Language of document : ECLI:EU:T:2014:816

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

25 ta’ Settembru 2014 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) – Talbiet għal informazzjoni indirizzati mill-Kummissjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest ta’ proċedura EU Pilot – Rifjut ta’ aċċess – Obbligu li jitwettaq eżami konkret u individwali – Interess pubbliku superjuri – Aċċess parzjali – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑306/12,

Darius Nicolai Spirlea u Mihaela Spirlea, residenti fi Capezzano Pianore (l-Italja), irrappreżentati inizjalment minn V. Foerster u T. Pahl, sussegwentement minn V. Foerster u E. George, avukati,

rikorrenti,

sostnuti minn

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat inizjalment minn V. Pasternak Jørgensen u C. Thorning, sussegwentement minn C. Thorning u K. Jørgensen, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn S. Hartikainen, bħala aġent,

u minn

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat inizjalment minn C. Meyer-Seitz, A. Falk, C. Stege, S. Johannesson, U. Persson, K. Ahlstrand-Oxhamre u H. Karlsson, sussegwentement minn C. Meyer-Seitz, A. Falk, U. Persson, L. Swedenborg, C. Hagerman u E. Karlsson, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Costa de Oliveira, bħala aġent, assistita inizjalment minn A. Krämer u R. Van der Hout, sussegwentement minn R. Van der Hout, avukati,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, T. Müller u D. Hadroušek, bħala aġenti,

u minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat inizjalment minn S. Centeno Huerta, sussegwentement minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, abogados del Estado,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Ġunju 2012, li tirrifjuta li tagħti aċċess lir-rikorrenti għal żewġ talbiet għal informazzjoni indirizzati mill-Kummissjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fl-10 ta’ Mejju u fl-10 ta’ Ottubru 2011, fil-kuntest tal-proċedura EU Pilot 2070/11/SNCO,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva (Relatur) u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Marzu 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Fuq l-aċċess għal dokumenti

1        L-Artikolu 15(3) TFUE jipprevedi li:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandha jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom, suġġett għall-prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skond dan il-paragrafu.

Il-prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta’ l-aċċess għal dokumenti jiġu stabbiliti permezz ta’ regolamenti mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja.

Kull istituzzjoni, korp jew organu għandu jassigura t-trasparenza tal-ħidma tiegħu u jelabora fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu d-dispożizzjonijiet speċifiċi rigward l-aċċess għad-dokumenti tiegħu, skond ir-regolamenti previst fit-tieni subparagrafu. […]”

2        L-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, intitolat “Id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti”, jipprevedi li:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom.”

3        Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

4        Skont il-premessa 4 tar-Regolament Nru 1049/2001:

“L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jistipula l-pinċipji ġenerali u l-limiti fuq dan l-aċċess skond l-Artikolu [15(3) TFUE].”

5        Il-premessa 11 tar-Regolament Nru 1049/2001 tipprevedi li:

“Bħala prinċipju, kull dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet għandhom jkunu aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu, bħala eċċezzjonijiet, xi interessi pubbliċi u privati għandhom jitħarsu. L-istituzzjonijiet għandhom ikollhom id-dritt li jħarsu l-konsultazzjonijiet u deliberazzjonijiet interni tagħhom fejn meħtieġ sabiex jissalvagwardjaw is-setgħa tagħhom li jwettqu l-kompiti tagħhom. Meta jagħmlu stima ta’ l-eċċeżżjonijiet, l-istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw il-prinċipji tal-liġi Komunitarja dwar il-protezzjoni ta’ data personali, f’kull qasam ta’ l-attivitajiet ta’ l-Unjoni.”

6        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa:

(a)      li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa ‘l-istituzzjonijiet’) previsti fl-Artikolu [15(3) TFUE] sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti,

(b)      li jistabbilixxi regoli li jiżguraw l-aktar faċilità fl-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, u

(ċ)      li jimmpromwovi prattika amministrattiv tajba fl-aċċess għad-dokumenti.”

7        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li:

“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

[…]

3. Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]”

8        L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jipprevedi li:

“L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[…]

–        l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.”

9        Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistabbilixxi li:

“Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.”

 Fuq il-proċedura EU Pilot

10      Il-proċedura EU Pilot hija proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri li tippermetti li jiġi vverifikat jekk id-dritt tal-UE huwiex osservat u applikat korrettament fi ħdan l-Istati Membri. Hija għandha l-għan li tirrisolvi ksur eventwali tad-dritt tal-UE b’mod effikaċji billi jiġi evitat, sa fejn ikun possibbli, il-ftuħ formali ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE.

11      L-aspetti operattivi tal-proċedura EU Pilot ġew deskritti, inizjalment, fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Settembru 2007, intitolata “Ewropa li tikseb ir-riżultati – l-applikazzjoni tal-liġi komunitarja” [COM(2007) 502 finali]. B’mod partikolari, il-punt 2.2 ta’ din il-komunikazzjoni, intitolat “It-titjib tal-metodi ta’ ħidma” jipprevedi dan li ġej:

“[…] Fil-qagħda attwali, il-mistoqsijiet u l-ilmenti kollha li jqajmu dubji dwar l-applikazzjoni korretta tal-liġi Komunitarja mibgħuta lill-Kummissjoni jiġu rreġistrati u rikonoxxuti [r-riċezzjoni tagħhom tiġi kkonfermata] […]. Fejn xi kwistjoni tkun teħtieġ kjarifika dwar il-pożizzjoni fattwali jew legali fl-Istat Membru, din tintbagħat lill-Istat Membru kkonċernat. […] l-Istat Membru jingħata skadenza qasira ta’ żmien biex iressaq il-kjarifiki, l-informazzjoni u s-soluzzjonijiet meħtieġa direttament liċ-ċittadini u n-negozji kkonċernati u jgħarraf lill-Kummissjoni. Meta l-kwistjoni tirriżulta li tkun ksur tal-liġi Komunitarja, l-Istat Membru jkunu mistenni jagħti rimedju, jew li joffri rimedju, fi skadenzi stipulati ta’ żmien. Meta ma tiġi proposta l-ebda soluzzjoni, il-Kummissjoni ssegwi l-każ, filwaqt li tieħu azzjoni ulterjuri, inkluż permezz ta' proċedimenti ta' ksur, skond il-prattika eżistenti. […] Ir-riżultati tal-każi jiġu rreġistrati sabiex ikun jista’ jsir rappurtaġġ dwar il-prestazzjoni u kull segwitu li jsir, inklużi r-reġistrazzjoni u l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ ksur. Dan ir-rappurtaġġ jidentifika l-volum, in-natura u s-serjetà tal-problemi li jibqgħu mingħajr soluzzjoni, filwaqt li tiġi indikata l-ħtieġa ta’ mekkaniżmi addizzjonali ta’ soluzzjoni ta’ problemi jew ta’ inizjattivi għas-settur aktar adatti għall-każ. Dawn il-miżuri kollha għandhom jikkontribwixxu għal tnaqqis fl-għadd ta’ proċeduri ta’ ksur u għal effiċjenza mtejba fil-ġestjoni tagħhom. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi eżerċizzju pilota li jinvolvi xi Stati Membri fl-2008, li wara evalwazzjoni ta’ l-ewwel sena ta’ ħidma, jkun jista’ jiġi estiż għall-Istati Membri kollha. […]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

12      Ir-rikorrenti, Darius Nicolai Spirlea u Mihaela Spirlea, huma l-ġenituri ta’ tifel li miet f’Awwissu 2010, allegatament minħabba trattament terapewtiku abbażi ta’ ċelloli staminali awtologi li ngħata fi klinika privata stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“klinika privata”).

13      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti ressqu lment quddiem id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Saħħa” tal-Kummissjoni, li fih huma jsostnu, essenzjalment, li l-klinika privata setgħet twettaq l-attivitajiet terapewtiċi tagħha minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Ġermaniżi, li b’hekk kisru d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1394/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar prodotti mediċinali ta’ terapija avvanzata u li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 (ĠU L 324, p. 121).

14      Wara dan l-ilment, il-Kummissjoni fetħet proċedura EU Pilot, bir-referenza 2070/11/SNCO, u kkuntattjat l-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex tivverifika sa fejn l-avvenimenti deskritti mir-rikorrenti fl-ilment tagħhom, dwar il-prattika tal-klinika privata, setgħux jiksru r-Regolament Nru 1394/2007.

