Language of document : ECLI:EU:C:2017:80

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

Bot

ippreżentati fl-1 ta’ Frar 2017 (1)

Kawżi magħquda C-361/15 P u C-405/15 P

Easy Sanitary Solutions BV (C–361/15 P),

Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) (C–405/15 P)

vs

Group Nivelles NV

“Appelli – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta drejn tal-ilma tad-doċċa – Disinn preċedenti – Evalwazzjoni ta’ novità u tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat – Oneru tal-prova fuq min jitlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità – Rekwiżiti marbuta mar-riproduzzjoni tad-disinn preċedenti – Termini u portata tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 6/2002 – Kompetenzi tal-EUIPO fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-prova – Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002 – Limiti tal-istħarriġ tal-legalità tal-Qorti Ġenerali – Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 6/2002 – Motiv ta’ ordni pubbliku”






I –    Introduzzjoni

1.        Dawn il-kawżi għandhom iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-portata ta’ kunċetti u prinċipji essenzjali għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinni Komunitarji (2).

2.        B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tasal biex tfakkar ir-ratio legis ta’ dan ir-regolament u l-kompetenzi li għandhom jew ma għandhomx jiġu attribwiti lill-istanzi tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) fil-kuntest tal-eżami ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju rreġistrat.

3.        Din it-tilwima toriġina minn talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità magħmula minn I-Drain BVBA li saret Group Nivelles N.V. (3) ta’ disinn irreġistrat, miżmum minn Easy Sanitary Solutions BV (4), u wara din ir‑reġistrazzjoni kien jirreferi għal “drejn tal-ilma tad-doċċa”. Insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiegħu magħmula quddiem id‑Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO, Group Nivelles sostna li dan id‑disinn kien nieqes minn novità u minn karattru individwali, abbażi tal‑eżistenza u tal-iżvelar lill-pubbliku ta’ disinn preċedenti. Id‑diffikultajiet li kkaratterizzaw l-eżami ta’ din it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità huma marbuta mal-iżbalji mwettqa kemm mill-persuna li talbet dikjarazzjoni ta’ invalidità li ma pproduċietx debitament id-disinn preċedenti tagħha, iżda wkoll mid-Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni u mit-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO li ma għamlux paragun korrett tad-disinni inkwistjoni.

4.        Għalhekk fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Mejju 2015, Group Nivelles vs UASI – Easy Sanitary Solutions (Drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa) (5), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-4 ta’ Ottubru 2012 (6).

5.        Permezz tal-appelli tagħhom, l-EUIPO u ESS jitolbu rispettivament l-annullament u l-annullament parzjali ta’ din is-sentenza.

6.        F’dawn il-konklużjonijiet, jiena ser nipproponi fl-ewwel lok lill‑Qorti tal-Ġustizzja tqajjem ex officio aggravju bbażat fuq l‑inkompetenza tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, jiena nikkunsidra li din qabżet il-limiti tal-istħarriġ tal-legalità imposti fuqha bl-applikazzjoni tal‑Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 6/2002, fil-kuntest tal-eżami tal-motiv inċidentali mqajjem minn ESS, b’tali mod li s-sentenza appellata għandha, fl-opinjoni tiegħi, tiġi parzjalment annullata.

7.        Fit-tieni lok, jiena ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell tal-EUIPO fil-Kawża C-405/15 P.

8.        Fl-ewwel lok, sejjer nesponi r-raġunijiet għaliex il-Qorti Ġenerali, fl-opinjoni tiegħi, effettivament wettqet żball ta’ liġi fil-punti 77 sa 79 tas‑sentenza appellata, billi rrikjediet lill-EUIPO jirrikostruwixxi id-disinn preċedenti billi jgħaqqad il-partijiet differenti tiegħu riprodotti fid‑diversi estratti tal-katalogi annessi mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Nispjega li tali obbligu sa fejn jikser it-termini u l‑portata tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 6/2002, ma jistax jaqa’ fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru ġdid ta’ disinn, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, u lanqas, bħala tali, jaqa’ taħt il-kompetenzi mogħtija lill-istanzi tal-EUIPO mill-Artikolu 63(1) tal-imsemmi regolament.

9.        Fit-tieni lok, nispjega madankollu r-raġunijiet għaliex din il-konstatazzjoni ma hijiex ta’ natura li twassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

10.      Fit-tielet u l-aħħar lok, jiena ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell ta’ ESS.

II – Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni

A –    Ir-Regolament Nru 6/2002

11.      Skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, “disinn” ifisser id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il‑kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu.

12.      Skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, il-protezzjoni ta’ disinn b’disinn Komunitarju hija suġġetta għall-kundizzjonijiet ta’ novità u ta’ karattru individwali tal-imsemmi disinn.

13.      Skont il-paragrafu 2 tal-imsemmija dispożizzjoni, disinn li jiġi applikat jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless għandu jiġi kkunsidrat biss bħala ġdid u li għandu karattru individwali, jekk kemm ’il darba l-parti komponenti, ġaladarba tkun ġiet inkorporata fil-prodott kumpless, tibqa’ tidher matul l-użu normali ta’ dan ta’ l-aħħar, u l-karatteristiċi viżibbli tal-parti komponenti jissodisfaw fihom innifishom il-kundizzjonijiet ta’ novità u ta’ karattru individwali.

14.      Skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-imsemmi regolament, disinn Komunitarju rreġistrat għandu jiġi kkunsidrat bħala ġdid jekk ebda disinn identiku ma jkun ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni, jew, jekk ikun hemm talba għal prijorità, id-data tal‑prijorità.

15.      Barra minn hekk, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jippreċiża li d-disinni huma kkunsidrati bħala identiċi meta l-karatteristiċi tagħhom ikunu differenti biss f’dettalji insinjifikattivi.

16.      Skont l-Artikolu 6(1)(b) ta’ dan ir-regolament, disinn Komunitarju rreġistrat huwa kkunsidrat li għandu karattru individwali jekk l‑impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti minn dik imħollija minn kull disinn li jkun ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal‑preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba għall-prijorità, qabel id-data tal-prijorità.

17.      Skont l-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, għall-finijiet tal‑applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(b) u tal-Artikolu 6(1)(b) tal-istess regolament, disinn huwa kkunsidrat li jkun ġie żvelat lill-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat wara r-reġistrazzjoni jew xorta oħra, jew eżebit, użat fil-kummerċ jew b’xi mod ieħor żvelat, qabel id-data li fiha d-disinn li għalih tintalab il-protezzjoni jkun ġie żvelat lill-pubbliku għall-ewwel darba, ħlief jekk dawn il-fatti ma jkunux jistgħu jiġu magħrufa b’mod raġonevoli fil-kors normali tan-negozju miċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur ikkonċernat, li jkunu qegħdin joperaw fl-Unjoni Ewropea.

18.      L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 6/2002, intitolat “Skop tal‑protezzjoni” jindika li l-protezzjoni mogħtija mid-disinn Komunitarju testendi għal kull disinn li ma jħallix impressjoni viżiva ġenerali differenti fuq l-utent informat.

19.      Skont l-Artikolu 25(1)(b) ta’ dan ir-regolament, disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu jekk ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 tal-imsemmi regolament.

20.      Fil-kuntest tat-Titolu VII, intitolat “Appelli”, l-Artikolu 61(2) tal‑imsemmi regolament jippreċiża li “[i]l-kawża [quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja] tista’ titressaq għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, il-ksur ta’ ħtieġa proċedurali essenzjali, il-ksur tat-Trattat, ta’ dan ir‑Regolament jew kull regola oħra li jkollha x’taqsam ma l-applikazzjoni tagħha jew l-użu ħażin tal-poter”.

21.      Fit-Titolu VIII, intitolat “Proċedura quddiem l-uffiċċju”, l‑Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002, jindika barra minn hekk li “[f]il-proċeduri quddiemu, l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l‑inizjattiva tiegħu nnifsu. Madankollu, il-proċeduri li jkollhom x’jaqsmu ma’ dikjarazzjoni ta’ l-invalidità, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett f’din l‑eżaminazzjoni bil-fatti, bix-xhieda u bl-argumenti pprovduti mill‑partijiet u bir-rimedju mfittex”.

22.      Skont l-Artikolu 65(1) ta’ dan ir-regolament, l-EUIPO jista’, f’kull proċedura, jadotta miżuri istruttorji, u b’mod partikolari, jisma’ l-partijiet u x-xhieda, jitlob informazzjoni kif ukoll il-produzzjoni ta’ dokumenti u mezzi ta’ prova, u jirrikjedi perizja

B –    Ir-Regolament Nru 2245/2002

23.      Fl-aħħar nett, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002, tal-21 ta’ Ottubru 2002, li timplimenta r-Regolament Nru 6/2002 (7), jipprovdi dan li ġej fl-Artikolu 28(1)(b)(v) u (vi) tiegħu:

“1.      Applikazzjoni lill-uffiċċju għal dikjarazzjoni ta’ invalidità in segwitu ta’ l-Artikolu 52 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 trid tiġbor:

[…]

(b)      għal dak li jirrigwarda r-raġunijiet li fuqhom issir l-applikazzjoni:

[…]

(v)      fejn il-bażi tal-invalidita hija li d-disinn Komunitarju reġistrat ma’ jissodisfax il-ħtiġijiet li jinstabu fl-Artikolu 5 jew 6 tar‑Regolament [Nru 6/2002], l-indikazzjoni u r‑riproduzzjoni tad-disinnji preċedenti li jistgħu jkunu ostaklu għall-ħaġa ġdida jew karattru ndividwali tad-disinn komunitarju reġistrat, kif ukoll dokumenti li juru l‑eżistenza ta’ dawk id-disinnji preċedenti;

(vi)      indikazzjoni tal-fatti, provi u argumenti preżentati biex isaħħu dawk ir-raġunijiet;

[…]”.

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża

24.      ESS hija proprjetarja tad-disinn Komunitarju rreġistrat bin‑numru 000107834 0025, ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2003 (iktar ’il quddiem id-“disinn ikkontestat”).

25.      Id-disinn ikkontestat huwa rrappreżentat kif ġej:

Image not found

26.      Skont din ir-reġistrazzjoni, dan id-disinn jissejjaħ “drejn tal-ilma tad-doċċa (shower drain)”.

27.      Fit-3 ta’ Settembru 2009, l-appellanta I-Drain, ippreżentat quddiem l-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat abbażi tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002. Fit‑talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-appellanta argumentat li d‑disinn ikkontestat ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 tar-Regolament Nru 6/2002 peress li l-parti ta’ dan id-disinn li tibqa’ viżibbli waqt użu normali, jiġifieri l-għatu mhux imtaqqab, kien nieqes minn novità u kellux karattru individwali.

