Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Mejju 2007 - Atlantic Dawn et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-172/07)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Atlantic Dawn Ltd (Killybegs, l-Irlanda), Antarctic Fishing Co. Ltd (Killybegs, l-Irlanda), Atlantean Ltd (Killybegs, l-Irlanda), Killybegs Fishing Enterprises Ltd (Killybegs, l-Irlanda), Doyle Fishing Co. Ltd (Killybegs, l-Irlanda), Western Seaboard Fishing Co. Ltd (Killybegs, l-Irlanda), O'Shea Fishing Co. Ltd (Killybegs, l-Irlanda), Aine Fishing Co. Ltd (Burtonport, l-Irlanda), Brendelen Ltd (Lifford, l-Irlanda), Cavankee Fishing Co. Ltd (Lifford, l-Irlanda), Ocean Trawlers Ltd (Killybegs, l-Irlanda), Eileen Oglesby (Burtonport, l-Irlanda), Noel McGing (Killybegs, l-Irlanda), Mullglen Ltd (Balbriggan, l-Irlanda), Bradan Fishing Co. Ltd (Sligo, l-Irlanda), Larry Murphy (Castletownbere, l-Irlanda), Pauric Conneelly (Claregalway, l-Irlanda), Thomas Flaherty (Kilronan, l-Irlanda), Carmarose Trawling Co. Ltd (Killybegs, l-Irlanda), Colmcille Fishing Ltd (Killybegs, l-Irlanda) (rappreżentanti: D. Barry, Solicitor, G. Hogan, SC, N. Travers u T. O'Sullivan, Barristers)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

Tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 147/2007 tal-15 ta' Frar 2007 li jadatta ċerti kwoti tas-sajd mill-2007 sa l-2012 skond l-Artikolu 23(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd; sussidjarjament

tannulla l-Artikolu 1 u l-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 147/2007 tal-15 ta' Frar 2007 li jadatta ċerti kwoti tas-sajd mill-2007 sa l-2012 skond l-Artikolu 23(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd inkwantu u safejn l-imsemmija dispożizzjonijiet inaqqsu l-kwota allokata lill-Irlanda għall-kavalli (Scomber scombrus) għall-perijodu bejn l-2007 u l-2012;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jfittxu li jiġi annullat, taħt l-Artikolu 230 KE, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 147/2007 tal-15 ta' Frar 2007 li jadatta ċerti kwoti tas-sajd mill-2007 sa l-2012 skond l-Artikolu 23(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd1.

Ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament ikkontestat għandu jiġi annullat abbażi ta' erba' motivi:

L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa li tadotta r-Regolament ikkontestat li jnaqqas il-kwoti għall-perijodu bejn l-2007 u l-2012 abbażi ta' l-Artikolu 23(4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2371/2002.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti jsostnu li, fil-każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tikkonkludi li l-Kummissjoni kellha s-setgħa li twettaq tnaqqis fil-kwoti għal diversi snin fil-futur minħabba li, fil-passat, inqabżu l-kwoti tas-sajd allokati, jibqa' l-fatt li, skondhom, il-Kummissjoni abbużat mis-setgħa tagħha f'dan il-każ. Fil-fatt, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma stabbilietx li l-Istati Membri kkonċernati mir-Regolament ikkontestat, jiġifieri, l-Irlanda u r-Renju Unit, qabżu l-opportunitajiet tas-sajd allokati lilhom, kif meħtieġ mill-Artikolu 23(4) ta' l-imsemmi Regolament sabiex jitnaqqsu l-kwoti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li bil-fatt li l-Kummissjoni bidlet għall-għarrieda l-politika stabbilita tagħha ta' tnaqqis tal-kwoti fuq il-"bażi tas-sena preċedenti" b'mod li tbiegħdet mit-test ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 874/96 u mill-prassi mnissla minnu, hija kisret il-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli tagħti r-raġunijiet li mmotivaw id-deċiżjoni tagħha, kif meħtieġ mill-Artikolu 253 KE. Fuq din il-bażi, huma jsostnu li r-Regolament ikkontestat mhuwiex suffiċjentement immotivat, b'mod partikolari, peress li huwa jikkostitwixxi bidla ċara u radikali fil-politika b'konsegwenzi negattivi serji għar-rikorrenti.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali bil-fatt li ma ħaditx miżuri ekwivalenti għal dawk li jinsabu fir-Regolament ikkontestat kontra flotot tas-sajd oħra, f'ċirkustanzi fejn ġie rrappurtat li nqabżu l-kwoti tas-sajd allokati għal ħażniet ta' ħut li huma mhedda b'mod simili.

____________

1 - ĠU L 46, 16.2.2007, p. 10