15      B’mod partikolari, fl-10 ta’ Mejju u fl-10 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żewġ talbiet għal informazzjoni, li din tal-aħħar ikkonformat ruħha magħhom fis-7 ta’ Lulju u fl-4 ta’ Novembru 2011 rispettivament.

16      Fit-23 ta’ Frar u fil-5 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrenti talbu l-aċċess, bis-saħħa tar-Regolament Nru 1049/2001, għal dokumenti li fihom informazzjoni dwar it-trattament tal-ilment. B’mod partikolari, huma talbu sabiex jikkonsultaw l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-4 ta’ Novembru 2011 kif ukoll it-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni.

17      Fis-26 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni rrifjutat, permezz ta’ żewġ ittri separati, it-talbiet għal aċċess tar-rikorrenti għad-dokumenti inkwistjoni.

18      Fit-30 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrenti ressqu quddiem il-Kummissjoni talba konfermattiva skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

19      Fit-30 ta’ April 2012, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li, fid-dawl tal-informazzjoni mogħtija fl-ilment kif ukoll tal-osservazzjonijiet trażmessi mill-awtoritajiet Ġermaniżi wara t-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni, hija ma setgħetx tikkonstata l-allegat ksur mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari dak tar-Regolament Nru 1394/2007. Il-Kummissjoni informat ukoll lir-rikorrenti li, fl-assenza ta’ provi supplimentari min-naħa tagħhom, kien qed jiġi propost li l-investigazzjoni tingħalaq.

20      Fil-21 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni rrifjutat, permezz ta’ ittra unika, li tagħti l-aċċess għad-dokumenti mitluba abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Essenzjalment, hija sostniet li l-iżvelar taż-żewġ talbiet għal informazzjoni indirizzati mill-Kummissjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fl-10 ta’ Mejju u fl-10 ta’ Ottubru 2011, fil-kuntest tal-proċedura EU Pilot 2070/11/SNCO (iktar ’il quddiem id-“dokumenti kontenzjużi”), setgħet taffettwa l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ta’ investigazzjoni mibdija fil-konfront tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Barra minn hekk, hija qieset li aċċess parzjali għad-dokumenti kontenzjużi skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kienx possibbli f’dan il-każ. Fl-aħħar nett, hija kkonstatat li ma kien jeżisti l-ebda interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi.

21      Fis-27 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-proċedura EU Pilot 2070/11/SNCO kienet ingħalqet definittivament.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrenti ppreżentaw din l-azzjoni.

23      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30, fil-15 u fid-19 ta’ Ottubru 2012 rispettivament, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja talbu li jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

24      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Ottubru u fit-28 ta’ Settembru 2012 rispettivament, ir-Repubblika Ċeka u r-Renju ta’ Spanja talbu li jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

25      Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Diċembru 2012, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) laqgħet dawn l-interventi.

26      Wara tiġdid parzjali tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, li lilha ġiet assenjata din il-kawża.

27      Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Frar 2014, il-Qorti Ġenerali ordnat, abbażi tal-Artikolu 65(b), tal-Artikolu 66(1) u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti kontenzjużi, filwaqt li pprovdiet li dawn id-dokumenti ma kinux ser jiġu kkomunikati la lir-rikorrenti u lanqas lill-intervenjenti fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Il-Kummissjoni kkonformat ruħha ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit.

28      Fis-6 ta’ Frar 2014, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet fuq il-konsegwenzi, għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima, li għandhom jitnisslu mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P). Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ din l-istedina fit-terminu stabbilit.

29      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

30      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ Marzu 2014.

31      Ir-rikorrenti, sostnuti mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika tal-Finlandja u mir-Renju tal-Isvezja, jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ċeka u mir-Renju ta’ Spanja, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        jiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

33      Ir-rikorrenti jqajmu, essenzjalment, erba’ motivi, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tal-imsemmi regolament, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq ksur tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Medjatur Ewropew dwar ir-relazzjonijiet mal-lanjant fil-qasam tal-ksur tad-dritt Komunitarju, tal-20 ta’ Marzu 2002 [COM(2002) 141 finali] (ĠU C 244, p. 5, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-20 ta’ Marzu 2002”).

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

34      L-ewwel motiv tar-rikorrenti huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq żball ta’ interpetazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-attivitajiet ta’ investigazzjoni. It-tieni parti hija bbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi taħt l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball ta’ interpetazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

–       L-argumenti tal-partijiet

35      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta interpretat t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 fis-sens li hija setgħet tirrifjuta l-iżvelar ta’ dokumenti dwar proċedura EU Pilot mingħajr ma teżaminahom konkretament u individwalment. Essenzjalment, huma jsostnu li ma huwiex iġġustifikat li jiġi preżunt li d-dokumenti kollha relatati mal-proċeduri EU Pilot ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu kkomunikati lil min iressaq talba għal aċċess mingħajr ma jiġi pperikolat l-għan ta’ dawn il-proċeduri. Fil-fehma tagħhom, il-proċeduri EU Pilot ma jistgħux jiġu assimilati ma’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, u għal din ir-raġuni l-Kummissjoni kellha teżamina, f’dan il-każ, kull dokument kontenzjuż u tispjega, skont il-ġurisprudenza stabbilita, ir-raġunijiet speċifiċi li jipprojbixxu l-aċċess tagħhom.

36      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jallegaw li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, preżunzjoni ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess għal dak li jirrigwarda d-dokumenti dwar il-proċeduri EU Pilot ma tista’ tkun ibbażata la fuq il-ġurisprudenza li tirrikonoxxi tali preżunzjoni għad-dokumenti dwar proċeduri ta’ kontroll ta’ għajnuna mill-Istat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, Ġabra p. I‑5885), u lanqas fuq il-ġurisprudenza li tirrikonoxxi tali preżunzjoni għad-dokumenti dwar proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2001, Petrie et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/99, Ġabra p. II‑3677, u tad-9 ta’ Settembru 2011, LPN vs Il‑Kummissjoni, T‑29/08, Ġabra p. II‑6021).

37      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja jsostnu din l-argumentazzjoni billi jenfasizzaw, b’mod partikolari, li r-raġunijiet li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Qorti Ġenerali, fis-sentenzi ċċitati mir-rikorrenti, sabiex jirrikonoxxu l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess ma humiex applikabbli b’analoġija f’dan il-każ, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li l-proċeduri EU Pilot huma ta’ natura differenti għal dak li jirrigwarda kemm il-kontenut materjali, il-portata u s-sensittività tal-kawża kif ukoll l-interess leġittimu li persuna jkollha għarfien tad-dokumenti kkonċernati. Barra minn hekk, jekk preżunzjoni ġenerali tiġi ammessa b’mod daqstant wiesa’, il-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit mir-Regolament Nru 1049/2001 ikun, ċertament, nieqes minn kull skop. Ir-Renju tal-Isvezja jallega, sussidjarjament, li l-Kummissjoni kellha, fi kwalunkwe każ, tivverifika jekk l-imsemmija preżunzjoni tapplikax attwalment għal każ ineżami.

38      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka u r-Renju ta’ Spanja jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti. B’mod partikolari, huma josservaw li l-proċedura EU Pilot għandha l-għan li ttemm malajr u b’mod effettiv il-ksur eventwali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari billi twassal għal ftehim bonarju. Issa, li kieku l-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat jiġu żvelati, ir-rieda, b’mod partikolari tal-Istati Membri, li jikkollaboraw f’ambjent ta’ fiduċja tkun kompromessa. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-proċedura EU Pilot hija biss varjant tal-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat u tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u għal din ir-raġuni l-preżunzjoni ġenerali rikonoxxuta mill-ġurisprudenza għad-dokumenti koperti minn dawn tal-aħħar għandha tiġi trasposta għal dawk tal-proċedura EU Pilot. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li hija vverifikat li l-kundizzjonijiet dwar il-preżunzjoni ġenerali kienu ssodisfatti fil-każ ineżami u li, f’kull każ, hija wettqet ukoll analiżi individwali u konkreta tad-dokumenti kontenzjużi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

39      Ir-rikorrenti, sostnuti mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika tal-Finlandja u mir-Renju tal-Isvezja, jilmentaw li l-Kummissjoni applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, preżunzjoni ġenerali li tipprevedi li d-dokumenti li jaqgħu taħt il-proċedura EU Pilot ma jistgħux, bħala kategorija, jiġu żvelati lill-pubbliku skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Huma jsostnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li teżamina b’mod konkret u individwali kull wieħed mid-dokumenti li għalihom ikun intalab l-aċċess u li tispjega, fil-każ ta’ rifjut, ir-raġunijiet għalfejn l-aċċess totali jew parzjali seta’ jippreġudika l-għan li l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża tipproteġi.