28.      Insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha u sabiex turi l-eżistenza u l-iżvelar lill-pubbliku ta’ disinn preċedenti identiku, l‑appellanta pproduċiet estratti mill-katalogi tal-prodotti tal-impriża Blücher, datati bis-sena 1998 u s-sena 2000 (8) li fihom kienet tidher l-illustrazzjoni li ġejja (iktar ’il quddiem id-“disinn preċedenti”):

Image not found

29.      B’deċiżjoni tat-23 ta’ Settembru 2010, id-Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni tal-EUIPO laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat abbażi tal-Artikolu 25(1)(b) tar‑Regolament Nru 6/2002, billi kkunsidrat li d-disinn ikkontestat kien nieqes min-novità fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament.

30.      Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni telqet mill-prinċipju li l-uniku element viżibbli tad-disinn ikkontestat, wara l-installazzjoni, kien l-għatu tiegħu. Għalhekk hija kkunsidrat li dan kien identiku għall-għatu li jinsab fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 28 hawn fuq u abbażi ta’ dan, laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

31.      Fil-15 ta’ Ottubru 2010, ESS appellat din id‑deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni abbażi tal-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002.

32.      Waqt din il-proċedura, il-partijiet ipproduċew fatti u provi ġodda insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom, ammessi mit-Tielet Bord tal‑Appell tal-EUIPO.

33.      B’deċiżjoni datata 4 ta’ Ottubru 2012, dan il-Bord annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

34.      Għall-kuntrarju tad-Diviżjoni tal-Annullament, it-Tielet Bord tal‑Appell tal-EUIPO kkunsidra li d-disinn ikkontestat jinkludi mhux biss l-għatu ta’ forma rettangolari iżda wkoll kanali laterali u uċuħ esterni tad‑drejn tal-ilma tad-doċċa. Għalhekk huwa pparaguna lil dan tal-aħħar mad-disinn preċedenti li fl-opinjoni tiegħu huwa “drejn tal-ilma tad‑doċċa sempliċi ħafna u rettangolari kompost minn għatu li kien fih toqba” (9).

35.      Huwa fuq din il-bażi li t-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO kkunsidra li d-disinn ikkontestat kien jippreżenta karattru ġdid fis-sens tal‑Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002 peress li ma kienx identiku għad-disinn preċedenti, u dawn iż-żewġ disinni jippreżentaw differenzi “faċilment perċepibbli” li ma humiex “minimi u lanqas diffiċli li jiġu evalwati b’mod oġġettiv” (10).

36.      Għalhekk it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO rrinvija l-kawża quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

A –    Argumenti tal-partijiet

37.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Jannar 2013, Group Nivelles fetħet kawża intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

38.      Insostenn ta’ dan ir-rikors, Group Nivelles invokat motiv wieħed, ibbażat fuq żball imwettaq mit-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO waqt il‑paragun tad-disinn ikkontestat mad-disinn preċedenti li hija kienet invokat insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Fil‑fehma tagħha, dan l-iżball wassal lit-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO għall-konklużjoni żbaljata li d-disinn ikkontestat kien ġdid fis-sens tal‑Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002. Għal dan il-għan, Group Nivelles ippreżentat dokument ġdid intiż sabiex juri n-nuqqas ta’ novità tad-disinn ikkontestat. L-appellanti talbet ukoll lill-Qorti Ġenerali tirriforma d-deċiżjoni kkontestata.

39.      Fil-kuntest tar-risposta tagħha, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Lulju 2013, ESS talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għal raġuni differenti minn dawk invokati minn Group Nivelles fil-kuntest tar-rikors għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Fil-fatt ESS sostniet li t-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO, fil-punt 31 tad‑deċiżjoni kkontestata, minn naħa, imkien ma kkunsidra l-argumenti tagħha intiżi sabiex juru li l-użu industrijali li għalih huwa ddestinat il‑prodott li fih jaqa’ d-disinn preċedenti jiddistingwi lil dan tal-aħħar mid-disinn ikkontestat, u min-naħa l-oħra, ma mmotivax debitament id‑deċiżjoni tiegħu f’dan ir-rigward (11). ESS argumentat, għalhekk li t‑Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO ma identifikax b’mod korrett id‑disinn preċedenti, b’mod li jaffettwa l-evalwazzjoni tal-fondatezza tat‑talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

B –    Is-sentenza appellata

40.      Is-sentenza appellata fiha tliet partijiet.

41.      Fl-ewwel parti tagħha, li tinkludi l-punti 15 sa 35 ta’ din is‑sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjonijiet ta’ ammissibbiltà mqajma minn ESS u l-EUIPO. Dan ir-raġunament ma huwiex ikkontestat fil-kuntest tal-appelli odjerni.

42.      Fit-tieni parti tal-imsemmija sentenza, li tinkludi l-punti 36 sa 92, il-Qorti Ġenerali eżaminat iż-żewġ talbiet ta’ Group Nivelles fil-kuntest tar-rikors tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

43.      Fl-ewwel lok (punti 36 sa 88 tas-sentenza appellata), il-Qorti Ġenerali laqgħet l-uniku motiv invokat minn Group Nivelles.

44.      Qabel xejn, fil-punti 59 sa 70 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO effettivament wettaq żball fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tan-novità tad-disinn ikkontestat, billi pparaguna il-karatteristiċi viżibbli kollha ta’ dan tal-aħħar ma’ element wieħed tad-disinn preċedenti u b’hekk ma silitx, fid-deċiżjoni kkontestata, il-konsegwenzi korretti tal-iżball li kien ikkonstata fir-rigward tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Dan ir-raġunament ma huwiex ikkontestat fil-kuntest tal-appell odjerni.

45.      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 71 sa 86 tal-imsemmija sentenza, eżaminat l-argumenti differenti mqajma mill-EUIPO u min ESS bil-għan li tivverifika jekk dawn tal-aħħar jikkontestawx din l-evalwazzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn l-argumenti kollha u f’din l-okkażjoni imponiet fuq EUIPO obbligu ġdid li huwa kkontestat permezz tal-appell tiegħu. Fi tmiem dan l-analiżi, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-unika motiv imqajjem minn Group Nivelles fil-kuntest tar-rikors tagħha u laqgħet it-talba għal annullament imressqa minn din tal-aħħar.

46.      Fit-tieni lok (punti 89 sa 92 tas-sentenza appellata), il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba ta’ Group Nivelles intiża għar-riforma tad‑deċiżjoni kkontestata, billi ddeċidiet li hija ma tistax tipproċedi, minflok l-istanzi tal-EUIPO, għal eżami komplut tan-novità tad-disinn ikkontestat.

47.      Fit-tielet u l-aħħar parti ta’ dik is-sentenza, li tkopri l-punti 93 sa 139, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-motiv inċidentali mqajjem minn ESS, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

48.      Wara li kkonstatat, fil-punt 100 tal-imsemmija sentenza, li t-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO kien immotiva b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni tiegħu, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 102 sa 133 tal-imsemmija sentenza, jekk l-identifikazzjoni ta’ prodott preċiż li fih jiġi inkorporat id-disinn precedent, invokata insostenn tat-talba għal nullità, tikkostitwixxix element rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru ġdid jew individwali tad-disinn ikkontestat. Fi tmiem din l-analiżi, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li t-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO kien ikklassifika b’mod żbaljat il-prodott li jinsab fiċ-ċentru tar-riproduzzjoni annessa mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ “drejn tal-ilma tad-doċċa”, u laqgħet għalhekk it-talba għal annullament ta’ ESS.

49.      Għalhekk permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet kemm l-uniku motiv ta’ Group Nivelles kif ukoll il-motiv inċidentali ta’ ESS, u konsegwentement annullat id-deċiżjoni kkontestata. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għal riforma ta’ din id-deċiżjoni, ippreżentata minn Group Nivelles.

V –    It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja

50.      Permezz tal-appell tiegħu fil-Kawża C-405/15 P, l-EUIPO talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna lil Group Nivelles u ESS għall-ispejjeż tiegħu.

51.      ESS talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell għal dak li jirrigwarda l-ewwel żewġ aggravji tal-EUIPO u tikkundanna lil Group Nivelles għall-ispejjeż tal-EUIPO. Hija talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell għal dak li jirrigwarda t-tielet aggravju tal-EUIPO u tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż ta’ ESS fir-rigward ta’ dan l‑aggravju.

52.      Min-naħa tagħha, Group Nivelles talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-appell u tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż tiegħu.

53.      Ir-Renju Unit, li kien awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-EUIPO b’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Jannar 2016, talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata bl-intiża li huwa jbati l-ispejjeż tiegħu.

54.      Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C-361/15, ESS talbet lill‑Qorti tal-Ġustizzja tannulla parzjalment is-sentenza appellata u tikkundanna l-parti telliefa għall-ispejjeż.

55.      L-EUIPO u Group Nivelles talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-appell u tikkundanna lill-appellanta għall-ispejjeż ta’ kull wieħed minnhom.

56.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ġunju 2016, il-Kawżi C-361/15 P u C-405/15 P ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

VI – Osservazzjonijiet preliminari

57.      Fil-kuntest ta’ dawn l-appelli, jiena nipproponi lill-Qorti tal‑Ġustizzja tqajjem ex officio motiv li jiena nikkunsidra ta’ ordni pubbliku, jiġifieri dak ibbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-limiti tal-istħarriġ tagħha tal-legalità, kif iddefinit fl-Artikolu 61(2) tar‑Regolament Nru 6/2002.

58.      Fil-fatt, għar-raġunijiet li ser nesponi, jidhirli li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mis-setgħat mogħtija lilha fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

59.      Fil-fatt, il-ksur tar-regoli ta’ kompetenza jaqa’ taħt il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u, bħala tali, għandu jkun ikkunsidrat li jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jkun eżaminat ex officio (12). Fil-fatt, dawn ir-regoli huma intiżi sabiex jiżguraw valur fundamentali tal-ordni pubbliku tal-Unjoni, jiġifieri l-ekwilibriju istituzzjonali li minnu huwa ispirat il-prinċipju ta’ tqassim tal‑kompetenzi bejn l-EUIPO u l-Qorti Ġenerali, li l-leġiżlatur ittraduċa fl-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002. Barra minn hekk, dawn ir-regoli huma b’mod evidenti stabbiliti fl‑interess tal-kollettività b’mod ġenerali.

60.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, li r-rwol tagħha huwa li tiżgura l-osservanza tal-liġi, għandha għalhekk tiżgura li l-Qorti Ġenerali, li quddiemha jkollha rikors għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ma taqbiżx il-kompetenzi mogħtija lilha mil-leġiżlatur fil-kuntest ta’ appell mid-deċiżjonijiet tal‑Bord tal-Appell tal-EUIPO.

61.      Fil-ġurisprudenza tagħha, din tal-aħħar barra minn hekk ikkonfermat kemm-il darba li l‑inkompetenza tal-awtur tal-att ikkontestat tikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, u anki għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal‑Unjoni, anki meta l-ebda mill-partijiet ma titlob li jsir dan (13).

62.      F’dan il-każ, ninnota li l-partijiet kienu mistiedna jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom dwar dan il-punt.

