Language of document : ECLI:EU:T:2010:353

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla Manja)

7 ta’ Settembru 2010 *

“Rikors għal annullament – Ambjent u protezzjoni tas-saħħa umana – Klassifikazzjoni, ippakkjar u ttikkettjar ta’ ċerti komposti ta’ karbonat tan-nikil bħala sustanzi perikolużi – Direttiva 2008/58/KE – Direttiva 67/548/KEE – Regolament (KE) Nru 790/2009 – Regolament (KE) Nru 1272/2008 – Adattament tat-talbiet – Applikazzjoni ratione temporis tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE – Nuqqas ta’ interess individwali – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑532/08,

Norilsk Nickel Harjavalta Oy, stabbilita f’Espoo (il-Finlandja),

Umicore SA/NV, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

irrappreżentati minn K. Nordlander, avukat,

rikorrenti,

sostnuti minn

Nickel Institute, stabbilit f’Toronto (il-Kanada), irrappreżentat minn K. Nordlander, avukat, D. Anderson, QC, S. Kinsella u H. Pearson, solicitors,

intervenjent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Oliver u D. Kukovec, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn B. Weis Fogh, bħala aġent,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali, minn naħa, tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/58/KE, tal-21 ta’ Awwissu 2008, li temenda, bil-għan li tadatta għall-progress tekniku, għat-30 darba d-Direttiva tal-Kunsill Nru 67/548/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d‑dispożizzjonijiet amministrattivi rigward il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l‑ittikkettjar tas-sustanzi perikolużi (ĠU L 246, p. 1), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 790/2009, tal-10 ta’ Awwissu 2009, li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il‑klassifikazzjoni, it-tikkettjar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU L 235, p. 1), sa fejn dawn l-atti jemendaw il-klassifikazzjoni ta’ ċerti komposti tal-karbonat tan-nikil,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla Manja),

komposta minn M. Jaeger, President tal-Awla, J. Azizi (Relatur), A. W. H. Meij, M. Vilaras, N. J. Forwood, E. Martins Ribeiro, O. Czúcz, I. Wiszniewska‑Białecka, I. Pelikánová, E. Cremona, I. Labucka, S. Frimodt Nielsen u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti, Norilsk Nickel Harjavalta Oy (li kienet OMG Harjavalta Oy, iktar ’il quddiem “Norilsk Nickel”) u Umicore SA/NV, jikkontestaw il-legalità tal-klassifikazzjoni ta’ ċerti komposti ta’ karbonat tan-nikil bħala sustanzi perikolużi (iktar ’il quddiem il-“klassifikazzjonijiet ikkontestati”) li kienet, għall-ewwel, dehret fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1967, rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l‑ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 1 p. 27), qabel ma dehret fl-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar il‑klassifikazzjoni, l-ittikkettjar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, p. 1).

2        Il-klassifikazzjonijiet ikkontestati kienu ġew introdotti bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/58/KE, tal-21 ta’ Awwissu 2008, li temenda, bil-għan li tadatta għall-progress tekniku, għat-30 darba d-Direttiva tal-Kunsill Nru 67/548/KEE (ĠU L 246, p. 1, iktar ’il quddiem id-“direttiva kkontestata”), u ġew riprodotti, mill-25 ta’ Settembru 2009, fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 790/2009, tal-10 ta’ Awwissu 2009, li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament Nru 1272/2008 (ĠU L 235, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti kkontestati”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Dispożizzjonijiet tat-Trattati KE u FUE

3        Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE:

“Kull persuna fisika jew legali tista’, taħt l-istess kundizzjonijiet, tippresenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lejn dik il-persuna jew kontra deċiżjoni li għalkemm, fil-forma ta’ regolament jew deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, tirrigwarda direttament u individwalment lil dik il-persuna.”

4        Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE:

“Kwalunkwe persuna fisika jew ġuridika tista’, taħt il- kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.”

 Id-Direttiva 67/548

5        Id-Direttiva 67/548, kif emendata b’mod partikolari bid-Direttiva tal-Kunsill 92/32/KEE, tat-30 ta’ April 1992, li temenda għas-seba’ darba d-Direttiva 67/548/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 11, p. 155), u bid-Direttiva 2006/121/CE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE sabiex tadattaha għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l‑awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ĠU L 396, p. 850), tiffissa regoli dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti “sustanzi”, definiti bħala “elementi kimiċi u l‑komposti tagħhom fi stat naturali jew miksuba b’kull proċess ta’ produzzjoni, inkluż kull addittiv meħtieġ biex tkun preservata l-istabbiltà tal-prodotti u kull impurità riżultanti mill-proċess użat, imma bl-esklużjoni ta’ kull solvent li jista’ jkun separat mingħajr ma jaffettwa l-istabbiltà tas-sustanza jew ibiddel il‑komposizzjoni tagħha”.

6        Għal dan il-għan, id-Direttiva 67/548 twettaq, skont l-Artikolu 4(1) tagħha, klassifikazzjoni tas-sustanzi, skont il-proprjetajiet intrinsiċi tagħhom, fil-kategoriji previsti fl-Artikolu 2(2) tagħha. Il-klassifikazzjoni ta’ sustanza bħala “perikoluża” fl-Anness I ta’ din id-direttiva timplika, bħala rekwiżit preliminari għall-kummerċjalizzazzjoni tagħha, it-twaħħil fuq l-ippakkjar tagħha ta’ ttikkettjar obbligatorju li jinkludi b’mod partikolari s-simboli tal-perikoli li jinvolvi l-użu tas-sustanza u frażijiet standard li jindikaw, minn naħa, ir-riskji speċifiċi li jirriżultaw mill-perikoli tal-użu tas-sustanza u, min-naħa l-oħra, l-avviżi ta’ prudenza fir-rigward tal-użu tagħha.

7        Skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 67/548, fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ qabel l-adozzjoni tal-Artikolu 55(2) tar-Regolament Nru 1272/2008:

“L-Anness I għandu l-lista ta’ sustanzi klassifikati skond il-prinċipji delineati fil-paragrafi 1 u 2, flimkien mal-klassifikazzjoni armonizzata u l-ittikkettjar tagħhom. Id-deċiżjoni biex sustanza titqiegħed fl-Anness I, [li jirriproduċi l-lista ta’ sustanzi kklassifikati skont il-prinċipji delineati fil-paragrafi 1 u 2 tal-istess artikolu,] flimkien mal-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar armonizzati għandha tittieħed skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 29 [tal-imsemmija direttiva].”

8        L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 67/548 jipprovdi li “[l]-prinċipji ġenerali tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar tas-sustanzi u preparazzjonijiet għandhom ikunu applikati skond il-kriterji fl-Anness VI, ħlief meta ħtiġiet kuntrarji għall-preparazzjonijiet perikolużi huma speċifikati f’Direttivi separati.”

9        Il-punt 1.2 tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548 jipprovdi:

“Dan l-anness jelenka l-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-klassifikazzjoni u l‑ittikkettjar ta’ sustanzi u preparazzjonijiet, msemmija fl-Artikolu 4 ta’ din id‑direttiva […]

Dan jirrigwarda kull persuna kkonċernata (manifatturi, importaturi, awtoritajiet nazzjonali) mill-metodu ta’ klassifikazzjoni u ttikkettjar ta’ sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Il-punt 4.1.2 tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548 jipprovdi:

“Jekk manifattur, distributur jew importatur ikollu informazzjoni li tindika li sustanza għandha tkun suġġetta għal klassifikazzjoni u ttikketjar skont il-kriteji stabbiliti fil-punti 4.2.1, 4.2.2 jew 4.2.3, huwa għandu jwaħħal ittikkjettar proviżorju fuq is-sustanza skont dawn il-kriterji, abbażi tal-evalwazzjoni tal-provi ta’ persuna kompetenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      Skont il-punt 4.1.3 tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548, “[i]l-manifattur, id‑distributur jew l-importatur għandu fl-iqsar żmien possibbli jippreżenta, lill-Istat Membru fejn sustanza titqiegħed fis-suq, dokument li jiġbor fil-qosor l‑informazzjoni kollha riġward din is-sustanza.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      Il-punt 4.1.4 tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548 jipprovdi:

“Barra minn hekk, manifattur, distributur jew importatur li jkollu informazzjoni ġdida rigward il-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar ta’ sustanza skont ir-rekwiżiti indikati fil-punti 4.2.1, 4.2.2 jew 4.2.3 għandu jgħaddi l-imsemmija informazzjoni lill-Istat Membru fejn tiġi kkumerċjalizzata s-sustanza.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      Il-punt 4.1.5 tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548 jipprovdi:

“Sabiex tintlaħaq, l-iktar malajr possibbli, klassifikazzjoni uniformi fil-Komunità permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri li jkollhom informazzjoni li tiġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ sustanza f’waħda minn dawn il-kategoriji, kemm jekk din l-informazzjoni ġiet ipprovduta mill-manifattur u anki jekk le, għandhom fl-iqsar żmien possibbli jibagħtu l-imsemmija informazzjoni lill-Kummissjoni, flimkien ma’ proposti ta’ klassifikazzjoni ta’ ttikkettjar.

Il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Istati Membri l-oħra l-proposti ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar li tirċievi. Kull Stat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni l-komunikazzjoni tal-informazzjoni mibgħuta lilha.

[…]”

 Il-Proċedura ta’ adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva 67/548

14      Skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 67/548, l-emendi meħtieġa għall-adattament tal-annessi tagħha għall-progress tekniku għandhom jiġu deċiżi skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 29. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124), moqri flimkien mal-punt 1 tal-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 807/2003, tal-14 ta’ April 2003, li jadatta, għad-Deċiżjoni 1999/468/KE, id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kumitati li jassistu l-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti tal-Kunsill adottati skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni (unanimità) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1 Vol. 4, p. 335), il-Kummissjoni Ewropea għandha tkun mgħejjuna minn kumitat regolatorju kompost mir-rappreżentanti tal-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 5(3) tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk ikunu skont l-opinjoni tal-kumitat. Min-naħa l-oħra l-Artikolu 5(4) ta’ din id‑deċiżjoni jipprovdi li, meta l-miżuri maħsuba ma jkunux skont l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tinforma lill-Parlament Ewropew.

 Tħassir, emendar u bdil parzjali tad-Direttiva 67/548 bir-Regolament Nru 1272/2008

15      Mill-20 ta’ Jannar 2009, id-Direttiva 67/548 ġiet parzjalment imħassra, emendata u mibdula bir-Regolament Nru 1272/2008. Dan ir-regolament huwa, b’mod partikolari, intiż li jimplementa sistema ġenerali armonizzata ta’ klassifikazzjoni u ttikkettjar tal-prodotti kimiċi, kif elaborata fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti (premessi 5 sa 8 tar-Regolament Nru 1272/2008).

16      Filwaqt li l-Artikolu 55(11) tar-Regolament Nru 1272/2008 jipprovdi li “l‑Anness I [tad-Direttiva 67/548] għandu jitħassar”, l-Anness VI tal-imsemmi regolament ma kienx jinkludi, meta daħal fis-seħħ, il-klassifikazzjonijiet ikkontestati, peress li l-proċedura ta’ adozzjoni tagħhom kienet iltaqgħet ma’ dewmien importanti, iżda biss il-klassifikazzjonijiet introdotti fil-kuntest tal-adattamenti preċedenti tad-Direttiva 67/548 għall-progress tekniku, inklużi dawk previsti bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/73/KE, tad-29 ta’ April 2004, li tadatta għall-progress tekniku għad-29 darba d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 34, p. 448).

