Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-14 ta’ Mejju 2024 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sofiyski rayonen sad - il-Bulgarija) – proċeduri kriminali kontra CH

(Kawża C-15/24 1 , Stachev 2 )

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2013/48/UE – Dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċeduri kriminali – Artikolu 3(6)(b) – Deroga temporanja għad-dritt ta’ aċċess f’ċirkustanzi eċċezzjonali – Artikolu 9 – Rinunzja għall-preżenza jew għall-assistenza ta’ avukat – Kundizzjonijiet – Artikolu 12(2) – Rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-ekwità tal-proċedura – Ammissibbiltà tal-provi – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rinunzja bil-miktub ta’ persuna ssuspettata illitterata għad-dritt tiegħu ta’ aċċess għal avukat – Assenza ta’ spjegazzjoni dwar il-konsegwenzi eventwali tar-rinunzja għal dan id-dritt – Implikazzjonijiet fuq atti ta’ investigazzjoni ulterjuri – Deċiżjoni dwar miżura preventiva adegwata – Evalwazzjoni tal-provi miksuba bi ksur tad-dritt ta’ aċċess għal avukat)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski rayonen sad

Parti fil-proċedura kriminali prinċipali

CH

fil-preżenza ta’: Sofyiska rayonna prokuratura

Dispożittiv

L-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fl-assenza ta’ traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, l-awtoritajiet tal-pulizija tal-Istat Membru kkonċernat ma jistgħux jinvokaw l-imsemmija dispożizzjoni fir-rigward ta’ persuna ssuspettata jew akkużata sabiex jidderogaw mill-applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, previst b’mod ċar, preċiż u inkundizzjonat minn din id-direttiva.

L-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2013/48

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

id-dikjarazzjoni ta’ rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat minn persuna ssuspettata illitterata ma tistax titqies li hija konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu 9(1) meta din il-persuna ssuspettata ma tkunx ġiet informata, b’mod li jieħu debitament inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tagħha, bil-konsegwenzi eventwali ta’ tali rinunzja u meta din ir-rinunzja ma tkunx ġiet irreġistrata konformement mad-dritt proċedurali nazzjonali, b’mod li jippermetti li tiġi vverifikata l-osservanza tal-imsemmija rekwiżiti.

L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/48

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-każ ta’ rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat minn persuna vulnerabbli, fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, din il-persuna għandha tiġi informata bil-possibbiltà li tirrevoka din ir-rinunzja qabel ma jitwettaq kull att ta’ investigazzjoni ulterjuri li matulu, fid-dawl tal-intensità u tal-importanza ta’ dan l-att ta’ investigazzjoni, l-assenza ta’ avukat tista’ tippreġudika b’mod partikolari l-interessi u d-drittijiet tal-imsemmija persuna.

L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/48, moqri flimkien mal-Artikolu 47(1) u (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li qorti, li teżamina l-involviment ta’ imputat f’reat kriminali sabiex tiddetermina n-natura adegwata tal-miżura preventiva li għandha tiġi imposta fuq dan l-imputat, tiġi mċaħħda mill-possibbiltà, fil-mument li tadotta deċiżjoni dwar iż-żamma taħt arrest tal-imsemmi imputat, li tevalwa jekk il-provi nkisbux bi ksur tar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva u, jekk ikun il-każ, li twarrab tali provi.

____________

1 ĠU C 2016, 18.03.2024.

1 L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.