63.      Għalhekk fl-opinjoni tiegħi xejn ma jostakola lill-Qorti tal-Ġustizzja milli teżamina ex officio dan il-motiv li jiena nqis li huwa ta’ ordni pubbliku.

VII – Fuq il-motiv ta’ ordni pubbliku, ibbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-limiti tal-istħarriġ tagħha tal-legalità fil-kuntest tal-eżami tal-motiv inċidentali mqajjem minn ESS

64.      Skont l-Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 6/2002, appell kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO jista’ jitressaq quddiem il-Qorti Ġenerali għal ksur tat-Trattat, ta’ dan ir-regolament jew ta’ kull regola ta’ liġi dwar l-applikazzjoni tagħhom.

65.      Skont il-ġurisprudenza, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l‑Qorti Ġenerali tista’ tannulla jew tirriforma d-deċiżjoni appellata biss meta, fil-mument li tingħata, din kienet ivvizzjata minn waħda mir‑raġunijiet ta’ annullament jew ta’ bdil stabbiliti fl-Artikolu 61(2) tal-imsemmi regolament (14). Minn dan isegwi li s-setgħa ta’ bdil mogħtija lill-Qorti Ġenerali ma għandhiex bħala effett li tagħti lil din il-qorti s‑setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Bord tal‑Appell tal-EUIPO u, lanqas li twettaq evalwazzjoni li fuqha l‑imsemmi Bord tal-Appell għadu ma ddeċidiex (15).

66.      Madankollu, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-motiv inċidentali mqajjem minn ESS, u b’mod partikolari, fil-punti 112 sa 133 tas‑sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk l-użu li għalih huwa intiż il-prodott li jinkludi d-disinn precedent, invokat insostenn tat-talba għal annullament, huwiex effettivament fattur rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru ġdid jew individwali tad-disinn ikkontestat, punt li ma kienx ġie ttrattat mit-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO fid-deċiżjoni kkontestata.

67.      Huwa minnu li, f’din il-kawża, il-partijiet kienu ddibattew din il‑kwistjoni quddiem l-istanzi tal-EUIPO (16). Id-Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni, fil-punt 20 tad-deċiżjoni tagħha, kienet ċaħdet l‑argument billi spjegat li l-użu li għalih huwa intiż il-prodott li jinkludi d-disinn preċedenti ma huwiex fattur rilevanti għall-finijiet tal-paragun tad-disinni inkwistjoni, peress li ma huwiex fattur marbut mad-dehra tal‑prodott.

68.      Barra minn hekk, ESS għal darb’oħra ressqet quddiem il‑Qorti Ġenerali, it-teżi li l-użu industrijali li għalih huwa intiż il-prodott li jinkludi d-disinn preċedenti jaffettwa l-evalwazzjoni tal-fondatezza tat‑talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (17).

69.      Madankollu, kif irrilevat espressament il-Qorti Ġenerali fil‑punt 111 tas-sentenza appellata, it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO “ma ddeċidix, fid-deċiżjoni [kkontestata]” dwar din il-kwistjoni.

70.      Konsegwentement, billi eżaminat l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 6/2002, fid-dawl tal-argumenti magħmula u tal-provi ppreżentati quddiem it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO, minflok dan tal-aħħar, il‑Qorti Ġenerali emendat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma qabel ikkonstatat li din id-deċiżjoni kienet ivvizzjata minn wieħed mir‑raġunijiet ta’ annullament stabbiliti fl-Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 6/2002, u b’mod partikolari, li kienet ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

71.      Dwar dan, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija ferm kontradittorja.

72.      Fil-fatt, ESS tallega preċiżament li t-Tielet Bord tal-Appell tal‑EUIPO ma mmotivax id-deċiżjoni tiegħu u li ma kkunsidrax l‑argumenti tagħha dwar ir-rilevanza, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-novità tad-disinn ikkontestat, tal-użu li għalih huwa intiż l-prodott li jinkludi d‑disinn preċedenti, u b’hekk din id-deċiżjoni ma tinftiehemx (18).

73.      Madankollu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’saħħa l-motiv ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, billi ddeċidiet fil-punt 100 tas-sentenza appellata li d-deċiżjoni kkontestata “tinkludi motivazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward, peress li fil-punt 31 tagħha tirrileva li dan jirrigwarda “drejn tal-ilma tad-doċċa”.

74.      Barra minn hekk, fil-punti sussegwenti, jiġifieri l-punti 101 sa 133 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali mhux biss eżaminat b’mod iddettaljat ir-rilevanza ta’ dan il-fattur fid-dawl tal-argumenti magħmula u l-provi ppreżentati mill-partijiet matul il-proċedura, u għalhekk, issostitwixxiet it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO, iżda kkonkludiet ukoll favur ir-rilevanza ta’ dan tal-aħħar għall-finijiet tal-evalwazzjoni tall-karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

75.      Din il-kontradizzjoni fl-analiżi tal-Qorti Ġenerali tirriżulta b’mod inkontestabbli mill-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li ma ġietx bħala tali ssanzjonata mill-Qorti Ġenerali.

76.      Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata biss nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u mhux tiddeċiedi dwar l‑evalwazzjoni magħmula mit-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO dwar l‑argumenti magħmula mill-partijiet quddiemu (19).

77.      L-irwol tal-Qorti Ġenerali huwa fil-fatt li tiżgura li d-deċiżjonijiet mogħtija mill-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO ikunu mmotivati, skont l‑Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002, peress li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità proċedurali sostanzjali, kif hija ġustament tirrileva fil-punt 98 tas-sentenza appellata. Il-Qorti tal‑Ġustizzja li hija l-aħħar livell ta’ stħarriġ, għandha għalhekk tkun f’pożizzjoni li tagħraf id-destin li l-Bord tal-Appell tal-EUIPO jagħti lill‑argumenti mqajma mill-partijiet u r-raġunijiet li jiġġustifikaw, jekk ikun il-każ, ir-rifjut ta’ dawn tal-aħħar.

78.      F’din il-kawża, minkejja li ninsabu fit-tielet u l-aħħar livell ta’ rimedju (20), għandu jiġi kkonstatat li għadna qed ninjoraw ir-raġunijiet li għalihom it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO skarta l-argumenti mqajma mill-partijiet dwar ir-rilevanza, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-novità ta’ disinn, tal-użu li għalih huwa intiż il-prodott li jinkludi d-disinn preċedenti.

79.      Fid-dawl tal-impreċiżjoni tat-termini tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Qorti Ġenerali ma tistax għalhekk tipproċedi għal tali eżami mingħajr ma qabel tannulla din id-deċiżjoni minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni.

80.      Għalhekk fil-fehma tiegħi, billi pproċediet għall-analiżi magħmula fil-punti 112 sa 133, b’sostituzzjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti ta’ stħarriġ tal-legalità tad‑deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO, kif previst fl‑Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 6/2002, u qabżet għalhekk il‑kompetenzi tagħha fil-kuntest tal-eżami tal-motiv inċidentali mqajjem quddiemha minn ESS.

81.      Konsegwentement jiena nikkunsidra li s‑sentenza appellata għandha tiġi annullata parzjalment peress li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 112 sa 133 ta’ din is-sentenza, evalwat jekk l-identifikazzjoni tal-prodott li jinkludi d‑disinn preċedenti huwiex fattur rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru ġdid jew individwali tad-disinn ikkontestat (21).

82.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja ma teżaminax it-tielet aggravju tal-appell tal-EUIPO (C/405/15 P) kif ukoll l-ewwel aggravju tal-appell ta’ ESS (C-361/15 P), peress li dawn saru kontra l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali magħmula fil-punti 112 sa 133 tas-sentenza appellata.

VIII – Fuq l-appell ippreżentat mill-EUIPO fil-Kawża C-405/15 P

83.      Insostenn tal-appell tiegħu, l-EUIPO iqajjem tliet aggravji.

84.      L‑ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal‑Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002 u jqajjem il-kwistjoni tal‑oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova fil-kuntest ta’ rikors għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn irreġistrat.

85.      It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 25(1)(b) ta’ dan ir-regolament, peress li l-EUIPO jikkritika l-evalwazzjonijiet mwettqa mill-qorti Ġenerali dwar il-modalitajiet tal-eżami relattiv għan-novità tad-disinn ikkontestat.

86.      Minkejja li bbażati fuq dispożizzjonijiet differenti tad-dritt, l-argumenti żviluppati mill-EUIPO insostenn ta’ dawn iż-żewġ aggravji jirrepetu lil xulxin u jikkonċernaw punti tas-sentenza li għandhom jinqraw u jiġu interpretati konġuntement. Konsegwentement, jiena ser neżamina dawn l-ewwel żewġ aggravji flimkien.

87.      Fl-aħħar, it-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 6/2002, moqrija flimkien mal-Artikolu 25(1)(b) ta’ dan ir-regolament, li permezz tiegħu l-EUIPO jikkontesta, din id-darba, ir-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tar-rilevanza, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, tal-identifikazzjoni tal-prodott li għalih japplika disinn preċedenti jew li fih huwa inkorporat.

88.      Sa fejn dan l-aggravju huwa dirett kontra r-raġunijiet li jiena nipproponi li jiġu annullati minħabba ksur mill-Qorti Ġenerali tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja ma teżaminahx.

A –    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 63(1) tar‑Regolament Nru 6/2002 u fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur mill-QortiĠenerali tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament, marbut man-novità ta’ disinn komunitarju, moqri flimkien mal-Artikolu 25(1)(b) tal-imsemmi regolament

89.      Qabel ma nibda l-analiżi tiegħi ta’ dawn l-aggravji, jeħtieġ li jiġi rrilevat li t-tilwima li għandha quddiemha llum il-Qorti tal‑Ġustizzja toriġina fl-identifikazzjoni żbaljata ta’ disinn preċedenti indikat fil-kuntest tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, filwaqt li l‑ebda immaġini li turi l-intier tad-dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi propost mill-impriża Blücher ma ġiet ippreżentata minn Group Nivelles (22) quddiem l-istanzi tal-EUIPO.

90.      Għaldaqstant huwa importanti li nżommu f’moħħna l-kuntest li fih u l-mod kif l-istanzi tal-EUIPO evalwaw in-novità tad-disinn ikkontestat.

91.      Fil-kuntest tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha, l‑appellanta fil-fatt ipproduċiet il-parti tad-disinn li hija kkunsidrat viżibbli waqt l-użu normali, jiġifieri l-għatu, irrappreżentat kif ġej fil‑katalogi Blücher:

Image not found

92.      Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ikkunsidrat li l-uniku element viżibbli tad-disinn ikkontestat, wara l-installazzjoni, kien l-għatu, irrappreżentat kif ġej:

Image not found

93.      Hija kkunsidrat li dan huwa identiku għall-għatu rrappreżentat fid‑disinn preċedenti u laqgħet, abbażi ta’ dan, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ppreżentata minn I-Drain.

