Language of document : ECLI:EU:T:2019:273

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

30 ta’ April 2019 (*)

“Servizz pubbliku – Sigurtà soċjali – SKAM – Rimbors ta’ spejjeż mediċi – Ftehim konkluż bejn l-Unjoni, il-Lussemburgu u l-Akkordju tal-Isptarijiet Lussemburgiżi dwar it-tariffikazzjoni tal-kura fl-isptar irċevuta mill-affiljati tal-iSKAM – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE – Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – L-Artikolu 39 tar-regoli komuni dwar il-kopertura tar-riskji ta’ mard tal-uffiċjali”

Fil-Kawża T-737/17,

Francis Wattiau, ex impjegat tal-Parlament Ewropew, residenti fi Bridel (il-Lussemburgu), irrappreżentat minn S. Orlandi u T. Martin, avukati,

rikorrent,

sostnut minn

Association des seniors de la fonction publique européenne (SFPE), stabbilita fi Brussell (il-Belġju),  irrappreżentata minn S. Orlandi u T. Martin, avukati,

intervenjenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn J. van Pottelberge u M. Rantala, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba mressqa skont l-Artikolu 270 TFUE u li titlob l-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet tal-Lussemburgu tas-sistema komuni ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Unjoni Ewropea, kif jidher mill-kont Nru 244 tal-25 ta’ Jannar 2017, li jimponi fuq ir-rikorrent s-somma ta’ EUR 843.01 u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament bħala awtorità tal-ħatra, tat-2 ta’ Awwissu 2017, li tikkonferma din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise u R. da Silva Passos (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-qafas ġuridiku

1        L-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdi:

“1.      Uffiċjal, il-konsorti tiegħu, fejn it-tali konsorti mhux eliġibbli għall-benefiċċji ta’ l-istess natura u fuq l-istess livell bis-saħħa ta’ xi disposizzjoni jew regolament ieħor, it-tfal tiegħu u dipendenti oħra fis-sens ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-Anness VII huma assigurati kontra l-mard sa 80 % ta’ l-ispejjeż imħallsa, suġġetti għar-regoli mħejjija mill-ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. Din ir-rata għandha tiżdied għal 85 % tas-servizzi li ġejjin: konsulenza u viżiti, operazzjonijiet kirurġiċi, ammissjoni fl-isptar, prodotti farmaċewtiċi, radjoloġija, analiżi, testijiet tal-laboratorju, u protesi fuq preskrizzjoni bl-eċċezzjoni ta’ protesi dentali. Tiżdied għal 100 % fil-każijiet ta’ tuberkulożi, poljomelite, kankru, mard mentali, u mard ieħor rikonoxxut mill-awtorità tal-ħatra bħala ta’ serjetà komparabbli, u għal eżami biex jinstab il-mard mill-ewwel u fil-każijiet ta’ għeluq. Madankollu, ir-rimburżar ta’ 100 % ma japplikax fil-każ ta’ mard jew aċċident fuq il-post tax-xogħol li daħħal fis-seħħ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 73 [tar-Regolamenti tal-Persunal].

[…]

2. Uffiċjal li baqa’ fis-servizz tal-Komunitajiet sa l-età ta’ 63 sena jew li jirċievi benefiċċju ta’ l-invalidità, għandu jkun intitolat għall-benefiċċji pprovduti fil-paragrafu 1 wara li jitlaq mis-servizz. L-ammont tal-kontribuzzjoni għandu jinħadem b’riferenza għall-ammont tal-pensjoni jew tal-benefiċċju.

[…]”

2        Għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-istituzzjonijiet adottaw regoli komuni dwar il-kopertura ta’ riskji ta’ mard għall-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“regoli komuni”).

3        L-Artikolu 1 tar-regoli komuni jistabbilixxi sistema komuni ta’ assigurazzjoni tal-mard komuni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni (iktar ’il quddiem l-“iSKAM”).

4        L-Artikolu 2(3) tar-regoli komuni, intitolat “Affiljazzjoni”, jistabbilixxi:

“Huma affiljati f’dan l-[iSKAM]:

–        L-ex uffiċjali, il-membri tal-persunal temporanju, il-benefiċjarji ta’ pensjoni tal-irtirar,

[…]”

5        L-Artikolu 39(2)(e) tar-regoli komuni jipprovdi li l-uffiċċju ċentrali, “f’kollaborazzjoni mal-uffiċċji tal-likwidazzjoni, huwa responsabbli biex jinnegozja, kemm jista’ jkun, ma’ rappreżentanti tal-professjoni medika u/jew l-awtoritajiet, l-assoċjazzjonijiet u l-istituzzjonijiet kompetenti, ftehim li jiffissaw ir-rati applikabbli għall-benefiċjarji, filwaqt li jqisu l-kundizzjonijiet lokali u, fejn xieraq, skali diġà fis-seħħ, kemm mil-lat mediku kif ukoll minn dak tal-isptar” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6        Fit-18 ta’ Novembru 1996, minn naħa waħda, il-Komunitajiet Ewropej u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), irrappreżentati mid-Direttur Ġenerali għall-Amministrazzjoni u l-Persunal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, u min-naħa l-oħra, l-Akkordju tal-Isptarijiet Lussemburgiżi u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu kkonkludew il-Ftehim dwar it-tariffikazzjoni tal-kura fl-isptar li jirċievu l-affiljati tal-iSKAM u l-Fond għall-Mard tal-BEI, bil-ftehim imsemmi jiġi emendat fis-26 ta’ Ottubru 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal-1996”).

7        Il-Kummissjoni kkonkludiet dan il-ftehim fuq il-bażi tal-Artikolu 39(2)(e) tar-regoli komuni.

8        Il-Ftehim tal-1996 jipprovdi, skont il-preambolu tiegħu, sistema ta’ tariffikazzjoni għal servizzi tal-isptar ipprovduti fil-Lussemburgu. Il-punt 2 ta’ dan il-preambolu jipprovdi b’mod partikolari li t-tariffi għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-ispiża netta, filwaqt li jitqiesu l-unitajiet operattivi stabbiliti fir-regoli interni tal-Lussemburgu, kif stabbiliti mill-ftehim konkluż bejn l-Akkordju tal-Isptarijiet Lussemburgiżi u l-Unjoni tal-Fondi tal-Mard Lussemburgiża (UCM) (li sar il-ftehim bejn il-Fond Nazzjonali tas-Saħħa tal-Lussemburgu (iktar ’il quddiem iċ-“CNS”) u l-Federazzjoni tal-Isptarijiet Lussemburgiżi (FHL) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim CNS-FHL”)).

9        L-Artikolu 1 tal-Ftehim tal-1996 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim, filwaqt li jiddikjara li s-sistema ta’ tariffikazzjoni tirrigwarda l-benefiċjarji kollha tal-kura fl-isptar taħt l-iSKAM.

10      L-Artikolu 2 tal-Ftehim tal-1996 jistabbilixxi l-metodi ta’ ħlas. B’mod partikolari, l-ewwel paragrafu jintroduċi l-prinċipju ta’ ħlas ta’ partijiet terzi ġġeneralizzat fir-rigward ta’ kwalunkwe kura in-patient mingħajr limitazzjoni rigward kemm din iddum. It-tieni paragrafu jiddetermina kif l-isptarijiet jissottomettu fatturi lill-iSKAM.

