Language of document : ECLI:EU:C:2023:376

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fl‑4 ta’ Mejju 2023 (1)

Kawża C683/21

Nacionalinis visuomenės sveikatos centras prie Sveikatos apsaugos ministerijos

vs

Valstybinė duomenų apsaugos inspekcija,

intervenjenti:

“IT sprendimai sėkmei” UAB,

Lietuvos Respublikos sveikatos apsaugos ministerija

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, Vilnjus, il-Litwanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 4(7) – Kunċett ta’ ‘kontrollur’ – Żvilupp ta’ applikazzjoni għall-apparati mobbli fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 – Responsabbiltà tal-awtorità pubblika inkarigata mill-organizzazzjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-akkwist tal-applikazzjoni għall-apparati mobbli – Artikolu 4(2) – Kunċett ta’ ‘ipproċessar’ – Użu ta’ data personali fil-fażi tal-ittestjar ta’ applikazzjoni għall-apparati mobbli – Artikolu 26(1) – Kontroll konġunt – Artikolu 83 – Impożizzjoni ta’ multi amministrattivi – Kundizzjonijiet – Neċessità li l-ksur ikun iddeliberat jew negliġenti – Responsabbiltà tal-kontrollur għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn proċessur”






I.      Introduzzjoni

1.        F’dinja fejn id-data personali saret munita ta’ skambju u tikkostitwixxi minjiera tad-deheb li għadha kif instabet għan-negozji, taħt liema kundizzjonijiet jistgħu jiġu imposti multi amministrattivi fuq kontrolluri jew fuq proċessuri għall-ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 (2)? B’mod iktar preċiż, għandu jkun hemm element ta’ “ħtija” qabel ma huma jkunu jistgħu jkunu suġġetti għal tali multi? Din hija l-kwistjoni ċentrali mqajma mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja) f’din il-kawża.

2.        It-tilwima quddiem dik il-qorti, li tqum bejn in-Nacionalinis visuomenės sveikatos centras prie Sveikatos apsaugos ministerijos (iċ-Ċentru Nazzjonali tas-Saħħa Pubblika fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa, il-Litwanja; iktar ’il quddiem in-“NVSC”) u l-Valstybinė duomenų apsaugos inspekcija (l-Ispettorat Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Data, il-Litwanja; iktar ’il quddiem l-“Ispettorat”) tikkonċerna, essenzjalment, ir-rwol tan-NVSC fl-iżvilupp u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ applikazzjoni għall-apparati mobbli li ġabret, matul ix-xhur ta’ April u Mejju 2020, id-data personali ta’ persuni li kienu f’kuntatt ma’ pazjenti infettati bil-COVID‑19.

3.        F’dan il-kuntest, din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tipprovdi preċiżazzjonijiet addizzjonali dwar il-kunċetti ta’ “kontrollur”, “kontrolluri konġunti”, u “ipproċessar”, iddefiniti rispettivament fl-Artikolu 4(7), fl-Artikolu 26(1) u fl-Artikolu 4(2) tal-GDPR, u li teżamina, għall-ewwel darba, jekk huwiex possibbli, skont l-Artikolu 83 ta’ dan ir-regolament, li tiġi imposta multa amministrattiva fuq kontrollur li ma jkun wettaq ebda ksur tar-regoli inklużi fil-GDPR b’intenzjoni jew b’negliġenza. Din id-domanda teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk din id-dispożizzjoni tippermettix li jiġu imposti multi fl-assenza ta’ kull ħtija, abbażi ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni Ewropea

4.        Il-premessa 148 tal-GDPR tiddikjara:

“Sabiex jissaħħaħ l-infurzar tar-regoli ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu imposti pieni inklużi multi amministrattivi għal kwalunkwe ksur ta’ dan ir-Regolament [] F’każ ta’ ksur minuri jew jekk il-multa li x’aktarx li tiġi imposta tikkostitwixxi piż sproporzjonat għal persuna fiżika, tista’ tinħareġ twissija minflok multa. Madankollu, għandha tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta għan-natura, is-serjetà u d-dewmien tal-ksur, il-karattru intenzjonali tal-ksur, l-azzjonijiet meħuda biex itaffu d-danni sofruti, il-grad ta’ responsabbiltà jew kwalunkwe ksur preċedenti rilevanti, il-mod li bih il-ksur sar magħruf mill-awtorità superviżorja, il-konformità ma’ miżuri ordnati kontra l-kontrollur jew il-proċessur, l-aderenza għal kodiċi ta’ kondotta u kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti ieħor. L-impożizzjoni ta’ pieni inklużi multi amministrattivi għandha tkun soġġetta għal salvagwardji proċedurali adatti f’konformità mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u l-Karta, inkluż protezzjoni ġudizzjarja effettiva u proċess ġust.”

5.        Skont il-premessa 150 ta’ dan ir-regolament:

“Sabiex issaħħaħ u tarmonizza l-pieni amministrattivi għall-ksur ta’ dan ir-Regolament, kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħa li timponi multi amministrattivi. Dan ir-Regolament għandu jindika l-ksur u l-limitu massimu u l-kriterji biex jiġu stabbiliti l-multi amministrattivi relatati, li għandhom jiġu ddeterminati mill-awtorità superviżorja kompetenti f’kull każ individwali, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni speċifika, filwaqt li jittieħed kont dovut b’mod partikolari għan-natura, il-gravità u t-tul taż-żmien tal-ksur u tal-konsegwenzi tiegħu u l-miżuri meħudin biex tiġi żgurata konformità mal-obbligi taħt dan ir-Regolament u għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tal-konsegwenzi tal-ksur [] L-impożizzjoni ta' multa amministrattiva jew l-għoti ta’ twissija ma taffettwax l-applikazzjoni ta’ setgħat oħrajn tal-awtoritajiet superviżorji jew ta’ pieni oħrajn taħt dan ir-Regolament.”

6.        L-Artikolu 4(7) tal-GDPR jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kontrollur” bħala “persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali []”.

7.        L-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kontrolluri konġunti”, jistabbilixxi, fil-parti rilevanti:

“1.      Fejn żewġ kontrolluri jew aktar jiddeterminaw flimkien l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, huma għandhom ikunu kontrolluri konġunti []

[]”

8.        L-Artikolu 83 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kondizzjonijiet ġenerali biex jiġu imposti multi amministrattivi”, jipprovdi:

“1.      Kull awtorità superviżorja għandha tiżgura li l-impożizzjoni ta’ multi amministrattivi skont dan l-Artikolu fir-rigward ta' ksur ta’ dan ir-Regolament imsemmi fil-paragrafi 4, 5 u 6 għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva f’kull każ individwali.

2.      Il-multi amministrattivi għandhom, skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali, jiġu imposti flimkien ma’, jew minflok, miżuri msemmija fil-punti (a) sa (h) u (j) tal-Artikolu 58(2). Meta jiġi deċiż jekk għandiex tiġi imposta multa amministrattiva u jiġi deċiż l-ammont tal-multa amministrattiva, f’kull każ individwali, għandha tingħata konsiderazzjoni dovuta lil dawn li ġejjin:

(a)      in-natura, il-gravità u d-dewmien tal-ksur b’kont meħud tan-natura, l-ambitu jew il-fini tal-ipproċessar ikkonċernat kif ukoll l-għadd ta’ suġġetti tad-data affettwati u l-livell ta’ dannu mġarrab minnhom;

(b)      il-karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur;

[]

(k)      kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ, bħal benefiċċji finanzjarji miksuba, jew telfiet evitati, direttament jew indirettament, mill-ksur.

3.      Jekk kontrollur jew proċessur, intenzjonalment jew b’negliġenza, għall-istess attivitajiet ta’ pproċessar jew għal dawk b’rabta ma’ xulxin, jikser diversi dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, l-ammont totali tal-multa amministrattiva ma għandux jaqbeż l-ammont speċifikat għall-ksur l-aktar gravi.

[]”

B.      Iddritt Litwan

9.        L-Artikolu 72(2) tal-Viešthe jų pirkimų įstatymas (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi) jipprovdi:

“L-awtorità kontraenti għandha timplimenta proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt fl-istadji li ġejjin:

(1)      stedina bil-miktub lill-operaturi ekonomiċi magħżula sabiex jissottomettu offerti;

(2)      verifika tal-eżistenza ta’ raġunijiet għall-esklużjoni tal-operaturi ekonomiċi kif previsti fid-dokumenti tal-kuntratt, u verifika tal-konformità tal-operaturi ekonomiċi mar-rekwiżiti ta’ kwalifika imposti u, fejn applikabbli, mal-istandards ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità u/jew mal-istandards ta’ ġestjoni ambjentali meħtieġa;

(3)      żvolġiment tan-negozjati mal-offerenti skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 66 ta’ din il-liġi u talba sabiex huma jippreżentaw offerti finali. L-awtorità kontraenti ma għandhiex tkun obbligata titlob is-sottomissjoni ta’ offerta finali fil-każ ta’ operatur ekonomiku wieħed li jipparteċipa fil-proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż minn qabel;

(4) evalwazzjoni tal-offerti finali u determinazzjoni tal-kandidat magħżul”.

III. Ilfatti, ilproċeduri nazzjonali u ddomandi preliminari

10.      Sabiex jipprovdi rispons għas-sitwazzjoni li tirriżulta mit-tixrid tal-COVID‑19, il-Ministru għas-Saħħa tar-Repubblika tal-Litwanja (iktar ’il quddiem il-“Ministru għas-Saħħa”) ta struzzjonijiet, permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Marzu 2020, lid-Direttur tan-NVSC sabiex jorganizza l-iżvilupp u l-akkwist ta’ applikazzjoni għall-apparati mobbli, jiġifieri KARANTINAS. Din l-applikazzjoni għall-apparati mobbli kienet intiża sabiex tiġbor u tissorvelja d-data personali tal-persuni li kienu f’kuntatt ma’ pazjenti infettati bil-COVID‑19 (3).

11.      Fis‑27 ta’ Marzu 2020, persuna li qalet li kienet aġent li jirrappreżenta n-NVSC informat lill-kumpannija “IT sprendimai sėkmei” UAB (iktar ’il quddiem “ITSS”) li hija kienet intgħażlet sabiex tkun l-iżviluppatur ta’ KARANTINAS. Ġew skambjati numru ta’ posta elettronika bejn ITSS u din il-persuna kif ukoll bejn ITSS u numru ta’ impjegati u d-Direttur tan-NVSC dwar l-iżvilupp ta’ din l-applikazzjoni għall-apparati mobbli. F’dan l-istadju ġie redatt ukoll ftehim ta’ kunfidenzjalità, li jsemmi kemm lil ITSS kif ukoll lin-NVSC bħala kontrolluri.

12.      L-applikazzjoni għall-apparati mobbli li finalment kienet żviluppata tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għal finijiet ta’ tniżżil minn Google Play Store fl‑4 ta’ April 2020, u minn Apple App Store fis‑6 ta’ April 2020. Kemm ITSS kif ukoll in-NVSC reġgħu ssemmew bħala kontrolluri fil-verżjoni ta’ KARANTINAS li saret disponibbli għall-pubbliku għal finijiet ta’ tniżżil. F’dak iż-żmien, din l-applikazzjoni għall-apparati mobbli kienet għadha ma nxtratx min-NVSC.

13.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ April 2020, il-Ministru għas-Saħħa inkariga lid-Direttur tan-NVSC sabiex jipproċedi għall-akkwist ta’ KARANTINAS permezz ta’ proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, skont l-Artikolu 72(2) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi.

14.      Din il-proċedura nbdiet iżda, peress li ma rċevietx il-finanzjament neċessarju, in-NVSC temmha. Għalhekk, ma ġie konkluż l-ebda kuntratt pubbliku għal xiri. Madankollu, KARANTINAS baqgħet disponibbli sabiex titniżżel mill-pubbliku.

15.      Fil‑15 ta’ Mejju 2020, in-NVSC talab lil ITSS sabiex ma tużax dettalji tan-NVSC u sabiex ma tistabbilixxi l-ebda rabtiet man-NVSC fl-applikazzjoni għall-apparati mobbli. Fit‑18 ta’ Mejju 2020, l-Ispettorat beda investigazzjoni dwar kemm ITSS kif ukoll in-NVSC għal ksur tar-regoli previsti mill-GDPR. L-attivitajiet ta’ KARANTINAS ġew sospiżi fuq talba tal-Ispettorat fis‑26 ta’ Mejju 2020. Skont ITSS, 3 802 utent kienu pprovdew id-data personali tagħhom permezz tal-applikazzjoni bejn l‑4 ta’ April u s‑26 ta’ Mejju 2020.

16.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Frar 2021, l-Ispettorat impona multi amministrattivi fuq in-NVSC u fuq ITSS, fil-kapaċità tagħhom ta’ kontrolluri konġunti, għal ksur tal-Artikoli 5, 13, 24, 32 u 35 tal-GDPR (4).