94.      Fir-rigward tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO, huwa kkunsidra li partijiet oħra tad-drejn tal-ilma tad-doċċa rrappreżentati mid-disinn ikkontestat jibqgħu viżibbli wara l-installazzjoni. Għalhekk huwa pparaguna d-disinn ikkontestat magħmul minn għatu ta’ forma rettangolari iżda wkoll minn kanali laterali u uċuħ esterni tal-katusi mal‑għatu waħdu riprodott fid-disinn preċedenti, u kkonkluda għalhekk in-nuqqas ta’ identità bejn dawn tal-aħħar u annulla d-deċiżjoni tad‑Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

95.      Quddiem il-Qorti Ġenerali, Group Nivelles mbagħad ippreżentat, fl‑anness A.9 tar-rikors promotur tagħha (innumerat p. 76 ta’ dan l‑anness), dokument ġdid li jirrappreżenta immaġini kompluta tad‑dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidu kif proposta mill-impriża Blücher. Dan id-dokument kien ġustament ikkunsidrat inammissibbli mill-Qorti Ġenerali.

96.      Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, l-EUIPO għalhekk sostna li Group Nivelles baqgħet ma wrietx l-eżistenza ta’ disinn li jippreċedi d-disinn ikkontestat li kellu l-karatteristiċi kollha ta’ dan tal-aħħar

97.      Fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-argument, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet kif ġej fil-punti 77 sa 79 tas-sentenza appellata:

“77      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, b’mod iktar ġenerali, fl-ipoteżi li disinn huwa kompost minn diversi komponenti, għandu jitqies li huwa ġiet żvelat lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 6/2002, meta l-komponenti kollha jkunu ġew żvelati lill-pubbliku u li kien indikat b’mod ċar li dawn il-komponenti kienu intiżi sabiex jiġu abbinati bejniethom sabiex jikkostitwixxu prodott determinat, li jippermetti, għalhekk l-identifikazzjoni tal-forma u tal-karatteristiċi ta’ dan id-disinn.

78      Fi kliem ieħor, ma jistax jiġi ammess li disinn jippreżenta karattru ġdid, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, meta huwa jikkonsisti biss f’abbinament ta’ disinni diġà żvelati lill-pubbliku u li fir-rigward tagħhom diġà ġie indikat li huma kienu intiżi sabiex jintużaw flimkien.

79      F’dan il-każ, dan ifisser li, sa fejn, għar-raġunijiet esposti fil-punti 63 sa 67 iktar ’il fuq, mill-katalogi Blücher jirriżulta b’mod ċar li l-pjanċa li tkopri li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq kienet intiża sabiex tiġi abbinata ma’ tankijiet u ma’ sifuni proposti mill-impriżi Blücher u jidhru wkoll f’dawn il-katalogi, sabiex jikkostitwixxu strument ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi komplet, kien l-UASI, sabiex jevalwa n-novità tad-disinn ikkontestat, li kellu jipparagunahom, b’mod partikolari, ma’ evakwazzjoni ta’ likwidi kkostitwita mill-pjanċa li tkopri inkwistjoni, flimkien mal-elementi l-oħra ta’ strument ta’ evakwazzjoni tal-ilma proposti mill-impriżi Blücher, u dan anki jekk ebda stampa ta’ tali abbinament ma kienet tidher fl-imsemmija katalogi”.

98.      Insostenn tal-ewwel aggravju tiegħu, l-EUIPO jallega li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, kisret l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002 u, b’mod partikolari, il-prinċipji li għandhom jirregolaw l-oneru u l-amministrazzjoni tal-prova fil-kuntest ta’ kawża għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn irreġistrat, billi rrikjedietu li jirrikostruwixxi d-disinn preċedenti abbażi tal-estratti differenti mill-katalogi annessi mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

99.      Insostenn tat-tieni aggravju tiegħu, l-EUIPO jallega li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 77 u 78 tas-sentenza appellata, kisret ir-regoli li għandhom jirregolaw l-evalwazzjoni tan-novità ta’ disinn Komunitarju msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, billi ħolqot fir-rigward tiegħu l-obbligu li jgħaqqad flimkien il-komponenti differenti ta’ disinn, żvelati b’mod separat.

100. L-eżami konġunt ta’ dawn l-aggravji huwa obbligatorju sa fejn iqajmu kemm il-kwistjoni tal-legalità ta’ dan l-obbligu fir-rigward tad-dispożizzjonijiet fil-mertu kif ukoll proċedurali tar-Regolament Nru 6/2002.

101. Barra minn hekk, għalkemm l-ewwel aggravju huwa intiż li jikkontesta r-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 79 tas-sentenza appellata u għalkemm it-tieni aggravju, min-naħa tiegħu, huwa intiż li jikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali inkluż fil-punti 77 u 78 ta’ din is-sentenza, dawn il-punti għandhom jiġu eżaminati konġuntement.

102. Fil-fatt, il-punti 78 u 79 tas-sentenza appellata għandhom jinqraw u jiġu interpretati fid-dawl tal-prinċipju li l-Qorti Ġenerali tipprovdi fil-punt 77 ta’ din is-sentenza. Dan jirriżulta b’mod ċar ħafna, minn naħa, mill-espressjoni “Fi kliem ieħor” użat mill-Qorti Ġenerali fl-introduzzjoni tal-punt 78 tal-imsemmija sentenza u min-naħa l-oħra, mill-kliem “F’dan il-każ, dan ifisser li”, użat minnha fil-punt 79 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali b’hekk tislet il-konklużjoni, f’dan il-każ, mill-prinċipju li hija żviluppat qabel.

1.      L-argumenti tal-partijiet

a)      Fuq l-ewwel aggravju

103. L-EUIPO jikkontesta essenzjalment il-mod kif il-Qorti Ġenerali amministrat il-provi prodotti mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u l-konklużjonijiet li din tal-aħħar siltet minnhom, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-obbligi imposti fuq l-EUIPO fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-provi prodotti mill-parti li talbet dikjarazzjoni ta’ nullità.

104. L-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali marret kontra l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002, billi ddeċidiet fil-punti 74 u 79 tas-sentenza appellata, li d-disinn preċedenti invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiegħu huma magħmula mhux biss mill-għatu li huwa parti mid-disinn preċedenti iżda mid-dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi fl-intier tiegħu.

105. Għalhekk il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet ruħha ma’ dak li talab l‑invalidità billi identifikat liema disinni preċedenti riprodotti fil-katalogi Blücher kienu rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tat‑talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

106. B’hekk, il-Qorti Ġenerali minn naħa, marret kontra l-kompetenzi mogħtija lill-EUIPO fil-kuntest tal-eżami ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, previsti fl-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002, u min‑naħa l-oħra, l-obbligi li għandu min jitlob l-invalidità meta dan irid juri l-eżistenza ta’ disinn preċedenti identiku jew jipproduċi impressjoni ġenerali simili, previsti fl-Artikolu 28(1)(b)(v) u (vi) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

107. L-EUIPO jsostni li skont din l-aħħar dispożizzjoni iżda ukoll skont il-prinċipji użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 25 tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions (23), min jitlob l-invalidità għandu jidentifika b’mod preċiż, permezz tad-dokumenti li huwa jipprovdi, liema huma d-disinni preċedenti rilevanti għall-finijiet tar‑rikors għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ippreżentat. Għalhekk, hija ma tistax tissostitwixxi ruħha għal min jitlob l-invalidità fil-kuntest tal‑amministrazzjoni tal-prova.

108. L-ewwel nett, ma setgħetx tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq prova li ħadd mill-partijiet ma pprovda jew fuq disinn preċedenti li min talab l‑invalidità ma nvokax espressament, kif ġara f’dan il-każ.

109. It-tieni ma setgħetx tfittex liema disinn preċedenti jista’ jkun rilevanti fost dawk kollha li jidhru fid-dokumenti pprovduti mill-attur għaliex tali atitudni tiffavorixxi parti għal preġudizzju tal-oħra u tmur kontra d-drittijiet tad-difiża.

110. It-tielet nett, anki meta disinn identiku għad-disinn ikkontestat jiġi riprodott fid-dokumenti pprovduti minn min jitlob l-invalidità, hija ma tistax tibbaża d-deċiżjoni tagħha ex officio fuq din il-preċedenza jekk l‑attur ibbaża l-argument tiegħu fuq disinni oħra.

111. F’dan il-każ, ma jirriżultax la mit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u lanqas mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn Group Nivelles kemm quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kif ukoll quddiem it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO, li din l-impriża kienet identifikat u indikat b’mod ċar, fis-sens tal-Artikolu 28(1)(b)(v) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, l-integralità tad-dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi bħala d-disinn preċedenti invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet għalhekk illimitat l-eżami komparattiv bejn id-disinn ikkontestat u d‑disinn preċedenti mal-għatu biss, mingħajr ma kkunsidrat il‑karatteristiċi l-oħra li t-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO kien imbagħad ikkunsidra rilevanti għall-finijiet ta’ dan il-paragun, bħall‑forma tal-kanal u l-preżenza ta’ ventijiet laterali.

112. L-EUIPO indika li kien biss fl-istadju tar-rikors promotur quddiem il-Qorti Ġenerali, u għalhekk b’mod tardiv, li Group Nivelles kienet ġabet l‑integralità tad-dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kellha debitament tikkunsidra li, b’hekk, ir-rikorrenti emendat is-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal‑Appell tal-EUIPO, fis-sens tal-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal‑Proċedura tagħha.

113. Fir-risposta tagħha, ESS tingħaqad mal-argumenti tal-EUIPO.

114. Group Nivelles tikkunsidra, mill-banda l-oħra, li l-EUIPO għamel eżami ineżatt tal-fatti rilevanti u tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-aggravju bħala infondat.

b)      Fuq it-tieni aggravju

115. L’EUIPO iqajjem żewġ ilmenti insostenn ta’ dan it-tieni aggravju.

116. Permezz tal-ewwel ilment tiegħu, l-EUIPO isostni li r-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 77 u 78 tas-sentenza appellata jmur kontra l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, sa fejn dan joħloq fir-rigward tiegħu l-obbligu li jgħaqqad flimkien il-komponenti differenti ta’ disinn, żvelati b’mod separat, bħal fil-każ ta’ għatu jew ta’ kanal ppubblikati f’paġni differenti tal-istess katalogu.

117. L’EUIPO jagħmel riferiment mill-ġdid għas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions(24), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, fir-rigward tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, marbut mal-eżami tal-karattri individwali ta’ disinn, li disinn ma jistax jiġi pparagunat ma’ “numru ta’ elementi speċifiċi jew minn partijiet ta’ disinni preċedenti, imma [ma’] disinni preċedenti individwalizzati u ddeterminati”. Tali interpretazzjoni għandha tiġi applikata b’analoġija għall-eżami tan-novità ta’ disinn, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament.

118. Iċ-ċirkustanza li l-komponenti differenti ta’ disinn, żvelati b’mod separat, ikunu intiżi li jintużaw flimkien ma tbiddilx din il-konklużjoni. Fil-fatt, l-assjem ta’ dawn il-komponenti differenti kien jippermetti l-ħruġ tal-apparenza ta’ disinn, iżda dan huwa ipotetiku jew, fi kwalunkwe każ, suġġett għal approssimazzjonijiet importanti. Issa, kemm iċ-ċertezza legali li l-proprjetarju ta’ disinn ikkontestat huwa fid-dritt li jistenna, kif ukoll il-kunċett “identità” bejn żewġ disinni, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, jostakolaw eżami kumparattiv ibbażat fuq ipoteżi jew approssimazzjonijiet.

