Language of document : ECLI:EU:C:2012:800

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-13 ta’ Diċembru 2012 (1)

Kawża C‑439/11 P

Ziegler SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea


“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Artikolu 81(1) KE u Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE– Effetti ġuridiċi tal-linji gwida tal-Kummissjoni – Effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Kalkolu tal-multi – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt għal smigħ xieraq – Imparzjalità oġġettiva tal-Kummissjoni – Prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni – ‘Kartell tal-impriżi tal-ġarr’ – Suq Belġjan tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali”






I –    Introduzzjoni

1.        Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tirfina l-ġurisprudenza tagħha dwar l-effetti ġuridiċi tal-Linji Gwida li l-Kummissjoni tippubblika f’numru kbir fil-kwalità tagħha ta’ awtorità tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-każ, huma l-“Linji gwida dwar il-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ”, ippubblikati fl-2004 (2), kif ukoll il-“Linji gwida għall-kalkolu tal-multi” (3) li jinteressawna iktar mill-qrib.

2.        Barra minn hekk, din il-kawża tqajjem diversi problemi, li huma diskussi regolarment, ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ impożizzjoni ta’ multa fil-qasam ta’ akkordji mmexxija mill-Kummissjoni. Dawn jikkonċernaw, minn naħa, il-kalkolu tal-multa u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva tal-Kummissjoni fil-kwalità tagħha ta’ awtorità inkarigata mill-investigazzjoni u investita bil-poter ta’ deċiżjoni.

3.        Dawn il-kwistjonijiet iqumu fir-rigward tal-“kartell tal-impriżi tal-ġarr” li l-Kummissjoni skopriet numru ta’ snin ilu fis-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju u li kien suġġett, fil-11 ta’ Marzu 2008, għal deċiżjoni ta’ immultar (4) (iktar ’il quddiem ukoll id-“deċiżjoni kontenzjuża”). Il-Kummissjoni ddeċidiet li Ziegler SA (iktar ’il quddiem “Ziegler” jew l-“appellanti”), kif ukoll disa’ impriżi jew gruppi ta’ impriżi oħra, kienu msieħba f’kartell tal-impriżi tal-ġarr u imponiet multa fuqhom.

4.        Wara li l-Qorti Ġenerali, b’sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011 (5) (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti Ġenerali” jew is-“sentenza appellata”), kienet ċaħdet ir-rikors li hija kienet ippreżentat fl-ewwel istanza kontra din id-deċiżjoni, Ziegler ressqet dan l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa notevoli li lanqas il-Kummissjoni ma taqbel ma’ ċerti partijiet ċentrali tal-motivi tas-sentenza appellata u qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma s-sentenza billi tgħaddi għal sostituzzjoni tal-motivi. Għaldaqstant f’dawn il-konklużjonijiet sejjer neżamina wkoll jekk u sa fejn tali sostituzzjoni tal-motivi hija possibbli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell.

5.        Fil-kuntest ta’ appelli oħrajn li għadhom pendenti, il-Qorti tal-Ġustizzja dalwaqt ser ikollha tiddeċiedi dwar ċertu numru ta’ kwistjonijiet oħrajn imqajma mill-kartell tal-ġarr (6).

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

6.        Ziegler hija impriża tal-familja, sitwata fi Brussell (il-Belġju), li tappartjeni lil persuni fiżiċi lkoll dixxendenti tal-fondaturi tal-impriża u lil żewġ kumpanniji holding, ukoll marbuta mal-familja Ziegler (7). Parti importanti tal-attivitajiet ta’ Ziegler tikkonsisti fis-servizzi ta’ ġarr, mogħtija, sa Diċembru 2003, minn taqsima tal-impriża u minn wara Diċembru 2003, minn kumpannija separata, li tappartjeni lill-grupp Ziegler, bl-isem ta’ Ziegler Relocation SA (li kienet Euro Time) (8).

7.        Skont ir-riżultati tal-investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, fis-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju kien jeżisti, mill-1984 sal-2003, akkordju li fih ipparteċipaw għaxar impriżi ta’ ġarr (9) matul perijodi differenti (10) u f’diversi gradi.

8.        Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li dan l-akkordju kien jikkostitwixxi akkordju globali fil-forma ta’ ksur uniku u kontinwu (11), li kien imsejjes fuq total ta’ tliet tipi ta’ ftehim (12):

–        ftehim fuq il-prezzijiet, fejn il-kumpanniji ta’ ġarr ikkonċernati għamlu arranġamenti dwar ir-remunerazzjoni għas-servizzi li huma jipprovdu lill-klijenti;

–        ftehim fuq sistema ta’ kumpens finanzjarju għal offerti miċħudin jew każijiet ta’ nuqqas ta’ provvista (il-kummissjonijiet); b’dan il-mekkaniżmu, il-kompetituri tal-impriża li tkun kisbet il-kuntratt għal ġarr internazzjonali kellhom b’xi mod jirċievu kumpens finanzjarju, kemm jekk ikunu ppreżentaw ukoll offerta u kemm jekk dan ma għamluhx; mingħajr ma kienu jafu l-klijenti, dawn il-kummissjonijiet kienu inklużi fil-prezz finali ffatturat għas-servizzi ta’ ġarr;

–         ftehim fuq il-qsim tas-suq permezz ta’ sistema ta’ kwotazzjonijiet foloz (il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza), li kienu jintbagħtu lill-klijent jew lill-persuna li kienet qiegħda ġġorr minn kumpannija tal-ġarr li ma kellhiex l-intenzjoni li tagħmel il-ġarr; għal dan l-iskop, kumpannija kienet tindika kull darba lill-kompetituri tagħha l-prezz, ir-rata tal-assigurazzjoni u l-ispejjeż tal-ħażna li fuq il-bażi tagħhom kellhom jipprovdu fattura għas-servizz fittizju.

9.        Filwaqt li l-ftehim fuq il-kummissjonijiet u l-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza kien ġie applikat matul il-perijodu kollu tal-akkordju (jiġifieri mill-1984 sal-2003), l-implementazzjoni tal-ftehim fuq il-prezzijiet ma setgħetx tiġi ppruvata lil hinn mix-xahar ta’ Mejju 1990 (13).

10.      Fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet li setgħet tagħmel, fid-deċiżjoni kontenzjuża l-Kummissjoni kkonkludiet li l-impriżi kkonċernati kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3), meta “stabilixxew b’mod dirett u indirett il-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, billi qasmu bejniethom parti minn dan is-suq u billi mmanipulaw il-proċedura ta’ sejħiet għal offerti” matul perijodi differenti (14).

11.      Id-deċiżjoni kontenzjuża kienet ġiet innotifikata b’kollox lil 31 entità legali li fuqhom il-Kummissjoni imponiet ukoll multi f’ammonti differenti (15), għal uħud individwalment u għal oħrajn in solidum. Sabiex tikkalkola l-ammont tal-multi, fid-deċiżjoni kontenzjuża l-Kummissjoni applikat il-metodu deskritt fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006.

12.      Skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni kif jinsabu riassunti fl-Artikolu 1(j) tad-deċiżjoni kontenzjuża, Ziegler ħadet sehem fl-akkordju kollu mill-4 ta’ Ottubru 1984 sat-8 ta’ Settembru 2003, jiġifieri matul it-terminu kollu tal-akkordju. Minħabba f’hekk, giet imposta fuq Ziegler, skont l-Artikolu 2(l) tad-deċiżjoni kontenzjuża, multa ta’ EUR 9 200 000, mingħajr imputazzjoni ta’ responsabbiltà konġunta jew in solidum ta’ kumpannija oħra tal-grupp.

13.      Diversi mid-destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża kkontestawha permezz ta’ rikors għal annullament ippreżentat, fl-ewwel istanza, quddiem il-Qorti Ġenerali (16).

14.      Bis-sentenza appellata, mogħtija fis-16 ta’ Ġunju 2011, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Ziegler fit-3 ta’ Ġunju 2008, u kkundannatha tħallas l-ispejjeż (17).

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.      Ziegler ippreżentat dan l-appell permezz ta’ rikors tal-25 ta’ Awwissu 2011. Hija talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara dan l-appell ammissibili u fondat;

–        tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali u tiddeċidi hija stess fuq il-kwistjoni li tifforma l-mertu tal-kawża;

–        tilqa’ t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza u, għaldaqstant, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, jew, sussidjarjament, tannulla l-multa imposta fuq Ziegler f’din id-deċiżjoni jew, iktar sussidjarjament, tnaqqas din il-multa sostanzjalment;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

16.      Il-Kummissjoni titlob, min-naħa tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, filwaqt li tissostitwixxi ċerti motivi tal-Qorti Ġenerali;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors għal annullament, u

–         tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

17.      Il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kienet segwita b’seduta, li nżammet fl-24 ta’ Ottubru 2012.

IV – Evalwazzjoni

18.      Ziegler tinvoka erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha, rigwardanti diversi kwistjonijiet ġuridiċi li jikkonċernaw l-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, il-kalkolu tal-ammont tal-multa u r-rekwiżit ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni.

A –    Kwistjonijiet preliminari

19.      Qabel ma neżamina l-mertu tal-aggravji mressqa minn Ziegler insostenn tal-appell tagħha, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati żewġ kwistjonijiet preliminari, dwar, l-ewwel waħda, l-ammissibbiltà ta’ ċerti partijiet tal-argumenti tal-Kummissjoni u, l-oħra, dwar l-ammissibbiltà ta’ ċerti aspetti tal-argumenti ta’ Ziegler.

1.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talba tal-Kummissjoni għas-sostituzzjoni ta’ ċerti motivi

20.      Fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni aggravju, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma s-sentenza appellata filwaqt li tissostitwixxi ċerti motivi indikati mill-Qorti Ġenerali. F’dak li jikkonċerna l-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tqis b’mod partikolari li ma hijiex marbuta bl-obbligu li tiddefinixxi s-suq inkwistjoni li timponi fuqha l-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest tat-tieni aggravju, hija tikkontesta, fost oħrajn, li l-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006 kienu b’mod ġenerali wasslu għal rekwiżiti iktar ibsin li għandhom ikunu ssodisfatti mill-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jimponu multi.

21.      Ziegler tqis li din it-talba hija inammissibbli, filwaqt li targumenta li t-talba tal-Kummissjoni hija vaga żżejjed u li, barra minn hekk, il-Kummissjoni ma għandhiex interess ġuridiku f’dan ir-rigward.

22.      F’dak li jikkonċerna l-ewwel oġġezzjoni mqajma minn Ziegler, biżżejjed jiġi osservat li mir-risposta jirriżultaw bi preċiżjoni suffiċjenti l-partijiet tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata li l-Kummissjoni trid li jiġu ssostitwiti u l-motivazzjoni li hija tqis bħala dik korretta, minflok dik adottata mill-Qorti Ġenerali. Kuntrarjament għal dak li tqis Ziegler, ma kinitx neċessarja proposta konkreta ta’ formulazzjoni mill-Kummissjoni.

23.      F’dak li jikkonċerna t-tieni oġġezzjoni mressqa minn Ziegler, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet, fil-fatt, diġà ddikjarat inammissibbli, minħabba assenza ta’ interess ġuridiku, ċerti talbiet ta’ sostituzzjoni ta’ motivi mressqa mill-Kummissjoni (18). Ir-rekwiżit ta’ interess ġuridiku, li, f’dan ir-rigward, huwa applikabbli kemm għall-appellanti privileġġjati kif ukoll għall-appellanti mhux privileġġjati (19), jeżiġi li l-appell għandu jista’ jkun ta’ benefiċċju, permezz tal-eżitu tiegħu, għall-parti li ppreżentatu (20).

24.      Madankollu, din il-ġurisprudenza li tikkonċerna l-inammissibbiltà ta’ talbiet ta’ sostituzzjoni ta’ motivi tikkonċerna biss każijiet li fihom il-Kummissjoni jew tkun hija stess ippreżentat appell jew appell inċidentali (21), jew titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkoreġi żbalji ta’ liġi li fil-fehma tagħha jaffettwaw il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali, anki meta dawn ma jkunux is-suġġett tal-proċedura ta’ appell (22).

25.      Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża: il-Kummissjoni ma ppreżentatx appell (inċidentali) u l-aggravji u l-argumenti li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kemm fl-atti tagħha kif ukoll waqt is-seduta, ma jaqbżux – b’eċċezzjoni waħda, li ser nittratta iktar ’l isfel (23) – il-limiti tas-suġġett tal-appell ippreżentat minn Ziegler. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni essenzjalment illimitat ruħha sabiex tiddefendi s-sentenza tal-Qorti Ġenerali speċifikament kontra l-kritika ta’ żbalji ta’ liġi mressqa minn Ziegler. Fil-limiti ta’ dan is-suġġett tal-kawża, hija pproponiet li ssir sostituzzjoni tal-motivi tas-sentenza filwaqt li jinżamm sħiħ id-dispożittiv.

26.      F’sitwazzjoni bħal din, ġurisprudenza stabbilita tawtorizza s-sostituzzjoni ta’ motivi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell (24), kemm jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi fuq l-inizzjattiva tagħha stess kif ukoll jekk hija tadotta t-“talba” jew is-“suġġeriment” ta’ waħda mill-partijiet fil-proċedura. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tkun marbuta biss bl-argumenti invokati mill-appellant insostenn tal-pretensjonijiet tiegħu, għax inkella hija taf tkun qiegħda tibbaża d-deċiżjoni tagħha, jekk ikun il-każ, fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati (25). Is-sostituzzjoni tal-motivi legalment żbaljati tas-sentenza appellata tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li twettaq il-funzjoni tagħha li tiżgura r-rispett tal-liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattati [it-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) TUE] b’mod konformi mal-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju.

27.      Konklużjoni differenti għandha tingħata biss fir-rigward tal-argumenti mressqa mill-Kummissjoni dwar il-limitu ta’ EUR 40 miljun. Fil-fatt, is-silta tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali tikkunsidra din il-kwistjoni (26), ma hija s-suġġett ta’ ebda wieħed mill-aggravji mressqa minn Ziegler insostenn tal-appell (27). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tissuġġerixxi sostituzzjoni tal-motivi indikati f’din is-silta tas-sentenza.

