Language of document : ECLI:EU:C:2014:278

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

30 ta’ April 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali — Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera — Regolament (KEE) Nru 547/72 — Artikolu 107(1) u (6) — Regolament (KE) Nru 987/2009 — Artikolu 90 — Ħaddiema migranti — Konverżjoni tal-muniti — Teħid inkunsiderazzjoni tal-benefiċċji tal-familja riċevuti fl-Isvizzera matul il-kalkolu, minn Stat Membru, tal-allowances għall-ulied dipendenti — Differenzjal — Data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-konverżjoni f’euro tal-benefiċċji tal-familja Svizzeri”

Fil-Kawża C‑250/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Baden-Württemberg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Mejju 2013, fil-proċedura

Birgit Wagener

vs

Bundesagentur für Arbeit — Familienkasse Villingen-Schwenningen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal B. Wagener, minn B. Hertrich, avukat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Schatz u M. Van Hoof, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83), fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1386/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ġunju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 421, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 574/72”), u tal-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn B. Wagener u l-Bundesagentur für Arbeit — Familienkasse Villingen-Schwenningen (Aġenzija Federali tax-Xogħol — Fond tal-allowances tal-familja ta’ Villingen-Schwenningen, iktar ’il quddiem il-“Familienkasse”) dwar l-għoti tal-allowances għall-ulied dipendenti fil-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l‑Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2002, L 114, p. 6, iktar ’il quddiem il-“ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni”), daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002.

4        L-Artikolu 8 ta’ dan il-ftehim jipprovdi li l-partijiet kontraenti għandhom jirregolaw, b’mod konformi mal-Anness II tal-imsemmi ftehim, il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali.

5        L-Artikolu 1 tal-Anness II tal-istess ftehim kien jipprovdi, fil-verżjoni oriġinali tiegħu:

“1.      Il-partijiet kontraenti jaqblu, fir-rigward tal-kuntest tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, li japplikaw bejniethom l-atti Komunitarji li għalihom isir riferiment, kif inhuma fis-seħħ fid-data tal-firma tal-ftehim u kif emendati bis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness [...]

2.      Il-frażi ‘Stat(i) Membr(i)’ fl-atti li għalihom isir riferiment fis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness għandha titqies li tirreferi, minbarra għall-istati koperti bl-atti Komunitarji inkwistjoni, għall-Isvizzera”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        Il-verżjoni inizjali tas-Sezzjoni A tal-Anness II dwar il-moviment liberu tal-persuni kienet tagħmel riferiment għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35), fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 307/1999, tat-8 ta’ Frar 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 335, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), u għar-Regolament Nru 574/72.

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolamenti (KEE) Nri 1408/71 u 574/72

7        Skont l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, il-persuna li teżerċita attività bħala impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru (iktar ’il quddiem l-“Istat tal-impjieg”) hija suġġetta, bħala prinċipju, għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 73 ta’ dan ir-regolament, ħaddiem impjegat suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat għandu jkun intitolat, għall-membri tal-familja tiegħu li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor (iktar ’il quddiem l-“Istat ta’ residenza”), għall-benefiċċji tal-familja previsti bil-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-impjieg, bħallikieku dawn kienu jirrisjedu fit-territorju tiegħu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Anness VI tal-imsemmi regolament.

8        Skont l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72:

“a)      L-intitolament għall-benefiċċji jew allowances tal-familja dovuti taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, skond liema l-akkwist tad-dritt għal dawk il-benefiċċji jew allowances mhux suġġett għall-kondizzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni, l-impjieg jew l-impjieg għar-ras, ikun sospiż meta, waqt l-istess perjodu u għall-istess membru tal-familja, il-benefiċċji huma dovuti biss insegwitu għal-leġislazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor jew fl-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 73, 74, 77 jew 78 tar-Regolament [Nru 1408/71], sas-somma ta’ dawk il-benefiċċji.”