17.      Din id-deċiżjoni ġiet ikkontestata min-NVSC quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus). Din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “kontrollur”, fis-sens tal-Artikolu 4(7) tal-GDPR, għandux jiġi interpretat b’mod wiesa’ b’mod li jinkludi kull persuna fiżika jew ġuridika jew kull organu bħan-NVSC li ma huwiex l-iżviluppatur ta’ applikazzjoni għall-apparati mobbli, iżda li, bl-għan tal-akkwist ta’ tali applikazzjoni għall-apparati mobbli permezz ta’ sejħa għal offerti, iddetermina “l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali”, jew jekk dan il-kunċett għandux jiġi interpretat b’mod iktar strett, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku u l-eżitu tagħha.

18.      B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk il-fatt li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti ġiet finalment abbandunata, u KARANTINAS qatt ma ġiet akkwistata min-NVSC, huwiex rilevanti f’dan ir-rigward. Hija tistaqsi wkoll jekk il-fatt li n-NVSC ma tax il-kunsens uffiċjali jew awtorizza it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ din l-applikazzjoni għall-apparati mobbli għandux effett fuq din l-evalwazzjoni.

19.      Barra minn hekk, hija tistaqsi dwar ir-relazzjoni bejn in-NVSC u l-ITSS. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi f’liema ċirkustanzi din l-entità u din il-kumpannija jkollhom jitqiesu bħala “kontrolluri konġunti”, fis-sens tal-Artikolu 4(7) u tal-Artikolu 26(1) tal-GDPR. Sussidjarjament, jekk in-NVSC u l-ITSS ma kellhomx jitqiesu bħala “kontrolluri konġunti”, iżda bħala “kontrollur” u “proċessur” (5) (rispettivament), skont il-GDPR, hija tixtieq tkun taf meta l-azzjonijiet tal-ITSS jistgħu jinvolvu r-responsabbiltà tan-NVSC. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi jekk l-Artikolu 83 tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li multa amministrattiva tista’ tiġi imposta fuq kontrollur bħan-NVSC li huwa stess ma wettaq ebda ksur ta’ dan ir-regolament b’intenzjoni jew b’negliġenza.

20.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Il-kunċett ta’ ‘kontrollur’ stabbilit fl-Artikolu 4(7) ta[l-GDPR] jista’ jiġi interpretat fis-sens li jfisser li persuna li għandha l-intenzjoni li takkwista għodda għall-ġbir ta’ data (applikazzjoni tal-mowbajl) permezz ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għandha xorta waħda titqies bħala kontrollur minkejja l-fatt li l-kuntratt pubbliku ma ġiex konkluż u li l-prodott maħluq (applikazzjoni tal-mowbajl), li għall-akkwist tiegħu intużat proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliku, ma ġiex ittrasferit?

(2)      Il-kunċett ta’ ‘kontrollur’ stabbilit fl-Artikolu 4(7) tal-GDPR jista’ jiġi interpretat fis-sens li jfisser li awtorità kontraenti li ma kisbitx id-dritt tal-proprjetà tal-prodott informatiku maħluq, u li għadha ma daħlitx fil-pussess tiegħu, iżda meta l-verżjoni finali tal-applikazzjoni maħluqa tipprovdi links jew interfaces lejn din l-entità pubblika u/jew il-polza ta’ kunfidenzjalità, li ma kinitx approvata jew irrikonoxxuta uffiċjalment mill-entità pubblika inkwistjoni, li kienet tispeċifika lil din l-entità pubblika stess bħala l-kontrollur, għandha wkoll titqies bħala kontrollur?

(3)      Il-kunċett ta’ ‘kontrollur’ stabbilit fl-Artikolu 4(7) tal-GDPR jista’ jiġi interpretat fis-sens li jfisser li persuna li ma wettqet ebda operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data kif iddefinit fil-punt 2 tal-Artikolu 4 tal-GDPR u/jew ma tatx permess/kunsens ċar għat-twettiq ta’ tali operazzjonijiet għandha wkoll titqies bħala kontrollur? Il-fatt li l-prodott informatiku użat għall-ipproċessar ta’ data personali nħoloq skont l-inkarigu fformulat mill-awtorità kontraenti huwa sinifikanti għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘kontrollur’?

(4)      Jekk id-determinazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data effettivi hija rilevanti għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘kontrollur’, id-definizzjoni ta’ ‘pproċessar’ ta’ data personali skont il-punt 2 tal-Artikolu 4 tal-GDPR għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri wkoll sitwazzjonijiet fejn kopji ta’ data personali ntużaw għall-ittestjar ta’ sistemi informatiċi fil-proċess tal-akkwist tal-applikazzjoni tal-mowbajl?

(5)      Kontroll flimkien ma’ oħrajn ta’ data skont l-Artikolu 4(7) u l-Artikolu 26(1) tal-GDPR jista’ jiġi interpretat esklużivament fis-sens li jinvolvi azzjonijiet ikkoordinati deliberatament fir-rigward tad-determinazzjoni tal-għan u tal-mezz tal-ipproċessar tad-data, jew jista’ dak il-kunċett jiġi interpretat ukoll fis-sens li jfisser li kontroll flimkien ma’ oħrajn ikopri wkoll sitwazzjonijiet fejn ma hemmx ‘arranġament’ ċar fir-rigward tal-għan u tal-mezz ta’ pproċessar tad-data u/jew azzjonijiet ma humiex ikkoordinati bejn l-entitajiet? Iċ-ċirkustanza fir-rigward tal-istadju fil-ħolqien tal-mezz ta’ pproċessar ta’ data personali (applikazzjoni informatika) li fiha ġiet ipproċessata data personali u l-għan tal-ħolqien tal-applikazzjoni huma legalment sinnifikanti għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ kontroll ta’ data flimkien ma’ oħrajn? Jista’ arranġament bejn kontrolluri konġunti jinftiehem esklużivament bħala stabbiliment ċar u ddefinit ta’ termini li jirregolaw il-kontroll ta’ data flimkien ma’ oħrajn?

(6)      Id-dispożizzjoni fl-Artikolu 83(1) tal-GDPR li tgħid li ‘multi amministrattivi […] għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva' għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri wkoll każijiet ta’ impożizzjoni ta’ responsabbiltà fuq il-‘kontrollur’ meta, fil-proċess tal-ħolqien ta’ prodott informatiku, l-iżviluppatur iwettaq ukoll azzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali, u l-azzjonijiet illegali ta’ pproċessar ta’ data personali mwettqa mill-proċessur dejjem jagħtu awtomatikament lok għar-responsabbiltà legali min-naħa tal-kontrollur? Dik id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri wkoll każijiet ta’ responsabbiltà mingħajr ħtija min-naħa tal-kontrollur?”

21.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tat‑22 ta’ Ottubru 2021 ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Novembru 2021. In-NVSC, l-Ispettorat, il-Gvern Litwan u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

22.      Il-Gvern Litwan u dak Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni u l-Kunsill, kienu rrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fis‑17 ta’ Jannar 2023.

IV.    Analiżi

23.      Matul il-pandemija tal-COVID‑19, l-applikazzjonijiet għall-apparati mobbli maħsuba sabiex “jidentifikaw u jittraċċaw” il-persuni infettati bil-virus u/jew dawk li kienu f’kuntatt ma’ persuna infettata bil-virus tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għal finijiet ta’ tniżżil f’ħafna Stati Membri. Tali applikazzjonijiet għall-apparati mobbli ġew żviluppati sabiex tiġi pprovduta rispons għall-urġenza tas-sitwazzjoni, ħafna drabi bil-parteċipazzjoni ta’ diversi entitajiet pubbliċi u privati (bħall-ministeri u entitajiet pubbliċi oħra, kif ukoll kumpanniji privati). L-utenti kienu obbligati jtellgħu d-data personali tagħhom f’dawn l-applikazzjonijiet għall-apparati mobbli, b’mod partikolari data dwar is-saħħa tagħhom (6).

24.      Il-kawża prinċipali tikkonċerna, preċiżament, tali applikazzjoni għall-apparati mobbli, jiġifieri l-applikazzjoni KARANTINAS, li ġiet żviluppata mill-kumpannija ITSS (kumpannija privata) fuq l-inizjattiva tan-NVSC (awtorità pubblika), wara deċiżjoni tal-Ministru għas-Saħħa. La mill-atti tal-proċess tal-kawża, u lanqas minn dawk ipprovduti waqt is-seduta, ma jirriżulta b’mod ċar liema entitajiet pubbliċi Litwani oħra, jekk kien hemm, kienu involuti fl-iżvilupp tal-applikazzjoni (7). Hemm ukoll dubji dwar jekk in-NVSC tax il-kunsens tiegħu li KARANTINAS issir disponibbli għall-pubbliku waqt il-perjodu li matulu seħħ l-ipproċessar tad-data personali (April u Mejju 2020). Madankollu, fid-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus) identifikat iċ-ċirkustanzi li ġejjin bħala rilevanti:

–        In-NVSC kien ippjana li jakkwista lil KARANTINAS skont l-Artikolu 72(2) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, iżda l-proċedura qatt ma tlestiet u l-akkwist qatt ma seħħ. Is-sjieda ta’ KARANTINAS għalhekk qatt ma ġiet ittrasferita minn ITSS lin-NVSC;

–        In-NVSC issemma bħala kontrollur fil-politika ta’ kunfidenzjalità ta’ KARANTINAS, li kienet disponibbli għall-pubbliku. Ir-rabtiet man-NVSC kienu jinsabu wkoll fl-aħħar verżjoni tal-applikazzjoni, li madankollu, qatt ma ġiet approvata uffiċjalment minn din l-entità;

–        In-NVSC qatt ma pproċessa data personali huwa stess u lanqas formalment ma ta l-kunsens tiegħu għall-attivitajiet ta’ pproċessar imwettqa, iżda ta struzzjonijiet dwar l-iżvilupp ta’ KARANTINAS u dawn l-istruzzjonijiet ġew segwiti minn ITSS,

–        L-ITSS u n-NVSC ma waslu għal ebda arranġament formali dwar l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali li seħħ.

25.      F’dan il-kuntest, id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-GDPR. L-ewwel tliet domandi kif ukoll il-ħames domanda, jeħtieġu interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kontrollur”, fis-sens tal-Artikolu 4(7) ta’ dan ir-regolament, u jeħtieġu kjarifika dwar il-kundizzjonijiet li fihom żewġ entitajiet jew iktar jistgħu jitqiesu li huma “kontrolluri konġunti”, skont din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-regolament. Fl-ewwel lok, ser nanalizza dawn id-domandi flimkien (A) qabel ma nindirizza r-raba’ domanda, li tirrigwarda l-kunċett ta’ “pproċessar”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-GDPR, u l-applikazzjoni tiegħu fil-kuntest tal-fażi tal-ittestjar ta’ applikazzjoni għal apparati mobbli (B) (8). Imbagħad ser nidħol fil-kwistjoni li tinsab fil-qalba ta’ din il-kawża, jiġifieri s-sitt domanda, li hija ta’ natura trażversali peress li tirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu imposti multi amministrattivi fuq il-kontrolluri, skont l-Artikolu 83 tal-GDPR (C).

A.      Fuq ilkunċett ta’ “kontrollur” u ssitwazzjonijiet ta’ kontroll konġunt (lewwel sattielet domanda u lħames domanda)

26.      Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ddettaljati fil-punt 24 iktar ’il fuq, entità bħan-NVSC għandhiex titqies bħala “kontrollur” fis-sens tal-Artikolu 4(7) tal-GDPR. Barra minn hekk, permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq kjarifika jekk, f’tali ċirkustanzi, żewġ entitajiet bħan-NVSC u ITSS għandhomx jitqiesu bħala “kontrolluri konġunti”, konformement ma’ din id-dispożizzjoni u mal-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-regolament, minkejja li ma waslux għal arranġament formali dwar l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar u/jew ma jidhrux li kkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom b’mod ieħor.

1.      X’inhu kontrollur? (Lewwel sattielet domanda)

27.      Infakkar li, skont l-Artikolu 4(7) tal-GDPR, “kontrollur” huwa ddefinit bħala l-persuna jew l-entità li, “waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali”. Fi kliem ieħor, kontrollur ma għandu bżonn jipproċessa l-ebda data personali huwa stess , iżda għandu jiddetermina l-“għalfejn u l-mod” tal-attivitajiet ta’ pproċessar ikkonċernati (9). Il-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġerixxiet li, sabiex tissodisfa dan il-kriterju, persuna jew entità għandha effettivament “tinfluwenza [] l-ipproċessar ta’ data personali” (10). Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar jiġu ddeterminati f’konformità ma’ linji gwida bil-miktub jew struzzjonijiet mill-kontrollur (11). Tabilħaqq, l-Artikolu 4(7) tal-GDPR jeħtieġ analiżi fattwali pjuttost milli waħda formali.

28.      F’dan il-kuntest, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB) issuġġerixxa li huwa possibbli wkoll li wieħed ikun kontrollur irrispettivament mill-attribuzzjoni legali ta’ kompetenza jew setgħa speċifika ta’ kontroll tad-data. Tabilħaqq, il-kapaċità li jiġu ddeterminati l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tiddependi, qabelxejn, mill-influwenza eżerċitata, li tista’ tiġi dedotta minn ċirkustanzi fattwali. Entità li hija effettivament f’pożizzjoni li tiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar għalhekk titqies bħala “kontrollur”, irrispettivament minn jekk ġietx formalment innominata bħala tali (bil-liġi jew b’kuntratt jew b’xi mod ieħor) (12).