40      Skont l-Artikolu 15(3) TFUE, kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandha dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni bla ħsara għall-prinċipji u għall-kundizzjonijiet kif iddefiniti skont l-istess dispożizzjoni.

41      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, li jagħti lill-pubbliku d-dritt ta’ aċċess l-iktar estensiv possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet. Minn dan ir-regolament jirriżulta wkoll, b’mod partikolari mill-premessa 11 u mill-Artikolu 4 tiegħu, li jipprevedi numru ta’ eċċezzjonijiet f’dan ir-rigward, li d-dritt ta’ aċċess huwa madankollu suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51; tal-21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, Ġabra p. I‑8533, punti 69 u 70, u tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

42      Bis-saħħa tal-eċċezzjoni invokata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri dik li tinsab fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jkun jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika, sakemm l-iżvelar tad-dokument imsemmi ma jkunx iġġustifikat minħabba interess pubbliku superjuri (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

43      Issa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument li l-iżvelar tiegħu jkun intalab, ma huwiex biżżejjed, bħala prinċipju, li dan id-dokument jaqa’ taħt attività msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-istituzzjoni kkonċernata għandha tagħti wkoll spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar kif l-aċċess għall-imsemmi dokument jista jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett b’eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53; L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72, u tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

44      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li r-rikorrenti talbu, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess kemm għat-talbiet għal informazzjoni indirizzati mill-Kummissjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest ta’ proċedura EU Pilot 2070/11/SNCO kif ukoll għall-osservazzjonijiet li dan l-Istat Membru bagħat lill-Kummissjoni fl-4 ta’ Novembru 2011 bħala risposta għal dawn it-talbiet. Issa, minkejja li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrifjutat it-talba tar-rikorrenti fil-konfront ta’ dawn id-dokumenti kollha, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti jirriżulta li r-rifjut ta’ aċċess għall-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tal-4 ta’ Novembru 2011 ma huwiex is-suġġett ta’ din il-kawża.

45      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, proċedura EU Pilot miftuħa fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet fis-seħħ (ara l-punti 20 u 21 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, la r-rikorrenti u lanqas l-Istati Membri li qed jintervjenu insostenn tagħhom ma jikkontestaw li d-dokumenti kontenzjużi jaqgħu taħt attività ta’ “investigazzjoni” fis-sens tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. F’kull każ, mill-Komunikazzjoni tal-5 ta’ Settembru 2007 (ara l-punt 11 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-għan tal-proċeduri EU Pilot huwa li jiġi vverifikat jekk id-dritt tal-UE huwiex osservat u applikat korrettament fi ħdan l-Istati Membri. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tirrikorri ta’ spiss għal talbiet għal informazzjoni, indirizzati kemm lill-Istati Membri implikati kif ukoll liċ-ċittadini u lill-impriżi kkonċernati. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-proċedura EU Pilot 2070/11/SNCO, il-Kummissjoni eżaminat jekk, effettivament, il-fatti deskritti mir-rikorrenti fl-ilment tagħhom setgħux jikkostitwixxu ksur tar-Regolament Nru 1394/2007 mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Għal dan il-għan, hija, qabelxejn, bagħtet it-talbiet għal informazzjoni lil dan l-Istat Membru. Sussegwentement, hija evalwat it-tweġibiet miksuba. Fl-aħħar nett, hija esponiet il-konklużjonijiet tagħha, għalkemm provviżorjament, fil-kuntest tar-rapport tat-30 ta’ April 2012 (ara l-punt 19 iktar ’il fuq). Dawn iċ-ċirkustanzi kollha jiġġustifikaw il-fatt li l-proċedura EU Pilot inkwistjoni f’dan il-każ titqies bħala “investigazzjoni” fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

46      It-tielet nett, għandha tiġi miċħuda minn issa l-allegazzjoni, magħmula sussidjarjament mill-Kummissjoni, li tgħid li hija eżaminat u mmotivat b’mod konkret u individwali r-rifjut ta’ aċċess għal kull wieħed mid-dokumenti mitluba skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq. Fil-fatt, hekk kif isostnu r-rikorrenti, il-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata turi li l-Kummissjoni stabbilixxiet biss li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba lir-rikorrenti ma kienx possibbli sa fejn soluzzjoni effikaċi għal nuqqas eventwali min-naħa tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li tevita li jsir użu minn proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE, kienet tirrikjedi ambjent ta’ fiduċja reċiproka. Il-Kummissjoni ma spjegatx, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raġunijiet li jipprojbixxu li jingħata aċċess, totali jew parzjali, għad-dokumenti mitluba mir-rikorrenti fid-dawl tal-għan imsemmi fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma identifikatx, lanqas fil-qosor, il-kontenut tad-dokumenti mitluba mir-rikorrenti. Minbarra dan, l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ġew ifformulati b’mod daqstant ġenerali li, kif josserva r-Renju tal-Isvezja, jistgħu japplikaw għal kull dokument li jaqa’ taħt proċedura EU Pilot.

47      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx obbligata madankollu twettaq evalwazzjoni konkreta tal-kontenut ta’ kull wieħed mid-dokumenti kontenzjużi jew setgħetx, min-naħa l-oħra, tibbaża ruħha biss fuq preżunzjoni ġenerali ta’ ksur tal-għanijiet imsemmija fl-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant, din il-kawża tittratta dwar in-natura u l-intensità tal-verifika li l-Kummissjoni hija obbligata twettaq meta tiġi applikata l-imsemmija dispożizzjoni għat-talbiet għal aċċess li jirrigwardaw dokumenti li jaqgħu taħt proċedura EU Pilot.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ gwida ta’ trasparenza li jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, li huwa possibbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, f’każijiet eċċezzjonali, li jibbażaw ruħhom fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723, punt 50; Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54; L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74; tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, punt 116; tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, C‑477/10 P, punt 57, u tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

49      Fil-fatt, eżami individwali u konkret ta’ kull dokument jista’ ma jkunx neċessarju meta, minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, ikun ċar li l-aċċess għandu jiġi rrifjutat, jew bil-kontra, jingħata. F’dawn il-każijiet, l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet simili ta’ natura ġenerali jistgħu japplikaw għal talbiet għal żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura jew tal-istess kategorija (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet għas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

50      B’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-proċeduri ta’ investigazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ tali preżunzjonijiet ġenerali fi tliet każijiet, jiġifieri għal dak li jirrigwarda d-dokumenti tal-fajl amministrattiv relatat ma’ proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat (sentenza Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61), id-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti jew terzi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, iċċitata iktar ’il fuq, punt 123, u Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64), kif ukoll in-noti ppreżentati minn istituzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja (sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94). Reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja estendiet il-possibbiltà li tiġi applikata preżunzjoni ġenerali għad-dokumenti dwar il-fażi prekontenzjuża tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

51      Issa, f’dan il-każ tqum il-kwistjoni dwar jekk, meta l-istituzzjoni kkonċernata tinvoka l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-proċeduri ta’ investigazzjoni, hija tistax tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali li tapplika għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti sabiex tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti dwar il-proċedura EU Pilot, bħala stadju li jippreċedi l-ftuħ formali eventwali ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabelxejn, li l-possibbiltà li jintużaw preżunzjonijiet ġenerali, li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti minflok ma jiġi eżaminat kull dokument individwalment u konkretament qabel ma jiġi rrifjutat l-aċċess għalih, ma hijiex insinjifikattiva. Dawn il-preżunzjonijiet mhux biss għandhom l-effett li jiddelimitaw il-prinċipju fundamentali ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 11 TUE, fl-Artikolu 15 TFUE u fir-Regolament Nru 1049/2001, iżda wkoll li jillimitaw fil-prattika l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni. Konsegwentement, l-użu ta’ dawn il-preżunzjonijiet għandu jkun ibbażat fuq raġunijiet sodi u konvinċenti (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet għas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, punt 57).