9        L-Artikolu 107 tar-Regolament Nru 574/72, intitolat “Konverżjoni ta’ muniti”, jipprovdi kif ġej:

“1.      Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

a)      Ir-Regolament [Nru 1408/71]: L-Artikolu 12(2), (3) u (4); L-Artikolu 14d(1); L-Artikolu 19(1)(b), l-aħħar sentenza; L-Artikolu 22(1)(ii), l-aħħar sentenza; L-Artikolu 25(1)(b), is-sentenza ta’ qabel ta’ l-aħħar; L-Artikolu 41(1)(ċ) u (d); L-Artikolu 46(4); L-Artikolu 46a(3); L-Artikolu 50; L-Artikolu 52(b), l-aħħar sentenza; L-Artikolu 55(1)(ii), l-aħħar sentenza; L-Artikolu 70(1), l-ewwel sub-paragrafu; L-Artikolu 71(1)(a)(ii) u (b)(ii), is-sentenza ta’ qabel ta’ l-aħħar;

b)      Ir-Regolament [Nru 574/72]: L-Artikolu 34(1), (4) u (5), ir-rata tal-bdil minn munita għal oħra għandha tkun dik magħmula mill-Kummissjoni u msejsa fuq il-medja ta’ kull xahar, għall-perjodu ta’ referenza msemmi fil-paragrafu 2, ta’ rati ta’ referenza ta’ kambju ta’ flus ippubblikati mill-Bank Ċentrali Ewropew

2.      Il-perjodu ta’ riferenza jkun:

–        Jannar għar-rati tal-kambju applikabbli mill-1 ta’ April ta’ wara,

–        April għar-rati tal-kambju applikabbli mill-l ta’ Lulju ta’ wara,

–        Lulju għar-rati tal-kambju applikabbli mill-1 ta’ Ottubru ta’ wara,

–        Ottubru għar-rati tal-kambju applikabbli mill-1 ta’ Jannar ta’ wara.

4.      Id-data li trid tittieħed inkonsiderazzjoni għad-determinazzjoni tar-rati tal-kambju biex tkun applikata fil-każijiet li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 1 tkun iffissata mill-Kummissjoni Amministrattiva [għas-Sigurtà Soċjali tal-ħaddiema migranti] fuq proposta tal-Bord tal-Verifika.

5.      Ir-rati tal-kambju li għandhom ikunu applikati fil-każijiet li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 1 ikunu ppublikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej matul ix-xahar li jiġi qabel ix-xahar li mill-ewwel jum tiegħu dawn se jkunu applikati.

6.      Fil-każijiet mhux koperti mill-paragrafu 1, il-konverżjoni ssir fuq ir-rata uffiċjali tal-kambju fil-jum tal-ħlas kemm għall-ħlas kif ukoll għar-rifużjoni tal-benefiċċji.”

 Ir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u Nru 987/2009

10      Ir-Regolament Nru 1408/71 ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72). Ir-Regolament Nru 574/72 ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 987/2009. Dawn ir-regolamenti ġodda saru applikabbli fl-1 ta’ Mejju 2010, skont l-Artikolu 91 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 987/2009.

11      Wara l-adozzjoni ta’ dawn ir-regolamenti, id-Deċiżjoni Nru 1/2012 tal-kumitat konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, tal-31 ta’ Marzu 2012, li tissostitwixxi l-Anness II ta’ dak il-Ftehim dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali (ĠU L 103, p. 51), ipprevediet, mill-1 ta’ April 2012 - li hija d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha - verżjoni ġdida ta’ dan l-anness. Is-Sezzjoni A tal-imsemmi anness, f’din il-verżjoni l-ġdida, tagħmel riferiment għar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009 minflok ir-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72.

12      Skont l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, persuna għandha tkun intitolata għall-benefiċċji tal-familja skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kompetenti, inklużi l-membri tal-familja tagħha li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor.

