Language of document : ECLI:EU:T:2021:211

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

21 ta’ April 2021 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea MONOPOLY – Raġuni assoluta għal rifjut – Mala fide – Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 59(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001)”

Fil-Kawża T‑663/19,

Hasbro, Inc., stabbilita f’Pawtucket, Rhode Island (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn J. Moss, barrister,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn P. Sipos u V. Ruzek, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Kreativni Događaji d.o.o., stabbilita f’Żagreb (il-Kroazja), irrappreżentata minn R. Kunze, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tat‑22 ta’ Lulju 2019 (Każ R 1849/2017‑2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Kreativni Događaji u Hasbro,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn A. Marcoulli, Presidenta, S. Frimodt Nielsen, J. Schwarcz (Relatur), C. Iliopoulos u R. Norkus, Imħallfin,

Reġistratur: A. Juhász‑Tóth, Amministratriċi,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Settembru 2019,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Jannar 2020,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Jannar 2020,

wara s-seduta tad‑9 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit‑30 ta’ April 2010, ir-rikorrenti, Hasbro, Inc., ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali MONOPOLY.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, wara limitazzjoni li saret matul il-proċedimenti quddiem l-EUIPO, fil-klassijiet 9, 16, 28 u 41 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 9: “Apparat u strumenti xjentifiċi, nawtiċi, għal skopijiet ta’ sondaġġi, fotografiċi, ċinematografiċi, ottiċi, li jiżnu, li jkejlu, li jissenjalaw, li jivverifikaw (superviżjoni), tas-salvataġġ u tat-tagħlim; apparat u strumenti li jittrażmettu, jikkonnettjaw, ibiddlu, jakkumulaw, jirregolaw u jikkontrollaw l-elettriku; apparat biex tirrekordja, għat-trasmissjoni u riproduzzjoni ta’ ħsejjes u stampi; apparat ta’ reġistrazzjoni magnetika, diski akustiċi; magni tal-bejgħ awtomatiċi u mekkaniżmi għal apparat imħaddem bil-muniti; cash registers, kalkulaturi, tagħmir għall-ipproċessar tad-data u kompjuters, tagħmir għat-tifi tan-nar; apparat elettriku rikreattiv; logħob elettroniku; logħob informatiku; tagħmir informatiku; softwer tal-informatika; kontrolli użati mal-prodotti kollha ċċitati iktar ’il fuq; kards, diski, strixxi, kejbils u ċirkwiti li kollha jinkludu jew huma ddisinjati sabiex jittrażmettu data jew softwer; logħob tal-arcade; softwer ta’ divertiment interattiv, jiġifieri softwer tal-logħob informatiku, programmi ta’ logħob informatiku, cartridges tal-logħob informatiku, diski ta’ logħob informatiku; programmi ta’ logħob tal-vidjo interattivi tar-realtà virtwali li jinkludi softwer u ħardwer; programmi ta’ logħob multimedjali interattivi; softwer li jista’ jitniżżel sabiex jintuża ma’ kompjuters u logħob informatiku, apparat ta’ logħob li jinġarr, apparat ta’ logħob fuq console, apparat ta’ logħob permezz ta’ komunikazzjonijiet u ta’ telefowns ċellulari; logħob elettroniku, inkluż il-logħob tal-vidjo; softwer tal-logħob vidjo, programmi ta’ logħob vidjo, cartridges tal-logħob vidjo, diski tal-logħob vidjo, kollha kemm huma li jintużaw inkonnessjoni ma’ kompjuters, apparat ta’ logħob li jinġarr, apparat ta’ logħob fuq console, apparat ta’ komunikazzjoni u ta’ telefowns ċellulari; terminali tal-lotterija vidjo; apparat tal-logħob informatiku u vidjo, jiġifieri magni tal-logħob vidjo li jintużaw b’televiżjoni; apparat tal-logħob iddisinjat għall-użu ma’ riċevitur tat-televiżjoni; reġistrazzjonijiet tal-awdjo u/jew tal-vidjo; diski lejżer, diski vidjo, diski fonografiċi, diski kompatti, CD‑ROMs li fihom logħob, films, divertiment u mużika; consoles tal-logħob; apparat ta’ komunikazzjoni u ta’ telefowns ċellulari; films irreġistrati minn qabel; programmi u kontenut tat-televiżjoni, radjofoniċi u rekreattivi rreġistrati minn qabel; partijiet u komponenti għall-prodotti kollha msemmija iktar ’il fuq”;

–        klassi 16: “Karti, kartunċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali mhux inklużi fi klassijiet oħra; materjal stampat; materjal għal-legatura tal-kotba; ritratti; kartoleriji; sustanza li twaħħal għall-użu ta’ kartolerija u tad-dar; materjali tal-artisti; pniezel taż-żebgħa; typewriters u oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (minbarra għamara); materjal istruttiv u għat-tagħlim (minbarra apparat); materjali tal-plastik għall-ippakkjar (mhux inklużi fi klassijiet oħra); tipa tal-printer; inċiżjonijiet ta’ l-istampar; partijiet u komponenti tal-prodotti kollha ċċitati iktar ’il fuq”;

–        klassi 28: “Logħob u ġugarelli; oġġetti tal-ġinnastika u sport mhux inklużi fi klassijiet oħra; dekorazzjonijiet għas-siġar tal-Milied; magni tal-logħob; apparat imħaddem bil-muniti (logħob); karti tal-logħob; partijiet u komponenti tal-prodotti kollha ċċitati iktar ’il fuq”;

–        klassi 41: “Edukazzjoni; taħriġ; divertiment; divertiment fil-forma ta’ films, programmi tat-televiżjoni u programmi radjofoniċi; attivitajiet sportivi u kulturali”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 2010/146 tad‑9 ta’ Awwissu 2010.

5        It-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata fil‑25 ta’ Marzu 2011 bin-numru 9071961.

6        Barra minn hekk, ir-rikorrenti kienet ukoll proprjetarja ta’ tliet trade marks verbali tal-Unjoni Ewropea MONOPOLY irreġistrati, l-ewwel waħda, fit‑23 ta’ Novembru 1998 bin-numru 238 352 (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti Nru 238 352”), it-tieni waħda, fil‑21 ta’ Jannar 2009 bin-numru 6 895 511 (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti Nru 6 895 511”) u, it-tielet waħda, fit‑2 ta’ Awwissu 2010 bin-numru 8 950 776 (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti Nru 8 950 776”).

7        It-trade mark preċedenti Nru 238 352 tkopri l-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 9, 25 u 28 li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 9: “Apparat elettriku rikreattiv; logħob elettroniku; logħob informatiku; tagħmir informatiku; softwer tal-informatika; kontrolli użati mal-prodotti kollha ċċitati iktar ’il fuq; kards, diski, strixxi, kejbils u ċirkwiti li kollha jinkludu jew huma ddisinjati sabiex jittrażmettu data jew softwer; logħob tal-vidjo; partijiet u komponenti tal-prodotti kollha ċċitati iktar ’il fuq”;

–        klassi 25: “Ħwejjeġ, xedd tas-saqajn u xedd ir-ras; partijiet u komponenti tal-prodotti kollha ċċitati iktar ’il fuq”;

–        klassi 28: “Logħob u ġugarelli; oġġetti tal-ġinnastika u sport mhux inklużi fi klassijiet oħra; dekorazzjonijiet għas-siġar tal-Milied; partijiet u komponenti tal-prodotti kollha ċċitati iktar ’il fuq”.

8        It-trade mark preċedenti Nru 6 895 511 tkopri s-“servizzi ta’ divertiment” inklużi fil-klassi 41.

9        It-trade mark preċedenti Nru 8 950 776 tkopri l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 16 li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Karti, kartunċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali mhux inklużi fi klassijiet oħra; materjal stampat; materjal għal-legatura tal-kotba; ritratti; kartoleriji; sustanza li twaħħal għall-użu ta’ kartolerija u tad-dar; materjali tal-artisti; pniezel taż-żebgħa; typewriters u oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (minbarra għamara); materjal istruttiv u għat-tagħlim (minbarra apparat); materjali tal-plastik għall-ippakkjar (mhux inklużi fi klassijiet oħra); tipa tal-printer; inċiżjonijiet ta’ l-istampar”.

