Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Ottubru 2022 – RS vs BEI

(Kawża T-624/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: RS (rappreżentant: B. Maréchal, lawyer)

Konvenut: Bank Ewropew tal-Investiment

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla (i) id-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (iktar ’il quddiem il-“BEI”), b’data speċifika, bis-suġġett “Nuqqas ta’ bdil tal-kuntratt għal żmien determinat” li tiċħad l-argumenti sottomessi għan-nom tar-rikorrent għall-bdil tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu, (ii) id-deċiżjoni tal-BEI li tinforma lir-rikorrent li l-impjieg tiegħu mal-Bank Ewropew tal-Investiment kien ser jintemm f’data speċifika, u (iii) id-deċiżjoni tal-BEI, mogħtija f’data speċifika, li tiċħad it-talba tar-rikorrent għal eżami amministrattiv mill-ġdid: (1°) li tikkontesta d-deċiżjoni li l-kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent ma jinbidilx minn wieħed għal żmien determinat għal kuntratt ta’ impjieg għal żmien indeterminat mal-BEI, u (2°) li ssostni ksur relatat min-naħa tal-BEI tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjonijiet ikkontestati”);

sussidjarjament, tbiddel id-Deċiżjonijiet ikkontestati; kif ukoll

tagħti kumpens għad-danni materjali mġarrba jew li ser jiġġarbu mir-rikorrent bħala riżultat tad-Deċiżjonijiet ikkontestati li l-kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent ma jinbidilx, fl-ammont ta’ EUR 193 882.98, inkluż telf tas-salarju, id-differenza tal-premjums tal-assigurazzjoni għas-saħħa, u t-telf tar-rimbors tal-familja kif ukoll telf ta’ pensjoni;

tagħti kumpens għad-danni relatati mal-ksur tad-drittijiet tar-rikorrent għal ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data, id-dritt tiegħu għal amministrazzjoni tajba u d-drittijiet tiegħu għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq li jammonta għal EUR 20 000;

tagħti kumpens għad-danni relatati mal-preġudizzju morali u mad-diffikulatjiet serji mġarrba mir-rikorrent fl-ammont ta’ EUR 20 000;

tagħti kumpens għall-ispejjeż sostnuti bħala riżultat tal-aġir illegali, azzjonijiet u ommissjonijiet tal-BEI u mġarrba mir-rikorrenti li huma stmati provviżorjament għal EUR 20 000 (inkluża l-VAT);

tordna lill-konvenut iħallas l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri li jammonta għall-ammont provviżorju ta’ EUR 15 000.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq li l-allegati raġunijiet għan-nuqqas potenzjali ta’ bidla tal-kuntratt tiegħu jirriżultaw minn ksur stabbilit b’mod oġġettiv tad-dritt għal kunfidenzjalità, id-dritt għal ħajja privata u d-dritt għal protezzjoni tad-data tar-rikorrent.

It-tieni motiv ibbażat fuq kunflitti ta’ interess u l-parzjalità tal-proċeduri użati sabiex jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet dwar in-nuqqas ta’ bdil tal-kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent u l-ksur li jirriżulta minn dan għad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent.

It-tielet motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni serja u fuq in-natura sproporzjonata tad-Deċiżjonijiet ikkontestati li l-kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent ma jinbidilx u ksur rilevanti tad-drittijiet relatati tar-rikorrent.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur stabbilit b’mod oġġettiv tad-dritt tar-rikorrent għal amministrazzjoni tajba, inkluż id-dritt għal smigħ (Artikolu 41 (2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta tal-UE”)), id-dritt ta’ aċċess għall-fajl tiegħu u, bħala riżultat, id-dritt li jkun informat b’mod spontanju u fil-ħin bil-progress u/jew bir-riżultat ta’ kwalunkwe proċedura istituzzjonali li fiha huwa kien involut (Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tal-UE), u d-dritt li l-kwistjonijiet li jirrigwardawh ikunu ttrattati b’mod imparzjali u fi żmien xieraq (Artikolu 41(1) tal-Karta tal-UE).

____________