119. Permezz tat-tieni ilment, l-EUIPO isostni li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali huwa, barra minn hekk, ibbażat fuq żnaturament tal-fatti.

120. Fil-fatt, il-paragun tal-illustrazzjonijiet li tirreferi għalihom il-Qorti Ġenerali, jiġifieri dawk tal-għatu u tal-kanal żvelati fil-katalogi Blücher prodotti minn Group Nivelles u dik tas-sistema ta’ evakwazzjoni rrappreżentata f’dawk il-katalogi prodotti minn ESS, ma kienx jippermetti li tiġi identifikata l-forma u l-karatteristiċi tad-disinn preċedenti.

121. ESS tqis li dan it-tieni aggravju għandu jiġi ddikjarat fondat.

122. Group Nivelles tikkunsidra, min-naħa tagħha, li dan it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li l-EUIPO qara u interpreta b’mod żbaljat is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions(25), u evalwa b’mod ineżatt l-elementi fattwali.

2.      Eżami

123. Għal raġunijiet li sejjer issa nesponi, inqis li l-Qorti Ġenerali effettivament wettqet żball ta’ liġi fil-punti 77 sa 79 tas-sentenza appellata.

124. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, teżiġi mill-istanzi tal-EUIPO li dawn jirrikostruwixxu, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħhom, id-disinn preċedenti abbażi ta’ estratti differenti mill-katalogi annessi mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għaliex tali obbligu huwa, fil-fehma tiegħi, kuntrarju għat-termini u l-portata tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 6/2002 u għalhekk, bħala tali, ma jistax la jaqa’ fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru ġdid ta’ disinn fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament u lanqas jaqa’, bħala tali, taħt il-kompetenzi mogħtija lill-istanzi tal-EUIPO mill-Artikolu 63(1) tal-imsemmi regolament.

125. Skont l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002, l-eżami li għandhom jagħmlu l-istanzi tal-EUIPO fil-kuntest ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, huwa limitat għal motivi invokati u għat‑talbiet ippreżentati mill-partijiet.

126. B’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-EUIPO ma jieħux inkunsiderazzjoni d-disinni preċedenti ħlief dawk espressament imsemmija mill-attur (26). B’hekk l-EUIPO jikkunsidra li huwa ma għandux jiddetermina permezz ta’ suppożizzjonijiet u deduzzjonijiet, liema mid-disinni preċedenti, fost dawk riprodotti fil-provi dokumentarji tal-attur, jistgħu jkunu rilevanti meta l-attur ma jipprovdix iktar preċiżjonijiet f’dawn ir-rigward (27).

127. Għandu jitfakkar li fil-kuntest ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u skont it-termini tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 6/2002 (28) u tal-Artikolu 28(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, fl-ewwel lok hija l-parti li topponi r-reġistrazzjoni ta’ disinn li għandha turi l-eżistenza u l-iżvelar ta’ disinn preċedenti identiku jew li jipproduċi impressjoni ġenerali simili.

128. Fil-kuntest ta’ rikors għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, il-proprjetarju ta’ disinn preċedenti għandu għalhekk juri, l-ewwel nett, li dan id-disinn huwa identiku jew jipproduċi impressjoni ġenerali simili għad-disinn ikkontestat, u t-tieni nett, li dan kien żvelat lill-pubbliku.

129. Il-prova hija libera u tibqa’ fid-diskrezzjoni tal-attur (29).

130. L-Artikolu 28(1)(b)(v) u (vi) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jeħtieġ biss li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, meta tkun ibbażata fuq in-nuqqas ta’ novità tad-disinn ikkontestat, tinkludi l-indikazzjoni u r-riproduzzjoni tad-disinn preċedenti, tad‑dokumenti li juru l-iżvelar preċedenti ta’ dan tal-aħħar u fl-aħħar nett tal-fatti, provi u osservazzjonijiet ippreżentati insostenn tat-talba.

131. Il-formola għal preżentazzjoni ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tipprovdi sezzjoni partikolari għal dan l-għan (30).

132. Skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, dawn l-elementi huma meħtieġa taħt piena ta’ inammissibbiltà, bl-istanzi tal-EUIPO ikollhom madankollu l-possibbiltà li jistiednu, preliminarjament, lill-attur jirrimedja l-irregolaritajiet ikkontestati.

133. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni u d-direttivi tal-EUIPO (31) ma jagħtu ebda spjegazzjoni oħra dwar il-provi li għandhom jiġu pprodotti minn dak li jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità sabiex jiġġustifika l-iżvelar ta’ disinn preċedenti, li huwa identiku għad-disinn ikkontestat jew li jipproduċi impressjoni ġenerali simili (32).

134. F’din il-kawża, huwa stabbilit li dak li talab dikjarazzjoni ta’ invalidità ma identifikax debitament u lanqas irriproduċa fl-integrità tiegħu d-disinn preċedenti, kemm fil-kuntest tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiegħu jew matul il-proċedura quddiem l-istanzi tal-EUIPO. Fil-fatt, dan irriproduċa biss parti mid-disinn li huwa kkunsidra viżibbli waqt l-użu normali, jiġifieri l-għatu.

135. F’tali każ, il-Qorti Ġenerali tista’ teħtieġ mill-Bord tal-Appell tal‑EUIPO li jirrettifika din l-irregolarità billi jirrikostruwixxi, għall‑finijiet tal-evalwazzjoni tiegħu, id-disinn preċedenti abbażi ta’ estratti differenti mill-katalogi Blücher annessi mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, “u dan anki meta ebda immaġini ta’ tali kumbinazzjoni ma [tidher] fid-[dokumenti pprovduti]” (33)?

136. Jien nirrispondi fin-negattiv.

137. L-ewwel nett, tali obbligu jmur kontra t-termini u l-portata tal‑Artikolu 3 tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal‑Artikolu 28(1)(b)(v) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

138. Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 6/2002 id-disinn huwa ddefinit bħala “id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’arti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il‑konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal‑prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu” (34).

139. Din id-dispożizzjoni tittraduċi għalhekk il-prinċipju li d-dritt ta’ disinn huwa dritt ta’ proprjetà fuq “id-dehra” ta’ prodott li għandu jkun distint mid-dritt ta’ privattiva li huwa dritt ta’ proprjetà fuq invenzjoni.

140. Għandu jitfakkar li d-disinn għandu funzjoni estetika, li għandu l‑għan li jżejjen l-oġġett li għalih japplika, li jagħtih aspett distint u rikonoxxibbli, fiżjonomija li hija partikolari għalih minħabba l-linji, konfigurazzjonijiet, forom u anki graffiżmu partikolari tiegħu (35).

141. Il-preċiżjonijiet previsti fil-kuntest tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 6/2002 jirreferu għalhekk għal elementi viżibbli għal għajn (36).

142. Billi jeżiġi fl-Artikolu 28(1)(b)(v) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni “l-indikazzjoni u r-riproduzzjoni tad-disinnji preċedenti”, il-leġiżlatur jeħtieġ min dak li jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità li jirriproduċi disinn speċifiku, individwalizzat, iddeterminat u identifikat, u sabiex tintuża l-espressjoni użata fil-punt 25 tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions (37). F’din is-sentenza, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, il-Qorti tal‑Ġustizzja fil-fatt ikkunsidrat li l-paragun li timplika l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn ma tistax tkun ibbażata fuq “numru ta’ elementi speċifiċi jew minn partijiet ta’ disinni preċedenti, imma [fuq] disinni preċedenti individwalizzati u ddeterminati” (38).

143. Dawn ir-rekwiżiti huma essenzjali għall-finijiet tal‑evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

144. Fil-fatt, ir-riproduzzjoni tal-arti preċedenti għandu jippermetti d‑determinazzjoni tal-portata tad-dritt preċedenti indikat u, bl-istess mod, il-portata tad-drittijiet li l-pussessur tad-disinn ikkontestat jista’ jippretendi b’mod leġittimu.

145. Il-portata ta’ dawn id-drittijiet tiġi ddeterminata b’riferiment għad‑disinn riprodott fit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u mhux mid-deskrizzjoni jew leġġenda li takkumpanjaha, fakultattiva u nieqsa minn kull valur ġuridiku, bid-differenza ta’ invokazzjoni ta’ privattiva. Il-protezzjoni mogħtija lil disinn tirrigwarda d-disinn kif riprodott u dak li jingħad fil-leġġenda huwa għalhekk kumpliment indikattiv biss (39). Ir‑riproduzzjoni ta’ disinn preċedenti għandha għalhekk tkun suffiċjenti.

146. Barra minn hekk, din ir-riproduzzjoni għandha tippermetti lill‑konvenut jiddetermina bi preċiżjoni liema huma l-karatteristiċi ornamentali jew estetiċi tad-disinn preċedenti li ġew imitati u konsegwentement li jiġġieled il-mertu tal-oriġinalità tad-disinn tiegħu.

147. Fl-aħħar nett, din ir-riproduzzjoni għandha tippermetti lill-istanzi tal-EUIPO jidentifikaw b’mod preċiż u ċert id-disinn preċedenti sabiex jipproċedu, skont l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 6/2002, għal evalwazzjoni tal-karattru ġdid tad-disinn ikkontestat u għal paragun li din timplika bejn id-disinni inkwistjoni. Għalhekk, l-eżami dwar jekk id‑disinn ikkontestat huwiex effettivament nieqes min-novità jew minn karattru individwali jeħtieġ manifestament li jkun hemm disinn preċedenti preċiż u ddeterminat.

148. Sabiex jiġu ssodisfatti dawn l-għanijiet, huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm immaġini ta’ disinn preċedenti għaliex dan jirriżulta min‑natura stess tal-oġġett li r-Regolament Nru 6/2002 irid jipproteġi u mir-raġuni li għaliha jingħata protezzjoni.

149. Din l-immaġini għandha tippermetti li tkun magħrufa d-dehra tal‑prodott li fih huwa nkluż id-disinn, kollu kemm hu b’mod definittiv u rikonoxxibbli mil-linji, konfigurazzjonijiet, kuluri, forma, nisġa u anki l‑ornamentazzjoni u l-materjali tiegħu, kif previst fl-Artikolu 3 ta’ dan ir‑regolament.

150. Għalhekk id-dritt ta’ disinn ma huwiex intiż sabiex jipproteġi idea, jew disinn li huwa qrib it-twettiq jew li ser jkun xogħol ta’ rikostruzzjoni, għaliex f’dawn il-każijiet, xejn ma jwassal li tkun magħrufa d-dehra tal‑prodott kollu kemm hu b’mod definittiv u rikonoxxibbli. Għalhekk hija din ir-raġuni għaliex, skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, huma biss il-karatteristiċi viżibbli ta’ disinni li jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni.