13      L-Artikolu 68(2) tal-imsemmi regolament jistipula:

“Fil-każ li jkun hemm overlapping bejn il-benefiċċji li għalihom hija intitolata persuna, benefiċċji marbutin mal-familja għandhom jingħataw skond il-leġislazzjoni indikata bħala l-leġislazzjoni li għandha preċedenza skond il-paragrafu 1. L-intitolar għal benefiċċji tal-familja taħt leġislazzjoni jew leġislazzjonijiet oħrajn li ma jaqblux għandu jkun sospiż sa’ l-ammont stabbilit mill-ewwel leġislazzjoni u għandu jingħata suppliment biex jagħmel tajjeb għad-differenza, jekk ikun meħtieġ, fis-somma li taqbeż dan l-ammont. Madanakollu, dan is-suppliment ma hemmx bżonn li jingħata fil-każ ta’ tfal li huma residenti fi Stat Membru ieħor meta l-persuna tkun intitolata għall-benefiċċju konċernat fuq il-bażi ta’ residenza biss.”

14      L-Artikolu 87(1) tal-istess regolament jinkludi d-dispożizzjoni tranżitorja segwenti li, skont l-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 987/2009, tapplika wkoll għas-sitwazzjonijiet irregolati minn dan l-aħħar regolament:

“L-ebda dritt ma jista’ jinkiseb taħt dan ir-Regolament għall-perjodu ta’ qabel il-jum ta’ l-applikazzjoni tiegħu.”

15      L-Artikolu 90 tar-Regolament Nru 987/2009 jipprovdi dan li ġej:

“Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament [Nru 883/2004] u tar-Regolament [Nru 987/2009], ir-rata tal-kambju bejn żewġ valuti għandha tkun ir-rata ta’ referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew. Id-data li għandha titqies biex tiġi ddeterminata r-rata tal-kambju għandha tkun stabbilita mill-Kummissjoni [għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali].”

16      Din il-kummissjoni adottat id-Deċiżjoni H3, tal-15 ta’ Ottubru 2009, li tikkonċerna d-data li għandha tiġi kkunsidrata għad-determinazzjoni tar-rati tal-kambju msemmija fl-Artikolu 90 tar-Regolament Nru 987/2009 (ĠU 2010, C 106, p. 56).

 Id-dritt Ġermaniż

17      L-Artikolu 62(1)(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz) jipprovdi:

“Fir-rigward tat-tfal fis-sens tal-Artikolu 63, hija intitolata għall-allowances tal-familja taħt din il-liġi, kull persuna:

1.      li għandha d-domiċilju jew il-post ta’ residenza abitwali tagħha fit-territorju nazzjonali […]”.

18      Bit-titolu “Benefiċċji oħra għall-ulied”, l-Artikolu 65(1)(2) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Ma għandhomx jitħallsu l-allowances għall-ulied dipendenti għal wild li jibbenefika minn xi wieħed mill-benefiċċji li ġejjin jew li jieħu tali benefiċċju jekk applikazzjoni f’dan is-sens tkun ġiet ippreżentata:

[...]

2.      benefiċċji għall-ulied mogħtija fl-esteru u komparabbli għall-allowances għall-ulied dipendenti jew għal xi wieħed mill-benefiċċji msemmija fil-punt 1.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      Il-konjuġi Wagener jirrisjedu fil-Ġermanja flimkien mat-tliet uliedhom. B. Wagener ma teżerċita ebda attività professjonali. Is-Sur Wagener ilu jaħdem fl-Isvizzera bħala impjegat sa mill-1 ta’ Ottubru 2006. Minħabba din l-attività, huwa rċieva, fi franki Svizzeri, allowances tal-familja għat-tliet uliedu għall-perijodu mix-xahar ta’ Ottubru 2006 sax-xahar ta’ Novembru 2011.

20      Matul dan l-istess perijodu, is-Sur Wagener irċieva wkoll, fil-Ġermanja, allowances għall-ulied dipendenti. Peress li l-Familienkasse ma ġiex informat bl-eżerċizzju tal-attività professjonali tas-Sur Wagener fl-Isvizzera, dawn l-allowances tħallsu bir-rata sħiħa.

21      Wara li, fix-xahar ta’ Frar 2012, ġie informat bl-eżerċizzju ta’ din l-attività, il-Familienkassen, permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ottubru 2012, annulla l-għoti tal-imsemmija allowances sa mix-xahar ta’ Ottubru 2006 u talab ir-rimbors tal-ammont tagħhom.