29.      Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, nirrileva li diversi miċ-ċirkustanzi deskritti mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel tliet domandi huma ta’ natura purament formali pereżempju l-fatt li n-NVCS ma huwiex il-proprjetarju legali ta’ KARANTINAS jew li l-proċedura ta’ akkwist ta’ din l-applikazzjoni għal apparati mobbli qatt ma tlestiet, jew li n-NVSC ma awtorizzax uffiċjalment ir-rilaxx tal-applikazzjoni lill-pubbliku ġenerali u lanqas approva l-aħħar verżjoni tal-applikazzjoni. Fil-fehma tiegħi, l-ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi ma tista’, waħedha, tipprekludi konstatazzjoni li n-NVSC aġixxa bħala “kontrollur”, fis-sens tal-Artikolu 4(7) tal-GDPR, fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, dawn ma humiex biżżejjed sabiex tiġi kkonfutata konklużjoni li n-NVSC kien effettivament f’pożizzjoni li jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali li seħħ. Bl-istess mod, jidhirli li l-fatt li n-NVSC issemma bħala kontrollur fil-politika ta’ kunfidenzjalità tal-verżjoni ta’ KARANTINAS imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għal finijiet ta’ tniżżil, jew li rabtiet ma’ din l-entità kienu ġew inklużi f’din il-verżjoni tal-applikazzjoni għal apparati mobbli, huwa rilevanti, iżda mhux determinanti, fir-rigward tal-influwenza effettivament eżerċitata minn din l-entità.

30.      Għall-kuntrarju, il-provi li għandha l-qorti tar-rinviju li juru li n-NVSC iddeċieda liema tip ta’ data personali għandha tinġabar minn KARANTINAS u mingħand liema suġġetti tad-data u/jew aspetti essenzjali oħra tal-ipproċessar huma, fil-fehma tiegħi, suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li din l-entità kienet tiddetermina l-“mezz” tal-ipproċessar. Barra minn hekk, inqis li l-fatt li KARANTINAS inħolqot sabiex tilħaq l-għan iddefinit min-NVSC, jiġifieri li tipprovdi rispons għall-pandemija tal-COVID‑19, u li l-funzjonament tagħha ġie emendat regolarment minn ITSS sabiex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet iddeterminati min-NVSC, konformement mal-istruzzjonijiet ipprovduti minn din l-entità, huwa biżżejjed sabiex jiġi konkluż li din l-entità ddeterminat l-“għanijiet” ta’ dan l-ipproċessar.

31.      Dan premess, jidhirli li, sabiex jiġi ddeterminat jekk entità bħan-NVSC tistax titqies bħala “kontrollur” fis-sens tal-Artikolu 4(7) tal-GDPR, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika wkoll jekk, minkejja l-influwenza eżerċitata min-NVSC fl-istadju tal-iżvilupp ta’ KARANTINAS, id-deċiżjoni li din l-applikazzjoni mobbli titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u, għaldaqstant, li jitwettaq l-ipproċessar ta’ data personali ġietx effettivament adottata bil-kunsens (espliċitu jew impliċitu) ta’ din l-entità (indipendentement mill-fatt li dan il-kunsens ma ġiex ipprovdut uffiċjalment jew formalment).

32.      Tabilħaqq, kif tindika b’mod ċar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kontrollur” li tinsab fl-Artikolu 4(7) tal-GDPR, l-influwenza eżerċitata minn kontrollur għandha tirrigwarda l-ipproċessar ta’ data personali nnifsu, u mhux biss xi stadju preliminari. Persuna fiżika jew ġuridika jew entità ma ssirx “kontrollur” minħabba s-sempliċi fatt li tibda l-iżvilupp ta’ applikazzjoni għal apparati mobbli jew tiddefinixxi l-parametri ta’ din l-applikazzjoni (jew għodda oħra għall-ġbir ta’ data). L-azzjonijiet tagħha għandhom ikunu marbuta b’mod effettiv mal-ipproċessar ta’ data personali u għalhekk hija għandha tkun tat il-kunsens espliċitu jew impliċitu tagħha għall-użu tal-għodda rilevanti sabiex jitwettaq tali pproċessar.

33.      Il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet fuq dan ir-rekwiżit fis-sentenza tagħha Fashion ID (13), li fiha hija indikat espressament li r-responsabbiltà tal-kontrollur hija limitata għall-attività jew għas-sett ta’ attivitajiet li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali li fir-rigward tiegħu huwa effettivament iddetermina l-għanijiet u l-mezzi (14). Minn dan isegwi li d-determinazzjoni tal-għanijiet u l-mezzi għandha tkun direttament relatata mal-attività jew mas-sett ta’ attivitajiet rilevanti li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali.

34.      Fil-fehma tiegħi, minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li entità, bħan-NVSC, li tibda l-iżvilupp ta’ applikazzjoni għal apparati mobbli tista’ titqies bħala “kontrollur”, fis-sens tal-Artikolu 4(7) tal-GDPR, biss fil-każ fejn jeżistu biżżejjed elementi ta’ natura fattwali, iktar milli formali, li jippermettu lill-qrati nazzjonali jikkonkludu li tali entità eżerċitat influwenza effettiva fir-rigward tal-“għanijiet u l-mezzi” ta’ dan l-ipproċessar u li hija tat il-kunsens effettiv għall-iżvelar tal-applikazzjoni għal apparati mobbli lill-pubbliku u, konsegwentement, għall-ipproċessar tad-data personali. Bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, nemmen li n-NVSC jissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

2.      Meta jistgħu żewġ entitajiet jitqiesu bħala kontrolluri konġunti? (ilħames domanda)

35.      Il-ħames domanda tirrigwarda l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex żewġ entitajiet (jew iktar) jitqiesu bħala kontrolluri konġunti. Nifhem li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett għaliex tissuspetta li, fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, in-NVSC u ITSS jistgħu jitqiesu bħala “kontrolluri konġunti” u, bħala tali, jistgħu jkunu responsabbli in solidum għad-dannu kkawżat (15), u/jew jiġu ssanzjonati konġuntament għall-ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data mwettaq meta KARANTINAS tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għal finijiet ta’ tniżżil. Nirrileva, f’dan ir-rigward, li, kif indikajt fil-punt 16 iktar ’il fuq, din l-entità u din il-kumpannija, fir-realtà, it-tnejn li huma ġew misjuba responsabbli u mmultati skont l-Artikolu 83 tal-GDPR għall-ksur imwettaq, fil-kapaċità tagħhom ta’ kontrolluri konġunti, mill-Ispettorat.

36.      Skont l-Artikolu 26(1) tal-GDPR, ikunu jeżistu “kontrolluri konġunti” meta żewġ kontrolluri jew iktar jiddeterminaw b’mod konġunt l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar. Kull kontrollur konġunt għandu, għalhekk, jissodisfa b’mod awtonomu l-kriterji elenkati fid-definizzjoni ta’ “kontrollur” prevista fl-Artikolu 4(7) ta’ dan ir-regolament (16). Barra minn hekk, il-kontrolluri konġunti għandu jkollhom ċerta relazzjoni bejniethom, peress li l-influwenza tagħhom fuq l-ipproċessar għandha tiġi eżerċitata b’mod konġunt.

37.      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-eżistenza ta’ kontroll konġunt ma timplikax neċessarjament responsabbiltà jew parteċipazzjoni ugwali tal-persuni jew entitajiet differenti involuti. Għall-kuntrarju, il-kontrolluri konġunti jistgħu jkunu involuti fi stadji differenti tal-ipproċessar, b’tali mod li l-livell ta’ responsabbiltà ta’ kull wieħed minnhom għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha f’kull każ (17). Barra minn hekk, ir-responsabbiltà konġunta ta’ diversi entitajiet għall-istess ipproċessar ma teħtieġx li kull wieħed minnhom ikollu aċċess għad-data personali kkonċernata (18). Madankollu, dak li huwa importanti huwa li huma jipparteċipaw flimkien fid-determinazzjoni tal-“għanijiet u l-mezzi” tal-ipproċessar.

38.      F’dan ir-rigward, nirrileva li, kif jindikaw il-Linji Gwida 07/2020, tali parteċipazzjoni konġunta tista’ teżisti taħt forom differenti. Din tista’ tirriżulta minn deċiżjoni komuni meħuda minn żewġ entitajiet jew iktar jew din tista’ sempliċement tirriżulta minn deċiżjonijiet konverġenti ta’ dawn l-entitajiet. Meta dan tal-aħħar ikun il-każ, ikun importanti biss li d-deċiżjonijiet jikkumplimentaw lil xulxin u jkunu meħtieġa għat-twettiq tal-ipproċessar b’tali mod li jkollhom effett konkret fuq id-determinazzjoni tal-għanijiet u tal-mezzi tal-ipproċessar — li jfisser, essenzjalment, li l-ipproċessar ma jkunx possibbli mingħajr il-parteċipazzjoni taż-żewġ partijiet (19).

39.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li żewġ kontrolluri (f’dan il-każ, in-NVSC u ITSS) ma waslu għal ebda arranġament formali dwar l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar u/jew ma jidhirx li kkoordinaw b’mod ieħor l-azzjonijiet tagħhom jipprekludihomx milli jitqiesu bħala “kontrolluri konġunti”.

40.      Nifhem li d-dubji tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward jirriżultaw mill-fatt li, skont l-Artikolu 26(1) tal-GDPR, il-kontrolluri konġunti għandhom, b’mod trasparenti, jiddeterminaw ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom fir-rigward tal-osservanza tal-obbligi ta’ dan ir-regolament, permezz ta’ arranġament bejniethom. Barra minn hekk, il-premessa 79 ta’ dan ir-regolament tindika li hija meħtieġa “allokazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet”, inkluż meta kontrollur jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar flimkien ma’ oħrajn. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dawn l-obbligi u rekwiżiti japplikaw għall-kontrolluri konġunti biss ladarba dawn jistgħu jitqiesu bħala tali. Dawn ma jiffurmawx parti mill-kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala tali.

41.      Kif indikajt fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kontroll konġunt jiddependi biss fuq l-issodisfar ta’ żewġ kundizzjonijiet oġġettivi. L-ewwel, kull kontrollur konġunt għandu jissodisfa l-kriterji elenkati fid-definizzjoni ta’ “kontrollur” prevista fl-Artikolu 4(7) tal-GDPR. Il-proċess tal-kawża ma jinkludix biżżejjed informazzjoni li tippermetti li jiġi ddeterminat jekk, fis-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, ITSS għandhiex titqies bħala “kontrollur” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, jidhirli, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li għamilt fit-taqsima preċedenti u bla ħsara għall-verifika li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, li tal-inqas in-NVSC - jekk mhux kemm din l-entità kif ukoll ITSS - jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jitqies bħala “kontrollur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. It-tieni, l-influwenza tal-kontrolluri fuq l-ipproċessar għandha tiġi eżerċitata b’mod konġunt (li jfisser li għandha tiġi eżerċitata skont il-kriterji legali u l-ġurisprudenza li fakkart fil-punti 37 u 38 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, spjegajt li l-parteċipazzjoni konġunta fl-ipproċessar tista’ teżisti f’forom differenti u lanqas ma għandha tirriżulta minn deċiżjoni komuni tal-partijiet involuti. Bħala tali, l-approċċ sostantiv u funzjonali meħtieġ sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna jew entità għandhiex titqies bħala “kontrollur”, fis-sens tal-Artikolu 4(7) tal-GDPR, japplika wkoll, fil-fehma tiegħi, għall-kontroll konġunt (20).

42.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena tal-fehma, l-ewwel, li l-assenza ta’ xi ftehim jew ta’ xi arranġament jew anki ta’ deċiżjoni komuni bejn żewġ kontrolluri jew iktar bħan-NVSC u ITSS ma tistax, waħedha, teskludi konstatazzjoni li dawn ikunu “kontrolluri konġunti” fis-sens tal-Artikolu 4(7) tal-GDPR, moqri flimkien mal-Artikolu 26(1) tiegħu. F’dan ir-rigward, inżid li l-EDPB issuġġerixxa li, għalkemm arranġamenti kuntrattwali jistgħu jkunu utli għall-evalwazzjoni ta’ kontroll konġunt, dawn għandhom dejjem jiġu vverifikati fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali tar-relazzjoni bejn il-partijiet (21).

43.      It-tieni, jidhirli wkoll li s-sempliċi fatt li n-NVSC u ITSS ma jidhrux, lil hinn mill-fatt li ma laħqux ftehim, arranġament jew deċiżjoni komuni, li kkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom jew ikkooperaw b’xi mod ieħor ma’ xulxin ma jfissirx li ma jistgħux jitqiesu bħala “kontrolluri konġunti”. Anki jekk tali koordinazzjoni jew kooperazzjoni teżisti, din hija irrilevanti għall-kwistjoni dwar jekk ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ entitajiet hijiex relazzjoni ta’ kontroll konġunt jew le. Tabilħaqq, wieħed jista’ faċilment jimmaġina li kooperazzjoni jew koordinazzjoni tkun tista’ teżisti bejn żewġ entitajiet jew iktar, mingħajr bl-ebda mod ma jkunu kontrolluri konġunti. Pereżempju, żewġ kontrolluri separati jistgħu jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom jew jikkooperaw ma’ xulxin bl-intenzjoni li jittrasferixxu data personali bejniethom. Madankollu, dan ma jirrendihomx “kontrolluri konġunti” fis-sens tal-Artikolu 4(7) u tal-Artikolu 26(1) tal-GDPR (22). Dak li jgħodd huwa, hekk kif spjegajt fil-punt 38 iktar ’il fuq, li l-ipproċessar ma jkunx possibbli mingħajr il-parteċipazzjoni taż-żewġ partijiet minħabba li t-tnejn għandhom effett tanġibbli fuq id-determinazzjoni tal-għanijiet u l-mezzi ta’ dan l-ipproċessar.