17      F’dan ir-rigward, il-premessa 53 tar-Regolament Nru 1272/2008 tipprovdi:

“Sabiex jittieħed kont sħiħ tal-ħidma u l-esperjenza akkumulata taħt id‑Direttiva 67/548[…], inklużi l-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta’ sustanzi speċifiċi elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 67/548[…], il-klassifikazzjonijiet armonizzati eżistenti kollha għandhom jiġu konvertiti fi klassifikazzjonijiet armonizzati ġodda billi jintużaw kriterji ġodda. Barra minn hekk, peress li l‑applikabbiltà ta’ dan ir-Regolament hija diferita u l-klassifikazzjonijiet armonizzati skond il-kriterji tad-Direttiva 67/548[…] huma rilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ sustanzi u taħlitiet matul il-perijodu ta’ transizzjoni li jsegwi, il-klassifikazzjonijiet armonizzati eżistenti kollha għandhom ukoll jitqiegħdu mhux mibdula f’anness għal dan ir-Regolament. Billi l-armonizzazzjonijiet tal-klassifikazzjonijiet futuri kollha jiġu soġġetti għar-Regolament, inkonsistenzi fil-klassifikazzjonijiet armonizzati ta’ l-istess sustanza taħt il-kriterji l-ġodda u dawk eżistenti għandhom jiġu evitati.”

18      L-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1272/2008, intitolat “Armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta’ sustanzi” fost l-oħrajn jipprovdi:

“1. Sustanza li tissodisfa l-kriterji mniżżla fl-Anness I għal dawn li ġejjin għandha normalment tkun soġġetta għall-klassifikazzjoni u l-ittikkettar armonizzati skond l-Artikolu 37:

a)      sensitizzazzjoni respiratorja, kategorija 1 (Anness I, Taqsima 3.4);

b)      mutaġeniċità għaċ-ċelloli ġerminali, kategorija 1A, 1B jew 2 (Anness I, Taqsima 3.5);

c)      karċinoġeniċità, kategorija 1A, 1B jew 2 (Anness I, Taqsima 3.6);

d)      tossiċità riproduttiva, kategorija 1A, 1B jew 2 (Anness I, Taqsima 3.7).

[…]”

19      Skont l-Artikolu 37 tar-Regolament Nru 1272/2008, intitolat “Proċedura għall-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta’ sustanzi”:

“1. Awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tippreżenta lill-Aġenzija proposta għal klassifikazzjoni u ttikkettar armonizzati ta’ sustanzi u, fejn adatt, limiti speċifiċi ta’ konċentrazzjoni jew fatturi M, jew proposta għal reviżjoni tagħhom.

[…]

2. Manifattur, importatur jew utent ‛downstream’ ta’ sustanza jistgħu jissottomettu lill-Aġenzija proposta għal klassifikazzjoni u ttikkettar armonizzati ta’ dik is‑sustanza u, fejn ikun il-każ, limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi jew fatturi-M, bil-kondizzjoni li ma jkun hemm ebda entrata fil-Parti 3 ta’ l-Anness VI għal sustanza tali fir-rigward tal-klassi ta’ periklu jew id-differenzjazzjoni koperti minn dik il‑proposta.

[…]

4. Il-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju ta’ l-Aġenzija stabbilit skond l‑Artikolu 76(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jadotta opinjoni dwar kwalunkwe proposta ppreżentata skond il-paragrafi 1 jew 2 fi żmien 18-il xahar mill-wasla tal-proposta, li jagħti lill-partijiet ikkonċernati opportunità biex jikkummentaw. L-Aġenzija għandha tgħaddi din l-opinjoni u kwalunkwe kumment lill-Kummissjoni.

5. Fejn il-Kummissjoni ssib li l-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar tas-sustanza kkonċernata hija adatta, hija għandha, mingħajr dewmien bla bżonn tippreżenta abbozz ta’ deċiżjoni li tikkonċerna l-inklużjoni ta’ dik is-sustanza flimkien ma’ l-elementi rilevanti ta’ klassifikazzjoni u ttikkettar fit-Tabella 3.1 tal-Parti 3 ta’ l-Anness I u, fejn ikun il-każ, il-limiti ta' konċentrazzjoni speċifiċi jew fatturi M.

Entrata korrispondenti għandha tiġi inkluża fit-Tabella 3.2 tal-Parti 3 ta’ l‑Anness VI soġġetta għall-istess kondizzjonijiet, sal-31 ta’ Mejju 2015.

Dik il-miżura, imfassla biex temenda elementi mhux essenzjali ta’ dan ir‑Regolament, għandha tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 54(3) […]

6. Il-manifatturi, l-importaturi u l-utenti ‛downstream’ li jkollhom informazzjoni ġdida li tista’ twassal għal bidla ta’ l-elementi ta’ klassifikazzjoni u ttikkettar armonizzati ta’ sustanza fil-Parti 3 ta’ l-Anness VI għandhom jippreżentaw proposta […] lill-awtorità kompetenti f’wieħed mill-Istati Membri li fih is‑sustanza tqiegħdet fis-suq.”

20      Skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1272/2008, intitolat “Adattamenti għall-progress tekniku u xjentifiku”:

“1. Il-Kummissjoni tista’ taġġusta u tadatta […] l-Annessi I sa VII għall-progress tekniku u xjentifiku, inkluż billi tieħu kont debitu ta’ l-iżvilupp ulterjuri [tas-Sistema Globalment Armonizzata tal-Klassifikazzjoni u l-Ittikkettar ta’ Sustanzi Kimiċi …]. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 54(3) […]”.

21      Skont l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1272/2008, intitolat “Proċedura tal-Kumitat”:

“1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

[…]

3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468[…], waqt li jitqies l-Artikolu 8 tagħha.

[…]”

22      L-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE, tas-17 ta’ Lulju 2006 (ĠU L  76M, p. 277) jirregola l‑“Proċedura regolatorja b’kontroll”, li fil-kuntest tagħha, skont l-Artikolu 5a(1) “[i]l-Kummissjoni għandha tkun megħjjuna minn kumitat regolatorju b’kontroll kompost mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni”. Skont l-Artikolu 5a(3) tal-imsemmija deċiżjoni, meta l-miżuri maħsuba jkunu konformi mal-opinjoni tal-kumitat, il-Kummissjoni għandha bla dewmien tqiegħed l-abbozz ta’ miżuri quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill sabiex jiġi kkontrollat u tista’ tadottahom biss jekk, wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet xhur, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu opponew l‑imsemmi abbozz. L-Artikolu 5a(4) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li, meta l-miżuri maħsuba ma jkunux skont l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tressaq quddiem il‑Kunsill proposta rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu u għandha, fl-istess ħin tittrasmettiha lill-Parlament Ewropew.

 Ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament (KE) Nru 1907/2006

23      Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93, tat-23 ta’ Marzu 1993 dwar il‑valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta’ sustanzi eżistenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 212), kif emendat, jipprovdi, skont ir-raba’ premessa tiegħu, it-tqassim u l-koordinazzjoni tar-responsabbilitajiet bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-industrijalisti fil-qasam tal-evalwazzjoni tar-riskji li jippreżentaw is-sustanzi prodotti, importati u/jew użati mill-imsemmija industrijalisti. Għalhekk, l-Artikoli 3 u 4 tal-imsemmi regolament jimponu, fuq il‑manifatturi u l-importaturi tal-imsemmija sustanzi, l-obbligu li jikkomunikaw ċerta data rilevanti skont il-volum ta’ produzzjoni u ta’ importazzjoni.

24      Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 793/93, il-Kummissjoni għandha tħejji listi ta’ sustanzi li jeħtieġu evalwazzjoni prijoritarja tar-riskji. Għal kull waħda minn dawn is-sustanzi, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tinħatar bħala relatur għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-imsemmija riskji għall-bniedem u għall-ambjent (Artikolu 10(1) sa (3) tar-Regolament Nru 793/93).

25      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9, l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 793/93 jimponu, fuq il-manifatturi u l-importaturi, l-obbligu li jittrasmettu, jekk ikun il-każ, informazzjoni supplimentari jew li jwettqu testijiet sabiex tinkiseb kull data li tkun nieqsa u neċessarja għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-riskji. Skont ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 12(3) tal-imsemmi regolament, it‑testijiet jistgħu jitwettqu minn wieħed jew aktar manifatturi jew importaturi li jaġixxu f’isem il-manifatturi jew l-importaturi l-oħra kkonċernati. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 9(3) tal-istess regolament, il-manifatturi u l-importaturi jistgħu jitolbu lir-relatur, fuq ġustifikazzjoni, biex huma jiġu eżentati minn uħud jew mit-testijiet kollha addizzjonali jew għaliex xi informazzjoni partikolari ma tkunx meħtieġa għall-evalwazzjoni tar-riskju, jew inkella għaliex ikun impossibli li din tinkiseb. Huma jistgħu wkoll jitolbu terminu itwal jekk iċ-ċirkustanzi jirrikjedu dan.

26      Wara l-evalwazzjoni tiegħu tar-riskji, ir-relatur jista’, jekk ikun il-każ, jipproponi strateġija u miżuri sabiex jiġu llimitati r-riskji identifikati (Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 793/93). Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tar-riskju u tal-istrateġija rrakkomandata mir-relatur, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta ta’ riżultati tal-evalwazzjoni tas-sustanzi prijoritarji sabiex jiġu limitati dawn ir-riskji għall-finijiet tal-adozzjoni tagħhom skont il-proċedura ta’ kumitat prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 793/93. Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tar-riskju u l-istrateġija hekk irrakkomandata, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, fejn meħtieġ, li tipproponi miżuri Komunitarji fil-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE, tas-27 ta’ Lulju 1976, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispozizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ restrizzjonijiet dwar in-negozju u l-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi u preparazzjonijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 3, p. 317), kif emendata, jew fil-kuntest ta’ strumenti oħra Komunitarji eżistenti u xierqa.

