Language of document : ECLI:EU:F:2009:43

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

30 ta’ April 2009

Kawża F-65/07

Laleh Aayhan et

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni tal-Parlament – Ammissibbiltà – Proċedura prekontenzjuża – Artikolu 283 KE – Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Ugwaljanza fit-trattament – Stabbiltà tal-impjieg – Direttiva 1999/70 – Kuntratti għal żmien determinat – Invokabbiltà”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu L. Aayhan u 79 ex membru ieħor tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni tal-Parlament, b’mod partikolari jitolbu l‑annullament tad-deċiżjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti, tal-20 ta’ April 2007, li tiċħad l-allegat “ilment” tagħhom tad-19 ta’ Diċembru 2006, li jfittex li l-kuntratti sussegwenti, għal żmien determinat, konklużi minn kull wieħed minnhom mal-Parlament jitqiesu li huma kuntratt wieħed għal żmien indeterminat, part-time, sabiex il-persuni kkonċernati jiġu integrati mill-ġdid fi ħdan il-Parlament u sabiex huma jibbenefikaw minn kumpens “li jirrappreżenta” d-dritt għal leave mħallas miksub għall-perijodi kollha maħduma.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej – Aġenti awżiljarji – Issuġġettar tal-membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni tal-Parlement Ewropew għall-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej

(Artikolu 283 KE; Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikoli 3a, 3b u 78)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet – Direttivi – Impożizzjoni diretta ta’ obbligi fuq l-istituzzjonijiet tal-Komunità fir-rapporti tagħhom mal-persunal tagħhom – Esklużjoni – Invokabbiltà – Portata

(Artikoli 10 KE u 249 KE)

3.      Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol ta’ żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Impożizzjoni ta’ obbligi fuq l-istituzzjonijiet tal-Komunità fir-rapporti tagħhom mal-persunal tagħhom

(Artikolu 10 KE u Artikolu 249 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1e(2); Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, paragrafu 1 tal-Artikolu 10 u Artikolu 80(4); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004; Direttiva tal-Kunsill 1999/70)

4.      Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol ta’ żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi – Raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti

(Direttiva tal-Kunsill Nru 1999/70, Anness, klawżola 5, punt 1(a); Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 78)

1.      L-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal‑Komunitajiet Ewropej jawtorizza eċċezzjoni għal-leġiżlazzjoni dwar il-membri tal-persunal awżiljarju, hekk kif iddefinita fit-Titolu III ta’ dawn il‑Kondizzjonijiet tal-Impjieg, li biha jippermetti lill-Parlament, sal-31 ta’ Diċembru 2006, jillimita għaż-żmien tax-xogħol ta’ dawn is-sessjonijiet il-perijodu ta’ rabta tal-membri tal-persunal awżiljarju neċessarji għall-organizzazzjoni tagħhom. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ membri tal-persunal awżiljarju ma jistgħux, fil-prinċipju, japplikaw għal rabtiet li kull waħda minnhom tkun għal żmien qasir, iżda li jirrepetu ruħhom b’mod frekwenti minn sena għal sena. Madankollu, dawn il-membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni jaqgħu taħt l‑imsemmi Titolu III li jista’ jiġi dderogat f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tagħhom ta’ reklutaġġ u ta’ remunerazzjoni, li huma pprovduti fil-ftehim bejn il‑Kunsill tal-Ewropa u l-Assemblea tal-Unjoni Ewropea tal-Punent dwar l-ingaġġ ta’ tali persunal. Dan ifisser li d-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Titolu III, b’mod partikolari dwar il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u tas-sigurtà soċjali, jibqgħu japplikaw, indipendentement mir-regoli interni speċifiċi, adottati mill-uffiċċju jew mis-segretarju ġenerali tal-Parlament u intiżi għall-implementazzjoni jew sabiex ikunu ta’ suppliment għar-regoli ta’ dawn il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

Barra minn hekk, l-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej ma jiksirx l-Artikolu 283 KE. Il-fatt li l‑leġiżlatur, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ u ta’ remunerazzjoni tal‑membri tal-pesunal awżiljarju ta’ sessjoni, irrefera għall-ftehim ma jindikax li naqas milli jeżerċita l-kompetenza lilu mogħtija mill-Artikolu 283 KE sabiex jistipula r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej. Għall-kuntrarju, huwa preċiżament fit-twettiq ta’ din il-kompetenza li l-Kunsill, meta ħa inkunsiderazzjoni l-interessi u l-bżonnijiet komuni tat-tliet organizzazzjonijiet Ewropej sabiex is-sessjonijiet tal-korpi differenti tagħhom jitmexxew tajjeb, qies li għandu jġib il-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ u ta’ remunerazzjoni tal-membri tal-persunal irreklutati għall-perijodu ta’ xogħol tas-sessjonijiet tal-Parlament ma dawk miftiehma bejn it-tliet istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet inkwistjoni, suġġett għall-istħarriġ baġitarju msemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

Din id-dispożizzjoni lanqas ma tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għaliex is‑sitwazzjoni tal-membri tal-persunal irreklutati sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet intermittenti u speċifiċi tal-Parlament, għall-perijodu kollu tas-sessjonijiet tiegħu biss, ma huwiex paragunabbli ma’ dak ta’ membri tal-persunal irreklutati sabiex jirrispondu għall-bżonnijiet kontinwi u ta’ kuljum, li jirrikjedu l-preżenza ta’ persunal magħmul minn uffiċjali u, skont il-każ, membri tal-persunal temporanju jew membri tal-persunal b’kuntratt fis-sens tal-Artikoli 3a jew 3b tal‑Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

(ara l-punti 85, 86, 97 sa 100 u 103)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 11 ta’ Lulju 1985, Maag vs Il‑Kummissjoni, 43/84, Ġabra p. 2581, punt 19