3.      Konklużjoni dwar linterpretazzjoni talkunċett ta’ “kontrollur” u sitwazzjonijiet ta’ kontroll konġunt

44.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li, minn naħa, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, entità bħan-NVSC tissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(7) tal-GDPR sabiex titqies bħala “kontrollur”. Min-naħa l-oħra, il-fatt dwar jekk in-NVSC u ITSS jistgħux jitqiesu bħala “kontrolluri konġunti”, skont il-kriterji li esponejt fit-taqsima preċedenti, jew jikkwalifikaw bħala “kontrollur” u “proċessur” rispettivament, jiddependi fuq in-natura tal-relazzjoni tagħhom, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.

45.      F’dan ir-rigward, inżid li n-natura tar-relazzjoni bejn in-NVSC u ITSS (jiġifieri, jekk humiex “kontrolluri konġunti” jew, rispettivament, “kontrollur” u “proċessur”) hija rilevanti għas-sitt domanda. Għalhekk ser nerġa’ nirreferi għall-konstatazzjonijiet li għamilt fir-rigward tal-ħames domanda meta nindirizza l-kwistjonijiet imqajma mis-sitt domanda.

B.      Fuq ilkunċett ta’ “pproċessar” (irraba’ domanda)

46.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-definizzjoni ta’ “pproċessar” prevista fl-Artikolu 4(2) tal-GDPR tkoprix sitwazzjoni fejn data personali tintuża fil-fażi tal-ittestjar ta’ applikazzjoni għal apparati mobbli (23). Niddeduċi mit-talba għal deċiżjoni preliminari li KARANTINAS tqiegħdet f’fażi ta’ ttestjar qabel ma tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għal finijiet ta’ tniżżil. Għalhekk, milli qiegħed nifhem, ir-raba’ domanda tirrigwarda sitwazzjoni differenti minn dik fil-qalba tad-domandi l-oħra magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, li kollha huma relatati mal-ipproċessar ta’ data personali wara l-iżvolġiment tal-fażi ta’ ttestjar, meta KARANTINAS ġiet żvelata lill-pubbliku . B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-użu ta’ data personali matul din il-fażi ta’ ttestjar jistax jiġi kklassifikat bħala “pproċessar” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-GDPR u, bħala tali, jista’ jwassal għal responsabbiltà eventwali tal-kontrolluri u/jew tal-proċessuri involuti.

47.      L-Artikolu 4(2) tal-GDPR jiddefinixxi l-“ipproċessar” bħala “kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom []” (24).

48.      Nifhem minn din il-formulazzjoni (b’mod partikolari mill-użu tal-kelma “kwalunkwe” u ta’ termini ġeneriċi bħal “attività” jew “sett ta’ attivitajiet”) li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata f’sens wiesa’, b’mod li tkopri l-ikbar numru possibbli ta’ sitwazzjonijiet li fihom tintuża data personali. Il-lista mhux eżawrjenti ta’ tali sitwazzjonijiet, li hija prevista f’din id-dispożizzjoni, tikkonferma din l-interpretazzjoni, fid-dawl tad-diversità tal-attivitajiet li jinsabu fiha (25).

49.      Barra minn hekk, filwaqt li mit-taqsima preċedenti jirriżulta li d-definizzjoni ta’ “kontrollur”, fis-sens tal-Artikolu 4(7) ta’ dan ir-regolament, hija marbuta mill-qrib mal-għanijiet tal-ipproċessar ta’ data personali (ir-raġunijiet “għalfejn” tinġabar id-data personali), dan ma huwiex il-każ tad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament. Bħala tali, ir-raġunijiet li għalihom titwettaq attività jew sett ta’ attivitajiet huma, bħala prinċipju, mingħajr effett fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn għandhomx jiġu kklassifikati bħala “pproċessar”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-kwistjoni dwar jekk data personali tinġabarx sabiex jiġu ttestjati s-sistemi tal-informatika integrati f’applikazzjoni għal apparati mobbli jew għal għan ieħor ma taffettwax il-kwistjoni dwar jekk l-attività inkwistjoni tikkwalifikax bħala “pproċessar”.

50.      F’dan ir-rigward, nirrileva wkoll li l-“użu” ta’ data personali (mingħajr riferiment ieħor u, għaldaqstant, indipendentement mill-għan tal-użu) jinsab fost l-attivitajiet jew is-settijiet ta’ attivitajiet li jikkostitwixxu “pproċessar” (26). Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tal-GDPR ma jinkludi l-ebda eċċezzjoni, deroga jew esklużjoni espliċita għal attivitajiet relatati mal-użu ta’ data personali għall-ittestjar ta’ sistemi tal-informatika. Minn dan isegwi li xejn ma jipprekludi li l-użu ta’ data personali sabiex jitwettaq tali ittestjar jista’ jitqies bħala “pproċessar” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anzi pjuttost il-kuntrarju.

51.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, inqis li d-definizzjoni ta’ “pproċessar” prevista fl-Artikolu 4(2) tal-GDPR tkopri sitwazzjoni li fiha d-data personali tintuża fil-fażi tal-ittestjar ta’ applikazzjoni għal apparati mobbli.

52.      Il-konklużjoni tiegħi f’dan ir-rigward ma hijiex affettwata mis-sempliċi fatt li d-data personali pprovduta għall-finijiet tal-ittestjar tas-sistemi tal-informatika integrati f’applikazzjoni għal apparati mobbli setgħet ġiet suġġetta għal psewdonimizzazzjoni (27). L-unika ċirkustanza li fiha l-GDPR ma jkunx japplika hija jekk l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni għal apparati mobbli tkun tikkonsisti biss f’informazzjoni anonima li “mhijiex marbuta ma’ persuna fiżika identifikat jew identifikabbli jew għal [ma’] data personali” jew f’data personali li tkun “[saret] anonima b’tali mod li s-suġġett tad-data ma jkunx jew ma jkunx għadu identifikabbli”. Madankollu nirrileva li, fil-kawża prinċipali, id-data użata għall-fażi tal-ittestjar ma tidhirx, abbażi tal-informazzjoni pprovduta fil-proċess tal-kawża, li kienet tikkonsisti f’tali data anonimizzata (28).

53.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li d-definizzjoni ta’ “pproċessar” ipprovduta fl-Artikolu 4(2) tal-GDPR tkopri sitwazzjoni li fiha data personali tintuża fil-fażi tal-ittestjar ta’ applikazzjoni għal apparati mobbli, ħlief jekk din id-data tkun saret anonima b’tali mod li s-suġġett tad-data ma jkunx jew ma jkunx għadu identifikabbli. Il-kwistjoni dwar jekk data personali tinġabarx bl-għan ta’ ttestjar tas-sistemi tal-informatika integrati f’applikazzjoni għal apparati mobbli jew għal għan ieħor ma għandha, min-naħa tagħha, l-ebda effett fuq il-kwistjoni dwar jekk l-attività inkwistjoni tikkwalifikax bħala “pproċessar” (29).

54.      Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, issa ser nittratta l-kwistjoni ċentrali ta’ din il-kawża, li tikkonċerna l-kundizzjonijiet li fihom tista’ tiġi imposta multa amministrattiva fuq kontrollur jew proċessur, skont l-Artikolu 83 tal-GDPR.

C.      Fuq ilmulti amministrattivi imposti skont lArtikolu 83 talGDPR (issitt domanda)

55.      Qabel l-adozzjoni tal-GDPR, is-sanzjonijiet għall-ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data tħallew fil-biċċa l-kbira għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, skont l-awtonomija proċedurali u korrettiva tagħhom (30). Il-multi amministrattivi, li ġew introdotti mill-Artikolu 83 ta’ dan ir-regolament, jikkostitwixxu, konsegwentement, “żvilupp” relattivament ġdid tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data. Huma ġew deskritti mill-Grupp ta’ Ħidma Artikolu 29 bħala “element ċentrali fir-reġim il-ġdid ta’ infurzar” (31). Għalkemm din id-dispożizzjoni għadha ma ġietx interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, din diġà ġiet applikata mill-awtoritajiet superviżorji, xi drabi sabiex jiġu imposti multi kbar fuq kontrolluri jew proċessuri (32).

56.      L-Artikolu 83 tal-GDPR jipprevedi sistema ta’ sanzjoni fuq żewġ livelli, skont it-tip speċifiku ta’ dispożizzjoni miksura. Filwaqt li l-ewwel livell, iddefinit fl-Artikolu 83(4) ta’ dan ir-regolament, japplika għas-sitwazzjonijiet li fihom kontrollur jew proċessur jikser l-obbligi ġenerali li għalihom huwa suġġett, kif ukoll ċerti obbligi speċifiċi, it-tieni livell huwa rriżervat, kif jindika l-Artikolu 83(5) tal-GDPR, għal ksur iktar serju, bħal ksur, inter alia, tal-prinċipji fundamentali għall-ipproċessar, tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u tar-regoli dwar it-trasferiment ta’ data personali lil riċevitur f’pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali.

57.      Għaż-żewġ livelli, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, wara li jkunu stabbilixxew li ġiet miksura dispożizzjoni speċifika tal-GDPR, għandhom iwettqu żewġ evalwazzjonijiet. L-ewwel, huma għandhom jiddeterminaw jekk hemmx lok li tiġi imposta multa u, t-tieni, meta jkunu ddeterminaw dan, huma għandhom jiffissaw l-ammont ta’ din il-multa. Dawn l-evalwazzjonijiet għandhom jitwettqu f’kull każ individwali, fid-dawl tad-diversi fatturi elenkati fl-Artikolu 83(2) tal-GDPR. Fost dawn l-elementi hemm il-“karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur” (Artikolu 83(2)(b) ta’ dan ir-regolament).

58.      Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk multa amministrattiva tistax tiġi imposta fuq kontrollur meta dan ma jkunx aġixxa b’intenzjoni jew b’negliġenza meta kiser ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u meta l-ipproċessar illegali ta’ data personali ma jkunx twettaq mill-kontrollur innifsu, iżda minn proċessur. Sabiex nerġa’ lura għall-konstatazzjonijiet li għamilt iktar ’il fuq fir-rigward tal-ħames domanda, jidhirli li s-sitt domanda saret fil-każ li, fil-kawża prinċipali, in-NVSC u ITSS ma jkunux jistgħu jitqiesu bħala “kontrolluri konġunti”, fis-sens tal-Artikolu 4(7) tal-GDPR, moqri flimkien mal-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-regolament, u jkollhom jitqiesu rispettivament bħala “kontrollur” u “proċessur”. F’dan il-kuntest partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiċċara l-kundizzjonijiet li fihom in-NVSC jista’ jiġi mmultat, skont l-Artikolu 83 tal-GDPR.

59.      Dan premess, nirrileva li s-sitt domanda ssemmi biss l-Artikolu 83(1) tal-GDPR bħala d-dispożizzjoni rilevanti. Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-kwistjonijiet imqajma minn din id-domanda jeħtieġu li jiġi kkunsidrat l-Artikolu 83 ta’ dan ir-regolament fl-intier tiegħu u, b’mod partikolari, kif spjegajt fil-punt 57 iktar ’il fuq, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 83(2)(b) tiegħu, peress li din id-dispożizzjoni tirreferi għall-“karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur”. Għalhekk ser inqis is-sitt domanda bħala li qiegħda tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 83 tal-GDPR fl-intier tiegħu u mhux biss tal-Artikolu 83(1) tiegħu.

60.      Fil-fehma tiegħi, din id-domanda tinkludi żewġ partijiet. L-ewwel, din teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk l-Artikolu 83 tal-GDPR jippermettix li jiġu imposti multi amministrattivi, b’mod ġenerali, fuq il-kontrolluri jew il-proċessuri fl-assenza ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ mens rea (element mentali – ħtija). Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk in-NVSC jistax jiġi mmultat għas-sempliċi raġuni li kiser l-obbligi imposti fuqu bħala kontrollur (responsabbiltà mingħajr nuqqas), jew jekk huwiex meħtieġ element ta’ ħtija fit-twettiq tal-ksur ikkonċernat. It-tieni, din titlob kjarifika dwar jekk il-fatt li l-ipproċessar illegali ta’ data personali ma twettaqx mill-kontrollur stess iżda minn proċessur, jaffettwax, bi kwalunkwe mod, il-possibbiltà għall-awtoritajiet superviżorji li jimponu multa fuq il-kontrollur.