28.      Madankollu, apparti din l-eċċezzjoni, it-talbiet ta’ sostituzzjoni ta’ motivi tal-Kummissjoni huma ammissibbli. Ser niddeċiedi fuq il-mertu tagħhom iktar tard, fil-kuntest tal-eżami tiegħi tad-diversi aggravji invokati minn Ziegler insostenn tal-appell.

29.      Fil-kaz li effettivament ikun meħtieġ li ssir sostituzzjoni ta’ ċerti partijiet mill-motivazzjoni tas-sentenza, ir-riżultat mhux ser ikun, kuntrarjament għal dak li taħseb il-Kummissjoni, l-inammissibbiltà tal-appell, imma n-natura infondata tiegħu (28), u dan sa fejn, f’dan ir-rigward, il-kritika mressqa minn Ziegler kontra s-sentenza appellata ssir ineffettiva (29).

2.      Fuq il-kritika tal-Kummissjoni li, matul il-proċedura amministrattiva, Ziegler ma qajmitx dubji dwar l-eżistenza ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ

30.      Fin-noti tagħha, il-Kummissjoni ssostni diversi drabi li, matul il-proċedura amministrattiva, Ziegler ma daħħlitx inkwistjoni l-eżistenza ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u ressqet dan l-ilment biss fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja.

31.      Ma hemmx dubju li, mill-perspettiva tal-ekonomija tal-ġudizzju, dan il-metodu jista’ jiġi kkritikat ħafna. Fuq il-livell ġuridiku, għall-kuntrarju, ma jistax jiġi kkritikat. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tikkontjeni l-ebda dispożizzjoni li twassal għall-esklużjoni tal-kritika kollha li ma tkunx tressqet fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva dwar l-akkordju (30). Għalhekk, l-argumenti u aggravji mressqa minn Ziegler li jikkonċernaw l-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ huma ammissibbli.

B –    Evalwazzjoni tal-mertu tal-appell

32.      Id-deċiżjoni kontenzjuża kienet ittieħdet qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona. L-istħarriġ tal-legalità tagħha għandu għaldaqstant isir fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati Ewropej kif emendati bit-Trattat ta’ Nice, jiġifieri fid-dawl tal-projbizzjoni tal-akkordji stabbilita bl-Artikolu 81(1) KE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE. Il-kunsiderazzjonijiet segwenti tiegħi jistgħu madankollu jiġu trasposti kif huma għall-Artikolu 101(1) TFUE u għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

1.      Fuq l-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri (l-ewwel aggravju)

33.      L-ewwel aggravju ta’ Ziegler isemmi l-punti 64 sa 74 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali tikkunsidra l-kwistjoni ta’ jekk il-kartell tal-impriżi tal-ġarr setax jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

34.      Fil-fatt, l-Artikolu 81(1) KE jipprojbixxi l-akkordji antikompetittivi bejn impriżi fil-każ biss li dawn “jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri”. Din id-dispożizzjoni, li drajna nsejħulha l-klawżola tan-natura transkonfinali tal-effetti fuq il-kummerċ għandha l-għan li tiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fil-konfront ta’ dak tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri (31).

35.      Skont ġurisprudenza stabbilita, jeħtieġ li l-effetti attwali jew potenzjali ta’ akkordju fuq l-kummerċ bejn Stati Membri jkun “mhux insinjifikattiv” (32), fis-sens li l-effett possibbli fuq il-kummerċ għandu jkun “sinjifikattiv” (33).

36.      Fil-Linji gwida tal-2004 tagħha, il-Kummissjoni, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni, iddikjarat u spjegat ċertu numru ta’ kriterji li jwasslu sabiex jiġi ddeterminat jekk akkordju bejn impriżi jistax jaffettwa sinjifikattivament il-kummerċ bejn Stati Membri. Wieħed mill-kriterji huwa b’mod partikolari limitu ta’ 5 % għas-sehem mis-suq totali tal-partijiet fl-akkordju bejn impriżi fuq is-suq milqut bl-akkordju (34) (iktar ’il quddiem ukoll il-“kriterju tal-5 %”).

37.      Skont Ziegler, huwa preċiżament fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju tal-5 % li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji.

a)      Fuq in-neċessità, f’każ ta’ applikazzjoni tal-kriterju tal-5 %, li jiġi ddefinit minn qabel is-suq inkwistjoni (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju)

38.      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali essenzjalment li, b’mod żbaljat, “eżentat” lill-Kummissjoni mill-obbligu li tiddefinixxi s-suq għall-finijiet tal-kriterju tal-5 %.

39.      Dan l-aggravju jikkonċerna d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 66 sa 72 tas-sentenza appellata. F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali tistqarr, qabel xejn, il-punt ta’ tluq tal-analiżi tagħha, jiġifieri li loġikament id-definizzjoni tas-suq tiġi qabel il-kalkolu tas-sehem mis-suq u li, fil-punt 55 tal-Linji gwida tal-2004 tagħha, il-Kummissjoni kienet korrettement impenjat ruħha sabiex tipproċedi għal din id-definizzjoni tas-suq f’dak li jikkonċerna l-kriterju tal-5 % (35). Il-Qorti Ġenerali tikkonstata mbagħad li l-Kummissjoni ma wettqitx dan l-obbligu, għaliex naqset milli tiddefinixxi s-suq (36). Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni lanqas, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ma “stabbiliet suffiċjentement skont il-liġi” (37) li l-limitu ta’ 5 % kien inqabeż. L-element li wassal għal din il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali kien l-evalwazzjoni tagħha li l-Kummissjoni “pprovdiet […] deskrizzjoni biżżejjed dettaljata tas-settur inkwistjoni, inkluż l-offerta, id-domanda u l-portata ġeografika” (38). Il-Kummissjoni setgħet għalhekk, “eċċezzjonalment”, tibbaża ruħha fuq il-kriterju tal-5 % mingħajr ma twettaq espliċitament definizzjoni tas-suq fis-sens tal-Linji gwida tal-2004 tagħha (39).

40.      Ziegler targumenta li f’dan ir-rigward is-sentenza ma hijiex immotivata suffiċjentement u li, f’kull każ, il-motivazzjoni tas-sentenza hija kontradittorja u żbaljata fil-mertu.

41.      Sejjer neżamina iktar ’il quddiem l-ewwel nett l-ilment tal-insuffiċjenza tal-motivazzjoni [ara sezzjoni i) hawn taħt], sabiex imbagħad, it-tieni nett, nikkunsidra r-rekwiżiti ġuridiċi li għandha tissodisfa d-definizzjoni tas-suq għall-finijiet tal-kriterju tal-5 % [ara sezzjoni ii) hawn taħt] u, it-tielet nett, nindirizza fil-qosor in-nuqqasijiet ta’ mertu li, skont Ziegler, jaffettwaw id-definizzjoni tas-suq [ara sezzjoni iii) hawn taħt].

i)      Fuq l-ilment ta’ motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja

42.      Ziegler tikkritika lill-Qorti Ġenerali qabel xejn talli b’ebda mod ma spjegat għaliex hija “eżentat” lill-Kummissjoni mir-rekwiżit li tiddefinixxi s-suq għall-finijiet tal-kriterju tal-5 %. F’kull każ, tistqarr Ziegler, il-motivazzjoni tas-sentenza hija kontradittorja.

43.      Kuntrarjament għal dak li taħseb il-Kummissjoni, dan l-ilment għandu dimensjoni awtonoma mill-ilmenti sostantivi mqajma mill-appellanti f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tas-suq. Fil-fatt, kemm jekk ir-rekwiżiti li għalihom il-Qorti Ġenerali kienet, fil-mertu, issuġġettat id-definizzjoni tas-suq kienu korretti u kemm jekk kienu severi żżejjed, fuq il-livell formali, il-Qorti Ġenerali għandha timmotiva debitament is-sentenza tagħha: hija għandha tispjega r-raġunijiet li hija tqis deċiżivi għad-deċiżjoni tal-kawża fl-ewwel istanza.

44.      L-obbligu tal-Qorti Ġenerali li timmotiva s-sentenzi tagħha jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 36 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw ir-raġunijiet tad-deċiżjoni meħuda u b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (40). Barra minn hekk, il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali ma għandhiex tkun kontradittorja (41).

45.      Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jidher effettivament li f’din il-kawża l-Qorti Ġenerali waqgħet f’kuntradizzjonijiet kbar. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tirrileva, minn naħa, l-assenza, fid-deċiżjoni kontenzjuża, ta’ definizzjoni tas-suq fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-5 % (42), imma tiddikjara, min-naħa l-oħra, li, meta semmiet “is-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju”, il-Kummissjoni kienet “ipprovdiet […] deskrizzjoni biżżejjed dettaljata tas-settur inkwistjoni, inkluż l-offerta, id-domanda u l-portata ġeografika” (43). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa obbligatorju li jiġi ddefinit is-suq għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-5 %, imma madankollu tikkunsidra fl-istess ħin li l-Kummissjoni setgħet f’dan il-każ tibbaża ruħha ġustament fuq dan il-kriterju tal-5 % “mingħajr ma tagħti espliċitament definizzjoni tas-suq” (44).

46.      Ħarsa iktar mill-qrib turi, madankollu, li dawn huma biss żbalji ta’ formulazzjoni. Fil-fatt, mill-kuntest globali tas-silta inkwistjoni tas-sentenza appellata, jirriżulta suffiċjentement ċar li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni effettivament ipproċediet għal definizzjoni tas-suq (“is-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju”) u li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra din id-deskrizzjoni bħala suffiċjenti sabiex tikkunsidra bħala definizzjoni vera tas-suq u taċċettaha bħala bażi għall-applikazzjoni tal-kriterju tal-5 %. Għaldaqstant, moqrija simpatetikament, il-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti Ġenerali fuq din il-kwistjoni ma humiex, kuntrarjament għall-ewwel impressjoni, kontradittorji.

47.      Barra minn hekk, mid-dikjarazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali jirriżulta b’ċarezza suffiċjenti għaliex il-Qorti Ġenerali kienet “eċċezzjonalment” irrinunzjat milli “twarrab” il-konstatazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-kriterju tal-5 %. Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali fil-fatt ikkunsidrat li d-deskrizzjoni li saret fid-deċiżjoni kontenzjuża tas-settur inkwistjoni kienet tikkontjeni l-informazzjoni kollha neċessarja għall-applikazzjoni tal-kriterju tal-5 % u għaldaqstant kellha l-istess valur bħad-definizzjoni tas-suq li hija kienet għadha kemm iddikjarat li kienet neċessarja fil-prinċipju.

48.      Għaldaqstant, l-ilment ta’ motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja tas-sentenza għandu jiġi miċħud.

ii)    Fuq ir-rekwiżiti ġuridiċi li għandha tissodisfa d-definizzjoni tas-suq

49.      Barra minn hekk l-appellanti targumenta li, kuntrarjament għad-deskrizzjoni li tatha l-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni kontenzjuża ma tidentifikax bi preċiżjoni s-servizzi kkonċernati, u lanqas is-suq inkwistjoni, għaliex sempliċi deskrizzjoni ta’ “settur” (“is-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju”) ma hijiex l-istess, fil-fehma tagħha, bħal definizzjoni ta’ parti sħiħa tas-suq inkwistjoni.

50.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat qabel xejn li l-klawżola ta’ natura transkonfinali tal-effetti fuq il-kummerċ fl-Artikolu 81(1) KE ma tirrikjedix li dejjem tingħata definizzjoni tas-suq. Fil-fatt, il-prova ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri tista’ wkoll issir mingħajr definizzjoni tas-suq, pereżempju meta jkun hemm indikazzjoni li l-impriżi jkunu qegħdin ifittxu, permezz ta’ ċerta mġiba, li jfixklu, b’mod sinjifikattiv, l-esportazzjoni lejn Stati Membri oħra jew l-importazzjoni minn Stati Membri oħra (45).

51.      Għall-kuntrarju, meta awtorità tal-kompetizzjoni jew qorti jistrieħu speċifikament fuq il-kriterju tal-5 % sabiex jistabbilixxu n-natura sinjifikattiva tal-effett fuq il-kummerċ fis-sens tal-klawżola tan-natura transkonfinali tal-effetti fuq l-kummerċ, id-definizzjoni tas-suq issir indispensabbli. Fil-fatt, huwa impossibbli li jiġi kkalkolat is-sehem mis-suq mingħajr ma jkun ġie, minn qabel, iddefinit is-suq inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kellha raġun meta ddikjarat “li l-kalkolu ta’ sehem tas-suq jimplika, bħala loġika preliminari, id-definizzjoni ta’ dan is-suq” (46).

52.      Madankollu, kif il-Kummissjoni targumenta korrettement, id-deskrizzjoni tas-suq inkwistjoni bl-għan li jiġi applikat il-kriterju tal-5 % ma għandhiex neċessarjament issir b’mod daqstant preċiż u ddettaljat bħal definizzjoni tas-suq li tkun ser isservi bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-imġiba kompetittiva tal-impriżi. Għall-kuntrarju, ir-rekwiżiti ġuridiċi li għandha tissodisfa d-definizzjoni tas-suq jistgħu jkunu iżjed jew inqas stretti skont l-għan ta’ din id-definizzjoni tas-suq. Essenzjalment, id-definizzjoni tas-suq għandha tkun iktar preċiża iktar ma jkun kumpless il-kuntest ekonomiku u iktar ma jkun importanti l-volum tal-analiżi neċessarja sabiex jiġi evalwat dan il-kuntest, pereżempju meta tkun qiegħda tiġi stabbilita l-eżistenza tal-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE (li issa sar l-Artikolu 102 TFUE) jew meta tkun qed titbassar l-evoluzzjoni tas-suq fil-futur fil-kuntest ta’ ċerti proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

53.      Konsegwentement, l-appellanti hija żbaljata meta tqis li definizzjoni tas-suq għandu dejjem ikollha l-istess kontenut u li f’din il-kawża l-Kummissjoni kellha, bħala bażi sabiex tapplika l-kriterju tal-5 %, tipproċedi għal definizzjoni tas-suq daqstant iddettaljata bħalma huwa normali f’kuntesti oħra.