151. Konsegwentement, dan jeskludi, kull tentattiv ta’ rikostruzzjoni ta’ disinn preċedenti, iktar u iktar meta ebda immaġini ta’ tali kumbinazzjoni ma’ tinsab fid-dokumenti pprovduti.

152. Fil-fatt, tali rikostruzzjoni tkun tinkludi imperfezzjonijiet peress li timplika neċessarjament approssimazzjonijiet, li jmorru kontra mhux biss l‑Artikolu 3 tar-Regolament Nru 6/2002, iżda wkoll kontra ir-rekwiżiti marbuta mal-evalwazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, tal-karattru ġdid ta’ disinn.

153. F’dawn il-kawżi, pereżempju, mill-punti 64 u 65 tas-sentenza appellat, mhux ikkontestati mill-partijiet, jirriżulta li l-illustrazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti annessi mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha, jirrappreżentaw tipi differenti ta’ għotien, ta’ forom u dimensjonijiet differenti, li jistgħu jiġu kkumbinati flimkien ma’ kanali jew katusi sabiex jikkostitwixxu dispożittiv komplut ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi.

154. Madankollu, kif għandu jsir il-paragun tad-disinni li jimplika l‑eżami tal-fondatezza ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jekk id‑dehra ta’ prodott u, b’mod partikolari, il-karatteristiċi tal-linji, konfigurazzjonijiet, kuluri u forma tiegħu ma humiex rikonoxxibbli u identifikabbli b’mod ċar?

155. Ir-rikostruzzjoni li skont il-Qorti Ġenerali għandu jagħmel l‑EUIPO, twassal fil-fehma tiegħi għal disinni li jippreżentaw differenzi li ma humiex neċessarjament minuri.

156. Għalhekk tali rikostruzzjoni ma tippermettix li tiżgura eżami adegwat tal-fondatezza tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità peress li ma tippermettix li tkun magħrufa d-dehra tal-prodott fis-sens tal‑Artikolu 3 tar-Regolament Nru 6/2002 u b’hekk li jsir debitament il‑paragun tad-disinni inkwistjoni kif rikjest mill-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament.

157. Jekk il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2012, Coverpla vs UASI-Heinz Glas (Flacon) (40), li l-iżvelar ta’ disinn preċedenti ma jistax jintwera bi probabbiltajiet jew preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi li juru żvelar effettiv ta’ disinn preċedenti fis-suq (41), allura dan il‑prinċipju għandu a fortiori japplika għar-riproduzzjoni ta’ dan id‑disinn.

158. F’dan ir-rigward, id-direttivi tal-EUIPO jippreċiżaw li, meta r‑riproduzzjoni annessa mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma tirrappreżentax id-disinn preċedenti b’mod adegwat, u tirrendi b’hekk impossibbli kull paragun mad-disinn ikkontestat, dan ma jikkostitwixxix żvelar fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 (42).

159. Il-prinċipju li tistabilixxi l-Qorti Ġenerali fil-punt 79 tas-sentenza appellata huwa iktar ispirat fil-verità mid-dritt ta’ privattivi ta’ invenzjoni milli mid-dritt ta’ disinni (43), għaliex l-approċċ tagħha donnu jagħti esklużività lil tip ta’ sistema ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi li fiha jistgħu jaqgħu dehriet diversi.

160. Madankollu, dan huwa ksur tat-termini u l-portata tal-Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 6/2002.

161. Konsegwentement, l-obbligu impost mill-Qorti Ġenerali fil-punt 79 tas-sentenza appellata u li huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar fil-punti 77 u 78 ta’ din is-sentenza, ma jistax jaqa’ fil-kuntest tal-eżami li għandhom jagħmlu l-istanzi tal-EUIPO skont l-Artikolu 5 u l-Artikolu 63(1) tal‑imsemmi regolament.

162. Mill-banda l-oħra, dan ma jfissirx li l-istanzi tal-EUIPO ma humiex marbuta mal-passività f’każ bħal dak inkwistjoni fejn dak li jitlob dikjarazzjoni għal invalidità jirriproduċi biss parti mid-disinn li huwa jikkunsidra viżibbli waqt użu normali.

163. Fil-fatt, l-Artikolu 65(1) tar-Regolament Nru 6/2002, li jirrigwarda t-teħid tax-xhieda “[f]’kull proċedura quddiem l[EUIPO]” (44) jipprovdi lista mhux eżawrjenti ta’ miżuri ta’ teħid tax‑xhieda (45).

164. Minkejja l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 63(1) ta’ dan ir‑regolament, l-istanzi tal-EUIPO jistgħu għalhekk, fil-kuntest ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, jinvestigaw il-kawża u b’hekk jisimgħu l-partijiet u x-xhieda, jitolbu informazzjoni jew il-produzzjoni ta’ dokumenti u mezzi ta’ prova jew anki jeżiġu espert.

165. Għalhekk, f’dawn il-kawżi, jirriżulta mill-punt 68 tas-sentenza appellata, li ma huwiex ikkontestat mill-partijiet, li riproduzzjoni ta’ disinn li jirrappreżenta l-integralità tad-dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi propost mill-impriża Blücher kien ikkomunikat minn ESS bħala anness mal-osservazzjoni tagħha quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Dan id-dokument huwa intiż sabiex juri l-applikazzjoni industrijali ta’ dan id-dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi.

166. L-istanzi tal-EUIPO kellhom għalhekk riproduzzjoni tad‑dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi kollu propost mill-imsemmija impriża.

167. Fil-kuntest tat-teħid tax-xhieda fil-kawża, u kkunsidrat il-fatt li t‑Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO:

–        wasal għal konklużjoni li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet wettqet b’mod żbaljat paragun tal-għatu waħdu inkluż fid-disinn ikkontestat mal-għatu waħdu riprodott mir-rikorrenti, u

–        konsegwentement, għall-finijiet ta’ dan il-paragun irriteniet li d‑disinn ikkontestat jinkludi għatu, iżda wkoll kanali laterali u uċuħ esterni tad-drejn tal-ilma tad-doċċa,

hija setgħet, kif ġustament irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 79 tas-sentenza appellata, faċilment tifhem, fid-dawl tal-estratti tal-katalogi Blücher ipprovduti minn Group Nivelles, li l-għatu riprodott minnha kien imur flimkien ma’ kanali u katusi bl-istess mod bħall-għatu riprodott fid-disinn ikkontestat.

168. Għalhekk, it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO seta’:

–        jew jeżiġi lil Group Nivelles jipprovdi riproduzzjonijiet addizzjonali ta’ disinn preċedenti, kif inkluż fid-dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi kollu. Barra minn hekk, dan kien ippropona lit-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO li jipprovdi kampjuni tal-prodotti rrappreżentati fid-dokumenti annessi, differenti minn dawn diġà pprovduti, jekk il-Bord jorganizza seduta. F’dan ir-rigward, dan kien ikkunsidra li proċedura orali ma kinitx utli, u ddeċieda li għandu l-elementi kollha neċessarji sabiex jieħu deċiżjoni (46).

–        jew jirreferi għar-riproduzzjoni tad-disinn li jirrappreżenta d‑dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi kollu propost mill‑impriża Blücher ipprovdut minn ESS, jekk ikun il-każ, billi jiftaħ mill-ġdid id-dibattitu b’mod li jiżgura l-osservanza tad‑drittijiet ta’ difiża tal-partijiet fil-proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u l-ekwità proċedurali.

169. Jiena ma naħsibx li dawn l-inizjattivi jaqbżu l-kompetenzi mogħtija lilu fil-kuntest tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

170. Għall-kuntrarju, fil-kuntest tal-proċedura inkwistjoni, it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO ma ħasibhiex sabiex juża s-setgħa ta’ deċiżjoni mogħtija lilu mill-Artikolu 63(2) ta’ dan ir-regolament billi eżamina l-fatti, provi u argumenti addizzjonali kollha pprovduti miż‑żewġ partijiet, anki dawk ippreżentati tard, u dan sabiex jikkompleta l-fatti u l-provi diġà pprovduti minnhom waqt il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (47).

171. Barra minn hekk, dawn il-miżuri jaqgħu perfettament fil-kuntest ta’ miżuri ta’ teħid tax-xhieda previsti fl-Artikolu 65(1) tal-imsemmi regolament.

172. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-ġurisprudenza tinterpreta r-regoli ta’ kompetenza tal-EUIPO b’mod dinamiku ħafna. B’mod partikolari nirreferi għall-interpretazzjoni użata mill-Qorti Ġenerali fl‑Artikoli 74 u 76 tar-Regolament Nru 40/94. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, li jirregolaw il-kompetenzi tal-EUIPO fil-kuntest ta’ talba ta’ oppożizzjoni fir-rigward ta’ trade mark tal-Unjoni huma redatti f’termini identiċi għal dawk li jirregolaw il-kompetenzi tal-EUIPO fil-kuntest ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju.

173. B’hekk, fis-sentenza tal-20 ta’ April 2005, Atomic Austria vs UASI– Fabricas Agrupadas de Muñecas de Onil (ATOMIC BLITZ) (48), dwar proċedura ta’ oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-EUIPO ma jistax joqgħod lura milli jwettaq evalwazzjoni kompluta tal-fatti u tad-dokumenti ppreżentati lilu billi jargumenta li huwa minn jopponi li jrid jipprovdi fuq l-inizjattiva tiegħu, provi fil-forma ta’ informazzjoni dettaljata, insostenn tal-oppożizzjoni tiegħu (49). Il-limitazzjoni ta’ bażi fattwali tal-eżami magħmul mill-EUIPO u l-prinċipju dispożittiv, li skontu l-partijiet għandhom l-inizjattiva tal-proċess u sabuiex jiddeterminaw il-kontenut, ma kinux jeskludu għalhekk li huwa jieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-fatti mressqa b’mod espliċitu minn Group Nivelles, l-indikazzjonijiet kollha pprovduti mill-partijiet.

174. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, minkejja li huwa ta’ dispjaċir li t‑Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO ma adottax il-miżuri ta’ teħid tax‑xhieda imposti sabiex jkollu riproduzzjoni tad-dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi kollu propost mill-impriża Blücher, xorta jibqa’ l-fatt li, għall-kuntrarju ta’ dak deċiż mill-Qorti Ġenerali fil-punt 79 tas‑sentenza appellata, huwa ma jistax jirrimedja din l-irregolarità billi jirrikostruwixxi, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tiegħu, id-disinn preċedenti abbażi ta’ estratti differenti mill-katalogi Blücher annessi mat‑talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

175. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 77 sa 79 tas-sentenza appellata billi rrikjediet lill-EUIPO jirrikostruwixxi, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tiegħu, id-disinn preċedenti abbażi ta’ estratti differenti mill-katalogi Blücher annessi mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità u billi rrendiet relattiv fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, l-importanza tal-pussess ta’ immaġni ta’ disinn preċedenti mitlub.

176. Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, fl-opinjoni tiegħi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat l-ilment ibbażat fuq żnaturament tal-fatti mqajjem mill-EUIPO insostenn tat-tieni aggravju tiegħu.

177. Madankollu, jekk ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa vvizzjat minn ksur tad-dritt tal-Unjoni, jiena ma naħsibx li din il-konstatazzjoni hija ta’ natura li twassal għall-annullament tas-sentenza appellate fit-totalità tagħha.

178. Fil-fatt, il-konklużjoni li tislet il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata hija validament ibbażata fuq raġunijiet oħra, żviluppati prinċipalment u b’mod awtonomu fil-punti 60 sa 70 tas-sentenza appellata.(50)

179. Huwa dawn ir-raġunijiet, li barra minn hekk ma humiex ikkontestati mill-partijiet, li jikkostitwixxu l-bażi tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

180. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza, li t-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO kien effettivament wettaq żball fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tan-novità tad-disinn ikkontestat billi pparaguna il-karatteristiċi viżibbli ta’ dan tal-aħħar ma’ element wieħed tad-disinn preċedenti, biex b’hekk ma silitx, fid-deċiżjoni kkontestata, il-konsegwenzi korretti tal-iżball li huwa kien ikkonstata fir-rigward tad-diviżjoni ta’ kanċellazzjoni.

181. F’dan ir-rigward, huwa perfettament minnu, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 62 tal-imsemmija sentenza, li “l-evalwazzjoni tan-novità tad-disinn ikkontestat kienet teħtieġ paragun bejn il-karatteristiċi viżibbli, wara l-installazzjoni, ta’ dan tal-aħħar u l-karatteristiċi viżibbli, wara l-installazzjoni, tad-disinn preċedenti, li tifforma parti minnu l-pjanċa li tkopri msemmija iktar ’il fuq”.

182. Kien ukoll b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 62 tas-sentenza appellata li “l-eżami tal-elementi prodotti mill-partijiet quddiem l-[EUIPO] ma setax iwassal għall-konklużjoni li l-pjanċa li tkopri li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni [mehmuża mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità] kienet biss parti mill-istrument ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi”(51). L-analiżi li wettqet il-Qorti Ġenerali fil-punti 63 sa 69 ta’ din is-sentenza tal-atti kkomunikati mill-partijiet fl-istanzi tal-EUIPO huwa konvinċenti u jiena nikkondividi b’mod sħiħ il-perspettiva tagħha li, fid-dawl ta’ dawn l-atti, l-EUIPO ma seta’ biss jikkonstata li persuna li ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet irriproduċiet fit-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ nullità parti biss mid-dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi ineżami.

183. Dawn ir-raġunijiet waħedhom jippermettu, li tinżamm ferma l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li t-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO effettivament wettaq żball fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tan-novità tad-disinn ikkontestat, fatt li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

184. Kif jirriżulta b’mod ċar mill-punti 71 u 86 tal-imsemmija sentenza, dawn ir-raġunijiet huma indipendenti mill-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali adottat fil-punti 72 sa 85 tas-sentenza appellata b’risposta għall-argumenti tal-EUIPO u ta’ ESS u, b’mod partikolari, mir-raġunament ta’ din tal-aħħar fil-punti 77 sa 79 tal-imsemmija sentenza(52).

185. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li l-eżami taż-żewġ motivi mqajma mill-EUIPO rrileva l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi min-naħa tal-Qorti Ġenerali, din il-konstatazzjoni, fl-opinjoni tiegħi, ma hijiex ta’ natura li twassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

B –    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 6/2002, moqrija flimkien mal-Artikolu 25(1)(b) ta’ dan ir-Regolament

186. Kif diġà semmejt fil-punt 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet, safejn it-tielet motiv huwa dirett kontra motivi li jien nipproponi li jiġu annullati minħabba l-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat dan il-motiv.

187. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, infakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jirrilevaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jkun jidher fondat fuq motivi legali oħra, l-appell għandu jiġi miċħud.(53)

188. Konsegwentement nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-appell ippreżentat mill-EUIPO u li tikkundannah għall-ispejjeż, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

IX – Fuq l-appell ta’ ESS fil-Kawża C-361/15 P

189. Insostenn tal-appell tagħha, ESS tqajjem żewġ aggravji.

190. Permezz tal-ewwel aggravju, ESS tikkritika l-analiżi li għamlet il‑Qorti Ġenerali fir-rigward tar-rilevanza, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-novità u tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, tal-użu li għalih huwa intiż il-prodott li jinkludi d-disinn preċedenti. Dan l-ewwel aggravju jinkludi tliet partijiet, li permezz tagħhom ESS tikkontesta l‑kunsiderazzjonijiet adottati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 115 sa 123 u 133 tas-sentenza appellata, mill-perspettiva tal-Artikoli 5 u 6 kif ukoll tal-Artikolu 7(1) u tal‑Artikoli 10 u 19 kif ukoll tal- Artikolu 36(6) tar-Regolament Nru 6/2002.

191. Fit-tieni aggravju, li min-naħa tiegħu huwa bbażat fuq il-ksur tal‑Artikolu 61 ta’ dan ir-regolament, ESS issostni li l-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fil-punt 137 tas-sentenza appellata.

A –    Fuq l-ewwel aggravju bbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali talArtikoli 5 sa 7(1) u tal-Artikoli 10, 19 u 36(6) tar-Regolament Nru 6/2002

192. Dan l-ewwel aggravju huwa intiż sabiex jikkontesta l‑evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li jiena nikkunsidra li tmur lil hinn mil‑limiti ta’ stħarriġ tagħha tal-legalità.

193. Għalhekk għar-raġunijiet li jiena esponejt fil-punti 64 sa 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma hemmx lok li dan l-aggravju jiġi eżaminat.

B –    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tallimiti tal-istħarriġ tagħha tal-legalità

1.      L-argumenti tal-partijiet

194. Permezz tat-tieni aggravju, ESS tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti tal-istħarriġ tal-legalità li hija tista’ teżerċita skont l‑Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002 billi ddikjarat fl-aħħar parti tal‑punt 137 tas-sentenza appellata, li “għall-kuntrarju ta’ dak li donnu jippreżumi l-intervenjent, [il-fatt li l-għatjin għandu użu industrijali] ma jfissirx li [dawn] ma jistgħux jintużaw ukoll f’postijiet oħra, b’mod partikolari f’doċċa, fejn [dawn] normalment ikollhom funzjonijiet inqas importanti”.

195. Fil-fatt, skont ESS, it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO ma ddeċidiex la fuq il-klassi tal-funzjoni li tinsab fil-katalogi Blücher (jew is‑sinjifikat tagħhom), u lanqas fuq ir-rilevanza ta’ dawn tal-aħħar għall‑evalwazzjoni tan-novità jew tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat. ESS iżżid li l-aħħar parti tal-punt 137 tas-sentenza appellata kienet inutli sabiex tasal għall-konklużjoni tagħha.

196. Group Nivelles u l-EUIPO jikkunsidraw li t-tieni aggravju għandu jiġi ddikjarat infondat minħabba l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ssostitwixxietx l-evalwazzjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO.

2.      Eżami

197. Jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad mill-ewwel dan l‑aggravju bħala ineffettiv.

198. Preliminarjament, għandu jitfakkar li fil-punt 138 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li t-Tielet Bord tal-Appell tal‑EUIPO kklassifika b’mod żbaljat l-għatu li jinsab fiċ-ċentru tal‑illustrazzjoni annessa mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bħala “drejn tal-ilma tad-doċċa” peress li “xejn fil-fajl” ma jindika li dan l‑għatu huwa intiż, esklużivament jew prinċiparjament, għal użu bħala parti minn drejn tal-ilma tad-doċċa.

199. Kif jirriżulta b’mod ċar mit-termini użati fil-punt 138 tas-sentenza appellata, din il-konklużjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni ta’ dokumenti ppreżentati lill-istanzi tal-EUIPO, li jinsabu fil-punti 135 sa 137 tas‑sentenza appellata. L-aħħar parti tal-punt 137 ta’ din is-sentenza hija distinta, kif madankollu juri l-użu tal-avverb “madankollu”, peress li l‑Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma teżamina l-kontenut tal-katalogi Blücher, iżda twettaq evalwazzjoni superfluwa.

200. Din l-evalwazzjoni bl-ebda mod ma sservi bħala bażi għall-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 138 tas-sentenza appellata, kif wara kollox jirriżulta espressament mill-espressjoni “xorta jibqa’ l-fatt li […]” użata f’dan il-punt u dak li barra minn hekk tammetti espressament ESS meta tenfasizza li din l-evalwazzjoni hija “inutili” (54).

201. Dan it-tieni aggravju, ibbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal‑limiti ta’ stħarriġ tal-legalità, għandu għalhekk jiġi miċħud.

202. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell ta’ ESS u tikkundanna lil din tal-aħħar għall-ispejjeż skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

X –    Konklużjonijiet

203. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Mejju 2015, Group Nivelles vs UASI – Easy Sanitary Solutions (Drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa) (T-15/13, EU:T:2015:281), hija annullata parzjalment, sa fejn il-Qorti Ġenerali, fil-punti 112 sa 133 ta’ din is-sentenza, evalwat jekk l-identifikazzjoni tal-prodott li fih huwa inkorporat id-disinn preċedenti, invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità, hijiex fattur rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru ġdid jew individwali tad-disinn ikkontestat, biex b’hekk iddeċidiet billi oltrepassat il-limiti tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea għall-Proprjetà Intellettwali (EUIPO), previst fl-Artikolu 61(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, fuq id-disinji Komunitarji.

2)      L-appelli huma miċħuda.

3)      Fil-Kawża C-361/15 P, Easy Sanitary Solutions BV hija kkundannata għall-ispejjeż.

4)      Fil-Kawża C–405/15 P, l-EUIPO huwa kkundannat għall-ispejjeż, filwaqt li r-Renju Unit, parti intervenjenti f’dik il-kawża, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malta, Kapitolu 13, Vol. 27 p. 142. Dan ir-regolament ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1891/2006, tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 386, p. 14).


3      Imbagħad Drain ġiet assorbita mill-Group Nivelles.


4      Iktar ’il quddiem “ESS”.


5      T-15/13, EU:T:2015:281, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.


6      Kawża R 2004/2010-3, dwar proċediment għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn I-Drain u ESS.


7      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31 p. 14, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament ta’ Implimentazzjoni”.


8      Iktar ’il quddiem il-“katalogi Blücher”.


9      Punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata.


10      Punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata.


11      ESS sostniet l-argument li d-disinn preċedenti invokat minn Group Nivelles, inkluż dak li jidher fil-katalogi Blücher, ma jistax jikkontesta n-novità u l-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, peress li dan jipprevedi prodotti differenti, jiġifieri drejns għall-evakwazzjoni ta’ likwidi, intiżi għal użu industrijali.