61.      Ser neżamina suċċessivament kull wieħed minn dawn iż-żewġ aspetti.

1.      Lewwel aspett: inneċessità li tiġi stabbilita ħtija

62.      L-Artikolu 83 tal-GDPR jirrikjedi li kwalunkwe multa amministrattiva imposta fil-każ ta’ ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data għandha tkun “effettiva, proporzjonata u dissważiva”. Dan jirriżulta b’mod ċar mill-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, dan il-paragrafu ma jippreċiżax jekk tali multa tistax tiġi imposta biss jekk tkun stabbilita ħtija wkoll, jiġifieri, jekk il-“ħtija” hijiex prerekwiżit għall-impożizzjoni ta’ kull multa amministrattiva.

63.      Il-paragrafu 2(b) ta’ din id-dispożizzjoni jelenka, min-naħa l-oħra, “il-karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur” fost l-elementi (33) li lilhom l-awtoritajiet superviżorji għandhom jagħtu “konsiderazzjoni dovuta” f’kull każ individwali. Skont l-Artikolu 83(2)(k) ta’ dan ir-regolament, dawn l-elementi għandhom jinftiehmu bħala “[fatturi] aggravanti jew mitiganti” u ma humiex eżawrjenti.

64.      F’dan il-kuntest, fil-fehma tiegħi, hemm żewġ modi kif għandu jinftiehem l-Artikolu 83 tal-GDPR.

65.      Minn naħa, wieħed jista’ jikkunsidra li, għalkemm deċiżjoni li tiġi imposta multa u l-ammont tagħha għandhom jiġu ddeterminati b’kunsiderazzjoni dovuta għal-livell ta’ ħtija involuta (b’mod li, pereżempju, multa ogħla għandha, bħala prinċipju, tiġi imposta jekk il-ksur kien jirriżulta minn imġiba intenzjonali u, għall-kuntrarju, imġiba negliġenti għandha twassal għal multa inqas għolja), xejn ma jipprekludi li multa tiġi imposta wkoll fl-assenza ta’ kwalunkwe ħtija, sakemm il-proċessur jew il-kontrollur tad-data jkun jista’ jitqies bħala responsabbli għall-ksur. Din l-interpretazzjoni tkun sostnuta minn qari tal-Artikolu 83(2)(b) u (k) fis-sens li, billi jsemmu tipi differenti ta’ ħtija (deliberata jew b’negliġenza) bħala “[fatturi] aggravanti jew mitiganti”, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jkunu qegħdin jimplikaw li l-ħtija, b’mod ġenerali, ma hijiex prerekwiżit għall-impożizzjoni ta’ multa.

66.      Min-naħa l-oħra, wieħed jista’ jargumenta wkoll, kif tagħmel il-Kummissjoni f’dan il-każ, li n-negliġenza tal-persuna jew tal-entità li wettqet il-ksur għandha tiġi stabbilita, bħala rekwiżit minimu, qabel ma tkun tista’ tiġi imposta multa. Dan l-approċċ ikun sostnut minn qari differenti, iktar prudenti, tal-Artikolu 83(2)(b) u (k) tal-GDPR, jiġifieri li dawn id-dispożizzjonijiet jimponu fuq l-awtoritajiet superviżorji l-obbligu li jiddistingwixxuu bejn fattur mitiganti (negliġenza) u wieħed aggravanti (intenzjoni), iżda ma jindikawx li multa tista’ tiġi imposta fl-assenza totali ta’ ħtija.

67.      Il-Kummissjoni għażlet espressament din l-interpretazzjoni fil-proposta inizjali tagħha li wasslet għall-adozzjoni tal-GDPR (34), li fiha hija ssuġġerixxiet li s-sistema ta’ multi tiġi organizzata bħala sistema fuq tliet livelli. Għal kull livell, il-Kummissjoni pproponiet li jistgħu jiġu imposti multi biss fuq “kull min, b’intenzjoni jew b’negliġenza” (35), ikun wettaq wieħed jew iktar mill-ksur allegat. B’hekk, il-ħtija kienet prevista b’mod ċar mill-Kummissjoni bħala prerekwiżit għall-impożizzjoni ta’ tali multa (36).

68.      Għalkemm iż-żewġ approċċi jistgħu, fil-fehma tiegħi, jiġu difiżi fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni testwali tal-Artikolu 83(2) tal-GDPR, sa fejn kull waħda minnhom tikkorrispondi għal ftehim tal-“karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur” bħala fattur “aggravanti” jew “mitiganti”, jiena tal-fehma li huwa biss it-tieni approċċ li jirrifletti b’mod korrett l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Diversi raġunijiet iwassluni għal din il-konklużjoni.

a)      Irraġunijiet li għalihom hija meħtieġa ħtija

69.      L-ewwel, nirrileva li diversi mill-fatturi elenkati fl-Artikolu 83(2) tal-GDPR jinkludu formulazzjoni speċifika li minnha jista’ jiġi dedott li tali fatturi jistgħu japplikaw mhux fil-każijiet kollha, iżda biss f’ċerti każijiet. B’mod partikolari, l-Artikolu 83(2)(c), (e) u (k) kollha jibdew bil-kelma “kwalunkwe” (“kwalunkwe azzjoni meħuda mill-kontrollur jew il-proċessur biex jittaffa d-dannu []”; “kwalunkwe ksur preċedenti rilevanti []”; “kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ []”), u b’hekk jissuġġerixxu li, għalkemm l-awtoritajiet superviżorji għandhom dejjem jieħdu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ azzjoni mitiganti, ta’ ksur preċedenti jew ta’ fattur aggravanti jew mitiganti rilevanti ieħor meta tali elementi jkunu preżenti jew ipprovati, jistgħu, effettivament, ikunu jeżistu sitwazzjonijiet li fihom l-istess elementi jkunu sempliċement assenti, iżda madankollu l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data xorta waħda tista’ tiddeċiedi li timponi multa (jew, għall-kuntrarju, li ma timponix multa). Bl-istess mod, ninnota li l-Artikolu 83(2)(i) tal-GDPR huwa fformulat ukoll b’mod mhux sistematiku, peress li jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-kontrollur jew il-proċessur ikunx osserva l-miżuri msemmija fl-Artikolu 58(2) ta’ dan ir-regolament, iżda biss “fejn [tali] miżuri [] ikunu ġew ordnati minn qabel kontra l-kontrollur jew il-proċessur”.

70.      Għall-kuntrarju, l-Artikolu 83(2)(b) isemmi “il-karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur” (37). Għalhekk, dan jidhirli li huwa parti mill-fatturi li għandhom ikunu preżenti u, minn perspettiva figurattiva, li l-kaxxa tiegħu għandha tiġi “mmarkata”, fil-każijiet kollha, qabel ma tkun tista’ tiġi imposta multa, l-istess bħan-“natura, il-gravità u d-dewmien tal-ksur []” (Artikolu 83(2)(a)), “il-kategoriji ta’ data personali affettwati []” (Artikolu 83(2)(g)), u “il-mod li bih il-ksur sar magħruf []” (Artikolu 83(2)(h)). Dawn il-fatturi l-oħra għandhom ukoll, fil-fehma tiegħi, ikunu “preżenti” fil-każijiet kollha: pereżempju, “in-natura, il-gravità u d-dewmien tal-ksur” jistgħu jvarjaw ħafna minn każ għal ieħor (u għalhekk jistgħu jitqiesu jew bħala raġuni “favur” jew bħala raġuni “kontra” l-impożizzjoni ta’ multa). Madankollu, fil-każijiet kollha, ikun hemm in-natura, ċerta gravità u ċertu dewmien tal-ksur li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fehma tiegħi, dan jikkostitwixxi l-ewwel indizju li multi amministrattivi kienu introdotti fl-Artikolu 83 tal-GDPR, sabiex dawn jiġu imposti biss f’sitwazzjonijiet fejn il-ksur allegat twettaq jew b’intenzjonali jew b’negliġenza (38).

71.      It-tieni, nirrileva li, għalkemm l-Artikolu 83(2) tal-GDPR ma jindikax espressament li l-ksur għandu jkun jseħħ “b’intenzjoni jew b’negliġenza”, l-istess ma japplikax għall-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni, li jinkludi regola ġenerali li tipprekludi l-akkumulazzjoni ta’ multi amministrattivi. Dan il-paragrafu jsemmi biss il-każ fejn il-ksur ikkonċernat ikun twettaq “intenzjonalment jew b’negliġenza”.

72.      Fil-fehma tiegħi, minn dan isegwi loġikament li l-Artikolu 83(2) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li multa tista’ tiġi imposta biss jekk il-ksur allegat ikun seħħ b’intenzjoni jew b’negliġenza. Tabilħaqq, jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 83(2) u dak tal-Artikolu 82(3) tal-GDPR kienu differenti, allura jkun possibbli li jiġu imposti multi aggregati għal ksur inqas serju (jiġifieri dak imwettaq mingħajr ħtija), peress li, għalkemm dan xorta waħda jista’ jirriżulta fl-impożizzjoni ta’ multa b’applikazzjoni tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet (Artikolu 83(2)), dan il-ksur ma jkunx jaqa’ taħt it-tieni waħda (Artikolu 83(3)). Madankollu, l-istess ma jgħoddx għall-ksur imwettaq b’negliġenza jew b’intenzjoni, peress li dan il-ksur ikun kollu suġġett għar-regola kontra l-aggregazzjoni prevista fl-Artikolu 83(3) ta’ dan ir-regolament. Tali riżultat ikun imur manifestament kontra l-prinċipju bażiku tar-reġim ta’ sanzjoni stabbilit mill-GDPR, li huwa li ksur serju għandu, bħala prinċipju, jiġi ppenalizzat b’mod iktar strett mill-ksur inqas serju, u mhux bil-maqlub.

73.      It-tielet, nirrileva li l-multi imposti skont l-Artikolu 83 tal-GDPR jistgħu jagħtu lok għal sanzjonijiet severi. Tabilħaqq, l-ewwel livell, kopert mill-Artikolu 83(4) ta’ dan ir-regolament, jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ multi sa EUR 10 000 000 jew, fil-każ ta’ impriża, sa 2 % tad-dħul mill-fatturat annwali totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla. It-tieni livell jipprevedi multi sa EUR 20 000 000 jew, fil-każ ta’ impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali totali dinji tas-sena finanzjarja preċedenti (għal darba oħra, skont liema jkun ukoll l-ogħla).

74.      Konsegwentement, jidhirli li l-multi imposti skont l-Artikolu 83 tal-GDPR għandhom għan punittiv, tal-inqas f’ċerti sitwazzjonijiet (39), u jippreżentaw grad għoli ta’ severità tali li jistgħu jitqiesu li huma ta’ natura kriminali (40) u, għaldaqstant, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (41).

75.      Fid-dawl ta’ dawk l-elementi u, b’mod partikolari, tan-natura kriminali tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 83 tal-GDPR, wieħed jista’ jkollu l-intenzjoni jsostni li jkun inkompatibbli mar-rekwiżit tal-Artikolu 83(1) tal-GDPR li l-multi jkunu, fil-każijiet kollha, mhux biss u “effettiv[i]” “dissważiv[i]”, iżda wkoll “proporzjonat[i]”, sabiex tali multi jkunu jistgħu jiġu imposti fl-assenza ta’ ħtija. Fi kliem ieħor, ikun sproporzjonat li jiġu imposti multi fil-każijiet fejn lanqas negliġenza ma tkun stabbilita. Fil-fehma tiegħi, dan l-argument huwa, madankollu, diffiċli li jsir, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li sistema ta’ penalitajiet jew ta’ sanzjonijiet ibbażata fuq responsabbiltà mingħajr nuqqas, anki waħda ta’ natura kriminali, ma hijiex, fiha nnifisha, sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija, jekk din is-sistema tkun tali li tħeġġeġ lill-persuni kkonċernati josservaw id-dispożizzjonijiet ta’ regolament u meta l-għan imfittex ikun kwistjoni ta’ interess pubbliku li jista’ jiġġustifika l-introduzzjoni ta’ tali sistema (42). Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (il-Qorti EDB) iddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (li jikkorrispondi għall-Artikolu 49 tal-Karta) (43), li, għalkemm -piena skont din id-dispożizzjoni ġeneralment teżiġi l-eżistenza ta’ rabta mentali li tippermetti li jiġi identifikat element ta’ responsabbiltà fl-imġiba tal-persuna li fiżikament wettqet il-ksur, dan ir-rekwiżit ma jipprekludix l-eżistenza ta’ ċerti forom ta’ responsabbiltà oġġettiva (44).

76.      Dan premess, nifhem minn din il-ġurisprudenza li mens rea hija, bħala regola ġenerali, meħtieġa sabiex tiġi imposta piena, u li r-responsabbiltà mingħajr nuqqas tikkostitwixxi għalhekk tip ta’ “eċċezzjoni” għal din ir-regola ġenerali, sa fejn din għandha tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mir-regolament.

77.      Fid-dawl tal-GDPR kollu kemm hu, jidhirli li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra multi amministrattivi bħala waħda biss mill-għodod ipprovduti f’dan l-istrument sabiex tiġi żgurata osservanza effettiva. Tabilħaqq, għandhom jiġu imposti multi “flimkien ma’, jew minflok” il-miżuri l-oħra elenkati fl-Artikolu 58(2) ta’ dan ir-regolament, li jagħti lill-awtoritajiet superviżorji sensiela ta’ setgħat korrettivi (bħas-setgħa li jagħtu twissijiet, twiddib jew ordnijiet) (45). Barra minn hekk, fis-sitwazzjonijiet fejn ma tiġi imposta ebda multa amministrattiva skont l-Artikolu 83 tal-GDPR, l-awtoritajiet superviżorji għandhom il-possibbiltà li jimponu sanzjonijiet oħra skont l-Artikolu 84 ta’ dan ir-regolament (46).