27      Ir-Regolament Nru 793/93 ġie mħassar u mibdul bir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”).

28      Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, l-għan tar-Regolament REACH huwa, b’mod partikolari, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Għal dan il-għan huwa jipprovdi dispożizzjonijiet relatati mas-sustanzi u l-preparazzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 3 tiegħu, li huma applikabbli għall-manifattura, għat-tqegħid fis-suq jew għall-użu ta’ dawn is-sustanzi, waħedhom jew kif jinsabu fi preparati jew f’oġġetti, u għat-tqegħid fis-suq ta’ preparati (Artikolu 1(2) tar-Regolament REACH). Għalhekk, skont l-Artikolu 1(3), ir‑Regolament REACH huwa bbażat kemm fuq il-prinċipju li jgħid li huma l‑manifatturi, l-importaturi u l-utenti downstream li għandhom jiżguraw li huma jimmanifatturaw, iqiegħdu fis-suq jew jużaw sustanzi li ma jkollhomx effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, kif ukoll fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

29      Abbażi tar-regola “Ebda data, ebda suq”, stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament REACH, u tal-obbligi previsti fl-Artikoli 6 u 7 ta’ dan ir-regolament, il‑manifatturi u l-importaturi, li l-produzzjoni jew l-importazzjoni tagħhom taqbeż il-kwantità ta’ tunnellata metrika fis-sena, huma obbligati li jinnotifikaw u li jitolbu r-reġistrazzjoni ta’ din is-sustanza mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA). Għal dan il-għan, skont l-Artikoli 10 u 13 tar-Regolament REACH, huma għandhom jistabbilixxu dossier tekniku dettaljat li jinkludi informazzjoni fuq is-sustanza inkwistjoni, inkluż fuq il-manifattura, l-użu u l‑klassifikazzjoni tagħha kif ukoll fuq il-proprjetajiet intrinsiċi li għandhom, jekk meħtieġ, jiġu pprovati permezz ta’ testijiet xierqa u bir-riżultati ta’ studji rilevanti.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Ir-rikorrenti u s-sustanzi inkwistjoni

30      Waħda mir-rikorrenti, Norilsk Nickel, hija kumpannija rregolata mid-dritt Finlandiż li tipproduċi l-idroksilkarbonat tan-nikil kif ukoll prodotti intermedjarji u lesti bbażati fuq in-nikil, bħal katodi, briks u melħ tan-nikil. Din hija kkontrollata minn OJSC Mining and Metallurgical Company Norilsk Nickel, kumpannija rregolata mid-dritt Russu u waħda mill-produtturi prinċipali fid-dinja tan-nikil. Ir-rikorrenti l-oħra, Umicore, hija kumpannija rregolata mid-dritt Belġjan, li timporta fil-Belġju prodotti derivati min-nikil, inklużi l‑idroksilkarbonat tan-nikil, li joriġinaw minn pajjiżi terzi.

31      Il-klassifikazzjoni kkontestata tikkonċerna grupp ta’ erba’ komposti assoċjati mal-karbonat tan-nikil, jiġifieri l-idroksilkarbonat tan-nikil, il-karbonat tan-nikil pur u żewġ komposti oħra bbażati fuq in-nikil (iktar ’il quddiem il-“karbonati tan-nikil”). Is-sustanza prinċipalment ikkummerċjalizzata hija l-idroksilkarbonat tan-nikil li hija magħrufa wkoll bl-isem ta’ “karbonat tan-nikil bażiku” jew ta’ “karbonat aċidu tan-nikil”.

 Il-proċedura dwar l-evalwazzjoni tar-riskji li jirrappreżentaw il-karbonati tan-nikil

32      Il-Kummissjoni, fl-2000, inkludiet il-karbonat tan-nikil pur fir-raba’ lista tas-sustanzi ta’ prijorità billi adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2364/2000, tal-25 ta’ Ottubru 2000, rigward ir-raba’ lista ta’ sustanzi ta’ prijorità kif previst taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 233). L-Aġenzija għall-protezzjoni tal-ambjent Daniża (Danish Environmental Protection Agency, iktar ’il quddiem id-“DEPA”) inħatret relatur għall-evalwazzjoni tar-riskji li tirrappreżenta din is-sustanza. Wara diskussjoni, l-evalwazzjoni tar-riskji tal-karbonat tan-nikil pur ġiet estiża għal erba’ komposti li jifformaw parti mill-grupp tal-karbonati tan-nikil. Dak iż-żmien il-produtturi prinċipali tal-karbonati tan-nikil fl-Ewropa kienu, minn naħa, OMG Harjavalta (iktar ’il quddiem “OMG”), li l‑attività tagħha fis-settur tan-nikil sadanittant inxtrat minn waħda mir-rikorrenti, Norilsk Nickel, min-naħa l-oħra, Pharmacie centrale de France SA (iktar ’il quddiem “PCF”) u, l-aħħar nett, Königswarter & Ebell GmbH (iktar ’il quddiem “Königswarter”). Barra minn hekk, ir-rikorrenti l-oħra, Umicore, kienet timporta l-karbonati tan-nikil fil-Belġju. OMG kienet ġiet inkarigata mill-komunikazzjonijiet mad-DEPA f’isem il-kumpanniji l-oħra għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-riskji tal-karbonati tan-nikil skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 793/93.

33      Fl-20 ta’ Novembru 2002, OMG informat lid-DEPA dwar in-nuqqas ta’ data tossikoloġika fuq il-bniedem f’dak li jirrigwarda l-idroksilkarbonat tan-nikil u dwar l-intenzjoni tagħha li titlob deroga abbażi tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 793/93 (ara l-punt 25 iktar ’il fuq).

34      Permezz ta’ att ippreżentat quddiem id-DEPA fis-27 ta’ Mejju 2003, OMG, PCF, Königswarter u Umicore għamlu, abbażi tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 793/93, talba intiża sabiex jiġu eżentati mill-obbligu li jwettqu ċerti testijiet kif ukoll minn dak li jikkomunikaw data fuq it-tossiċità tal-idroksilkarbonat tan-nikil għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni ta’ deroga”).

 Il-proċedura li wasslet għall-klassifikazzjoni kkontestata

35      Fis-16 ta’ April 2004, id-DEPA ressqet, quddiem l-Uffiċċju Ewropew għas-sustanzi kimiċi (iktar ’il-quddiem l-“ECB”), korp tal-Kummissjoni li kellu s-sede tiegħu f’Ispra (l-Italja) u li ġie sostitwit mill-ECHA, kif ukoll quddiem il-kumitat tekniku għall-kassifikazzjoni u l-ittikkettjar tas-sustanzi perikolużi (iktar ’il quddiem iċ-“CTCE”), proposta formali ta’ reviżjoni tal-klassifikazzjoni tal-karbonati tan-nikil abbażi tad-Direttiva 67/548.

36      Fil-kuntest ta’ laqgħa li seħħet fl-20 u fil-21 ta’ April 2004, il-grupp ta’ ħidma ta’ esperti speċjalizzati fil-qasam tal-karċinoġeniċità, tal-mutaġeniċità u tat-tossiċità riproduttiva ddiskuta dwar il-klassifikazzjoni proposta sa fejn din kienet tirrigwarda r-riskji ta’ karċinoġeniċità u ta’ mutaġeniċità.

37      Iċ-CTCE ddiskuta l-proposta ta’ klassifikazzjoni matul il-laqgħat tiegħu li seħħew mit-12 sal-14 ta’ Mejju 2004 u mill-21 sal-24 ta’ Settembru 2004. Matul din l‑aħħar laqgħa kien ġie deċiż li tiġi rrakkomandata l-proposta ta’ klassifikazzjoni riveduta tal-karbonati tan-nikil u li tiġi inkluża fl-abbozz ta’ proposta tad-direttiva li temenda, bil-għan li tadatta għall-progress tekniku, għat-tletin darba d‑Direttiva 67/548, li kellu jintbagħat lill-Kummissjoni.

38      F’Novembru 2005, id-DEPA reġgħet ikkonfermat il-proposta ta’ klassifikazzjoni riveduta tal-karbonati tan-nikil abbażi tad-Direttiva 67/548, minn naħa, f’abbozz ta’ rapport fuq l-evalwazzjoni tar-riskji li jirrappreżentaw il-karbonati tan-nikil u, min-naħa l-oħra, f’abbozz ta’ rapport fuq l-evalwazzjoni tar-riskji li jirrappreżentaw in-nikil u l-komposti tan-nikil, li jipprovdi, b’mod partikolari, li l‑klassifikazzjoni tal-karbonati tan-nikil fil-kategorija 3 tas-sustanzi mutaġeni (sentenza R 68) kienet “iġġustifikata mid-dikjarazzjoni ta’ deroga”.

39      Abbażi tar-rakkomandazzjoni taċ-CTCE ta’ Settembru 2004, il-kumitat fis-sens tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 67/548, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 1999/468 u mal-punt 1 tal-Anness III tar-Regolament Nru 807/2003 (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), iddeċieda, matul il-laqgħa tiegħu tas-16 ta’ Frar 2007, favur il-proposta ta’ direttiva li temenda, bil-għan li tadatta għall-progress tekniku, għat-tletin darba d-Direttiva 67/548, li tinkludi l-proposta ta’ klassifikazzjoni riveduta tal-karbonati tan-nikil.

40      F’Marzu 2007, dan l-abbozz ta’ proposta ġie nnotifikat lill-kumitat għall-ostakoli tekniċi għall-kummerċ tal-organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ (ODK) (iktar ’il quddiem il-“kumitat OTK”). Fis-7 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni rrispondiet bil-miktub għall-kummenti magħmula mill-pajjiżi terzi. Wara d‑diskussjoni li seħħet matul il-laqgħa tal-kumitat OTK li nżammet fid-9 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrinvija l-adozzjoni tad-direttiva kkontestata sabiex ikunu jistgħu jintbagħtulha kummenti oħra bil-miktub u sabiex l-abbozz ta’ proposta jkun suġġett għal eżami ieħor fi ħdan il-kumitat OTK. Fit-12 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni rrispondiet bil-miktub għat-tieni sensiela ta’ kummenti bil-miktub u l-abbozz ta’ proposta reġa’ ġie eżaminat matul il-laqgħa tal-kumitat OTK tad-19 ta’ Marzu 2008.

41      Fil-21 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjoni adottat id-direttiva kkontestata u, b’mod partikolari, il-proposta ta’ klasssifikazzjoni riveduta tal-karbonati tan-nikil skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 28 u 29 tad-Direttiva 67/548, moqrija flimkien mal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468 u l-punt 1 tal-Anness III tar-Regolament Nru 807/2003 (ara l-punt 14 iktar ’il fuq).

42      Il-klassifikazzjonijiet ikkontestati, kif ipprovduti fl-Anness 1 F tad-direttiva kkontestata, huma, essenzjalment, kif ġej:

“Numru tal- indiċi

Sustanza kimika

Klassifikazzjoni

Ittikkettjar

[…]

[…]

[…]

[…]

028-010-00-0

karbonat tan-nikil; karbonat tan-nikil bażiku aċidu karboniku; melħ tan-nikil (2+); […] aċidu karboniku; melħ tan-nikil; […] [μ-[carbonato(2-)-O:O’]] dihydroxytrinickel ; […] [carbonato(2-)] tetrahydroxytrinickel ; […]

Carc. Cat. 1 ; R 49 Muta. Cat. 3 ; R 68 Repr. Cat. 2 ; R 61 T ; R 48/23 Xn ; R 20/22 Xi ; R 38 R 42/43 N ; R 50-53

T ; N R : 49-61-20/22-38- 42/43-48/23-68-50/53 S : 53-45-60-61

[…]

[…]

[…]

[…] »


43      Fl-10 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni adottat ir-regolament ikkontestat, b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1272/2008.

44      Permezz tar-regolament ikkontestat, il-klassifikazzjonijiet ikkontestati ddaħħlu fl-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008 b’effett mill-25 ta’ Settembru 2009.