54.      Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkonstata li r-riferiment li sar mill-Kummissjoni għas-“settur tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju”, li jinkludi s-servizzi kollha ta’ ġarr internazzjonali li jitilqu minn jew huma ddestinati lejn il-Belġju, kemm jekk ikkummissjonati minn individwi, minn impriżi jew minn istituzzjonjiet pubbliċi (47), kien iddelimita l-fatti inkwistjoni f’din il-kawża b’mod preċiż biżżejjed sabiex jippermetti applikazzjoni tal-kriterju tal-5 % (48).

55.      Il-Linji gwida tal-2004 lanqas ma jimponu – kuntrarjament għal dak li taħseb Ziegler – rekwiżiti iktar severi dwar id-definizzjoni tas-suq f’dan il-każ.

56.      Ċertament huwa veru li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Linji gwida tal-2004 ma humiex limitati għal sempliċi kodifikazzjoni tal-ġurisprudenza eżistenti dak iż-żmien fuq il-kwistjoni tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. Fil-fatt, f’dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni tippreżenta “il-metodoloġija tagħha għall-applikazzjoni tal-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ” (49) u tiddikjara li, f’ċerti sitwazzjonijiet, ma kinitx ser tibda proċedura kontra l-impriżi u lanqas ma kienet ser timponi multa kontra tagħhom (50). Il-pubblikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida wasslet għal awtolimitazzjoni tal-Kummissjoni li hija għandha tirrispetta meta tuża l-marġni ta’ diskrezzjoni li hija tgawdi sabiex tapprezza l-kuntest ekonomiku bl-għan li tivverifika l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri (51). Hija ma tistax għalhekk, mingħajr raġuni valida, tapplika metodu ieħor barra dak deskritt fil-Linji gwida tal-2004 tagħha sabiex teżamina jekk l-imġiba tistax taffettwa sinjifikattivament il-kummerċ bejn Stati Membri fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE (Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE).

57.      Fuq il-mertu, madankollu, il-Linji gwida tal-2004 sempliċement jiddikjaraw, b’mod minn tal-inqas konċiż, li, għall-applikazzjoni tal-kriterju tal-5 %, “għandu jiġi ddefinit” is-suq inkwistjoni (52). Huma jibqgħu siekta għall-kuntrarju fuq il-kwistjoni, ikkontestata f’dan il-każ, dwar b’liema preċiżjoni għandha ssir din id-definizzjoni.

58.      Lanqas ir-riferiment, mil-Linji gwida tal-2004, għall-Att dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni (53) ma huwa tal-ebda għajnuna għalina, kuntrarjament għal dak li taħseb Ziegler. Fil-fatt, lanqas dan l-att ma jeskludi li d-definizzjoni tas-swieq inkwistjoni għandha tkun iktar jew inqas iddettaljata u preċiża skont il-problema ta’ kompetizzjoni li tkun qed tiġi indirizzata. L-Att dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni jirrikonoxxi saħansitra li d-definizzjoni tas-suq għandha tkun marbuta strettament mal-għanijiet imfittxija fil-każ konkret (54) u tista’ twassal għal riżultati differenti “li jiddependu fuq in-natura tal-kwistjoni tal-kompetizzjoni li tkun qed tiġi eżaminata” (55). Għalhekk, dan l-att iħalli marġni ta’ diskrezzjoni suffiċjenti għal approċċ pragmatiku, adegwat għaċ-ċirkustanzi tal-każ konkret, fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq.

59.      Fil-każijiet relattivament sempliċi, bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, ikun fundamentalment inkonsistenti mal-ħtieġa ta’ użu effikaċi u ekonomiku tar-riżorsi amministrattivi jekk il-Kummissjoni tkun obbligata li tiddedika iktar riżorsi minn dawk assolutament neċessarji għad-definizzjoni tas-suq fid-dawl tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-5 %.

60.      Bħala konklużjoni, għandu għalhekk jiġi miċħud l-ilment imressaq minn Ziegler f’dak li jikkonċerna r-rekwiżiti ġuridiċi li għandha tissodisfa d-definizzjoni tas-suq.

iii) Fuq in-nuqqasijiet fil-mertu li allegatament jaffettwaw id-definizzjoni tas-suq

61.      L-appellanti targumenta fl-aħħar nett li d-deskrizzjoni tas-servizzi kkonċernati u tas-suq (“is-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju”), approvata mill-Qorti Ġenerali, hija sostanzjalment ineżatta, kemm f’dak li jikkonċerna d-delimitazzjoni tas-suq ta’ servizzi inkwistjoni kif ukoll f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tas-suq ġeografiku inkwistjoni.

62.      Dan l-ilment ta’ Ziegler jikkonċerna b’mod partikolari l-punt 71 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali tiddikjara li “il-Kummissjoni kellha raġun tikkonstata li s-servizzi kkonċernati kienu s-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju” u li s-suq hekk deskritt kien “ġie identifikat ġustament mill-Kummissjoni bħala s-suq inkwistjoni”.

63.      L-appellanti tibbaża l-kritika tagħha kontra din is-silta mis-sentenza l-ewwel nett fuq kunsiderazzjonijiet dwar l-interkambjabbiltà tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali, filwaqt li tqajjem il-kwistjoni tal-interkambjabbiltà kemm min-naħa tal-offerta kif ukoll min-naħa tad-domanda.

64.      F’din l-okkażjoni, madankollu, l-appellanti tidher li nsiet li l-kwistjoni tal-imġiba tal-offerta u tad-domanda fuq suq partikolari u tan-natura sostitwibbli tas-servizzi ta’ ġarr hawnhekk inkwistjoni ma hijiex kwistjoni ta’ liġi, imma ta’ fatt, u ma taqax għalhekk – ħlief fil-każ ta’ eventwali żnaturament, li ma ġiex invokat f’dan il-każ – fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell (56).

65.      Għaldaqstant, il-kritika mressqa minn Ziegler kontra l-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar id-definizzjoni tas-suq li hija tikkontesta għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

66.      Minn dan isegwi li l-ewwel parti kollha tal-ewwel aggravju ma tistax tintlaqa’.

b)      Fuq il-prova li nqabeż il-limitu ta’ 5  % f’dan il-każ (it-tieni parti tal-ewwel aggravju)

67.      Sussidjarjament, Ziegler targumenta fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u kisret il-prinċipju tal-kontradittorju meta kkonstatat li l-parti komplessiva tas-suq tal-parteċipanti fl-akkordju kienet f’dan il-każ “lil hinn mil-limitu ta’ 5 %”.

68.      Il-kritika tal-appellanti hija mmirata b’mod partikolari kontra l-aħħar żewġ sentenzi tal-punt 71 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali tiddikjara “li, sabiex il-limitu ta’ 5  % ma jinqabiżx, id-daqs tas-suq għandu jkun ta’ inqas minn EUR 435 miljun” u żżid: “[i]ssa, l-unika possibbiltà sabiex wieħed jasal għal tali daqs tas-suq ikkonċernat hija li jitlaq minn suq ħafna ikbar minn dak tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, suq li għaldaqstant ġie identifikat ġustament mill-Kummissjoni bħala s-suq inkwistjoni”.

69.      Hawnhekk Ziegler ħassitha offiża bid-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li huwa biss suq ferm ikbar minn dak tas-“servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju” li jista’ jilħaq volum ta’ EUR 435 miljun. Skont Ziegler, din id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija nieqsa minn kull bażi u, barra minn hekk, il-premessi li fuqhom hija bbażat ruħha ma kinux ġew dibattuti bejn il-partijiet fl-ewwel istanza.

70.      Dawn iż-żewġ ilmenti ma jreġux għall-eżami.

71.      Ma huwiex neċessarju li dak li huwa evidenti jiġi spjegat fid-dettall. Dan japplika għas-silta kkontestata mis-sentenza: huwa ovvju li l-partijiet tas-suq tal-iżgħar parteċipanti fl-akkordju – fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ ikkonstatat rispettivament għal kull impriża – jistgħu jiġu kkunsidrati biss jekk il-volum tas-suq kien ċarament ikbar. Il-kalkolu li wettqet il-Qorti Ġenerali, li s-suq inkwistjoni kellu jkollu volum ta’ EUR 435 miljun sabiex il-partijiet mis-suq tal-parteċipanti fl-akkordju jonqsu minn ċifra b’żewġ figuri (skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, qrib it-30 % (57)) għal inqas minn 5 %, ma kellux għalfejn ikun approfondit f’iktar ddettall fil-kunsiderazzjonijiet tas-sentenza.

72.      F’dak li jikkonċerna l-figuri li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tal-Qorti Ġenerali, kuntrarjament għal dak li ssostni Ziegler, dawn kienu ddibattuti sewwa bejn il-partijiet fil-proċedura. Dawn jirriżultaw mir-risposta bil-miktub tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet li saru mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-proċedura tal-ewwel istanza (58), li dwarha Ziegler setgħet tieħu pożizzjoni fi kwalunkwe żmien. Barra minn hekk, mis-sentenza appellata jirriżulta li, waqt is-seduta li nżammet fil-kuntest tal-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali stess staqsiet lil Ziegler espressament dwar dan is-suġġett (59).

73.      Ma għandhiex raġun l-appellanti li ssostni f’dan ir-rigward li l-figuri pprovduti mill-Kummissjoni ma humiex affidabbli. Huwa veru li, f’silta oħra mis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat żball ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li kellu effett fuq il-kalkolu tal-volum tas-suq (60). Madankollu, minn dan ma nistgħux naslu għall-konklużjoni ġenerali li l-figuri tal-Kummissjoni ġeneralment ma jistgħux jintużaw.

74.      Fi kwalunkwe każ, il-korrettezza u l-affidabbiltà tal-figuri stabbiliti mill-Kummissjoni huma kwistjoni ta’ konstatazzjoni tal-fatti u ta’ evalwazzjoni tal-provi u, għalhekk, ma humiex – ħlief fil-każ ta’ eventwali żnaturament – mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt l-appell (61). Billi Ziegler ma qajmitx l-ilment ta’ żnaturament tal-fatti jew tal-provi, l-impriża għandha taċċetta l-fatti kkonstatati u l-evalwazzjoni tal-provi li saret mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

75.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li lanqas it-tieni parti tal-ewwel aggravju ma tista’ tirnexxi.

c)      Fuq il-kwistjoni jekk il-fatt li nqabeż il-limitu ta’ 5 % huwiex biżżejjed sabiex jingħad li hemm effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ (it-tielet parti tal-ewwel aggravju)

76.      Bit-tielet parti tal-ewwel aggravju, li hija wkoll invokata sussidjarjament, Ziegler tikkontesta b’mod partikolari l-punt 73 tas-sentenza appellata, li huwa fformulat kif ġej:

“Fl-aħħar nett, kif irrelevat ġustament il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-preżunzjoni pożittiva prevista fil-paragrafu 53 tal-linji gwida tal-2004, huwa biżżejjed li waħda biss minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet alternattivi tiġi sodisfatta sabiex tiġi pprovata n-natura sinjifikattiva tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.”

77.      L-appellanti tħoss li, f’din is-silta mis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, billi hija ddeduċiet l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri mill-fatt biss li l-parti komplessiva mis-suq tal-parteċipanti fl-akkordju teċċedi l-limitu ta’ 5 %. Skont Ziegler, dan la huwa konformi mal-ġurisprudenza u lanqas mal-punt 53 tal-Linji gwida tal-2004.

78.      Huwa korrett jingħad li l-kwistjoni tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri għandha tiġi evalwata billi jittieħed kont tal-elementi rilevanti kollha tal-każ partikolari. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex ikun jista’ jaffettwa l-kummerċ fl-Unjoni, akkordju bejn impriżi għandu, abbażi tal-elementi oġġettivi kollha ta’ dritt jew ta’ fatt, ikun tali li jagħmel possibbli li jiġi previst bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti li dan l-akkordju jista’ jkollu influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq ix-xejra tal-kummerċ bejn Stati Membri, fis-sens li jkun jista’ jagħmel ħsara lill-għanijiet ta’ suq wieħed bejn l-Istati (62).

79.      Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri tal-Unjoni jirriżulta ġeneralment minn kombinazzjoni ta’ diversi fatturi li, ikkunsidrati separatament, ma jkunux neċessarjament determinanti (63). Imma dan ma jeskludix li, f’każ partikolari, mill-kwadru kollu tal-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jirriżulta aspett wieħed biss – f’dan il-każ li jinqabeż b’mod ċar il-limitu ta’ 5 % – bħala l-aspett deċiżiv, li kkunsidrat waħdu, huwa diġà indizju, bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri (64).

80.      F’dan il-każ, madankollu, tista’ tibqa’ miftuħa l-kwistjoni ta’ jekk, speċifikament, il-fatt li l-kriterju tal-5 % kien issodisfatt jippermettilniex diġà, ikkunsidrat separatament, li nikkunsidraw li jeżisti periklu ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. Fil-fatt, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, il-kartell tal-impriżi tal-ġarr kellu żewġ karatteristiċi oħra li kienu jippermettu lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li kien jeżisti effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ, kemm jekk il-limitu ta’ 5 % kien inqabeż kif ukoll jekk le.

81.      Minn naħa, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-kartell tal-impriżi tal-ġarr kien jikkonċerna s-servizzi kollha ta’ ġarr internazzjonali minn u lejn il-Belġju, jiġifieri l-ġarr internazzjonali kollu li kien joriġina minn jew iddestinat lejn il-Belġju. It-territorju kollu ta’ Stat Membru kien għalhekk milqut minn dan l-akkordju. Dan it-tip ta’ akkordju għandu, min-natura tiegħu stess, l-effett li jikkonsolida l-kompartimentalizzazzjoni ta’ natura nazzjonali, u għalhekk kien itellef l-interpenetrazzjoni ekonomika li jridu t-Trattati (65).