78.      Fil-fehma tiegħi, dawn id-dispożizzjonijiet jippreċiżaw li, meta adotta dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li kull ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data jkun ippenalizzat permezz ta’ multa amministrattiva. Huwa iktar kellu l-intenzjoni li jipprovdi sistema flessibbli u ddifferenzjata ta’ pieni u sanzjonijiet. Dan huwa kkonfermat mill-premessa 148 tal-GDPR, li tipprovdi li l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jastjenu milli jimponu multa amministrattiva, u minflok jagħtu twiddiba, fil-każ “ta’ ksur minuri jew jekk il-multa li x'aktarx li tiġi imposta tikkostitwixxi piż sproporzjonat għal persuna fiżika”. F’dan il-kuntest, il-limitazzjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 83 tal-GDPR għas-sitwazzjonijiet li fihom in-negliġenza hija, bħala rekwiżit minimu, stabbilita, hija, fil-fehma tiegħi, allinjata ma’ dawn l-għanijiet u mal-loġika globali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet differenti, li skonthom l-impożizzjoni ta’ multi amministrattivi għandha tiġi rriżervata għal ċertu tip ta’ ksur.

79.      Jidhirli wkoll li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni wera r-rieda tiegħu li jintroduċi responsabbiltà mingħajr nuqqas jew responsabbiltà preżunta fil-GDPR, huwa għamel dan bl-użu ta’ termini speċifiċi li huma assenti mill-Artikolu 83 tiegħu. Pereżempju, fir-rigward tar-responsabbiltà ċivili (jiġifieri r-responsabbiltà tal-kontrolluri u tal-proċessuri lejn is-suġġetti tad-data), koperta mill-Artikolu 82 tal-GDPR, il-leġiżlatur tal-Unjoni indika li l-kontrolluri u l-proċessuri għandhom obbligu strett li jikkumpensaw id-dannu li jikkawżaw lis-suġġetti tad-data, sakemm ma jirnexxilhomx juru li ma huma bl-ebda mod responsabbli għall-fatti li kkawżaw id-dannu (47). Għall-kuntrarju, l-Artikolu 83 ta’ dan ir-regolament ma jinkludix formulazzjoni analoga għall-Artikolu 84 tal-GDPR. Fil-fehma tiegħi, dan jikkonferma li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li din id-dispożizzjoni tintroduċi sistema ta’ multi bbażata fuq responsabbiltà mingħajr nuqqas jew fuq responsabbiltà preżunta.

80.      Ir-raba’, u forsi l-iktar importanti, inqis li, fil-prattika, il-limitu għal ksur negliġenti tal-GDPR, fis-sens tal-Artikolu 83(2)(b) ta’ dan ir-regolament, huwa, fi kwalunkwe każ, tant baxx li jkun diffiċli li jiġu previsti sitwazzjonijiet li fihom ikun impossibbli li tiġi imposta multa għas-sempliċi raġuni li dan l-element ma jkunx issodisfatt. Għaldaqstant, inqis li s-sempliċi fatt li għandha tiġi stabbilita intenzjoni jew negliġenza qabel ma tkun tista’ tiġi imposta multa b’applikazzjoni tal-Artikolu 83 ta’ dan ir-regolament ma jikkompromettix l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiġi ggarantit l-infurzar effettiv tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data inklużi fih, anżi, għall-kuntrarju.

81.      Xi wħud sostnew, f’dan ir-rigward, li s-sempliċi assenza ta’ kwalunkwe azzjoni f’sitwazzjoni fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikollu sempliċi dubji dwar il-legalità tal-ipproċessar imwettaq diġà tikkostitwixxi aċċettazzjoni ddeliberata ta’ ksur possibbli tal-GDPR u, għalhekk, ta’ negliġenza serja (48). Barra minn hekk, il-Grupp ta’ Ħidma Artikolu 29 issuġġerixxa li ksur negliġenti, f’diversi aspetti, jammonta għal ksur “mhux intenzjonat”, peress li, fil-fehma tiegħu, tali ksur jista’ jeżisti fejn ma kien hemm l-ebda intenzjoni li jiġi kkawżat il-ksur, u l-kontrollur jew il-proċessur sempliċement naqas mid-dmir tiegħu ta’ diliġenza (49). B’mod partikolari, huwa indika li anki “żball uman” evidenti u sempliċi (50) jista’ juri negliġenza.

82.      Żewġ konklużjonijiet jiġu f’moħħi. L-ewwel, il-linja bejn ksur purament mhux intenzjonat mingħajr ħtija u ksur negliġenti hija, fir-realtà, fina ħafna. Inqis li l-awtoritajiet superviżorji rarament ikollhom diffikultajiet sabiex isibu biżżejjed elementi li l-ksur allegat seħħ tal-inqas b’negliġenza. F’dan ir-rigward, nirrileva li fid-duttrina ngħad li, “fid-dawl tad-diversi azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni preżenti [] intiżi sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-GDPR, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina [] ksur tal-GDPR mingħajr tal-inqas negliġenza preżenti.” (51) Jiena naqbel bis-sħiħ u nfakkar li l-GDPR għandu l-għan speċifiku li jiżgura li l-kontrolluri u l-proċessuri jkunu konxji tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali, u dan jagħmilha saħansitra iktar diffiċli, fil-fehma tiegħi, li jitqies li ksur jista’ jseħħ mingħajr ħtija assoluta (lanqas negliġenza) (52).

83.      It-tieni, dan ir-riżultat jidher perfettament konformi mal-għan prinċipali tal-GDPR, li huwa li jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni konsistenti u għoli tal-persuni fiżiċi fi ħdan l-Unjoni Ewropea(53). Tabilħaqq, il-multi għandhom effett ta’ deterrent (54). Bis-saħħa tal-inċentiv li huma joħolqu għall-kontrolluri u l-proċessuri sabiex jikkonformaw mal-GDPR, huma jikkontribwixxu b’mod ġenerali għat-tisħiħ tal-protezzjoni tas-suġġetti tad-data u għalhekk huma element ewlieni sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tagħhom (55). Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li, filwaqt li l-“ħtija” ma tistax titwarrab, il-livell ta’ ħtija meħtieġ sabiex japplika l-Artikolu 83 ta’ dan ir-regolament huwa suffiċjentement baxx, sabiex jiġi żgurat livell xieraq ta’ protezzjoni għas-suġġetti tad-data.

84.      Barra minn hekk, nenfasizza li dan l-approċċ li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta jikkonferma wkoll l-allinjament tas-sistema ta’ impożizzjoni ta’ multi stabbilita minn din id-dispożizzjoni ma’ dik prevista fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (56), għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, li tapplika ukoll biss jekk intenzjoni u negliġenza jiġu stabbiliti. Il-fatt li din is-sistema l-oħra ta’impożizzjoni ta’ multi ispirat il-formulazzjoni tal-Artikolu 83 tal-GDPR huwa kkorroborat mill-premessa 150 tiegħu, li tipprovdi li, “[f]ejn il-multi amministrattivi jiġu imposti fuq intrapiża, ‘intrapriża’ għandha tinftiehem bħala intrapriża skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE għal dawk il-finijiet”, kif ukoll minn similaritajiet oħra bejn dawn iż-żewġ sistemi ta’ impożizzjoni ta’ multi, bħall-fatt li l-ammont tal-multi jista’, għal impriżi, ikun ibbażat, fiż-żewġ sistemi, fuq il-fatturat tagħhom. Nirrileva wkoll li diversi fatturi elenkati fl-Artikolu 83(2) tal-GDPR jirriflettu dawk li huma rilevanti għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ multa għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (57).

85.      Wara li esponejt ir-raġunijiet għalfejn nemmen li għandha tiġi stabbilita l-ħtija qabel ma tkun tista’ tiġi imposta multa fuq kontrollur jew proċessur skont l-Artikolu 83(2) tal-GDPR, jifdalli ngħid xi kliem dwar ir-raġunament tal-Kunsill u tal-Gvern Litwan. Skont dawn il-partijiet, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu jekk hemmx bżonn ta’ ħtija qabel ma tkun tista’ tiġi imposta multa amministrattiva.

86.      Jiena sempliċement ma naqbilx ma’ dan is-suġġeriment.

b)      Għaliex lIstati Membri ma għandhom lebda marġni ta’ diskrezzjoni dwar jekk hijiex meħtieġa lħtija

87.      Jidhirli li huwa evidenti li wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-GDPR u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 83 tiegħu, huwa li jintlaħaq livell ogħla ta’ armonizzazzjoni fl-Unjoni kollha f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-impożizzjoni ta’ multi (58). F’dan ir-rigward, jiena tal-fehma li, kuntrarjament għal dak li sostnew il-Kunsill u l-Gvern Litwan, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li l-Istati Membri jkollhom id-diskrezzjoni fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk hijiex meħtieġa l-ħtija jew le.

88.      Huwa minnu li r-rekwiżiti addizzjonali dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita mill-awtoritajiet superviżorji sabiex jimponu multa jistgħu jiġu previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (fir-rigward ta’ kwistjonijiet bħall-komunikazzjoni tal-multa u t-termini għall-preżentata tal-osservazzjonijiet, l-appell, l-infurzar u l-ħlas) (59). Dan jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 83(8) tal-GDPR, li jipprovdi li l-eżerċizzju mill-awtoritajiet superviżorji tas-setgħat tagħhom fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ multi għandu jkun “soġġett għal salvagwardji proċedurali xierqa”, li għandhom ikunu pprovduti fid-dritt nazzjonali, sakemm tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (u b’mod partikolari tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv u għal proċess ġust).

89.      Madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jistax jiġi estiż għar-rekwiżiti sostantivi li japplikaw għall-impożizzjoni ta’ multa, bħall-grad ta’ ħtija. Fil-fehma tiegħi, din il-konklużjoni tirriżulta direttament minn diversi premessi ta’ dan ir-regolament (60), li minnhom jirriżulta li s-sistema ta’ multi amministrattivi stabbilita mill-Artikolu 83 tal-GDPR kienet intiża mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex twassal għal riżultati konsistenti fit-territorju tal-Unjoni.

90.      Għall-finijiet ta’ kompletezza, inżid li, peress li l-multi għandhom effett qawwi fuq il-kompetizzjoni bejn l-impriżi u għandhom riperkussjonijiet sinjifikanti fuq is-suq, huwa essenzjali, fil-fehma tiegħi, li l-Artikolu 83 tal-GDPR jiġi applikat b’mod konsistenti, jew inkella huwa jista’ effettivament jikkontribwixxi għall-introduzzjoni ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi (61).

2.      Ittieni aspett: kontrollur jista’ jiġi mmultat għal ksur imwettaq f’kuntest fejn lipproċessar illegali ma twettaqx minnu nnifsu, iżda minn proċessur?

91.      Permezz tat-tieni parti tas-sitt domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk kontrollur jistax jiġi mmultat skont l-Artikolu 83 tal-GDPR f’kuntest fejn l-ipproċessar illegali ta’ data personali ma jkunx twettaq mill-kontrollur innifsu, iżda minn proċessur (f’dan il-każ, ITSS).

92.      Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv.

93.      F’dan ir-rigward, infakkar li, kif indikajt fil-punt 27 iktar ’il fuq, kontrollur ma għandux bżonn jipproċessa huwa stess id-data personali, sakemm jiddetermina l-“għalfejn u l-mod” tal-attivitajiet ta’ pproċessar ikkonċernati. Barra minn hekk, nirrileva li l-Artikolu 4(8) tal-GDPR jiddefinixxi l-“proċessur” bħala “persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li jipproċessa data personali f’isem il-kontrollur” (62).

94.      Dawn id-definizzjonijiet jikkonfermaw, fil-fehma tiegħi, li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-GDPR, kontrollur jista’ jinżamm responsabbli u, għaldaqstant jista’ jiġi mmultat, skont l-Artikolu 83 ta’ dan ir-regolament, f’sitwazzjoni fejn data personali tiġi pproċessata b’mod illegali u meta dan l-ipproċessar illegali twettaq mhux mill-kontrollur stess, iżda minn proċessur. Din il-possibbiltà tibqa’ teżisti sakemm tali proċessur jipproċessa data personali f’isem il-kontrollur.

95.      Dan ikun il-każ sakemm il-proċessur jaġixxi skont il-mandat mogħti lilu mill-kontrollur u jipproċessa d-data skont l-istruzzjonijiet legali li jirċievi mingħand il-kontrollur (63). Madankollu, jekk il-proċessur joħroġ mill-kuntest ta’ dan il-mandat u juża d-data rċevuta bħala proċessur għall-finijiet tiegħu stess u jekk ikun ċar li l-partijiet ma humiex “kontrolluri konġunti”, fis-sens tal-Artikolu 4(7) u tal-Artikolu 21(6) tal-GDPR, allura l-kontrollur ma jistax, fil-fehma tiegħi, jiġi mmultat, skont l-Artikolu 83 ta’ dan ir-regolament, għall-ipproċessar illegali li jkun seħħ (64).