11      L-Artikolu 3 tal-Ftehim tal-1996 jipprovdi għall-istruttura tat-tariffi, fejn jiddikjara fl-ewwel paragrafu li l-fatturazzjoni għandha tikkonforma mal-unitajiet operattivi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim CNS-FHL. Skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, it-tariffi annwali ta’ dawn l-unitajiet operattivi jirriżultaw mill-baġits innegozjati bejn l-isptarijiet differenti u l-UCM (li saret iċ-CNS) u mbagħad jiżdiedu bil-koeffiċjent ta’ korrezzjoni uniformi ta’ 15 %.

12      L-Artikolu 4 tal-Ftehim tal-1996 jipprovdi għall-ħolqien ta’ kummissjoni teknika u l-Artikolu 5 għall-iżvilupp tal-istruttura tat-tarifikazzjoni u t-trażmissjoni ta’ dawn it-tariffi.

13      L-Artikolu 6 tal-Ftehim tal-1996 jipprovdi li dan daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1996. Huwa ddikjarat li huwa mġedded taċitament mill-partijiet għal perijodu ta’ sena kull darba jekk l-ebda waħda mill-partijiet ma tirrinunzjahx b’ittra rreġistrata xahrejn qabel l-iskadenza tal-31 ta’ Diċembru.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

14      Ir-rikorrent, Francis Wattiau, ċittadin Belġjan, ex uffiċjal tal-Parlament Ewropew u issa rtirat, huwa affiljat mal-iSKAM

15      Bejn l-1 u l-11 ta’ Marzu 2016, huwa attenda disa’ sessjonijiet ta’ terapija iperbarika tal-ossiġenu fiċ-Ċentru tal-Isptar Emile Mayrisch (iktar ’il quddiem “CHEM”) li jinsab f’Esch-sur-Alzette (il-Lussemburgu).

16      Fis-17 ta’ Marzu 2016, l-uffiċċju mediku ta’ CHEM bagħat lir-rikorrent l-ewwel fattura għal ammont ta’ EUR 815.40 għad-disa’ sessjonijiet. Fit-30 ta’ Mejju 2016, CHEM bagħatlu t-tieni kont, għal ammont ta’ EUR 5 620.10, inklużi disa’ sessjonijiet għal EUR 568.90 għal kull sessjoni u EUR 500 euro għal żewġ testijiet tal-awdjometrija.

17      Fit-13 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrent kiteb lil CHEM biex jikkontesta l-ammont tat-tieni fattura.

18      Permezz ta’ posta elettronika tal-istess ġurnata, indirizzata lill-kap tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet tal-iSKAM tal-Lussemburgu (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet”), ir-rikorrent talab li dan jintervjeni ma’ CHEM biex “jindika ċaħda ta’ aċċettazzjoni ta’ fatturazzjoni doppja” li huwa sab “kompletament barra min-normal”.

19      Permezz ta’ posta elettronika tas-7 u l-20 ta’ Lulju 2016, l-Uffiċċju għall-“Ġestjoni u l-ħlas ta’ Drittijiet Individwali” (PMO) wieġeb lir-rikorrent, essenzjalment, li t-tieni fattura maħruġa minn CHEM kienet konformi mal-Ftehim tal-1996.

20      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Novembru 2016, id-dipartiment legali ta’ CHEM wieġeb għall-ittra tar-rikorrent tat-13 ta’ Ġunju 2016, fejn indika li l-fatturi inkwistjoni kienu saru fuq il-bażi ta’ skeda tariffarja riveduta annwalment bi ftehim mal-iSKAM, jiġifieri l-iskeda “Tariffi tal-iSKAM tal-2016”, li hija applikabbli għall-uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

21      Fis-16 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrent bagħat ittra lid-Direttur Amministrattiv u Finanzjarju ta’ CHEM, fejn ilmenta dwar differenza fit-trattament bejnu u affiljat taċ-CNS. Barra minn hekk, huwa indika li l-ġeneralizzazzjoni tal-pagatur terz introdott mill-Ftehim tal-1996 timplika li t-tariffi għoljin wisq aċċettati mill-iSKAM kellhom jiġu ffatturati direttament għal din is-sistema, mingħajr ma l-pazjent ikollu jħallas l-ammont totali involut. Fl-aħħar nett, huwa indika li l-iSKAM bl-ebda mod ma spjegat għaliex, f’dan il-każ, l-ammonti ffatturati kienu daqstant għoljin. Għalhekk huwa talab lid-direttur amministrattiv u finanzjarju ta’ CHEM biex jikkuntattja lill-iSKAM biex terġa’ tintroduċi l-pagament ġeneralizzat ta’ parti terza u biex tiffattura lil din is-sistema l-parti tal-kont għoli żżejjed tal-fatturi inkwistjoni.

22      Permezz ta’ posta elettronika tal-11 ta’ Jannar 2017, il-PMO indika li l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet seta’, bil-qbil mar-rikorrent, jaċċetta li jkopri 85 % tal-ammont tal-fatturi inkwistjoni. F’termini konkreti, dan kien ifisser li l-uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet inizjalment kien se jħallas l-EUR 5 620.10 kollha għat-tieni fattura maħruġa minn CHEM.

23      Permezz ta’ posta elettronika tat-12 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrent aċċetta dik il-proposta, waqt li indika li kien qed jikkontesta l-fondatezza tal-prattiki tariffarji applikati minn CHEM

24      Permezz ta’ posta elettronika tas-17 ta’ Jannar 2017, l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet informa lir-rikorrent li l-Ftehim tal-1996 kien ġie applikat korrettament, f’dan il-każ, u li 15 % tal-ammont totali li jidher fuq il-fatturi inkwistjoni baqgħu bi spejjeż tiegħu. Permezz ta’ ittra ddatata l-istess jum, il-kap tal-uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet ħabbar li l-ħlas ta’ EUR 5 620.10 kien qed jiġi kopert għar-rikorrent għas-servizzi tal-kura inkwistjoni u li r-rikorrent kien se jirċievi rendikont iddettaljat tal-parti tal-ispejjeż li baqgħet fuqu.

25      B’posta elettronika tal-20 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrent ikkonferma lill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet li kien beħsiebu jikkontesta l-fatt li 15 % tal-ammont totali tal-fatturi inkwistjoni kellhom jitħallsu minnu.

26      Fil-25 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrent irċieva r-rendikont Nru 244 li bih l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet għadda fuqu 15 % tal-EUR 5 620.10 tat-tieni fattura maħruġa minn CHEM, jiġifieri EUR 843.01 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

27      B’ittra tas-17 ta’ April 2017, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata, fejn talab ir-rimbors tal-ammont ta’ EUR 843.01. B’sostenn ta’ din it-talba, huwa argumenta li l-fatturi maħruġa minn CHEM kienu jammontaw għal kont għoli żżejjed, billi s-servizzi inkwistjoni kienu ffatturati f’ammont ta’ 8.37 darbiet ogħla minn dak li kien ikun iffatturat lil affiljat tas-sistema tas-saħħa nazzjonali. Huwa invoka ksur tad-dritt tal-Unjoni u tar-regoli li joħorġu mill-ġurisprudenza.

28      Permezz tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2017, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, fil-kapaċità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, ċaħad l-ilment tar-rikorrent bħala infondat (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

29      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

30      Fit-30 ta’ Jannar 2018, il-Parlament ippreżenta risposta.

31      B’ittra tar-Reġistru tat-22 ta’ Frar 2018, il-Qorti Ġenerali infurmat lill-partijiet bit-terminu biex ir-rikorrent jippreżenta replika. Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ April 2018, ir-rikorrent informa lill-Qorti Ġenerali li kien qed rrinunzja għas-sottomissjoni ta’ replika.