82.      Min-naħa l-oħra, il-kartell tal-impriżi tal-ġarr, li fih kienu jipparteċipaw l-impriżi ta’ ġarr importanti, li kellhom is-sede tagħhom fil-Belġju jew barra dan il-pajjiż (66), kien jirrigwarda speċifikament il-ġarr internazzjonali li jitlaq minn jew li jkun iddestinat lejn il-Belġju, b’mod li, diġà min-natura tiegħu, huwa neċessarjament kellu influwenza kunsiderevoli fuq il-kummerċ transkonfinali bejn Stati Membri (67).

83.      Il-Qorti Ġenerali kienet taf b’dawn iż-żewġ fatturi oħra meta hija eżaminat f’dan il-każ il-kriterju tal-5 % (68). Ma jkollniex raġun għalhekk naħsbu li, sabiex ikkonstatat effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ, il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat ruħha biss fuq il-fatt li nqabeż il-limitu ta’ 5 %, anki jekk eżami iżolat tal-punt 73 waħdu jista’, jekk jinqara malajr wisq, jagħti din l-impressjoni.

84.      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma osservatx ir-rekwiżiti ġuridiċi riżultanti mill-klawżola tan-natura transkonfinali tal-effetti fuq il-kummerċ li tinsab fl-Artikolu 81(1) KE.

85.      L-ebda konklużjoni oħra ma titnissel mill-punt 53 tal-Linji gwida tal-2004, fejn il-Kummissjoni llimitat lilha nnifisha fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha (69). Huwa veru li, skont din l-aħħar dispożizzjoni, il-fatt waħdu li jkun inqabeż il-limitu ta’ 5 % jwassal għall-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri tal-Unjoni biss jekk l-akkordju inkwistjoni jkun barra minn hekk, min-natura tiegħu nnifsu, kapaċi li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri. Madankollu ma jistax jiġi ddubitat li din il-kundizzjoni addizzjonali hija ssodisfatta meta l-każ ikun jikkonċerna restrizzjoni flagranti bħal dik imħaddma minn dan l-akkordju, li barra minn hekk jirrigwarda, skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, is-servizzi ta’ ġarr internazzjonali, jiġifieri transkonfinali.

86.      Għaldaqstant, lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat li kien hemm ksur tal-punt 53 tal-Linji gwida tal-2004.

87.      Bħala konklużjoni, l-ewwel aggravju huwa għaldaqstant infondat ukoll fit-tielet parti tiegħu u għandu għaldaqstant jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

2.      Fuq il-motivazzjoni tal-ammont tal-multa (it-tieni aggravju)

88.      It-tieni aggravju mressaq minn Ziegler insostenn tal-appell tagħha jsemmi l-punti 88 sa 94 tas-sentenza appellata. L-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali għaliex xejn ma kienet eżiġenti fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża f’dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-multa u għalhekk ma osservatx, minn naħa, ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni tal-atti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, id-dritt fundamentali għal smigħ xieraq [ara sezzjoni a) iktar ’il quddiem]. Sussidjarjament, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali kisret il-“prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni” u mmotivat insuffiċjentement is-sentenza tagħha [ara sezzjoni b) iktar ’il quddiem].

89.      Dawn l-ilmenti jidħlu fil-kuntest tal-prassi ġdida tal-Kummissjoni, introdotta bil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006, li tikkonsisti fil-kalkolu tal-ammont bażi tal-multi imposti taħt id-dritt dwar l-akkordji, kif ukoll il-fattur ta’ deterrent possibbilment applikat, fuq il-bażi ta’ perċentwali ddeterminat tal-valur tal-bejgħ (70) imwettaq minn kull impriża kkonċernata. Fid-dawl tal-gravità tal-ksur, dan il-perċentwali sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażi tal-multa tvarja bejn 0 % u 30 % tal-valur tal-bejgħ (71); waqt il-kalkolu tal-fattur ta’ deterrent, ir-rata tkun minn 15 % sa 25 % tal-valur tal-bejgħ (72).

90.      Skont il-Qorti       Ġenerali, dan il-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa għandu r-riżultat li l-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jimponu multa għandha tissodisfa rekwiżiti iktar stretti. Il-Qorti Ġenerali tiddikjara li l-Kummissjoni ma għadhiex tista’, fil-prinċipju, tikkuntenta ruħha li tikklassifika l-ksur f’kategorija ddeterminata fir-rigward tal-gravità tiegħu (bħal, pereżempju, f’dan il-każ: “gravi ħafna”), mingħajr ma tispjega f’iktar dettall b’liema mod hija konkretament stabbilixxiet il-perċentwali tal-valur tal-bejgħ li fuqu jkunu ġew finalment ikkalkolati l-ammonti bażi tal-multa u l-fattur ta’ deterrent (73).

91.      F’din il-kawża, madankollu, il-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat li kien suffiċjenti li l-Kummissjoni kienet għażlet bħala bażi ta’ kalkolu tal-multa proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ 17 %, mingħajr ma tispjega din l-għażla f’iktar dettall u abbażi biss tal-motiv tan-natura “gravi ħafna” tal-ksur (74). Skont il-Qorti Ġenerali, motivazzjoni ta’ dan it-tip tista’ tkun biżżejjed “fis-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tapplika rata iktar qrib il-limitu inferjuri tal-iskala prevista għar-restrizzjonijiet l-iktar gravi, li barra minn hekk hija favorevoli ħafna għar-rikorrenti. Fil-fatt, f’dan il-każ, motivazzjoni addizzjonali, li tmur lil hinn mill-motivazzjoni inerenti fil-linji gwida, ma hijiex neċessarja. Min-naħa l-oħra, kieku riedet tapplika rata iktar għolja, kien ikollha tipprovdi motivazzjoni iktar dettaljata” (75).

92.      Dawn id-dikjarazzjonijiet iwasslu lil Ziegler sabiex tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, għalkemm ammettiet fuq il-livell teoriku li l-motivazzjoni fil-qasam ta’ kalkolu tal-multi għandha tirrispondi għal rekwiżiti iktar stretti, ma applikatx dawn ir-rekwiżiti fil-każ preżenti għall-Kummissjoni u kważi eżoneratha mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

a)      Fuq l-ilment ta’ “eżoneru” illegali mill-obbligu ta’ motivazzjoni (l-ewwel parti tat-tieni aggravju)

93.      Fil-kuntest ta’ dan it-tieni aggravju, Ziegler tikkritika lill-Qorti Ġenerali prinċiparjament talli ma osservatx ir-rekwiżiti ġuridiċi li għandha tissodisfa l-motivazzjoni fir-rigward tal-kalkolu tal-multa tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu l-multi taħt id-dritt dwar l-akkordji u b’mod partikolari, minn naħa, ir-rekwiżiti li jitnisslu kemm mill-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-Unjoni stabbilit mid-dritt primarju u mil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006 u, min-naħa l-oħra, dawk li jitnisslu mid-dritt fundamentali għal smigħ xieraq.

i)      L-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE (li issa sar it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE)

94.      F’dak li jikkonċerna, qabel xejn, l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-Unjoni, Ziegler tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 296 TFUE. Fil-verità, madankollu, għadu l-Artikolu 253 KE li huwa applikabbli għal din il-kawża (76), liema artikolu madankollu ma jissottomettix il-motivazzjoni tal-atti tal-Unjoni – sa fejn din hija inkwistjoni f’din il-kawża – għal rekwiżiti ġuridiċi differenti minn dawk tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 KE.

95.      Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati sabiex ikunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (77).

96.      Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-Unjoni takkwista importanza għal kollox partikolari meta ghandu jiġi ffissat l-ammont tal-multi imposti taħt il-liġi tal-kartell. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha l-obbligu, b’mod partikolari, li tispjega l-piż u l-evalwazzjoni li hija tkun għamlet tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni (78).

97.      Kuntrarjament għal dak li jidher li taħseb Ziegler, dan ma jfissirx madankollu li kull deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa għandha tkun immotivata bl-istess intensità. Lanqas mil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006 ma jirriżulta ssikkar ġenerali u fil-prinċipju tar-rekwiżiti ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-multa, li minnhom il-Qorti Ġenerali tista’ “teżonera” lill-Kummissjoni f’din il-kawża.

98.      Għall-kuntrarju, ir-regola fil-proċeduri ta’ impożizzjoni ta’ multa fil-qasam tal-akkordji tibqa’ li n-natura u l-portata tal-motivazzjoni li l-Kummissjoni hija obbligata li tipprovdi fid-deċiżjoni tagħha għandhom fl-aħħar mill-aħħar jiġu evalwati fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li l-persuni li lilhom huwa indirizzat l-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minnu jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (79).

99.      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li deċiżjoni tal-Kummissjoni li tidħol fil-linja ta’ prassi deċiżjonali stabbilita tista’ tkun immotivata b’mod sommarju, b’mod partikolari b’riferiment għal din il-prassi (80). Dan japplika wkoll meta l-adozzjoni tal-att inkwistjoni tidħol f’kuntest magħruf sewwa mill-persuni interessati (81). Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, sa fejn il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, imma wkoll tal-kuntest u tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (82).

100. Meqjusa b’dan il-kejl, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tiddeċiedi li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet immotivata suffiċjentement f’dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-ammont bażi tal-multa kif ukoll tal-fattur ta’ deterrent.

101. Id-deċiżjoni kontenzjuża tidħol perfettament fil-linja tal-prassi amministrattiva ġdida tal-Kummissjoni, li l-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006 kienu intiżi li jrendu trasparenti fir-rigward tal-proċeduri dwar akkordji. Dawn il-linji gwida diġà fihom spjegazzjonijiet numerużi u għalhekk ma huwiex neċessarju li l-Kummissjoni tirrepetihom fid-deċiżjoni kontenzjuża. B’hekk, il-Linji gwida jindikaw b’mod partikolari li “[l]-akkordji orizzontali ta’ ffissar ta’ prezzijiet, ta’ tqassim ta’ suq u ta’ limitazzjoni ta’ produzzjoni” – jiġifieri r-restrizzjonijiet flagranti – “għandhom jiġu ssanzjonati severament”; għal dan il-ksur, għandu, skont il-Linji gwida, jiġi applikat ammont bażi “fl-għola livell tal-iskala”, bejn 0 % u 30 % tal-valur tal-bejgħ, u fattur ta’ deterrent ta’ 15 % sa 25 % tal-valur tal-bejgħ (83). [traduzzjoni mhux uffiċjali].

102. Billi kien “ksur gravi ħafna”, li kellu l-għan li jinfluwenza l-formazzjoni tal-prezzijiet u li jqassam il-kuntratti bejn il-parteċipanti fl-akkordju, il-kartell tal-impriżi tal-ġarr kien jaqa’, mingħajr ebda dubju, f’din il-kategorija u għaldaqstant kellu jiġi ssanzjonat, konformement mal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006, b’multa li jkollha l-ammont bażi tagħha “fl-għola livell tal-iskala” ta’ bejn 0 % u 30 % tal-valur tal-bażi u barra minn hekk kellha tkun imsaħħa b’fattur ta’ deterrent ta’ 15 % sa 25 % tal-valur tal-bejgħ.

103. Huwa ċar u ma jeħtieġx jiġi spjegat iktar li ammont bażi ta’ 17 % tal-valur tal-bejgħ, kif finalment iffissat mill-Kummissjoni, jinsab fi kwalunkwe każ fil-parti ta’ fuq tal-iskala ta’ bejn 0 % u 30 % tal-valur tal-bejgħ. L-unika kwistjoni li tista’ tqum hija jekk anki proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ 17 % effettivament jinsabx “fl-għola livell tal-iskala” kif rikjest mil-Linji gwida tal-2006 (84) jew jekk huwiex baxx iżżejjed. F’dan ir-rigward, madankollu, Ziegler ma għandhiex interess leġittimu sabiex tirċievi spjegazzjonijiet iktar iddettaljati, billi perċentwali iktar baxx ikun iktar favorevoli għaliha minn perċentwali ogħla (85). L-istess japplika għal dak li jikkonċerna l-fattur ta’ deterrent, iffissat mill-Kummissjoni bħala 17 % tal-valur tal-bejgħ, għaliex lanqas dan l-aħħar fattur ma kien iffissat b’rata partikolarment għolja mill-iskala prevista ta’ 15 % sa 25 % tal-valur tal-bejgħ (86).

104. Ċertament huwa konċepibbli li, minħabba ċ-ċirkustanzi speċjali tal-każ, proporzjon tal-valur tal-bejgħ inqas minn dak imsemmi fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006 seta’, fil-każ speċifiku, jiġi adottat għall-kalkolu tal-ammont bażi tal-multa; billi l-Linji gwida jippermettu dan espressament, b’mod partikolari bil-preċiżjoni “ġeneralment” (87). Kuntrarjament għal dak li taħseb Ziegler, madankollu, ma jistax jiġi dedott issikkar ġenerali tar-rekwiżiti li għandha tissodisfa l-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jimponu multa. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni għandha teżamina, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha li timponi multa, il-karatteristiċi speċifiċi tal-każ partikolari biss meta jkollha konoxxenza effettiva ta’ dawn il-karatteristiċi. Jekk, min-naħa tagħha, l-impriża tkun taf b’ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw li jiġi adottat, fil-kalkolu tal-multa, proporzjon tal-valur tal-bejgħ inqas minn dak indikat fil-Linji gwida tal-2006, għandha tkun hija li ġġibhom għall-attenzjoni tal-Kummissjoni. Imma, ma jidhirx li Ziegler fil-fatt targumenta li hija kienet effettivament invokat elementi bħal dawn speċifikament fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont bażi tal-multa jew fir-rigward tal-fattur ta’ deterrent.

105. Fl-aħħar nett, ir-rekwiżiti ġuridiċi li għandha tissodisfa l-motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet li jimponu multi għandhom ikunu iktar stretti iktar ma l-kawża kkonċernata tkun komplessa u iktar ma jkun għoli l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ adottat mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-ammont bażi u l-fattur ta’ deterrent (88). Il-loġika tal-obbligu ta’ motivazzjoni trid li l-ispjegazzjonijiet li għandhom jiġu pprovduti mill-Kummissjoni jkunu iktar iddettaljati iktar ma s-sanzjoni imposta teċċedi r-rekwiżiti minimi stabbiliti fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006. Fil-fatt, l-interess tal-impriżi kkonċernati li jsiru jafu r-raġunijiet għal eventwali severità partikolari mill-Kummissjoni jikber bl-istess proporzjon. Imma dan ma japplikax f’din il-kawża, li ma hijiex ikkaratterizzata minn xi kumplessità partikolari u li fiha l-Kummissjoni bbażat il-kalkolu tagħha tal-ammont tal-multa fuq proporzjon relattivement baxx tal-valur tal-bejgħ.

