Language of document : ECLI:EU:C:2021:339

Kawża C665/20 PPU

X

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Amsterdam)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-29 ta’ April 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv – Punt 5 tal-Artikolu 4 – Persuna rikjesta li ġiet iġġudikata b’mod definittiv għall‑istess atti minn pajjiż terz – Sentenza li ġiet skontata jew li ma tistax tiġi eżegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza – Implimentazzjoni – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtorità ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni – Kunċett ta’ ‘l-istess atti' – Maħfra ta’ piena mogħtija minn awtorità mhux ġudizzjarja bħala parti minn miżura ta’ klemenza ġenerali”

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Persuna rikjesta li ġiet iġġudikata b’mod definittiv għall-istess atti minn pajjiż terz – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtorità ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni – Portata

(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill Nru 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, il-punt 5 tal-Artikolu 4)

(ara l-punti 43, 44, 47, 49 sa 53, 55, 59, 60, 67 u d-dispożittiv 1)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjonijiet qafas intiżi għall-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali – Implimentazzjoni mill-Istati Membri – Effetti ġuridiċi tad-deċiżjonijiet qafas – Obbligu li ma tiġix applikata dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra deċiżjoni qafas – Assenza – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali – Portata – Ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni qafas

(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299)

(ara l-punti 62 sa 64)

3.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Persuna rikjesta li ġiet iġġudikata b’mod definittiv għall-istess atti minn pajjiż terz – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Persuna li kienet is-suġġett ta’ sentenza definittiva għall-istess atti minn Stat Membru – Kunċett tal-istess atti – Interpretazzjoni uniformi

(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, il-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 5 tal-Artikolu 4)

(ara l-punti 70, 72, 75 sa 78, 83, u d-dispożittiv 2)

4.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Persuna rikjesta li ġiet iġġudikata b’mod definittiv għall istess atti minn pajjiż terz – Sentenza li ġiet li ġiet skontata jew li ma tistax tiġi eżegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza – Kunċett – Sentenza skontata parzjalment fl-imsemmi pajjiż qabel maħfra tal-piena – Inklużjoni – Maħfra tal-piena mogħtija minn awtorità mhux ġudizzjarja bħala parti minn miżura ta’ klemenza ġenerali mhux ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet razzjonali ta’ politika kriminali – Assenza ta’ effett

(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill Nru 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, il-punt 5 tal-Artikolu 4)

(ara l-punti 86 sa 88, 92, 94, 98 sa 104 u d-dispożittiv 3)

Sunt

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-portata tal-prinċipju ta’ ne bis in idem applikabbli fl-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għal atti li diġà kienu s-suġġett ta’ kundanna preċedenti f’pajjiż terz

F’Settembru 2019, inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem il-“MAE”) mill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi kontra X, sabiex jinbdew proċeduri kriminali għal atti mwettqa fl-2012 fuq is-sieħba tiegħu u fuq bintha. F’Marzu 2020, X ġie arrestat fil-Pajjiżi l-Baxxi. Huwa kkontesta l-konsenja tiegħu lil dawn l-awtoritajiet billi sostna li kien diġà ġie pproċessat u ġġudikat b’mod definittiv għall-istess atti fl-Iran. B’mod iktar preċiż, huwa nħeles għal parti minn dawn l-atti u ġie kkundannat għall-parti l-oħra għal piena ta’ priġunerija li huwa skonta kważi kollha qabel ma jibbenefika minn maħfra tal-piena. Din ingħatatlu bħala parti minn miżura ta’ klemenza ġenerali pproklamata minn awtorità mhux ġudizzjarja, il-Gwida Suprema tal-Iran, fl-okkażjoni tal-40 anniversarju tar-revoluzzjoni Iżlamika. Għalhekk, skont X, minħabba l-kundanna preċedenti tiegħu fl-Iran, il-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif stabbilit fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE (1), trasposta fid-dritt Olandiż, jipprekludi l-eżekuzzjoni tal-MAE li jikkonċernah.

Skont dan l-artikolu, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi MAE jekk il-persuna rikjesta tkun ġiet iġġudikata b’mod definittiv għall-istess atti minn pajjiż terz, bil-kundizzjoni li, fil-każ ta’ sentenza, din tkun ġiet skontata jew tkun qiegħda tiġi eżegwita jew ma tkunx tista’ tiġi eżegwita iżjed skont il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza. Din ir-raġuni msejħa “għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv” hija simili għal dik imsejħa “għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju” prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, ħlief għal fatt li dan tal-aħħar ma jirreferix għal sentenza mogħtija “minn pajjiż terz” iżda “minn Stat Membru”.

F’dan il-kuntest, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas. Fil-fatt, din il-qorti, mitluba tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ X, tistaqsi dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha f’tali każ, dwar il-kunċett ta’ “l-istess atti” li jinsab fl-imsemmi artikolu, sa fejn il-qrati Iranjani ma ddeċidewx espliċitament fuq ċerti atti mressqa kontra X fil-Ġermanja, kif ukoll dwar il-portata tal-kundizzjoni li, fil-każ ta’ sentenza, din “ġiet skontata jew bħalissa qed tiġi skontata jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza”.

