Language of document : ECLI:EU:C:2016:430

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fid-9 ta’ Ġunju 2016 (1)

Kawżi Magħquda C‑401/15 sa C‑403/15

Noémie Depesme (C‑401/15),

Saïd Kerrou (C‑401/15)

Adrien Kauffmann (C‑402/15)

Maxime Lefort (C‑403/15)

vs

Ministre de l’Enseignement supérieur et de la Recherche

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour administrative (Luxembourg) (qorti amministrattiva il-Lussemburgu)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Ugwaljanza fit-trattament – Vantaġġi soċjali – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(2) – Għajnuna finanzjarja għal studji f’edukazzjoni ogħla – Kundizzjoni – Diskriminazzjoni – Rabta ta’ filjazzjoni – Kunċett ta’ ‘wild’ – Ġenitur tat-tieni żwieġ”





I –    Introduzzjoni

1.        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (2).

2.        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ tliet kawżi bejn, rispettivament, Noémie Depesme flimkien ma’ Saïd Kerrou, Adrien Kauffmann flimkien ma’ Maxime Lefort u l-Ministre de l’Enseignement supérieur et de la Recherche (il-Ministru għall-edukazzjoni ogħla u għar-riċerka) (iktar 'il quddiem il-“Ministru”) dwar ir-rifjut tal-għoti, għas-sena akkademika 2013/2014, ta’ għajnuna finanzjarja għal studji f’edukazzjoni ogħla.

3.        Dawn it-talbiet jidħlu fil-kuntest tal-emendi li twettqu fil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża wara s-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411).

4.        Permezz tad-domanda mressqa, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet sabiex tiddettermina jekk il-kunċett ta’ “wild” ta’ ħaddiem migrant li jidher fl-Artikolu 2bis tal-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000, dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla, kif emendata bil-liġi tad-19 ta’ Lulju 2013 (Mémorial A 2013, p. 3124), adottata wara s-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), jinkludix ukoll it-tfal miż-żwieġ preċedenti tal-konjuġi ta’ dan il-ħaddiem (3).

5.        Fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-termini “iben miż-żwieġ preċedenti tal-konjuġi”, “bint miż-żwieġ preċedenti tal-konjuġi” jew “ulied miż-żwieġ preċedenti tal-konjuġi”, għandhom jinftehmu fis-sens li jipprevedu r-relazzjoni bejn wild u l-persuna li żżewġet lil ommhom jew lil missierhom jew li magħhom din il-persuna daħlet fi sħubija ċivili ekwivalenti għaż-żwieġ.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament Nru 492/2011

6.        L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jipprevedi dan li ġej:

“1.   Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.     Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.

[…]”

2.      Id-Direttiva 2004/38/KE

7.        Il-kunċett ta’ “membru tal-familja” ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa ddefinit fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (4). Skont din id-dispożizzjoni, il-“membru tal-familja” huwa:

“a)   ir-raġel jew martu [il-konjuġi];

b)      is-sieħeb/sieħba li daħal/daħlet f’kuntratt ta’ unjoni reġistrata maċ-ċittadin/a ta’ l-Unjoni, skond il-bażi tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, jekk il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti tikkonsidra bħala ugwali għal żwieġ l-unjonijiet reġistrati u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti ta’ l-Istat Membru ospitanti;

c)      id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

d)      il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b)”.

B –    Id-dritt Lussemburgiż

8.        L-Artikolu 2 tal-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000, dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla, kif emendata bil-Liġi tas‑26 ta’ Lulju 2010 (Mémorial A 2010, p. 2040) (iktar 'il-quddiem, il-“Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000”), kien jipprovdi:

“Benefiċjarji tal-għajnuna finanzjarja

Jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla, l-istudenti awtorizzatti li jkomplu l-istudji tagħhom f’edukazzjoni ogħla u li jissodisfaw wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

a)      ikunu ċittadini Lussemburgiżi jew membri tal-familja ta’ ċittadin Lussemburgiż u jkollhom id-domiċilju tagħhom fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, jew

b)      ikunu ċittadini ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew ta’ wieħed mill-Istati l-oħra li huma partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3)], u tal-Konfederazzjoni Svizzera u jkunu residenti, skont il-Kapitolu 2 tal-Liġi emendata tad‑29 ta’ Awwissu 2008, dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-immigrazzjoni, fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu bħala ħaddiem impjegat, bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu, bħala persuna li żżomm dan l-istatus jew bħala membru tal-familja ta’ waħda mill-kategoriji ta’ persuni elenkati hawn fuq, jew li jkunu kisbu d-dritt ta’ residenza permanenti […]

[…]”

9.        Wara s-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), il-punt 1 tal-Artikolu 1 tal-Liġi tad‑19 ta’ Lulju 2013 (Mémorial A 2013, p. 3214) inkluda fil-Liġi tat‑22 ta’ Ġunju 2000, Artikolu 2bis li jipprovdi kif ġej:

“Student li ma huwiex residenti fil-Grand Dukat tal-Lussemburgu jista’ jibbenefika wkoll mill-għajnuna finanzjarja għal studji f’edukazzjoni ogħla, suġġett għall-kundizzjoni li jkun il-wild ta’ ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu, ċittadin Lussemburgiż jew ċittadin tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat ieħor parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Konfederazzjoni Svizzera, impjegat jew li jwettaq l-attività tiegħu fil-Lussemburgu, u li dan il-ħaddiem ikun ilu impjegat jew ikun wettaq l-attività tiegħu fil-Lussemburgu għal perijodu mhux interrot ta’ mill-inqas ħames snin fil-mument li fih tkun saret it-talba għal għajnuna finanzjarja għal studji f’edukazzjoni ogħla mill-istudent. L-impjieg fil-Lussemburgu għandu jkun mill-inqas daqs in-nofs tal-perijodu ta’ xogħol normali applikabbli fl-impriża abbażi tal-liġi jew tal-ftehim kollettiv tax-xogħol li huwa fis-seħħ, jekk ikun il-każ. Il-ħaddiem li jaħdem għal rasu jrid ikun baqa’, b’mod obbligatorju u b’mod kontinwu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu abbażi tal-punt 4 tal-Artikolu 1 tal-Code de la sécurité sociale (kodiċi tas-sigurtà soċjali), waqt il-ħames snin preċedenti għat-talba għal għajnuna finanzjarja għal studji f’edukazzjoni ogħla.”