22      Minkejja dan, il-Familienkasse qies li B. Wagener kellha dritt, skont l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, għal allowances imsejħa “differenzjali” mingħand il-Gvern Ġermaniż, ta’ ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammonti tal-allowances Ġermaniżi għall-ulied dipendenti u dawk tal-allowances tal-familja Svizzeri. Barra minn hekk, il-Familienkasse stieden lil B. Wagener sabiex tagħmel talba f’dan is-sens.

23      Madankollu, wara li ġie kkomunikat l-ammont preċiż tal-allowances tal-familja riċevuti fl-Isvizzera, il-Familienkasse, permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2012, ċaħad it-talba għal għoti ta’ differenzjal ta’ allowances tal-familja għall-perijodu mix-xahar ta’ Ottubru 2006 sax-xahar ta’ Novembru 2011 f’dak li jikkonċerna l-ewwel żewġ ulied ta’ B. Wagener, billi kkunsidra li l-ammonti tal-allowances Svizzeri kienu ogħla minn dawk tal-allowances Ġermaniżi. Fir-rigward tat-tielet wild, huwa ta lil B. Wagener differenzjal ta’ allowances tal-familja ta’ EUR 39.42 għal dan il-perijodu ta’ ħames snin.

24      Għall-konverżjoni f’euro tal-benefiċċji tal-familja Svizzeri, il-Familienkasse bbaża ruħu fuq rata tal-kambju stabbilita għall-aħħar tliet xhur tas-sena 2012 mill-Bundesagentur für Arbeit (Aġenzija Federali tax-Xogħol).

25      Permezz ta’ lment tat-8 ta’ Novembru 2012, B. Wagener ikkontestat l-applikazzjoni ta’ din ir-rata tal-kambju. B’deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2012, il-Familienkasse ċaħad dan l-ilment billi ppreċiża li l-imsemmija konverżjoni kienet twettqet skont l-Artikolu 107(1) u (2) tar-Regolament Nru 574/72.

26      Sussegwentement, B. Wagener ressqet azzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju fejn sostniet, b’mod partikolari, li l-istess konverżjoni għandha ssir b’applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009, moqrija flimkien mad-deċiżjoni H3.

27      Il-qorti tar-rinviju tqis, minn naħa, li dawn ir-regolamenti huma applikabbli, f’dak li jirrigwarda l-Konfederazzjoni Svizzera, biss sa mill-1 ta’ April 2012. Min-naħa l-oħra, hija tirreferi għal ġurisprudenzi nazzjonali diverġenti fir-rigward tal-konverżjoni tal-muniti għall-kalkolu tad-drittijiet għal differenzjal ta’ allowances għall-ulied dipendenti. Fil-fatt, filwaqt li ċerti qrati nazzjonali applikaw l-Artikolu 107(6) tar-Regolament Nru 574/72, oħrajn, bħalma hija l-Finanzgericht München (qorti tal-finanzi ta’ München), ibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 107(1) ta’ dan ir-regolament minkejja li l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament ma jissemmiex f’din id-dispożizzjoni.