45      Il-premessi 1 sa 3 tar-regolament ikkontestat jipprovdu:

“1. Parti 3 tal-Anness VI għar-Regolament […] Nru 1272/2008 fiha żewġ listi ta’ klassifikazzjoni armonizzata u t-tikkettjar ta’ sustanzi perikolużi. It-Tabella 3.1 telenka l-klassifikazzjoni armonizzata u t-tikkettjar ta’ sustanzi perikolużi bbażata fuq il-kriterji stipulati fil-Partijiet 2 sa 5 tal-Anness I għar-Regolament […] Nru 1272/2008. It-Tabella 3.2 telenka l-klassifikazzjoni armonizzata u t-tikkettjar ta’ sustanzi perikolużi bbażata fuq il-kriterji stipulati fl-Anness VI tad-Direttiva […] 67/548[…]. Dawn iż-żewġ listi jeħtieġ li jkunu emendati sabiex jinkludu l‑klassifikazzjonijiet aġġornati għas-sustanzi li huma diġà suġġetti għall-klassifikazzjoni armonizzata u biex jinkludu klassifikazzjonijiet armonizzati ġodda. Barra minn hekk, jeħtieġ li jitħassru r-reġistrazzjonijiet ta’ ċerti sustanzi.

2. Jeħtieġ li jkun emendat l-Anness VI għar-Regolament […] Nru 1272/2008 sabiex jirrifletti l-emendi li ġew adottati reċentament fl-Anness I għad-Direttiva 67/548[…] introdotti bid-Direttiva [kkontestata …] u bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/2/KE tal-15 ta’ Jannar 2009 li temenda, bil-għan li tadattaha għall-progress tekniku, għall-31 darba, id-Direttiva […] 67/548[…]. Dawk il‑miżuri jikkostitwixxu adattamenti għall-progress tekniku u xjentifiku fi ħdan it‑tifsira tal-Artikolu 53 tar-Regolament […] Nru 1272/2008.

3. Il-Premessa (53) tar-Regolament […] Nru 1272/2008 tisħaq fuq il-fatt li għandhom ikunu kkunsidrati bis-sħiħ ix-xogħol u l-esperjenza akkumulati taħt id‑Direttiva 67/548[…], inklużi l-klassifikazzjoni u t-tikkettjar ta’ sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva”.

46      L-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat jipprovdi, b’mod partikolari, li:

“Il-Parti 3 tal-Anness VI għar-Regolament […] Nru 1272/2008 hija emendata kif ġej:

Tabella 3.1 hija emendata kif ġej:

a)      l-entrati li jikkorrispondu mal-entrati stipulati fl-Anness I għandhom jinbidlu bir-reġistrazzjonijiet stipulati f’dak l-Anness;

b)      Ir-reġistrazzjonijiet stipulati fl-Anness II għandhom jiddaħlu f’konformità mal-ordni tal-entrati stipulati fit-Tabella 3.1;

[…]

It-Tabella 3.2 hija emendata kif ġej:

a)      L-entrati li jikkorrispondu mal-entrati stipulati fl-Anness IV għandhom jinbidlu bir-reġistrazzjonijiet stipulati f’dak l-Anness;

b)      L-entrati stipulati fl-Anness V għandhom jiddaħħlu f’konformità mal-ordni tal-entrati stipulati fit-Tabella 3.2;

[…]”

47      Skont l-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat:

“1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l‑pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2. L-Artikolu 1 għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2010.

3. Il-klassifikazzjonijiet armonizzati stipulati fil-Parti 3 tal-Anness VI għar-Regolament […] Nru 1272/2008, kif emendat b’dan ir-Regolament, jistgħu jkunu applikati qabel l-1 ta’ Diċembru 2010.”

48      Il-klassifikazzjonijiet ikkontestati, kif riprodotti fl-Annessi I u IV tar-regolament ikkontestat, huma, essenzjalment, kif ġej:

“Anness I

Nru tal-Indiċi

Identifikazzjoni Kimika Internazzjonali

Klassifikazzjoni

Tikkettjar

  

Kodiċi(jiet) tal-klassi u l-kategorija tal-periklu

Kodiċi(jiet) tad-dikjarazzjonijiet tal-periklu

Kodiċi(jiet) tal-pittogrammi, twissijiet

Kodiċi(jiet) tad-dikjarazzjonijiet tal-periklu

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

028-010-00-0

nickel carbonate; basic nickel carbonate; carbonic acid, nickel (2+) salt; […] carbonic acid, nickel salt; […] [µ-[carbonato(2-)-O:O']] dihydroxy trinickel; […] [carbonato(2-)] tetrahydroxytrinickel […]

Carc. 1A Muta. 2 Repr. 1B STOT RE 1 Acute Tox. 4 * Acute Tox. 4 * Skin Irrit. 2 Resp. Sens. 1 Skin Sens. 1 Aquatic Acute 1 Aquatic Chronic 1

H350i H341 H360D*** H372** H332 H302 H315 H334 H317 H400 H410

GHS08 GHS07 GHS09 Dgr

H350i H341 H360D*** H372** H332 H302 H315 H334 H317 H410

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…] »


“Anness IV

Nru tal-Indiċi

Identifikazzjoni Kimika Internazzjonali

Klassifikazzjoni

Tikkettjar

[…]

[…]

[…]

[…]

028-010-00-0

nickel carbonate; basic nickel carbonate; carbonic acid, nickel (2+) salt; […] carbonic acid, nickel salt; […] [µ-[carbonato(2-)-O:O']] dihydroxy trinickel; […] [carbonato(2-)] tetrahydroxytrinickel […]

Carc. Cat. 1 ; R49 Muta. Cat. 3 ; R68 Repr. Cat. 2 ; R61 T ; R48/23 Xn ; R20/22 Xi ; R38 R42/43 N ; R50-53

T ; N R : 49-61-20/22-38- 42/43-48/23-68-50/53 S : 53-45-60-61

[…]

[…]

[…]

[…] »


 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

49      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ressqu l-kawża preżenti.

50      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Diċembru 2008, Nickel Institute, assoċjazzjoni li tirrappreżenta, fuq livell Ewropew u dinji, l-interessi ta’ 24 produttur tan-nikil, talbet sabiex tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. B’digriet tal-1 ta’ April 2009, il‑President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba għal intervent.

51      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u ressqet talba sabiex jiġi kkonstatat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 113 tal-istess regolament. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din l‑eċċezzjoni u fuq din it-talba fid-29 ta’ April 2009. Nickel Institute ippreżentat, fit-13 ta’ Mejju 2009, nota ta’ intervent limitata għall-kwistjoni tal-ammissibbiltà.

52      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ April 2009, ir-Renju tad-Danimarka talab sabiex jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. B’digriet tas-17 ta’ Ġunju 2009, il-President tat-Tielet Alwa tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba għal intervent.

53      Fir-rikors promotur u fl-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti, sostnuti min-Nickel Institute, jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla l-entrata fit-tabella tal-Anness 1 F tad-direttiva kkontestata li tikkorrispondi għall-klassifikazzjonijiet ikkontestati (numru tal-indiċi 028‑010‑00‑0);

–        tannulla d-“deċiżjoni” tal-Kummissjoni li tibbaża l-klassifikazzjonijiet ikkontestati fuq id-dikjarazzjoni ta’ deroga;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

54      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad ir-rikors minħabba li sar mingħajr suġġett;

–        sussidjarjament, tiddikjara r-rikors manifestament inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

55      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti talbu, b’risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li jiġu awtorizzati jadattaw it-talbiet u l-motivi tagħhom għal annullament sabiex dawn jinkludu wkoll il-klassifikazzjonijiet ikkontestati, kif riprodotti fir-regolament ikkontestat.

56      Fit-talba tagħhom għall-adattament tat-talbiet u tal-motivi tagħhom għal annullament, ir-rikorrenti, sostnuti min-Nickel Institute, essenzjalment jitolbu lil-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tilqa’ t-talba tagħhom sabiex it-talbiet u l-motivi tagħhom għal annullament jiġu adattati b’tali mod li jinkludu wkoll l-entrati fit-tabelli tal-Annessi I u IV tar-regolament ikkontestat li jikkorrispondu għall-klassifikazzjonijiet ikkontestati (Numru tal-indiċi 028-010-00-0);

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

57      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni indikat li hija ma kinitx qed topponi t-talba għall-adattament tat-talbiet u tal-motivi għal annullament, filwaqt li speċifikat li dan jippresupponi li t-talba għal adattament tressqet qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra r-regolament ikkontestat.

58      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Novembru 2009, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali informa lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tiegħu li jawtorizza l-adattament tat-talbiet u tal-motivi tagħhom għal annullament.

59      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrenti, sostnuti min-Nickel Institute, sostnew, b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li r-rikors tagħhom kien, f’kull każ, ammissibbli minħabba d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Diċembru 2009, tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Permezz ta’ att ippreżentat fl-istess data, il‑Kummissjoni kkontestat il-pożizzjoni meħuda mir-rikorrenti.

60      Skont l-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura u fuq proposta tal-President tal-Qorti Ġenerali, fl-14 ta’ Jannar 2010 il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, wara li semgħet lill-partijiet skont l-Artikolu 51 tal-imsemmija regoli, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż (Awla Manja) sabiex tiġi deċiża l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

 Id-dritt

61      Skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk waħda mill-partijiet hekk titlob, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skont l-Artikolu 114(3), il-proċeduri għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor.

62      F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tqis li l-atti tal-proċess jipprovdulha informazzjoni suffiċjenti u tagħżel li tiddeċiedi, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura orali, permezz ta’ digriet motivat.

 Fuq l-applikabbiltà tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

63      Il-Kummissjoni tqis li l-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma hijiex applikabbli għal din il-kawża.

64      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni eżistenti fil-mument ta’ meta ssir il-preżentata tar-rikors. Barra minn hekk, jekk ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jiġi applikat għal rikorsi ppreżentati qabel l-1 ta’ Diċembru 2009, dan iġib miegħu konsegwenzi arbitrarji skont jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċidix qabel jew wara din id-data.

65      Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE japplika biss fir-rigward ta’ rikorsi ppreżentati wara t-30 ta’ Novembru 2009. F’dan il-każ, peress li r-rikors promotur tressaq fil-5 ta’ Diċembru 2008, u peress li t-talba għall-adattament tat-talbiet u tal-motivi għal annullament tressqet fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikolu 263 TFUE ma jaffettwax il-preżenti proċedura.

66      Ir-rikorrenti, sostnuti min-Nickel Institute, jikkunsidraw li r-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE japplikaw għall-kawżi kollha li kienu pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fl-1 ta’ Diċembru 2009.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

67      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tar-regolament ikkontestat, it‑terminu għall-preżentata ta’ rikors, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, skada fit-30 ta’ Novembru 2009, jiġifieri meta kien għadu fis-seħħ it-Trattat KE, u li r-rikorrenti ppreżentaw it-talba tagħhom għal adattament tat-talbiet u tal-motivi tagħhom għal annulament qabel din id-data. Għalhekk, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 263 TFUE, fl-1 ta’ Diċembru 2009, kull talba għal annullament imressqa kontra r-regolament ikkontestat kienet tkun, f’kull każ, inammissibbli minħabba nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fis-sitt paragrafu tiegħu, li jirriproduċi l-kliem tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw iktar u iktar, mutatis mutandis, għat-talba għall-annullament tad-direttiva kkontestata u għal dik tal-allegata “deċiżjoni” li l-klassifikazzjoni kkontestata tiġi bbażata fuq id‑dikjarazzjoni ta’ deroga, it-tnejn li huma mressqa fil-5 ta’ Diċembru 2008.

