Language of document : ECLI:EU:C:2017:36

Kawża C-367/15

Stowarzyszenie « Oławska Telewizja Kablowa»

vs

Stowarzyszenie Filmowców Polskich

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Najwyższy)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 13 – Proprjetà intellettwali u industrijali – Ksur – Kalkolu ta’ danni – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru – Id-doppju tas-somma tar-royalties normalment dovuti”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-25 ta’ Jannar 2017

Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48 – Miżuri, Proċeduri u kumpensi – Għoti ta’ danni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, mingħajr prova tad-dannu effettivament subit, il-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għad-doppju tar-remunerazzjoni xierqa dovuta abbażi ta’ awtorizzazzjoni għall-użu tax-xogħol inkwistjoni – Ammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/48, premessa 26 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1)(b))

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li d-detentur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali li sofra dannu jista’ jitlob lill-persuna li kisret dan id-dritt jew li tikkumpensa d-dannu li huwa sofra, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti kollha xierqa tal-każ inkwistjoni, jew inkella, mingħajr ma dan id-detentur ma jkollu għalfejn jipprova d-dannu effettiv, il-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għad-doppju tar-remunerazzjoni xierqa li kienet tkun dovuta abbażi ta’ awtorizzazzjoni għall-użu tax-xogħol inkwistjoni.

Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-fatt, l-ewwel nett, li kumpens ikkalkolat fuq il-bażi tad-doppju tar-royalty ipotetika ma huwiex eżattament proporzjonali għad-dannu realment imġarrab mill-parti li sofrietu. Fil-fatt, din il-karatteristika hija inerenti għal kull kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa, bħalma huwa dak espliċitament previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1)(b) tad-Direttiva 2004/48.

It-tieni nett, l-imsemmija interpretazzjoni lanqas ma hija kkonfutata mill-fatt li d-Direttiva 2004/48, kif jirriżulta mill-premessa 26 tagħha, ma għandiex l-għan li tintroduċi obbligu li jikkonsisti f’li jiġu previsti danni punittivi. Fil-fatt, minn naħa, bil-kontra ta’ dak li donnha taħseb il-qorti tar-rinviju, il-fatt li d-Direttiva 2004/48 ma tinkludix l-obbligu li l-Istati Membri jipprevedu danni msejħa “punittivi” ma tistax tiġi interpretata li tammonta għal projbizzjoni ta’ introduzzjoni ta’ tali miżura. Min-naħa l-oħra, u mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-introduzzjoni tad-danni msejħa “punittivi” tmurx jew le kontra l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48, ma jidhirx li d-dispożizzjoni applikabbli fil-kawża prinċipali tinkludi obbligu ta’ ħlas ta’ tali danni.

Fit-tielet u l-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-parti li sofriet dannu, sa fejn hija tista’ tikkalkola d-danni abbażi tad-doppju tar-royalty ipotetika, ma jkollhiex iktar għalfejn turi r-rabta kawżali bejn il-fatt li ta lok għad-dannu għad-drittijiet tal-awtur u d-dannu mġarrab, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni eċċessivament stretta tal-kunċett ta’ “kawżalità” li tgħid li d-detentur tad-dritt li sofra dannu għandu jistabbilixxi rabta kawżali bejn dan il-fatt u mhux biss id-dannu mġarrab, iżda wkoll l-ammont preċiż ta’ dan id-dannu. Issa, tali interpretazzjoni ma tistax tiġi rrikonċiljata mal-kunċett innifsu ta’ ffissar f’somma f’daqqa tad-danni u, għaldaqstant, mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1)(b) tad-Direttiva 2004/48, li jippermetti dan it-tip ta’ kumpens.

(ara l-punti 26-29, 32, 33 u d-dispożittiv)