10.      Madankollu, il-Liġi tat‑22 ta’ Ġunju 2000, kif emendata bil-Liġi tad‑19 ta’ Ġunju 2013 (iktar ’il quddiem il-“Liġi tat‑22 ta’ Ġunju kif emendata”), malajr tħassret mil-Liġi tal‑24 ta’ Lulju 2014, dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla (Mémorial A 2014, p. 2188).

11.      Issa, l-Artikolu 3 ta’ din il-liġi tal-aħħar jipprovdi kif ġej:

“Jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja mill-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla, l-istudenti ddefiniti fl-Artikolu 2, deskritti minn issa 'il quddiem bit-terminu “l-istudent”, u li jissodisfaw waħda mir-rekwiżiti li ġejjin:

[…]

(5)      għall-istudenti mhux residenti fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu:

a)      li tkun ħaddiem ċittadin Lussemburgiż jew ċittadin tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat ieħor parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Konfederazzjoni Svizzera impjegat jew li jwettaq l-attività tiegħu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, fil-mument tat-talba tiegħu għal għajnuna finanzjarja għal studji f’edukazzjoni ogħla; jew

b)      li tkun il-wild ta’ ħaddiem ċittadin Lussemburgiż jew ċittadin tal-Unjoni Ewropeja jew ta’ Stat ieħor parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Konfederazzjoni Svizzera impjegat jew li jwettaq l-attività tiegħu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu fil-mument li fih tressqet it-talba mill-istudent għal għajnuna finanzjarja għal edukazzjoni ogħla, taħt il-kundizzjoni li dan il-ħaddiem ikompli jikkontribwixxi għall-manteniment tal-istudent u li dan il-ħaddiem ikun ilu impjegat jew ikun wettaq l-attività tiegħu fil-Lussemburgu għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin fil-mument li fih tkun saret it-talba għal għajnuna finanzjarja għal studji f’edukazzjoni ogħla mill-istudent waqt perijodu ta’ referenza ta’ seba’ snin li jibdew jiddekorru retroattivament mid-data tat-talba għall-kisba tal-għajnuna finanzjarja għal studji f’edukazzjoni ogħla jew li, b’deroga, il-persuna li għandha l-istatus ta’ ħaddiem ikun issodisfa l-kriterju ta’ ħames snin fuq seba’ stabbilit minn qabel fil-mument li ntemmet l-attività.”

III – Il-fatti tal-kawża

12.      N. Depesme hija t-tifla miż-żwieġ preċedenti tal-konjuġi ta’ S. Kerrou, ħaddiem bejn il-fruntieri fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Huma jgħixu f’Mont-Saint-Martin fil-Lorraine (Franza), viċin tal-fruntiera Gran Dukali. N. Depesma talbet għajnuna finanzjarja mill-Istat Lussemburgiż għal studji f’edukazzjoni ogħla bl-intenzjoni li tidħol fl-ewwel sena tal-kors tal-mediċina fl-Università ta’ Lorraine f’Nancy (Franza).

13.      A. Kauffmann huwa t-tifel miż-żwieġ preċedenti tal-konjuġi ta’ P. Kiefer, li huwa wkoll ħaddiem bejn il-fruntieri fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Huma jirresjedu f’Marly Freskaty (Franza), fir-reġjun tal-fruntiera ta’ Lorraine. A. Kauffmann talab, għall-istudji tiegħu fil-liġi u l-ekonomija fil-Università ta’ Lorraine f’Nancy l-għajnuna finanzjarja mill-Istat Lussemburgiż għal studji f’edukazzjoni ogħla.

14.      M. Lefort huwa t-tifel miż-żwieġ preċedenti tal-konjuġi ta’ M. Terwoigne, li huwa wkoll ħaddiem bejn il-fruntieri fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu. M. Terwoigne żżewweġ lil omm M. Lefort wara li mietet l-ewwel konjuġi tiegħu. Huma jirresjedu f’Vance (il-Belġju), fil-parti tal-provinċja Luxembourg li tinsab mal-fruntiera tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Għall-istudji tiegħu fis-soċjoloġija u fl-antropoloġija fl-Université catholique de Louvain f’Louvain-la-Neuve (il-Belġju) M. Lefort talab għajnuna finanzjarja mill-Istat Lussemburgiż għal studji f’edukazzjoni ogħla.

15.      Fil-verżjoni tal-Liġi tat‑22 ta’ Ġunju 2000 kif emendata applikabbli għall-fatti tal-kawżi prinċipali, l-għajnuna finanzjarja mitluba tingħata lill-istudenti li ma jirresjedux fit-territorju Lussemburgiż taħt il-kundizzjoni li, minn naħa, il-benefiċċjarju tagħha jkun il-wild ta’ ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu, ċittadin Lussemburgiż jew ċittadin tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li dan il-ħaddiem kien impjegat jew wettaq l-attività tiegħu fil-Lussemburgu waqt perijodu mhux interrot ta’ mill-inqas ħames snin fil-mument tat-talba.