106. Bħala konklużjoni, il-Qorti Ġenerali għalhekk applikat korrettement ir-rekwiżiti ġuridiċi li għandu jissodisfa l-istħarriġ tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. L-ilment ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa għaldaqstant infondat.

ii)    Id-dritt fundamentali għal smigħ xieraq

107. Barra mill-ksur tal-obbligi ġenerali ta’ motivazzjoni, Ziegler tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret id-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, filwaqt li tinvoka f’dan ir-rigward l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (89) kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali”).

108. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel xejn, li huwa paċifiku li Ziegler ma kienet invokat ebda ksur simili fl-ewwel istanza. Kuntrarjament għal dak li targumenta Ziegler, dan mhux il-każ ta’ sempliċi addizzjoni jew żvilupp tal-kritika mressqa minnha fl-ewwel istanza fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, imma dan huwa motiv ġdid, inammissibbli, li huwa bbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet totalment differenti. Il-fatt li, sadattant, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem setgħet tat xi sentenzi ġodda dwar l-Artikolu 6 tal-KEDB ma jwassalx għal modifika tas-sitwazzjoni fattwali jew ġuridika, li kienet tiġġustifika l-invokazzjoni ta’ motiv ġdid. A fortiori, motiv ġdid bħal dan ma jistax, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell, jagħti lok għal dibattitu fil-mertu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (90) [dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 42(2) u 118 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ġunju 1991 (91)].

109. Madankollu, anki fil-każ li l-aggravju li Ziegler tibbaża fuq id-dritt għal smigħ xieraq jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli, dan ser ikun fi kwalunkwe każ infondat.

110. Huwa veru li teżisti rabta inkontestabbli bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti ġuridiċi tal-Unjoni u d-dritt fundamentali għal smigħ xieraq. Fil-fatt, huwa biss fejn il-persuna interessata tkun ġiet debitament informata bir-raġunijiet li għalihom tkun ittieħdet miżura fil-konfront tagħha li jkun possibbli għaliha li tevalwa jekk ikunx utili li tikkontestaha permezz ta’ rikors u l-qrati kompetenti jkunu jistgħu jistħarrġu korrettement il-legalità tagħha.

111. Imma, kif diġà semmejt (92), id-deċiżjoni kontenzjuża tissodisfa kif suppost ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, moqrija flimkien mal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006, id-deċiżjoni tispjega ċarament ir-raġunijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa u dawn jistgħu jiġu mistħarrġa mingħajr diffikultà fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ġusta.

112. Fl-aħħar nett, xejn ma jiġġustifika l-kritika mressqa mill-appellanti fis-sens li l-Qorti Ġenerali ma tkunx eżerċitat kif suppost il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha jekk tippermetti motivazzjonijiet bħal dawk tad-deċiżjoni kontenzjuża. Ziegler ma tispjega bl-ebda mod kif il-Qorti Ġenerali kellha tasserixxi l-istħarriġ tagħha fuq id-deċiżjoni kontenzjuża. B’mod partikolari, hija ma ppreżentat l-ebda element li jindika li, b’mod partikolari, il-motivazzjoni tal-kalkolu tal-multa mwettaq mill-Kummissjoni kellha l-effett li tipprevjeni, jew minn tal-inqas sempliċement, li tagħmel iktar diffiċli, fid-dritt u fil-fatt, stħarriġ ġudizzjarju sħiħ tad-deċiżjoni kontenzjuża.

113. Bħala konklużjoni, l-ilment imressaq minn Ziegler u bbażat fuq id-dritt fundamentali għal smigħ xieraq għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat.

b)      Fuq l-ilment, imressaq sussidjarjament, ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu tal-Qorti Ġenerali li timmotiva s-sentenzi tagħha (it-tieni parti tat-tieni aggravju)

114. Sussidjarjament, l-appellanti targumenta li, billi “eżonerat” lill-Kummissjoni mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, is-sentenza appellata ma rrispettatx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni u f’dan ir-rigward, barra minn hekk, ma hijiex immotivata suffiċjentement.

i)      Fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni

115. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – kultant imsejjaħ ukoll “prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni” (93) – jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, rikonoxxut fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (94). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet f’diversi okkażjonijiet l-importanza tiegħu fir-rigward tal-multi imposti fil-kuntest ta’ proċeduri dwar akkordju (95).

116. Il-ksur ta’ dan il-prinċipju li l-appellanti timputa lill-Qorti Ġenerali jikkonsisti f’li l-Qorti Ġenerali tpoġġi, fil-fehma tagħha, b’mod inġustifikat fuq livell ta’ ugwaljanza każijiet bħalma huma dawk inkwistjoni f’dan il-każ, fejn il-multa hija kkalkolata abbażi ta’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ 17 % ma’ każijiet li fihom jista’ jiġi adottat bħala bażi proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ 15 %.

117. Dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ Ziegler huma ferm vagi u jidhru li jistrieħu fuq paragun purament ipotetiku ma’ eżempju purament teoretiku u li ma huwiex spjegat fid-dettal, fejn il-Kummissjoni tista’ tibbaża l-kalkolu tagħha tal-ammont tal-multa fuq proporzjon tal-valur tal-bejgħ li ma jkunx ta’ 17 % – bħalma għamlet f’dan il-każ – imma ta’ 15 %.

118. Meħud kont tal-impreċiżjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-appellanti, niddubita ferm kemm l-argumenti tagħha fuq dan il-punt jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli (96).

119. Madankollu, fi kwalunkwe każ, dan l-argument ma huwiex fondat.

120. Il-kalkolu tal-ammont tal-multi ma huwiex proċess mekkaniku, li jippermetti li jiġi stabbilit, għal kull akkordju, biex ngħid hekk, bil-quddiem u bi preċiżjoni matematika l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jiġi adottat għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażi tal-multa u tal-fattur deterrent. Barra minn hekk, tali prevedibbiltà tas-sanzjoni sal-aħħar punt deċimali ma jkunx opportun, għaliex jippermetti lill-parteċipanti fl-akkordju li jikkalkolaw minn qabel il-“prezz” tal-imġiba illegali tagħhom u li jikkalkolaw jekk huwiex iktar profittabbli għalihom li jiksru l-liġi jew li jirrispettawha.

121. Għal din ir-raġuni, meta l-Kummissjoni, bħala awtorità tal-kompetizzjoni, timponi multi fuq l-impriżi li jkunu pparteċipaw f’akkordju, hija għandha neċessarjament iżżomm ċerta setgħa ta’ diskrezzjoni sabiex tiffissa l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jservi ta’ bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-multa (97). Il-fatt li, f’dan il-każ, dan il-proporzjon kien ta’ 17 % filwaqt li jista’ jkun ta’ 15 % tal-valur tal-bejgħ fi proċedura oħra ta’ kartell huwa fin-natura stess ta’ dawn il-kalkoli u ma jistax jitpoġġa fid-dubju billi jiġi invokat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sakemm il-Kummissjoni tibqa’ fil-qafas iddefinit fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006, li permezz tagħhom hija stess iffissat ċerti limiti għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha (98).

122. Sabiex jiġi kkumpensat dan il-marġni ta’ diskrezzjoni li tgawdi l-Kummissjoni meta tistabbilixxi l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li abbażi tiegħu hija tipproċedi għall-kalkolu tal-multa, id-deċiżjonijiet tagħha li jimponu multa huma suġġetti għall-ġurisdizzjoni sħiħa tal-qrati tal-Unjoni (dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 261 TFUE u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003) (99). Għalhekk, fl-eżempju ipotetiku spjegat minn Ziegler, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk hija tħoss li proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ 15 % jkun iktar adegwat jew iktar ġust, liberament tissostwixxih minflok ir-rata ta’ 17 % magħżula mill-Kummissjoni u għaldaqstant tnaqqas l-ammont tal-multa imposta.

123. F’dawn il-kundizzjonijiet l-ilment imressaq minn Ziegler ibbażat fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi miċħud.

ii)    Fuq ir-rekwiżiti li għandha tissodisfa l-motivazzjoni tas-sentenza appellata

124. Barra minn hekk, Ziegler targumenta li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha li timmotiva s-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza. Il-motivazzjoni hija, skont Ziegler, insuffiċjenti għaliex il-Qorti Ġenerali, f’dan il-każ, ippermettiet lill-Kummissjoni li tiffissa l-fattur ta’ deterrent bħala 17 % tal-valur tal-bejgħ unikament minħabba n-natura “gravi ħafna” tal-ksur. Billi għamlet hekk, targumenta Ziegler, il-Qorti Ġenerali injorat, mingħajr spjegazzjoni oħra, il-punt 25 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006, li jipprovdu li “ċertu numru ta’ fatturi” għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

125. L-obbligu tal-Qorti Ġenerali li timmotiva s-sentenzi tagħha, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 36 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Kif diġà semmejt, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw ir-raġunijiet tad-deċiżjoni meħuda u b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (100).

126. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali fil-fatt spjegat ir-raġunijiet għaliex hija ddikjarat legali l-iffissar ta’ fattur ta’ deterrent bħala 17 % tal-valur tal-bejgħ: hija rreferiet għall-kunsiderazzjonijiet li kienet għadha kemm għamlet dwar il-kalkolu tal-ammont bażi tal-multa u ġġustifikat dan ir-riferiment bil-fatt li, minn naħa, il-“limitu inferjuri tal-iskala huwa l-istess” u li, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, permezz ta’ riferiment intern fil-premessi tad-deċiżjoni kontenzjuża, ukoll tat l-istess raġunijiet għal dawn iż-żewġ kalkoli (101).

127. Għalhekk, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar din il-problema jirriżulta b’mod ċar u inekwivoku mis-sentenza appellata. Jista’ jagħti lok li fil-mertu Ziegler għandha fehma differenti minn dik tal-Qorti Ġenerali. Madankollu, dan il-fatt ma jistax jivvizzja s-sentenza appellata b’nuqqas ta’ motivazzjoni (102).

128. Għaldaqstant, l-ilment ta’ motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza appellata huwa infondat.

129. Inċidentalment, inżid li l-analiżi magħmula minn Ziegler tal-punti 22 u 25 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006 lanqas ma hija konvinċenti ħafna fil-mertu. Id-dikjarazzjoni ġenerali tal-Kummissjoni, li fl-iffissar tal-fattur ta’ deterrent, hija “ser tqis numru ta’ fatturi”, tiddeskrivi l-prassi amministrattiva tagħha b’mod ġenerali u ma tfissirx neċessarjament li l-Kummissjoni għandha, f’kull każ konkret, tibbaża ruħha fuq dawn il-fatturi kollha u timmotiva d-deċiżjoni tagħha fit-tul għal kull wieħed minnhom. Għall-kuntrarju, il-fatturi rilevanti u n-numru komplessiv tagħhom jiddependu fuq il-każ partikolari. F’din il-kawża, ma jidhirx li Ziegler allegat b’xi mod konkret li, fl-iffissar tal-ammont bażi tal-multa u tal-fattur ta’ deterrent, xi fatturi oħra, li kienu injorati mill-Kummissjoni, kellhom jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni.

130. Fil-qosor, it-tieni aggravju huwa għaldaqstant parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

3.      Fuq l-“imparzjalità oġġettiva” tal-Kummissjoni (it-tielet aggravju)

131. It-tielet aggravju jikkonċerna l-punti 103 sa 107 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali teżamina l-kwistjoni tal-imparzjalità tal-Kummissjoni, li dwarha Ziegler kienet qajmet dubji. Ziegler tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma mmotivatx kif suppost is-sentenza tagħha f’dan ir-rigward u li, barra minn hekk, kisret id-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, kif ukoll id-dritt fundamentali għal amministrazzjoni tajba.

132. Dan l-ilment huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni tikkunsidra lilha nnifisha bħala waħda mill-vittimi tal-kartell tal-impriżi tal-ġarr. F’dawn il-kundizzjonijiet, targumenta Ziegler, il-Kummissjoni ma setgħetx tiddeċiedi hija stess fuq l-akkordju tal-impriżi tal-ġarr mingħajr ma tkun imħallef u parti fl-istess ħin.

133. L-appellanti tikkunsidra għalhekk li ċ-ċirkustanzi speċjali ta’ din il-kawża kienu kkompromettew l-imparzjalità tal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, Ziegler ma ddaħħalx inkwistjoni s-sistema ġenerali ta’ applikazzjoni tad-dritt dwar l-akkordji eżistenti fl-Unjoni, u lanqas ir-rwol istituzzjonali ta’ awtorità tal-kompetizzjoni mogħti lill-Kummissjoni.

a)      Fuq l-ilment ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata (l-ewwel parti tat-tielet aggravju)

134. Ziegler tikkritika lill-Qorti Ġenerali qabel xejn talli ma rrispondietx għall-ilment dwar l-imparzjalità oġġettiva tal-Kummissjoni li hija kienet ressqet fl-ewwel istanza. Skont l-appellanti, fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali kienet ivverifikat biss ir-rekwiżit ta’ imparzjalità suġġettiva u mhux dak ta’ imparzjalità oġġettiva. Minħabba f’hekk, is-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

135. Ma huwiex ikkontestat li, effettivament, meta targumenta li l-Qorti Ġenerali ma rrispondietx għal wieħed mill-motivi invokati minnha insostenn tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, l-appellanti qiegħda tikkritika ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi tal-ewwel istanza (dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 36 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja) (103). Fil-kuntest ta’ appell, l-għan tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa, b’mod partikolari, li jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali rrispondietx b’mod sodisfaċenti għall-finijiet ta’ dritt għall-argumenti kollha invokati mill-appellanti (104).

136. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali – anki jekk fil-qosor – irrispondiet, fil-punti 103 sa 107 tas-sentenza appellata, għall-ilment imressaq minn Ziegler u bbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni u spjegat ir-raġunijiet għaliex ċaħdet dan il-motiv imressaq minn Ziegler.