68      Il-pożizzjonijiet tal-partijiet huma differenti f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’mod partikolari l-aħħar parti tas-sentenza tiegħu, japplikax ratione temporis għal din il-kawża. B’mod partikolari, ir-rikorrenti, sostnuti min-Nickel Institute, jikkunsidraw li r-rekwiżiti ta’ ammissibblità emendati li huwa jipprovdi fir-rigward tar-regolamenti huma applikabbli immedjatament u, għaldaqstant, jagħmlu t-talba tagħhom għal annullament parzjali tal-atti kkontestati ammissibbli, mingħajr ma huma għandhom juru li ġew affettwati individwalment mill-klassifikazzjonijiet ikkontestati. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal din il-kawża peress li l-ammissibbiltà tar-rikorsi għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà li kienu fis-seħħ meta ġie ppreżentat ir-rikors.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-Trattat FUE ma jipprovdi ebda dispożizzjoni tranżitorja speċifika li tirregola l-kwistjoni dwar jekk ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huwiex applikabbli għal proċeduri ġudizzjarji li kienu pendenti fl-1 ta’ Diċembru 2009.

70      F’dak li jirrigwarda speċifikament il-kwistjoni tal-applikabbiltà ratione temporis tar-regoli li jiffissaw il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn individwu quddiem qorti tal-Unjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, minn naħa, skont il-massima tempus regit actum (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Lulju 1971, Henck, 12/71, Ġabra p. 743, punt 5), il-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi deċiża abbażi tar-regoli li kienu fis-seħħ fid-data ta’ meta ġie ppreżentat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Mejju 1973, Campogrande vs Il‑Kummissjoni, 60/72, Ġabra p. 489, punt 4; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Frar 2008, Kozlowski, C‑66/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 7), u li, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà tar-rikors għandhom jiġu evalwati fil-mument ta’ meta tiġi ppreżentata l-kawża, jiġifieri fil-mument tal-preżentata tar-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizja, tat-18 ta’ April 2002, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑61/96, C‑132/97, C‑45/98, C‑27/99, C‑81/00 u C‑22/01, Ġabra p. I‑3439, punt 23; sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-21 ta’ Marzu 2002, Shaw u Falla vs Il‑Kummissjoni, T‑131/99, Ġabra p. II‑2023, punt 29, u tad-9 ta’ Lulju 2008, Alitalia vs Il‑Kummissjoni, T‑301/01, Ġabra p. II‑1753, punt 37), li jista’ jiġi rettifikat biss meta tali rettifika sseħħ qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-27 ta’ Novembru 1984, Bensider et vs Il‑Kummissjoni, 50/84, Ġabra p. 3991, punt 8).

71      Barra minn hekk, l-għażla tas-soluzzjoni opposta ġġib magħha riskju ta’ arbitrarjetà fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, peress li l-ammissibbiltà tar-rikors tkun tiddependi fuq id-data, li barra minn hekk hija inċerta, tat-teħid tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ttemm l-istanza (ara f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Novembru 1981, Salumi et, 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 14).

72      F’dan il-każ, meta ġiet ippreżentata l-kawża, jiġifieri fil-mument tal-preżentata kemm tar-rikors promotur kif ukoll tat-talba għall-adattament tat-talbiet u tal-motivi għal annullament, ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà tagħha kienu rregolati mill-Artikolu 230 KE. Għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 70 iktar ’il fuq, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors għandha tiġi deċiża abbażi tal-imsemmi artikolu. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’mod partikolari l-aħħar parti tas-sentenza tiegħu, seta’, f’dan il-każ, jagħti lir-rikorrenti locus standi li huma ma kellhomx abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, dan ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, peress li t-terminu għall-preżentata tar-rikors, kemm fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kif ukoll f’dak tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kien diġà skada fl-1 ta’ Diċembru 2009, jiġifieri fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 263 TFUE.

73      Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument li jgħid li l‑Artikolu 263 TFUE jifforma parti mir-regoli tal-proċedura li fir-rigward tagħhom il-ġurisprudenza ddeċidiet li, bil-kontra tar-regoli sostantivi u ta’ liġi sostantiva, dawn huma kkunsidrati bħala li japplikaw għal kull kawża li tkun pendenti meta jidħlu fis-seħħ (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Salumi et, punt 71 iktar ’il fuq, punt 9; tad-9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services, C‑293/04, Ġabra p. I‑2263, punt 19, u tat-28 ta’ Ġunju 2007, Dell’Orto, C‑467/05, Ġabra p. I‑5557, punt 48). Fil-fatt, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-kwistjonijiet ta’ kompetenza ġudizzjarja huma koperti mill-qasam tar-regoli tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dell’Orto, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49), għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 70 u 71 iktar ’il fuq, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli, li fid-dawl tagħhom għandha tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annulament ippreżentat kontra att tal-Unjoni, hemm lok li tiġi applikata l‑massima tempus regit actum.

74      Minn dan isegwi li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma huwiex applikabbli għar-rikors preżenti.

75      Għaldaqstant, l-ammissibbiltà tar-rikors preżenti għandha tiġi eżaminata fid-dawl tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors preżenti

 L-argumenti tal-partijiet

76      Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u tat-talba sabiex jiġi ddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni skont l-Artikoli 113 u 114 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni ssostni li l-Anness I tad-Direttiva 67/548, inklużi l‑klassifikazzjonijiet ikkontestati, kif ġew introdotti bid-direttiva kkontestata, ġie mħassar, fl-20 ta’ Jannar 2009, mill-Artikolu 55(11) tar-Regolament Nru 1272/2008, bil-konsegwenza awtomatika li d-direttiva kkontestata li temenda dan l-anness ġiet imħassra fl-istess data u ma baqgħetx tipproduċi effetti legali. Għalhekk, it-talba għall-annullament parzjali tad-direttiva kkontestata saret mingħajr suġġett fis-sens tal-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura.

77      Anki jekk jiġi meqjus li dan ma huwiex il-każ, il-Kummissjoni tqis li l‑klassifikazzjonijiet ikkontestati, previsti mill-atti kkontestati, la jikkonċernaw lir-rikorrenti direttament u lanqas individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

78      Fl-aħħar nett, it-talba għall-annullament tal-allegata “deċiżjoni” tal-Kummissjoni li tibbaża l-klassifikazzjonijiet ikkontestati fuq id-dikjarazzjoni ta’ deroga hija manifestament inammissibbli, ladarba tali “deċiżjoni” ma teżistix. Anki jekk jitqies li din teżisti, tali “deċiżjoni” tkun tifforma parti integrali mid-direttiva kkontestata u mill-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tagħha, proċedura li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni wettqet l-evalwazzjoni personali tagħha tar-riskji.

79      Ir-rikorrenti, sostnuti min-Nickel Institute, iqisu li huma direttament u individwalment ikkonċernati, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, mill-klassifikazzjonijiet ikkontestati previsti mill-atti kkontestati.

80      Fir-rigward tal-kriterju ta’ effett individwali, ir-rikorrenti jsostnu li, minkejja l‑portata ġenerika tagħhom, il-klassifikazzjonijiet ikkontestati jikkonċernawhom individwalment minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra.

81      L-ewwel nett, l-istess bħaż-żewġ kumpanniji l-oħra li ffirmaw id-dikjarazzjoni ta’ deroga, ir-rikorrenti kienu identifikabbli fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati u għalhekk kienu jikkostitwixxu ċirku ristrett ta’ operaturi fis-sens tal-ġurisprudenza. Dan huwa dovut għall-fatt li r-rikorrenti kienu pparteċipaw għall-evalwazzjoni tar-riskji rrappreżentati mill-karbonati tan-nikil li fuqha ġew ibbażati l-klassifikazzjonijiet ikkontestati. B’mod iktar partikolari, din l‑individwalizzazzjoni tirriżulta mill-qbil tal-erba’ kumpanniji firmatarji fuq id‑dikjarazzjoni ta’ deroga li l-Kummissjoni użat għal dan il-għan.

82      It-tieni nett, fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji, inkwantu produtturi u importaturi tas-sustanzi kkonċernati, ir-rikorrenti għandhom garanziji proċedurali speċifiċi, jiġifieri dawk mogħtija mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 793/93. Skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, ir‑rikorrenti kienu obbligati li jipparteċipaw għal din il-proċedura minħabba li huma kienu preċedentement iddikjaraw li kienu manifatturaw u importaw dawn il‑karbonati tan-nikil. Huwa paċifiku li persuna hija individwalment ikkonċernata minn att ladarba hija tkun intervjeniet fil-proċess li wassal għall-adozzjoni tagħha u ladarba l-leġiżlazzjoni applikabbli tagħtih ċerti garanziji proċedurali. Abbażi ta’ dawn il-garanziji proċedurali, ir-rikorrenti kellhom id-dritt li jiġu kkonsultati mir-relatur qabel ma jiddeċiedi jekk kienx neċessarju li jiġu prodotti informazzjoni u testijiet għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-riskji tal-karbonati tan-nikil.

83      Skont ir-rikorrenti, dawn il-garanziji proċedurali ma japplikawx biss għall‑proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji iżda wkoll, de facto, għall-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-direttiva kkontestata, peress li l-klassifikazzjonijiet ikkontestati huma bbażati fuq l-imsemmija evalwazzjoni tar-riskji u, b’mod partikolari fuq id-dikjarazzjoni ta’ deroga. Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 793/93 (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni hija obbligata li tikkonsulta mar-relatur qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ introduzzjoni ta’ miżuri intiżi għall-amministrazzjoni tar-riskji misjuba, u dan jista’ jinkludi proposta ta’ emendar tal-klassifikazzjoni. Min-naħa tiegħu r-relatur għandu jikkonsulta mal-operaturi kkonċernati skont l-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament. Konsegwentement, il-garanziji proċedurali tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji jiffurmaw parti integrali mill-proċess deċiżjonali li jwassal għal deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni, bħal dik li tirriżulta mid-direttiva kkontestata, u dan għandu l-effett li jindividwalizzahom fir-rigward tal-atti kkontestati. Ir-rikorrenti jispeċifikaw li huma ma jinvokawx il-garanziji proċedurali speċifiċi abbażi tad-Direttiva 67/548, b’tali mod li r-riferiment li l‑Kummissjoni tagħmel għad-digriet tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Diċembru 2005, Arizona Chemical et vs Il‑Kummissjoni (T‑369/03, Ġabra p. II‑5839, punt 76), huwa irrilevanti. Barra minn hekk, minħabba l-involviment strett tagħhom fil-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji, abbażi tal-Artikolu 10(1) u tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 793/93, huma jinsabu f’sitwazzjoni differenti ħafna minn dik li kienu jinsabu fiha r-rikorrenti fil-kawża li tat lok għal dak id-digriet.

84      It-tielet nett, ir-rikorrenti huma kkonċernati individwalment mill-klassifikazzjonijiet ikkontestati sa fejn, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ dawn tal-aħħar, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali tagħhom intiżi li jiggarantixxu, fir-rigward tagħhom, li l-informazzjoni prodotta minnhom ma tintużax għal finijiet oħra għajr dawk li għalihom din ġiet prodotta. Id‑dikjarazzjoni ta’ deroga ġiet stabbilita fil-kuntest speċifiku tal-evalwazzjoni tar-riskji li jirrappreżentaw il-karbonati tan-nikil skont ir-Regolament Nru 793/93 u mhux għal-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom bħala sustanzi perikolużi. B’mod partikolari, fl-imsemmija dikjarazzjoni, ir-rikorrenti ma ammettewx l-eżistenza ta’ raġunijiet xjentifiċi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-“iktar xenarju sfavorevoli” għas-sulfat tan-nikil. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet obbligata li tikkonsulta, jew minn tal-inqas li tisma’, lir-rikorrenti qabel ma tuża d-dikjarazzjoni ta’ deroga għal finijiet oħra għajr dawk li għalihom din kienet ġiet stabbilita.

