Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fil-25 ta’ Jannar 2024 – CN vs Cofidis Magyarországi Fióktelepe

(Kawża C-47/24, Cofidis Magyarországi Fióktelepe)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: CN

Konvenut: Cofidis Magyarországi Fióktelepe

Domandi preliminari

Ir-realizzazzjoni sħiħa u kompleta tal-għanijiet tad-Direttiva 93/13/KE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 , timplika li, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ digriet fi proċedura ta’ eżekuzzjoni pendenti u tal-evalwazzjoni tagħha, il-qorti jew l-awla adita bil-kawża għandha tikkonstata, abbażi tas-sentenzi mogħtija fil-Kawżi C-472/11 2 u C-397/11 3 , in-natura manifestament inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita, inkluż f’dak li jirrigwarda l-għan prinċipali tal-kuntratt, kemm il-darba l-imsemmija qorti jew l-imsemmija awla tikseb għarfien ta’ din iċ-ċirkustanza ex officio, u tinforma b’dan lid-debitur (il-konsumatur) billi tistiednu jiddikjara jekk jixtieqx li jinsiltu l-konsegwenzi ġuridiċi tan-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali inkwistjoni, u, jekk il-konsumatur jitlob dan, tistieden lill-parti li qiegħdha titlob l-eżekuzzjoni forzata tnaqqas il-kreditu tagħha bl-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-klawżoli kuntrattwali inġusti imposti fuq il-konsumatur, u tikkomunika dan lill-Uffiċjal Ġudizzjarju?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, ir-realizzazzjoni tal-għanijiet tad-Direttiva 93/13 timplika wkoll li tiġi ċċarata l-kwistjoni dwar jekk tistax issir distinzjoni bejn il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni skont jekk l-eżekuzzjoni forzata hijiex ordnata permezz tal-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni, konformement mal-Artikolu 15(1) tal-Liġi LIII tal-1994, jew permezz tal-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar imsemmija fl-Artikolu 23/C ta’ din il-liġi?

Meta jitqies in-numru kbir ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni ta’ dan it-tip li qegħdin jiġu trattati fl-Ungerija, huwa neċessarju li jkun hemm intervent leġiżlattiv sabiex jiġi evitat preġudizzju għall-interessi tal-konsumatur u sabiex jiġi żgurat li dawn jirċievu, fl-iqsar żmien possibbli, il-kumpens għad-dannu kkawżat lilhom mill-klawżoli kuntrattwali inġusti, b’tali mod li l-konsumaturi, sabiex jiġu lliberati individwalment mill-konsegwenzi ta’ dawn il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni, ma jkollhomx għalfejn jiddependu fuq l-eventwali stħarriġ ġudizzjarju ta’ att ta’ eżekuzzjoni u, b’konsegwenza ta’ dan, fuq il-possibbiltà li tiġi kkonstatata n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100.

1     Sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank (C-472/11, EU:C:2013:88).

1     Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Jőrös (C-397/11, EU:C:2013:340).