16.      Permezz ta’ ittri tas‑26 ta’ Settembru, tas‑17 ta’ Ottubru u tat-12 ta’ Novembru 2013, il-Ministru rrifjuta li jilqa’ t-talbiet ta’ N. Depesme, ta’ A. Kauffmann u ta’ M. Lefort minħabba l-fatt li ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti mil-liġi tat‑22 ta’ Ġunju 2000 kif emendata. Skont id-deċiżjonijiet tar-rinviju, il-Ministru kkunsidra li N. Depesme, A. Kauffman u M. Lefort ma setgħux jikkwalifikaw bħala l-“ulied” ta’ ħaddiem bejn il-fruntieri peress li kienu biss il-konjuġi tal-ġenituri tagħhom li kienu jaħdmu fil-Lussemburgu.

17.      Fl‑20 ta’ Diċembru 2013, N. Depesme ppreżentat rikors kontenzjuż quddiem it-tribunal administratif de Luxembourg (qorti amministrattiva tal-Lussemburgu) intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda li tikkonċernaha. Ir-raġel ta’ ommha, S. Kerrou, iddikjarja li kien ser jintervjeni b’mod voluntarju f’din l-istanza. Fl‑20 ta’ Jannar u fil‑25 ta’ April 2014, kemm M. Lefort u kif ukoll A. Kauffmann ippreżentaw rikors simili kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda li jikkonċernawhom.

18.      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑15 ta’ Jannar 2015, it-tribunal administratif de Luxembourg iddikjara r-rikorsi ta’ N. Depesme, ta’ A. Kauffmann u ta’ M. Lefort ammissibbli iżda mhux fondati. N. Depesme, S. Kerrou u A. Kauffmann u M. Lefort ikkontestaw dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-qorti tar-rinviju.

19.      Quddiem il-qorti tar-rinviju, N. Depesme u S. Kerrou sostnew b’mod partikolari li dan tal-aħħar, ħaddiem bejn il-fruntieri fil-Lussemburgu għal 14-il sena, iżżewweġ, fl‑24 ta’ Mejju 2006, lil omm N. Depesme. Minn dak iż-żmien, huma jgħixu t-tlieta li huma fl-istess dar, u S. Kerrou jikkontribwixxi għall-manteniment ta’ wild żewġu, inklużi l-ispejjeż għal edukazzjoni ogħla. Barra minn hekk, huwa kien irċieva allowances tal-familja Lussemburgiżi għal dan il-wild, qabel ma bdiet l-istudji tagħha f’edukazzjoni ogħla.

20.      A. Kauffmann sostna li l-ġenituri tiegħu sseparaw fis-sena 2003 u li ddivorzjaw fl‑20 ta’ Ġunju 2005. Il-kustodja esklussiva tal-ulied ingħatat lil ommu. Hija żżewġet lil P. Kiefer fl‑10 ta’ Marzu 2007. Minn dak inhar ’l hawn, huma jgħixu, it-tlieta li huma, fl-istess dar. P. Kiefer ikkontribwixxa għall-manteniment tiegħu u għall-edukazzjoni tiegħu. Huwa ngħata wkoll allowances tal-familja Lussemburgiżi għal A. Kauffmann.

21.      Fl-aħħar nett, M. Lefort isostni li missieru mejjet. Ommu ilha miżżewġa ma’ M. Terwoigne, ħaddiem bejn il-fruntieri fil-Lussemburgu, għal iktar minn 5 snin. Minn dak iż-żmien ’l hawn, huwa jgħix ma’ ommu u l-missier putattiv tiegħu M. Terwoigne li jikkontribwixxi b’mod sħiħ għall-oneri finanzjarji domestiċi. Huwa jħallas ukoll l-ispejjeż tal-istudji f’edukazzjoni ogħla ta’ M. Lefort.

22.      Bħala risposta għal dawn l-argumenti fattwali, l-Istat Lussemburgiż isostni li N. Depesme kif ukoll A. Kauffmann u M. Lefort ma humiex “ġuridikament” il-wild tal-konjuġi tal-ġenituri putattivi tagħhom.

23.      Fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tagħha, il-Cour administrative du Grand-Duché de Luxembourg tenfasizza li l-Artikolu 2bis tal-Liġi tat‑22 ta’ Ġunju 2000 kif emendata huwa l-konsegwenza tas-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411). Skont il-qorti tar-rinviju, il-punt kontenzjuż tal-kawżi mressqa quddiemha ma huwiex il-kundizzjonijiet għall-għoti previsti mil-liġi l-ġdida, iżda l-kunċett innifsu ta’ “wild” li tuża l-liġi u li għaliha tirreferi sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata iktar 'il fuq. Issa, ir-rabta ta’ filjazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata kemm minn perspettiva ġuridika kif ukoll ekonomika.

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour administrative du Grand-Duché de Luxembourg ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV – It-talbiet għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.      Permezz ta’ tliet deċiżjonijiet tat‑22 ta’ Lulju 2015, li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Lulju 2015, il-Cour administrative du Grand-Duché de Luxembourg ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, tliet domandi preliminari redatti f’termini identiċi ħlief għal differenza waħda.

26.      Fil-fatt, fil-Kawża C‑403/15, Lefort, il-qorti tar-rinviju żżid mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati fiż-żewġ kawżi l-oħra, lill-Artikolu 33(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-“Karta”), flimkien, jekk ikun il-każ, mal-Artikolu 7 tagħha.