137. Nirrikonoxxi li, f’dawk il-punti, il-Qorti Ġenerali ma ddistingwietx b’mod ċar bejn imparzjalità oġġettiva u imparzjalità suġġettiva. Ma hemmx dubju li dan ma huwiex ideali. L-eżattezza fil-mertu tal-kunsiderazzjonijiet li jidhru fis-sentenza appellata – f’dan il-każ, il-kwistjoni ta’ jekk l-istess rekwiżiti għandhomx jiġu applikati għall-imparzjalità oġġettiva u għall-imparzjalità suġġettiva – madankollu ma hijiex kwistjoni li tikkonċerna l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali, imma hija kwistjoni ta’ mertu (105). Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-mertu, waslet għal konklużjoni differenti minn dik tal-appellanti, ma jistax, fih innifsu, jivvizzja s-sentenza kkontestata b’nuqqas ta’ obbligu ta’ motivazzjoni (106).

138. Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet aggravju hija infondata.

b)      Fuq id-drittijiet fundamentali għal smigħ xieraq u għal amministrazzjoni tajba (it-tieni parti tat-tielet aggravju)

139. Barra minn hekk, Ziegler tinvoka ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha għal smigħ xieraq u għal amministrazzjoni tajba. Fil-fehma tagħha, dan il-ksur huwa kkostitwit mill-fatt li l-Kummissjoni kienet f’dan il-każ “imħallef fil-kawża tagħha stess”. Għal dan l-għan, l-appellanti tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 6 tal-KEDB kif ukoll fuq l-Artikoli 47 u 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

140. Il-Kummissjoni ma hijiex “Qorti” fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (107). Bħala awtorità tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, hija madankollu marbuta li tirrispetta d-dritt għal amministrazzjoni tajba, li huwa rikonoxxut fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bħala dritt fundamentali tal-Unjoni (108). Skont din id-dispożizzjoni, kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni.

141. Dan ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri żewġ aspetti: l-imparzjalità suġġettiva, li jfisser li l-ebda membru tas-servizz ikkonċernat ma għandu juri xi preġudizzju jew preferenza personali, u l-imparzjalità oġġettiva, li teħtieġ li d-dipartiment responsabbli mill-każ joffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar l-imparzjalità tiegħu (109).

142. Is-suġġett ta’ dan l-aggravju huwa biss it-tieni aspett, jiġifieri r-rekwiżit ta’ imparzjalità oġġettiva. Ziegler issostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tkun oġġettivament imparzjali fit-trattament ta’ din il-kawża, minħabba l-fatt li hija stess kienet waħda mill-vittmi prinċipali tal-kartell tal-impriżi tal-ġarr u minħabba li l-membri tal-persunal tal-Kummissjoni kienu “applikanti għal kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza (110)” (sic!). Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali kienet injorat dan fis-sentenza appellata.

143. Għall-għanijiet ta’ din il-proċedura ta’ appell, tista’ tibqa’ miftuħa l-kwistjoni ta’ jekk, f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ imparzjalità oġġettiva, il-Qorti Ġenerali kellhiex tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża minħabba nuqqas ta’ kompetenza – din hija t-teżi ta’ Ziegler – jew minħabba ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba. Fil-fatt, f’din il-kawża ma jeżisti, fi kwalunkwe każ, l-ebda indizju li l-iċken nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva tal-Kummissjoni seta’ ħarab lill-Qorti Ġenerali.

144. B’mod speċjali, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni tinvestiga u tissanzjona akkordju li jikkaġuna ħsara lill-finanzi tal-Unjoni Ewropea ma jistax iwassal għal nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva tal-Kummissjoni (111). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinsab fl-istess sitwazzjoni bħall-awtoritajiet nazzjonali li, pereżempju, jaġixxu kontra persuni li saru ħatja ta’ evażjoni jew ta’ frodi fiskali, jew bħall-awtoritajiet lokali li jaġixxu kontra kontravenzjonijiet ta’ pparkjar. Ċertament, Ziegler targumenta li, f’din il-kawża, l-interess personali tal-Kummissjoni, bħala istituzzjoni tal-Unjoni u bħala persuna li timpjega membri tal-persunal tagħha kkonċernati mill-ġarr, huwa ferm ikbar minn dak tas-servizzi nazzjonali jew lokali ċċitati iktar ’il fuq, imma hija ma sostniet dan l-argument b’ebda mod (112).

145. Fl-aħħar nett, il-punt determinanti għall-finijiet tal-imparzjalità oġġettiva huwa dak li, fi ħdan l-awtorità kkonċernata, ikunu ttieħdu d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi eliminata kull impressjoni ta’ preferenza f’għajnejn l-akkużati. Għal dan il-għan, għandu b’mod partikolari jiġi żgurat li ksur ma jkunx investigat u ssanzjonat mid-dipartiment li jkun sofra l-effetti ta’ dan il-ksur.

146. La mill-fajl u lanqas mid-dikjarazzjonijiet li saru mill-partijiet waqt is-seduta, ma jirriżulta l-iċken indizju konkret li f’dan l-każ il-Kummissjoni kienet naqset milli tieħu dawn il-miżuri neċessarji. F’dan is-sens, fi ħdan il-Kummissjoni, huma żewġ dipartimenti distinti u totalment separati minn xulxin li huma kompetenti għall-ħlas tal-ġarr u għat-teħid ta’ proċeduri kontra ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. Għalkemm huwa veru li dawn id-dipartimenti huma t-tnejn li huma suġġetti għall-poter ta’ deċiżjoni tal-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni (113), huma madankollu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ żewġ kummissarji differenti (114).

147. Għaldaqstant, fl-aħħar mill-aħħar, is-sitwazzjoni tal-Kummissjoni ma tippreżentax, f’dak li jikkonċerna l-istruttura organizzattiva tagħha, differenzi fundamentali minn dik ta’ awtorità lokali, li d-dipartimenti kollha tagħha – kemm dawk responsabbli mill-finanzi kif ukoll dawk inkarigati sabiex jaġixxu kontra kontravenzjonijiet ta’ pparkjar – ikunu suġġetti għat-tmexxija ta’ persuni eletta, bħalma huma s-sindku, il-kunsill lokali jew il-kunsilliera. L-istess japplika għal dak li jikkonċerna l-awtoritajiet statali, inkarigati sabiex jinvestigaw u jissanzjonaw il-każijiet ta’ evażjoni jew ta’ frodi fiskali: fl-aħħar mill-aħħar, dawn huma integrati fl-istess struttura organizzattiva tal-Istat – anki jekk huma indipendenti fl-azzjonijiet tagħhom – bħas-servizzi li lilhom hija fdata l-ġestjoni finanzjarja tal-Istat. Din iċ-ċirkustanza, meqjusa waħedha, ma tistax tpoġġi fid-dubju l-imparzjalità oġġettiva tagħhom (115).

148. Finalment, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Ziegler fis-sens li l-membri tal-persunal tal-Kummissjoni kienu “applikanti għal kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza”. Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha f’dan ir-rigward l-ebda prova li l-membri tal-persunal tal-Kummissjoni kienu talbu kwotazzjonijiet mingħand impriżi ta’ ġarr bl-għarfien tal-fatt, jew anki sempliċement issuspettaw, li dawn kienu kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza. Minkejja li sarulha mistoqsijiet dwar dan is-suġġett waqt is-seduta, l-argumenti ta’ Ziegler fuq dan il-punt kienu dejjem fil-forma ta’ affermazzjonijiet ġenerali ħafna mingħajr ma huma ssostanzjati. Min-naħa l-oħra, il-proċess ġudizzjarju ma żvela lanqas l-iċken element li jippermettilna naħsbu li l-istess membri tal-persunal tal-Kummissjoni kellhom x’jaqsmu ma’ dawn il-kwotazzjonijiet u kienu inkarigati mill-investigazzjoni fuq il-kartell tal-impriżi tal-ġarr u mis-sanzjoni tagħhom.

149. L-implementazzjoni effikaċi tar-regoli stabbiliti mit-Trattati fil-qasam tal-kompetizzjoni, li tagħmel parti mill-funzjonijiet ċentrali tal-Kummissjoni, tkun kompromessa b’mod kunsiderevoli jekk din l-awtorità tkun awtomatikament imċaħħda mill-kompetenza tagħha li tinvestiga u tissanzjona ksur malli jkun hemm l-iċken preġudizzju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni jew għall-membri tal-persunal tagħha. Kif turi tajjeb ħafna din il-kawża, din il-problema ta’ implementazzjoni ma tistax – kuntrarjament għal dak li targumenta Ziegler – tiġi riżolta b’mod affidabbli billi jintalbu jintervjenu, minflok il-Kummissjoni, awtorità jew awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, u dan peress li dawn is-servizzi nazzjonali jistgħu, huma stess, ikunu vittmi tal-akkordju rispettivament ikkonċernat (116).

150. Bħala konklużjoni, il-Qorti Ġenerali għaldaqstant ma tistax tiġi serjament akkużata li ma osservatx ir-rekwiżiti li jitnisslu fir-rigward ta’ din il-kawża mill-prinċipji ta’ smigħ xieraq u ta’ amministrazzjoni tajba.

151. Dan japplika a fortiori wkoll sa fejn il-Kummissjoni, bħala awtorità amministrattiva, ma hijiex suġġetta għal rekwiżiti daqstant stretti bħalma hija qorti indipendenti fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għall-kuntrarju, l-atti tal-Kummissjoni, inklużi d-deċiżjonijiet tagħha li jimponu multa taħt il-liġi dwar l-akkordji, huma min-naħa tagħhom suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju independenti mill-qrati tal-Unjoni (117). Kuntrarjament għal dak li jidher li taħseb Ziegler (118), il-Kummissjoni ma hijiex għaldaqstant, f’każ bħal dak f’dan il-każ, prosekutur u imħallef fl-istess ħin.

c)      Konklużjoni intermedja

152. Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet aggravju hija wkoll infondata. Konsegwentement, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

4.      Fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni (ir-raba aggravju)

153. Bir-raba u l-aħħar aggravju invokat insostenn tal-appell, Ziegler tikkritika l-punti 165 sa 172 tas-sentenza appellata. F’din is-silta mis-sentenza, il-Qorti Ġenerali teżamina l-kwistjoni ta’ jekk id-diffikultajiet ekonomiċi ta’ Ziegler kinux jirrikjedu li tingħatalha, fid-deċiżjoni kontenzjuża, tnaqqis tal-multa stabbilita kontra tagħha u jekk il-Kummissjoni ttrattatx lil Ziegler f’dan ir-rigward b’mod inqas favorevoli minn Interdean NV, impriża oħra li kienet ipparteċipat fil-kartell tal-impriżi tal-ġarr.

154. L-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma rrispettatx “il-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni” fl-istħarriġ tad-deċiżjoni kontenzjuża. L-inugwaljanza fit-trattament, li l-Qorti Ġenerali kienet, skont Ziegler, naqset milli tirreleva tikkonsisti, fil-fehma tagħha, f’li, matul il-proċedura amministrattiva, Interdean kienet gawdiet minn tnaqqis tal-multa tagħha b’70 % abbażi tal-punt 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006, filwaqt li s-sitwazzjoni ta’ Ziegler lanqas biss ġiet eżaminata fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni tal-imsemmija linji gwida, meta hija wkoll kienet għaddejja, skont id-dikjarazzjonijiet tagħha stess, minn diffikultajiet ekonomiċi.

155. Kif diġà semmejt (119), il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, rikonoxxut fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jgawdi importanza kbira fl-impożizzjoni ta’ multi fil-kuntest ta’ proċeduri dwar akkordju. Dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (120).

156. Għal dan l-għan, in-natura paragunabbli ta’ sitwazzjonijiet differenti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni (121). Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li fih jidħol l-att inkwistjoni (122).

157. F’dan il-każ, Ziegler issostni li l-Qorti Ġenerali kien imissha kkunsidrat li s-sitwazzjoni tagħha kienet paragunabbli ma’ dik ta’ Interdean, speċjalment f’dak li jikkonċerna l-assenza ta’ kapaċità kontributtiva, u kellha, għaldaqstant, teħodha inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-punt 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006.

158. Għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat jekk kapaċità kontributtiva dgħajfa – dejjem jekk tiġi stabbilita – għandhiex waħedha l-effett li tirrendi s-sitwazzjoni ta’ żewġ impriżi paragunabbli fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-punt 37 tal-Linji gwida tal-2006.

159. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-punt 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006 jippermetti lill-Kummissjoni li tikkalkola multa, minħabba ċ-“ċirkustanzi speċjali ta’ kawża”, b’mod differenti minn dak previst fil-metodu ġenerali deskritt f’dawk il-linji gwida. L-applikazzjoni tal-punt 37 tal-Linji gwida tal-2006 tista’ għaldaqstant twassal kemm għal żieda kif ukoll għal tnaqqis fl-ammont tal-multa kkalkolata skont il-metodu ġenerali.

160. Fil-każ ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa, ir-regola prevista fil-punt 37 tal-Linji gwida tal-2006 – b’differenza minn dik stabbilita fil-punt 35 tal-imsemmija linji gwida – ma hijiex ibbażata fl-ewwel lok fuq l-assenza ta’ kapaċità kontributtiva jew fuq il-kapaċità kontributtiva limitata ta’ impriża f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari. Għall-kuntrarju, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-Linji gwida tal-2006 jobdu kundizzjonijiet differenti u ma jfittxux l-istess skop. Il-punt 37 tal-Linji gwida tal-2006 jkun superfluwu, bħala l-bażi legali ta’ tnaqqis eċċezzjonali tal-ammont ta’ multa, flimkien mal-punt 35, jekk wieħed jagħżel li ż-żewġ dispożizzjonijiet jiġu interpretati u applikati b’mod li jingħataw essenzjalment l-istess kontenut.