32      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Marzu 2018, l-Association des seniors de la fonction publique européenne (SFPE) (l-Assoċjazzjoni tal-Anzjani tas-Servizz Ċivili Ewropew) talbet sabiex tintervjeni fil-proċeduri preżenti insostenn tat-talbiet tar-rikorrent.

33      Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Ġunju 2018, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent. L-ebda talba għal trattament kunfidenzjali ta’ dokumenti proċedurali ma ġiet ippreżentata.

34      L-intervenjenti ppreżentat in-nota tagħha fis-17 ta’ Lulju 2018. Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Awwissu 2018, il-Parlament iddikjara “li [kien qed] jirriżerva d-dritt li jwieġeb għall-argumenti fil-mertu kollha tar-rikorrent u tal-intervenjenti fil-kontroreplika”. Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Awwissu 2018 ir-rikorrent ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq dik in-nota. Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Awwissu 2018, il-Parlament informa lill-Qorti Ġenerali li ma xtaqx li ssir seduta.

35      Permezz ta’ ittri tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2018, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Kummissjoni kienu ġew mistiedna mill-Qorti Ġenerali, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 89(3)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jwieġbu bil-miktub għal mistoqsijiet relatati mal-Ftehim tal-1996 u t-tariffi tal-isptar stabbiliti mill-awtoritajiet Lussemburgiżi.

36      Fil-31 ta’ Ottubru 2018, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Kummissjoni rrispondew dawn il-mistoqsijiet.

37      Permezz ta’ ittri tas-7 u s-17 ta’ Diċembru 2018, il-Parlament u l-intervenjenti indikaw lill-Qorti Ġenerali li huma ma xtaqux jippreżentaw osservazzjonijiet dwar dawn it-tweġibiet. Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrent issottometta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-tweġiba tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u tal-Kummissjoni.

38      Il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

39      Ir-rikorrent, sostnut mill-intervenjenti, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, sa fejn meħtieġ, id-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

40      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

 Osservazzjonijiet preliminari

41      Fir-rigward tas-suġġett tar-rikors, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi rendikont li permezz tiegħu l-Uffiċċju responsabbli għall-Ħlasijiet jitlob lir-rikorrent ir-rimbors ta’ ammont ta’ EUR 843.01. Dan l-ammont jikkorrispondi għal 15 % tal-ammont ta’ EUR 5 620.10 indikat fit-tieni fattura u li kopriet l-iSKAM. Din it-tieni fattura ta’ EUR 5 620.10 tinkludi ammont ta’ EUR 500 għaż-żewġ testijiet ta’ awdjometrija u ta’ EUR 5 120.10 għal disa’ sessjonijiet ta’ terapija bl-ossiġnu, li jammonta għal EUR 568.90 għal kull sessjoni. Mir-rikors jirriżulta li l-kontestazzjoni tar-rikorrent tirrigwarda biss it-tieni fattura ta’ EUR 5 620.10 koperta mill-iSKAM u li din teżiġi rimbors ta’ 15%.

 Fuq l-ewwel kap tat-talbiet, fejn qed jintalab l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

42      Skont ġurisprudenza stabbilita, meta t-talbiet għal annullament formalment indirizzati kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment ikunu, bħala tali, mingħajr kontenut awtonomu, huma jkollhom bħala effett li jressqu quddiem il-Qorti Ġenerali l-att li kontrih ikun tressaq l-ilment (ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il-Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punt 63 u l-ġurisprudenza msemmija).

43      F’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tikkonferma biss id-deċiżjoni kkontestata tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet li jagħmel lir-rikorrent responsabbli għall-ammont ta’ EUR 843.01, għandu jiġi kkonstatat li t-talbiet għal annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment hija nieqsa minn kontenut awtonomu u għalhekk ma hemmx bżonn li tittieħed deċiżjoni speċifikament dwarhom. Madankollu, fl-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, għandha titqies il-motivazzjoni fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, liema motivazzjoni hija preżunta li tikkoinċidi ma’ dik tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, EU:T:2009:485, punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-ewwel kap ta’ talbiet, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

44      Insostenn tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent iqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Ftehim tal-1996 ibbażata fuq żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u tal-Artikoli 12 u 14 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010 C 83, p. 266 iktar ’il quddiem il-“Protokoll”). It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba.

45      Insostenn tal-ewwel aggravju, ir-rikorrent jallega ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità. Huwa jargumenta li l-Ftehim tal-1996 jippermetti lill-fornituri tal-kura tas-saħħa japplikaw sistematikament lill-affiljati tal-iSKAM tariffi ogħla minn dawk applikati għal affiljati tas-sistema tas-sigurtà tas-saħħa nazzjonali, jiġifieri l-Fond Nazzjonali tas-Saħħa tal-Lussemburgu (iktar ’il quddiem iċ-“CNS”), filwaqt li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ affiljati jirċievu l-istess kura tas-saħħa. Issa, tali differenza fit-trattament twassal għal diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità, ipprojbita mill-Artikolu 18 TFUE. Ir-rikorrent isostni wkoll li jekk l-iskop tal-Ftehim tal-1996 huwa li jiġi kkumpensat il-fatt li l-affiljati tal-iSKAM ma jħallsux taxxi nazzjonali fil-Lussemburgu, dan imur kontra l-Artikoli 12 u 14 tal-Protokoll.

46      Il-Parlament jenfasizza, mill-bidu, li l-konklużjoni tal-Ftehim tal-1996 hija bbażata fuq l-Artikolu 39(2)(e) tar-regoli komuni. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-uffiċċju ċentrali tal-iSKAM, li huwa stabbilit bl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament u marbut mal-Kummissjoni, huwa responsabbli, flimkien mal-uffiċċji responsabbli għall-ħlasijiet, biex jinnegozja, kemm jista’ jkun, ma’ rappreżentanti tal-professjoni medika jew l-awtoritajiet, assoċjazzjonijiet u istituzzjonijiet kompetenti, ftehim li jiffissaw ir-rati applikabbli għall-affiljati tal-iSKAM. Skont il-Parlament, l-uffiċċju ċentrali għandu jqis il-kundizzjonijiet lokali u, fejn xieraq, l-iskali diġà fis-seħħ, kemm mil-lat mediku kif ukoll mil-lat tal-isptar, u għandu jinnegozja, kemm jista’ jkun, mas-sistemi ewlenin tal-Istati Membri, ftehim ġenerali biex jissimplifikaw il-proċeduri applikabbli għall-affiljati tal-iSKAM. Għalhekk, fil-każ preżenti, meta kkonkludiet il-Ftehim tal-1996, il-Kummissjoni użat is-setgħa diskrezzjonali tagħha sabiex tilħaq, bi ftehim mal-awtoritajiet Lussemburgiżi, limitu massimu fuq it-tariffi imposti minn dawn tal-aħħar.

47      Fl-ewwel lok, fil-każ ta’ differenza allegata fit-trattament bejn l-affiljati tal-iSKAM u r-“residenti oħra tal-Lussemburgu”, il-Parlament jikkunsidra li l-affiljati tal-iSKAM u l-affiljati fiċ-CNS jaqgħu f’żewġ kategoriji ta’ sigurtà soċjali differenti u ma humiex f’sitwazzjonijiet paragunabbli.

