Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Mejju 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża

(Kawża C-286/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: O. Beynet, M. Noll-Ehlers, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet

F’din il-kawża, il-Kummissjoni għandha l-unur titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata, minn naħa, li billi eċċediet b’mod sistematiku u persistenti l-valur ta’ limitu għal kull jum għall-partikuli fini (PM10) mill-l ta’ Jannar 2005 fl-agglomerazzjoni u żona ta’ kwalità ta’ Pariġi (FR04A01/FR11ZAG01) u mill-1 ta’ Jannar 2005 u sal-2016 inkluża fiż-żona Martinique/Fort-de-France (FR39N10/FR02ZAR01), ir-Repubblika Franċiża kompliet tonqos milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa 1 , moqri flimkien mal-Anness XI tal-imsemmija direttiva;

min-naħa l-oħra, li r-Repubblika Franċiża naqset, f’dawn iż-żewġ żoni mill-11 ta’ Ġunju 2010, milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50/KE, moqri flimkien mal-Anness XV tagħha, u b’mod partikolari l-obbligu li tiżgura li l-perijodu ta’ eċċess ikun l-iqsar possibbli.

Motivi u argumenti prinċipali

Għal Pariġi, il-valur ta’ limitu għal kull jum ma huwiex osservat, b’mod mhux interrott, mill-2005 sa meta ġiet ipprovduta l-aħħar informazzjoni, jiġifieri fl-2019. Barra minn hekk, wieħed jikkonstata li d-distakk mill-konformità fir-rigward tal-eċċessi tal-valur għal kull jum fiż-żona ta’ Pariġi huwa għoli (in-numru ta’ eċċessi huwa d-doppju tan-numru ta’ eċċessi awtorizzati) u ma ttejjibx mill-2015. Għaż-żona ta’ Martinique, il-valur ta’ limitu għal kull jum ma ġiex osservat sal-2016 u dan b’mod kontinwu (bl-eċċezzjoni tal-2008).

Fiż-żewġ żoni ta’ Pariġi u ta’ Martinique, il-valuri ta’ limitu għall-PM10 ġew eċċeduti fil-mument tal-iskadenza tat-terminu tar-risposta għall-opinjoni motivata. F’dak il-mument, Franza kellha tistabbilixxi u tinnotifika pjanijiet. L-analiżi turi li Franza ma adottatx tali pjanijiet. Il-miżuri li ttieħdu (fil-livell nazzjonali u reġjonali) minn Franza naqsu milli jiggarantixxi li l-perijodu ta’ eċċess ikun l-iqsar possibbli, kif meħtieġ mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/50/KE.

____________

1 ĠU 2008, L 152, p. 1