96.      Minn dan isegwi li, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, multa tista’ tiġi imposta, b’applikazzjoni tal-Artikolu 83 tal-GDPR, fuq in-NVSC, minkejja li d-data personali ġiet ipproċessata b’mod illegali biss minn ITSS u li n-NVSC ma pparteċipax fl-ipproċessar. Din il-possibbiltà tibqa’ teżisti sakemm din il-kumpannija tista’ titqies li pproċessat data personali f’isem in-NVSC, li ma jkunx il-każ jekk ITSS aġixxiet barra mill-istruzzjonijiet legali tan-NVSC jew f’kontradizzjoni magħhom u użat data personali għall-finijiet tagħha stess, u huwa ċar li n-NVSC u ITSS ma aġixxewx bħala kontrolluri konġunti.

V.      Konklużjoni

97.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)

għandu jiġi interpretat fis-sens li entità li tibda l-iżvilupp ta’ applikazzjoni għal apparati mobbli tista’ biss titqies bħala l-“kontrollur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, f’sitwazzjoni fejn jeżistu biżżejjed elementi ta’ natura fattwali, pjuttost milli formali, li jippermettu lill-qrati nazzjonali jikkonludu li tali entità eżerċitat influwenza effettiva kemm fuq l-“għanijiet” kif ukoll fuq il-“mezzi” ta’ dan l-ipproċessar u hija effettivament tat il-kunsens tagħha għall-iżvelar lill-pubbliku tal-applikazzjoni għal apparati mobbli u, konsegwentement, għall-ipproċessar tad-data personali.

(2)      Din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-regolament,

għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex żewġ kontrolluri jew iktar ikunu jistgħu jitqiesu bħala “kontrolluri konġunti”, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet: l-ewwel, kull kontrollur konġunt għandu jissodisfa b’mod indipendenti l-kriterji elenkati fid-definizzjoni ta’ “kontrollur” ipprovduta fl-Artikolu 4(7) ta’ dan ir-regolament u, it-tieni, l-influwenza tal-kontrolluri fuq l-“għanijiet u l-mezzi” tal-ipproċessar għandha tiġi eżerċitata b’mod konġunt. Barra minn hekk, l-assenza ta’ ftehim jew anki ta’ koordinazzjoni bejn il-kontrolluri ma tistax, waħedha, teskludi l-konstatazzjoni li l-kontrolluri huma “kontrolluri konġunti” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

(3)      L-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament

għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “pproċessar” ikopri sitwazzjoni li fiha d-data personali tintuża fil-fażi ta’ ttestjar ta’ applikazzjoni għal apparati mobbli, ħlief jekk din id-data tkun saret anonima b’tali mod li s-suġġett tad-data ma huwiex jew ma huwiex iktar identifikabbli. Il-kwistjoni dwar jekk id-data personali tinġabarx bl-għan li jiġu ttestjati s-sistemi tal-informatika integrati f’applikazzjoni għal apparati mobbli jew għal għan ieħor ma għandha, min-naħa tagħha, l-ebda effett fuq il-kwistjoni dwar jekk l-attività inkwistjoni tikkwalifikax bħala “ipproċessar”.

(4)      L-Artikolu 83 tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li multa tista’ tiġi imposta biss sabiex jiġi ssanzjonat ksur tar-regoli ta’ dan ir-regolament li twettaq “b’intenzjoni jew b’negliġenza”. Barra minn hekk, tista’ tiġi imposta multa fuq kontrollur skont din id-dispożizzjoni anki jekk l-ipproċessar illegali jitwettaq minn proċessur. Din il-possibbiltà tkun miftuħa sakemm ikun stabbilit li l-proċessur jaġixxi f’isem il-kontrollur. Madankollu, jekk il-proċessur jipproċessa data personali barra jew bi ksur tal-istruzzjonijiet legali tal-kontrollur u juża d-data personali rċevuta għall-bżonnijiet tiegħu stess u jekk ikun ċar li l-partijiet ma humiex “kontrolluri konġunti”, fis-sens tal-Artikolu 4(7) u tal-Artikolu 21(6) tar-Regolament 2016/679, allura il-kontrollur ma jistax jiġi mmultat, skont l-Artikolu 83 tal-istess regolament, għall-ipproċessar illegali li jkun seħħ.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2) (iktar ’il quddiem il-“GDPR”).


3      Id-data personali miġbura minn KARANTINAS mill-utenti tagħha kienet tinkludi d-data li ġejja: in-numru tal-identità, il-koordinati tal-latitudni u tal-lonġitudni, il-pajjiż, il-belt, il-muniċipalità, l-indirizz residenzjali, l-isem, il-kunjom, in-numru tal-identifikazzjoni personali, in-numru tat-telefon, jekk il-persuna kinitx meħtieġa tiżola ruħha , jekk kinitx irreġistrat ruħha, eċċ. Din id-data nġabret mhux biss fil-Litwanja iżda wkoll barra mil-Litwanja.


4      L-Artikolu 5 tal-GDPR jinkludi lista tal-prinċipji ġenerali li l-osservanza tagħhom mill-kontrolluri għandha tiġi żgurata waqt l-ipproċessar ta’ data personali. L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jelenka l-informazzjoni li l-kontrolluri għandhom jipprovdu lis-suġġetti tad-data meta data personali tinġabar mingħandhom. L-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-kontrolluri għandhom jimplimentaw, fost oħrajn, il-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex jiggarantixxu (u jkunu jistgħu juru) li l-ipproċessar isir skont ir-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data. L-Artikolu 32 tal-GDPR jirrigwarda s-sigurtà tal-ipproċessar u joħloq obbligi kemm għall-kontrolluri kif ukoll għall-proċessuri f’dan ir-rigward, filwaqt li l-Artikolu 35 tiegħu jikkonċerna l-obbligu tal-kontrolluri li jwettqu evalwazzjonijiet tal-effett fuq il-protezzjoni tad-data qabel ma jwettqu ċerti tipi ta’ pproċessar.


5      Skont l-Artikolu 29 tal-GDPR, “[i]l-proċessur u kull persuna li taġixxi taħt l-awtorità tal-kontrollur jew tal-proċessur li jkollhom aċċess għal data personali ma għandhomx jipproċessaw dik id-data ħlief fuq istruzzjonijiet mingħand il-kontrollur, sakemm ma jkunux meħtieġa jagħmlu dan taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru”.


6      Ninnota li d-data personali dwar is-saħħa tikkostitwixxi “kategorij[a] speċjali ta’ data personali”, li l-ipproċessar tagħha huwa pprojbit mill-Artikolu 9 tal-GDPR, sakemm ma tapplikax waħda mir-raġunijiet elenkati fil-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni (bħal, pereżempju, il-fatt li l-ipproċessar huwa neċessarju għal raġunijiet ta’ interess pubbliku fil-qasam tas-saħħa pubblika (punt (i)) jew għal finijiet ta’ mediċina preventiva jew okkupazzjonali (punt (h)). Dan premess, nirrileva li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża ma jirrigwardawx il-legalità ta’ tali pproċessar, iżda pjuttost il-kundizzjonijiet li fihom entità bħan-NVSC tista’ tinżamm responsabbli għall-ipproċessar imwettaq mill-iżviluppatur ta’ tali applikazzjoni għall-apparati mobbli (f’dan il-każ, ITSS).


7      Abbażi tal-informazzjoni pprovduta fil-proċess tal-kawża u waqt is-seduta, ma huwiex ċar jekk il-Belt ta’ Vilnjus ipparteċipatx fl-iżvilupp ta’ KARANTINAS.


8      Kif ser nispjega fil-punt 46 iktar ’il quddiem, nifhem mit-talba għal deċiżjoni preliminari li KARANTINAS għaddiet minn fażi ta’ ttestjar qabel ma tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għal finijiet ta’ tniżżil. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ir-raba’ domanda tikkonċerna l-użu ta’ data personali li seħħ f’din il-fażi ta’ ttestjar, għall-kuntrarju ta’ dik użata fi stadju ulterjuri meta KARANTINAS kienet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għal finijiet ta’ tniżżil.


9      Ara Rücker, D. u Kugler, T., New European General Data Protection Regulation, A Practitioner’s Guide, Beck C.H., Hart u Nomos, Oxford, 2018, p. 27. Skont dawn l-awturi, l-iktar karatteristika importanti ta’ kontrollur hija li jiddetermina r-riżultati mistennija li jintlaħqu, iktar milli l-mezzi jew il-“mod” tal-ipproċessar, li jistgħu, tal-inqas fl-aspetti mhux essenzjali tagħhom, jiġu ddelegati lil proċessur mingħajr ma tintilef il-kapaċità ta’ kontrollur.


10      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat (C‑25/15, EU:C:2017:551, punt 68). Din is-sentenza kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kontrollur” kif iddefinit fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355). Għalkemm din id-direttiva ma għadhiex fis-seħħ u ġiet issostitwita mill-GDPR, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni tibqa’ rilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-GDPR, peress li d-definizzjoni ta’ dan il-kunċett tibqa’ identika fiż-żewġ strumenti, bl-eċċezzjoni ta’ emendi formali minuri. Għalhekk, ser nirreferi għal sentenzi dwar strument wieħed jew ieħor mingħajr ma nagħmel distinzjoni.


11      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat (C‑25/15, EU:C:2017:551, punt 67).


12      Ara l-“Linji Gwida 07/2020 dwar il-kunċetti ta’ kontrollur u ta’ proċessur fil-GDPR” tal-EDPB, Verżjoni 2.1, adottati fis‑7 ta’ Lulju 2021 (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida 07/2020”, disponibbli bl-Ingliż fl-indirizz li ġej: https://edpb.europa.eu/system/files/2021-07/eppb_guidelines_202007_controllerprocessor_final_en.pdf), p. 3 u punti 21 u 25 sa 27.


13      Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019 (C‑40/17, EU:C:2019:629, punt 85).


14      Ara wkoll il-Linji Gwida 07/2020, punt 42.


15      Ara l-Artikolu 26(3) tal-GDPR, li jipprovdi li “is-suġġett tad-data jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu taħt [il-GDPR] fir-rigward ta’, u kontra, kull wieħed mill-kontrolluri”. Ara wkoll l-Artikolu 82(4) u (5) ta’ dan ir-regolament.


16      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Fashion ID (C‑40/17, EU:C:2019:629, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig‑Holstein (C‑210/16, EU:C:2018:388, punt 43).


18      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat (C‑25/17, EU:C:2004:551, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ara l-Linji Gwida 07/2020, p. 3 u l-punti 54 u 55.


20      Tabilħaqq, ikun xi ftit kontradittorju jekk ikun possibbli li jitneħħew rekwiżiti formali sabiex persuna jew entità tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “kontrollur”, iżda mhux sabiex l-istess entità u entità oħra jitqiesu bħala “kontrolluri konġunti”.


21      Ara l-Linji Gwida 07/2020, punt 52.


22      Ara, f’dan ir-rigward, il-Linji Gwida 07/2020, punt 69.


23      Nirrileva li, fir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-użu ta’ “kopji ta’ data personali” minflok data personali. Nammetti li ma huwiex ċar għalija dak li din il-qorti tifhem bit-terminu “kopji ta’ data personali”, peress li data personali tista’ teżisti f’forma intanġibbli, u peress li, kif jippreċiża l-Artikolu 4(1) tal-GDPR, it-terminu “data personali” huwa ddefinit, f’din id-dispożizzjoni, bħala “kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli” (enfasi miżjuda minni), mingħajr ebda rekwiżit li d-data personali tkun “ikkopjata” jew traskritta fuq apparat jew mezz partikolari. Fil-fehma tiegħi, is-suġġett fiżiku (pereżempju kopji stampati), jew, anki l-fajls elettroniċi li fuqhom hija disponibbli d-data personali ma humiex rilevanti għall-kwistjoni dwar jekk sett partikolari ta’ attivitajiet li jinvolvu data personali jikkwalifikax bħala “pproċessar” fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament. Fir-risposta tiegħi għar-raba’ domanda, ser nirreferi għalhekk għal “data personali” iktar milli għal “kopji ta’ data personali”.


24      Enfasi miżjuda minni.


25      Skont l-Artikolu 4(2) tal-GDPR, “ipproċessar” jinkludi attivitajiet bħall-“ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda”.


26      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.


27      Tabilħaqq, “data personali”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-premessa 26 tiegħu, tinkludi data personali li kienet is-suġġett ta’ psewdonimizzazzjoni, iżda li tista’ tiġi attribwita lil persuna fiżika permezz tal-użu ta’ informazzjoni personali addizzjonali.