85      Ir-raba’ nett, l-atti kkontestati jaffettwaw il-pożizzjoni ta’ Norilsk Nickel fil-kwalità tagħha ta’ rappreżentant tal-industrija tal-karbonati tan-nikil matul id‑diskussjonijiet mar-relatur, mad-DEPA u mal-Kummissjoni. Fil-fatt, OMG, il‑predeċessur ta’ Norilsk Nickel, inkwantu l-iktar manifattur importanti, kienet inħatret bħala l-kumpannija li kellha tirrappreżenta l-industrija tal-karbonati tan-nikil matul in-negozjati, b’mod partikolari, mad-DEPA u mal-ECB fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-riskji skont ir-Regolament Nru 793/93, billi tipproduċi osservażżjonijiet bil-miktub, inkluża d-dikjarazzjoni ta’ deroga, u billi żżomm kuntatt strett ma’ dawn l-istanzi. Minn dan isegwi li Norilsk Nickel hija individwalment ikkonċernata mill-atti kkontestati, ukoll fil-kwalità tagħha ta’ rappreżentant tal-industrija tal-karbonati tan-nikil kif ukoll ta’ interlokutur mad-DEPA u mal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti, sostnuti min-Nickel Institute, jikkontestaw l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li Norilsk Nickel ma tistax tinvoka s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punti 20 sa 24), u tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni (C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punti 29 u 30), minħabba li hija ma hijiex assoċjazzjoni professjonali, peress li din il-ġurisprudenza enfasizzat ir-rwol ta’ negozjatur tal-korp implikat iktar milli l‑forma ġuridika tiegħu. F’dan ir-rigward, Nickel Institute tkompli tgħid li hija ma setgħetx tirrappreżenta lill-industrija fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-riskji tal-karbonati tan-nikil, peress li, fir-rigward ta’ tali evalwazzjoni, ir-Regolament Nru 793/93 jeżiġi l-parteċipazzjoni tal-manifatturi u tal-importaturi tas-sustanzi.

86      Il-Ħames nett, ir-rikorrenti huma individwalment ikkonċernati mill-klassifikazzjonijiet ikkontestati minħabba l-parteċipazzjoni intensa tagħhom fil-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji li jirrappreżentaw il-karbonati tan-nikil, li wasslet direttament, fil-kuntest tal-imsemmija atti, għall-klassifikazzjonijiet ikkontestati. F’dan ir-rigward, dawn il-klassifikazzjonijiet huma paragunabbli għall-miżuri ta’ eżekuzzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, tad-dumping u tal-għajnuna mill-Istat, li jistgħu jiġu kkuntestati minn operatur li jkun ipparteċipa b’mod attiv fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tagħhom. L-istess bħal fil-każ ta’ dawn il-miżuri, il-klassifikazzjoni ta’ sustanza abbażi tad-Direttiva 67/548 ma tiddependix fuq deċiżjoni esklużivament politika li fir-rigward tagħha l‑istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, iżda għandha tiġi ddeterminata, fil-parti l-kbira, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet definiti u oġġettivi, b’mod partikolari fid-dawl tal-kriterji u tad-data xjentifika ddettaljata previsti fl-Anness VI tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, f’din il-kawża, ir-rikorrenti jinsabu f’sitwazzjoni analoga għal dik ta’ produttur li pparteċipa fl-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni ta’ regolament antidumping, peress li huma pparteċipaw b’mod attiv għall-proċedura li wasslet għall-klassifikazzjonijiet ikkontestati, ibbażati b’mod partikolari fuq id-dikjarazzjoni ta’ deroga.

87      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti josservaw li l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 80 sa 86 iktar ’il fuq japplikaw mutatis mutandis għall-klassifikazzjonijiet ikkontestati, kif riprodotti fir-regolament ikkontestat, peress li dawn huma r‑riżultat ta’ “trasferiment awtomatiku” u huma identiċi għall-dawk previsti mid-direttiva kkontestata.

88      Fir-rigward tat-talba għall-annullament tad-“deċiżjoni” li l-klassifikazzjonijiet ikkontestati jiġu bbażati fuq id-dikjarazzjoni ta’ deroga, ir-rikorrenti, sostnuti min-Nickel Institute, jsostnu li hija s-sustanza tal-att u mhux il-forma tiegħu li tippermetti li jiġi ddeterminat jekk jipproduċix effetti legali li jistgħu jkunu s‑suġġett ta’ rikors. Issa, huwa evidenti li, f’mument partikolari, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikklassifika l-karbonati tan-nikil biss abbażi tad-dikjarazzjoni ta’ deroga. Fil-fatt, insostenn tal-klassifikazzjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni ma ppreżentat ebda data jew prova rigward l-evalwazzjoni tagħha tar-riskji marbutin mal-proprjetajiet intrinsiċi tal-karbonati tan-nikil, peress li l-uniku element rilevanti f’dan ir-rigward, jiġifieri l-istudju fuq it-tossiċità orali akuta, kien diġà ntuża għall-finijiet tal-klassifikazzjoni preċedenti tal-karbonat tan-nikil pur.

89      Barra minn hekk, billi użat id-dikjarazzjoni ta’ deroga għal dawn il-finijiet, il‑Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Ir‑rikorrenti setgħu effettivament leġittimament jippretendu li l-informazzjoni li huma kienu pprovdew abbażi tar-Regolament Nru 793/93 ma kellhiex tintuża għal klassifikazzjonijiet iktar sfavorevoli abbażi tad-Direttiva 67/548 u li l‑Kummissjoni kellha twettaq, sabiex tikklassifika l-karbonati tan-nikil, l‑evalwazzjoni xjentifika tagħha tal-perikoli tal-proprjetajiet intrinsiċi ta’ dawn is‑sustanzi skont l-Artikolu 4 u l-Anness VI tal-imsemmija direttiva.

90      Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, id-“deċiżjoni” kkontestata mhux biss talli tifforma parti integrali mid-direttiva kkontestata iżda talli tipproduċi effetti legali awtonomi. Għalhekk, huwa possibbli li terzi, bħall-utenti tal-karbonati tan-nikil, jippruvaw iżommu lir-rikorrenti responsabbli għall-effetti negattivi tad‑dikjarazzjoni ta’ deroga, inklużi dawk fuq klassifikazzjonijiet ulterjuri ta’ komposti oħra tan-nikil li ma jkunux solubbli wisq.

91      F’dan ir-rigward, Nickel Institute essenzjalment tispeċifika li d-dikjarazzjoni ta’ deroga kellha, u għad għandha, konsegwenzi serji fuq l-impriżi membri tagħha, peress li l-użu tagħha tabilħaqq jaffettwa sustanzi oħra tan-nikil immanifatturati, importati u użati minnhom. Għalhekk, b’mod partikolari bis-saħħa ta’ din id‑dikjarazzjoni u tal-klassifikazzjonijiet ikkontestati, id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/2/KE, tal-15 ta’ Jannar 2009, li temenda, bil-għan li tadattaha għal progress tekniku, għall-31 darba, id-Direttiva 67/548 (ĠU L 11, p. 6) tikklassifika l-idroksilkarbonat tan-nikil, in-nikil dihydroxide u sittax-il sustanza oħra derivati min-nikil mhux solubbli wisq bħala sustanzi “karċinoġeni umani stabbiliti”, mingħajr ma kien hemm evalwazzjoni indipendenti tal-proprjetajiet intrinsiċi tagħhom jew tal-possibbiltà li dawn is-sustanzi jipprovokaw il-kanċer jew effetti rilevanti oħra fuq is-saħħa tal-bniedem.

92      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti, sostnuti min-Nickel Institute, jikkontestaw il-fatt li r‑rikors tagħhom sar mingħajr suġġett minħabba t-tħassir tal-Anness I tad-Direttiva 67/548 bl-Artikolu 55(11) tar-Regolament Nru 1272/2008.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tal-allegata “deċiżjoni” li l‑klassifikazzjonijiet ikkontestati jiġu bbażati fuq id-dikjarazzjoni ta’ deroga.

93      Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan huwa intiż kontra l-allegata “deċiżjoni” li l-klassifikazzjonijiet ikkontestati jiġu bbażati fuq id-dikjarazzjoni ta’ deroga, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif issostni l-Kummissjoni, anki jekk jitqies li tali “deċiżjoni” teżisti, din tikkostitwixxi stadju intermedjarju jew att preparatorju fil-kuntest tal-proċedura, ta’ adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva 67/548, li wasslet għal dawn il-klassifikazzjonijiet. Issa, att, bħala tali, jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, skont l-Artikolu 230 KE, biss jekk ma jipproduċix effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jimmodifika b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni legali tagħhom (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Marzu 2009, Ayyanarsamy vs Il‑Kummissjoni u l-Ġermanja, C‑251/08 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 14, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata; id-digriet tal-14 ta’ Diċembru 2005, Arizona Chemical et vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punti 55 et seq).

94      Fil-fatt, l-eventwali illegalitiajiet li jaffettwaw tali att preparatorju għandhom jiġu invokati insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra l-att definittiv li tiegħu huwa jikkostitwixxi stadju ta’ elaborazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 12). Għalhekk, il-legalità ta’ din id-“deċiżjoni” tista’ tiġi kkontestata biss b’mod inċidentali, insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra l-atti li temmew il‑proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Ġunju 2009, Krcova vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑498/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 55 u 56), jiġifieri, f’dan il-każ, l-atti kkontestati.

95      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti humiex ikkonċernati individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, mill-klassifikazzjonijiet ikkontestati li jinsabu fl-atti kkontestati.

–       Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament parzjali tal-atti kkontestati

96      L-atti kkontestati, inklużi l-klassifikazzjonijiet ikkontestati, huma ta’ portata ġenerali sa fejn dawn japplikaw għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni kkunsidrata b’mod ġenerali u astratt, jiġifieri fir-rigward ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura u/jew tikkumerċjalizza s-sustanzi kkonċernati. Madankollu, il-fatt li att, minħabba n-natura u l-portata tagħha, ikun ta’ natura ġenerali, sa fejn japplika għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati b’mod ġenerali, ma jeskludix li dan l-att jista’ jikkonċerna individwalment uħud minnhom (sentenza tat-23 ta’ April 2009, Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni, C‑362/06 P, Ġabra p. I‑2903, punt 29; digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Settembru 2002, Japan Tobacco u JT International vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑223/01, Ġabra p. II‑3259, punt 29, u tat-30 ta’ April 2003, Villiger Söhne vs Il‑Kunsill, T‑154/02, Ġabra p. II‑1921, punt 40; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorniu vs Il‑Kunsill, C‑309/89, Ġabra p. I‑1853, punt 19).

97      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li persuna fiżika jew ġuridika li ma hijiex id‑destinatarja ta’ att tista’ tallega li hija kkonċernata individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, biss jekk l-att inkwistjoni jaffettwaha minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il‑fatt, tindividwalizzaha b’mod analogu għal kif ikun individwalizzat id‑destinatarju tal-att (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223 u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-26 ta’ Novembru 2009, Região autónoma dos Açores vs Il‑Kunsill, C‑444/08 P, Ġabra p. I-200, punt 36).

