Language of document : ECLI:EU:T:2020:319

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

8 ta’ Lulju 2020 (*)(i)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Manutenzjoni ta’ installazzjonijiet ta’ sigurtà fil-binjiet okkupati u/jew ġestiti mill-Kummissjoni fil-Belġju u fil-Lussemburgu – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent – Għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor – Kriterji ta’ selezzjoni – Illegalità ta’ klawżola tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża T‑661/18,

Securitec, stabbilita f’Livange (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn P. Peuvrel, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Ilkova u A. Katsimerou u J. Estrada de Solà, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑7 ta’ Settembru 2018 li tiċħad l-offerta ppreżentata mir-rikorrenti għal-lott Nru 4 tal-kuntratt li kien is-suġġett tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti ristretta HR/R1/PR/2017/059 u dwar il-“manutenzjoni tal-installazzjonijiet ta’ sigurtà fil-bini okkupat u/jew ġestit mill-Kummissjoni Ewropea fil-Belġju u fil-Lussemburgu” kif ukoll, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑17 ta’ Settembru 2018 li tirrifjuta li tipprovdi lir-rikorrenti l-ispeċifikazzjonijiet li hija kienet talbet fil-kuntest tal-istess proċedura tal‑11 ta’ Settembru 2018,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, P. Nihoul (Relatur) u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑5 ta’ Frar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt ippubblikat fis-suppliment ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2018/S 064–141552), il-Kummissjoni Ewropea nediet proċedura ta’ sejħa għal offerti ristretta għall-“manutenzjoni ta’ installazzjonijiet ta’ sigurtà fil-bini użat u/jew ġestit mill-Kummissjoni Ewropea fil-Belġju u fil-Lussemburgu”.

2        Il-kuntratt kien jinkludi seba’ lottijiet, fejn ir-raba’, l-uniku wieħed ikkonċernat minn din il-kawża, kien hekk intitolat: “Manutenzjoni intra muros tas-sorveljanza bil-vidjo (CCTV kamera), tal-kontroll tal-aċċess, tal-passaġġi mhux mgħassa, tal-partijiet interni, ta’ turniċi interni, ta’ bibien sigurizzati, serraturi u ta’ kabinetti metalliċi ta’ ġestjoni taċ-ċwievet fil-Lussemburgu”.

3        Fir-rigward tal-għażla tal-kandidati, l-ewwel fażi tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, il-punt III.3.2.B, intitolat “Kapaċità professjonali tat-tim skont il-kandidat”, tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jeżiġu, bħala “kapaċitajiet minimi” meħtieġa, li l-tekniku “kap ta’ sit” tal-kandidat ikollu “ċertifikat ta’ taħriġ approfondit ta’ pjattaforma tal-informatika għall-ġestjoni tas-sigurtà tal-kumpannija Nedap” (iktar’ il quddiem it-“taħriġ Nedap”). Bħala dokument ta’ ġustifikazzjoni, il-kandidat kellu jipproduċi tali ċertifikat “jew dikjarazzjoni ġuramentata li [dan iċ-ċertifikat ikun] jinkiseb, fil-każ ta’ għoti, mhux iktar tard minn ħamest ijiem wara l-iffirmar tal-kuntratt”.

4        F’dak li jirrigwarda l-għoti tal-kuntratt, it-tieni fażi tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jipprevedu, fil-punt IV.1, li “l-kuntratt [kellu] jingħata permezz ta’ lott lill-offerta li tirrappreżenta l-iktar prezz baxx fost l-offerti regolari u konformi”.

5        Inizjalment, id-data ta’ skadenza għar-riċeviment tat-talbiet għal parteċipazzjoni kienet ġiet iffissata għat‑30 ta’ April 2018. Permezz ta’ avviż ta’ reviżjoni ppubblikat fit-28 ta’ April 2018, din id-data ġiet posposta għas‑16 ta’ Mejju 2018.

6        Fis‑26 ta’ April 2018, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal parteċipazzjoni għal-lott Nru 4. Ħames kandidati oħra ppreżentaw talbiet għal parteċipazzjoni għal dan l-istess lott.

7        Permezz tal-ittri tat‑13 u tas‑26 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti preċiżazzjonijiet dwar il-kandidatura tagħha. Din tal-aħħar għaddiethom permezz tal-ittri tad‑19 u tat‑28 ta’ Ġunju 2018.

8        Fis‑6 u fil‑11 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni, abbażi tad-dokumenti prodotti, ikkonstatat li l-kandidati kollha, inkluża r-rikorrenti, kienu jissodisfaw il-kriterji ta’ selezzjoni u, konsegwentement, stednithom jippreżentaw l-offerta tagħhom sa mhux iktar tard mis‑6 ta’ Awwissu 2018.

9        Fl‑4 ta’ Awwissu 2018, ir-rikorrenti ppreżentat l-offerta tagħha. Żewġ kumpanniji oħra għamlu l-istess.

10      Permezz ta’ posta elettronika tas-7 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-kuntratt kien ingħata lill-kumpannija Omnisecurity SA, li kienet issottomettiet l-offerta l-inqas għolja, u li l-ammont tal-offerta tagħha kien ta’ 48.55 % ogħla minn dak tal-offerent magħżul.

11      Permezz ta’ posta elettronika tal-11 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni tipprovdilha iktar informazzjoni dwar ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tagħha. B’mod partikolari, ir-rikorrenti staqsiet, minn naħa, jekk l-offerent magħżul kellux ċertifikazzjoni Nedap kif kien jeżiġi l-punt III.3.2.B tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, billi ddikjarat li hija stess u kumpannija oħra biss, li ma kinitx għamlet offerta, kellhom din iċ-ċertifikazzjoni fil-Lussemburgu u, min-naħa l-oħra, jekk l-offerent magħżul kienx irrikorra għas-subappalt u, fl-affermattiv, x’kien l-isem tas-subappaltatur.

12      Fis‑17 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni wieġbet għal din il-posta elettronika billi għamel riferiment għal dik tas‑7 ta’ Settembru 2018 li kien fiha, fil-fehma tagħha, l-informazzjoni kollha li kellha tiġi kkomunikata lill-offerenti esklużi, skont l-Artikolu 113 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), kif emendat, fl-aħħar lok, bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2015/1929, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 286, p. 1) (iktar ’il quddiem, ir-“regolament finanzjarju”).

13      Fil-posta elettronika tas‑17 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-kandidati kollha mistiedna jippreżentaw offerta kienu jissodisfaw il-kriterji ta’ selezzjoni, fosthom dak previst fil-punt III.3.2.B tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, u li l-informazzjoni dwar l-użu eventwali tal-offerent magħżul għas-subappalt kienet ser tiġi kkomunikata fl-avviż tal-għoti.