28      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ssemmi li xi ftit mid-data personali, iżda mhux kollha, użata għall-finijiet tal-fażi ta’ ttestjar setgħet tikkonsisti f’data “falza”. Madankollu, hija ma tippreċiża x’tifhem b’dan it-terminu. F’dan ir-rigward, nixtieq nindika biss li, fil-fehma tiegħi, informazzjoni tista’ tikklassifika bħala “data personali”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-GDPR, indipendentement minn jekk tkun tinkludi informazzjoni vera jew falza. Dak li huwa importanti, kif indikajt, huwa biss li l-informazzjoni tikkonċerna persuna fiżika identifikata jew identifikabbli. Jekk id-data tkun kompletament inventata b’tali mod li ma tistax titqies li hija relatata ma’ persuna identifikata jew identifikabbli, allura, fil-fehma tiegħi, din ma tkunx “data personali” u l-GDPR ma jkunx japplika għall-ipproċessar ta’ din id-data. Madankollu, dan ir-regolament xorta japplika fir-rigward ta’ data “mhux falza” oħra miġbura matul il-fażi ta’ ttestjar.


29      Irrid infakkar li l-użu ta’ data personali għall-finijiet tal-ittestjar tas-sistemi tal-informatika integrati f’applikazzjoni għal apparati mobbli jikkostitwixxi “ipproċessar” differenti minn dak li jseħħ meta l-istess applikazzjoni għal apparati mobbli titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għal finijiet ta’ tniżżil. Għalhekk hemm bżonn ta’ evalwazzjoni separata ta’ x’inhu “kontrollur”, “proċessur” jew “kontrollur konġunt”.


30      Ara l-Artikolu 24 tad-Direttiva 95/46.


31      Ara l-“Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-iffissar ta’ multi amministrattivi għall-finijiet tal-[GDPR]” tal-Grupp ta’ Ħidma Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data, adottati fit‑3 ta’ Ottubru 2017, p. 4. Dan il-grupp ta’ ħidma mbagħad ġie ssostitwit mill-EDPB. Madankollu, il-“Linji Gwida [tiegħu] dwar l-applikazzjoni u l-iffissar ta’ multi amministrattivi” għadhom validi.


32      Ara, pereżempju, il-multa ta’ diversi miljuni ta’ euro li ġiet imposta mill-Awtorità Franċiża għall-Protezzjoni tad-Data fuq Google f’Jannar 2019 (https://edpb.europa.eu/news/national-news/2019/cnils-restricted-committee-imposes-financial-penalty-50-million-euros_en).


33      B’mod iktar speċifiku, fl-Artikolu 83(2)(b) ta’ dan ir-regolament. L-elementi l-oħra elenkati fl-Artikolu 83(2)(a) sa (k) huma relatati jew mal-ksur innifsu (pereżempju, in-natura, il-gravità u d-dewmien tiegħu (a) jew il-kategoriji ta’ data personali koperti (g)) jew mal-kontrollur jew il-proċessur li lilu tkun indirizzata l-multa (jiġifieri l-grad ta’ responsabbiltà tagħhom (d), l-imġiba ex ante tagħhom, bħal ksur preċedenti rilevanti (e) u miżuri preċedenti ordnati kontrihom (i) u l-imġiba ex post tagħhom, inkluż jekk innotifikawx il-ksur (h), l-azzjoni li ħadu sabiex itaffu d-dannu (c) u l-grad ta’ kooperazzjoni tagħhom mal-awtorità superviżorja sabiex jirrimedjaw il-ksur u jtaffu l-effetti negattivi possibbli tiegħu (f)). Barra minn hekk, għandha tingħata kunsiderazzjoni dovuta għal “kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ, bħal benefiċċji finanzjarji miksuba, jew telfiet evitati, direttament jew indirettament, mill-ksur” (k).


34      “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta Ġenerali)”, COM(2012)11 final (iktar ’il quddiem “il-proposta inizjali tal-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ regolament”).


35      Ara l-Artikolu 79(4), (5) u (6) tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ regolament. Nirrileva li n-natura “intenzjonali jew negliġenti” tal-ksur kienet tinsab ukoll fil-lista ta’ fatturi li jinsabu fl-Artikolu 79(2) ta’ din il-proposta, li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa; enfasi miżjuda minni.


36      Din il-formulazzjoni ġiet sussegwentement emendata u l-kliem “b’intenzjoni jew b’negliġenza” ma għadux jinsab fid-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu ż-żewġ livelli tas-sistema ta’ multi stabbilita mill-GDPR.


37      Enfasi miżjuda minni.


38      L-istess osservazzjoni tista’ ssir ukoll jekk jiġu eżaminati l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tal-Artikolu 83(2) tal-GDPR, b’mod partikolari l-verżjoni Ċeka, Griega, Spanjola, Franċiża u Taljana. Ninnota madankollu li, fir-rigward tal-Artikolu 83(2)(c) ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda l-azzjoni meħuda mill-kontrollur jew mill-proċessur sabiex jittaffa d-dannu, il-verżjoni Taljana tuża l-kelma “l-” (“le”) minflok “kwalunkwe” (“eventuali”)


39      Skont il-Grupp ta’ Ħidma Artikolu 29, il-multi amministrattivi huma “miżuri korrettivi” li l-għan tagħhom jista’ jkun “jew li tiġi stabbilita mill-ġdid l-osservanza tar-regoli, jew li tiġi ssanzjonata mġiba illegali (jew it-tnejn)” (enfasi miżjuda minni) (ara l-“Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-iffissar ta’ multi amministrattivi” tal-Grupp ta’ Ħidma Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data, adottati fit‑3 ta’ Ottubru 2017, p. 6).


40      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2021, Consob (C‑481/19, EU:C:2013:84, punt 43). Infakkar li tliet kriterji huma rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ jekk sanzjonijiet humiex ta’ natura kriminali: l-ewwel kriterju huwa l-klassifikazzjoni legali tal-ksur skont id-dritt nazzjonali, it-tieni huwa n-natura intrinsika tal-ksur u t-tielet huwa l-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (ara l-punt 42 ta’ din is-sentenza kif ukoll is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Bonda, C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 37; ara wkoll il-Qorti EDB, 8 ta’ Ġunju 1976, Engel et vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:1976:0608JUD000510071, punt 82). Ma hemmx bżonn li jiġu ssodisfatti il-kriterji kollha sabiex multa tkun tista’ titqies li hija ta’ natura kriminali (ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni (C‑352/09 P, EU:C:2010:635, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41      L-Artikolu 49 tal-Karta, intitolat “Il-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati u ta’ pieni”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li “[i]s-severità tal-piena m'għandhiex tkun sproporzjonata għar-reat.”


42      Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Frar 2012, Urbán (C‑210/10, EU:C:2012:64, punt 48); tat‑13 ta’ Novembru 2014, Reindl (C‑443/13, EU:C:2014:2370, punt 42); tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet (C‑322/16, EU:C:2017:985, punt 63); tat‑22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép (C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229, punti 53 u 54). Dawn is-sentenzi juru l-fatt li din il-ġurisprudenza ġiet applikata għal diversi oqsma tad-dritt tal-Unjoni.


43      Ara l-“[Is]pjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali” (ĠU 2007, C 303, p. 17). Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, il-livell ta’ protezzjoni mogħti mill-Artikolu 49 tagħha ma jistax ikun inqas minn dak offrut mill-Artikolu 7 tal-KEDB.


44      Ara l-Qorti EDB (Awla Manja), 28 ta’ Ġunju 2018, GIEM s.r.l. et vs L‑Italja (CE:ECHR:2018:0628JUD000182806, punti 242 u 243).


45      Ara l-Artikolu 58(2)(i) u l-Artikolu 83(2) tal-GDPR. 


46      Skont l-Artikolu 84(1) tal-GDPR, “L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar il-pieni oħrajn applikabbli għal ksur ta' dan ir-Regolament b’mod partikolari għal ksur li ma jkunx soġġett għal multi amministrattivi skont l-Artikolu 83, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati.” Il-premessa 152 ta’ dan ir-regolament tispjega li l-Artikolu 84 japplika fejn il-GDPR “ma jarmonizzax il-pieni amministrattivi jew fejn neċessarju f’każijiet oħra, pereżempju f’każijiet ta’ ksur serju.”


47      Ara, f’dan ir-rigward: Chamberlain, J. u Reichel, J., “The Relationship Between Damages and Administrative Fines in the EU General Data Protection Regulation”, Vol. 89, Nru 4, Mississippi Law Journal, 2020, p. 677 sa 679.


48      Ara Nemitz, P., “Fines under the GDPR” f’Leenes, R., van Brakel, R., Gutwirth, S. u De Hert, P., Data Protection and Privacy: Internet of Bodies, Hart Publishing, Oxford, 2019, p. 241.


49      Għall-kuntrarju, huwa ddefinixxa l-kunċett ta’ “intenzjoni” bħala li jinkludi kemm għarfien kif ukoll rieda fir-rigward tal-karatteristiċi ta’ ksur (ara l-“Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-iffissar ta’ multi amministrattivi għall-finijiet tal-[GDPR]” tal-Grupp ta’ Ħidma Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data, adottati fit‑3 ta’ Ottubru 2017, p. 11).


50      Ibid., p. 12. Ċirkustanzi oħra msemmija jinkludu s-sempliċi nuqqas ta’ qari u ta’ osservazzjoni tal-politiki eżistenti, ta’ verifika tad-data personali li tinsab fl-informazzjoni ppubblikata, ta’ applikazzjoni ta’ aġġornamenti tekniċi fil-ħin jew ta’ adozzjoni ta’ politiki.


51      Ara Nemitz, P., “Fines under the GDPR” f’Leenes, R., van Brakel, R., Gutwirth, S. u De Hert, P., Data Protection and Privacy: Internet of Bodies, Hart Publishing, Oxford, 2019, p. 240.


52      Ara l-premessi 122 u 132 tal-GDPR.


53      Ara, b’mod partikolari, il-premessa 1 tal-GDPR, li tfakkar, b’referenza għall-Artikolu 8(1) tal-Karta u l-Artikolu 16(1) TFUE, li l-protezzjoni tad-data personali hija dritt fundamentali. Ara wkoll il-premessi 10, 11 u 13 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Google (Portata territorjali tat-tneħħija ta’ referenza) (C‑507/17, EU:C:2019:772, punt 54).


54      Ara l-premessa 148 tal-GDPR.


55      Ara Chamberlain, J., u Reichel, J., “The relationship between Damages and Administrative Fines in the EU General Data Protection Regulation”, Vol. 89, Nru 4, Mississippi Law Journal, 2020, p. 685.


56      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


57      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punti 56 u 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, nirrileva li, għalkemm l-intenzjoni jew in-negliġenza għandhom jiġu stabbiliti qabel ma tiġi imposta multa għal ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni, dan ir-rekwiżit huwa wkoll baxx ħafna fil-prattika. Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta meta l-impriża inkwistjoni ma tistax ma tkunx taf bin-natura antikompetittiva tal-imġiba tagħha, irrispettivament minn jekk hijiex konxja jew le li qiegħda tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014 Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 156 u l-ġurisprudenza ċċitata).


58      Ara, pereżempju, il-premessa 9 tal-GDPR, li tindika li d-differenzi fil-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi bejn l-Istati Membri “jimpedixxu l-fluss liberu tad-data personali fl-Unjoni kollha” u “jkunu ta’ xkiel għat-twettiq ta’ attivitajiet ekonomiċi fil-livell tal-Unjoni”.


59      Ara l-premessa 129 (“[d]an ma għandux jipprekludi rekwiżiti addizzjonali skont il-liġi proċedurali tal-Istat Membru.” (enfasi miżjuda minni)) u l-premessa 150 tal-GDPR. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-“Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-iffissar ta’ multi amministrattivi għall-finijiet tal-[GDPR]” tal-Grupp ta’ Ħidma Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data, adottat fit‑3 ta’ Ottubru 2017 (p. 6).


60      F’dan ir-rigward, nirrileva li l-premessa 10 tal-GDPR tistabbilixxi li “[l]-livell ta' protezzjoni [] għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha”, filwaqt li l-premessi 11, 13 u 129 ta’ dan ir-regolament jeħtieġu setgħat ekwivalenti għall-kontroll u l-iżgurar tal-konformità u sanzjonijiet ekwivalenti fil-każ ta’ ksur fl-Istati Membri. Il-premessa 152 ta’ dan ir-regolament, min-naħa tagħha, tindika li huwa biss sa fejn dan ir-regolament ma jarmonizzax il-pieni amministrattivi (jew meta dan ikun neċessarju għal xi raġuni oħra) li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw sistema li tipprovdi għal tali sanzjonijiet (ara wkoll il-premessa 150 tal-GDPR).


61      Ara, f’dan ir-rigward, Voss, W.G., u Bouthinon-Dumas, H., “EU General Data Protection Regulation Sanctions in Theory and in Practice”, Vol. 37, Santa Clara High Tech, 2020, p. 44.


62      Enfasi miżjuda minni.


63      Skont l-Artikolu 29 tal-GDPR, “[i]l-proċessur u kull persuna li taġixxi taħt l-awtorità tal-kontrollur jew tal-proċessur li jkollhom aċċess għal data personali ma għandhomx jipproċessaw dik id-data ħlief fuq istruzzjonijiet mingħand il-kontrollur, sakemm ma jkunux meħtieġa jagħmlu dan taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.”


64      Skont l-Artikolu 28(10) tal-GDPR, il-proċessur ser jitqies bħala kontrollur fir-rigward tal-ipproċessar ta’ tali data. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, Rücker, D. u Kugler, T., New European General Data Protection Regulation, A Practitioner’s Guide, Beck C.H., Hart u Nomos, Oxford, 2018, p. 30.