10      Fil‑25 ta’ Awwissu 2015, l-intervenjenti, Kreativni Događaji d.o.o., ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 59(1)(b) tar-Regolament 2017/1001), kontra t-trade mark ikkontestata għall-prodotti u għas-servizzi kollha koperti minn din it-trade mark. Skont l-intervenjenti, ir-rikorrenti kienet in mala fide meta ppreżentat l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata minħabba li din l-applikazzjoni kienet tikkostitwixxi preżentata mtennija tat-trade marks preċedenti Nri 238 352, 6 895 511 u 8 950 776 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, it-“trade marks preċedenti”) u kienet intiża sabiex tevadi l-obbligu li tipprova l-użu ġenwin tagħhom.

11      Fit‑22 ta’ Ġunju 2017, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Hija qieset b’mod partikolari, minn naħa, li l-protezzjoni tal-istess trade mark fuq perijodu ta’ erbatax‑il sena ma kinitx, fiha nnifisha, indikazzjoni ta’ intenzjoni li tevita l-obbligu li jiġi pprovat l-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti u, min-naħa l-oħra, li l-allegazzjonijiet tal-intervenjenti ma kinux ikkorroborati minn provi li juru l-mala fide tar-rikorrenti waqt il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

12      Fit‑22 ta’ Awwissu 2017, l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

13      Fit‑3 ta’ Awwissu 2018, il-partijiet ġew informati li kienet ser tinbeda proċedura orali sabiex jinftiehmu aħjar iċ-ċirkustanzi partikolari li fuqhom kienet ibbażata l-istrateġija tar-rikorrenti waqt il-preżentata tat-trade mark ikkontestata.

14      Fit‑12 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentat ix-xhieda ta’ persuna li taħdem fi ħdan il-kumpannija tagħha (iktar ’il quddiem ix-“xhieda”), flimkien ma’ provi.

15      Is-seduta nżammet fid‑19 ta’ Novembru 2018 fil-bini tal-EUIPO.

16      Fil‑21 ta’ Jannar 2019, l-intervenjenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar il-proċess verbal u l-kontenut tal-proċedura orali, li permezz tagħhom hija talbet li x-xhieda ma tiġix ikkunsidrata. Ir-rikorrenti wieġbet għal dawn l-osservazzjonijiet fit‑22 ta’ Frar 2019.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Lulju 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO parzjalment annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, iddikjara l-invalidità tat-trade mark ikkontestata għal parti mill-prodotti u mis-servizzi koperti, ċaħad il-kumplament tal-appell u kkundanna lill-partijiet għall-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u tal-appell. Essenzjalment, il-Bord tal-Appell qies li l-provi miġbura kienu ta’ natura li juru li, għall-prodotti u għas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata li kienu identiċi għall-prodotti u għas-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti, ir-rikorrenti kienet in mala fide meta ppreżentat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

 It-talbiet tal-partijiet

18      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

19      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

20      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell sostnuti mill-intervenjenti.

 Id-dritt

 Fuq id-determinazzjoni tad-dritt sostantiv applikabbli

21      Fid-dawl tad-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, jiġifieri t‑30 ta’ April 2010, li hija determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-dritt sostantiv applikabbli, il-fatti tal-każ huma rregolati mid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Alcon vs UASI, C‑192/03 P, EU:C:2004:587, punti 39 u 40, u s-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Gugler France vs Gugler u EUIPO, C‑736/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:308, punt 3 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, f’dan il-każ, fir-rigward tar-regoli sostantivi, ir-riferimenti magħmula mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata u mill-partijiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom għall-Artikolu 59(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għall-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, b’kontenut identiku.

 Fuq is-suġġett tat-tilwima

22      Minkejja li r-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha, hemm lok li jiġi rrilevat li, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, hija ammettiet li s-suġġett tat-tilwima kellu jkun limitat għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sal-punt fejn din tiddikjara l-invalidità tat-trade mark ikkontestata sa fejn din tkopri l-prodotti u s-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 9, 16, 28 u 41 kif imsemmija fil-punt 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li kienu identiċi għall-prodotti u għas-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

23      Fil-punti 17 sa 19 tar-risposta tagħha kif ukoll waqt is-seduta, l-intervenjenti sostniet, essenzjalment, li, konformement mal-Artikoli 172 u 177 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors kien manifestament inammissibbli, minħabba li r-rikors ma kienx isemmi lill-EUIPO bħala l-parti li kontra tagħha ġie ppreżentat ir-rikors u li r-regolarizzazzjoni tar-rikors permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Ottubru 2019 ma kinitx ta’ natura li tirrimedja din l-irregolarità fi żmien xieraq.

24      F’dan ir-rigward, u kif barra minn hekk issemmi l-intervenjenti fil-punt 20 tar-risposta tagħha, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni Ewropea tista’ tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors jiġi miċħud fuq il-mertu, mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 51 u 52).

25      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li, għall-finijiet tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, għandha l-ewwel tiġi eżaminata l-fondatezza tar-rikors, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu, peress li r-rikors huwa, fi kwalunkwe każ u għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, infondat.

 Fuq il-mertu

26      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u, it-tieni wieħed, fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

27      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li skontha hija kienet in mala fide meta ppreżentat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

28      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

29      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi li l-invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea hija ddikjarata, fuq talba ppreżentata lill-EUIPO jew fuq kontrotalba f’azzjoni għal kontrafazzjoni, meta l-applikant kien in mala fide meta ppreżenta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark.

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, meta kunċett li jinsab fir-Regolament Nru 207/2009 ma huwiex iddefinit minnu, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tiegħu għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża dan il-kunċett u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn dan ir-regolament (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Dan jgħodd ukoll għall-kunċett ta’ “mala fide” li jinsab fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, fl-assenza ta’ kwalunkwe definizzjoni ta’ dan il-kunċett mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

32      Filwaqt li, konformement mas-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, il-kunċett ta’ “mala fide” jippreżumi l-preżenza ta’ stat tal-moħħ jew ta’ intenzjoni diżonesta, dan il-kunċett għandu barra minn hekk jinftiehem fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks, li huwa dak tan-negozju. F’dan ir-rigward, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), Nru 207/2009 u 2017/1001, adottati suċċessivament, jagħmlu parti mill-istess għan, jiġifieri l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Ir-regoli dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jikkontribwixxu għas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta fl-Unjoni, li fiha kull impriża għandha, sabiex tintrabat mal-klijentela permezz tal-kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi tagħha, tkun f’pożizzjoni li tirreġistra bħala trade marks sinjali li jippermettu lill-konsumatur li jagħmel distinzjoni mingħajr konfużjoni possibbli bejn dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi u dawk li għandhom provenjenza oħra (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Konsegwentement, ir-raġuni assoluta ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 tapplika meta minn indizji rilevanti u konkordanti jirriżulta li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea ppreżenta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark mhux bl-għan li jipparteċipa b’mod leali għall-kompetizzjoni iżda bl-intenzjoni li jippreġudika, b’mod li ma jkunx konformi mal-użanzi onesti, l-interessi ta’ terzi, jew bl-intenzjoni li jikseb, mingħajr ma jimmira lejn terzi b’mod partikolari, dritt esklużiv għal skopijiet differenti minn dawk li jaqgħu taħt funzjonijiet ta’ trade mark, b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni ta’ oriġini (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punt 46).

34      Barra minn hekk, għandu jingħad li, fis-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:361), il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet diversi preċiżazzjonijiet dwar il-mod kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ mala fide, kif previst fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

35      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-mala fide tal-applikant, fis-sens tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha marbuta mal-każ inkwistjoni u li jkunu jeżistu fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-ewwel, il-fatt li l-applikant jaf jew għandu jkun jaf li terz juża, tal-inqas fi Stat Membru wieħed, sinjal identiku jew simili għal prodott jew servizz identiku jew simili li jista’ jwassal għal konfużjoni mas-sinjal li tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni tiegħu, it-tieni, l-intenzjoni tal-applikant li jwaqqaf lil dan it-terz milli jkompli juża tali sinjal kif ukoll, it-tielet, il-livell ta’ protezzjoni legali li jgawdu minnha s-sinjal tat-terz u s-sinjal li tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, C‑529/07, EU:C:2009:361, punt 53).

36      Madankollu, mill-formulazzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:361, punt 53), jirriżulta li l-fatturi elenkati fiha huma biss eżempji fost ġabra ta’ elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-possibbiltà ta’ mala fide ta’ applikant għal reġistrazzjoni fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Pangyrus vs UASI – RSVP Design (COLOURBLIND), T‑257/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:115, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha li tirrispondi għad-domandi tal-qorti nazzjonali li kienu jirrigwardaw, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk tali fatturi kinux rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, C‑529/07, EU:C:2009:361, punti 22 u 38). Għalhekk, l-assenza ta’ xi wieħed minn dawn il-fatturi ma tipprekludix, neċessarjament, skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, li tkun ikkonstatata l-mala fide tal-applikant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Copernicus‑Trademarks vs EUIPO – Maquet (LUCEO), T‑82/14, EU:T:2016:396, punt 147).