53      Sussegwentement, skont il-ġurisprudenza, kull eċċezzjoni għal dritt suġġettiv jew għal prinċipju ġenerali li jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, inkluż għad-dritt ta’ aċċess previst fl-Artikolu 15(3) TFUE, moqri flimkien mar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi applikat u interpretat b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 36, u s-sentenzi L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36, u L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 70 sa 73).

54      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li s-sistema ta’ eċċezzjonijiet prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, u b’mod partikolari fil-paragrafu 2 tiegħu, hija bbażata fuq l-ibbilanċjar tal-interessi opposti f’sitwazzjoni partikolari, jiġifieri, minn naħa, l-interessi li huma favoriti mill-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dawk li huma mhedda minn dan l-iżvelar. Id-deċiżjoni meħuda fuq talba għal aċċess għal dokumenti tiddependi fuq il-kwistjoni dwar liema huwa l-interess li għandu jipprevali fil-każ ineżami (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

55      F’dan il-każ, kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-intervenjenti ddeskrivew il-proċedura EU Pilot bħala proċedura ta’ kooperazzjoni bejn din l-istituzzjoni u ċerti Stati Membri tal-Unjoni, fosthom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li twassal għal skambju informali ta’ informazzjoni fil-każijiet ta’ ksur eventwali tad-dritt tal-Unjoni. Skont il-Kummissjoni, li tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq il-komunikazzjoni tagħha tal-5 ta’ Settembru 2007 (ara l-punt 11 iktar ’il fuq), hija l-proċedura qabel il-ftuħ tal-fażi prekontenzjuża tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE. Din il-proċedura tista’ tirrigwarda l-applikazzjoni tajba tad-dritt tal-Unjoni jew il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tista’ tkun ibbażata fuq l-ilment ta’ ċittadin jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess. Għaldaqstant, jekk, matul il-proċedura EU Pilot, jintwerew indizji li jissuġġerixxu ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tindirizza lill-Istat Membru kkonċernat talbiet għal informazzjoni u anki titolbu jtemm il-ksur, jew saħansitra titolbu jadotta miżuri xierqa sabiex jiżgura l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. L-għan tal-proċedura EU Pilot huwa li l-ksur eventwali tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri jiġi rregolat b’mod effikaċi u malajr u, meta dan ikun possibbli, li tevita l-ftuħ ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fis-sens tal-Artikolu 258 TFUE.

56      Issa, il-Qorti Ġenerali tqis li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti u mill-Istati Membri li qed jintervjenu insostenn tagħhom f’din il-kawża li jirrigwardaw kemm in-natura informali tal-proċedura EU Pilot kif ukoll id-differenzi eżistenti bejn din il-proċedura u l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma humiex biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat żball fil-premessa tar-raġunament li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata li tgħid li, fid-dawl tal-iskop tal-proċedura EU Pilot, il-preżunzjoni ġenerali ta’ rifjut rikonoxxuta mill-ġurisprudenza għall-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, inkluża l-fażi prekontenzjuża tagħhom, għandha tapplika wkoll fil-kuntest tal-proċeduri EU Pilot. Fil-fatt, ir-ratio decidendi segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll ix-xebh eżistenti bejn il-proċedura EU Pilot u l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE jimmilitaw favur tali rikonoxximent.

57      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-fattur ta’ unifikazzjoni tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi kollha dwar l-aċċess għal dokumenti fi proċeduri ta’ investigazzjoni li fihom hija ammessa preżunzjoni ġenerali ta’ rifjut jikkonsisti fil-fatt li jirriżulta li l-imsemmi aċċess huwa inkompatibbli mal-iżvolġiment tajjeb tagħhom u jaf jikkomprometti l-eżitu tagħhom (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet għas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, punt 68). Issa, dan il-fattur ta’ unifikazzjoni huwa applikabbli wkoll għall-proċedura EU Pilot, li fil-kuntest tagħha preżunzjoni ġenerali hija ddettata min-neċessità li jiġi żgurat il-funzjonament korrett tagħha u li l-għanijiet tagħha ma jiġux kompromessi. Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-istess premessa, fid-deċiżjoni kkontestata, meta indikat li, fil-kuntest ta’ proċedura EU Pilot, għandu jkun hemm ambjent ta’ fiduċja reċiproka bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat li jippermettilhom jibdew proċess ta’ negozjar u ta’ kompromess bl-għan li jintlaħaq ftehim bonarju dwar it-tilwima, mingħajr il-bżonn li tinbeda proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, li tista’ twassal għal kontenzjuż eventwali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

58      Barra minn hekk, minkejja li, hekk kif isostnu r-rikorrenti, il-proċedura EU Pilot ma hijiex ekwivalenti f’kull aspett għal proċedura fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istati jew tal-konċentrazzjonijiet u lanqas għal proċedura ġudizzjarja, dawn tal-aħħar lanqas ma huma ekwivalenti bejniethom (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet għas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, punt 69), liema fatt ma waqqafx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirrikonoxxi, f’dawn il-każijiet kollha, il-possibbiltà li jintużaw preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti. L-iskop li tiġi ppreżervata l-integrità tal-iżvolġiment tal-proċedura li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrikonoxxi preżunzjoni ġenerali fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jew tal-konċentrazzjonijiet, jew ukoll fi proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, iwassal sabiex tali preżunzjoni tiġi rikonoxxuta fil-konfront tal-proċeduri EU Pilot.

59      It-tieni nett, il-proċeduri EU Pilot u l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, b’mod partikolari l-fażi prekontenzjuża tagħha, jixxiebhu b’tali mod li dan ix-xebh jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ approċċ komuni fiż-żewġ każijiet. Issa, dan ix-xebh jieħu preċedenza fuq id-differenzi msemmija mir-rikorrenti u mill-Istat Membri li qed jintervjenu insostenn tagħhom.

60      Fil-fatt, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li kemm il-proċedura EU Pilot kif ukoll il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-fażi prekontenzjuża tagħha jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita bl-aħjar mod ir-rwol tagħha ta’ gwardjan tat-Trattat FUE. Iż-żewġ proċeduri għandhom bħala għan l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, billi jagħtu lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jinvoka l-motivi ta’ difiża tiegħu u billi jiġi evitat kemm jista’ jkun l-użu ta’ proċedura ġudizzjarja. Fiż-żewġ każijiet, hija l-Kummissjoni li, meta tqis li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, għandha tevalwa l-opportunità li taġixxi kontra dan l-Istat (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      It-tieni nett, il-proċedura EU Pilot, l-istess bħall-fażi prekontenzjuża tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija ta’ natura bilaterali, bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, u dan minkejja l-fatt li, bħal f’dan il-każ, din il-proċedura tista’ tkun inbdiet permezz ta’ lment, peress li, f’kull każ, il-lanjant eventwali ma għandu ebda dritt fis-segwitu tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (punti 7, 9 u 10 tal-Komunikazzjoni tal-20 ta’ Marzu 2002).

62      It-tielet nett, għalkemm il-proċedura EU Pilot ma hijiex ekwivalenti f’kull aspett għal proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, din madankollu tista’ twassal għal tali proċedura peress li l-Kummissjoni tista’, wara li din tintemm, tiftaħ formalment l-investigazzjoni għal ksur permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni u eventwalment tressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tal-aħħar tikkonstata n-nuqqas allegat fil-konfront tal-Istat Membru kkonċernat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżvelar ta’ dokumenti fil-kuntest tal-proċedura EU Pilot huwa ta’ natura li jippreġudika l-fażi segwenti, jiġifieri l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni kienet obbligata tagħti aċċess għal informazzjoni sensittiva mogħtija mill-Istati Membri u tiżvela l-argumenti ta’ difiża tagħhom fil-kuntest tal-proċedura EU Pilot, l-Istati Membri jistgħu ma jkunux disposti jaqsmu din l-informazzjoni mill-bidu. Għalkemm iż-żamma tal-kunfidenzjalità fil-fażi prekontenzjuża tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija rikonoxxuta mill-ġurisprudenza, l-istess kunfidenzjalità hija a fortiori ġġustifikata fil-proċedura EU Pilot, li l-uniku skop tagħha huwa li tiġi evitata proċedura ta’ ksur li timplika trattament iktar fit-tul u kumpless u, skont il-każ, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

63      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li, meta l-istituzzjoni kkonċernata tinvoka l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-proċeduri ta’ investigazzjoni, hija tista’ tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali sabiex tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti dwar il-proċedura EU Pilot, bħala stadju li jippreċedi l-ftuħ formali eventwali ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

64      Il-konklużjoni stabbilita fil-punt 63 iktar ’il fuq ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-allegazzjonijiet l-oħra tar-rikorrenti u tal-Istati Membri li qed jintervjenu insostenn tagħhom.