98      Barra minn hekk, meta deċiżjoni taffettwa grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew identifikabbli fil-mument meta ġie adottat dan l-att u minħabba kriterji li huma speċifiċi għall-membri ta’ dan il-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu individwalment ikkonċernati minn dan l-att sa fejn jagħmlu parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġu u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, punt 60; tat-13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM, C‑125/06 P, Ġabra p. I‑1451, punt 71, u Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, punt 30).

99      Madankollu, il-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew saħansitra l-identità tal-individwi li għalihom tapplika miżura b’ebda mod ma timplika li dawn l-individwi għandhom jitqiesu bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura, meta jkun paċifiku li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (sentenza Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, punt 31; digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ April 2008, Saint‑Gobain Glass Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑503/07 P, Ġabra p. I‑2217, punt 70).

100    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tal-atti kkontestati.

101    Insostenn tal-argument tagħhom li jgħid li huma individwalment ikkonċernati mill-klassifikazzjonijiet ikkontestati, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu, l-ewwel nett, li huma jikkostitwixxu, flimkien ma’ kumpanniji oħra li jikkumerċjalizzaw il‑karbonati tan-nikil, ċirku ristrett ta’ operaturi li, b’mod konġunt u abbażi ta’ qbil komuni, waqt il-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji rikjesta mir-Regolament Nru 793/93, kien ippreżenta d-dikjarazzjoni ta’ deroga, li l-kontenut tagħha ntuża mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjonijiet ikkontestati. It-tieni nett, ir‑rikorrenti għandhom garanziji proċedurali speċifiċi abbażi tal-imsemmi regolament li japplikaw de facto għall-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-direttiva kkontestata. It-tielet nett, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ tagħhom, billi naqset milli tikkonsultahom qabel ma tuża d-dikjarazzjoni ta’ deroga għal finijiet oħra għajr dawk li għalihom hija kienet ġiet stabbilita. Ir-raba’ nett, Norilsk Nickel hija individwalizzata fil-kwalità tagħha ta’ rappreżentant tal-industrija tal-karbonati tan-nikil fil-kuntest tan-negozjati mad-DEPA u mal-ECB dwar l-evalwazzjoni tar-riskji ta’ dawn is-sustanzi abbażi tar-Regolament Nru 793/93. Il-ħames nett, ir‑rikorrenti huma individwalment ikkonċernati mill-klassifikazzjonijiet ikkontestati minħabba l-parteċipazzjoni intensa tagħhom f’din il-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji li wasslet direttament għall-adozzjoni ta’ dawn il‑klassifikazzjonijiet.

102    L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti għandhomx drittijiet proċedurali espliċitament iggarantiti fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-klassifikazzjonijiet ikkontestati, li setgħu jindividwalizzawhom bħala destinatarji, peress li din il-kwistjoni hija l-qofol tal-argumenti tagħhom.

103    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li l-fatt li persuna tkun tista’ tintervjeni fil-proċess ta’ adozzjoni ta’ att tal-Unjoni huwa ta’ natura li jindividwalizzaha fil-konfront tal-att inkwistjoni biss fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun ipprovdiet garanziji proċedurali favur din il-persuna. Għalhekk, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni timponi, sabiex tiġi adottata deċiżjoni, li tiġi segwita proċedura li fil-kuntest tagħha persuna fiżika jew ġuridika tista’ tinvoka drittijiet eventwali, fosthom id-dritt għal smigħ, il-pożizzjoni ġuridika partikolari li minnha tibbenefika din il-persuna għandha bħala effett li tindividwalizzaha fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE (ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Frar 2009, Galileo Lebensmittel vs Il‑Kummissjoni, C‑483/07 P, Ġabra p. I‑959, punt 53, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).

104    Għandu jiġi speċifikat, sussegwentement, li madankollu tali individwalizzazzjoni hija rikonoxxuta biss sa fejn il-garanziji proċedurali invokati huma dawk previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Jégo-Quéré, C‑263/02 P, Ġabra p. I‑3425, punt 47; id-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Diċembru 2006, Polyelectrolyte Producers Group vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, C‑368/05 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 58, u Galileo Lebensmittel vs Il‑Kummissjoni, punt 103 iktar ’il fuq, punti 46 u 54; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, T‑13/99, Ġabra p. II‑3305, punt 101, u Alpharma vs Il‑Kunsill, T‑70/99, Ġabra p. II‑3495, punt 93). Għalhekk mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-parteċipazzjoni attiva tar-rikorrenti fi proċedura, speċjalment meta din hija intiża għall-adozzjoni ta’ atti ta’ portata ġenerali, tista’ tindividwalizzah biss sa fejn din il-parteċipazzjoni hija msejsa fuq tali garanziji proċedurali (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Jannar 2001, La Conqueste vs Il‑Kummissjoni, T‑215/00, Ġabra p. II‑181, punti 42 u 43, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Arizona Chemical et vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 73).

105    Madankollu għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li r-rikorrenti nfushom jammettu li ma għandhomx tali garanziji proċedurali, abbażi tad-Direttiva 67/548 jew tar-Regolament Nru 1272/2008, li jistgħu jservu ta’ bażi għall-ammissibbiltà tar-rikorsi tagħhom.

106    Fir-rigward tad-direttiva kkontestata, huwa biżżejjed li jitfakkar li r-regoli tal-proċedura rilevanti li jirregolaw il-proċess tal-adozzjoni tagħha, b’mod partikolari l-punti 4.1.2 sa 4.1.5 tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548, effettivament ma jipprovdux tali garanziji proċedurali favur operaturi li jistgħu potenzjalment jiġu effettwati mir-riżultat ta’ proċedura ta’ adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva 67/548 (ara, f’dan is-sens, id-digriet, tal-14 ta’ Diċembru 2005, Arizona Chemical et vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punti 72 sa 80, u l‑ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).

107    Dan jgħodd ukoll għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1272/2008, b’mod partikolari għall-Artikoli 53(1) u 54(3) tiegħu moqrija flimkien mal-Artikolu 5a(1) sa (4) tad-Deċiżjoni 1999/468 (ara l-punti 20 sa 22 iktar ’il fuq), li jirregolaw l‑adozzjoni tar-regolament ikkontestat. Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt li l-Artikolu 37(2) sa (4) tar-Regolament Nru 1272/2008 (ara l-punt 19 iktar ’il fuq) jagħti lill-manifattur, lill-importatur jew lill-utenti downstream id-dritt li jissottomettu lill-ECHA proposta għal klassifikazzjoni u ttikkettjar armonizzati ta’ sustanza u li jiksbu, wara li jkunu eventwalment ipproduċew osservazzjonijiet, l-opinjoni tal-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju tal-ECHA. Fil-fatt l-eventwali garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 37 tar-Regolament Nru 1272/2008 jistgħu jkunu applikabbli biss fil-każ fejn jew awtorità nazzjonali jew inkella manifattur, importatur jew utent downstream jissottomettu tali proposta, li ma kienx il-każ f’din il-kawża.

108    Sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw l-istatus proċedurali tagħhom abbażi tar-Regolament Nru 793/93, għandu jiġi osservat li għalkemm huwa ċertament minnu li dan ir‑regolament jipprovdi, fl-Artikoli 6 sa 10 tiegħu, bħala drittijiet u obbligi proċedurali speċifiċi (ara l-punti 23 sa 28 iktar ’il fuq), il-parteċipazzjoni attiva tal-operaturi kkonċernati fil-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji sabiex tiġi stabbilita lista ta’ sustanzi ta’ prijorità u eventwali proposti ta’ strateġiji jew ta’ miżuri sabiex, b’mod partikolari, jiġu llimitati r-riskji identifikati. Madankollu għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 793/93 ma humiex applikabbli għall-proċedura ta’ klassifikazzjoni ta’ sustanza bħala sustanza perikoluża u li, min-naħa l-oħra, il‑proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji tal-karbonati tan-nikil, li hija distinta minn dik li wasslet għall-klassifikazzjonijiet ikkontestati, intemmet, skont l‑Artikolu 11(2) tal-istess Regolament, bl-inklużjoni ta’ din is-sustanza fir-raba’ lista ta’ sustanzi ta’ prijorità abbażi tar-Regolament Nru 2364/2000 (ara l-punt 32 iktar ’il fuq). Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 11(1) sa (3) tar-Regolament Nru 793/93, li jgħid li huwa biss abbażi tal-evalwazzjoni finali tar-riskji u ta’ eventwali rakkomandazzjoni ta’ strateġija adottata skont il-proċedura ta’ kumitat prevista fl-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, jekk meħtieġ, li tipproponi miżuri Komunitarji fil-kuntest tad-Direttiva 76/769 jew strumenti oħra Komunitarji eżistenti xierqa (ara l-punt 26 iktar ’il fuq). Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li fihom ir-riżultati tal-evalwazzjoni tar-riskji jew l-eventwali rakkomandazzjoni ta’ strateġija jistgħu jagħtu lok għal proposta ta’ klassifikazzjoni tas-sustanza kkonċernata abbażi tad-Direttiva 67/548, jew saħansitra tar-Regolament Nru 1272/2008, u dan juri l-awtonomija tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji meta mqabbla ma’ dik għall-klassifikazzjoni ta’ sustanza bħala sustanza perikoluża.

109    Għalhekk, l-imsemmija dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 793/93 ma jipprovdux garanziji proċedurali applikabbli għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ sustanza bħala sustanza perikoluża abbażi tad-Direttiva 67/548 jew tar-Regolament Nru 1272/2008. Dawn lanqas ma jistabbilixxu rabta bejn il-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji ta’ sustanza, minn naħa, u l-proċedura intiża għal tali klassifikazzjoni bħala sustanza perikoluża, min-naħa l-oħra, u dan jippermetti li jiġi konkluż li l-garanziji proċedurali mogħtija mir-Regolament Nru 793/93 huma applikabbli, anki jekk biss de facto, kif isostnu r-rikorrenti, fil-kuntest ta’ din l‑aħħar proċedura.

110    Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-argument li jgħid li dawn il-garanziji proċedurali u l-eżerċizzju tagħhom matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji huma ta’ natura tali li jindividwalizzaw lir-rikorrenti fir-rigward tal-klassifikazzjonijiet ikkontestati, peress li dawn tal-aħħar ma humiex ir-riżultat tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji abbażi tar-Regolament Nru 793/93, iżda r‑riżultat tal-proċeduri rispettivi distinti ta’ adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva 67/548 u tar-Regolament Nru 1272/2008, fil-kuntest ta’ liema r‑rikorrenti ma għandhomx tali garanziji.

111    Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ garanzija proċedurali marbuta ma’ dawn l-aħħar proċeduri, ma jistax jintlaqa’ l-argument li jgħid li r-rikorrenti huma individwalizzati minħabba li huma pparteċipaw attivament fil-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji li jirrappreżentaw il-karbonati tan-nikil. Bl-istess mod għandu jinċaħad l-argument li jgħid li l-proċeduri ta’ adattament għal progress tekniku huma paragunabbli għal proċeduri amministrattivi oħra, bħal dawk fil-qasam tal-kompetizzjoni, ta’ għajnuna mill-Istat u ta’ dumping, fil-kuntest ta’ liema ċerti drittijiet tad-difiża previsti b’dispożizzjonijiet espliċiti għandhom jiġu ggarantiti u rrispettati meta jkun ser jiġi adottat att ta’ portata individwali jew ġenerali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Diċembru 2005, Arizona Chemical et vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punti 58 u 74, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata), li preċiżament ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti.