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:148), l-Avukata Ġenerali Sharpston irrilevat li l-kunċett ta’ mala fide, fis-sens tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jistax jiġi limitat għal kategorija limitata ta’ ċirkustanzi speċifiċi. Fil-fatt, l-għan ta’ interess ġenerali ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa li jiġu evitati r-reġistrazzjonijiet abbużivi ta’ trade mark jew li jmorru kontra użanzi onesti fl-industrija u fil-kummerċ, ikun kompromess jekk il-mala fide tkun tista’ tiġi pprovata biss permezz taċ-ċirkustanzi elenkati b’mod eżawrjenti fis-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:361) (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Internetportal und Marketing, C‑569/08, EU:C:2010:311, punt 37).

38      Għalhekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tal-analiżi globali mwettqa skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni l-oriġini tas-sinjal ikkontestat u l-użu tiegħu sa mill-ħolqien tiegħu, il-loġika kummerċjali li ntużat għall-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-kronoloġija tal-avvenimenti li wasslu għall-imsemmija preżentata (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, COLOURBLIND, T‑257/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:115, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-intenzjoni tal-applikant fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, C‑529/07, EU:C:2009:361, punt 41).

40      F’dan ir-rigward, ġie ppreċiżat li l-intenzjoni tal-applikant fil-mument rilevanti hija element suġġettiv li għandu jiġi ddeterminat b’riferiment għaċ-ċirkustanzi oġġettivi tal-każ inkwistjoni (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, C‑529/07, EU:C:2009:361, punt 42).

41      Għalhekk, il-kunċett ta’ mala fide jirreferi għal motivazzjoni suġġettiva tal-persuna li tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark, jiġifieri intenzjoni diżonesta jew raġuni dannuża oħra. Dan jimplika aġir li jitbiegħed mill-prinċipji rrikonoxxuti bħala dawk relatati ma’ aġir etiku jew użanzi onesti fil-qasam industrijali jew kummerċjali (sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, LUCEO, T‑82/14, EU:T:2016:396, punt 28).

42      Huwa l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li jixtieq jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 li għandu jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi li jwasslu għall-konklużjoni li applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippreżentata b’mala fide, peress li l-bona fide tal-applikant hija preżunta sakemm ma jiġix ipprovat mod ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2017, Biernacka‑Hoba vs EUIPO – Formata Bogusław Hoba (Formata), T‑23/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:149, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Meta l-EUIPO jikkonstata li ċ-ċirkustanzi oġġettivi tal-każ inkwistjoni invokati mill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jistgħu jwasslu għall-inverżjoni tal-preżunzjoni ta’ bona fide li jibbenefika minnha l-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni meta ppreżenta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha, huwa dan tal-aħħar li għandu jagħti spjegazzjonijiet plawżibbli rigward l-għanijiet u l-loġika kummerċjali li għandhom jintlaħqu mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark.

44      Fil-fatt, il-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jinforma lill-EUIPO dwar l-intenzjonijiet li mmotivawh waqt l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark u sabiex jipprovdilu provi li jistgħu jikkonvinċuh li, minkejja l-eżistenza ta’ ċirkustanzi oġġettivi, dawn l-intenzjonijiet kienu leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2017, PayPal vs EUIPO – Hub Culture (VENMO), T‑132/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:316, punti 51 sa 59, u, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Birkenstock Sales vs EUIPO (Rappreżentazzjoni ta’ disinn ta’ linji mmewġa li jinkroċjaw ma’ xulxin), T‑579/14, EU:T:2016:650, punt 136).

45      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu eżaminati d-diversi lmenti tar-rikorrenti mqajma fil-kuntest tal-ewwel motiv, li huwa kompost, essenzjalment, minn sitt partijiet.

–       Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-applikazzjoni żbaljata tar-regoli dwar l-evalwazzjoni tal-mala fide

46      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, l-ewwel, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma wettaqx evalwazzjoni globali tal-elementi rilevanti kollha tal-każ. Hija kkonċentrat indebitament fuq aspett wieħed, jiġifieri l-vantaġġ amministrattiv li jikkonsisti f’li ma jkollhiex għalfejn tipprova l-użu ġenwin tat-trade mark li l-preżentata tagħha ġiet imtennija, u injorat id-diversi raġunijiet validi l-oħra li hija invokat sabiex tiġġustifika l-istrateġija tagħha għall-preżentata ta’ trade mark.

47      It-tieni, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell qies, fil-punt 66 tad-deċiżjoni kkontestata, li kull preżentata mtennija ta’ trade mark kienet awtomatikament ekwivalenti għal preżentata mwettqa in mala fide. Issa, dan imur kontra l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, pelicantravel.com vs UASI – Pelikan (Pelikan) (T‑136/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:689), u fil-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:148). It-tielet, hija tqis li kienet żbaljata l-indikazzjoni tal-Bord tal-Appell li tinsab fil-punt 79 tad-deċiżjoni kkontestata li skontha hija “[kienet] ammettiet ukoll li l-vantaġġ tal-istrateġija [tagħha] kien li hija ma jkollhiex għalfejn tipprova l-użu ġenwin tat-trade mark [ikkontestata] fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni”. Fil-fehma tagħha, il-provi juru li wieħed mill-vantaġġi assoċjati mal-prattika tagħha fil-qasam tal-preżentata ta’ trade mark seta’ jkun l-effikaċja amministrattiva, iżda li din la kienet ir-raġuni prinċipali, u lanqas raġuni sostanzjali.

48      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw il-fondatezza ta’ din il-parti.

49      Sabiex tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argument ippreżentat fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar liema huma l-prinċipji li jirregolaw id-dritt tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea u r-regola dwar il-prova tal-użu ta’ dawn it-trade marks. F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel il-Bord tal-Appell fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li, essenzjalment, mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saret il-premessa 3 tar-Regolament 2017/1001) jirriżulta li r-Regolament Nru 207/2009 huwa intiż sabiex jiżgura kompetizzjoni mhux distorta. Barra minn hekk, ġie deċiż li d-dritt tat-trade marks jikkostitwixxi element essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta li t-Trattat huwa intiż li jistabbilixxi u jżomm u li d-drittijiet u l-possibbiltajiet li t-trade mark tal-Unjoni Ewropea tagħti lill-proprjetarju tagħha għandhom jiġu eżaminati skont dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2003, Libertel, C‑104/01, EU:C:2003:244, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      It-tieni, kif enfasizza essenzjalment il-Bord tal-Appell fil-punti 31 u 32 tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2017/1001) jirriżulta li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tagħti lill-proprjetarju tagħha dritt esklużiv, mill-premessa 10 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saret il-premessa 24 tar-Regolament 2017/1001) jirriżulta li ma huwiex iġġustifikat li jiġu protetti t-trade marks tal-Unjoni Ewropea u, kontrihom, kwalunkwe trade mark irreġistrata li hija preċedenti għalihom biss sa fejn dawn it-trade marks huma effettivament użati. Fil-fatt, trade mark tal-Unjoni Ewropea li ma tkunx użata tkun tista’ tfixkel il-kompetizzjoni billi tillimita il-firxa ta’ sinjali li jistgħu jiġu rreġistrati minn oħrajn bħala trade mark u tiċħad lill-kompetituri mill-possibbiltà li jużaw din it-trade mark jew trade mark simili meta jitqiegħdu fis-suq intern prodotti jew servizzi identiċi jew simili għal dawk protetti mit-trade mark inkwistjoni. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ użu ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jista’ wkoll jirrestrinġi l-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C‑149/11, EU:C:2012:816, punt 32).

51      It-tielet, fir-rigward tal-użu ġenwin ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2017/1001), “[j]ekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trademark tal-[Unjoni Ewropea] fl-Unjoni f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, it-trademark tal-[Unjoni Ewropea] għandha tkun soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu”.

52      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001), “[i]d-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trademark tal-[Unjoni Ewropea] għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati malli ssir applikazzjoni lill-[EUIPO] jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ ksur[,] jekk, għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark fl-Unjoni f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu”.