2.      Id-Direttivi indirizzati lill-Istati Membri u mhux lill-istituzzjonijiet tal‑Komunità ma humiex ikkunsidrati bħala tali li jimponu obbligi fuq dawn l-istituzzjonijiet fir-rapporti tagħhom mal-persunal tagħhom. Madankollu, din il-kunsiderazzjoni ma tistax teskludi l-invokabbiltà ta’ kull direttiva fir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal tagħhom. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jistgħu, l-ewwel nett, jiġu indirettament imposti fuq istituzzjoni jekk jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ dritt Komunitarju li hija jkollha tapplika bħala tali. It-tieni nett, direttiva tista’ torbot istituzzjoni meta hija tkun, fil-kuntest tal-awtonomija organizzattiva tagħha u fil-limiti tar-Regolamenti tal-Persunal, trid twettaq obbligu partikolari stabbilit minn direttiva jew fil-każ fejn att intern ta’ applikazzjoni ġenerali jirreferi espressament huwa stess għall-miżuri stabbiliti mil-leġiżlatur Komunitarju fl-applikazzjoni tat-trattati. It-tielet nett, l‑istituzzjonijiet, skont id-dmir tagħhom ta’ lealtà skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 E, għandhom jikkunsidraw, bħala persuni li jimpjegaw, id‑dispożizzjonijiet leġiżlattivi adottati fuq livell Komunitarju.

(ara l-punti 111 sa 113, 116, 118 u 119)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Settembru 2000, Engelbrecht, C‑262/97, Ġabra p. I‑7321, punt 38; 9 ta’ Settembru 2003, Rinke, C‑25/02, Ġabra p. I‑8349, punt 24; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ Mejju 2008, Belfass vs Il‑Kunsill, T‑495/04, Ġabra p. II‑781, punt 43

3.      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/70 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP u dawk ta’ dan il‑ftehim qafas ma għandhom jitqiesu li bħala tali jimponu obbligi fuq l-istituzzjonijiet tal-Komunità fir-rapporti tagħhom mal-persunal tagħhom. Dawn id-dispożizzjonijiet lanqas ma huma imposti indirettament fuq l-istituzzjonijiet bħala prinċipju ġenerali ta’ dritt Komunitarju, għaliex bl-ebda mod ma jirriżulta mid‑Direttiva u mill-ftehim qafas li l-istabbiltà tal-impjieg sar regola ta’ dritt vinkolanti. Fl-aħħar nett, huma lanqas ma għandhom jitqiesu, peress li huma regoli ta’ saħħa u ta’ sigurtà xierqa li għandhom jiġu osservati mill-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-uffiċjali, mir-riferiment li l-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal‑Persunal, li huma rekwiżiti minimi applikabbli taħt il-miżuri adottati fl‑oqsma tas-saħħa u tas-sigurtà fl-applikazzjoni tat-Trattati, għaliex id-Direttiva ma għandhiex bħala għan li ttejjeb il-post tax-xogħol billi strettament iżżid il‑protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema, iżda li tapprossima l-liġijiet u l-prattiki nazzjonali fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol dwar it-tul tar‑relazzjonijiet professjonali.

Madankollu, l-istituzzjonijiet għandhom, skont id-dmir ta’ lealtà imposta fuqhom taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE, jieħdu inkunsiderazzjoni, bħala persuni li jimpjegaw, tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi adottati fuq livell Komunitarju, li b’mod partikolari jimponu rekwiżiti minimi sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal‑ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema fl-Istati Membri permezz ta’ approssimazzjoni tal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali u, b’mod partikolari, ir-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju li jagħmel mill-istabbiltà tal-impjieg għan ewlieni fil-qasam tar‑relazzjonijiet tax-xogħol fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Dan l-obbligu huwa iktar u iktar neċessarju peress li r-riforma amministrattiva, imwettqa bir-Regolament Nru 723/2004, rat żieda fit-tendenza lejn is-sistema ta’ kuntratti fis-servizz pubbliku Ewropew. B’mod partikolari, fir-rigward tal-ftehim qafas, li jfittex li jressaq il-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki nazzjonali billi jistabbilixxi rekwiżiti minimi dwar ix-xogħol għal żmien determinat, huwa għalhekk neċessarju għall‑istituzzjonijiet, li sa fejn huwa possibbli jinterpretaw id-dispożizzjonijiet tal‑Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej fid-dawl tat-test u tal-għan tal-ftehim qafas sabiex jintlaħaq l-għan li dan kien intiż jilħaq.

Minn dan jirriżulta li d-Direttiva 1999/70 ma tistax bħala tali tkun il-bażi ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward ta’ dispożizzjoni tar-Regolament tal-Kunsill, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, li jkun kuntrarju għall-ftehim qafas.

(ara l-punti 111, 114, 116, 117, 119, 120 u 122)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: Rinke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24

Il-Qorti tal‑Prim’Istanza: Belfass vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43

4.      Il-bżonnijiet intermittenti u speċifiċi tiegħu ta’ riżorsi umani tal-Parlament Ewropew għall-perijodu kollu tas-sessjonijiet tiegħu biss, jikkostitwixxu “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness għad‑Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, b’mod li jiġġustifikaw l-użu ta’ kuntratti sussegwenti ta’ membri tal-persunal awżiljarju għal żmien determinat, imġedded kull darba li ssir sessjoni parlamentari, hekk kif previst mill-Artikolu 78 tal‑Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, sal-1 ta’ Jannar 2007. Fil-fatt, anki jekk dawn il-bidliet kienu prevedibbli, iż-żieda fl‑attività ma kinitx għat-tul u permanenti.

(ara l-punti 134 u 135)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punt 69