Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Diċembru 2008 - Slovenská pošta vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-556/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Slovenská pošta a.s. (Banská Bystrica, Ir-Repubblika Slovakka) (rappreżentanti: O. Brouwer, C. Schillemans, M. Knapen, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors ir-rikorrenti titlob, permezz tal-Artikolu 230 KE, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5912 finali tas-7 ta' Ottubru 2008 (Każ COMP/39.562 - Liġi Slovakka dwar il-Posta) li permezz tagħha l-Kummissjoni sabet il-leġiżlazzjoni Slovakka dwar il-posta li tirrigwarda servizzi tal-posta ibrida tikser l-Artikolu 86(1) moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE sa fejn din tirriżerva lir-rikorrenti it-tqassim ta' posta ibrida.

Ir-rikorrenti tressaq erba' motivi insostenn tat-talbiet tagħha.

L-ewwel nett, hija ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-liġi Komunitarja ta' amministrazzjoni tajba billi naqset milli tinvestiga kif huwa xieraq il-fatti u l-interessi involuti, billi fl-opinjoni tar-rikorrenti d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq numru ta' suppożizzjonijiet. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li tagħti raġunijiet adegwati kif stabbilit fl-Artikolu 253 KE.

It-tieni nett, ir-rikorrenti tistqarr li l-Kummissjoni kisret id-dritt għal smigħ xieraq tar-rikorrenti.

It-tielet nett, hija ssostni li l-Kummissjoni wettqet zbalji manifesti ta' fatt u ta' liġi, fl-evalwazzjoni u fl-interpretazzjoni tal-legalità tal-għoti ta' drittijiet esklużivi fis-settur tal-posta li b'riżultat ta' dan tat applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 86 KE u 82 KE.

Ir-raba' nett, ir-rikorrenti tistqarr li billi l-Kummissjoni adottat approċċ li huwa fundamentalment differenti u mingħajr preċedent tad-definizzjoni tas-suq rilevanti, hija kisret il-prinċipju taċ-ċertezza legali u tal-aspettativi leġittimi.

____________