65      Fil-fatt, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-proċedura EU Pilot, minħabba n-natura informali u mhux uffiċjali tagħha u minħabba li ma għandhiex bażi legali fit-trattati, ma tistax tiġi assimilata mal-proċedura prekontenzjuża uffiċjali prevista fl-Artikolu 258 TFUE.

66      Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, anki jekk il-proċedura EU Pilot ma hijiex prevista espressament fit-trattat, dan madankollu ma jfissirx li hija ma għandhiex bażi legali. Fil-fatt, minn naħa, il-proċedura EU Pilot għandha tiftiehem li tirriżulta mill-possibbiltajiet li huma inerenti fl-obbligu tal-Kummissjoni li tikkontrolla l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60). Għalhekk, mekkaniżmu jew proċedura ta’ skambju ta’ informazzjoni li tippreċedi l-ftuħ tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu dejjem eżistiet u hija inevitabbli sabiex jitwettqu l-ewwel verifiki fattwali u sabiex jinstabu l-ewwel indizji ta’ ksur eventwali tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-proċedura EU Pilot għandha preċiżament l-għan li tifformalizza l-ewwel skambji ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-ksur possibbli tad-dritt tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li ma hijiex ibbażata fuq l-Artikolu 258 TFUE, il-proċedura EU Pilot tagħti struttura għall-passi li l-Kummissjoni tradizzjonalment ħadet meta rċeviet ilment jew meta aġixxiet fuq l-inizjattiva tagħha stess.

67      Fit-tieni lok, kemm ir-rikorrenti kif ukoll l-intervenjenti insostenn tagħhom isostnu li l-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi applikata b’analoġija għall-każ ineżami. Dawn huma, b’mod partikolari, is-sentenzi Petrie et vs Il‑Kummissjoni; Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau; tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni; Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, u Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, iċċitati iktar ’il fuq, kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni (C‑64/05 P, Ġabra p. I‑11389), u tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Frar 2012, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑59/09).

68      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din il-kwistjoni ġiet deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, hekk kif ġie osservat fil-punt 58 iktar ’il fuq, l-iskop uniku li tiġi ppreżervata l-integrità tal-iżvolġiment tal-proċedura li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrikonoxxi preżunzjoni ġenerali fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat (sentenza Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq) u tal-konċentrazzjonijiet (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, u Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, iċċitati iktar ’il fuq), kif ukoll fi proċedura ġudizzjarja (sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq) u fil-fażi prekontenzjuża tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq) huwa applikabbli mutatis mutandis għall-proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 258 TFUE. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punti 59 sa 62 iktar ’il fuq, din il-kunsiderazzjoni għandha tapplika wkoll għall-proċeduri EU Pilot.

69      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti u l-Istati Membri li qed jintervjenu insostenn tagħhom josservaw li preżunzjoni ġenerali ta’ rifjut applikabbli bħala prinċipju għal kull kategorija ta’ dokumenti ma hijiex iġġustifikata, għaliex id-dokumenti ta’ proċedura ta’ ksur, inklużi dawk tal-proċedura EU Pilot, jinkludu dokumenti ta’ natura diversa li jistgħu ma jkunux sensittivi u, bħala prinċipju, ikunu aċċessibbli għall-pubbliku, bħal pereżempju rapporti xjentifiċi jew kjarifiki fuq id-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

70      Issa, minn naħa, għandu jitfakkar li, hekk kif qieset il-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-aċċess jiġi rrifjutat abbażi ta’ preżunzjoni ġenerali, il-persuni kkonċernati jistgħu, jekk ikunu jixtiequ, juru li dokument partikolari, li l-iżvelar tiegħu jkun intalab, ma huwiex kopert mill-imsemmija preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni bis-saħħa tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62; L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 103; Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, iċċitata iktar ’il fuq, punt 126, u Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

71      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq preżunzjoni ġenerali. Hija tista’ dejjem twettaq eżami konkret tad-dokumenti koperti mit-talba għal aċċess u tipprovdi tali motivazzjoni. Barra minn hekk, meta hija tikkonstata li l-proċedura EU Pilot koperta mit-talba għal aċċess partikolari għandha karatteristiċi li jippermettu l-iżvelar komplet jew parzjali tad-dokumenti tal-fajl, hija għandha tipproċedi b’tali żvelar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).

72      Fir-raba’ lok, waqt is-seduta, ir-rikorrenti u l-Istati Membri li qed jintervjenu insostenn tagħhom invokaw li, fid-dawl tal-punt 47 tas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, preżunzjoni ġenerali għal dak li jirrigwarda dokumenti li jaqgħu taħt proċedura EU Pilot tista’, f’kull każ, tiġi rikonoxxuta biss fil-każ ta’ talba għal aċċess għal “sett ta’ dokumenti” u mhux, bħal f’dan il-każ, għal żewġ dokumenti biss.

73      Madankollu, tali interpretazzjoni tas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tiġi milqugħa.

74      Fil-fatt, għandu jiġi osservat li r-rekwiżit ta’ kundizzjoni dwar il-kwantità minima ta’ dokumenti li għandhom ikunu koperti minn talba għal aċċess sabiex tkun tista’ tiġi applikata preżunzjoni ġenerali ta’ rifjut, minbarra li joħloq diffikultajiet ta’ implementazzjoni fid-determinazzjoni konkreta tal-imsemmija kwantità minima, huwa irrikonċiljabbli mar-raġuni li fuqha huwa bbażat ir-rikonoxximent ta’ tali preżunzjoni ġenerali fil-qasam tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u tal-proċedura EU Pilot, jiġifieri l-iżvolġiment tajjeb ta’ dawn il-proċeduri u r-riskju li jiġi kompromess l-eżitu tagħhom (ara l-punt 57 iktar ’il fuq).

75      Huwa għalhekk kriterju kwalitattiv, jiġifieri l-fatt li d-dokumenti jirrigwardaw l-istess proċedura EU Pilot, li jiddetermina l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali ta’ rifjut (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45), u mhux, hekk kif isostnu r-rikorrenti, kriterju kwantitattiv, jiġifieri n-numru approssimattivament għoli ta’ dokumenti koperti mit-talba għal aċċess inkwistjoni.

76      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, iċċitata iktar ’il fuq (punti 127 u 130), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li preżunzjoni ġenerali setgħet tiġi applikata mill-Kummissjoni għal kategorija ta’ dokumenti anki meta t-talba ta’ aċċess kienet tirrigwarda, bħal f’dan il-każ, żewġ dokumenti konkreti biss.

77      Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu li, fir-Regolament Nru 1049/2001, formulazzjonijiet bħal “proċedura EU Pilot” jew “djalogu bi fiduċja sħiħa bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni” ma humiex imniżżla bħala kategorija fi ħdan il-lista ta’ eċċezzjonijiet prevista fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament. F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi kkonstatat li tali kunsiderazzjoni intużat mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipprovdi bażi għall-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni taħt it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar l-attivitajiet ta’ investigazzjoni, u b’hekk tiġġustifika n-neċessità li tiġi applikata preżunzjoni ġenerali li tapplika għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti dwar il-proċeduri ta’ ksur, bħall-proċedura EU Pilot.

78      Fis-sitt lok, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni setgħet tevita l-implementazzjoni ta’ terapiji mill-klinika privata li kieku aġixxiet immedjatament wara li rċeviet l-ilment tagħhom. B’mod partikolari, huma jsostnu li l-Kummissjoni “ppermettiet li [l-klinika privata] [...] tkompli b’impunità sħiħa tipprattika trattamenti illegali u tuża għal dan il-għan prodott mediċinali ta’ terapija avvanzata mhux awtorizzat”.