53      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 58(2) tar-Regolament 2017/1001) jipprevedi li, “[m]eta r-raġunijiet ta’ revoka ta’ drittijiet jeżistu biss fir-rigward ta’ xi wħud biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom it-trademark tal-[Unjoni Ewropea] hija reġistrata, id-drittijiet tal-proprjetarju għandhom jiġu dikjarati bħala revokati fir-rigward ta’ dawk il-prodotti jew servizzi biss”.

54      Ir-ratio legis tar-rekwiżit li għandu jkun sar użu ġenwin ta’ trade mark sabiex tkun protetta skont id-dritt tal-Unjoni jinsab fil-fatt li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea fir-reġistru tal-EUIPO ma jistax jitqies li huwa maħżen strateġiku u statiku li jagħti lil detentur inattiv monopolju legali għal żmien indeterminat. Għall-kuntrarju, l-imsemmi reġistru għandu jirrifletti fedelment l-indikazzjonijiet li l-impriżi jużaw effettivament fis-suq sabiex jiddistingwu l-prodotti u s-servizzi tagħhom fil-ħajja ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, Deutsche Rockwool Mineralwoll vs UASI – Recticel (λ), T‑215/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:518, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Kif enfasizza l-Bord tal-Appell fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-prinċipji li jirregolaw id-dritt tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea u mir-regola dwar il-prova tal-użu esposti fil-punti 49 sa 53 iktar ’il fuq jirriżulta li, jekk dritt esklużiv huwa mogħti lill-proprjetarju ta’ trade mark, dan id-dritt esklużiv jista’ jiġi protett biss jekk, fl-iskadenza tat-terminu ta’ konċessjoni ta’ ħames snin, l-imsemmi proprjetarju jkun f’pożizzjoni li juri l-użu ġenwin tat-trade mark tiegħu. Tali sistema tibbilanċja l-interessi leġittimi tal-proprjetarju tat-trade mark, minn naħa, u dawk tal-kompetituri tiegħu, min-naħa l-oħra.

56      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq jirriżulta li l-assenza ta’ fattur li l-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali kienu kkunsidraw bħala rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-mala fide ta’ applikant għal trade mark fil-kuntest partikolari ta’ tilwima jew ta’ domanda preliminari mressqa quddiemhom ma tipprekludix neċessarjament li l-mala fide ta’ applikant ieħor għal trade mark tiġi kkonstatata f’ċirkustanzi differenti. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 37 iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ mala fide, fis-sens tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament 207/2009, ma jistax jiġi llimitat għal kategorija limitata ta’ ċirkustanzi speċifiċi.

57      Fit-tielet lok, għalkemm il-preżentati mtennija għal trade mark ma humiex ipprojbiti, xorta jibqa’ l-fatt li tali preżentata mwettqa sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ użu ta’ trade marks preċedenti tista’ tikkostitwixxi element rilevanti, li jista’ jistabbilixxi l-mala fide tal-awtur ta’ din il-preżentata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Pelikan, T‑136/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:689, punt 27).

58      Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, għandu jitfakkar liema huma l-elementi li wasslu lill-Bord tal-Appell sabiex jikkunsidra li l-preżentata mtennija tat-trade marks preċedenti kienet turi l-mala fide tar-rikorrenti.

59      L-ewwel, fil-punt 71 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li r-rikorrenti kienet ibbażat ruħha fuq it-trade mark ikkontestata kif ukoll fuq it-trade marks preċedenti fil-kuntest ta’ żewġ proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Huwa kkonstata, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom ir-rikorrenti kienet rebħet f’dawn il-proċedimenti kienu bbażati fuq it-trade mark ikkontestata, peress li, għal din it-trade mark, ma kienx neċessarju li tiġi pprovduta l-prova tal-użu ġenwin.

60      It-tieni, fil-punt 72 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indika li, fir-rigward tar-raġunijiet li kienu jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ġdida tal-istess trade mark, ir-rikorrenti kienet invokat it-tnaqqis tal-oneru amministrattiv quddiem l-istanzi tal-EUIPO. Il-Bord tal-Appell żied, essenzjalment, li, skont ix-xhieda ta’ persuna li taħdem fi ħdan il-kumpannija tagħha waqt is-seduta tad‑19 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrenti wettqet preżentati ġodda għal ċertu numru ta’ raġunijiet li setgħu jiffaċilitaw l-amministrazzjoni tagħha fil-livell amministrattiv, iżda li dawn il-preżentati ma kinux jikkostitwixxu applikazzjonijiet identiċi mtennija, peress li l-imsemmija preżentati kellhom ambitu ikbar u kienu ġġustifikati minn raġunijiet kummerċjali validi. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 73 tad-deċiżjoni kkontestata, li, peress li t-trade marks preċedenti ma kinux is-suġġett ta’ rinunzja, kien diffiċli li jiġi kkonstatat l-interess ta’ tali preżentati marbut mat-tnaqqis tal-oneru amministrattiv minħabba x-xogħol żejjed u l-investiment ikbar involuti fl-akkumulazzjoni ta’ trade marks identiċi.

61      It-tielet, fil-punt 75 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indika, essenzjalment, li mix-xhieda ta’ waqt is-seduta tad‑19 ta’ Novembru 2018 jirriżulta, qabel kollox, li l-fatt li tkun tista’ tiġi invokata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark mingħajr ma jkollu jiġi pprovat l-użu tagħha kien jikkostitwixxi vantaġġ għar-rikorrenti u li dan kien aspett magħruf mill-proprjetarji kollha ta’ trade mark, sussegwentement, li din ma kinitx l-unika motivazzjoni tal-preżentati ta’ trade marks suċċessivi mwettqa mir-rikorrenti u, fl-aħħar nett, li, jekk impriża kellha diversi trade marks ta’ etajiet differenti, kien xieraq għal din l-impriża li topponi trade mark irreġistrata sussegwentement abbażi ta’ trade mark riċenti li ma kinitx suġġetta għall-prova tal-użu sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni ta’ provi u mal-attendenza għas-seduti, b’tali mod li kien iktar effikaċi mill-perspettiva amministrattiva li ma kellhiex tipprovdi din il-prova.

62      Ir-raba’, il-Bord tal-Appell irrileva, fil-punt 77 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont ix-xhieda, il-fatt li kumpanniji jippreżentaw applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni għal trade marks li diġà huma s-suġġett ta’ reġistrazzjonijiet eżistenti fl-Unjoni u li f’dawn l-applikazzjonijiet ġodda jiġu inklużi prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks preċedenti kien prattika industrijali aċċettata fiż-żmien rilevanti.

63      Il-ħames, fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punti 71 sa 78 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 79 ta’ din id-deċiżjoni, li r-rikorrenti kienet deliberatament tenniet applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark MONOPOLY, sabiex din tkopri wkoll prodotti u servizzi diġà koperti mit-trade marks preċedenti. Barra minn hekk, huwa kkonstata li r-rikorrenti kienet ammettiet li l-vantaġġ ta’ din l-istrateġija kien li hija ma kellhiex għalfejn tipprova l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, li kien wieħed mill-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni mir-rikorrenti waqt ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark, u żied li hija ma kienet tara l-ebda loġika kummerċjali oħra li fuqha kienet ibbażata tali strateġija ta’ preżentata.

64      Is-sitt, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 80 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fatt li r-rikorrenti kienet sostniet li din kienet prattika industrijali normali kien ifisser b’mod ċar li l-użu ta’ din l-istrateġija kien intenzjonali.

65      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha, minn naħa, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punt 81 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-intenzjoni tar-rikorrenti kienet tassew li tibbenefika mir-regoli tad-dritt tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea billi toħloq artifiċjalment sitwazzjoni li fiha hija ma għandhiex għalfejn tipprova l-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti għall-prodotti u għas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata. Min-naħa l-oħra, hija qieset, fil-punt 82 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-aġir tar-rikorrenti kellu jitqies li jirriżulta minn intenzjoni ta’ distorsjoni u ta’ żbilanċjar tas-sistema li tirriżulta minn dan id-dritt kif ġie stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

66      Huwa fid-dawl tal-elementi mfakkra fil-punti 49 sa 65 iktar ’il fuq li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.