112    It-tieni nett, ir-rikorrenti ma jsostnux li, fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-atti kkontestati, Norilsk Nickel kellha rwol ta’ rappreżentant u ta’ negozjatriċi prinċipali tal-industrija tan-nikil analogu għal dak li hija kellha matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji abbażi tar-Regolament Nru 793/93. Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 105 sa 111 iktar ’il fuq, jirriżulta li tali kwalità matul din l-aħħar proċedura, anki jekk jiġi kkunsidrat li kienet teżisti, ma testendix neċessarjamet għall-proċeduri ta’ adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva 67/548 u tar-Regolament Nru 1272/2008. Konsegwentement, Norilsk Nickel ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li hija individwalizzata minħabba din il-kwalità fir-rigward tal-klassifikazzjonijiet ikkontestati, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha biss għall-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji, hija setgħetx tissodisfa r-rekwiżiti li jindividwalizzaw kif previsti fis-sentenzi Kwekerij van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq (punti 20 sa 24), u CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq (punti 29 u 30).

113    It-tielet nett, ir-rikorrenti baqgħu ma wrewx l-eżistenza tad-dritt għal smigħ allegatament miksur mill-Kummissjoni minħabba li ma kkonsultathomx qabel ma użat id-dikjarazzjoni ta’ deroga barra mill-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji u/jew għal finijiet oħra (ara l-punt 84 iktar ’il fuq). Fil-fatt, la l-Artikolu 9(1) u (3), la l-Artikolu 10(1) u lanqas l-Artikolu 11(1) sa (3) tar-Regolament Nru 793/93 ma jipprovdu tali dritt wara t-tressiq u l-aċċettazzjoni ta’ talba, min-naħa tal-manifatturi u tal-importaturi, sabiex jiġu eżentati minn uħud jew mit-testijiet kollha addizzjonali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma sostnewx li d-dikjarazzjoni ta’ deroga kienet tinkludi elementi kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tal-istess regolament li l-Kummissjoni kienet fl-obbligu li tipproteġi. F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar ukoll li, bħala prinċipju, la l-proċess ta’ elaborazzjoni tal-atti ta’ portata ġenerali u lanqas in-natura ta’ dawn l-atti nfushom ma jeżiġu, abbażi tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huwa d-dritt għal smigħ, il-parteċipazzjoni tal-persuni affettwati, peress li l-interessi ta’ dawn tal-aħħar huma meqjusa rrappreżentati mill-istanzi politiċi msejħa sabiex jadottaw dawn l‑atti (ara d-digriet, tal-14 ta’ Diċembru 2005, Arizona Chemical et vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar il-fuq, punt 73, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata). F’kull każ, anki jekk jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-klassifikazzjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id‑dikjarazzjoni ta’ deroga fis-sens invokat mir-rikorrenti, xorta jibqa’ l-fatt li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 103 u 104 iktar ’il fuq jirriżulta li, fid-dawl tal-awtonomija tal-proċedura ta’ klassifikazzjoni tas-sustanzi perikolużi meta mqabbla ma’ dik li tirrigwarda l-evalwazzjoni tar-riskji ta’ ċerti sustanzi u fin-nuqqas ta’ dritt proċedurali espliċitament iggarantit mil-leġiżlazzjoni applikabbli fil-kawża inkwistjoni, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw, insostenn tal-locus standi tagħhom kontra l-klassifikazzjonijiet ikkontestati, garanzija proċedurali marbuta biss mal-proċedura rigward l-evalwazzjoni tar-riskji.

114    Ir-raba’ nett, għandu jiġi eżaminat jekk il-qbil bejn ir-rikorrenti, il-PCF u Königswarter fuq id-dikjrazzjoni ta’ deroga, kif ukoll l-eżistenza ta’ din id‑dikjarazzjoni u l-użu tagħha mill-Kummissjoni jistgħux jindividwalizzawhom bħala operaturi li jiffurmaw parti minn ċirku ristrett fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 98 iktar ’il fuq.

115    F’dan ir-rigward għandu l-ewwel nett jiġi osservat li r-rikorrenti ma sostnewx li kienu l-uniċi operaturi li jimmanifatturaw u jikkummerċjalizzaw il-karbonati tan-nikil affettwati mill-klassifikazzjonijiet ikkontestati.

116    Barra minn hekk, huwa ċertament paċifiku li, minn-naħa, ir-rikorrenti u ż-żewġ operaturi l-oħra firmatarji tad-dikjarazzjoni ta’ deroga kienu l-uniċi li kienu pparteċipaw attivament fil-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji li jirrappreżentaw il-karbonati tan-nikil u li, min-naħa l-oħra, id-DEPA kienet użat din id-dikjarazzjoni insostenn tal-proposta ulterjuri tagħha li l-karbonati tan-nikil jiġu kklassifikati bħala sustanzi perikolużi abbażi tad-Direttiva 67/548. Barra minn hekk, b’kuntrast ma’ operaturi oħra tas-settur tan-nikil potenzjalment affettwati, dawn l-erba’ operaturi kienu evidentement identifikabbli, jekk mhux saħansitra identifikati mill-istanzi nkarigati li jeżaminaw u jiddiskutu din il‑proposta ta’ klassifikazzjoni u li jadottaw deċiżjoni definittiva f’dan ir-rigward.

117    Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li dawn l-elementi ma humiex biżżejjed sabiex jindividwalizzaw lir-rikorrenti fir-rigward tal-klassifikazzjonijiet ikkontestati.

118    Għandu neċessarjament jiġi osservat li l-fatt li d-dikjarazzjoni ta’ deroga ġiet ippreżentata b’mod konġunt ma joħloqx dritt kweżit jew suġġettiv favur dawn l‑operaturi, peress li din id-dikjarazzjoni hija biss talba min-naħa tagħhom, imressqa abbażi tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 793/93, sabiex jiġu eżentati minn ċerti testijiet addizzjonali għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-riskji tas-sustanza kkonċernata. Għalhekk, din iċ-ċirkustanza ma tikkostitwixxix karatteristika speċifika ta’ dawn l-operaturi li tista’ tiġi pparagunata mal-kwalità ta’ proprjetarju ta’ dritt esklużiv preeżistenti li jippermetti li avveniment sportiv ta’ importanza kbira għas-soċjetà jerġa’ jiġi mxandar bit-televiżjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Infront WM, punt 98 iktar ’il fuq (punti 73 sa 77), mal-kwalità ta’ proprjetarju ta’ kuntratt konkluż qabel l-adozzjoni tal-miżura kkontestata, bħal dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il‑Kummissjoni (11/82, Ġabra p. 207, punt 31), jew inkella mal-kwalità ta’ possessur ta’ status fiskali speċifiku abbażi ta’ awtorizzazzjoni Statali mogħtija abbażi ta’ skema ta’ għajnuna, bħal dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, punt 98 iktar ’il fuq (punti 59 sa 63).

119    Barra minn hekk, kien biss bħala eċċezzjoni li l-ġurisprudenza rrikonoxxiet il‑karattru individwalizzanti ta’ tali kwalitajiet speċifiċi minħabba li l-miżuri kkontestati kellhom speċifikatament l-għan li jippreġudikaw il-portata u l‑eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet preeżistenti, li l-eżistenza tagħhom kienet diġà magħrufa minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti jew li l-proprjetarji tagħhom kienu perfettament identifikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Piraiki‑Patraiki et vs Il‑Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, punt 31; Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, punt 98 iktar ’il fuq, punt 63; Il‑Kummissjoni vs Infront WM, punt 98 iktar il-fuq, punti 72 u 76, u d-digriet Galileo Lebensmittel vs Il‑Kummissjoni, punt 103 iktar il-fuq, punt 46; id-digriet tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ Settembru 2004, SNF vs Il-Kummissjoni, T‑213/02, Ġabra p. II‑3047, punti 68 sa 70).

120    Issa, f’din il-kawża, peress li r-rikorrenti ma setgħux jinvokaw drittijiet preeżistenti li jistgħu jiġu effettwati mill-klassifikazzjonijiet ikkontestati u, għalhekk, ma setgħux isostnu li huma effettwati b’mod partikolari meta mqabbla ma’ kull operatur ieħor potenzjalment ikkonċernat, id-dikjarazzjoni ta’ deroga ma hijiex ekwivalenti għal tali dritt. Għalhekk, il-possibbiltà li, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati u bis-saħħa tad-dikjarazzjoni ta’ deroga, li jiġi ddeterminat in-numru u l-identità ta’ uħud mill-operaturi li fir-rigward tagħhom dawn japplikaw, ma timplikax, waħedha, li dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma individwalment ikkonċernati minn dawn l-atti, ladarba din l‑applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ liġi u ta’ fatt iddefinita permezz tal-imsemmija atti (ara l-punt 99 iktar ’il fuq), jiġifieri abbażi tal-kwalità tagħhom ta’ manifatturi jew ta’ distributuri tal-karbonati tan-nikil. Għaldaqstant, anki fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni, ir-rikorrenti huma kkonċernati mill-atti kkontestati bl-istess mod bħal kull operatur ieħor li jinsab, attwalment jew potenzjalment, f’sitwazzjoni identika, jiġifieri dik li jimmanifattura u/jew jikkummerċjalizza l-karbonati tan-nikil.

121    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma kinux iġġustifikati li jsostnu li huma kkonċernati individwalment mill-klassifikazzjonijiet ikkontestati.

122    Għalhekk, it-talba għall-annullament parzjali tal-atti kkontestati għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

123    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, u saħansitra mingħajr ma hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni fuq it-talba sabiex jiġi ddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors sa fejn dan jirrigwarda l-annullament parzjali tad-direttiva kkontestata, ir-rikors għandu jiġi miċħud, kollu kemm huwa, bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

124    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

125    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tal-istess regoli, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant ir-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

126    Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) ta’ dawn ir-regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. F’din il-kawża, Nickel Institute, intervenjenti insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti, għandha tbati l‑ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla Manja)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Norilsk Nickel Harjavalta Oy u Umicore SA/NV għandhom ibatu l‑ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju tad-Danimarka u Nickel Institute għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Il-Lussemburgu, 7 ta’ Settembru 2010.

Reġistratur

 

      Il-President

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Dispożizzjonijiet tat-Trattati KE u FUE

Id-Direttiva 67/548

Il-Proċedura ta’ adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva 67/548

Tħassir, emendar u bdil parzjali tad-Direttiva 67/548 bir-Regolament Nru 1272/2008

Ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament (KE) Nru 1907/2006

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Ir-rikorrenti u s-sustanzi inkwistjoni

Il-proċedura dwar l-evalwazzjoni tar-riskji li jirrappreżentaw il-karbonati tan-nikil

Il-proċedura li wasslet għall-klassifikazzjoni kkontestata

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-applikabbiltà tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors preżenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tal-allegata “deċiżjoni” li l‑klassifikazzjonijiet ikkontestati jiġu bbażati fuq id-dikjarazzjoni ta’ deroga.

– Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament parzjali tal-atti kkontestati

Fuq l-ispejjeż