79      Madankollu, għandu jiġi osservat li t-talba mressqa mir-rikorrenti f’din il-kawża, hekk kif jirriżulta mill-kapijiet tat-talbiet tar-rikors, hija intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Sa fejn, minn naħa, permezz ta’ dawn l-allegazzjonijiet, ir-rikorrenti qed jinvokaw responsabbiltà tal-Kummissjoni minħabba nuqqas illegali li tittieħed azzjoni wara t-tressiq tal-ilment tagħhom u, min-naħa l-oħra, huma ma jistgħux jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

80      Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta interpretat it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 fis-sens li hija setgħet tiċħad it-talba għal aċċess għad-dokumenti kontenzjużi dwar proċedura EU Pilot mingħajr ma teżaminahom b’mod konkret u individwali.

81      Sussidjarjament, ir-Renju tal-Isvezja jallega, essenzjalment, li l-Kummissjoni kellha, f’kull każ, timmotiva d-deċiżjoni kkontestata billi tindika espliċitament li l-preżunzjoni ġenerali inkwistjoni kienet effettivament applikabbli għad-dokumenti kontenzjużi.

82      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-istituzzjoni tal-Unjoni li tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali għandha tivverifika f’kull każ jekk il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali normalment applikabbli għal tip ta’ dokumenti partikolari humiex effettivament applikabbli għad-dokumenti li għalih jkun qed jintalab l-aċċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

83      Barra minn hekk, ir-rekwiżit li jiġi vverifikat jekk il-preżunzjoni ġenerali inkwistjoni tapplikax attwalment ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Kummissjoni għandha teżamina individwalment id-dokumenti kollha mitluba fil-każ ineżami. Tali rekwiżit iċaħħad din il-preżunzjoni mill-effett utli tagħha, jiġifieri li l-Kummissjoni tkun tista’ twieġeb għal talba għal aċċess b’mod ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

84      F’dan il-każ, biżżejjed jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, qabelxejn, li d-dokumenti kontenzjużi li għalihom ir-rikorrenti jitolbu aċċess kienu żewġ ittri li hija kienet bagħtet lill-awtoritajiet Ġermaniżi fil-kuntest tal-proċedura EU Pilot 2070/11/SNCO. Sussegwentement, il-Kummissjoni ppreċiżat li din il-proċedura kienet tikkostitwixxi investigazzjoni li kellha bħala skop li jsir magħruf jekk, fid-dawl tal-fatti allegati mir-rikorrenti fl-ilment tagħhom, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet kisret id-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, hija tispjega li l-imsemmija investigazzjoni kienet il-fażi preċedenti għall-ftuħ eventwali ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fis-sens tal-Artikolu 258 TFUE. Fl-aħħar nett, hija stabbilixxiet li, sa fejn l-investigazzjoni kienet għada għaddejja u ma kinitx ingħalqet, l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi kien jhedded jew jikkomprometti l-attivitajiet ta’ investigazzjoni.

85      Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tal-Isvezja, il-Kummissjoni vverifikat li d-dokumenti kontenzjużi li għalihom intalab l-aċċess mir-rikorrenti kienu s-suġġett ta’ proċedura ta’ investigazzjoni li kienet għada għaddejja u li, konsegwentement, il-preżunzjoni ġenerali inkwistjoni kienet effettivament applikabbli għal dawn id-dokumenti.

86      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, dwar l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri

–       L-argumenti tal-partijiet

87      Ir-rikorrenti, sostnuti mir-Repubblika tal-Finlandja u mir-Renju tal-Isvezja, jallegaw li l-Kummissjoni ma wettqitx ibbilanċjar korrett tal-interessi kunfliġġenti fil-każ ineżami u jikkontestaw, għalhekk, il-konklużjoni li tgħid li ebda interess superjuri għall-interess tal-proċedura EU Pilot ma seta’ jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi. Essenzjalment, huma jsostnu li l-iskop ta’ protezzjoni tas-saħħa kellu jieħu preċedenza fuq l-interess partikolari tal-Kummissjoni li tkompli l-investigazzjoni tagħha.

88      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

89      Ir-rikorrenti, sostnuti mir-Repubblika tal-Finlandja u mir-Renju tal-Isvezja, jilmentaw li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta qieset li ebda interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma kien jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi.

90      Qabelxejn, għandu jiġi osservat li, anki fil-każ fejn, bħal fil-każ ineżami, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba bis-saħħa tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-possibbiltà li jintwera li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tal-imsemmija dokumenti bis-saħħa tal-aħħar sentenza ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex eskluża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, iċċitata iktar ’il fuq, punt 126).

91      Issa, skont il-ġurisprudenza, hija dik il-persuna li tallega l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li għandha tinvoka b’mod konkret iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62; L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 103; Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68, u tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94).

92      Barra minn hekk, l-espożizzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament ġenerali ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li interess pubbliku superjuri għandu jipprevali fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ żvelar tad-dokument inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 93).

93      Barra minn hekk, l-interess pubbliku superjuri li jista’ jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokument ma għandux neċessarjament ikun distint mill-prinċipji li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 74 u 75, u tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 92).

94      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li ebda interess pubbliku superjuri ma kien jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għaliex l-aħjar mod li jintlaħaq l-interess ġenerali f’dan il-każ kien li tiġi konkluża l-proċedura EU Pilot mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Skont il-Kummissjoni, dan ippermetta li jiġi vverifikat jekk id-dritt tal-Unjoni kienx ġie effettivament miksur fid-dawl tal-fatti allegati mir-rikorrenti fl-ilment tagħhom kontra l-awtoritajiet Ġermaniżi.

95      Din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma hija vvizzjata b’ebda żball.

96      Fil-fatt, l-ewwel nett, diversi argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-parti huma intiżi li jistabbilixxu ksur tal-allegat obbligu ta’ eżami konkret u individwali li għalih il-Kummissjoni kellha tissuġġetta d-dokumenti mitluba skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Issa, għandu jiġi osservat li dawn l-argumenti kienu s-suġġett ta’ analiżi fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv u, b’mod partikolari, li dawn ġew miċħuda bħala infondati, b’tali mod li ma jistgħux jiġi milqugħa fil-kuntest ta’ din il-parti.

97      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti, ħlief għal allegazzjonijiet ġenerali dwar il-gravità tal-ksur allegat, dwar in-neċessità ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u dwar il-fatt li t-trattamenti tal-klinika privata kkawżaw il-mewt ta’ diversi pazjenti fil-Ġermanja, ma jistabbilixxux ir-raġunijiet konkreti li jiġġustifikaw, f’dan il-każ, l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi. B’mod partikolari, ma jispjegawx sa fejn l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti lir-rikorrenti, jiġifieri żewġ talbiet għal informazzjoni indirizzati mill-Kummissjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iservi l-interess tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 91 u 92 iktar ’il fuq, għalkemm, fl-applikazzjoni tal-eċċezzjoni fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija l-istituzzjoni li tinvoka l-imsemmija eċċezzjoni li għandha l-oneru tal-prova, min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, huma dawk li jsostnu l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri fis-sens tal-aħħar sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni li għandhom jipproduċu prova ta’ dan.

98      It-tielet nett, anki li kieku l-allegazzjonijiet ġenerali dwar l-eżistenza ta’ interess ġenerali għall-protezzjoni tas-saħħa kellhom jintlaqgħu, l-iżvelar tad-dokumenti mitluba, f’dan il-każ, ma huwiex ta’ natura li jippermetti li tali interess jiġi ssodisfatt. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li ma humiex ir-rikorrenti li għandhom jistabbilixxu sa fejn id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament Nru 1394/2007, kienx ġie osservat mill-awtoritajiet Ġermaniżi fid-dawl tal-kuntest fattwali espost fl-ilment tagħhom. Għall-kuntrarju, għandha tiġi milqugħa l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-interess pubbliku li jiġi kkjarifikat, minnha stess, jekk id-dritt tal-Unjoni kienx ġie osservat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kien jikkostitwixxi l-iktar mod effikaċi sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika.