67      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li l-Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat, fil-punt 66 tad-deċiżjoni kkontestata, li kull preżentata mtennija ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea kienet ekwivalenti awtomatikament għal preżentata mwettqa in mala fide, dan għandu jiġi miċħud peress li jirriżulta minn qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 66 sa 70 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell sempliċement fakkar il-ġurisprudenza applikabbli sabiex jevalwa l-possibbiltà ta’ mala fide tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea. Kien biss fil-punti 71 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata li l-Bord tal-Appell eżamina ċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni fid-dawl tal-ġurisprudenza u kkonkluda li r-rikorrenti kienet in mala fide meta ppreżentat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

68      Barra minn hekk, anki jekk l-argument tar-rikorrenti għandu jinftiehem fis-sens li huwa jilmenta li l-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod ġenerali fid-deċiżjoni kkontestata li kull preżentata mtennija kienet neċessarjament saret in mala fide, dan għandu wkoll jiġi miċħud.

69      Fil-fatt, ir-raġunament segwit mill-Bord tal-Appell, kif miġbur fil-qosor fil-punti 59 sa 64 iktar ’il fuq, juri mingħajr ambigwità li ma huwiex il-fatt li tiġi mtennija l-preżentata ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li tqies li juri l-mala fide tar-rikorrenti, iżda l-fatt li l-elementi tal-proċess juru li din tal-aħħar kienet deliberatament ippruvat tevadi regola fundamentali tad-dritt tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri dik dwar il-prova tal-użu, sabiex tibbenifika minn dan b’detriment għall-bilanċ tas-sistema tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea stabbilita mil-leġislatur tal-Unjoni.

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-ebda dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar it-trade marks tal-Unjoni Ewropea ma tipprojbixxi l-preżentata mtennija ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark u li, għaldaqstant, tali preżentata ma tistax, fiha nnifisha, tistabbilixxi l-mala fide tal-applikant, mingħajr ma tkun akkumpanjata minn provi rilevanti oħra invokati mill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew mill-EUIPO. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, mill-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell jirriżulta li r-rikorrenti ammettiet, u anki sostniet, li wieħed mill-vantaġġi li jiġġustifikaw il-preżentata tat-trade mark ikkontestata kien ibbażat fuq il-fatt li ma jkollhiex tipproduċi l-prova tal-użu ġenwin ta’ din it-trade mark. Issa, tali aġir ma jistax jitqies li huwa aġir leġittimu, iżda għandu jitqies li jmur kontra l-għanijiet tar-Regolament Nru 207/2009, il-prinċipji li jirregolaw id-dritt tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea u r-regola dwar il-prova tal-użu, kif imfakkra fil-punti 49 sa 55 iktar ’il fuq.

71      Fil-fatt, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-preżentata mtennija mwettqa mir-rikorrenti kienet intiża b’mod partikolari, skont l-ammissjoni tagħha stess, sabiex ma jkollhiex għalfejn tipprova l-użu tat-trade mark ikkontestata, u konsegwentement ittawwal, għat-trade marks preċedenti, it-terminu ta’ konċessjoni ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

72      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li mhux biss l-istrateġija ta’ preżentata użata mir-rikorrenti, intiża sabiex tevadi r-regola dwar il-prova tal-użu, ma hijiex konformi mal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 207/2009, iżda din ixxaqleb lejn il-kunċett ta’ abbuż ta’ dritt, li huwa kkaratterizzat mill-fatt li, l-ewwel, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan li jrid jintlaħaq minnha ma ntlaħaqx u li, it-tieni, teżisti rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mill-imsemmija leġiżlazzjoni billi jinħolqu b’mod artifiċjali l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2005, Eichsfelder Schlachtbetrieb, C‑515/03, EU:C:2005:491, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell ikkonċentra indebitament fuq aspett wieħed, jiġifieri l-vantaġġ amministrattiv li jikkonsisti f’li ma jkollhiex għalfejn tipprova l-użu ġenwin tat-trade mark li l-preżentata tagħha ġiet imtennija, u injora d-diversi raġunijiet validi l-oħra invokati mir-rikorrenti sabiex tiġġustifika l-istrateġija tagħha għall-preżentata ta’ trade mark (ara l-punt 46 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-elementi mfakkra fil-punti 59 sa 64 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi validament sostnut li l-Bord tal-Appell ikkonċentra biss fuq l-imsemmi aspett.

74      Fil-fatt, kif jenfasizza l-EUIPO, minkejja l-provi li juru li l-intenzjoni tar-rikorrenti kienet b’mod partikolari li tevita li jkollha tipproduċi l-prova tal-użu tat-trade mark ikkontestata, il-Bord tal-Appell ħa ċirkustanzi oħra inkunsiderazzjoni. Għalhekk, huwa kkonstata, fil-punti 71 u 80 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet effettivament ibbenefikat mill-istrateġija tagħha ta’ preżentata mtennija ta’ applikazzjonijiet fil-kuntest ta’ żewġ proċedimenti ta’ oppożizzjoni billi evitat li tipprova l-użu tat-trade mark ikkontestata.

75      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti b’mod mhux issostanzjat fir-rikors, il-Bord tal-Appell ma injorax id-diversi raġunijiet l-oħra li hija invokat sabiex tiġġustifika l-istrateġija tagħha ta’ preżentata ta’ trade mark. Kif jirriżulta mill-punti 61 sa 64 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa eżamina u kkunsidra bħala validi l-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti li, essenzjalment, din tal-aħħar kellha l-għan li tipproteġi t-trade mark MONOPOLY għal prodotti u servizzi oħra sabiex issegwi l-iżvilupp tat-teknoloġija u l-espansjoni tan-negozju tagħha. Din hija r-raġuni għalfejn il-Bord tal-Appell ma ddikjarax l-invalidità tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti u għas-servizzi mhux koperti mit-trade marks preċedenti. Madankollu, kif isostni ġustament l-EUIPO, il-Bord tal-Appell ma ddeċidiex li dawn l-ispjegazzjonijiet kienu ta’ natura li jiġġustifikaw il-preżentata tat-trade mark ikkontestata għal prodotti u għal servizzi identiċi għal dawk koperti mit-trade marks preċedenti. Huwa qies b’mod partikolari f’dan ir-rigward, fil-punti 72 sa 74 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-allegat tnaqqis tal-oneru amministrattiv li jirriżulta mill-preżentata tat-trade mark ikkontestata kien diffiċli li jiġi kkonċiljat mal-ispejjeż addizzjonali u mal-piż amministrattiv marbuta maż-żamma tat-trade marks preċedenti.

76      Minn dan isegwi li għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell ma wettaqx evalwazzjoni globali tal-elementi rilevanti kollha tal-każ sa fejn ikkonċentra indebitament fuq aspett wieħed.

77      Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, il-Bord tal-Appell indika b’mod żbaljat fil-punt 79 tad-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti kienet ammettiet li l-uniku vantaġġ tal-prattika tagħha ta’ preżentata kien li ma jkollhiex għalfejn tipprova l-użu ġenwin tat-trade mark fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni (ara l-punt 47 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-punti 75, 76 u 79 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Bord tal-Appell enfasizza li dan kien biss wieħed mill-vantaġġi, jew wieħed mill-motivazzjonijiet, tal-istrateġija ta’ preżentata tar-rikorrenti. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell indika espressament, fil-punt 76 tad-deċiżjoni kkontestata, li “il-fatt li preżentata ma hijiex motivata biss mill-vantaġġ li ma jkunx hemm bżonn prova tal-użu ġenwin tat-trade mark, iżda wkoll raġunijiet oħra, ma [kienx], fih innifsu, jagħmel tali strateġija aċċettabbli”.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ kwalunkwe dannu minħabba l-attività tar-rikorrenti

79      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, l-ewwel, ir-rikorrenti ssostni li hija ma kisbet l-ebda vantaġġ mill-aġir tagħha li huwa intiż sabiex jikseb jew iżomm trade mark li fuqha hija ma għandha l-ebda dritt. It-tieni, hija tenfasizza li l-board game “Monopoly” hija tant magħrufa li hija fantasija li jiġi allegat li hija ma użatx it-trade mark MONOPOLY għall-board games. Issa, hija ssostni li l-obbligu għaliha li tipprova l-użu ta’ din it-trade mark għall-board games fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jwassal għall-esponiment għal spejjeż sinjifikattivi. It-tielet, hija tallega li, jekk id-deċiżjoni kkontestata tiġi kkonfermata, dan ser iwassal sabiex id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO ma tkunx tista’ tlaħħaq b’każijiet li fihom tiġi invokata l-mala fide għal kull preżentata ta’ trade mark li tindika prodotti jew servizzi identiċi jew simili. Fl-aħħar nett, ir-raba’, ir-rikorrenti ssostni, fir-rigward tal-eżami tad-dannu, li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ dannu reali, iżda biss il-konklużjoni impliċita li dannu jista’ teoretikament jirriżulta minn estensjoni potenzjali tat-terminu ta’ konċessjoni ta’ ħames snin. Madankollu, fil-fehma tagħha, tali dannu teoretiku fl-ebda każ ma għandu jwassal għall-konklużjoni li hija aġixxiet b’mod frawdolenti.