27.      Id-domanda mressqa fil-verżjoni l-iktar kompleta tagħha tipprovdi kif ġej:

“Bl-għan li jiġu ssodisfatti b’mod effettiv ir-rekwiżiti ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 45(2) TFUE, [fuq il-bażi tal-Artikolu 33(1) tal-Karta, flimkien, jekk ikun il-każ, mal-Artikolu 7 tiegħu], fil-kuntest tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-livell reali ta’ rabta ta’ student mhux residenti, li jitlob għajnuna finanzjarja għal studji ta’ edukazzjoni ogħla, mas-soċjetà u mas-suq tax-xogħol tal-Lussemburgu, Stat Membru fejn ħaddiem bejn il-fruntieri kien impjegat jew eżerċita l-attività tiegħu fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2bis tal-Liġi, tat‑22 ta’ Ġunju 2000, dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji ta’ edukazzjoni ogħla, kif miżjud bil-Liġi tad‑19 ta’ Lulju 2013 bħala konsegwenza diretta tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal‑20 ta’ Ġunju 2013 [Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411)],

–        il-kundizzjoni li l-imsemmi student ikun il-‘wild’ tal-imsemmi ħaddiem bejn il-fruntieri għandha tiġi kklassifikata li hija ekwivalenti għal dik li huwa jkun “id-dixxendent [tiegħu] fil-linja diretta u fl-ewwel livell fejn il-filjazzjoni tiegħu tkun ġuridikament stabbilita fir-rigward tal-awtur tagħha” billi ssir enfasi fuq ir-rabta ta’ filjazzjoni stabbilita bejn l-istudent u l-ħaddiem bejn il-fruntieri, preżunta li sservi ta’ bażi għar-rabta msemmija iktar ’il fuq, jew

–        għandha ssir enfasi fuq il-fatt li l-ħaddiem bejn il-fruntieri “jkompli jipprovdi l-manteniment tal-istudent” mingħajr ma jkun hemm neċessarjament rabta ġuridika ta’ filjazzjoni li torbtu mal-istudent, b’mod partikolari billi tiġi stabbilita rabta suffiċjenti ta’ ħajja komuni, tali li tgħaqqdu ma’ dak il-ġenitur tal-istudent li fir-rigward tiegħu tinsab ġuridikament stabbilita rabta ta’ filjazzjoni?

F’din it-tieni perspettiva, il-kontribuzzjoni, b’ipoteżi mhux obbligatorja, tal-ħaddiem bejn il-fruntieri, fil-każ fejn din ma tkunx esklużiva, iżda parallela għal dik tal-ġenitur jew tal-ġenituri marbuta permezz ta’ rabta ġuridika ta’ filjazzjoni mal-istudent u marbuta, għaldaqstant, bħala prinċipju, b’obbligu legali ta’ manteniment fir-rigward tiegħu, għandha tissodisfa ċerti kriterji ta’ konsistenza?”

28.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn N. Depesme, S. Kerrou, A. Kauffmann u M. Lefort, mill-Gvern Lussemburgiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Fi tmiem il-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kellha informazzjoni biżżejjed sabiex tkun tista’ tiddeċiedi mingħajr ma ssir seduta għas-sottomissjonijiet orali, konformement mal-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

V –    Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari fuq is-sentenza Giersch et u r-regolament applikabbli

1.      Is-sentenza Giersch et

29.      Il-qorti tar-rinviju tenfassizza f’diversi okkażjonijiet ir-rabta li teżisti bejn is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411) u l-emendi tal-liġi li tirrigwarda l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla. Din ir-rabta hija kkonfermata b’mod espliċitu fis-sunt tal-motivi tal-Abbozz ta’ liġi Nru 6585 li ta lok għal-Liġi tad‑19 ta’ Lulju 2013 (5).

30.      Fir-rigward tal-problema fil-qofol tal-kawżi prinċipali, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja stess, fil-punt 39 tas-sentenza tagħha tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), tfakkar ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li “l-finanzjament tal-edukazzjoni mogħti minn Stat Membru lill-ulied ta’ ħaddiema jikkostitwixxi, għal ħaddiem migrant, vantaġġ soċjali fis-sens tal-[…]Artikolu 7(2) [tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal‑15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (6), kif emendat bid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad‑29 ta’ April 2004 (7)]” (8).

31.      Hija kkonfermat ukoll li l-membri tal-familja ta’ ħaddiem migrant huma l-benefiċjarji indiretti tal-ugwaljanza fit-trattament mogħti lil ħaddiem permezz tal-imsemmi Artikolu 7(2) u li, “[p]eress li l-għoti ta’ finanzjament għall-edukazzjoni għal wild ta’ ħaddiem migrant jikkostitwixxi għall-ħaddiem migrant vantaġġ soċjali, il-wild jista’ juża din id-dispożizzjoni huwa nnifsu sabiex jikseb dan il-finanzjament jekk, skont id-dritt nazzjonali, dan jingħata direttament lill-istudent” (9).

2.      Ir-regolament applikabbli

32.      Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. Issa, fis-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għar-Regolament Nru 1612/68.

33.      Madankollu, din id-differenza ma għanda l-ebda impatt fuq ir-rilevanza tas-sentenza lejn il-kawżi prinċipali. Fil-fatt, għalkemm ir-Regolament Nru 1612/68 tħassar u ġie ssostitwit b’effett mill-15 ta’ Ġunju 2011, mir-Regolament Nru 492/2011, l-Artikolu 7 huwa kompletament identiku fiż-żewġ regolamenti (10).

B –    Fuq id-domanda preliminari

34.      Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju għandha ssir, qabel kollox, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “wild” ta’ ħaddiem migrant.