48      Fir-rigward tas-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000 Ferlini (C‑411/98, EU:C:2000:530), invokata mir-rikorrent, il-Parlament jenfasizza li l-fatti li wasslu għal dik is-sentenza seħħew qabel il-konklużjoni tal-Ftehim tal-1996. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet id-domanda preliminari li, fir-rigward tal-kura medika u tal-isptar mogħtija lill-uffiċjali tal-Unjoni, kienet l-applikazzjoni unilaterali, minn grupp ta’ fornituri tal-kura, ta’ tariffi ogħla minn dawk applikabbli għal residenti affiljati mas-sistema tas-sigurtà soċjali nazzjonali li tikkostitwixxi diskriminazzjoni fuq bażi ta’ nazzjonalità. Fil-każ preżenti, it-tariffi inkwistjoni ma humiex applikati unilateralment, iżda fl-applikazzjoni ta’ ftehim innegozjat bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Lussemburgiżi, skont l-Artikolu 39 tar-regoli komuni.

49      Skont il-Parlament, anki jekk wieħed jassumi li din hija diskriminazzjoni pprojbita mit-Trattat FUE, iż-żieda fit-tariffi inkwistjoni, li għalihom huma suġġetti l-benefiċċji tal-kura tas-saħħa, hija ġġustifikata minn għan leġittimu. Fil-fatt, jirriżulta min-nota tal-Kummissarju għall-Baġit u r-Riżorsi Umani tas-26 ta’ Novembru 2015 li l-konklużjoni tal-Ftehim tal-1996 kienet tippermetti li jiġu stabbiliti limiti fuq l-ispejjeż tal-isptar għall-affiljati tal-iSKAM, li kien jevita li jkun hemm tariffi terġa’ ogħla minn dawk mitluba “attwalment”.

50      Għalhekk, ir-rikorrent ma stabbilixxiex biżżejjed ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

51      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikoli 12 u 14 tal-protokoll u, b’mod partikolari, tal-argument li d-differenzjazzjoni tat-tariffi inkwistjoni hija mmotivata mill-fatt li l-affiljati tal-iSKAM ma jħallsu la taxxi u lanqas kontribuzzjonijiet lis-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Lussemburgu, il-Parlament jenfasizza li l-Ftehim tal-1996 ma fih ebda motivazzjoni bħal din.

52      Il-Parlament iżid li, ċertament, min-nota tal-Kummissarju għall-Baġit u r-Riżorsi Umani tas-26 ta’ Novembru 2015 jirriżulta li l-Ftehim tal-1996 huwa, sa ċertu punt, aċċettabbli peress li t-tariffikazzjoni żejda tikkostitwixxi ekwivalenti għal kontribut pubbliku mill-awtoritajiet Lussemburgiżi għall-finanzjament tal-isptarijiet. Madankollu, il-Parlament jirrimarka li minn din in-nota jirriżulta wkoll li l-introduzzjoni ta’ limiti tariffarji kienet raġuni ugwalment importanti għall-konklużjoni tal-Ftehim tal-1996. Għalhekk, ma hemm xejn li jsostni l-allegazzjoni tar-rikorrent li l-Ftehim tal-1996 kien iservi prinċiplament biex jikkumpensa għan-nuqqas ta’ kontribuzzjoni mill-affiljati mal-iSKAM lis-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Lussemburgu.

53      Barra minn hekk, il-Parlament jikkunsidra li ċ-ċirkustanzi tal-kawża li wasslet għas-sentenza de Lobkowicz tal-10 ta’ Mejju 2017 (C‑690/15, EU:C:2017:355), li għaliha jirreferi r-rikorrent, huma differenti ħafna minn dawk f’din il-kawża. Fil-fatt, jirriżulta mill-punt 48 ta’ din is-sentenza li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni kien ir-riżultat tal-fatt li d-dħul ta’ de Lobkowicz, uffiċjal tal-Unjoni affiljat mal-iSKAM, intlaqat minn ċerti imposti u kontribuzzjonijiet li ġew assenjati direttament u speċifikament biex jiffinanzjaw friegħi tas-sistema ta’ sigurtà soċjali Franċiża li magħha huwa ma kienx affiljat. F’dan il-każ, peress li l-Ftehim tal-1996 introduċa limitu massimu tat-tariffi għall-membri tal-FHL, ma jkunx korrett li dan jitqabbel ma’ dawn ir-regoli nazzjonali.

54      Minn dan jirriżulta li l-ksur tal-Artikoli 12 u 14 tal-protokoll ma ġiex stabbilit mir-rikorrent.

55      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 277 TFUE, minkejja l-iskadenza tat-terminu previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe parti tista’, f’tilwima li fiha jkun hemm involut att ta’ applikazzjoni ġenerali adottat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, tinvoka l-eċċezzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 sabiex tinvoka l-inapplikabbiltà ta’ dak l-att quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea.

56      Skont ġurisprudenza stabbilita, eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma b’mod inċidentali skont l-Artikolu 277 TFUE, fil-mument tal-konstatazzjoni fil-kawża prinċipali tal-legalità ta’ att terz, hija ammissibbli biss jekk teżisti rabta ta’ konnessjoni bejn dan l-att u r-regola li allegata illegalità tagħha hija eċipita. Sa fejn l-Artikolu 277 TFUE ma għandux l-għan li jippermetti li parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ natura ġenerali insostenn ta’ kwalunkwe rikors, il-portata ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tat-tilwima (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2015, Health Food Manufacturers’ Association et vs Il-Kummissjoni, T‑296/12, EU:T:2015:375, punt 170 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li l-att ġenerali li titqajjem l-illegalità tiegħu għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ inkwistjoni u li għandu jkun hemm rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2017, Fernández González vs Il-Kummissjoni, T‑455/16 P, ma hijiex ippubblikata, EU:T:2017:169, punt 34, u tat-22 ta’ Novembru 2017, von Blumenthal et vs  BEI, T‑558/16, ma hijiex ippubblikata, EU:T:2017:827, punt 71).

57      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 277 TFUE għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ biżżejjed sabiex jiġi żgurat stħarriġ tal-legalità effettiv tal-atti tal-istituzzjonijiet ta’ natura ġenerali favur persuni esklużi minn azzjoni diretta kontra atti bħal dawn (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 1993, Reinarz vs Il-Kummissjoni, T‑6/92 u T‑52/92, EU:T:1993:89, punt 56, u tal-21 ta’ Ottubru 2010, Agapiou Joséphidès vs Il-Kummissjoni u EACEA, T‑439/08, ma hijiex ippubblikata, EU:T:2010:442 punt 50). Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 277 TFUE għandu jestendi għall-atti tal-istituzzjonijiet li kienu rilevanti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors għal annullament (sentenzi tal-4 ta’ Marzu 1998, De Abreu vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑146/96, EU:T:1998:50, punt 27, u tat-2 ta’ Ottubru 2001, Martinez et vs Il-Parlament, T‑222/99, T‑327/99 u T‑329/99, EU:T:2001:242, punt 135), fis-sens li dik id-deċiżjoni tistrieħ essenzjalment fuq dawn (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2015, Health Food Manufacturers’ Association et vs Il-Kummissjoni, T‑296/12, EU:T:2015:375, punt 172), anki jekk ma jikkostitwixxux formalment il-bażi ġuridika (sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2001, Martinez et vs Il-Parlament, T‑222/99, T‑327/99 u T‑329/99, EU:T:2001:242, punt 135; u tal-20 ta’ Novembru 2007, Ianniello vs Il-Kummissjoni, T‑308/04, EU:T:2007:347, punt 33, u tat-2 ta’ Ottubru 2014, Spraylat vs ECHA, T‑177/12, EU:T:2014:849, punt 25).