80      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw il-fondatezza ta’ din il-parti.

81      Qabelxejn, għandhom jiġu miċħuda l-ewwel u r-raba’ argumenti tar-rikorrenti, li jgħidu li, essenzjalment, l-aġir tagħha ma kien jagħtiha l-ebda vantaġġ u ma wassal għal ebda dannu (ara l-punt 79 iktar ’il fuq). Fil-fatt, kif issostni, essenzjalment, l-intervenjenti, għandu jiġi kkonstatat li la r-Regolament Nru 207/2009 u lanqas il-ġurisprudenza ma jipprovdu bażi li tippermetti li jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, il-fatt li jittieħed vantaġġ jew li jiġi kkawżat dannu huwa rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-mala fide tar-rikorrenti waqt il-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

82      Fir-rigward tat-tieni argument, dwar l-użu tat-trade mark MONOPOLY għal-logħob, il-Bord tal-Appell iddeċieda ġustament, fil-punt 81 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti setgħetx effettivament tipprova tali użu kienet irrilevanti, peress li hija l-intenzjoni tal-applikant għal trade mark li għandha tiġi evalwata. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, kif ifakkar l-EUIPO, l-użu pprovat tal-imsemmija trade mark li tirreferi għaliha r-rikorrenti jirrigwarda biss il-board games, u mhux il-prodotti u s-servizzi kollha li għalihom it-trade mark ikkontestata ġiet iddikjarata invalida.

83      Fl-aħħar nett, l-argument li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ma tkunx tista’ tlaħħaq b’każijiet li fihom tiġi invokata l-mala fide jekk id-deċiżjoni kkontestata tiġi kkonfermata għandu jiġi miċħud, peress li huwa ineffettiv. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument ma huwa ssostanzjat minn ebda prova konkreta u jikkostitwixxi, għaldaqstant, sempliċi spekulazzjoni.

84      Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ eżami speċifiku ta’ kull waħda mit-trade marks preċedenti

85      Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv, l-ewwel, ir-rikorrenti ssostni li l-preżentata tat-trade mark ikkontestata bl-ebda mod ma tissodisfa l-iskema tradizzjonali ta’ preżentata mtennija ta’ trade mark xi xhur qabel it-tmiem tat-terminu ta’ konċessjoni ta’ ħames snin. Fil-fehma tagħha, il-Bord tal-Appell għalhekk wettaq żball meta injora l-fatt li, fid-dawl tad-dati ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti Nri 6 895 511 u 8 950 776, it-trade mark ikkontestata ma ġietx ippreżentata f’data qrib id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ konċessjoni ta’ ħames snin li minnu kienet tibbenefika kull waħda minn dawn it-trade marks preċedenti. It-tieni, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell ittratta l-preżentati tat-trade marks preċedenti bħallikieku fir-realtà kienet l-unika u l-istess preżentata.

86      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw il-fondatezza ta’ din il-parti.

87      Fir-rigward tal-ewwel argument invokat mir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li hija ġustament issostni li l-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata ma saritx f’data qrib dik tal-iskadenza tat-termini ta’ konċessjoni tat-trade marks preċedenti Nri 6 895 511 u 8 950 776. Fil-fatt, peress li t-trade mark preċedenti Nru 6 895 511 ġiet irreġistrata fil‑21 ta’ Jannar 2009 u t-trade mark preċedenti Nru 8 950 776 ġiet irreġistrata fit‑2 ta’ Awwissu 2010, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata estendiet it-terminu ta’ konċessjoni dwar in-nuqqas ta’ użu tal-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ trade marks preċedenti b’sentejn u xahrejn għas-servizzi koperti minnha inklużi fil-klassi 41 u estendiet dak tat-tieni waħda minn dawn iż-żewġ trade marks preċedenti bi kważi tmien xhur għall-prodotti koperti minnha inklużi fil-klassi 16.

88      Madankollu, kuntrarjament għal dak li timplika r-rikorrenti, dan il-fatt waħdu ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jitqies li hija ma kinitx in mala fide fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

89      F’dan ir-rigward, kif jenfasizza essenzjalment l-EUIPO, indipendentement mill-perijodu ta’ estensjoni ta’ terminu ta’ konċessjoni, dak li huwa importanti hija l-intenzjoni tal-applikant fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Issa, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ammettiet, u anki sostniet, li wieħed mill-vantaġġi li ġġustifika l-preżentata tat-trade mark ikkontestata kien li ma kienx hemm bżonn li tiġi pprovduta l-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata. Għaldaqstant, minkejja li l-estensjoni tat-termini ta’ konċessjoni tat-trade marks preċedenti ma hijiex partikolarment twila, xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti kisbet il-vantaġġ mixtieq, li ma kienx hemm bżonn li tiġi pprovduta l-prova tal-użu tat-trade mark MONOPOLY għal perijodu addizzjonali ta’ sentejn u xahrejn għas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti Nru 6 895 511 inklużi fil-klassi 41 u ta’ kważi tmien xhur għall-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti Nru 8 950 776 inklużi fil-klassi 16.

90      F’dak li jirrigwarda t-tieni argument, li l-Bord tal-Appell kien ittratta l-preżentati tat-trade marks preċedenti bħallikieku fir-realtà kienet l-unika u l-istess preżentata, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, mill-punti 54 sa 62 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni kemm id-diversi prodotti u servizzi koperti mit-trade marks preċedenti kif ukoll id-dati differenti tal-preżentata tal-imsemmija trade marks.

91      Minn dak li ntqal jirriżulta li t-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li r-rikorrenti adottat prattika komuni ġeneralment aċċettata

92      Fil-kuntest tar-raba’ parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell ma setax jikkunsidra li hija aġixxiet in mala fide meta wettqet preżentata mtennija tat-trade marks preċedenti tagħha peress li din kienet prattika industrijali komuni manifestament aċċettata. Hija żżid li ma tistax tiġi akkużata li kienet in mala fide peress li hija aġixxiet “b’mod konformi mal-parir tal-avukati lokali dwar il-preżentati tagħhom b’mod ġenerali”. Barra minn hekk, hija tallega li l-Bord tal-Appell ipprova jagħti eżempju biha sabiex juri kif ried jemenda l-leġiżlazzjoni, li huwa jirrikonoxxi fil-punt 87 tad-deċiżjoni kkontestata, li fih huwa ammetta li kien qiegħed ifassal unilateralment leġiżlazzjoni ġdida. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega li, jekk id-deċiżjoni kkontestata tiġi kkonfermata, hija stess u numru kbir ta’ proprjetarji oħra ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea ser ikollhom id-drittijiet ta’ proprjetà tagħhom ikkonfiskati mill-EUIPO.

93      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw il-fondatezza ta’ din il-parti.

94      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-argument ippreżentat mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-parti ma huwa sostnut bl-ebda mod. Fil-fatt, hija sempliċement tallega li l-preżentata mtennija ta’ trade marks preċedenti hija prattika komuni mingħajr ma tipproduċi l-iċken prova insostenn ta’ din l-allegazzjoni. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li la r-Regolament Nru 207/2009 u lanqas il-ġurisprudenza ma jipprovdu bażi li tippermetti li tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ mala fide tar-rikorrenti minħabba li hija kienet segwiet prattika industrijali komuni u li hija aġixxiet b’mod konformi mal-parir tal-avukati. Kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 78 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sempliċi fatt li impriżi oħra jistgħu jirrikorru għal ċerta strateġija ta’ preżentata ma jagħmilx din l-istrateġija neċessarjament legali u aċċettabbli. Barra minn hekk, kif jenfasizza essenzjalment l-EUIPO, huwa skont iċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni li għandu jiġi evalwat jekk tali strateġija hijiex konformi mar-Regolament Nru 207/2009 jew le. Issa, mill-iżviluppi preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti fittxet deliberatament li tevadi regola fundamentali tad-dritt tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri dik dwar il-prova tal-użu, sabiex tibbenefika minnha b’detriment għall-bilanċ tas-sistema li tirriżulta minn dan id-dritt, kif stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Konsegwentement, għalkemm xejn ma jipprojbixxi li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jkun jista’ jwettaq preżentata mtennija ta’ din it-trade mark, l-intenzjoni tar-rikorrenti għandha titqies li tmur kontra l-għanijiet tar-Regolament Nru 207/2009 (ara l-punt 70 iktar ’il fuq). Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, ir-rikorrenti, sabiex tinvalida l-evalwazzjoni li tgħid li hija kienet in mala fide, ma tista’ tinvoka b’mod utli, anki jekk wieħed jassumi li dawn huma stabbiliti, la l-fatt li kien komuni li l-impriżi jadottaw l-istess strateġija ta’ preżentata ta’ trade marks, u lanqas il-fatt li hija kienet aġixxiet konformement mal-parir tal-avukati.