35.      Dan il-kunċett, hekk kif jidher fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 [li sar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011], jipprevedi b’mod esklussiv ir-rabta ta’ filjazzjoni ġuridika jew jinkudi wkoll it-“tfal tar-raġel jew tal-mara [ulied miż-żwieġ preċedenti tal-konjuġi]” tal-ħaddiem, jiġifieri lit-tfal ta’ żewġu, mingħajr ma jkun hemm neċessarjament rabta ġuridika bejniethom?

36.      Huwa biss fil-każ fejn tiġi aċċettata t-tieni ipoteżi – fl-opinjoni tiegħi – li sussegwentement ikollna nistaqsu dwar ir-rekwiżit eventwali ta’ ċerta kontribuzzjoni mill-ħaddiem bejn il-fruntieri lejn il-manteniment tal-wild.

1.      Fuq il-kunċett ta’ “wild” tal-ħaddiem migrant

37.      Hemm żewġ konstatazzjonijiet li jistgħu jiggwidaw l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

38.      Minn naħa, huwa paċifiku, f’ġurisprudenza stabbilita, li l-finanzjament tal-edukazzjoni mogħti minn Stat Membru lejn l-ulied tal-ħaddiema jikkostitwixxi għal ħaddiem migrant benefiċċju soċjali fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 meta dan ikompli jikkontribwixxi għall-manteniment tal-wild (11). Barra minn hekk, il-membri tal-familja tiegħu ġew rikonoxxuti bħala benefiċjarji indiretti tal-ugwaljanza fit-trattament prevista f’dan l-artikolu (12).

39.      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1612/68, il-konjuġi ta’ ħaddiem residenti ta’ Stat Membru “u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew huma dipendenti” għandhom id-dritt jistabbilixxu ruħhom miegħu fit-territorju ta’ Stat Membru, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom.

40.      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat dan, “id-dritt li jistabbilixxu ruħhom mal-ħaddiem migrant li jgawdu ‘il-mara [il-konjuġi] tiegħu u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew huma dipendenti” għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika kemm għad-dixxendenti ta’ dan il-ħaddiem u kif ukoll għal dawk tal-konjuġi tiegħu. Fil-fatt, interpretazzjoni stretta ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens li huma biss it-tfal komuni tal-ħaddiem migrant u ta’ żewġu li għandhom id-dritt li jistabilixxu ruħhom magħhom imur kontra l-għan [tal-integrazzjoni tal-membri tal-familja tal-ħaddiema migranti] tar-Regolament Nru 1612/68” (13).

41.      Huwa minnu li, bl-emenda tar-Regolament Nru 1612/68 bid-Direttiva 2004/38, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 tħassar (14). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, din id-dispożizzjoni reġgħet intużat favur iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 u li, min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreċiża d-definizzjoni formali ta’ “dixxendenti” billi aċċetta l-interpretazzjoni wiesgħa tal-Qorti tal-Ġustizzja.

42.      Fil-fatt, skont il-punt 2(c) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, huma kkunsidrati bħala membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni “id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba” (15).

43.      Peress li jirrigwarda r-Regolament Nru 1612/68 u li huwa sussegwenti għall-adozzjoni tad-Direttiva 2004/38, huwa inkontestabbilment f’din l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza u tal-leġiżlazzjoni li jidħlu s-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411) u l-kunċett ta’ “wild” li jintuża fiha.

44.      Madankollu, il-Gvern Lussemburgiż jopponi li ssir, f’din l-interpretazzjoni kuntestwali u storika, separazzjoni stretta tal-kampijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 492/2011 u tad-Direttiva 2004/38. L-imsemmija direttiva tipprevedi biss id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom sabiex jirrisjedu b’mod liberu fit-territorju tal-Istati Membru u mhux id-dritt tal-ħaddiema bejn il-fruntieri sabiex jibbenefikaw mill-istess benefiċċji soċjali li jgawdu l-ħaddiema nazzjonali, previsti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 (16).

45.      Skont dan il-Gvern, ir-riferiment għad-definizzjoni ta’ “membru tal-familja” tad-Direttiva 2004/38 ma hijiex, għaldaqstant, rilevanti għall-evalwazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tal-ħaddiema fil-kuntest tar-Regolament Nru 492/2011 (17).

46.      Jien ma naqbilx ma’ din it-teżi li topera distinzjoni stretta bejn il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ żewġ standards u li timplika li l-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni ma tkunx neċessarjament l-istess bħal dik ta’ ċittadin tal-Unjoni meta tiġi applikata għall-kwalità tiegħu ta’ “ħaddiem”.

47.      Din mhux biss tinjora l-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li ddeskrivejt preċedentement, iżda twassal, barra minn hekk, għal sitwazzjonijiet li ma jistgħux jiġu ġġustifikati.

48.      Fil-fatt, għandu jitfakkar li d-definizzjoni wiesgħa ta’ “dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti” ingħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ kawża fejn kien inkwistjoni d-dritt “tal-ulied ta’ resident ta’ Stat Membru li huwa jew kien impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor [sabiex jiddaħħal fi skola] taħt l-istess kundizzjonijiet tar-residenti ta’ dan l-Istat, jekk dawn l-ulied jirresjedu fit-territorju tiegħu” (18).

49.      Issa, dan id-dritt, li kien ġie stabbilit mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, għadu jidher sa llum f’termini identiċi fir-Regolament Nru 492/2011 (19). Il-fatt li din id-dispożizzjoni ma ġietx interpretata b’mod differenti mill-Qorti tal-Ġustizzja sa mis-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, EU:C:2002:493) ifisser, b’mod konkret, li kemm id-dixxendenti tal-ħaddiem migrant u kemm dawk tal-konjuġi tagħhom għandhom id-dritt li jiġu ammessi fis-sistema skolastika tal-Istat Membru ospitanti abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011.