58      L-ewwel nett, f’dan il-każ, fir-rigward tan-natura tal-att li dwaru titqajjem l-illegalità, għandu jiġi kkonstatat li din il-miżura ma ġietx adottata unilateralment minn istituzzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, il-Ftehim tal-1996 kien ġie konkluż mill-partijiet imsemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq u ma ġiex adottat mill-Kummissjoni biss, li tirrappreżenta l-Unjoni u l-BEI. Madankollu, il-konklużjoni tal-Ftehim tal-1996 hija prevista fl-Artikolu 39(2)(e) tar-regoli komuni, li għalihom jirreferi l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-Ftehim tal-1996 għandu l-għan li jistabbilixxi sistema ta’ tariffikazzjoni applikabbli għall-benefiċjarji tal-iSKAM u l-Fond għall-Mard tal-BEI. Għalhekk, il-konklużjoni tal-Ftehim tal-1996 għandha l-għan li jiġu implimentati, fit-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-modalitajiet tat-tarifikazzjoni tal-ispejjeż imġarrba minħabba mard, inċident jew maternità fir-rigward ta’ benefiċjarji tal-iSKAM u l-fond tal-mard tal-BEI, li l-Unjoni għandha tiżgura rimbors skont il-prinċipju tal-kopertura soċjali previst fl-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, il-Ftehim tal-1996 konkluż f’dan il-kuntest jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju. Għal dak il-għan, il-Ftehim tal-1996 jikkostitwixxi l-konkretizzazzjoni ta’ impenn bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-isptarijiet f’dan l-Istat, dwar ir-rimbors tal-ispejjeż tal-mard, ta’ inċidenti jew tal-maternità msemmija iktar ’il fuq. Għalhekk huwa permissibbli li jiġi kkunsidrat li, sa dak il-punt, il-Ftehim tal-1996 jista’ jitqabbel ma’ att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punti 29 sa 36).

59      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Ftehim tal-1996 jikkostitwixxix att ta’ portata ġenerali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tal-1996, li jirregolaw il-modalitajiet tat-tariffi imposti mill-fornituri tal-kura tas-saħħa Lussemburgiżi fir-rigward tal-affiljati tal-iSKAM, huma ta’ natura ġenerali, peress li japplikaw għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u li għandhom effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Agapiou Joséphidès vs Il-Kummissjoni u EACEA, T‑439/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:442, punt 53). Minn dan jirriżulta li l-applikabbiltà tal-Ftehim tal-1996 tista’ tiġi invokata mir-rikorrent fuq il-bażi tal-Artikolu 277 TFUE.

60      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-Ftehim tal-1996, li huwa l-att ġenerali inkwistjoni, jeħtieġ li tiġi ddeterminata l-bażi legali li fuqha l-uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet iddeċieda li jibbaża d-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet eżiġa rimbors ta’ 15 % tal-ammont muri fit-tieni fattura ta’ EUR 5 620.10. Kif jirriżulta mill-punt 41 iktar ’il fuq, ir-rikorrent jikkontesta biss it-tieni fattura ta’ EUR 5 620.10 koperta mill-iSKAM. Din il-fattura tinkludi ammont ta’ EUR 500 għat-testijiet tal-awdjometrija u ta’ EUR 5 120.10 għad-disa’ sessjonijiet ta’ terapija bl-ossiġnu, li jammonta għal tariffa ta’ EUR 568.90 għal kull sessjoni. Fir-rigward ta’ din it-tariffa ta’ EUR 568.90 għal kull sessjoni, mill-fajl jidher li tirriżulta mill-iskeda tariffarja “Tariffi SKAM 2016 ” stabbilita miċ-CNS. Din l-iskeda tariffarja hija rriveduta kull sena u adottata fuq il-bażi tal-Ftehim tal-1996. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li hemm rabta legali diretta bejn l-ammont ta’ EUR 5 120.10 li jidher fid-deċiżjoni kkontestata u l-iskeda tariffarja stabbilita skont il-konvenzjoni tal-1996.

61      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrent hija ammissibbli.

62      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ liema dispożizzjoni tat-Trattat hija intiża li tapplika għad-diskriminazzjoni allegata, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, sanċit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”), fejn il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba nazzjonalità stabbilit fl-Artikolu 21(2) tal-Karta huwa espressjoni partikolari (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 29). L-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma obbligati josservaw dan il-prinċipju bħala regola superjuri tad-dritt tal-Unjoni li tipproteġi l-individwi (sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs Il-BĊE, T-79/13, EU:T:2015:756 punt 87, u tal-24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs Il-BĊE, T‑749/15, ma hijiex ippubblikata, EU:T:2017:21, punt 110).

63      Skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta, l-Artikolu 21(2) tal-Karta “jikkorrispondi għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18(1) [TFUE] u għandu jiġi applikat b’mod konformi ma’ dak l-Artikolu”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 52(2) tal-Karta, id-drittijiet li hija tirrikonoxxi u li huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet fit-trattati jiġu eżerċitati fil-kundizzjonijiet u l-limiti ddefiniti minn dawn tal-aħħar. Isegwi li l-Artikolu 21(2) tal-Karta għandu jinqara bħala li għandu l-istess portata bħall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE (sentenza tal-20 ta’ Novembru 2017, Petrov et vs Il-Parlament, T‑452/15, EU:T:2017:822, punt 39)

64      Għaldaqstant, l-allegata diskriminazzjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE.

 Fuq il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet

65      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba n-nazzjonalità jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan u l-iskop tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni (sentenza tal-1 ta’ Marzu 2011, Association belge des Consommateurs Test-Achats et, C‑236/09, EU:C:2011:100, punt 29).

67      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-Parlament kiser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, peress li, għal kura tas-saħħa identika, mogħtija fl-istess ħin bl-istess tagħmir mediku, it-tariffi applikati għall-affiljati mal-iSKAM huma ogħla minn dawk applikati għall-affiljati taċ-CNS

68      Il-Parlament, min-naħa l-oħra, jindika li persuna mhux affiljata maċ-CNS tinsab f’sitwazzjoni differenti minn resident Lussemburgiż, li ġeneralment huwa affiljat mas-sistema taċ-CNS. Għalhekk huma jaqgħu taħt żewġ kategoriji differenti ta’ sigurtà soċjali u ma humiex f’sitwazzjonijiet paragunabbli.