95      Sussegwentement, fir-rigward tal-argument li, essenzjalment, il-Bord tal-Appell emenda l-leġiżlazzjoni, li huwa jirrikonoxxi fil-punt 87 tad-deċiżjoni kkontestata, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kif tosserva ġustament l-intervenjenti u kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell sempliċement applika l-leġiżlazzjoni fis-seħħ kif ukoll il-ġurisprudenza eżistenti u bl-ebda mod ma rrikonoxxa li qiegħed “jemenda l-leġiżlazzjoni”. Il-fatt li l-Bord tal-Appell irrefera, fil-punt 87 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-ġurisprudenza eżistenti tal-Bordijiet tal-Appell jikkontradixxi barra minn hekk l-argument mhux sostnut tar-rikorrenti.

96      Fl-aħħar nett, l-allegazzjoni li r-rikorrenti u numru kbir ta’ proprjetarji oħra ta’ trade marks ser ikollhom id-drittijiet ta’ proprjetà tagħhom ikkonfiskati mill-EUIPO jekk id-deċiżjoni kkontestata tiġi kkonfermata ma hija sostnuta minn ebda element konkret u tikkostitwixxi, għalhekk, sempliċi spekulazzjoni li tista’ biss tiġi miċħuda.

97      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq il-ħames parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-iżball imwettaq mill-Bord tal-Appell sa fejn huwa ddikjara l-invalidità tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti msejħa “relatati” koperti minn din it-trade mark, meta dawn il-prodotti ma kinux identiċi għall-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti

98      Fil-kuntest tal-ħames parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-prodotti li huma “magni tal-logħob; apparat imħaddem bil-muniti (logħob); karti tal-logħob” koperti mit-trade mark ikkontestata, minn naħa, u “logħob u ġugarelli” koperti mit-trade mark preċedenti Nru 238 352, min-naħa l-oħra, huma identiċi.

99      Fil-fehma tagħha, il-fatt li ġie konkluż li dawn il-prodotti kienu identiċi juri n-nuqqas ta’ għarfien tad-diversi swieq ikkonċernati. B’mod partikolari, fir-rigward tal-“apparat imħaddem bil-muniti (logħob)”, ir-rikorrenti tenfasizza li dan huwa s-suġġett ta’ attività rregolata ħafna u huwa mmirat għall-adulti, li jikkostitwixxu pubbliku differenti minn dak li għalih huma intiżi l-ġugarelli jew il-board games. Hija żżid li, meta wieħed jilgħab fuq apparat imħaddem bil-muniti, tqum il-kwistjoni dwar jekk dan l-apparat għandux jiġi kkunsidrat bħala logħba jew ġugarell. Huwa għalhekk li sistema ta’ preżentata bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ tqajjem inevitabbilment mistoqsijiet peress li prodotti ma jaqgħux b’mod ċar fi klassi jew oħra.

100    L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw il-fondatezza ta’ din il-parti.

101    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-ebda argument speċifiku ma ġie żviluppat mir-rikorrenti sabiex tipprova turi li l-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod żbaljat li l-“magni tal-logħob” u l-“karti tal-logħob” koperti mit-trade mark ikkontestata u l-“logħob u ġugarelli” koperti mit-trade mark preċedenti Nru 238 352 kienu identiċi. Hija sempliċement tippreżenta, b’mod li ma tantx huwa ssostanzjat, argument dwar l-“apparat imħaddem bil-muniti (logħob)”, li ma huwiex identiku għal-“logħob” kopert mit-trade mark preċedenti Nru 238 352.

102    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, essenzjalment, il-Bord tal-Appell ikkunsidra fil-punt 60 tad-deċiżjoni kkontestata li t-termini ġenerali “logħob” u “ġugarelli”, li jiddeskrivu ċerti prodotti koperti mit-trade mark preċedenti Nru 238 352, jinkludu l-“magni tal-logħob; apparat imħaddem bil-muniti (logħob); karti tal-logħob”. Għalhekk, huwa qies li l-“logħob” u l-“ġugarelli”, koperti mit-trade mark preċedenti Nru 238 352, u l-“magni tal-logħob; apparat imħaddem bil-muniti (logħob); karti tal-logħob”, koperti mit-trade mark ikkontestata, kienu identiċi.

103    Din l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell għandha tintlaqa’.

104    Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-klassifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi ssir għal finijiet esklużivament amministrattivi, b’tali mod li l-prodotti u s-servizzi ma jistgħux jitqiesu li jixxiebhu għas-sempliċi raġuni li jidhru fl-istess klassi u ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala differenti għas-sempliċi raġuni li jidhru fi klassijiet differenti, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, prodotti jistgħu jiġu kkunsidrati bħala identiċi meta l-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark huma inklużi f’kategorija iktar ġenerali koperta mit-trade mark preċedenti (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Meric vs UASI – Arbora & Ausonia (PAM‑PIM’S BABY‑PROP), T‑133/05, EU:T:2006:247, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Issa, f’dan il-każ, kif isostni l-EUIPO, il-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata, li jaqgħu fil-klassi 28, li huma “magni tal-logħob”, “apparat imħaddem bil-muniti (logħob)” u “karti tal-logħob”, għandhom jitqiesu bħala inklużi fil-kategorija iktar ġenerali ta’ “logħob”, li jaqa’ wkoll fil-klassi 28, kopert mit-trade mark preċedenti Nru 238 352. Huwa evidenti li l-kunċett ġenerali ħafna ta’ “logħob” ikopri diversi tipi ta’ logħob, fosthom dawk koperti mit-trade mark ikkontestata msemmija iktar ’il fuq. Għalhekk il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat b’mod validu talli kkunsidra li l-prodotti li huma “magni tal-logħob; apparat imħaddem bil-muniti (logħob); karti tal-logħob”, koperti mit-trade mark ikkontestata u li jaqgħu fil-klassi 28, u l-“logħob”, kopert mit-trade mark preċedenti Nru 238 352 u li jaqa’ wkoll fil-klassi 28, kienu identiċi.

106    Fl-aħħar nett, l-argumenti tar-rikorrenti li l-“apparat imħaddem bil-muniti (logħob)” huwa s-suġġett ta’ attività rregolata ħafna u huwa mmirat għall-adulti, li jikkostitwixxu pubbliku differenti minn dak li għalih huma intiżi l-ġugarelli jew il-board games, ma humiex rilevanti. Fil-fatt, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 105 iktar ’il fuq, il-kategorija tal-“logħob”, kopert mit-trade mark preċedenti Nru 238 352, hija wiesgħa biżżejjed sabiex tinkludi l-“magni tal-logħob”, l-“apparat imħaddem bil-muniti (logħob)” u l-“karti tal-logħob”, koperti mit-trade mark ikkontestata, u, għaldaqstant, sabiex ikun jista’ jitqies li l-imsemmija prodotti koperti minn dawn iż-żewġ trade marks huma identiċi.

107    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ħames parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq is-sitt parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-iżball imwettaq mill-Bord tal-Appell sa fejn huwa kkunsidra li l-aġir tar-rikorrenti ma wassalx għal żieda fl-effikaċja amministrattiva

108    Fil-kuntest tas-sitt parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 73 tad-deċiżjoni kkontestata, li essenzjalment kien diffiċli li wieħed jara kif il-piż amministrattiv li għandha fuqha jista’ jitnaqqas permezz tal-preżentata mtennija ta’ trade mark identika għat-trade marks preċedenti. Fil-fehma tagħha, hija pproduċiet diversi provi, b’mod partikolari x-xhieda, li juru li din il-prattika ppermettitilha tkun amministrattivament iktar effikaċi, filwaqt li l-evalwazzjoni kuntrarja tal-Bord tal-Appell ma hija bbażata fuq l-ebda prova.