50.      Għaldaqstant, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssegwi l-argument tal-Gvern Lussemburgiż, dan iffisser li l-kunċett ta’ “wild” jiġi interpretat l-iktar fil-kuntest tad-dritt li jiddaħħlu l-iskola (Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011), iżda b’mod restrittiv għall-għoti tal-istess benefiċċji soċjali u fiskali tal-ħaddiema nazzjonali (Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011), fir-rigward tal-benefiċċji relatati mal-finanzjament tal-edukazzjoni.

51.      Tali tifsira differenti tal-kunċett ta’ “wild” għall-applikazzjoni tal-istess regolament ma tistax, ċertament, tiġi ġġustifikata.

52.      Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni stess ikkonferma, riċentement ħafna, l-uniċità tal-kunċett ta’ “membri tal-familja” skont jekk tkun prevista taħt il-perspettiva ta’ ħaddiem jew taħt il-perspettiva, iktar wiesgħa taċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

53.      Fil-fatt, skont il-premessa 1 tad-Direttiva 2014/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ April 2014, dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (20), “[i]l-moviment liberu tal-ħaddiema huwa libertà fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni u wieħed mill-pilastri tas-suq intern fl-Unjoni proklamat fl-Artikolu 45 [TFUE]. L-implimentazzjoni tiegħu hija żviluppata aktar mil-liġi tal-Unjoni mmirata biex tiggarantixxi l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. L-espressjoni ‘membri tal-familja tagħhom’ għandha tinftiehem fl-istess sens tat-terminu kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2004/38] li tapplika wkoll għal membri tal-familja ta’ ħaddiema tal-fruntiera” (21).

54.      Issa, skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa identiku għal dak tar-Regolament Nru 492/2011. Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/54 jippreċiża li l-għan tagħha huwa “li jiffaċilitaw l-applikazzjoni u l-infurzar uniformi fil-prattika tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 45 [TFUE] u l-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament Nru 492/2011”.

55.      Għaldaqstant jidhirli li d-Direttiva 2014/54, li daħlet fis-seħħ mill-20 ta’ Mejju 2014, hija kompletament applikabbli fil-kawżi prinċipali sa fejn timponi fuq l-Istati Membri, fl-Artikolu 3(1) tagħha, sabiex jiżguraw li l-ħaddiema u l-membri tal-familja tagħhom li “jqisu ruħhom trattati b’mod inġust minħabba li ma jkunx ġie applikat għalihom il-prinċipju tat-trattament ugwali”, ikollhom aċċess għal proċeduri ġudizzjarji intiżi sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 45 TFUE u mill-Artikolu 1 sal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011.

56.      Fil-fatt, għadu neċessarju li jitfakkar li l-obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jilħqu r-riżultat previst minnha kif ukoll il-kompitu tagħhom li jadottaw il-miżuri ġenerali jew partikolari kollha sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu jorbot lill-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet ġudizzjarji fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom (22)? B’mod konkret, dan ifisser “li bl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, kemm jekk fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet preċedenti jew sussegwenti għad-Direttiva, il-qorti nazzjonali msejħa sabiex tinterpretahom hija marbuta li tagħmel dan fil-kuntest tat-test u tal-finalità tad-direttiva sabiex tikseb ir-riżultat previst minnha u tikkonforma ruħha b’hekk mal-Artikolu [it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE]” (23).

57.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Direttiva 2014/54 tikkonferma li huwa tassew fir-rigward tal-kunċett ta’ “membri tal-familja” hekk kif ġie ddefinit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-Regolament Nru 1612/1968, u sussegwentement stabbilit mill-ġdid mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, li għandu jiġi interperat il-kunċett ta’ “wild”, li jista’ jibbenefika indirettament mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 (24).

58.      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija konformi mal-interpretazzjoni tal-“ħajja familjali” hekk kif hija protetta mill-Artikolu 7 tal-Karta u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar 'il quddiem il-“KEDB”). Fil-fatt, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem warrbet progressivament, b’mod partikolari, il-kriterju li jirrigwarda r-“rabta parentali” sabiex tirrikonoxxi l-possibbiltà ta’ “rabtiet familjali de facto” (25). Issa, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet li hija tinkludi u li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-imsemmija konvenzjoni għandhom jingħataw l-istess sens u l-istess portata.

59.      Ser nagħlaq b’eżempju sabiex tintwera n-natura mhux relevanti ta’ definizzjoni strettament ġuridika tar-rabta ta’ filjazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 u tal-benefiċċji soċjali u fiskali.

60.      Nipprovaw nimmaġinaw familja li għandha tlett itfal. L-ewwel kellu biss xi ftit xhur meta tilef lil missieru f’inċident tat-traffiku. Meta kellu tliet snin, ommu ltaqgħet ma’ raġel, huwa stess missier iddivorzjat ta’ wild ta’ sentejn li tiegħu kellu l-kustodja esklussiva. It-tielet wild twieled minn din l-unjoni ġdida. Il-familja tgħix fil-Belġju, xi ftit kilometri bogħod mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, fejn l-omm ilha taħdem għal iktar minn għaxar snin.