28      Skont din l-aħħar qorti, l-Artikolu 107(6) tar-Regolament Nru 574/72 ma jipprestax ruħu għall-konverżjoni monetarja tal-benefiċċji soċjali għall-finijiet tal-kalkolu ta’ differenzjal ta’ allowances tal-familja skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament peress li dan ma jippreċiżax id-data li fiha għandha titwettaq din il-konverżjoni. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(6) tal-imsemmi regolament jirrendi iktar kumplessi l-modalitajiet prattiċi tal-kalkolu mill-awtorità kompetenti għall-benefiċċji mħallsa lil numru kbir ta’ benefiċjarji matul perijodu twil billi jobbliga lil din l-awtorità tikkalkola l-ammont ta’ dawn il-benefiċċji skont id-data ta’ kull ħlas tal-imsemmija benefiċċji lil kull benefiċjarju individwali. Barra minn hekk, teżisti lakuna fid-dritt tal-Unjoni li għandha tiġi solvuta b’applikazzjoni, b’analoġija, tal-Artikolu 107(1) tal-istess regolament.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Baden-Württemberg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċpali, fejn fond Ġermaniż ta’ allowances tal-familja, fis-17 ta’ Ottubru 2012, abbażi tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, ikun alloka u ħallas (permezz ta’ tpaċija) għall-perijodu minn Ottubru 2006 sa Novembru 2011, fir-rigward ta’ allowances għall-ulied dipendenti [wara tnaqqis] tal-allowances tal-familja tal-Konfederazzjoni Svizzera, il-konverżjoni tal-allowances tal-familja Svizzeri [mħallsa fi] franki Svizzeri [...] għandha sseħħ skont l-Artikolu 107(1) tar-Regolament Nru 574/71, l-Artikolu 107(6) tar-Regolament Nru 574/72 jew l-Artikolu 90 tar-Regolament Nru 987/2009 moqri flimkien mad-deċiżjoni H3[...]?

2)      F’każ fejn, skont ir-risposta għall-ewwel domanda, il-konverżjoni għandha sseħħ totalment jew parzjalment skont l-Artikolu 107(6) tar-Regolament Nru 574/72: fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-ewwel domanda, id-data ta’ ħlas tal-benefiċċju barrani li għandu jitnaqqas hija determinanti għall-konverżjoni jew hija d-data ta’ ħlas tal-benefiċċju nazzjonali, li minnu jitnaqqas il-benefiċċju barrani, li hija rilevanti?

3)      Fil-każ fejn, skont ir-risposta għall-ewwel domanda, l-konverżjoni għandha sseħħ totalment jew parzjalment skont l-Artikolu 107(1) tar-Regolament Nru 574/72: f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali: kif għandu jiġi stabbilit il-perijodu ta’ referenza skont l-Artikolu 107(2) u (4) tar-Regolament Nru 574/72? Id-data ta’ għoti jew ta’ ħlas, mill-istituzzjoni Svizzera, tal-benefiċċji tal-familja li għandhom jitnaqqsu għandha importanza għall-konverżjoni?

4)      Fil-każ fejn, skont ir-risposta għall-ewwel domanda, il-konverżjoni għandha sseħħ totalment jew parzjalment skont l-Artikolu 90 tar-Regolament Nru 987/2009 moqri flimkien mad-deċiżjoni H3 [...]: skont liema dispożizzjoni [punt 2, punt 3(a), jew punt 3(b)] tad-deċiżjoni H3 [...], u b’liema mod għandha sseħħ il-konverżjoni ta’ benefiċċji tal-familja meta d-dritt nazzjonali jipprevedi esklużjoni mill-benefiċċji tal-familja nazzjonali [Artikolu 65(1)(2) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul] u dawn il-beneffiċċji jingħataw biss skont id-dritt tal-Unjoni? Id-data ta’ għoti jew ta’ ħlas tal-benefiċċji tal-familja mill-istituzzjoni Svizzera hija rilevanti għall-konverżjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

30      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-konverżjoni monetarja ta’ allowances tal-familja għandhiex issir skont l-Artikolu 107(1) tar-Regolament Nru 574/72 jew l-Artikolu 107(6) ta’ dan ir-regolament jew saħansitra l-Artikolu 90 tar-Regolament Nru 987/2009.

31      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 1(1) tal-Anness II tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, moqri flimkien mad-Deċiżjoni Nru 1/2012, jirriżulta li, fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-benefiċċji msemmija fl-imsemmi ftehim, ir-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 japplikaw għall-perijodu mill-1 ta’ Ġunju 2002 sal-31 ta’ Marzu 2012. Għall-kuntrarju, ir-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009 huma applikabbli mill-1 ta’ April 2012.