14      Il-kuntratt qafas għal-lott Nru 4 ġie ffirmat mal-offerent magħżul fid‑19 ta’ Settembru 2018. L-avviż ta’ għoti ta’ kuntratt ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fit-30 ta’ Ottubru 2018 taħt ir-referenza 2018/S 209–476275.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

16      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jipprovdu ċerti dokumenti u għamlet lill-partijiet ċerti mistoqsijiet bil-miktub. Dawn irrispondewhom fit-terminu li kien ġie mogħti lilhom.

17      Ir-rikorrenti titlob essenzjalment li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet li jinsabu fil-posta elettronika tal-Kummissjoni tas‑7 u tas‑17 ta’ Settembru 2018;

–        tordna “kull obbligu legali ieħor li huwa neċessarju f’dan il-qasam”;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli sa fejn huwa intiż kontra l-allegata deċiżjoni tas‑17 ta’ Settembru 2018;

–        għall-bqija, tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tar-rikors

19      Ir-rikorrenti ppreżentat ir-rikors tagħha għal annullament kontra d-deċiżjonijiet li jinsabu f’żewġ eżemplari ta’ posta elettronika tal-Kummissjoni, jiġifieri, minn naħa, il-posta elettronika tas-7 ta’ Settembru 2018, li permezz tagħha din informatha li l-offerta tagħha ma kinitx intgħażlet u, min-naħa l-oħra, il-posta elettronika tas‑17 ta’ Settembru 2018, li permezz tagħha l-Kummissjoni wieġbet għat-talba tagħha għal informazzjoni.

20      Il-Kummissjoni tqis li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn huwa dirett kontra d-deċiżjoni li tinsab fil-posta elettronika tagħha tas‑17 ta’ Settembru 2018, minħabba li, peress li għandha natura purament konfermattiva, din id-deċiżjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala “att” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, f’din il-posta elettronika, il-Kummissjoni sempliċement għamlet riferiment għall-informazzjoni li tinsab f’dik tas‑7 ta’ Settembru 2018, li permezz tagħha hija kienet informat lir-rikorrenti biċ-ċaħda tal-offerta tagħha, bil-motivi ta’ din iċ-ċaħda kif ukoll bl-identità tal-offerent magħżul.

21      L-appellanti tagħmel riferiment għall-ġudizzju tal-Qorti Ġenerali, filwaqt li tafferma li, fil-fehma tagħha, id-deċiżjoni li tinsab fil-posta elettronika tas‑17 ta’ Settembru 2018 tikkostitwixxi “att” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

22      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat kontra att purament konfermattiv ta’ deċiżjoni preċedenti li ma ġietx ikkontestata u li għalhekk ikun sar definittiv huwa inammissibbli. Att għandu jitqies li sempliċement jikkonferma deċiżjoni preċedenti jekk ma jkun fih ebda element ġdid meta mqabbel mad-deċiżjoni preċedenti u jekk qabel l-adozzjoni tiegħu ma jkunx twettaq eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il-Kummissjoni, T‑186/98, EU:T:2001:42, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Qabel ma tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-posta elettronika tas‑17 ta’ Settembru 2018 tinkludix deċiżjoni purament konfermattiva ta’ dik li tinsab fil-posta elettronika tas‑7 ta’ Settembru preċedenti, għandu jiġi vverifikat jekk din l-aħħar deċiżjoni kinitx saret definittiva fir-rigward tar-rikorrenti fil-mument tal-preżentata ta’ dan ir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1998, Waterleiding Maatschappij vs Il-Kummissjoni, T‑188/95, EU:T:1998:217, punt 108).

24      Fil-fatt, fil-każ fejn id-deċiżjoni kkonfermata ma tkunx saret definittiva fil-mument tal-preżentata tar-rikors għal annullament, il-persuna kkonċernata għandha d-dritt tikkontesta jew id-deċiżjoni kkonfermata, jew id-deċiżjoni konfermattiva, jew inkella kemm waħda kif ukoll l-oħra minn dawn id-deċiżjonijiet (sentenzi tal-11 ta’ Mejju 1989, Maurissen u Union syndicale vs Il-Qorti tal-Awdituri, 193/87 u 194/87, mhux ippubblikata, EU:C:1989:185, punt 26, u tal-31 ta’ Mejju 2017, DEI vs Il-Kummissjoni, C-228/16 P, EU:C:2017:409, punt 35).

25      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar ukoll li, skont id-dispożizzjonijiet tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorsi għal annullament għandhom jiġu ppreżentati fi żmien xahrejn, mill-pubblikazzjoni tal-att, minn meta dan jiġi nnotifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent ikun sar jaf bih, skont il-każ. Dan it-terminu għandu eventwalment jiżdied b’terminu għal raġuni ta’ distanza, skont l-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura.

26      F’dan il-każ, ir-rikors għal annullament ġie ppreżentat fis‑7 ta’ Novembru 2018, jiġifieri f’data li fiha t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li tinsab fil-posta elettronika tas-7 ta’ Settembru 2018 kien għadu għaddej.

27      Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti setgħet għalhekk tippreżenta r-rikors tagħha mhux biss kontra d-deċiżjoni li tinsab fil-posta elettronika tas‑7 ta’ Settembru 2018, iżda wkoll kontra dik li tinsab fil-posta elettronika tas‑17 ta’ Settembru segwenti.

28      Konsegwentement, ir-rikors huwa ammissibbli kemm sa fejn huwa dirett kontra d-deċiżjoni li tinsab fil-posta elettronika tas‑17 ta’ Settembru 2018 kif ukoll sa fejn huwa dirett kontra dik li tinsab fil-posta elettronika tas‑7 ta’ Settembru preċedenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

 Fuq il-mertu

29      Matul il-proċedura, ir-rikorrenti invokat erba’ motivi.

30      Fl-ewwel motiv, hija ssostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni.

31      It-tieni motiv jirrigwarda l-punt III.3.2.B tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

32      Fit-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati bi ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

33      Fir-raba’ motiv, hija ssostni, wara li setgħet teżamina r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-offerti prodott mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li l-offerta finalment magħżula kienet, fis-sens tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-kuntratti pubbliċi, anormalment baxxa, fatt li jivvizzja, fil-fehma tagħha, il-validità tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

34      Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma humiex immotivati biżżejjed, peress li l-uniku motiv invokat mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika ċ-ċaħda tal-offerta tagħha huwa li hija ma kinitx tipproponi l-iktar prezz baxx fost l-offerti rċevuti, peress li dan il-prezz kien 48.55 % ogħla minn dak tal-offerta tal-offerent magħżul. Il-Kummissjoni ma spjegatx lir-rikorrenti dwar liema kriterji oħra hija ma ssodisfatx u lanqas ma indikat il-pożizzjonijiet tal-offerta magħżula li l-ammont tagħhom kien differenti minn l-offerta tagħha u li kienu jispjegaw differenza fil-prezz ta’ 48.55 %. Din il-motivazzjoni lakonika ma ppermettitilhiex tiżgura validament id-difiża tagħha.

35      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li, permezz ta’ posta elettronika tal‑11 ta’ Settembru 2018, hija, skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 113(3) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 161(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2012, L 362, p. 1), kif emendat, fl-aħħar lok, permezz tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2462 tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 342, p. 7) (iktar ’il quddiem, kif emendat, ir-“Regolament ta’ Delega”), tablet li ssir taf dawn il-karatteristiċi u vantaġġi marbuta mal-offerta magħżula, iżda l-ittra elettronika tal-Kummissjoni tas‑17 ta’ Settembru 2018 ma wasslitilhiex din l-informazzjoni. Fir-replika, hija ssostni b’mod partikolari li l-Kummissjoni baqgħet siekta fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kriterju tal-formazzjoni Nedap kienx issodisfatt mill-offerent magħżul, minkejja li kienet staqsietha dwar dan il-punt fil-posta elettronika tagħha tal‑11 ta’ Settembru 2018.

36      L-argument tar-rikorrenti huwa kkontestat mill-Kummissjoni.

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-amministrazzjoni għandha l-obbligu li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha. Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni jimplika, skont ġurisprudenza stabbilita sew, li, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, l-awtur ta’ att għandu juri b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament li huwa bbażat fuqu l-imsemmi att, minn naħa b’mod li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex isostnu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra b’mod li jippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2003, Strabag Benelux vs Il-Kunsill, T‑183/00, EU:T:2003:36, punt 55; tal‑24 ta’ April 2013, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑32/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:213, punt 37, u tas‑16 ta’ Mejju 2019, Transtec vs Il-Kummissjoni, T‑228/18, EU:T:2019:336, punt 91).

38      Barra minn dan, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tal-att, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 150, u tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 116).

39      Fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi konklużi mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, minn naħa, l-Artikolu 113(2) tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi li l-awtorità kontraenti għandha tinnotifika, lill-offerenti kollha li l-offerti tagħhom jiġu miċħuda, bir-raġunijiet għal tali ċaħda. Min-naħa l-oħra, skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 113(3), l-awtorità kontraenti għandha tinforma lil kull offerent li ma jissodisfa l-ebda kriterju ta’ esklużjoni u li jissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni u li jagħmel talba bil-miktub, bil-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula kif ukoll bl-isem ta’ min ikun ingħata l-kuntratt. Dwar dan l-aħħar imsemmi punt, l-Artikolu 161(2) tar- Regolament ta’ Delega jippreċiża li “[l]-awtorità kontraenti għandha tikkomunika l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 113(3) tar-Regolament Finanzjarju malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ fi żmien 15-il jum mill-wasla ta’ talba bil-miktub”.

40      L-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 161(2) tar-Regolament ta’ Delega jipprevedu għalhekk, fil-konfront tal-offerenti li ma jkunux intgħażlu, motivazzjoni f’żewġ stadji. Inizjalment, l-awtorità kontraenti għandha tinforma lill-offerenti esklużi li l-offerta tagħhom ġiet miċħuda u tikkomunikalhom ir-raġunijiet għal din iċ-ċaħda. Fit-tieni stadju, skont dawn l-istess dispożizzjonijiet, jekk offerent li ma jkunx intgħażel li ma jissodisfa l-ebda kriterju ta’ esklużjoni u jissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni jagħmel talba bil-miktub, l-awtorità kontraenti għandha tinnotifika, malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata mill-wasla ta’ din it-talba, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem ta’ min ikun ingħata l-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑752/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:233, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel wieħed minn dawn l-istadji ġie osservat mill-Kummissjoni peress li, fil-posta elettronika tagħha tas‑7 ta’ Settembru 2018, din kitbet lir-rikorrenti: “Aħna b’dispjaċir ninformawk li l-offerta tiegħek ma ntgħażlitx, peress li mill-analiżi rriżulta li din ma offrietx l-iktar prezz baxx fost l-offerti rċevuti.”

42      Fir-rigward tal-motivi taċ-ċaħda tal-offerta, din l-informazzjoni hija suffiċjenti fid-dawl tal-fatt li, kif jirriżulta mill-punt IV.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-uniku kriterju ta’ għoti kien il-prezz. Għaldaqstant, il-motivazzjoni taċ-ċaħda tal-offerta tar-rikorrenti kellha tkun relatata biss ma’ dan il-kriterju.

43      Fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata fit-tieni stadju, jiġifieri l-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati mal-offerta magħżula, l-isem tal-offerent magħżul u l-prezz jew il-valur tal-kuntratt, jidher li din ġiet trażmessa, flimkien ma’ dik li taqa’ taħt l-ewwel stadju, fl-istess posta elettronika tas‑7 ta’ Settembru 2018. Fil-fatt, din il-posta elettronika tiddikjara wkoll dan li ġej:

“Wara l-evalwazzjoni tal-offerti mwettqa skont il-punt IV.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u l-punt II.2.5 tal-avviż tal-kuntratt, il-kumpannija Omnisecurity SA li ssottomettiet l-offerta bl-iktar prezz baxx u kompletament konformi mar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ġiet indikata bħala li ngħatat il-kuntratt. Fil-fatt, il-prezz tal-offerta tiegħek irriżulta 48.55 % ogħla minn dak tal-offerent magħżul.”

44      Kif jeżiġi l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 113(3) tar-Regolament Finanzjarju, din l-informazzjoni tinkludi l-isem tal-offerent magħżul, jiġifieri l-kumpannija Omnisecurity SA.

45      Fir-rigward tal-prezz tas-suq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma indikatx dan b’mod espliċitu fil-posta elettronika tas‑7 ta’ Settembru 2018, u lanqas f’dik tas‑17 ta’ Settembru ta’ wara, iżda li r-rikorrenti, li kienet taf l-ammont tal-offerta tagħha, setgħet faċilment tiddeduċi mid-differenza fil-prezz indikata fl-ewwel wieħed minn dawn l-ittri elettroniċi.

46      Fir-rigward tal-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati mal-offerta magħżula, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-fatt li, kif diġà tfakkar fil-punt 42 iktar ’il fuq, l-uniku kriterju ta’ għoti kien il-prezz, il-vantaġġ tal-offerta magħżula seta’ jikkonsisti biss f’differenza fil-prezz. Kif jidher fil-punt 43 iktar ’il fuq, din id-differenza, ta’ 48.55 %, issemmiet fil-posta elettronika tas‑7 ta’ Settembru 2018.

47      Peress li kien fih l-elementi kollha meħtieġa mill-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Finanzjarju, l-informazzjoni pprovduta mill-posta elettronika tas‑7 ta’ Settembru 2018 kienet suffiċjenti fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

48      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mis-segwenti argumenti tar-rikorrenti.

49      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma indikatx fil-posta elettronika tas‑7 u tas‑17 ta’ Settembru 2018 il-pożizzjonijiet tal-offerta magħżula li l-ammont tagħha kien differenti minnha u li kienu jispjegaw differenza fil-prezz ta’ 48.55 %.

50      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma fformulatx tali talba fil-posta elettronika tagħha tal‑11 ta’ Settembru 2018. Għal din l-ewwel raġuni, l-awtorità kontraenti ma tistax tiġi kkritikata li ma rrispondiethiex, peress li l-unika informazzjoni li għandha tingħata mill-awtorità kontraenti lill-offerenti esklużi hija dik li hija elenkata fl-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Finanzjarju.

51      Sussegwentement, skont ġurisprudenza stabbilita, ma jistax jiġi rikjest mill-Kummissjoni li hija tibgħat lil offerent li l-offerta tiegħu ma ntgħażlitx analiżi komparattiva fid-dettall tal-offerta tiegħu u tal-offerta magħżula (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑629/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:617, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, l-awtorità kontraenti ma hijiex marbuta tipprovdi lil offerent li ma jkunx intgħażel, fuq talba bil-miktub ta’ dan tal-aħħar, kopja sħiħa tar-rapport ta’ evalwazzjoni (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, C‑629/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:617, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Fl-aħħar nett, l-iżvelar tal-prezzijiet unitarji tal-offerent magħżul huwa ta’ natura li jippreġudika l-interessi kummerċjali ta’ dan tal-aħħar kif ukoll kompetizzjoni leali bejn l-operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ April 2014, CITEB u Belgo-Metal vs Il-Parlament, T‑488/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:195, punt 46). Issa, l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 113(3) tar-Regolament Finanzjarju jippermetti lill-awtorità kontraenti ma tikkomunikax ċerta informazzjoni li tista’ tippreġudika tali interessi.

53      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma kkomunikatx, fil-posta elettronika tas‑7 u tas‑17 ta’ Settembru 2018, il-pożizzjonijiet tal-offerta magħżula li l-ammont tagħhom kien jispjega differenza fil-prezz ta’ 48.55 % meta mqabbla mal-offerta tar-rikorrenti.

54      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli, fil-posta elettronika tas‑17 ta’ Settembru 2018, ma rrispondietx għat-talbiet tagħha dwar, minn naħa, “il-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati mal-offerta magħżula” u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk il-kriterju tal-formazzjoni Nedap kienx issodisfatt mill-offerent magħżul.

55      Fir-rigward tal-ilment dwar il-“karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta magħżula”, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li hija ssostni, ir-rikorrenti ma fformulatx din it-talba fil-posta elettronika tal‑11 ta’ Settembru 2018. Barra minn hekk, mill-punt 46 iktar ’il fuq jirriżulta li, peress li, fil-posta elettronika tagħha tas‑7 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni indikat li “l-prezz tal-offerta tar-rikorrenti rriżulta li huwa 48.55 % ogħla minn dak tal-offerent magħżul”, hija pprovdiet informazzjoni suffiċjenti dwar dan il-punt.

56      Għalhekk ma jistax jitqies li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba li, fil-posta elettronika tagħha tas‑17 ta’ Settembru 2018, hija ma rrispondietx għat-talba tar-rikorrenti dwar il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta magħżula.

57      Fir-rigward tal-ilment dwar in-nuqqas ta’ risposta tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni dwar il-formazzjoni Nedap tal-offerent magħżul li, min-naħa tiegħu, kien effettivament inkluż fil-posta elettronika tal‑11 ta’ Settembru 2018, għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex fondat.

58      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat, fil-posta elettronika tagħha tas‑17 ta’ Settembru 2018, li l-kumitat ta’ evalwazzjoni kien debitament eżamina jekk il-kandidati kinux jissodisfaw il-kriterji ta’ selezzjoni, inkluż dak previst fil-punt III.3.2.B tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Għalhekk ma huwiex eżatt li jiġi ddikjarat purament u sempliċement li l-Kummissjoni ma rrispondietx għat-talba tar-rikorrenti dwar il-formazzjoni Nedap tal-offerent magħżul.

59      Għalhekk ma jistax jitqies li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba li hija ma rrispondietx, fil-posta elettronika tas‑17 ta’ Settembru 2018, għall-kwistjoni dwar jekk il-kriterju tal-formazzjoni Nedap kienx issodisfatt mill-offerent magħżul.

60      Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, dwar il-punt III.3.2.B tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

61      Fit-tieni motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati għal raġunijiet relatati mal-punt III.3.2.B tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

62      Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet.

–       Fuq l-ewwel parti, dwar ir-regolarità tad-dikjarazzjoni pprovduta mill-offerent magħżul

63      Fl-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-dokument prodott mill-offerent magħżul sabiex jistabbilixxi li huwa kien jissodisfa l-kundizzjoni prevista fil-punt III.3.2.B tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma huwiex konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

64      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif ġie indikat fil-punt 3 iktar ’il fuq, il-punt III.3.2.B tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kien jeżiġi, għal-lott Nru 4, bħala “kapaċitajiet minimi” meħtieġa, li t-tekniku “kap ta’ sit” ikollu “ċertifikat ta’ taħriġ fil-fond ta’ pjattaforma tal-informatika tal-ġestjoni tas-sigurtà tal-kumpannija Nedap”.

65      Sabiex jipprovaw li huma kienu jissodisfaw il-kundizzjoni dwar il-formazzjoni Nedap, il-kandidati kellhom, skont l-istess dispożizzjoni, jipprovdu jew “ċertifikat ta’ taħriġ approfondit ta’ pjattaforma tal-informatika għall-ġestjoni tas-sigurtà tal-kumpannija Nedap”, jew “dikjarazzjoni ġuramentata li dan [kien] jinkiseb, f’każ ta’ għoti, mhux iktar tard minn ħamest ijiem wara l-iffirmar tal-kuntratt”.

66      Fir-risposta, il-Kummissjoni indikat li l-offerent magħżul kien għażel it-tieni possibbiltà offruta mill-punt III.3.2.B tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u li huwa kien għalhekk ipprovda l-affidavit li tissemma fih.

67      Mistoqsija mill-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni pproduċiet id-dokument li hija kienet tikkunsidra bħala li jikkostitwixxi din id-dikjarazzjoni. Dan id-dokument jindika għall-tekniku “kap ta’ sit” li huwa inkarigat mill-implementazzjoni tal-kuntratt:

“Ċertifikat Nedap: le, din l-applikazzjoni ma hijiex applikata fil-Lussemburgu attwalment. Jekk jirriżulta li huwa neċessarju għall-futur, niċċertifika hawnhekk li din iċ-ċertifikazzjoni ser issir mill-kumpannija Nedap fi żmien xieraq.”

68      Fis-seduta, ir-rikorrenti sostniet, għall-ewwel darba, li din id-dikjarazzjoni ma kinitx konformi mar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Qabel kollox, id-dokument ipprovdut mill-offerent magħżul ma jinkludix “dikjarazzjoni ġuramentata”. Sussegwentement, id-dokument ma jinkludi ebda impenn li jiġi pprovdut iċ-ċertifikat fil-ħamest ijiem wara l-iffirmar tal-kuntratt, iżda jinkludi biss l-idea, espressa b’mod vag ħafna, li ċ-ċertifikazzjoni ser titwettaq “jekk [kienet] neċessarja għall-futur” u “fi żmien xieraq”.

69      Dawn l-argumenti huma kkontestati mill-Kummissjoni li tqis li, peress li “dan kien xi ftit formaliżmu li jeżiġi redazzjoni preċiża”, hija setgħet leġittimament tikkunsidra, kif għamlet fid-deċiżjoni tas‑7 ta’ Settembru 2018, mingħajr ma titlob kjarifika mingħand l-offerent magħżul, li l-offerta magħmula minnu kienet “kompletament konformi mar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-ilment imqajjem mir-rikorrenti ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni peress li, ladarba ġie invokat waqt is-seduta, dan ġie ppreżentat tardivament.

70      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li huwa minnu li, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda matul l-istanza hija pprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

71      Barra minn hekk, l-Artikolu 84(2) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li, meta l-punti ta’ liġi u ta’ fatt li jiġġustifikaw il-preżentata ta’ motivi ġodda jkunu magħrufa wara t-tieni skambju ta’ noti, il-parti prinċipali kkonċernata għandha tippreżenta motivi ġodda malli ssir taf b’dawn il-punti. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma teskludi li l-imsemmija elementi setgħu jiġu skoperti, bħal f’dan il-każ, fl-okkażjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C‑245/99 P, C‑244/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 370, u tat‑13 ta’ Diċembru 2016, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑764/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:723, punt 48).

72      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-dokument li jinkludi l-allegata dikjarazzjoni ġuramentata ġie prodott mill-Kummissjoni fid‑9 ta’ Awwissu 2019, b’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali wara l-iskambju tan-noti.

73      Wara l-produzzjoni ta’ dan id-dokument, fl‑24 ta’ Settembru 2019, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha “fuq id-dokumenti u r-risposti” mibgħuta mill-Kummissjoni.

74      Fl-osservazzjonijiet tagħha, kif irrikonoxxiet hija stess waqt is-seduta, ir-rikorrenti madankollu ma fformulat ebda argument dwar il-forma jew il-kontenut tad-dikjarazzjoni li tinsab f’dan id-dokument.

75      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jipprovdi l-Artikolu 84(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti ma fformulatx l-ilment ikkonċernat minn meta saret taf bl-imsemmi dokument.

76      Għal din ir-raġuni, l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

77      Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni aggravju ma tistax tintlaqa’.

–       Fuq it-tieni parti, dwar iċ-ċertifikazzjoni pprovduta mill-persuna li ngħatat il-kuntratt

78      Fit-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li ċ-ċertifikazzjoni prodotta mill-offerent magħżul wara l-iffirmar tal-kuntratt ma kinitx konformi mar-rekwiżiti previsti mill-punt III.3.2.B tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Minn naħa, iċ-ċertifikat ma ġiex ippreżentat fil-ħamest ijiem wara l-iffirmar tal-kuntratt. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi ċertifikat ma joriġinax mill-kumpannija Nedap, iżda minn kumpannija oħra, li ma hijiex awtorizzata toħroġ tali ċertifikati, kif jirriżulta minn korrispondenza skambjata dwar dan is-suġġett bejn ir-rikorrenti u r-rappreżentanti tal-kumpannija Nedap.

79      L-argument huwa kkontestat mill-Kummissjoni.

80      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kuntratti pubbliċi jsiru f’diversi stadji.

81      L-ewwel nett, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt huma redatti, li jispeċifikaw, b’mod partikolari, is-servizzi li huma mistennija mill-offerent magħżul, il-kriterji tal-għażla li l-kandidati jew l-offerenti għandhom jissodisfaw sabiex jiġu ammessi sabiex jippreżentaw offerta u l-kriterji ta’ għoti li abbażi tagħhom l-offerti għandhom jiġu evalwati.

82      It-tieni nett, il-kandidati li ppreżentaw talba għal parteċipazzjoni jintgħażlu abbażi tal-kriterji tal-għażla msemmija fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Il-kandidati magħżula huma awtorizzati li jagħmlu offerta.

83      It-tielet nett, l-offerti rċevuti mill-awtorità kontraenti huma evalwati fid-dawl tal-kriterji ta’ għoti previsti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u waħda minnhom hija użata għall-għoti, u sussegwentement jiġi ffirmat il-kuntratt.

84      Fl-aħħar nett, il-kuntratt iffirmat għandu jiġi eżegwit mill-offerent magħżul.

85      Kif jirriżulta mis-suċċessjoni ta’ dawn l-istadji differenti, il-kwistjoni dwar jekk dokument prodott minn offerent magħżul wara l-għoti tal-kuntratt huwiex konformi mal-kundizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, jekk jitqies li dawn il-kundizzjonijiet huma validi, ma tikkonċernax it-tielet stadju, li jirrigwarda l-għoti tal-kuntratt, li huwa inkwistjoni f’dan ir-rikors, iżda l-aħħar wieħed, li jirrigwarda l-eżekuzzjoni tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt u għalhekk ma jikkonċernax id-deċiżjonijiet ikkontestati.

86      Għal din ir-raġuni, ma hemmx lok li jiġi eżaminat, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, jekk iċ-ċertifikazzjoni prodotta mill-offerent magħżul wara l-iffirmar tal-kuntratt kinitx konformi mar-rekwiżiti previsti fil-punt III.3.2.B tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

87      Għalhekk, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tielet parti, li tikkonċerna l-illegalità tal-punt III.3.2.B tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

88      Fit-tielet parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-klawżola li tinsab fil-punt III.3.2.B tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li tippermetti lill-kandidati li jipprovdu, fl-istadju tal-għażla, dikjarazzjoni li turi li, jekk l-offerta tagħhom tintlaqa’, huma għandhom jipproduċu ċertifikat ta’ taħriġ Nedap fi żmien ħamest ijiem mill-iffirmar tal-kuntratt.

89      Fir-replika, ir-rikorrenti għalhekk sostniet li l-possibbiltà offruta mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li jiġi pprovdut ċertifikat ta’ taħriġ Nedap wara l-iffirmar tal-kuntratt hija “illoġika, ftit li xejn komprensibbli, saħansitra riskjuża, għaliex ta’ natura li tħalli lok għal inċertezza mill-perspettiva legali u teknika, li tħalli l-bieb miftuħ għall-agħar riskji fil-każ fejn offerent magħżul ma josservax din il-kundizzjoni wara li jkun ġie magħżul”.

90      Fis-seduta, ir-rikorrenti sostniet, barra minn hekk, li l-imsemmija klawżola ma kinitx realistika, kienet illegali u inġusta sa fejn kienet tippermetti lill-awtorità kontraenti li tagħti l-kuntratt lil offerent li ma setax ikun ċert li kien ser jipprovdi ċ-ċertifikat mitlub u għalhekk li kien ser ikollu l-kapaċità li jeżegwixxi l-kuntratt filwaqt li offerenti oħra li kellhom l-imsemmi ċertifikat kienu ġew eliminati.

91      Il-Kummissjoni tqis li l-argument ma huwiex fondat u li, fi kwalunkwe każ, huwa inammissibbli, peress li ġie invokat għall-ewwel darba fir-replika u espost b’mod impreċiż wisq.

92      Fir-rigward tal-ammissibbiltà, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

93      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li huwa fir-risposta li l-Kummissjoni rrilevat, b’risposta għat-tieni motiv, li l-offerent magħżul kien ippreżenta affidavit.

94      Qabel din id-dikjarazzjoni, ir-rikorrenti ma setgħetx għaldaqstant tkun taf il-motiv eżatt li permezz tiegħu l-offerent magħżul kien iġġustifika li kien jissodisfa l-kriterju dwar il-formazzjoni Nedap: ċertifikat maħruġ lill-offerent magħżul innifsu, ċertifikat maħruġ lil subappaltatur, dikjarazzjoni ġuramentata tal-offerent magħżul jew dikjarazzjoni ġuramentata ta’ subappaltatur.

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkritikata li invokat għall-ewwel darba fir-replika l-ilment dwar l-illegalità tal-punt III.3.2.B, sa fejn dan kien jippermetti lill-kandidati li jipproduċu, fl-istadju tal-għażla, dikjarazzjoni ġuramentata li tgħid li huma kienu jimpenjaw ruħhom, fil-każ ta’ għoti, li jiksbu ċertifikat ta’ taħriġ Nedap fi żmien ħamest ijiem mill-konklużjoni tal-kuntratt. Fil-fatt, huwa biss mill-mument meta hija kienet taf il-mezz effettivament użat mill-offerent magħżul sabiex jipprova li kien jissodisfa l-imsemmija kundizzjoni ta’ selezzjoni meħtieġa li r-rikorrenti setgħet tiżviluppa l-argument tagħha b’mod preċiż u speċifiku. L-għarfien tar-rimedju effettiv mill-offerent magħżul għall-modalità tal-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni ġuramentata kien neċessarju sabiex jippermetti lir-rikorrenti teċċepixxi b’mod utli l-illegalità tad-dispożizzjoni inkwistjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

96      Fir-rigward tat-tieni argument dwar l-inammissibbiltà, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-indikazzjoni tal-motivi u tal-kontenut tagħhom, meħtieġa mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni ta’ sostenn (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, BSCA vs Il-Kummissjoni, T‑818/14, EU:T:2018:33, punt 95 u l-ġurisprudence ċċitata).

97      Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, BSCA vs Il-Kummissjoni, T‑818/14, EU:T:2018:33, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Din ir-regola stabbilita fir-rigward tal-motivi invokati fir-rikors tikkonċerna wkoll il-motivi ġodda invokati fir-replika, meta dawn jirriżultaw minn punti ta’ fatt jew ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura.

99      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-espressjoni tal-argument inkwistjoni kif tirriżulta mir-replika hija suffiċjentement preċiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ġenerali jifhmu li l-possibbiltà mogħtija lill-kandidat li jipprova li huwa jissodisfa l-kundizzjoni ta’ taħriġ prevista fil-punt III.3.2.B tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt permezz tal-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni ġuramentata hija kkontestata sa fejn hija ma tippermettix li jiġi żgurat li l-offerent magħżul jissodisfa l-kriterju ta’ selezzjoni qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, bir-riskju li l-kuntratt jingħata lil offerent li ma għandux il-kapaċità teknika li jeżegwixxih.

100    Għal dawn ir-raġunijiet, hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-tielet parti ta’ dan il-motiv hija ammissibbli.

101    Fuq il-mertu, il-Kummissjoni ssostni li l-klawżola deskritta fil-punt III.3.2.B tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għandha titqies li hija valida sa fejn tippermetti lill-kandidati jiddikjaraw taħt ġurament li huma jintrabtu li jiksbu ċ-ċertifikazzjoni relatata mat-taħriġ Nedap, jekk jingħatalhom il-kuntratt, fi żmien ħamest ijiem mill-iffirmar tal-kuntratt.

102    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fondi li joriġinaw mill-baġit tal-Unjoni għandhom jintużaw b’mod li jippermetti li jiġi żgurat li r-riżorsi fdati lill-istituzzjonijiet jintużaw bl-iktar mod ottimali.

103    L-Artikolu 102(1) tar-Regolament Finanzjarju jispeċifika li l-kuntratti pubbliċi kollha li huma ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-baġit tal-Unjoni għandhom josservaw il-prinċipji tat-trasparenza, ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni.

104    Permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried joħloq, għall-kuntratti pubbliċi, kuntest li fih l-offerti sottomessi minn impriżi magħżula debitament jiġu pparagunati sabiex jagħżel dik li tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex teżegwixxi l-kuntratt.

105    Minn dawn ir-rekwiżiti jirriżulta l-obbligu, għall-awtorità kontraenti, li tivverifika, sa mhux iktar tard mill-mument tal-għoti, jekk l-offerent li jkun ippreżenta l-aħjar offerta jissodisfax, b’mod effettiv, il-kundizzjonijiet li huma meħtieġa fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

106    Dan l-obbligu ma jiġix osservat meta, bħal f’dan il-każ, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jippermettu l-għoti tal-kuntratt abbażi ta’ dikjarazzjoni pprovduta minn offerent u li tinkludi l-impenn li jissodisfa, wara l-iffirmar tal-kuntratt, kundizzjoni ta’ kapaċità teknika u professjonali ppreżentata bħala li hija “minima” għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

107    Billi ppreċiżat li r-rekwiżit hekk ippreżentat kien ta’ natura “minima”, l-awtorità kontraenti indikat fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li ż-żamma taċ-ċertifikat ikkonċernat u, għaldaqstant, it-taħriġ li għandu jiġi segwit sabiex jinkiseb dan iċ-ċertifikat kienu jikkostitwixxu kundizzjoni indispensabbli sabiex l-offerent ikun f’pożizzjoni li jeżegwixxi, b’mod sodisfaċenti, il-kuntratt ikkonċernat.

108    F’dan ir-rigward, għandu jitqies, wara dak li tenfasizza r-rikorrenti, li klawżola li tipprevedi l-possibbiltà li wara l-iffirmar tal-kuntratt jinkiseb taħriġ professjonali ppreżentat bħala li huwa “minimu” fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma tistax titqies li hija konformi mal-ugwaljanza fit-trattament, peress li tista’ twassal għall-għoti tal-kuntratt lil offerent li ma jissodisfax dan ir-rekwiżit filwaqt li parteċipanti oħra, li għandhom dan it-taħriġ fil-mument tal-għoti, ma jiġux magħżula.

109    Barra minn hekk, il-fatt li jiġi vverifikat, fi stadju sussegwenti għall-għoti tal-kuntratt, li l-offerent magħżul għandu effettivament il-kompetenzi professjonali meħtieġa sabiex jeżegwixxi l-kuntratt jimplika, bi ksur taċ-ċertezza legali, li, jekk jirriżulta li l-offerent magħżul ma kienx kapaċi jipprovdi ċ-ċertifikat ikkonċernat, il-kuntratt jiġi xolt, u b’hekk ikollha tiġi organizzata proċedura ġdida sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-proġett li huwa s-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni.

110    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, matul id-dibattiti, tqajmu dubji, minn naħa, dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ispeċifikazzjonijiet tad-dokument sottomess mill-persuna li ngħatat il-kuntratt lill-Kummissjoni wara l-iffirmar tal-kuntratt u, min-naħa l-oħra, dwar l-osservanza tat-terminu ta’ ħamest ijiem previst minn dawn l-istess speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, peress li l-offerent magħżul ħa ħmistax-il jum sabiex jibda l-passi neċessarji u xahrejn sabiex jipprovdi ċ-ċertifikat mitlub.

111    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li l-obbligu li jiġi vverifikat fl-istadju tal-għoti jekk l-offerent magħżul jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ kapaċità meħtieġa mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt huwa previst fil-leġiżlazzjoni stess.

112    Fil-fatt, l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi li l-kuntratti għandhom jingħataw sakemm l-awtorità kontraenti tkun ivverifikat, b’mod partikolari, li l-kandidat jew l-offerent jissodisfa l-kriterji ta’ għażla indikati fid-dokumenti tal-kuntratt.

113    Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li ebda kuntratt ma jista’ jkun is-suġġett ta’ għoti mingħajr ma jkun ġie debitament ivverifikat u stabbilit li l-offerent kien jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kapaċità previsti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

114    Konsegwentement, għandu jitqies li, sa fejn tippermetti li l-verifika tal-kundizzjoni tat-taħriġ Nedap issir wara l-għoti tal-kuntratt, il-klawżola li tinsab fil-punt III.3.2.B tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt hija vvizzjata b’illegalità.

115    Kontra din il-pożizzjoni, il-Kummissjoni tressaq diversi argumenti.

116    Fl-ewwel lok, hija ssostni li, kif indikat fil-punt 3 iktar ’il fuq, l-ispeċifikazzjonijiet kienu jawtorizzaw, sabiex tiġi ġġustifikata l-eżistenza tat-taħriġ imsemmi fil-klawżola, il-produzzjoni taċ-ċertifikat ta’ taħriġ innifsu jew dik ta’ dikjarazzjoni ġuramentata li dan id-dokument jinkiseb fi żmien ħamest ijiem mill-iffirmar tal-kuntratt. Għalhekk, il-possibbiltà li tiġi pprovduta dikjarazzjoni kienet prevista, skont il-Kummissjoni, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, bħala kriterju ta’ selezzjoni. Fi tmiem il-proċedura, hija vverifikat jekk l-offerta magħżula kinitx konformi mar-rekwiżiti li jinsabu fl-imsemmija speċifikazzjonijiet. Peress li kienet prevista l-possibbiltà li tipprovdi l-imsemmija dikjarazzjoni, hija kkunsidrat li l-kuntratt seta’ jingħata lill-offerent finalment magħżul.

117    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-eċċezzjoni ta’ illegalità tagħha, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-kompatibbiltà tad-deċiżjoni ta’ għoti mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, iżda, fi ħdan dawn tal-aħħar, il-legalità ta’ klawżola li tipprevedi li kuntratt jista’ jingħata abbażi ta’ dikjarazzjoni pprovduta minn offerent u li tinkludi impenn, jiġifieri wegħda li tipprovdi, wara l-iffirmar tal-kuntratt, ċertifikat li jikkonferma taħriġ intiż sabiex jikseb kompetenza meqjusa “minima” għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

118    Tali impenn, minn naħa, ma jippreżentax l-affidabbiltà meħtieġa sabiex jippermetti l-għoti ta’ kuntratt f’kundizzjonijiet li jiżguraw iċ-ċertezza legali meħtieġa għall-użu tajjeb tal-fondi tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, ma jiżgurax trattament ugwali tal-parteċipanti, peress li l-impenn li jiġi pprovdut ċertifikat li jiċċertifika taħriġ ma jistax jitqies bħala ekwivalenti, fil-kuntest ta’ paragun oġġettiv, għall-kompetenza li tirriżulta minn dan it-taħriġ.

119    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-klawżola kkontestata kienet intiża sabiex tiftaħ il-kuntratt għal kandidati li, fil-mument tat-tressiq tat-talba tagħhom għal parteċipazzjoni, ma kinux għadhom fil-pussess taċ-ċertifikat ta’ taħriġ Nedap. Barra minn hekk, peress li dan it-taħriġ huwa spiża, ma kellhiex tiġi imposta din l-ispiża fuq kandidati li l-offerta tagħhom forsi ma tkunx aċċettata.