69      F’dan il-każ, kif isostni l-Parlament, is-sitwazzjoni legali tal-uffiċjali tal-Unjoni fir-rigward tal-obbligi tas-sigurtà soċjali tagħhom taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni minħabba r-rabta tal-impjieg tagħhom mal-Unjoni (ara s-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017, de Lobkowicz, C‑690/15, EU:C:2017:355, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      F’dan is-sens, minn naħa, l-uffiċjali tal-Unjoni huma suġġetti għas-sistema ta’ sigurtà soċjali komuni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li hija stabbilita, skont l-Artikolu 14 tal-Protokoll, mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, permezz ta’ regolamenti skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara konsultazzjoni mal-istituzzjonijiet. Dan il-protokoll għandu l-istess valur ġuridiku bħat-trattati (Opinjoni 2/13, tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 161, u s-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017, de Lobkowicz, C‑690/15, EU:C:2017:355, punt 40)

71      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 14 tal-Protokoll, billi jagħti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni s-setgħa li jistabbilixxu s-sistema tas-sigurtà soċjali għall-uffiċjali tagħhom, għandu jiġi kkunsidrat li jimplika t-tneħħija mill-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stati Membri tal-obbligu li l-uffiċjali tal-Unjoni jkunu affiljati ma’ sistema nazzjonali tas-sigurtà soċjali u l-obbligu, ta’ tali uffiċjali, li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ sistema bħal din (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017, de Lobkowicz, C‑690/15, EU:C:2017:355, punt 41).

72      Min-naħa l-oħra, is-sistema ta’ benefiċċji soċjali, imsemmija fl-Artikolu 14, kienet ġiet introdotta mir-Regolamenti tal-Persunal, li, taħt it-Titolu V, intitolat “Emolumenti u benefiċċji tas-sigurtà soċjali tal-uffiċjali”, u b’mod iktar partikolari fil-Kapitoli 2 u 3 ta’ dan it-titolu, relatati mas-sigurtà soċjali u mal-pensjonijiet, jistabbilixxu r-regoli applikabbli għall-uffiċjali tal-Unjoni (sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017, de Lobkowicz, C‑690/15, EU:C:2017:355, punti 36 u 37).

73      Barra minn hekk, ir-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn ġew stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej, u li jintroduċi miżuri speċjali applikabbli temporanjament għal uffiċjali tal-Kummissjoni (Regolamenti tal-Persunal) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 5), għandu l-karatteristiċi kollha stabbiliti fl-Artikolu 288 TFUE, li skont dan ir-regolament huwa ta’ applikazzjoni ġenerali, jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Minn dan jirriżulta li r-rispett tar-Regolamenti tal-Persunal jorbot ukoll lill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 1981, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 137/80, EU:C:1981:237, punti 7 u 8; tas-7 ta’ Mejju 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 186/85, EU:C:1987:208, punt 21; tal-4 ta’ Diċembru 2003, Kristiansen, C‑92/02, EU:C:2003:652, punt 32, u tal-4 ta’ Frar 2015, Melchior, C‑647/13, EU:C:2015:54, punt 22).

74      F’dan il-kuntest, ir-regoli komuni ġew stabbiliti bi ftehim komuni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont l-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

75      B’mod partikolari, l-Artikolu 39(2)(e) tar-regoli komuni jipprovdi li l-uffiċċju ċentrali, flimkien mal-uffiċċji responsabbli għall-ħlasijiet, huwa responsabbli biex jinnegozja, kemm jista’ jkun, mar-rappreżentanti tal-professjoni medika jew tal-awtoritajiet, l-assoċjazzjonijiet u l-istituzzjonijiet kompetenti, diversi ftehim li jistabbilixxu t-tariffi applikabbli għall-affiljati tal-iSKAM, wara li jiqiesu l-kundizzjonijiet lokali u, fejn applikabbli, l-iskali diġà fis-seħħ, kemm mil-lat mediku kif ukoll mil-lat tal-isptar.

76      Minn dan isegwi li t-tariffi applikati mill-fornituri tal-kura tas-saħħa Lussemburgiżi lill-affiljati tal-iSKAM huma r-riżultat tal-Ftehim tal-1996, innegozjat skont l-Artikolu 39(2)(e) tar-regoli komuni.

77      Minn naħa waħda, fir-rigward tal-metodoloġija użata biex jiġu stabbiliti dawn it-tariffi, il-Ftehim tal-1996 jipprovdi fil-punt 1 tal-preambolu tiegħu li t-tariffi huma stabbiliti fuq il-bażi tal-unitajiet operattivi stabbiliti fil-ftehim CNS-FHL. Mill-punti 2 sa 5 tal-Preambolu u tal-Artikolu 3 tal-Ftehim tal-1996 jirriżulta li t-tariffi annwali għal dawn l-unitajiet operattivi huma stabbiliti fuq il-bażi tal-prezz nett, kif stabbilit mill-UCM (li saret iċ-CNS), miżjud b’koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ 15 %. Kif jenfasizza l-Parlament, l-għan tal-Ftehim tal-1996 huwa li jiġu ffissati limiti massimi fuq it-tariffi imposti mill-fornituri tal-kura tas-saħħa lill-affiljati tal-iSKAM.

78      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-iskeda tariffarja “Tariffi SKAM 2016” inkwistjoni f’din il-kawża, mill-ispjegazzjonijiet tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u tal-Kummissjoni jirriżulta li hija tikkostitwixxi Anness mal-Ftehim tal-1996. Sabiex jiġu stabbiliti t-tariffi li jidhru fl-iskeda tat-tariffa, iċ-CNS tiddistingwi l-ispejjeż varjabbli, li huma stabbiliti permezz ta’ negozjati bejnha u l-FHL għal kull entità funzjonali, tal-ispejjeż fissi kkalkulati minnha stess għall-bżonnijiet tal-iSKAM. Fuq il-bażi tal-iskeda tat-tariffa, l-isptarijiet jiffatturaw lill-affiljati tal-iSKAM it-tariffi fissi, li jqisu dawn l-ispejjeż varjabbli u fissi. Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-paragrafi 69 sa 76 iktar ’il fuq, jekk it-tariffi applikati għal ċittadini affiljati mas-sistema tas-sigurtà soċjali nazzjonali jirriżultaw minn regoli tas-sigurtà soċjali nazzjonali, it-tariffi imposti fir-rigward tal-affiljati mal-iSKAM huma r-riżultat tal-iskeda tariffarja stabbilita miċ-CNS u annessa mal-Ftehim tal-1996 deskritta fil-punt 76 iktar ’il fuq.

79      Madankollu, iż-żewġ kategoriji ta’ affiljati jirċievu l-istess kura medika. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-persuni affiljati mal-iSKAM jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli maċ-ċittadini affiljati mas-sistema tas-sigurtà soċjali nazzjonali. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, sabiex tistabbilixxi l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet bejn l-affiljati taċ-CNS u l-affiljati tal-iSKAM, kien irrilevanti li huma ma ħallsux taxxi fuq il-kura tagħhom fil-fond nazzjonali u lanqas ma kkontribwew għas-sistema nazzjonali tas-sigurtà soċjali, peress li ma jitolbux benefiċċji tas-sigurtà soċjali taħt dik is-sistema, iżda biss l-applikazzjoni ta’ tariffi mhux diskriminatorji għall-kura medika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Ferlini, C‑411/98, EU:C:2000:530, punti 54 sa 56). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat f’dan il-każ li l-kriterju relevanti kien l-identità tal-kura medika rċevuta miż-żewġ kategoriji ta’ affiljati, sabiex l-uffiċjal relevanti tal-Unjoni kif ukoll il-membri tal-familja tiegħu li kienu affiljati mal-iSKAM ikunu f’sitwazzjoni paragunabbli maċ-ċittadini affiljati mas-sistema nazzjonali tas-sigurtà soċjali.