32      Fil-kawża prinċipali, huma l-awtoritajiet Ġermaniżi li għandhom jikkonvertu f’euro benefiċċji tal-familja mħallsa mill-Istat Svizzeru relattivi għall-perijodu mix-xahar ta’ Ottubru 2006 sax-xahar ta’ Novembru 2011. Id-dritt għal dawn il-benefiċċji għaldaqstant huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 — u iktar preċiżament mill-Artikoli 13(2)(a) u 73 tar-Regolament Nru 1408/71, kif ukoll mill-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, u mhux mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konverżjoni monetarja tal-imsemmija benefiċċji għandha ssir skont l-Artikolu 107 tar-Regolament Nru 574/72, li jirrigwarda l-konverżjoni tal-benefiċċji msemmija mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72, u mhux abbażi tal-Artikolu 90 tar-Regolament Nru 987/2009 peress li, skont il-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, din hija stabbilita biss b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009.

34      Sabiex jiġi identifikat il-paragrafu tal-Artikolu 107 tar-Regolament Nru 574/72 applikabbli fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-Artikolu 107(1) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-modalitajiet ta’ konverżjoni monetarja biss għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet imsemmija fiha b’mod espress (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Grisvard u Kreitz, C-201/91, EU:C:1992:368, punti 23 u 25).

35      Issa, l-Artikolu 107(1) tal-imsemmi regolament la jagħmel riferiment għall-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u lanqas għall-Artikolu 73 ta’ dan ir-regolament, u lanqas għall-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72. Konsegwentement, dan ma jistax jiġi applikat fil-kawża prinċipali.

36      Billi l-Artikolu 107(6) tar-Regolament Nru 574/72 għandu, skont il-formulazzjoni tiegħu, japplika fil-każijiet li ma humiex imsemmija fl-Artikolu 107(1) ta’ dan ir-regolament, din l-ewwel dispożizzjoni tirregola l-konverżjoni monetarja tal-benefiċċji inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

37      Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argument li l-Artikolu 107(6) tal-imsemmi regolament ma jiffaċilitax l-operazzjonijiet ta’ konverżjoni monetarja tal-benefiċċji għall-finijiet tal-kalkolu tad-differenzjal ta’ allowances tal-familja skont l-Artikolu 10 tal-istess regolament.

38      Fil-fatt, peress li l-formulazzjoni tal-Artikolu 107 tar-Regolament Nru 574/72 hija ċara f’dak li jikkonċerna r-relazzjoni bejn il-paragrafi (1) u (6) tiegħu, l-argumenti bbażati fuq konvenjenza ikbar tal-metodu msemmi fl-Artikolu 107(1) ta’ dan ir-regolament ma jistgħux imorru kontra tali formulazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Grisvard u Kreitz, EU:C:1992:368, punti 23 u 25).

39      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ mistoqsijiet possibbli dwar id-data tal-konverżjoni monetarja skont l-Artikolu 7(6) tal-imsemmi regolament, din ma tistax tiġġustifika n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Ir-risposta għal dawn il-mistoqsijiet, għall-kuntrarju, għandha tirriżulta mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għanda tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-konverżjoni monetarja ta’ allowances tal-familja għandha ssir skont l-Artikolu 107(6) tar-Regolament Nru 574/72.

 Fuq it-tieni domanda

41      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 107(6) tar-Regolament Nru 574/72 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-konverżjoni monetarja ta’ allowances tal-familja, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-finijiet tal-kalkolu tad-differenzjal ta’ allowances familjari skont l-Artikolu 10(1)(a) ta’ dan ir-regolament, għandha ssir jew bir-rata tal-kambju uffiċjali fil-jum tal-ħlas ta’ dawn l-allowances mill-Istat tal-impjieg jew fis-sens li din għandha ssir bir-rata tal-kambju uffiċjali tal-jum tal-ħlas ta’ dan id-differenzjal mill-Istat ta’ residenza.

42      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 107(6) tal-imsemmi regolament jipprevedi li, fil-każ ta’ ħlas ta’ benefiċċji, il-konverżjoni monetarja għandha ssir skont ir-rata tal-kambju uffiċjali tal-jum tal-ħlas.