61.      F’din is-sitwazzjoni, kieku l-kunċett ta’ “wild” użat fl-Artikolu 2bis tal-Liġi tat‑22 ta’ Ġunju 2000 kif emendata kellha titqies taħt il-verżjoni stretta tagħha, dan ikun ifisser li l-omm tkun tista’ tikseb għajnuna finanzjarja tal-Istat Lussemburgiż għal studji f’edukazzjoni ogħla għall-wild tagħha u għall-wild komuni bejn il-koppja. Min-naħa l-oħra, il-wild ta’ żewġha, li ilu jgħix fi ħdan din il-familja minn meta kellu sentejn, ma jkunx jista’ jibbenefika mill-istess għajnuna.

62.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis għaldaqstant, li wild li ma għandux rabta ġuridika mal-ħaddiem migrant, iżda li jikkorrispondi għad-definizzjoni ta’ “membru tal-familja” tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi kkunsidrat bħala l-wild ta’ dan il-ħaddiem u benefiċjarju indirett tal-benefiċċji soċjali previsti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

2.      Fuq il-ħtieġa li jkun hemm parteċipazzjoni fil-manteniment tal-wild mill-ġenitur mingħajr rabta ġuridika

63.      Fit-tieni parti tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll fuq il-grad ta’ kontribuzzjoni neċessarja, mill-ħaddiem bejn il-fruntieri, lejn il-manteniment ta’ student li fil-konfront tiegħu ma għandux rabta ġuridika, sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-għajnuna finanzjarja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

64.      Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 39 tas-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), “l-finanzjament tal-edukazzjoni mogħti minn Stat Membru lill-ulied ta’ ħaddiema jikkostitwixxi, għal ħaddiem migrant, vantaġġ soċjali fis-sens tal-imsemmi Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 [li sar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011] meta dan tal-aħħar ikompli jipprovdi l-manteniment tal-wild” (26).

65.      Huwa minnu wkoll li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 jipprevedi l-konjugu tal-ħaddiem “u d-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti” (27) u li l-espressjoni ġiet irripetuta fil-punt 2(c) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38.

66.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “il-kwalità ta’ membru tal-familja ma tissoponix […] dritt għall-ikel” (28). Fil-fatt, “[k]ieku dan kien il-każ, l-unifikazzjoni familjali tkun tiddependi fuq il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jvarjaw bejn Stat u ieħor, li jwassal għal applikazzjoni mhux uniformi tad-dritt Komunitarju” (29).

67.      Għandu jiġi kkonstatat li l-istess riflessjoni tapplika għall-kontribuzzjoni ta’ konjuġi fir-rigward ta’ ulied miż-żwieġ preċedenti tal-konjuġi tiegħu. Għaldaqstant, jidher li jibqa’ għaqli li jiġi kkunsidrat li l-kwalità ta’ “membru tal-familja dipendenti jirriżulta minn sitwazzjoni ta’ fatt” (30), fatt li għandu jiġi evalwat mill-amministrazzjoni, u wara, jekk ikun il-każ, mill-qorti.

68.      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kompatibbli mal-ġurisprudenza mfakkra preċedentement u li tippreferi l-espressjoni wiesgħa ta’ “jiżgura l-manteniment tal-wild” (31) pjuttost milli dik ta’ “wild dependenti”.

69.      Il-kundizzjoni tal-kontribuzzjoni lejn il-manteniment tal-wild jirriżulta minn sitwazzjoni ta’ fatt li tista’ tintwera minn elementi oġġettivi bħaż-żwieġ (jew sħubija ċivili tal-ġenitur “ġuridiku” mal-ġenitur putattiv), jew residenza komuni, u dan mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu ddeterminati r-raġunijiet għar-rikors għal dan is-sostenn u lanqas li jiġi kkwantifikat b’mod preċiż.

70.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Lussemburgiż ma għandux raġun meta jsostni li jkun impossibbli għall-amministrazzjoni tiegħu sabiex tħares lejn kull każ individwali sabiex tara jekk u sa fejn il-ħaddiem bejn il-fruntieri, ġenitur putattiv tal-wild, jikkontribwixxix jew le għall-manteniment tiegħu (32).

71.      Qabel kollox, ir-responsabbiltà għall-wild huwa preżunt sal-età ta’ 21 sena peress li l-punt 2(c) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi l-kundizzjoni ta’ teħid ta’ responsabbiltà bħala alternattiva għal dik tal-età wara 21 sena.

72.      Sussegwentement, mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirriżulta li r-“responsabbiltà” għall-wild mill-familja tikkostitwixxi l-kriterju ta’ ħlas ta’ allowances tal-familja (miġbura f’dan il-każ minn mill-inqas tnejn mill-ġenituri putattivi kkonċernati) mingħajr ma joħloq diffikultà partikolari peress li l-ebda kundizzjoni ta’ filjazzjoni ġuridika ma hija meħtieġa (33).

73.      Fl-aħħar nett, il-leġiżlatur Lussemburgiż stess impona fl-Artikolu 3 tal-liġi li attwalment għadha fis-seħħ, jiġifieri l-Liġi tal‑24 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla, il-kundizzjoni li “il-ħaddiem għandu jkompli jikkontribwixxi għall-manteniment tal-istudent”. Għaldaqstant, tali rekwiżit ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ħaġa li ma tistax tiġi ivverifikata mill-amministrazzjoni.

VI – Konklużjoni

74.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Cour administrative du Grand-Duché de Luxembourg kif ġej:

L-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li wild li ma għandux rabta ġuridika ma’ ħaddiem migrant, iżda li huwa dixxendent tal-konjuġi (jew tas-sieħeb ċivili tal-konjuġi) ta’ dan il-ħaddiem għandu jiġi kkunsidrat bħala l-wild ta’ dan il-ħaddiem u benefiċjarju indirett tal-benefiċċji soċjali previsti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, suġġett għall-kundizzjoni li l-ħaddiem jipprovdi għall-manteniment tiegħu.