Permezz tas-sentenza tagħha, mogħtija fil-kuntest tal-proċedura b’urġenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, qabel kollox, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddetermina jekk hemmx lok jew le li tirrifjuta li teżegwixxi MAE għar-raġuni kkonċernata. Sussegwentement, il-kunċett ta’ “l-istess atti” (2) għandu jiġi interpretat b’mod uniformi. Fl-aħħar nett, il-kundizzjoni dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenza hija ssodisfatta fil-każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li d-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi, minn naħa, raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju ta’ MAE (3) u, min-naħa l-oħra, raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv (4) li l-Istati Membri huma liberi li jittrasponu jew le fid-dritt intern tagħhom. Madankollu, fil-każ ta’ traspożizzjoni ta’ dawn tal-aħħar, l-Istati Membri ma jistgħux jipprevedu li l-awtoritajiet ġudizzjarji jkunu obbligati jirrifjutaw li jeżegwixxu awtomatikament kull MAE kkonċernat. Fil-fatt, dawn għandu jkollhom marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilhom iwettqu eżami każ b’każ, billi jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Jekk jiġu mċaħħda minn din il-possibbiltà, dan ikollu l-effett li jissostitwixxi sempliċi possibbiltà ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-MAE b’obbligu reali, minkejja li tali rifjut jikkostitwixxi l-eċċezzjoni u l-eżekuzzjoni tal-MAE, ir-regola ta’ prinċipju.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza d-differenza mar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, li l-applikazzjoni tagħha ma tħalli, bil-kontra, ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni. Fil-fatt, il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku, li jipprevalu bejn l-Istati Membri u jobbligawhom jikkunsidraw li kull wieħed minnhom josserva d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali, ma jistgħux jiġu trasposti awtomatikament għas-sentenzi mogħtija mill-qrati ta’ pajjiżi terzi. Għaldaqstant, livell għoli ta’ fiduċja fis-sistema tal-ġustizzja kriminali, kif jeżisti bejn l-Istati Membri, ma jistax jiġi preżunt fir-rigward ta’ pajjiżi terzi. Għal din ir-raġuni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tingħata marġni ta’ diskrezzjoni.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “l-istess atti”, li jinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 3 u fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, għandu jiġi interpretat b’mod uniformi. Fil-fatt, għal raġunijiet ta’ koerenza u ta’ ċertezza legali, dawn iż-żewġ kunċetti, ifformulati f’termini identiċi, għandhom jingħataw l-istess portata. Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid tgħid li l-fatt li l-punt 2 tal-Artikolu 3 jikkonċerna s-sentenzi mogħtija fl-Unjoni filwaqt li l-punt 5 tal-Artikolu 4 ikopri dawk mogħtija f’pajjiż terz ma jistax, bħala tali, jiġġustifika li tingħata portata differenti lil dan il-kunċett.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjoni dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenza, prevista fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, tkun issodisfatta fil-każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li dan l-artikolu jsemmi, b’mod ġenerali, il-“liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza”, mingħajr ma jispeċifika iktar ir-raġuni għall-impossibbiltà li tiġi eżegwita s-sentenza. Għaldaqstant, bħala prinċipju, għandhom jiġu rrikonoxxuti l-miżuri kollha ta’ klemenza previsti mil-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza li għandhom bħala effett li l-piena mogħtija ma tkunx tista’ tiġi eżegwita iżjed. F’din il-perspettiva, huma irrilevanti l-gravità tal-atti, in-natura tal-awtorità li tkun tat il-miżura, jew anki l-kunsiderazzjonijiet li minnhom din il-miżura tirriżulta, meta, pereżempju, din ma tkunx ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet razzjonali ta’ politika kriminali.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja żżid tgħid li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha twettaq ibbilanċjar fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv prevista fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas. Dan jinvolvi l-konċiljazzjoni, minn naħa, tal-prevenzjoni tal-impunità tal-persuni kkundannati u tal-ġlieda kontra l-kriminalità u, min-naħa l-oħra, il-garanzija taċ-ċertezza legali ta’ dawn il-persuni, bl-osservanza tad-deċiżjonijiet ta’ korpi pubbliċi li jkunu saru definittivi. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fid-Deċiżjoni Qafas kemm fil-punt 5 tal-Artikolu 4 kif ukoll fil-punt 2 tal-Artikolu 3, jinkludi dawn iż-żewġ aspetti.


1      Deċiżjoni Qafas tal‑Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2002/584/ĠAI) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).


2      Dan il-kunċett jinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 3 u fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas.


3      Dawn jinsabu fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas.


4      Dawn jinsabu fl-Artikoli 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas.