższy (Izba Cywilna) (il-Qorti Suprema ((Awla Ċivili)), ikkostitwita minn kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin, ikollha tiggarantixxi, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, l-effett sħiħ ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația “Forumul Judecătorilor Din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 250 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li, f’dan il-każ u suġġett għall-evalwazzjoni li għad trid tagħmel il-qorti tar-rinviju, jeħtieġ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet indikati fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li dan id-digriet jitqies li huwa ineżistenti.

160    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, jekk il-qorti tar-rinviju tqis li tali digriet ingħata minn istanza li ma tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali stabbilita mil-liġi, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, l-ebda kunsiderazzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali jew marbuta ma’ allegata awtorità ta’ res judicata ma tista’, f’dan il-każ, tiġi invokata b’mod utli sabiex tipprekludi qorti bħas-Sąd Najwyższy (Izba cywilna) (il-Qorti Suprema (Awla Ċivili)), ikkostitwita minn kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin, milli tqis tali digriet bħala ineżistenti.

161    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali adita b’talba għal rikuża bbażata fuq rikors li permezz tiegħu mħallef fil-kariga fi ħdan qorti li tista’ tinterpreta u tapplika d-dritt tal-Unjoni jikkontesta deċiżjoni li biha huwa ġie ttrasferit, mingħajr il-kunsens tiegħu, għandha, meta tali konsegwenza tkun indispensabbli fid-dawl tas-sitwazzjoni proċedurali inkwistjoni sabiex tiġi ggarantita s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, tqis bħala ineżistenti digriet li permezz tiegħu istanza, li tiddeċiedi fl-aħħar istanza u fil-formazzjoni ta’ mħallef uniku, ċaħdet l-imsemmi rikors, jekk jirriżulta mill-kundizzjonijiet u miċ-ċirkustanzi kollha li fihom żvolġa l-proċess ta’ ħatra ta’ dan l-imħallef uniku, li din il-ħatra seħħet bi ksur manifest ta’ regoli fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-istabbiliment u mill-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja kkonċernata u li l-integrità tar-riżultat li wassal għalih il-proċess ġiet ipperikolata bil-ħolqien ta’ dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallef ikkonċernat, b’tali mod li l-imsemmi digriet ma jistax jitqies li ngħata minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi, fis-sens tal-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

 Fuq l-ispejjeż

162    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali adita b’talba għal rikuża bbażata fuq rikors li permezz tiegħu mħallef fil-kariga fi ħdan qorti li tista’ tinterpreta u tapplika d-dritt tal-Unjoni jikkontesta deċiżjoni li biha huwa ġie ttrasferit, mingħajr il-kunsens tiegħu, għandha, meta tali konsegwenza tkun indispensabbli fid-dawl tas-sitwazzjoni proċedurali inkwistjoni sabiex tiġi ggarantita s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, tqis bħala ineżistenti digriet li permezz tiegħu istanza, li tiddeċiedi fl-aħħar istanza u fil-formazzjoni ta’ mħallef uniku, ċaħdet l-imsemmi rikors, jekk jirriżulta mill-kundizzjonijiet u miċ-ċirkustanzi kollha li fihom żvolġa l-proċess ta’ ħatra ta’ dan l-imħallef uniku, li din il-ħatra seħħet bi ksur manifest ta’ regoli fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-istabbiliment u mill-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja kkonċernata u li l-integrità tar-riżultat li wassal għalih il-proċess ġiet ipperikolata bil-ħolqien ta’ dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallef ikkonċernat, b’tali mod li l-imsemmi digriet ma jistax jitqies li ngħata minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi, fis-sens tal-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.