12      L-inkompetenza tal-awtur tal-att ikkontestat għandha, skont il-ġurisprudenza, tkun irrilevata ex officio mill-qorti Komunitarja. Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 1960, Il-Ġermanja vs Awtorità Għolja (19/58, EU:C:1960:19, p. 488), tat-30 ta’ Settembru 1982, Amylum vs Il-Kunsill (108/81, EU:C:1982:322, punt 28), tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C-210/98 P, EU:C:2000:397, punti 56 u 57), tas-27 ta’ Frar 1992, BASF et vs Il-Kummissjoni (T-79/89, T-84/89 sa T-86/89, T-89/89, T-91/89, T-92/89, T-94/89, T-96/89, T-98/89, T-102/89 u T‑104/89, EU:T:1992:26, punt 31); tal-24 ta’ Settembru 1996, Marx Esser u del Amo Martinez vs Il-Parlament (T-182/94, EU:T:1996:130, punt 44), tat-28 ta’ Jannar 2003, Laboratoires Servier vs Il-Kummissjoni (T-147/00, EU:T:2003:17, punt 45), u tal-21 ta’ Settembru 2005, Kadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑315/01, EU:T:2005:332, punt 61).


13      Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C-210/98 P, EU:C:2000:397, punti 56 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet tat-13 ta’ April 2011, Planet vs Il-Kummissjoni (T-320/09, EU:T:2011:172, punt 41 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


14      Ara b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI (C-263/09 P, EU:C:2011:452, punt 71).


15      Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI (C-263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72).


16      Ara l-punti 104 sa 111 tas-sentenza appellata.


17      Ara l-punti 93 sa 96 u 101 tas-sentenza appellata.


18      Ara l-punti 93 u 96 tas-sentenza appellata.


19      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali adottat din l-atitudni waqt l-eżami tat-talbiet għall-emenda ta’ Group Nivelles (punt 91 tas-sentenza appellata).


20      Id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Annullament kienet l-oġġett tal-ewwel appell quddiem it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO, id-deċiżjoni mogħtija minn dan kienet kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali li s-sentenza tagħha illum hija l-oġġett ta’ appell.


21      Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja illimitat l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO, għal eżami tal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, meta din tintalab tagħmel evalwazzjonijiet tekniċi ħafna, li jiġġustifikaw li din ikollha marġni ta’ diskrezzjoni [sentenza tat-18ta’ Ottubru 2012, Neuman u Galdeano del Sel vs Baena Grup (C‑101/11 P u C-102/11 P, EU:C:2012:641, punti 41 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)].


22      Kif jirriżulta mill-punti 68 u 76 tas-sentenza appellata, mhux ikkontestat minn EUIPO, li immaġini kompluta ta’ dan id-dispożittiv kienet ipprovduta minn ESS fil‑kuntest tal-osservazzjonijiet magħmula quddiem id-Diviżjoni tal-Annullament. Kien biss bħala anness mar-rikors promotur li Group Nivelles ikkomunikat lill-Qorti Ġenerali din l-immaġini, u din ġustament ikkunsidrat dan id-dokument inammissibbli (ara l-punti 21 sa 24 tas-sentenza appellata).


23      C-345/13, EU:C:2014:2013.


24      C-345/13, EU:C:2014:2013, punt 26.


25      C‑345/13, EU:C:2014:2013. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il-Kummissjoni (C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Ara d-Direttivi relattivi għall-eżami tad-disinni Komunitarji rreġistrati – Eżami tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinni, tal-EUIPO, tat-23 ta’ Marzu 2016, punt 5.5.1.6, p. 34, ħames paragrafu, disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-EUIPO fl-indirizz segwenti: https://euipo.europa.eu/tunnel-web/secure/webdav/guest/document_library/contentPdfs/law_and_practice/designs_practice_manual/WP_2_2016/examination_of_design_invalidity_applications_fr.pdf. Iktar ’il quddiem id-“direttivi tal-EUIPO”.


27      B’hekk, fid-deċiżjoni tiegħu tal-4 ta’ Ottubru 2006, dwar talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju rreġistrat bin-numru 000320809-0001 u li jirrapreżenta radjejter, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni irrifjutat li tikkkunsidra diversi disinni ta’ radjejters murija fil-katalogu, peress li l-attur ma ppreċiżax, liema fost id‑diversi disinni murija, għandu jiġu kkkunsidrat bħala d-disinn preċedenti (punt 10).


28      Skont din id-dispożizzjoni, it-talba għandu tkun immotivata.


29      Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2012, Coverpla vs UASI– Heinz-Glas (Flacon) (T-450/08, li għadha mhix ippubblikata, EU:T:2012:117, punti 21 sa 25). Il-Qorti Ġenerali kkonfermat dan l-approċċ f’sentenzi reċenti, jiġifieri, is-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2013, Budziewska vs UASI – Puma (Felin jaqbeż) (T‑666/11, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 24), tal-15 ta’ Ottubru 2015, Promarc Technics vs UASI – PIS (Pièce de porte) (T-251/14, għadha mhix ippubblikata, EU:T:2015:780, punt 31), u tal-14 ta’ Lulju 2016, Thun 1794 vs EUIPO – Adekor (Simboli grafiċi dekorattivi) (T‑420/15, għadha mhix ippubblikata, EU:T:2016:410, punti 26 u 27). Id-direttivi tal-EUIPO jirriproduċu din il‑ġurisprudenza fil-punt 5.5.1.6, p. 34, it-tieni paragrafu.


30      Ara l-formola intitolata “Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju rreġistrat”, disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-EUIPO fl-indirizz segwenti: https://euipo.europa.eu/tunnel-web/secure/webdav/guest/document_library/contentPdfs/forms_filings/all_downloadable_forms/invalidity_rcd_fr.pdf kif ukoll in-noti ta’ spjega dwar din il-formola, b’mod partikolari, il-punti 2.6 u 3, p. 4 u 5.


31      Ara d-direttivi tal-EUIPO, punt 3.9.2, p. 12, l-ewwel u t-tieni paragrafi.


32      Il-Qorti Ġenerali waslet għal konklużjoni identika fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks fis-sentenza tal-20 ta’ April 2005, Atomic Austria vs UASI – Fabricas Agrupadas de Muñecas de Onil (ATOMIC BLITZ) (T-318/03, EU:T:2005:136, punt 39), fir‑rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 1 p. 146) u tar-Regola 16(2) tar‑Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189) li l-kontenut dispożittiv tiegħu jikkorrispondi essenzjalment għal dak tal-Artikolu 63(1) tar‑Regolament Nru 6/2002 u tal-Artikolu 28(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.


33      Punt 79 tas-sentenza appellata.


34      Enfasi miżjud minni.


35      Ara F. Greffe, u P. Greffe, Traité des dessins et modèles, 9 Edizzjoni, LexisNexis, Paris, 2014, punti 87 u 88, p. 40.


36      Ara J. Raynard, E. Py, u P. Tréfigny, Droit de la propriété industrielle, 5 Edizzjoni, LexisNexis, Paris, 2016, punt 525, p. 304.


37      C-345/13, EU:C:2014:2013. Fl-imsemmi punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l‑evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn [fis-sens tal-Artikolu 6 tar‑Regolament Nru 6/2002] għandha titwettaq fil-konfront ta’ wieħed jew diversi disinni speċifiċi, individwalizzati, iddeterminati u identifikati minn fost id-disinni kollha magħmula disponibbli preċedentement lill-pubbliku”.


38      Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions (C-345/13, EU:C:2014:2013, punt 26).


39      Ara J. Passa, Droit de la propriété industrielle, Tome 1: Trade marks u sinjali distintivi oħra, disinni, Librairie Générale de Droit et de Jurisprudence, Paris, 2006, punt 752, p. 710.


40      T-450/08, għadha mhix ippubblikata, EU:T:2012:117, ara b’mod partikolari, il‑punti 21 sa 25.


41      Ara l-punt 24 ta’ din is-sentenza kif ukoll il-punt 5.5.1.6, p. 34, it-tielet paragrafu, tad-direttivi tal-EUIPO. Ara b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Lidl Stiftung vs UASI – REWE-Zentral (Salvita) (T-303/03, EU:T:2005:200, punt 38 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


42      Ara d-direttivi tal-EUIPO, punt 5.5.6.1, p. 34, is-sitt paragrafu. F’dan ir-rigward, huwa interessanti li jsir riferiment għad-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal EUIPO tal-10 ta’ Marzu 2008, fil-Kawża R 586/2007-3, “Barbecues”, u b’mod partikolari, għal punti segwenti:


“23.      It-tieni oġġezzjoni tirrigwarda l-kwalità tal-immaġni ta’ barbecue Cinders li jinsab (‘mod identiku) fiż-żewġ rivisti u fil-brochures promozzjonali ta’ Cinders Barbecues […]..


24.      Dik l-immaġni tirrappreżenta barbecue li l-pjanċa tat-tisjir tiegħu hija mgħottija kompletament bil-laħam. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni għaldaqstant kienet f’pożizzjoni li tiddistingwi “erba’ grilji separati”. L-immaġni saret imżellġa minħabba tkabbir eċċessiv, b’tali mod li l-konfigurazzjoni eżatta tal-barbecue ma hijiex viżibbli faċilment, iżda d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni osservat: “pjanċi tal-ġenb li huma ta’ forma karatteristika” (mingħajr ma pprovdiet speċifikazzjonijiet addizzjonali). Il-Bord tal-Appell ma huwiex konvint li l-immaġni – li hija l-unika prova rilevanti tal-iżvelar – issostni dawn il-konstatazzjonijiet, u inqas u inqas ma tippermetti paragun affidabbli mad-disinn kkontestat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-impressjoni globali li hija toħloq fl-utent informat.


[…]


26.      Isegwi li din l-immaġni, li ma tirrappreżentax b’mod korrett id-disinn preċedenti, li b’hekk tirrendi impossibbli kull paragun mad-disinn ikkontestat, ma tikkostitwixxix żvelar għall-finijiet tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002” (Enfasi miżjud minni).


43      Id-deskrizzjoni annessa mat-talba għal privattiva tinkludi b’mod partikolari espożizzjoni tal-invenzjoni kif ikkaratterizzati fl-invokazzjonijiet, deskrizzjoni tad‑disinni eventwali, espożizzjoni ddettaljata tal-inqas tal-mod ta’ twettiq tal‑invenzjoni flimkien ma’ eżempji, l-indikazzjoni tal-mod li bih l-invenzjoni jista’ jkollha applikazzjoni industrijali.


44      Enfasi miżjud minni.


45      Riflessjoni, fid-dritt ta’ trade marks, tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 40/94.


46      Punti 18 sa 24 tad-deċiżjoni kkontestata.


47      Ara l-punti 20 sa 24 tad-deċiżjoni kkontestata.


48      T-318/03, EU:T:2005:136.


49      Ara l-punt 38 ta’ din is-sentenza.


50      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Nikolaou vs Il-Qorti tal-Awdituri (C-220/13 P, EU:C:2014:2057, punt 38).


51      Il-korsiv żiddtu jiena.


52      Dwar dan il-punt ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


53      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il-Kummissjoni (C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).


54      Ara l-punt 57 tal-appell.