Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Sigmaringen (il-Ġermanja) fit-23 ta’ Marzu 2022 – A. A. vs Bundesrepublik Deutschland

(Kawża C-216/22)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Sigmaringen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: A. A.

Konvenut: Bundesrepublik Deutschland

Domandi preliminari

1. a.    Dispożizzjoni nazzjonali li tqis li applikazzjoni sussegwenti hija ammissibbli biss jekk il-fatti jew il-liġi li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni inizjali ta’ ċaħda nbidlu sussegwentement favur l-applikant hija kompatibbli mal-Artikolu 33(2)(d) u mal-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali 1 ?

b.    L-Artikolu 33(2)(d) u l-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 2013/32 jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li ma tqisx deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (f’dan il-każ fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE) bħala “element ġdid”, “ċirkustanza ġdida” jew “fatt ġdid” meta din id-deċiżjoni ma tikkonstatax l-inkompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni iżda sempliċement tinterpreta d-dritt tal-Unjoni? Jekk ikun il-każ, liema huma l-kundizzjonijiet sabiex sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li sempliċement tinterpreta d-dritt tal-Unjoni jkollha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala “element ġdid”, “ċirkustanza ġdida” jew “fatt ġdid”?

2.    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda: l-Artikolu 33(2)(d) u l-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 2013/32 għandhom jiġu interpretati fis-sens li sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ddeċidiet li teżisti preżunzjoni b’saħħitha li r-rifjut li jitwettaq is-servizz militari fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija 1 huwa marbut ma’ waħda mill-ħames raġunijiet elenkati fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala “element ġdid”, “ċirkustanza ġdida” jew “fatt ġdid”?

3. a.    L-Artikolu 46(1)(a)(ii) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni ta’ inammissibbiltà meħuda mill-awtorità determinanti fis-sens tal-Artikolu 33(2)(d) u tal-Artikolu 40(1)(c) tad-Direttiva 2013/32 għandu jkun limitat għall-kwistjoni ta jekk l-awtorità determinanti qisitx ġustament li kienu ssodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex l-applikazzjoni sussegwenti għall-ażil tkun tista’ titqies li hija inammissibbli konformement mal-Artikolu 33(2)(d) u mal-Artikolu 40(2) u (5) tad-Direttiva 2013/32?

b.    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-punt (a) tat-tielet domanda: l-Artikolu 46(1)(a)(ii) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rikors ġudizzjarja kontra deċiżjoni ta’ inammissibbiltà għandu jinkludi wkoll l-eżami tal-kwistjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2011/95 humiex issodisfatti meta l-qorti tikkonstata, wara eżami mwettaq minnha stess, li l-kundizzjonijiet għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni sussegwenti għall-ażil minħabba inammissibbiltà ma humiex issodisfatti?

c.    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punt (b) tat-tielet domanda: sabiex qorti tieħu tali deċiżjoni huwa meħtieġ li l-applikant kien ibbenefika minn qabel mill-garanziji proċedurali speċjali previsti fit-tielet sentenza tal-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32, ikkunsidrata flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tagħha? Il-qorti tista’ tipproċedi b’din il-proċedura hija stess jew għandha tiddelegaha lill-awtorità determinanti, jekk ikun il-każ wara li tissospendi l-proċedura ġudizzjarja? L-applikant jista’ jirrinunzja għall-osservanza ta’ dawn il-garanziji proċedurali?

____________

1     ĠU 2013, L 180, p. 60.

1         ĠU 2011, L 337, p. 9.