99      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu li d-dokumenti kontenzjużi huma ta’ natura li jagħtu lok għal azzjoni sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali li eventwalment ikunu jistgħu jressqu quddiem il-qrati nazzjonali Ġermaniżi. Essenzjalment, it-talba tar-rikorrenti hija intiża li jiksbu d-dokumenti ta’ prova insostenn tal-azzjoni tagħhom sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà billi jużaw għal dan il-għan lill-Kummissjoni u s-setgħat ta’ investigazzjoni tagħha li hija għandha bħala gwardjan tat-Trattat FUE. Issa, l-interess tar-rikorrenti li jipproduċu dokumenti ta’ prova quddiem il-qorti nazzjonali ma jistax jitqies li jikkostitwixxi interess pubbliku superjuri fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda interess privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86). Fil-fatt, ma jistax jiġi permess li l-Kummissjoni tiġi strumentalizzata sabiex jinkiseb aċċess għal provi li ma jkunux disponibbli permezz ta’ mezzi oħra. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, minkejja li l-fatti li l-azzjoni tar-rikorrenti quddiem il-qorti Ġermaniża u Ewropea tqajjem huma ċertament deplorevoli u joħolqu dispjaċir, il-Kummissjoni enfasizzat korrettament li r-rikorrenti għandhom iressqu azzjoni ġudizzjarja billi jużaw ir-rimedji ġudizzjarji u l-mezzi ta’ kisba tal-provi mogħtija lilhom mill-ordinament nazzjonali.

100    Il-ħames nett, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ma tathomx aċċess għad-dokumenti kontenzjużi, fid-dawl tal-interess pubbliku invokat, anki wara l-għeluq tal-proċedura EU Pilot 2070/11/SNCO. F’dan ir-rigward, biżżejjed jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE, il-legalità ta’ att ikkontestat għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu jeżistu fid-data li fiha l-att ġie adottat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑432/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-għeluq tal-proċedura EU Pilot 2070/11/SNCO seħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

101    F’kull każ, ma jistax jiġi eskluż li, hekk kif jirriżulta, minn naħa, mill-punt 12 tas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni waqt is-seduta, l-aċċess sħiħ jew parzjali għad-dokumenti involuti f’dan il-każ ikun jista’ jingħata lir-rikorrenti, sa fejn l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma tkunx iktar applikabbli wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tittiħidx azzjoni fuq ilment, bil-kundizzjoni li l-imsemmija dokumenti ma kinux koperti b’eċċezzjoni oħra fis-sens ta’ dan ir-regolament. Issa, dan ikun possibbli biss jekk il-Kummissjoni tkun ġiet adita b’talba ġdida għal aċċess.

102    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

103    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li l-eċċezzjoni fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ippermettiet li ma jingħatax lir-rikorrenti aċċess totali għad-dokumenti kontenzjużi.

104    Għaldaqstant, l-ewwel motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001

 L-argumenti tal-partijiet

105    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret id-dritt tar-rikorrenti li jiksbu aċċess parzjali għad-dokumenti kontenzjużi.

106    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

107    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ir-rikors ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (digrieti tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il‑Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20, u tal-11 ta’ Lulju 2005, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, T‑294/04, Ġabra p. II‑2719, punt 23).

108    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, ħlief għal riferiment astratt, fil-kuntest tar-rikors, għal motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-rikorrenti ma jiżviluppaw ebda argument insostenn ta’ dan.

109    Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

110    Ir-rikorrenti jsostnu li, minbarra l-ilmenti dwar in-nuqqas ta’ eżami konkret u individwali indirizzati fil-kuntest tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni ma’ osservatx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 296 TFUE. B’mod partikolari, huma jqisu li, kuntrarjament għal dak li huwa mitlub minn ġurisprudenza stabbilita, id-deċiżjoni kkontestata ma tippermetti la li jiġi mifhum u lanqas ivverifikat liema huma r-raġunijiet li jiġġustifikaw b’mod konkret ir-rifjut tat-talba tagħhom għal aċċess. Huma jallegaw, barra minn hekk, li r-referenzi għal ġurisprudenza ċċitati insostenn tad-deċiżjoni kkontestata ġew iċċitati b’mod arbitrarju u frammentarju.

111    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni eżaminat it-talbiet għal aċċess għad-dokumenti kontenzjużi fil-kuntest tal-istess deċiżjoni mingħajr ma tiddistingwi l-kontenut tal-imsemmija dokumenti. Konsegwentement, huma ma kellhomx il-possibbiltà li jiddeterminaw liema kienu r-raġunijiet ta’ rifjut li kienu jikkorrispondu għad-dokumenti differenti li għalihom kien intalab aċċess.

112    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

113    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 296 TFUE, sa fejn hija ma tat ebda raġuni li tispjega kif l-aċċess għad-dokument kontenzjużi seta’ jippreġudika l-eċċezzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 1049/2001.

114    Skont ġurisprudenza stabbilita, kull deċiżjoni ta’ istituzzjoni fir-rigward tal-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha tiġi motivata (sentenza L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48, u s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 2009, Borax Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑166/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 44, u tat-12 ta’ Settembru 2013, Besselink vs Il‑Kunsill, T‑331/11, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 96).

115    Hija l-istituzzjoni li rrifjutat l-aċċess għal dokument li għandha tipprovdi motivazzjoni li tippermetti li jiġi mifhum u vverifikat, minn naħa, jekk id-dokument mitlub effettivament jikkonċernax qasam kopert mill-eċċezzjoni invokata u, min-naħa l-oħra, jekk il-ħtieġa ta’ protezzjoni relatata ma’ din l-eċċezzjoni hijiex reali (sentenza tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il‑Kunsill, T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, Ġabra p. II‑1429, punt 61).

116    Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li huma rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu, kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet dan li ġej:

“3. PROTEZZJONI TAL-GĦAN TAL-ATTIVITAJIET TA’ INVESTIGAZZJONI

It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li ‘[l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’ (...) l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki’.

Id-dokumenti mitluba huma żewġ ittri li l-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex tkun taf il-pożizzjoni tagħhom dwar il-proċedura [EU pilot] 2070/11/SNCO, kif ukoll it-tweġiba tal-awtoritajiet Ġermaniżi għal din it-talba. Il-proġett pilota tal-Unjoni jippreċedi l-ftuħ eventwali tal-fażi formali ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE.

Fid-dokumenti koperti mit-talbiet tagħkom, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni u l-mistoqsijiet magħmula, kif ukoll it-tweġibiet tal-Gvern Ġermaniż, juru l-kwistjonijiet prinċipali tal-proċedura [EU pilot] 2070/11/SNCO. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżvelar antiċipat tad-dokumenti mitluba jaffettwa d-djalogu bejn l-awtoritajiet Ġermaniżi u l-Kummissjoni, liema djalogu għadu għaddej. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha u ssib soluzzjoni għal ksur eventwali, huwa neċessarju li jinżamm ambjent ta’ fiduċja reċiproka bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, matul l-istadji differenti tal-proċedura sal-għeluq definittiva tagħha.

[…]

4. AĊĊESS PARZJALI

Skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, [il-Kummissjoni] eżaminat ukoll il-possibbiltà li jingħata aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba. Madankollu, aċċess parzjali ma huwiex possibbli għaliex id-dokumenti kkonċernati huma, f’dan l-istadju tal-proċedura [EU Pilot], koperti fl-intier tagħhom mill-eċċezzjoni fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. B’mod partikolari, ebda parti tat-tliet dokumenti koperti mit-talbiet tagħkom ma tista’ tiġi żvelata, mingħajr ma tiġi żvelata fl-istess ħin mill-inqas parti tal-kwistjonijiet imqajma permezz ta’ din il-proċedura [EU Pilot] u għalhekk tikkomprometti l-ambjent ta’ fiduċja reċiproka mal-awtoritajiet Ġermaniżi.