Il-kundizzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ manteniment għall-wild tirriżulta minn sitwazzjoni ta’ fatt mingħajr ma jkunx neċessarju li jiġu ddeterminati r-raġunijiet għar-rikors għal dan is-sostenn u lanqas li jiġi kkwantifikat b’mod preċiż.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU 2011, L 141, p. 1.


3 – Għandu jiġi osservat li din il-leġiżlazzjoni hija s-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża Bragança Linares Verruga et, attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u li fil-kuntest tagħha ppreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi fit-2 ta’ Ġunju 2016 (C‑238/15, ECLI:EU:C:2016:389). Din il-kawża l-oħra tirrigwarda b’mod iktar fundamentali u dirett il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-kundizzjoni magħzula mil-leġiżlatur Lussemburgiż li jissuġġetta l-għoti tal-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla għal perijodu minimu ta’ impjieg fil-Lussemburgu. Fi tmiem l-analiżi tiegħi pproponejt lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik tal-liġi Lussemburgiża.


4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, u r-rettifiki ĠU 2004, L 229, p. 35, u ĠU 2005, L 197, p. 34.


5 – Skont it-termini stess tas-sunt tal-motivi, l-emenda tas-sistema tal-għajnuna finanzjarja tal-Istat Lussemburgiż għal studji f’edukazzjoni ogħla kienet intiża sabiex “tinkludi l-konsegwenzi” tas-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411). Ara l-Abbozz ta’ liġi Nru 6585 li jemenda l-Liġi, tat‑22 ta’ Ġunju 2000, dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal edukazzjoni ogħla (Dokument 6585 tal‑5 ta’ Lulju 2013, p. 2, disponibbli fuq is-sit internet tal-Kamra tad-deputati tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu fuq l-indirizz li ġej: http://www.chd.lu/wps/portal/public/RoleEtendu?action=doDocpaDetails&id=6585#).


6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15.


7 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, u r-rettifiki ĠU 2004, L 229, p. 35, u ĠU 2005, L 197, p. 34.


8 – Enfasi miżjuda minni.


9–      Sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 40), Enfasi miżjuda minni.


10 – Barra minn hekk, skont it-termini tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 492/2011, ir-riferimenti magħmula għar-Regolament Nru 1612/68, għandhom jitqiesu li twettqu fir-rigward tar-Regolament Nru 492/2011.


11 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 1992, Bernini (C‑3/90, EU:C:1992:89, punt 29); tat‑8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen (C‑337/97, EU:C:1999:284, punt 19), kif ukoll tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjizi l-Baxxi (C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 35).


12 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 1992, Bernini (C‑3/90, EU:C:1992:89, punti 26 u 29), tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjizi l-Baxxi (C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 48). Ara wkoll, iżda fir-rigward ta’ garanzija li tassigura l-minimu meħtieġ tal-mezzi għall-eżistenza, sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1985, Lebon (316/85, EU:C:1987:302, punt 12).


13 – Sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, EU:C:2002:493, punt 57). Enfasi miżjuda minni.


14 – Ara l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2004/38.


15 – Enfasi miżjuda minni. Ninnota li definizzjoni simili ta’ “familja” tintuża wkoll fl-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE, tat‑22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Volum 6, p. 224).


16 – Ara l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Lussemburgiż (punt 23).


17 – Ara l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Lussemburgiż (punt 22).


18 – Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68. Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, EU:C:2002:493).


19 – Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011.


20 – ĠU 2014, L 128, p. 8.


21 – Enfasi miżjuda minni.


22 – Ara, f’dan is-sens, għal referenza reċenti ta’ ġurisprudenaza stabbilita, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C‑106/89, EU:C:1990:395, punt 8). Enfasi miżjuda minni.


24 – Meta analizza l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-istandards tal-leġiżlazzjoni sekondarja li jużaw il-kunċett ta’ “familja”, T. Stein wasal għall-istess konklużjoni. Fl-opinjoni tiegħu, il-kunċett ta’ “familja” fid-dritt tal-Unjoni hija bbażata fuq kunċett tal-familja bbażata fuq ir-relazzjoni konjugali li tinkludi s-sħubija ċivili, iżda tmur lil hinn mill-kunċett tradizzjonali tal-familja nukleari u tinkludi l-membri dipendenti (Stein, T., “The notion of the term of family on european level with a focus on the case law of the European Court of Human Rights and the European Court of Justice”, f’Verbeke, A., Scherpe, J.-M., Declerck, Ch., Helms, T. et Senaeve, P. (éd.), Confronting the frontiers of family and succession law: liber amicorum Walter Pintens, vol. 2, Cambridge/Anvers, Portland/Intersentia, 2012, p. 1375 sa 1392, speċ. p. 1391).


25 – Ara f’dan is-sens, Qorti E.D.B., X, Y u Z vs Ir‑Renju Unit ECLI:CE:ECHR:1997:0422JUD002183093 (Nru 21830/93, §§ 36 u 37, tat‑22 ta’ April 1997).


26 – Enfasi miżjuda minni.


27 – Enfasi miżjuda minni.


28 – Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 1985, Lebon (316/85, EU:C:1987:302, punt 21).


29 – Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 1985, Lebon (316/85, EU:C:1987:302, punt 21).


30 – Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 1985, Lebon (316/85, EU:C:1987:302, punt 22).


31 – Sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 39).


32 – Ara l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Lussemburgiż (punt 46).


33 – Ara l-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ N. Depesme u ta’ S. Kerrou (punti 90 et seq.), kif ukoll ta’ A. Kauffmann (p. 21).