80      Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjoni tal-membri tal-iSKAM u dik tal-affiljati taċ-CNS fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, l-eżistenza eventwali ta’ ftehim, bħalma hu l-Ftehim tal-1996, ma jistax, bħala tali, jikkostitwixxi kriterju deċiżiv. Tabilħaqq, iċ-ċirkustanza li l-fatti fil-kawża prinċipali tal-kawża li wasslu għas-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Ferlini (C‑411/98, EU:C:2000:530), żvolġew matul il-perijodu ta’ qabel il-konklużjoni tal-Ftehim tal-1996 u li t-tariffi inkwistjoni f’dan il-każ ġew applikati unilateralment minn Stat Membru, filwaqt li s-sistema tat-tariffi inkwistjoni fil-każ preżenti tirriżulta minn ftehim konkluż bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-Kummissjoni, ma jbiddilx il-paragunabbiltà tas-sitwazzjoni tal-affiljati taċ-CNS u dik tal-affiljati tal-iSKAM meta ż-żewġ kategoriji ta’ affiljati jirċievu l-istess kura tas-saħħa.

81      Għaldaqstant, dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet huma paragunabbli għall-applikazzjoni tat-tariffi għall-kura medika.

 Fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità

82      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni ta’ tariffi ddifferenzjati għall-affiljati tal-iSKAM u għall-affiljati taċ-CNS tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tan-nazzjonalità, għandu jitfakkar li, sakemm dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-għan imfittex, għandha titqies bħala indirettament diskriminatorja meta tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa iktar liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli ċ-ċittadini nazzjonali u għalhekk tirriskja, b’mod partikolari, li tiżvantaġġa b’mod partikolari lil dawk tal-ewwel (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ April 2010, Bressol et, C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      F’dan il-każ, huwa stabbilit li t-tariffi applikati għall-affiljati tal-iSKAM, li jirriżultaw mill-iskeda tariffarja adottata fuq il-bażi tal-Ftehim tal-1996, huma kunsiderevolment ogħla minn dawk applikati għall-affiljati taċ-CNS. Fil-fatt, affiljat taċ-CNS li jirċievi terapija iperbarika bl-ossiġnu mhux se jkun impost fuqu ebda ammont għall-ispejjeż fissi assoċjati ma’ dan it-trattament, sakemm dawn l-ispejjeż jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-isptar, tkun xi tkun il-kura mogħtija lil dan l-affiljat. Għall-kuntrarju, affiljat tal-iSKAM li jirċievi l-istess trattament jirċievi fattura mill-isptar li tikkorrispondi għall-ammont indikat fl-iskeda tariffarja, li tinkludi kemm spejjeż varjabbli kif ukoll spejjeż fissi. Għalhekk, il-Ftehim tal-1996 jintroduċi sistema ta’ fatturazzjoni li fiha pazjent affiljat mal-iSKAM irid iħallas kemm l-ispejjeż varjabbli kif ukoll l-ispejjeż fissi assoċjati mal-kura, filwaqt li fis-sistema tas-saħħa nazzjonali, l-affiljati ma għandhom l-ebda spiża, f’forma ta’ fatturazzjoni, għall-istess trattament. Differenza bħal din għandha l-effett li, fir-rigward tal-kura b’terapija iperbarika bl-ossiġnu, l-affiljat maċ-CNS ma għandu jħallas xejn għal kull sessjoni, filwaqt li l-affiljat tal-iSKAM huwa ffatturat ammont ta’ EUR 568 kull sessjoni. Għalhekk, l-ammont iffatturat lil pazjent affiljat mal-iSKAM mill-isptar huwa ħafna ogħla minn dak li kien jiġi applikat għal pazjent affiljat maċ-CNS għall-istess trattament, ammont li huwa kompletament sostnut miċ-CNS. Barra minn hekk, jirriżulta mit-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali li l-kalkolu tal-ispejjeż tal-benefiċċji ma huwiex ibbażat fuq tariffi viċin biżżejjed għall-ispejjeż reali, u lanqas fuq il-profili mediċi reali tal-pazjenti affiljati mal-iSKAM. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrent kien suġġett għal trattament sfavorevoli fir-rigward tal-affiljati taċ-CNS.

84      Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li t-tariffi applikati għall-affiljati mal-iSKAM huma ogħla minn dawk applikati għall-affiljati taċ-CNS, sempliċement minħabba li ma humiex parti mis-sistema nazzjonali tas-sigurtà soċjali.

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-maġġoranza l-kbira taċ-ċittadini tal-Lussemburgu residenti fil-Lussemburgu huma affiljati maċ-CNS. Min-naħa l-oħra, il-maġġoranza l-kbira tal-persuni affiljati mal-iSKAM, waqt li jirċievu kura tas-saħħa mogħtija fit-territorju tal-Lussemburgu, huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Ferlini, C‑411/98, EU:C:2000:530, punt 58).

86      Għandu jiġi kkonstatat li s-sistema stabbilita mill-Ftehim tal-1996, li jipprovdi li l-iSKAM tikkontribwixxi għall-baġit ġenerali tal-isptarijiet Lussemburgiżi permezz ta’ fatturazzjoni, tistabbilixxi għal dan il-għan sistema ta’ fatturazzjoni fejn l-affiljati tal-iSKAM ikopru kemm l-ispejjeż fissi kif ukoll l-ispejjeż varjabbli relatati mas-servizz tal-isptar inkwistjoni, filwaqt li l-affiljati taċ-CNS ikopru biss spejjeż varjabbli li huma kompletament assigurati miċ-CNS. Sistema bħal din għandha l-effett li tippermetti lill-fornituri tal-kura fl-isptarijiet Lussemburgiżi japplikaw rati ogħla għall-affiljati tal-iSKAM milli għall-affiljati taċ-CNS. Meta introduċiet din is-sistema, il-Kummissjoni għalhekk ippermettiet differenza fit-trattament ibbażata fuq in-nazzjonalità, li rriżultat fi żvantaġġ għall-affiljati tal-iSKAM. Differenza bħal din fit-trattament tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata u pproporzjonata għall-għan imfittex.

87      Konstatazzjoni bħal din ma hijiex invalidata mill-argument tal-Parlament li s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Ferlini (C‑411/98, EU:C:2000:530), ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni f’din il-kawża. Skont il-Parlament, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, rigward il-kura mogħtija lill-affiljati tal-iSKAM, kienet l-applikazzjoni unilaterali minn grupp ta’ fornituri tal-kura tas-saħħa ta’ tariffi ogħla minn dawk applikati għall-kura mogħtija lir-residenti affiljati mas-sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali li ddiskriminat fuq bażi ta’ nazzjonalità, filwaqt li f’din il-kawża, it-tariffi jirriżultaw mill-iskeda tariffarja adottata fuq il-bażi tal-Ftehim tal-1996 innegozjata bejn, b’mod partikolari, l-awtoritajiet Lussemburgiżi u l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 39(2)(e) tar-regoli komuni.

88      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 48 sa 50 tas-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000 Ferlini (C‑411/98 EU:C:2000:530), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li t-tariffi inkwistjoni ma jaqgħu la taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali u lanqas ir-regoli, adottati fil-forma ta’ ftehim kollettiv, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, iżda ġew stabbiliti unilateralment mill-isptarijiet kollha Lussemburgiżi magħquda fi ħdan l-Akkordju tal-Isptarijiet Lussemburgiżi. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tagħha, għalhekk ikkonstatat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE japplika wkoll f’każijiet fejn grupp jew organizzazzjoni, bħal dan l-Akkordju, jeżerċitaw ċerta setgħa fuq l-individwi u jistgħu jimponulhom kundizzjonijiet li jagħmlu ħsara lill-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE. Għalhekk, din il-preċiżazzjoni trid turi li prattika unilaterali ta’ fornitur ta’ servizzi tas-saħħa taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE.