109    L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw il-fondatezza ta’ din il-parti.

110    F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 73 tad-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-konstatazzjoni tal-fatt li r-rikorrenti ma rrinunzjat għal ebda waħda mit-trade marks preċedenti tagħha, li fil-preżent huma koperti mit-trade mark ikkontestata. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell enfasizza li, hekk kif sostniet l-intervenjenti, iż-“żamma tat-trade marks identiċi eżistenti [kienet tinvolvi] akkumulazzjoni ta’ trade marks […], li [kienet] teżiġi żieda fix-xogħol amministrattiv u investiment ikbar minħabba, pereżempju, il-ħlas ta’ taxxi għall-preżentata u ta’ spejjeż għall-preżentata marbuta mar-rappreżentanti legali għal kull trade mark li għaliha saret applikazzjoni u li ġiet irreġistrata, l-ispejjeż ta’ taxxi għat-tiġdid għal kull trade mark, l-ispejjeż ta’ segwitu amministrattiv fi ħdan l-impriża tal-proprjetarju u għall-uffiċċju tal-avukati, l-ispejjeż ta’ sorveljanza u ta’ superviżjoni għad-diversi trade marks sabiex jiġi żgurat li l-ebda trade mark identika u/jew simili ma ġiet ippreżentata, kif ukoll l-ispejjeż marbuta mal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni mibdija sabiex jiddefendu kull waħda minn dawn id-diversi trade marks”.

111    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li l-Bord tal-Appell wettaq l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 73 tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma kellu l-iċken prova u billi bbaża ruħu biss fuq il-konvinzjoni tiegħu stess.

112    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li hija pproduċiet provi li jipprovaw l-effikaċja amministrattiva marbuta mal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, għandu jiġi kkonstatat li dan bl-ebda mod ma huwa sostnut. Fil-fatt, hija sempliċement tindika, minn naħa, li l-preżentata tat-trade mark ikkontestata “kienet il-mod kif ir-rikorrenti kienet tamministra l-portafoll enormi tagħha ta’ trade marks” u, min-naħa l-oħra, li hija tuża sistema kompjuterizzata ta’ reġistrazzjoni, b’tali mod li l-introduzzjoni ta’ trade mark addizzjonali f’din is-sistema ma hijiex att amministrattiv diffiċli.

113    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni kkonċernata, il-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-importanza tal-kwistjoni tal-prijorità mogħtija lil trade marks preċedenti meta l-proprjetarju tagħhom jkun qiegħed jieħu deċiżjoni fir-rigward tal-possibbiltà tat-tiġdid tagħhom, dan jista’ biss jiġi miċħud peress li huwa irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-piż amministrattiv li jaqa’ fuq ir-rikorrenti setax jitnaqqas permezz tal-preżentata mtennija ta’ trade mark identika għat-trade marks preċedenti.

114    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sitt parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq

115    Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell, l-ewwel, kiser id-dritt tagħha għal smigħ xieraq, minħabba li huwa bbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq ċerti aspetti tat-tilwima li huwa ma ppreżentax lir-rikorrenti, bi ksur tad-dritt għal proċedura imparzjali, it-tieni, iddeċieda bħala qorti tal-ewwel istanza, u b’hekk iċaħħadha minn livell ta’ appell, u, it-tielet, ħa inkunsiderazzjoni każijiet oħra li jikkonċernaw it-trade marks preċedenti mingħajr ma informa lir-rikorrenti b’dan il-fatt.

116    L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw il-fondatezza tat-tieni motiv.

117    Preliminarjament, għandu jitfakkar, fir-rigward tal-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq invokat mir-rikorrenti, li, skont il-ġurisprudenza, hija prekluża l-applikazzjoni tad-dritt għal “smigħ” xieraq għall-proċedimenti quddiem il-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO, peress li dawn il-proċedimenti ma humiex ta’ natura ġudizzjarja, iżda ta’ natura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2014, Comptoir d’Épicure vs UASI – A‑Rosa Akademie (da rosa), T‑405/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1072, punt 71, u tat‑3 ta’ Mejju 2018, Raise Conseil vs EUIPO – Raizers (RAISE), T‑463/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:249, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li t-tieni motiv tar-rikorrenti, sa fejn dan huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

118    Anki jekk jitqies li t-tieni motiv għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rikorrenti tinvoka ksur tad-dritt għal smigħ tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2017/1001), dan għandu jiġi miċħud ukoll.

119    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, id-deċiżjonijiet tal-EUIPO għandhom ikunu bbażati biss fuq motivi jew provi li fuqhom il-partijiet kellhom il-possibbiltà li jieħdu pożizzjoni. Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi applikazzjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, stabbilit, barra minn hekk, fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li l-persuni li l-interessi tagħhom huma affettwati minn deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jesprimu effettivament l-opinjoni tagħhom (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2013, Piotrowski vs UASI (MEDIGYM), T‑33/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:71, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    Id-dritt għal smigħ previst fl-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 jestendi għall-punti kollha ta’ fatt jew ta’ liġi li jikkostitwixxu l-bażi tal-att deċiżjonali, iżda mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni għandha l-intenzjoni li tadotta (ara d-digriet tat‑8 ta’ Settembru 2015, DTL Corporación vs UASI, C‑62/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:568, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    Għandu jingħad ukoll li, f’dan il-każ, kif isostnu, essenzjalment, kemm l-EUIPO kif ukoll l-intervenjenti, mill-iżvolġiment tal-proċedimenti li seħħew quddiem l-istanzi tal-EUIPO jirriżulta li l-partijiet kellhom l-okkażjoni li jiddiskutu aspetti differenti ta’ dan il-każ. Għalhekk, fit‑12 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentat ix-xhieda. Is-seduta quddiem il-Bord tal-Appell seħħet fid‑19 ta’ Novembru 2018. Fil‑21 ta’ Jannar 2019, l-intervenjenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar il-proċess verbal u l-kontenut tal-proċedura orali, li permezz tagħhom hija talbet li x-xhieda ma tiġix ikkunsidrata, u r-rikorrenti rrispondiet għalihom fit‑22 ta’ Frar 2019.

122    Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li hija ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tiddeċiedi dwar ċerti aspetti tat-tilwima li fuqhom il-Bord tal-Appell ibbaża l-pożizzjoni finali tiegħu. Għaldaqstant, indipendentement mill-fatt li ma tantx huwa ssostanzjat, l-argument tar-rikorrenti li hija ma ġietx speċifikament mistoqsija dwar ċerti aspetti tat-tilwima ma jistax jintlaqa’.

123    Fl-aħħar nett, fi kwalunkwe każ, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-drittijiet tad-difiża ma jinkisrux minħabba xi irregolarità proċedurali ħlief jekk din ikollha effett konkret fuq il-possibbiltà għall-impriżi inkwistjoni li jiddefendu lilhom innifishom. B’hekk, in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli fis-seħħ intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tad-difiża jista’ jivvizzja l-proċedura amministrattiva biss jekk jiġi stabbilit li din setgħet twassal għal riżultat differenti kieku r-regoli ġew osservati (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2009, Jurado Hermanos vs UASI (JURADO), T‑410/07, EU:T:2009:153, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma ssemmi l-ebda fatt u ma tippreżenta l-ebda argument li jista’ juri li, kieku hija kienet ġiet ikkonsultata mill-Bord tal-Appell dwar ċerti aspetti tat-tilwima, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti. Hija la tipprovdi ebda informazzjoni dwar il-possibbiltajiet li tiddefendi ruħha, li ġiet imċaħħda minnhom, u lanqas dwar il-provi li hija kienet tipproduċi jew issostni li kieku kellha l-opportunità tieħu pożizzjoni dwar il-mistoqsijiet li, fil-fehma tagħha, kellhom jiġu magħmula lilha.

125    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi miċħud it-tieni motiv u, għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud ir-rikors kollu kemm hu, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-argument tal-intervenjenti li jeċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ ċerti annessi prodotti mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Fuq l-ispejjeż

126    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-EUIPO u tal-intervenjenti.

127    Barra minn hekk, l-intervenjenti talbet li r-rikorrenti tiġi kkundannata tirrimborsaha l-ispejjeż li hija sostniet għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. Għaldaqstant, it-talba tal-intervenjenti intiża sabiex ir-rikorrenti tiġi kkundannata tirrimborsa l-ispejjeż indispensabbli sostnuti minnha għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO għandha tintlaqa’.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Hasbro, Inc., hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti minn Kreativni Događaji d.o.o. għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem it-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).

Marcoulli

Frimodt Nielsen

Schwarcz

Iliopoulos

 

      Norkus

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑21 ta’ April 2021.

 

Firem      

 

*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.