Language of document : ECLI:EU:F:2013:15

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

19 ta’ Frar 2013

Kawża F‑160/12 R

Bernat Montagut Viladot

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Proċeduri għal miżuri provviżorji — Ammissibbiltà tat-talba għal miżuri provviżorji — Kompetizzjoni ġenerali — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu B. Montagut Viladot jitlob, għall-benefiċċju tiegħu, iż-“żamma ta’ ftuħ tal-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/206/11 intiża għall-ħolqien ta’ riżerva ta’ reklutaġġ ta’ amministraturi (AD 5) fil-qasam tal-ekonomija (iktar ’il quddiem il-“kompetizzjoni kkontestata”) jew l-estensjoni tat-tul tal-validità ta’ din il-lista.

Deċiżjoni: It-talba għal miżuri provviżorji tar-rikorrent hija miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

Proċeduri għal miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Rikors — Rekwiżiti proċedurali — Espożizzjoni tal-motivi li jiġġustifikaw, prima facie, l-għoti tal-miżuri mitluba

(Artikolu 278 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 102(2) u (3), u 104(2) u (3))

Mill-qari flimkien tal-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, kif ukoll mill-Artikolu 104(2) u (3) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura jirriżulta li talba għal miżuri provviżorji għandha tippermetti, waħedha, lill-konvenuta li tipprepara l-osservazzjonijiet tagħha u lill-Imħallef għal miżuri provviżorji li jiddeċiedi, skont il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn, fejn l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li dan jibbaża ruħu fuqhom għandhom jirriżultaw mit-test stess tat-talba għal miżuri provviżorji. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, hemm bżonn, għaldaqstant, sabiex talba għal miżuri provviżorji tkun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li dan jibbaża ruħu fuqhom ikunu jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test stess tat-talba.

Minħabba dan, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli talba għal miżuri provviżorji li ma tkun tinkludi l-ebda espost tal-elementi essenzjali ta’ liġi li jistgħu jikkostitwixxu argument li jinftiehem li jippermetti lill-Imħallef għal miżuri provviżorji li jifhem il-pożizzjoni legali tar-rikorrent u li jiddeċiedi mingħajr informazzjoni oħra insostenn.

(ara l-punti 11 sa 14)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Ġunju 2003, Schmitt vs AER, T‑175/03 R, punti 15 u 20

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 27 ta’ April 2010, Il‑Parlament vs U, T‑103/10 P(R), punt 40