120    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-ħsieb li ffrankati l-ispejjeż lill-kandidati ma jistax jiġġustifika deroga mill-ugwaljanza fit-trattament u miċ-ċertezza legali: il-kuntratt għandu jingħata lill-impriża li l-offerta tagħha hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament u li ġġustifikat il-kapaċità teknika tagħha li teżegwixxih. Meta tkun tixtieq testendi n-numru ta’ parteċipanti f’kuntratt pubbliku, awtorità kontraenti għandha mekkaniżmi li huma ammissibbli fid-dawl tar-regoli u tal-prinċipji applikabbli. B’mod partikolari, dan jista’ jipprevedi kundizzjonijiet ta’ kapaċità teknika u professjonali iktar wiesgħa, li jistgħu jiġu ssodisfatti minn numru ikbar ta’ impriżi.

121    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni sostniet fis-seduta li, fis-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Alfastar Benelux vs Il-Kunsill (T‑394/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:992), il-Qorti Ġenerali kienet aċċettat il-verifika ta’ kriterju ta’ selezzjoni wara l-għoti tal-kuntratt.

122    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sentenza ċċitata mill-Kummissjoni kienet tikkonċerna, kif tindika din tal-aħħar, kuntratt fejn kien partikolarment meħtieġ mill-offerent li jkollu approvazzjoni ta’ sigurtà, liema approvazzjoni setgħet tiġi ssostitwita b’dikjarazzjoni ta’ intenzjoni li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiksibha (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Alfastar Benelux vs Il-Kunsill T‑394/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:992, punt 165).

123    F’din il-kawża, ir-rikorrenti kkritikat lill-Kunsill li indika li, fl-istadju tal-għażla, l-impriżi setgħu jillimitaw ruħhom li jippreżentaw dikjarazzjoni ta’ intenzjoni mingħajr ma jkunu obbligati juru li huma kellhom diġà, f’dan l-istadju tal-proċedura, għall-persunal kollu kkonċernat, l-awtorizzazzjoni nnifisha (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Alfastar Benelux vs Il-Kunsill, T‑394/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:992, punt 202).

124    F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk, fl-istadju tal-għażla, l-aċċettazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ intenzjoni kinitx leġittima fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija rrikonoxxuta mill-ġurisprudenza lill-awtorità kontraenti għad-determinazzjoni u l-evalwazzjoni tal-kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti mill-impriżi f’dan l-istadju tal-proċedura.

125    F’din il-kawża, il-kwistjoni hija differenti, peress li ma hijiex kwistjoni li jiġi ddeterminat jekk dikjarazzjoni ġuramentata setgħetx tiġi aċċettata fl-istadju ta’ selezzjoni, iżda li jiġi ddeterminat jekk il-kuntratt setax jingħata u jekk, sussegwentement, il-kuntratt setax jiġi ffirmat, abbażi biss ta’ dikjarazzjoni ġuramentata, mingħajr verifika tal-eżistenza effettiva, f’dak li jirrigwarda l-offerent li l-offerta tiegħu kienet intgħażlet, tal-kapaċità teknika meħtieġa mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt skont il-kriterji ta’ selezzjoni.

126    Dwar dan il-punt, il-Qorti Ġenerali addottat, fis-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Alfastar Benelux vs Il-Kunsill (T‑394/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:992), iċċitata mil-Kummissjoni, pożizzjoni differenti minn dik adottata fil-kawża odjerna, peress li żvelat li l-Kunsill kien “ikkonstata”, fl-istadju tal-għoti, li r-rikorrenti “kellha diġà fil-pussess tagħha l-awtorizzazzjoniijet rikjesti” (ara l-punt 167 tas-sentenza), fatt li jimplika li f’dan l-istadju kienet twettqet verifika fuq il-kwistjoni dwar jekk l-impriża magħżula effettivament kellhiex il-kapaċitajiet rikjesti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt sabiex teżegwixxi l-kuntratt.

127    Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni esponiet li, fil-mument meta ġew redatti l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-prodotti li jeħtieġu l-formazzjoni Nedap ma kinux għadhom installati fil-bini kkonċernat mill-kuntratt b’tali mod li dan it-taħriġ ma kienx neċessarju fil-bidu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Barra minn hekk, ma kienx ċert li l-prodotti li jeħtieġu l-formazzjoni Nedap kienu ser jiġu installati matul l-imsemmi kuntratt, b’tali mod li t-taħriġ relatat mal-prodotti tiegħu forsi ma kienx neċessarju.

128    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-kuntratti pubbliċi għandhom jingħataw b’osservanza tal-kundizzjonijiet u tar-rekwiżiti li huma msemmija fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

129    Issa, l-ispeċifikazzjonijiet inkwistjoni kienu jeżiġu, kif indikat fil-punt 3 iktar ’il fuq, bħala “kapaċitajiet minimi” meħtieġa, li t-tekniku “kap ta’ sit” tal-offerent ikollu ċertifikat ta’ taħriġ approfondit Nedap.

130    Għalhekk, kif ġie indikat fil-punt 114 iktar ’il fuq, kellu jiġi vverifikat, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 103 u 112 iktar ’il fuq, jekk dan ir-rekwiżit tekniku kienx fil-fatt issodisfatt mill-offerent magħżul qabel ma jingħata l-kuntratt u l-kuntratt iffirmat.

131    Għal dawn ir-raġunijiet, l-argumenti mqajma mill-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda.

132    Konsegwentement, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tintlaqa’ u d-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma minnha.

133    Fit-tieni kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali tordna “l-obbligi legali l-oħra kollha meħtieġa f’dan il-qasam”.

134    Madankollu, din it-talba ma tippreżentax preċiżjoni suffiċjenti bi ksur tal-Artikolu 76 (d) u (e) tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, jekk jitqies li din it-talba tal-aħħar għandha tiġi interpretata bħala talba għal ordni lill-Parlament, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 173 tat-Trattat, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni li tindirizza ordnijiet lill-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, Bernardi vs Il-Parlament, T‑146/95, EU:T:1996:105, punt 27).

 Fuq l-ispejjeż

135    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

136    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas7 ta’ Settembru 2018 li tiċħad l-offerta ppreżentata minn Securitec għal-lott Nru 4 tal-kuntratt li kien is-suġġett ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti ristretta HR/R1/PR/2017/059 u marbuta mal-“manutenzjoni tal-installazzjonijiet ta’ sigurtà fil-bini okkupat u/jew ġestit mill-Kummissjoni Ewropea fil-Belġju u fil-Lussemburgu” kif ukoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas17 ta’ Settembru 2018 li tirrifjuta li tipprovdi lil Securitec l-ispeċifikazzjonijiet li hija kienet tablet fil-kuntest tal-istess proċedura tal11 ta’ Settembru 2018 huma annullati.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ziegler SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gervasoni

Nihoul

Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Lulju 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


i Fid-dispożittiv Nru 2 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għal ewwel darba.