161. B’hekk, anki jekk jiġi stabbilit li Ziegler kienet effettivament tbati, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, minn kapaċità kontributtiva limitata, jekk mhux ukoll ineżistenti, fis-sens tal-Artikolu 35 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006, din iċ-ċirkustanza ma setgħetx, waħedha, jkollha l-effett li tirrendi paragunabbli s-sitwazzjoni ta’ din l-impriża ma’ dik ta’ Interdean għall-finijiet tal-punt 37 tal-imsemmija linji gwida.

162. Ċertament huwa veru li l-assenza ta’ kapaċità kontributtiva ta’ impriża jista’ jkollha ċerta importanza wkoll fil-kuntest tal-punt 37 tal-Linji gwida tal-2006 fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi speċjali tal-kawża kkonċernata, f’dan il-każ, taċ-ċirkustanzi speċjali tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha. Madankollu, il-livell li għandu jintlaħaq sabiex jista’ jkun hemm il-benefiċċju ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa skont il-punt 37 tal-Linji gwida tal-2006 għandu jiġi ffissat f’livell nettament ogħla minn dak applikabbli għall-finijiet tal-punt 35 tal-imsemmija linji gwida. Fi kliem ieħor, sabiex jeżistu ċ-ċirkustanzi speċjali, fis-sens tal-punt 37 tal-Linji gwida tal-2006, tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, il-kapaċità kontributtiva tal-impriża kkonċernata għandha tkun limitata b’mod eċċezzjonalment qawwi.

163. Jekk ma jkunx hekk, ikun hemm il-periklu li r-rekwiżiti stretti li skont il-punt 35 tal-Linji gwida tal-2006 jwasslu għal tnaqqis tal-ammont ta’ multa minħabba assenza ta’ kapaċità kontributtiva jkunu jistgħu jiġu evitati billi jintuża l-punt 37 ta’ dawk l-istess linji gwida, redatt f’termini nettament iktar ġenerużi, u jkun hemm periklu serju li n-natura ta’ eċċezzjoni fil-veru sens tal-kelma tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, li fuqha huwa bbażat l-imsemmi punt 35 (123), issir ineffettiva bl-applikazzjoni tal-punt 37 tal-Linji gwida tal-2006.

164. Għaldaqstant, kellha raġun il-Qorti Ġenerali li tipparaguna, għall-għanijiet tal-applikazzjoni tal-punt 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006, l-effett tal-multi, iffissati skont il-metodu ġenerali, fuq il-kapaċità kontributtiva ta’ Ziegler u ta’ Interdean, imkejla skont id-dħul mill-bejgħ annwali rispettiv tagħhom (124). Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tidher li taħseb l-appellanti, mhux kull tnaqqis tal-kapaċità kontributtiva ta’ impriża jista’ jiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa skont l-imsemmi punt 37, anki jekk l-importanza ta’ dan it-tnaqqis tista’ tvarja. Għall-kuntrarju, lanqas biss ma huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ impriża hija kkaratterizzata minn ċirkustanzi speċjali fis-sens tal-punt 37 tal-Linji gwida tal-2006 ħlief fil-każ ta’ tnaqqis eċċezzjonalment qawwi tal-kapaċità kontributtiva tagħha, tnaqqis li l-kobor tiegħu huwa ċarament iktar importanti minn dak tas-(sempliċi) insuffiċjenza tal-kapaċità kontributtiva tagħha fis-sens tal-punt 35 tal-Linji gwida tal-2006.

165. F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li – b’differenza minn Interdean – Ziegler ma pprovdietx, la matul il-proċedura amministrattiva u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali, l-iċken prova li tista’ tistabbilixxi, anki jekk prima facie, li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha hija kkaretterizzata minn ċirkustanzi speċjali, barra t-tnaqqis allegat fil-kapaċità kontributtiva tagħha (punt 35 tal-Linji gwida tal-2006), li setgħu jiġġustifikaw tnaqqis tal-ammont tal-multa (punt 37 tal-istess linji gwida). L-oneru li jiġu prodotti provi bħal dawn jaqa’ fuq il-parti li tallegahom. Xejn ma kien iżomm lil Ziegler milli tipprovdi l-provi neċessarji għal dan l-għan, speċjalment minħabba li l-informazzjoni neċessarja kellha fl-ewwel lok tiġi mingħand din l-impriża stess.

166. Billi Ziegler ma pprovdiet l-ebda prova utili, li minnha seta’ kien possibbli li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ċirkustanzi speċjali fis-sens tal-punt 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkunsidra li Ziegler u Interdean ma kinux jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli u li, għaldaqstant, ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

167. Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju huwa wkoll infondat.

C –    Konklużjoni intermedja

168. Peress li ebda wieħed mill-aggravji mqajma minn Ziegler insostenn tal-appell ma huwa fondat, dan l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

V –    L-ispejjeż

169. Jekk l-appell jinċaħad, kif nipproponi f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż [Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-25 ta’ Settembru 2012], li d-dettalji tagħhom jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 137 sa 146 u tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura (125).

170. Skont id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 138(1) u tal-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn jintalbu. Peress li Ziegler tilfet fl-aggravji tagħha, hemm lok li Ziegler tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

VI – Konklużjoni

171. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

“1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Ziegler SA hija kkundannata għall-ispejjeż.”





1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Komunikazzjoni tal-Kumissjoni - Linji gwida dwar il-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU 2004, C 101, p. 81; iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2004”).


3 – Linji gwida dwar il-metodu għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006” jew il-“Linji gwida tal-2006”).


4 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 – Servizzi ta’ ġarr internazzjonali), innotifikata taħt id-dokument numru C(2008) 926 finali. Sommarju ta’ din id-deċiżjoni kien ġie ppubblikat fil-ĠU 2009, C 188, p. 16. It-test sħiħ ta’ din id-deċiżjoni huwa disponibbli biss fuq is-sit internet tal-Kummissjoni, Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni, f’verżjoni mhux kunfidenzjali bil-lingwa Franċiża (fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/index.html).


5 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali, Ziegler vs Il-Kummissjoni (T‑199/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).


6 – Ara l-kawżi Gosselin Group vs Il-Kummissjoni u Stichting Administratiekantoor Portielje (C‑429/11 P), Il-Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje u Gosselin Group (C‑440/11 P), Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P) u Team Relocations et vs Il-Kummissjoni (C‑444/11 P). Barra minn hekk, fl-24 ta’ Mejju 2012, jiena kont ippreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P), u fid-29 ta’ Novembru 2012 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje u Gosselin Group (C‑440/11 P). Fil-kawża Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P), il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fis-6 ta’ Diċembru 2012.


7 – Punt 3 tas-sentenza appellata.


8 – Punt 2 tas-sentenza appellata.


9 – Allied Arthur Pierre, Compas, Coppens, Gosselin, Interdean, Mozer, Putters, Team Relocations, Transworld u Ziegler (ara, pereżempju, il-premessa 345 tad-deċiżjoni kontenzjuża).


10 – Dawn il-perijodi jvarjaw minn tliet xhur sa iktar minn 18-il sena.


11 – Ara, b’mod partikolari, il-premessi 307, 314 u 345 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


12 – Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 121 tad-deċiżjoni kontenzjuża u l-punti 10 u 13 sa 15 tas-sentenza appellata.


13 – Ara, f’dan ir-rigward, il-premessi 123 sa 153 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


14 – Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


15 – Il-multi kienu bejn EUR 1 500 u EUR 9 200 000.


16 – Minbarra s-sentenza appellata, ara, f’dan ir-rigward, l-erba’ sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni (T‑204/08 u T‑212/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra); Gosselin Group u Stichting Administratiekantoor Portielje vs Il-Kummissjoni (T‑208/08 u T‑209/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra); Verhuizingen Coppens vs Il-Kummissjoni (T-210/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), kif ukoll Putters International vs Il-Kummissjoni (T‑211/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).


17 – Ziegler lanqas ma kellha suċċess bit-talba tagħha għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża u għall-eżenzjoni mill-obbligu li tipprovdi garanzija bankarja; ara d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Jannar 2009, Ziegler vs Il-Kummissjoni (T‑199/08 R, mhux ippubblikat fil-Ġabra) u d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 2010, Ziegler vs Il-Kummissjoni [C‑113/09 P(R), Ġabra p. I‑50*].


18 – Sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et (C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra p. I‑9291, punti 23 sa 26), u tal-21 ta’ Diċembru 2011, Iride (li kienet AMGA) vs Il-Kummissjoni (C‑329/09 P, punti 48 sa 51).


19 – Sentenzi GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna18, punti 23 sa 26), u tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran (C‑27/09 P, Ġabra p. I-13427, punti 43 sa 50).


20 – Sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 1995, Rendo et vs Il-Kummissjoni (C‑19/93 P, Ġabra p. I‑3319, punt 13, fl-aħħar); tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et (C‑550/07 P, Ġabra p. I‑8301, iktar ’il quddiem is-“sentenza Akzo u Akcros”, punti 22 u 23), GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 23) u Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 43).


21 – Sentenza GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 15).


22 – Sentenza Iride (li kienet AMGA) vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 48).


23 – Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24 – Sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, Ġabra p. I-4727, punt 118), u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni (C‑465/09 P sa C‑470/09 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 171); f’dan l-istess sens, ara s-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il-Kummissjoni (C‑30/91 P, Ġabra p. I‑3755, punti 27 u 28); tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret International vs Il-Kunsill (C‑93/02 P, Ġabra p. I‑10497, punti 59 sa 65), u tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, b’mod partikolari l-punt 187).


25 – Ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-27 ta’ Settembru 2004, UER vs M6 et (C‑470/02 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 69), u s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, Ġabra p. I‑8533, punt 65).


26 – Punti 56 sa 63 tas-sentenza appellata.


27 – L-appellanti tikkontesta s-silta li ssegwi immedjatament, fil-punti 64 sa 74 tas-sentenza appellata, li ma hijiex iddedikata għal-livell ta’ EUR 40 miljun, imma għal-livell ta’ 5% ta’ parti tas-suq (ara, f’dan ir-rigward, l-ewwel aggravju).


28 – Sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il-Kunsill (C‑76/01 P, Ġabra p. I‑10091, punt 52); tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C‑203/07 P, Ġabra p. I‑8161, punti 42 u 43), u tad-29 ta’ Settembru 2011, Arkema vs Il-Kummissjoni (C‑520/09 P, Ġabra p. I-8901, punt 31).


29 – Sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1993, Il-Parlament vs Frederiksen (C‑35/92 P, Ġabra p. I‑991, punt 31); FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punti 187 sa 189) u Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 79).


30 – Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (C‑407/08 P, Ġabra p. I‑6375, punti 89 sa 91).


31 – Sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, 495); tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni (6/73 u 7/73, Ġabra p. 223, punt 31); tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner (C‑475/99, Ġabra p. I‑8089, punt 47), u tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado (C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 33).


32 – Sentenzi tal-21 ta’ Jannar 1999, Bagnasco et (C‑215/96 u C‑216/96, Ġabra p. I‑135, punt 60); Ambulanz Glöckner (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 48); Asnef-Equifax u Administración del Estado (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 34); tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, Ġabra p. I‑4863, punt 39), u tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni (C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 36).


33 – Sentenzi Asnef-Equifax u Administración del Estado (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 35) u Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punti 37, 46 u 66).


34 – Punti 52(a) u 53 tal-Linji gwida tal-2004.


35 – Punti 66 u 67 tas-sentenza appellata.


36 – Punt 68 tas-sentenza appellata.


37 – Punt 69 tas-sentenza appellata.


38 – Punt 70 tas-sentenza appellata.


39 – Punt 72 tas-sentenza appellata.


40 – Sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1998, Il-Kunsill vs de Nil u Impens (C‑259/96 P, Ġabra p. I‑2915, punti 32 u 33); tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni (C‑202/07 P, Ġabra p. I‑2369, punt 29), u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, Ġabra p. I‑9555, punt 136).


41 – Eżempji ta’ stħarriġ tal-motivazzjoni tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tan-natura possibbilment kontradittorja tagħhom jinsabu fis-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 202), u tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il-Kunsill (C‑380/09 P, punt 41); ara, barra minn hekk, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑47/07 P, Ġabra p. I‑9761, punt 76).


42 – Punt 68 tas-sentenza appellata.


43 – Punt 70 tas-sentenza appellata.


44 – Punt 72 tas-sentenza appellata.


45 – Punt 25 tal-Linji gwida tal-2004.


46 – Punt 66 tas-sentenza appellata.


47 – Punt 11 tas-sentenza appellata u l-premessa 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


48 – Punt 70 tas-sentenza appellata.


49 – Punt 3 tal-Linji gwida tal-2004.


50 – L-aħħar sentenza u dik ta’ qabel tal-aħħar tal-punt 50 tal-Linji gwida tal-2004.


51 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 211); tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni (C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punti 207 u 208); Arkema vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 88); tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME et vs Il-Kummissjoni (C‑272/09 P, Ġabra p. I‑12789, punt 100); ara, f’dan l-istess sens, fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, pereżempju, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑288/96, Ġabra p. I‑8237, punt 62); ara, barra minn hekk — barra mid-dritt tal-kompetizzjoni — is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1983, Blomefield vs Il-Kummissjoni (190/82, Ġabra p. 3981, punt 20).


52 – Punt 55 tal-Linji gwida tal-2004.


53 – L-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Att dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni”), iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41 tal-Linji gwida tal-2004


54 – Punt 10 tal-Att dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni.


55 – Punt 12 tal-Att dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni.


56 – Digriet tas-17 ta’ Settembru 1996, San Marco vs Il-Kummissjoni (C‑19/95 P, Ġabra p. I‑4435, punt 39), kif ukoll is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punt 49); tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (C‑521/09 P, Ġabra p. I‑8947, punt 68); Comitato “Venezia vuole vivere” vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 149), kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et (C‑628/10 P u C‑14/11 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza AOI”, punt 85).


57 – It-tielet sentenza tal-punt 71 tas-sentenza appellata.


58 – Fil-punt 15 tar-risposta tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Marzu 2010, il-volum totali tas-suq tal-ġarr internazzjonali fil-Belġju huwa kkalkolat fl-ammont ta’ EUR 67.5 miljun, mingħajr ma jitqies id-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-impriżi ta’ ġarr bħala subkuntratturi.


59 – Ara l-punt 71 tas-sentenza appellata: “It-tielet nett, bħala risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti kkonstatat hi stess, matul is-seduta […]”.


