Language of document : ECLI:EU:C:2017:595

Kawża C696/15 P

IrRepubblika Ċeka

vs

IlKummissjoni Ewropea

“Appell – Trasport – Direttiva 2010/40/UE – Varar ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq – Artikolu 7 – Delega ta’ setgħa lill-Kummissjoni Ewropea – Limiti – Regolament ta’ Delega (UE) Nru 885/2013 – Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar il-postijiet ta’ parkeġġ bla perikolu u sikuri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali – Regolament ta’ Delega (UE) Nru 886/2013 – Data u proċeduri għall-forniment ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza fit-toroq mingħajr ħlas għall-utenti – Artikolu 290 TFUE – Delimitazzjoni espliċita tal-objettivi, tal-kontenut, tal-kamp ta’ applikazzjoni u tat-tul tad-delega ta’ setgħa – Element essenzjali tal-qasam ikkonċernat – Ħolqien ta’ korp ta’ kontroll”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas‑26 ta’ Lulju 2017

1.        Trasport – Trasport bit-triq – Sistemi ta’ trasport intelliġenti – Obbligu għall-Istati Membri li jvaraw applikazzjonijiet u servizzi ta’ tali sistemi – Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/40; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 885/2013 u Nru 886/2013)

2.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjoni ta’ regolament ta’ implementazzjoni fid-dawl tar-regolament bażiku

3.        Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Setgħa mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti ddelegati – Neċessità għal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiddelimita b’mod ċar din is-setgħa fl-att leġiżlattiv bażiku – Portata

(It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/40, Artikoli 6 u 7)

4.        Appell – Aggravji – Motivi ta’ sentenza vvizjati bi ksur tad-dritt tal-Unjoni – Dispożittiv ibbażat fuq motivi oħra ta’ liġi – Ċaħda

(Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

5.        Appell – Aggravji – Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Użu ta’ motivazzjoni impliċita mill-Qorti Ġenerali – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

6.        Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Setgħa mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti ddelegati – Obbligu li ma jinbidlux elementi essenzjali tal-att leġiżlattiv bażiku – Klassifikazzjoni tal-elementi essenzjali – Teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi u tal-ispeċifiċitajiet tal-qasam ikkonċernat – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

(It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE)

1.      Ir-Regolament Nru 885/2013, li jissuplimenta d-Direttiva 2010/40 fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali, u r-Regolament Nru 886/2013, li jissupplimenta din id-direttiva fir-rigward tad-dejta u l-proċeduri għall-forniment, fejn possibbli, ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza b’xejn lill-utenti, ma jinkludu ebda dispożizzjoni li tipprevedi obbligu espress fir-rigward tal-Istati Membri sabiex ivaraw l-applikazzjonijiet u s-servizzi ta’ sistemi fil-qasam tat-trasport intelliġenti fit-territorju tagħhom. Fil-fatt, mir-riferiment għad-Direttiva 2010/40 li jinsab fl-Artikolu 1 ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti jirriżulta mingħajr ebda dubju li dawn tal-aħħar jobbligaw biss lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-ispeċifikazzjonijiet li jinsabu f’dawn ir-regolamenti japplikaw għall-applikazzjonijiet u għas-servizzi fil-qasam tat-trasport intelliġenti meta dawn ikunu varati.

(ara l-punti 25, 30)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 33)

3.      Għalkemm, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2010/40, dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport, il-Kummissjoni għandha tadotta l-ispeċifikazzjonijiet neċessarji sabiex tiżgura l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità bil-għan tal-varar u tal-użu operattiv tas-sistemi ta’ trasport intelliġenti, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tal-Artikolu 290 TFUE, is-setgħa ta’ delega msemmija fl-Artikolu 7 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza lill-Kummissjoni taqbeż il-kuntest previst fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, li jiddelimita b’mod espliċitu mhux biss, fil-paragrafu (1) tiegħu, l-għan tal-ispeċifikazzjonijiet, iżda wkoll il-kontenut u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, billi jiddetermina espressament, b’mod partikolari fil-paragrafu (4), il-miżuri li jistgħu jkunu s-suġġett tagħhom.

Fil-fatt, skont l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE l-atti leġiżlattivi għandhom jiddelimitaw espliċitament mhux biss l-objettivi, iżda wkoll il-kontenut, il-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul tad-delega ta’ setgħa. Dan ir-rekwiżit jimplika li għoti ta’ setgħa ddelegata huwa intiż għall-adozzjoni ta’ regoli li jagħmlu parti mill-qafas regolatorju kif iddefinit fl-att leġiżlattiv bażiku. Barra minn hekk, id-delimitazzjoni tas-setgħa mogħtija għandha tkun suffiċjentement preċiża, fis-sens li din għandha tindika b’mod ċar il-limiti ta’ din is-setgħa u għandha tkun ta’ natura li tissuġġetta l-użu li jsir minnha mill-Kummissjoni għal kontroll fir-rigward tal-kriterji oġġettivi stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li l-unika restrizzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu fil-kuntest tal-amministrazzjoni ta’ delega ta’ setgħa tikkonsisti fil-projbizzjoni li jiddelega l-adozzjoni ta’ elementi essenzjali tal-qasam ikkonċernat. Ċertament, l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE tippermetti lil-leġiżlatur tal-Unjoni jikkonferixxi lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni sabiex teżerċita s-setgħa ddelegata lilha, li jista’, abbażi tal-karatteristiċi tal-qasam ikkonċernat, ikun iktar jew inqas estiż. Madankollu, delega ta’ setgħa fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE – u kull marġni ta’ diskrezzjoni eventwali li din timplika – għandha tkun inkwadrata minn limiti stabbiliti fl-att bażiku.

(ara l-punti 47‑50, 52)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 56)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 72)

6.      Skont it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE, l-elementi essenzjali ta’ qasam għandhom ikunu rriżervati għall-att leġiżlattiv u għaldaqstant ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ delega. Element ikun ta’ natura essenzjali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari jekk l-adozzjoni tiegħu tkun teħtieġ għażliet politiċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet stess tal-leġiżlatur tal-Unjoni, inkwantu din timplika ponderazzjoni tal-interessi diverġenti inkwistjoni abbażi ta’ evalwazzjonijiet multipli, jew jekk din tippermetti interferenzi fi drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati ta’ tali importanza li l-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni jkun neċessarju.

F’dan ir-rigward, billi tistipola espliċitament li l-elementi essenzjali ta’ qasam huma rriżervati għall-att leġiżlattiv u għaldaqstant ma jistgħux ikunu s-suġġet ta’ delega, it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE tiddelimita d-diskrezzjonalità li minnha jgwadi l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tal-amministrazzjoni ta’ delega ta’ setgħa. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija intiża tiżgura li d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw tali elementi jkunu rriżervati għal dan il-leġiżlatur. Għaldaqstant, fil-każ fejn il-qorti tal-Unjoni ma teżaminax il-kwistjoni dwar jekk ċertu aspett tal-att leġiżlattiv bażiku jikkostitwixxix jew le element essenzjali tiegħu, iżda tillimita ruħha tirreferi għall-portata tad-delega ta’ setgħa msemmija f’dan l-att leġiżlattiv, għandu jiġi kkonstatat li hija tikser it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li din id-dispożizzjoni teżiġi, il-qorti tal-Unjoni ma żguratx ruħha li l-adozzjoni ta’ regoli dwar elementi essenzjali tal-qasam ikkonċernat baqgħet irriżervata għal-leġiżlatur tal-Unjoni u ma kinitx is-suġġett ta’ delega ta’ setgħa.

(ara l-punti 75, 78, 81‑83)