89      Issa, il-fatt li, f’dan il-każ, ftehim bħall-Ftehim tal-1996 iwassal għal differenza fit-trattament, u mhux l-applikazzjoni unilaterali minn fornitur ta’ kura tas-saħħa fl-isptar ta’ tariffi applikati għal kura mogħtija lill-affiljati tal-iSKAM, ma jistax idgħajjef l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-paragrafi 55 sa 64 iktar ’il fuq, l-Artikolu 18 TFUE, li jistabbilixxi dan il-prinċipju, jorbot mhux biss lill-Istati Membri iżda anki lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’tali mod li l-konklużjoni ta’ ftehim bħal dak tal-1996 ma jistax ikollu l-effett li jneħħi minn fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-obbligi li għandhom bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju.

90      Bl-istess mod, kif isostni l-Parlament, il-Kummissjoni tista’ bla dubju, skont l-Artikolu 39(2)(e) tar-regoli komuni, tinnegozja u tikkonkludi ftehim mal-awtoritajiet nazzjonali, li tippermetti limitu massimu fuq tariffi imposti. Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ dik is-setgħa l-Kummissjoni hija marbuta tosserva l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, sabiex ma tkunx tista’ tintroduċi differenza fit-trattament li jkollu bħala effett li jiżvantaġġa l-affiljati tal-iSKAM meta pparagunati ma’ dawk affiljati mas-sistema nazzjonali tas-sigurtà soċjali, sakemm tali differenza fit-trattament ma tkunx oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-għan imfittex.

 Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni għad-diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità

91      Il-Parlament jikkunsidra li, anki jekk it-trattament differenti bejn l-affiljati tal-iSKAM u l-affiljati taċ-CNS jikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita mit-Trattat, iż-żieda fit-tariffi inkwistjoni hija ġġustifikata minn għan leġittimu. F’dan ir-rigward, huwa jirreferi, fil-punti 14 u 15 tar-risposta tiegħu, għan-nota tal-Kummissarju responsabbli għall-Baġit u r-Riżorsi Umani tas-26 ta’ Novembru 2015 li skont din il-konklużjoni tal-Ftehim tal-1996 kienet tagħmilha possibbli li jiġu ffissati limiti massimi fuq it-tariffi tal-isptar għall-affiljati tal-iSKAM, li kien jevita li jintlaħqu tariffi terġa’ ogħla minn dawk li “bħalissa” qegħdin fis-seħħ.

92      F’dan ir-rigward, kif osservat fil-punt 82 iktar ’il fuq, trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli, bħal dak introdott mill-Ftehim tal-1996, jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità, li hija pprojbita, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata.

93      Sabiex tkun iġġustifikata, il-miżura kkonċernata għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu tagħha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara s-sentenza tat-13 ta’ April 2010, Bressol et, C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata)

94      Fir-rigward tas-sigurtà soċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan tal-prevenzjoni ta’ riskju ta’ dannu serju lill-ekwilibriju finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Jista’ jiġi kkunsidrat li, b’analoġija, l-istess għan leġittimu jista’ jiġi applikat għas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Unjoni, jiġifieri l-iSKAM. Għalhekk, l-għan invokat mill-Parlament biex jillimita n-nefqa tal-iSKAM, koperta mill-Ftehim tal-1996, jista’, bħala prinċipju, jikkostitwixxi għan leġittimu.

95      Madankollu, minn naħa, meta awtorità nazzjonali, tadotta miżura li tidderoga minn prinċipju stabbilit tal-Unjoni, għandhom jippruvaw, f’kull każ partikolari, li din il-miżura tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jinkiseb. Il-ġustifikazzjonijiet li jistgħu jiġu invokati minn istituzzjoni għandhom għalhekk ikunu akkumpanjati minn evidenza xierqa jew analiżi tal-adegwatezza u l-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn din l-istituzzjoni u l-elementi preċiżi li jistgħu jintużaw biex jissostanzjaw l-argument tagħha. Huwa meħtieġ li t-tali analiżi oġġettiva li tinkludi spjegazzjonijiet u figuri tkun tista’ turi, bl-għajnuna ta’ data affidabbli, konverġenti u ta’ natura probatorja, li effettivament jeżistu riskji għall-bilanċ tas-sistema ta’ sigurtà soċjali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Ċipru (C‑515/14, EU:C:2016:30, punt 54).

96      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ma hemmx analiżi bħal din. Fil-fatt, fir-risposta tiegħu, il-Parlament illimita ruħu għal affermazzjonijiet ġenerali dwar dan il-punt mingħajr ma pprovda provi preċiżi biex isostni l-argument tiegħu li l-Ftehim tal-1996 inkwistjoni huwa ġġustifikat bl-“għan leġittimu” li jiġu stabbiliti “limiti fuq l-ispejjeż tal-isptar għall-affiljati tal-iSKAM”

97      Ċertament, min-naħa l-oħra, il-limitazzjoni tan-nefqa ta’ SKAM tista’, fil-prinċipju, tikkostitwixxi għan leġittimu, kif jirriżulta mill-punt 94 iktar ’il fuq. Madankollu, ta’ min jinnota li l-limitu massimu fuq it-tariffi inkwistjoni kif jirriżulta mill-Ftehim tal-1996, u, b’mod partikolari, l-iffissar ta’ tariffa f’livell ferm ogħla minn dak applikat fir-rigward tal-affiljati taċ-CNS li jkunu rċevew l-istess kura tas-saħħa, ma jistax jikkostitwixxi miżura adegwata u proporzjonata biex tilħaq l-għan invokat

98      Barra minn hekk, u f’kull każ, ma ġiex sostnut quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-kawża preżenti, li s-sistema li tirriżulta mill-Ftehim tal-1996 tilħaq l-għan li jkun hemm prevenzjoni tar-riskju ta’ ħsara serja lill-ekwilibriju finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali Lussemburgiża. Minn dan jirriżulta li l-ebda “għan leġittimu” ma jiġġustifika, f’dan il-każ, id-differenza fit-trattament bejn il-benefiċjarji taż-żewġ sistemi għar-rimbors tal-kura, kif jirriżulta mill-iskeda tariffarja annessa mal-Ftehim tal-1996.

99      Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ. Għalhekk hemm lok li, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat it-tieni motiv invokat mir-rikorrent, li tiġi milqugħa l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Ftehim tal-1996 u, konsegwentement, li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, peress li tapplika l-iskeda tariffarja applikata mill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet, kif tirriżulta mis-sistema stabbilita mill-Ftehim tal-1996.

 Fuq l-ispejjeż

100    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Parlament tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrent.

101    Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet tas-sistema komuni tal-assigurazzjoni tas-saħħa tal-Lussemburgu, kif muri fil-kont Nru 244 tal-25 ta’ Jannar 2017, li jimponi l-ħlas ta’ EUR 843.01 fuq Francis Wattiau, li jikkorrispondi għal 15 % tal-fattura medika tat-30 ta’ Mejju 2016, hija annullata.

2)      Il-Parlament Ewropew għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn F. Wattiau.

3)      L-Association des seniors de la fonction publique européenne (SFPE) għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Gervasoni

Madise

da Silva Passos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ April 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.