60 – Fil-punt 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għaddiet espressament sabiex tikkoreġi ċ-ċifri dwar id-daqs tas-suq stabbiliti mill-Kummissjoni, relatati mat-teħid inkunsiderazzjoni darbtejn tas-servizzi ta’ ġarr imwettqa mis-subkuntratturi.


61 – Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


62 – Sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1969, Völk (5/69, Ġabra p. 295, punt 5); tas-6 ta’ Mejju 1971, Cadillon (1/71, Ġabra p. 351, punt 6); tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni (42/84, Ġabra p. 2545, punt 22); Bagnasco et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 47); Asnef-Equifax u Administración del Estado (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 34) u Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 36).


63 – Sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1994, DLG (C‑250/92, Ġabra p. I‑5641, punt 54); Bagnasco et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 47); Asnef-Equifax u Administración del Estado (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 35) u Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 37).


64 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Frar 1978, Miller International Schallplatten vs Il-Kummissjoni (19/77, Ġabra p. 131, punt 9), u tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni (107/82, Ġabra p. 3151, punti 56 sa 58); fis-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 86 flimkien mal-punt 82), anki ishma mis-suq inqas minn 5% kienu ġew ikkunsidrati suffiċjenti sabiex ikollhom effett apprezzabbli fuq il-kummerċ.


65 – Sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1972, Vereeniging van Cementhandelaren vs Il-Kummissjoni (8/72, Ġabra p. 977, punt 29); Remia et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 62, fl-aħħar tal-punt 22); Asnef-Equifax u Administración del Estado (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 37) u Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 38).


66 – Uħud mid-destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża għandhom is-sede tagħhom fit-territorju Belġjan u oħrajn barra minn dan it-territorju (ara l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża).


67 – F’dan l-istess sens, dwar l-attività tal-aġenti tal-ivvjaġġjar, ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1987, van Vlaamse Reisbureaus (311/85, Ġabra p. 3801, punt 18).


68 – Ara, f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet iddedikati mill-Qorti Ġenerali għas-servizzi kkonċernati mill-kartell tal-impriżi tal-ġarr, fil-punt 11 tas-sentenza appellata, kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar id-“deskrizzjoni [...] tas-settur inkwistjoni” fil-punti 70 u 71, u għaldaqstant immedjatament qabel il-punt 73 ikkontestat b’din il-parti tal-ewwel aggravju.


69 – Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


70 – Il-mod kif għandu jiġi ddeterminat preċiżament dan id-dħul mill-bejgħ, li fuqu mbagħad isir dan il-kalkolu, jirriżulta mill-punti 13 sa 18 tal-Linji gwida tal-2006.


71 – Punt 19 tal-Linji gwida tal-2006.


72 – Punt 25 tal-Linji gwida tal-2006.


73 – Punt 92, flimkien mal-punt 91, tas-sentenza appellata; dwar il-fattur ta’ deterrent, ara, barra minn hekk, il-punt 94 ta’ dik is-sentenza.


74 – Premessi 543 u 556 tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll il-punti 93 u 94 tas-sentenza appellata.


75 – Punt 93 tas-sentenza appellata.


76 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


77 – Sentenzi tal-4 ta’ Lulju 1963, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (24/62, Ġabra p. 129, 143); is-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63); tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punt 166) u AOI (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56, punt 72); f’dan l-istess sens, ara wkoll is-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 1957, Geitling vs L-Awtorità Għolja (2/56, Ġabra p. 9, 37), u tas-26 ta’ Novembru 1975, Groupement des fabricants de papiers peints de Belgique et vs Il-Kummissjoni (73/74, Ġabra p. 1491, iktar ’il quddiem is-“sentenza Papiers peints”, punt 30).


78 – Sentenzi KME et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, punt 101); tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni (C‑386/10 P, Ġabra p. I‑13085, punt 61) u KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑389/10 P, Ġabra p.I‑13125, punt 128).


79 – Sentenzi Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 131) u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56, punt 150).


80 – Sentenzi Papiers peints (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 77, punt 31); tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Département du Loiret (C‑295/07 P, Ġabra p. I‑9363, punt 44), u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56, punt 155), u tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba (C‑417/11 P, punt 54).


81 – Sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2012, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni (C‑335/09 P, punt 152).


82 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 76, punt 63); Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 76, punti 166 u 178); Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 131) u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56, punt 150).


83 – Punti 23 u 25, flimkien mal-punti 21 u 22, tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006.


84 – Ara, għal darba oħra, il-punt 23 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006.


85 – Fuq il-kriterju tal-interess leġittimu fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-motivazzjoni tal-atti ġuridiċi tal-Unjoni, ara l-punt 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


86 – Ara, għal darba oħra, il-punt 25 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006.


87 – Ara l-aħħar parti tal-punt 23 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006.


88 – Ara, f’dan is-sens, anki l-punt 92 tas-sentenza appellata.


89 – Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).


90 – Sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, punti 88 u 89); France Télécom vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 60) u AOI (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56, punt 111).


91 – Billi l-appell kien ġie ppreżentat qabel l-1 ta’ Novembru 2012, l-amissibbiltà tiegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ġunju 1991.


92 – Ara l-punti 94 sa 106 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


93 – Ara, pereżempju, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger (C‑300/04, Ġabra p. I‑8055, punt 57)


94 – Sentenza Akzo u Akcros (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 54).


95 – Sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Weig vs Il-Kummissjoni (C‑280/98 P, Ġabra p. I‑9757, punti 63 sa 68), u Sarrió vs Il-Kummissjoni (C‑291/98 P, Ġabra p. I‑9991, punti 97 sa 100); Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, punt 304), kif ukoll, fl-aħħar nett, AOI (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56, punt 58); ara, barra minn hekk, il-punti 48 sa 53 tal-konklużjonijiet tiegħi, ippreżentati fit-12 ta’ Jannar 2012 fil-kawża li wasslet għas-sentenza AOI (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56).


96 – Fuq ir-rekwiżiti dwar il-preċiżjoni tal-argumenti mressqa insostenn ta’ appell, ara, fost diversi oħrajn, is-sentenzi France Télécom vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 55); tal-11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill (C‑227/04 P, Ġabra p. I‑6767, punti 82 sa 84), u tal-24 ta’ Marzu 2011, ISD Polska et (C‑369/09 P, Ġabra p. I‑2011, punt 66).


97 – Fuq is-setgħa ta’ diskrezzjoni li tgawdi l-Kummissjoni fil-kalkolu tal-multi taħt il-liġi dwar l-akkordji, ara, b’mod ġenerali, is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C‑308/04 P, Ġabra p. I‑5977, punt 46); tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni (C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 133), u tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921, punt 43).


98 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi JCB Service vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, punt 205); tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni (C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 98), kif ukoll tad-19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (C‑549/10 P, punti 104 sa 108).


99 – Ara, barra minn hekk, is-sentenzi KME et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, punti 103 u 106), Chalkor vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 77, punti 63 u 67) u KME Germany et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 77, punti 130 u 133).


100 – Ara l-punt 44 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


101 – Punt 94 tas-sentenza appellata.


102 – Sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni (C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 80), u tal-20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il-Kummissjoni (C‑583/08 P, Ġabra p. I‑4469, punt 35).


103 – Sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 1991, Vidrányi vs Il-Kummissjoni (C‑283/90 P, Ġabra p. I‑4339, punt 29); tas-17 ta’ Diċembru 1992, Moritz vs Il-Kummissjoni (C‑68/91 P, Ġabra p. I‑6849, punti 37 sa 39), u Gogos vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 101, punt 29).


104 – Sentenza France Télécom vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 41).


105 – Ara, f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet tiegħi dwar it-tieni parti tat-tielet aggravju (punti 139 sa 150 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


106 – Sentenzi Wunenburger vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 101, punt 80), u Gogos vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 101, punt 35).


107 – Sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il-Kummissjoni (209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 81), u Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64, punt 7); ara, f’dan l-istess sens, reċentement ħafna, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Menarini Diagnostics vs L-Italja, tas-27 ta’ Settembru 2011 (Rikors Nru 43509/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fir-Recueil des arrêts et décisions, § 58 u 59, dwar l-awtorità Taljana dwar il-kompetizzjoni, l’Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato).


108 – Mis-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑109/10 P, Ġabra p. I‑10329, l-aħħar parti tal-punt 53) u Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑110/10 P, Ġabra p. I‑10439, l-aħħar parti tal-punt 48) jirriżulta wkoll li ma huwiex l-Artikolu 47, imma l-Artikolu 41 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali, li jirregola l-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-akkordji quddiem il-Kummissjoni.


109 – F’dan is-sens – dwar l-imparzjalità tal-qrati –, ara s-sentenza tad-19 ta’ Frar 2009, Gorostiaga Atxalandabaso vs Il-Parlament (C‑308/07 P, Ġabra p. I‑1059, punt 46), u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2011, Altner vs Il-Kummissjoni (C‑411/11 P, punt 15); ara wkoll id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Didier vs Franza, tas-27 ta’ Awwissu 2002 (Rikors Nru 58188/00, Recueil des arrêts et décisions 2002-VII, § 2).


110 – Fil-kuntest: “[…] uffiċjali tal-Kummissjoni kienu involuti bħala applikanti għal kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza pprovduti mill-impriżi ta’ ġarr ikkonċernati […]”.


111 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet ippreżentati fis-26 ta’ Ġunju 2012 mill-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Otis et (sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, C‑199/11, punti 56 sa 71), li jeżamina problema simili mill-perspettiva ta’ proċedura ġudizzjarja mibdija mill-Kummissjoni kontra impriżi li kienu pparteċipaw f’akkordju. Waqt is-seduta tal-24 ta’ Ottubru 2012, il-Qorti tal-Ġustizzja ppermettiet lill-partijiet f’din il-kawża li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn il-konklużjonijiet.


112 – F’dan ir-rigward, għandu jissemma li l-premessa 598 tad-deċiżjoni kontenzjuża ma hijiex iċċitata korrettement mill-appellanti. Kuntrarjament għal dak li targumenta Ziegler, f’din il-premessa, il-Kummissjoni b’ebda mod ma ddeskriviet lilha nnifisha bħala “waħda mill-vittimi ewlenin” tal-kartell ta’ impriżi tal-ġarr. Għall-kuntrarju, f’din il-premessa jingħad, f’termini ferm iktar ġenerali, li l-“istituzzjonijiet pubbliċi Belġjani u internazzjonali jidhru li huma fost il-vittimi ewlenin” tal-prattika ta’ kwotazzjonijiet fittizji. Dan japplika b’mod ġenerali wkoll f’dak li jikkonċerna r-risposta fl-ewwel istanza tal-Kummissjoni li Ziegler tirreferi għall-punt 1 tagħha: hemmhekk ukoll hemm iddikjarat, f’termini ġenerali, li, fost il-persuni fiżiċi li l-ġarr tagħhom kien ikkonċernat, hemm membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet Ewropej, fosthom tal-Kummissjoni.


113 – Artikolu 1 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni [ara wkoll l-Artikolu 17(6)(b) TUE].


114 – Artikolu 217(2) KE [li sar l-Artikolu 17(6)(b) TUE u l-Artikolu 248 TFUE].


115 – Ara, f’dan ir-rigward, anki s-sentenza Otis et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 110, punt 64); f’dan l-istess sens, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón f’dik l-istess kawża (b’mod partikolari l-punt 41).


116 – Ara, f’dan ir-rigward, għal darba oħra, il-premessa 598 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tgħid li “istituzzjonijiet pubbliċi Belġjani u internazzjonali jidhru li huma fost il-vittmi ewlenin tal-għoti ta’ kwotazzjonijiet fittizji”.


117 – Fuq l-assenza tan-natura ġudizzjarja tal-Kummissjoni, ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 106 ta’ dawn il-konklużjonijiet; fuq l-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti tal-Kummissjoni, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi KME et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, punti 102 sa 106); Chalkor vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 77, punti 62 sa 67); KME Germany et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 77, punti 129 sa 133) u Otis et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 110, punti 59 sa 64).


118 – Ziegler tibbaża l-argumenti mressqa, kemm matul il-proċedura bil-miktub kif ukoll matul is-seduta, insostenn tat-tielet aggravju tagħha, b’mod partikolari, fuq is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Kyprianou vs Ċipru, tal-15 ta’ Diċembru 2005 (Rikors Nru 73797/01, Recueil des arrêts et décisions 2005‑XIII, § 127), fejn jinsab indikat li “l-konfużjoni tar-rwoli bejn kwerelant, xhud, prosekutur u mħallef tista’ ovvjament tqajjem tħassib oġġettivament iġġustifikat dwar il-konformità tal-proċedura mal-prinċipju li ħadd ma’ jista’ jkun imħallef fil-kawża tiegħu stess u, konsegwentement, fir-rigward tal-imparzjalità tal-qorti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].


119 – Ara l-punt 115 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


120 – Sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 95); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, iktar ’il quddiem is-“sentenza Arcelor”, punt 23), kif ukoll Akzo u Akcros (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 54).


121 – Sentenzi Arcelor (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 119, punti 25 u 26); tal-1 ta’ Marzu 2011, Association Belġjan des Consommateurs Test-Achats et (C‑236/09, Ġabra p. I‑773, punt 29); tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna (C‑221/09, Ġabra p. I‑1655, punt 93), u tat-12 ta’ Mejju 2011, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑176/09, Ġabra p. I‑3727, punt 32).


122 – Sentenzi Arcelor (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 119, punt 26) u Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 120, punt 32).


123 – Ara l-formula introduttorja tal-punt 35 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006: “[f]’ċirkustanzi eċċezzjonali [...]”.


124 – Punt 171 tas-sentenza appellata.


125 – Konformement mal-prinċipju ġenerali li r-regoli proċedurali ġodda japplikaw għall-kawżi kollha pendenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom (ġurisprudenza stabbilita, ara, bħala eżempju, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9), id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż f’din il-kawża għandha tittieħed skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Settembru 2012, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 83 sa 85). Fil-mertu, madankollu, ma hemm l-ebda differenza mid-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 69(2) u tal-Artikolu 118 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ġunju 1991.