43      Barra minn hekk, mill-Artikoli 13(2)(a) u 73 tar-Regolament Nru 1408/71, moqrija flimkien mal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, jirriżulta li l-ħaddiem huwa intitolat għall-allowances tal-familja kollha previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-impjieg, filwaqt li d-dritt tiegħu għall-allowances tal-familja previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza huwa sospiż sal-ammont ta’ dawn l-ewwel benefiċċji.

44      Minn dan isegwi li, meta l-allowances tal-familja previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-impjieg ikunu iktar għoljin minn dawk previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza, id-dritt tal-ħaddiem għal dawn tal-aħħar jiġi sospiż sal-ammont totali tagħhom. Tali ħaddiem ma jirċievi ebda ħlas mingħand l-Istat ta’ residenza.

45      Issa, il-formulazzjoni tal-Artikolu 107(6) tar-Regolament Nru 574/72, li torbot, b’mod inkundizzjonat, il-konverżjoni tal-benefiċċji bir-rata tal-kambju uffiċjali tal-jum tal-“ħlas”, għandha tinqara bħala li ssemmi l-konverżjoni tal-benefiċċji mħallsa mill-Istat tal-impjieg sa fejn dan il-ħlas iseħħ fi kwalunkwe ipoteżi, filwaqt li l-ħlas tal-benefiċċji previsti mill-Istat ta’ residenza iseħħ biss f’kundizzjonijiet preċiżi, u għaldaqstant huwa kundizzjonat u inċert.

46      Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tiggarantixxi l-effett utli tar-regoli antikumulu, bħal dawk previsti fl-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, li huma intiżi li jiggarantixxu lill-benefiċjarju ta’ benefiċċji mħallsa minn diversi Stati Membri ammont totali ta’ benefiċċji li huwa identiku għall-ammont tal-benefiċċju l-iktar favorevoli dovut lilu skont il-leġiżlazzjoni ta’ wieħed fost dawn l-Istati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Romano, 98/80, EU:C:1981:104, punt 24).

47      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, f’kawża bħal dik prinċipali, il-benefiċjarju tal-allowances tal-familja mħallsa mill-Istat tal-impjieg jirrisjedi fl-Istat Membru li jagħti d-differenzjal ta’ allowances tal-familja b’mod li l-allowances imħallsa mill-Istat tal-impjieg jiġu ttrasferiti lejn l-Istat ta’ residenza. Issa, huwa biss wara l-ħlas ta’ dan il-benefiċċju mill-Istat tal-impjieg u l-konverżjoni tal-ammont tiegħu fil-munita tal-Istat ta’ residenza li l-persuna kkonċernata tista’ tibbenefika minn dan id-differenzjal f’dan l-aħħar Stat fil-każ li l-ammont li tiegħu tkun saret il-konverżjoni jkun inqas minn dak tal-istess benefiċċju dovut skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 107(6) tar-Regolament Nru 574/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konverżjoni monetarja ta’ allowances tal-familja, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-finijiet tal-kalkolu tad-differenzjal ta’ allowances tal-familja skont l-Artikolu 10(1)(a) ta’ dan ir-regolament, għandha ssir bir-rata tal-kambju uffiċjali tal-jum tal-ħlas ta’ dawn l-allowances mill-Istat tal-impjieg.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

49      Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li t-tielet u r-raba’ domandi jiġu eżaminati.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-konverżjoni monetarja ta’ allowances tal-familja għandha ssir skont l-Artikolu 107(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1386/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ġunju 2001.

2)      L-Artikolu 107(6) tar-Regolament Nru 574/72, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1386/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konverżjoni monetarja ta’ allowances tal-familja, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-finijiet tal-kalkolu tad-differenzjal ta’ allowances tal-familja skont l-Artikolu 10(1)(a) ta’ dan ir-regolament, għandha ssir bir-rata tal-kambju uffiċjali tal-jum tal-ħlas ta’ dawn l-allowances mill-Istat Membru tal-impjieg li fit-territorju tiegħu l-ħaddiem jitqies li jwettaq attività bħala impjegat.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.