5. L-INTERESS PUBBLIKU SUPERJURI LI JIĠĠUSTIFIKA L-IŻVELAR

[…] [i]l-fatt li jintemm ksur tad-dritt tal-Unjoni, bħal fil-proċedura [EU Pilot] inkwistjoni, huwa kwistjoni ta’ interess pubbliku, b’mod partikolari meta ċ-ċirkustanzi tal-każ ikunu partikolarment gravi, kif inthom tasserixxu. Huwa speċifikament għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni qegħda twettaq din l-investigazzjoni. Madankollu, fl-esperjenza tal-Kummissjoni, ikkonfermata mill-ġurisprudenza, l-interess pubbliku li tinsab soluzzjoni għall-kwistjoni u li eventwalment id-dritt tal-Unjoni jiġi osservat mill-Istat Membru jista’ jintlaħaq aħjar jekk jinżamm l-ambjent ta’ fiduċja reċiproka bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru. Dan japplika wkoll meta l-ksur allegat jista’ jkollu konsegwenzi gravi ħafna, inkluż għas-saħħa taċ-ċittadini. F’każijiet partikolarment gravi, b’mod partikolari, huwa deċiżiv li tinstab soluzzjoni malajr u effikaċi għall-problema, ladarba l-eżami tal-Kummissjoni turi li jkun twettaq ksur. [Il-Kummissjoni tqis] li l-aħjar mod sabiex tinstab soluzzjoni malajr huwa li jinżamm l-ambjent ta’ fiduċja reċiproka bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

118    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, qabelxejn, l-eċċezzjoni li abbażi tagħha rrifjutat it-talba għal aċċess tar-rikorrenti, jiġifieri l-eċċezzjoni dwar l-interess pubbliku fl-investigazzjoni, li tirriżulta mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-iżvelar prekoċi tad-dokumenti inkwistjoni seta’ jaffettwa d-djalogu bejnha u l-awtoritajiet Ġermaniżi, fil-proċedura EU Pilot li kienet għada għaddejja. Sussegwentement, hija tqis li aċċess parzjali, bis-saħħa tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma setax jingħata għaliex id-dokumenti kkonċernati mit-talba tar-rikorrenti ma setgħux jiġu żvelati mingħajr ma tiġi żvelata mill-inqas parti tal-kwistjonijiet imqajma permezz tal-proċedura EU pilot 2070/11/SNCO. Fl-aħħar nett, hija tispjega li, fl-opinjoni tagħha, ebda interess pubbliku superjuri ma seta jiġi invokat mir-rikorrenti, għaliex soluzzjoni għall-fatti esposti fl-ilment tagħhom setgħet tinstab b’mod iktar effikaċi billi tinżamm l-atmosfera ta’ fiduċja reċiproka bejnha u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

119    Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-elementi mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ppermettew li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ir-rikorrenti jifhmu u l-Qorti Ġenerali tistħarreġ, minn naħa, jekk id-dokumenti kontenzjużi kinux effettivament jikkonċernaw qasam kopert mill-eċċezzjoni invokata u, min-naħa l-oħra, jekk il-ħtieġa ta’ protezzjoni relatata ma’ din l-eċċezzjoni kinitx reali.

120    Il-konstatazzjoni preċedenti ma tistax tiġi invalidata mill-allegazzjonijiet l-oħra magħmula mir-rikorrenti.

121    Fil-fatt, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ttrattat flimkien, fl-istess deċiżjoni konfermattiva, l-aċċess għal żewġ talbiet distinti li jirrigwardaw it-talbiet għal informazzjoni indirizzati mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Ġermaniżi, fl-10 ta’ Mejju u fl-10 ta’ Ottubru 2011 rispettivament.

122    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabelxejn, li r-rikorrenti ma jispjegawx sa fejn tali trattament konġunt irriżulta fi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. F’kull każ, minn naħa, għandu jiġu kkunsidrat, hekk kif issostni l-Kummissjoni, li xejn ma jista’ jwaqqaf lil din l-istituzzjoni milli tittratta iktar minn talba waħda għal aċċess li joriġinaw mill-istess applikant permezz ta’ tweġiba waħda, bil-kundizzjoni li hija tittratta t-totalità tas-suġġett tat-talbiet differenti u li r-risposta tkun suffiċjentement ċara sabiex l-applikant ikun jaf liema talba għal aċċess tkun ikkonċernata mill-partijiet differenti tat-tweġiba. F’dan il-każ, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn id-dokumenti kontenzjużi fid-deċiżjoni kkontestata u, hekk kif jirriżulta mill-punt 119 iktar ’il fuq, indikat ir-raġunijiet li wassluha tirrifjuta l-aċċess għall-imsemmija dokumenti abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001. Min-naħa l-oħra, l-istess bħalma tosserva l-Kummissjoni, dan l-approċċ huwa partikolarment adattat meta tkun teżisti, bħal f’dan il-każ, relazzjoni fattwali bejn diversi talbiet għal aċċess.

123    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ċċitat b’mod frammentarju d-deċiżjonijiet tal-qrati Ewropej. Madankollu, dan l-argument ma għandux jiġi milqugħ. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni rreferiet għad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali li setgħu jissostanzjaw l-evalwazzjonijiet ġuridiċi tagħha dwar l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali sabiex tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti (sentenzi Petrie et vs Il‑Kummissjoni; Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, u tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq). Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dawn iċ-ċitazzjonijiet jirrigwardaw il-ġurisprudenza fil-qasam tal-aċċess għal dokumenti dwar l-attivitajiet ta’ investigazzjoni fil-kuntest tal-ispjegazzjoni tar-raġunijiet li, skont il-Kummissjoni, fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tagħha ta’ ċaħda tat-talba tar-rikorrenti. Barra minn hekk, iċ-ċitazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni kienu suffiċjentement preċiżi sabiex jippermettu lir-rikorrenti jidentifikaw l-imsemmija sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali u jikkontestaw ir-rilevanza tagħhom, kif għamlu permezz ta’ din it-talba għal annullament, fil-kuntest ta’ rikors quddiem il-qrati Ewropej.

124    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 296 TFUE.

125    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Komunikazzjoni tal-20 ta’ Marzu 2002

 L-argumenti tal-partijiet

126    Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kisret ir-regoli dwar it-trattament ta’ lmenti ta’ ċittadini tal-Unjoni kif jirriżultaw mill-Komunikazzjoni tal-20 ta’ Marzu 2002. Huma josservaw li dawn ir-regoli huma intiżi li jipproteġu lil-lanjanti billi jiggarantixxu li l-ilmenti jiġu ttrattati fil-kuntest ta’ proċedura trasparenti, oġġettiva u konformi mad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, huma jilmentaw li l-Kummissjoni ma informathomx dwar il-korrispondenza li hija kienet skambjat mal-awtoritajiet Ġermaniżi u li ma osservatx it-terminu għall-investigazzjoni tal-ilment previst fl-imsemmija komunikazzjoni.

127    Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li r-raba’ motiv huwa ineffettiv fil-kuntest tat-talba għal annullament imressqa mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

128    Qabelxejn, għandu jiġi osservat li l-Komunikazzjoni tal-20 ta’ Marzu 2002 tesponi r-regoli interni tal-Kummissjoni applikabbli għat-trattament ta’ lmenti ta’ ċittadini tal-Unjoni. Skont il-ġurisprudenza, l-imsemmija komunikazzjoni tinkludi l-miżuri amministrattivi interni li l-Kummissjoni għandha tosserva fil-kuntest ta’ ilment għal dak li jirrigwarda l-lanjant (digriet tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Settembru 2009, LPN vs Il‑Kummissjoni, T‑186/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 55).

129    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li r-rikors ineżami huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-aċċess għal żewġ talbiet għal informazzjoni indirizzati lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001. Konsegwentement, f’din il-kawża, hemm biss lok li tingħata deċiżjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-imsemmi regolament.

130    Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tal-20 ta’ Marzu 2002 ma tistax tikkostitwixxi bażi legali li tippermetti li tiġi evalwata l-legalità ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi. Fil-fatt, hija ma tistabbilixxi l-ebda regoli dwar l-aċċess għal dokumenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jew tal-proċedura EU Pilot, u ma tagħti l-ebda dritt lil-lanjanti f’dan is-sens. Għall-kuntrarju, hija tillimita ruħha li tindika li, għal dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-aċċess għal dokumenti għandu jsir skont ir-Regolament Nru 1049/2001. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija komunikazzjoni ma jista’ jkollha ebda effett fuq l-evalwazzjoni ta’ talbiet għal aċċess għal dokumenti abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001.

131    Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

132    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

133    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali.

134    Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Settembru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.