Language of document : ECLI:EU:T:2009:233

Kawżi magħquda T‑273/06 u T‑297/06

ISD Polska sp. z o.o. et

vs

Il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija mir-Repubblika tal-Polonja lil produttur tal-azzar — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha — Protokoll Nru 8 dwar ir-ristrutturazzjoni tal-industrija tal-azzar Pollakka — Rikors għal annullament — Locus standi — Terminu għall-preżentata ta’ rikors — Ammissibbiltà — Aspettattivi leġittimi — Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 — Rata ta’ interessi li għandha tiġi applikata għar-rimbors tal-għajnuna inkompatibbli — Obbligu ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru — Rata ta’ interessi komposta — Artikolu 9(4) u Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 794/2004”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Rikors ippreżentat minn impriża li hija l-proprjetarja tal-azzjonijiet kollha tal-benefiċjarju tal-għajnuna

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

2.      Rikors għal annullament — Termini — Bidu tad-dekorrenza — Pubblikazzjoni jew notifika

(Artikolu 88(2) KE u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

3.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Ittra tal-Kummissjoni li tiffissa r-rata tal-interessi li għandha tiġi applikata għall-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 794/2004, Artikolu 9(1) u (4))

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis

(Artikoli 87 KE u 88 KE; Att ta’ Adeżjoni tal-2003, Protokoll Nru 8 u Anness IV)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Metodi ta’ rkupru — Parti mis-somma li għandha tiġi rrimborsata minn kull waħda mill-impriżi debituri in solidum

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ miżura statali — Natura provviżorja tal-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni

(Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 6(1))

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Aspettattivi leġittimi possibbli min-naħa tal-benefiċjarju — Protezzjoni — Limiti

(Artikolu 88 KE)

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Iffissar tar-rata ta’ interessi

(Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 794/2004, Artikoli 9(4) u 11(2))

1.      Il-persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu biss jallegaw li din id‑deċiżjoni tikkonċernahom individwalment jekk tkun taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ persuni oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom bl-istess mod li huwa individwalizzat id-destinatarju tad-deċiżjoni.

Dan huwa l-każ, skont deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, ta’ impriża li tkun proprjetarja 100 % ta’ impriża destinatarja tad-deċiżjoni inkwistjoni. Din l-impriża tiddistingwi ruħha, fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni, minn kull persuna oħra u, b’mod partikolari, minn kull operatur ekonomiku fis-suq inkwistjoni.

(ara l-punti 40, 43)

2.      Mill-kliem tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE jirriżulta li l-kriterju tad-data tal-għarfien tal-att bħala bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa sussidjarju meta mqabbel mal-kriterji tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika tal-att. Fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l‑inkompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni mhijiex rekwiżit sabiex din ikollha effett. Madankollu, hija prattika stabbilita li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għeluq tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 88(2) KE jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, rikorrent jista’ leġittimament jistenna li d-deċiżjoni tkun suġġetta għall-pubblikazzjoni.

(ara l-punti 55-57)

3.      Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ittra tal-Kummissjoni li tistabbilixxi r-rata ta’ interessi li għandha tapplika għall-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni għandha titqies li hija att li jipproduċi effetti legali vinkolanti, u għaldaqstant, bħala att li jista’ jiġi kkontestat.

Għalkemm l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, jipprovdi li l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi l-interessi “f’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni”, l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 794/2004, li jimplementa r-Regolament Nru 659/1999, jippreċiża li, fin-nuqqas, fost l-oħrajn, ta’ data neċessarja għall-kalkolu tar-rata skont l‑Artikolu 9(1) tal-istess regolament, il-Kummissjoni tista’ “tiffissa”, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istat jew mal-Istati Membri kkonċernati, rata ta’ interessi applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat, fir-rigward ta’ Stat Membru wieħed jew iktar, abbażi ta’ metodu differenti u tal-informazzjoni li hija għandha. Minn dan isegwi li hija l-Kummissjoni li tiddetermina, għalkemm b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru kkonċernat, b’mod vinkolanti, ir-rata ta’ interessi applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat.

(ara l-punti 65,66)

4.      Il-protokoll Nru 8 dwar ir-ristrutturazzjoni tal-industrija tal-azzar Pollakka, li huwa anness mal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir‑Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, huwa lex specialis fir-rigward tal-Anness IV tal-imsemmi att u tal-Artikoli 87 KE u 88 KE. Dan jestendi s-setgħa ta’ sħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, li l-Kummissjoni għandha bis-saħħa tat-Trattat KE, għall-għajnuna mogħtija favur ir-riorganizzazzjoni tal-industrija tal-azzar Pollakka matul ċertu perijodu qabel is-sħubija tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea.

(ara l-punt 97)

5.      Huwa fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l‑irkupru tal-għajnuna illegali li għandhom jiġu ddeterminati, mill-awtoritajiet nazzjonali, il-modalitajiet tal-irkupru, inkluża l-kwistjoni dwar liema parti mis-somma totali għandha tiġi rrimborsata minn kull waħda mill-impriżi debituri in solidum.

(ara l-punt 117)

6.      Il-fażi tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 88(2) KE hija intiża li tippermetti lill-Kummissjoni jkollha informazzjoni kompleta dwar id-data kollha tal-kawża. Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, dwar l‑applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, id-deċiżjoni tal-ftuħ tirriproduċi l-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, inkluża l-“evalwazzjoni preliminari” mill-Kummissjoni tal-miżura proposta, u tesponi r-raġunijiet għaliex tiddubita mill-fatt li l-miżura hija kompatibbli mas-suq komuni. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni tistieden lill-Istat Membru kkonċernat u lill-partijiet interessati l-oħra jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom. L-analiżi tal-Kummissjoni hija neċessarjament ta’ natura preliminari. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata tippreżenta analiżi kompluta fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni fin-notifika tagħha dwar il-ftuħ ta’ din il-proċedura. Min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li l‑Kummissjoni tiddefinixxi b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-eżami tagħha sabiex ma tirrendix mingħajr skop id-dritt tal-partijiet interessati li jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom.

(ara l-punti 124-126)

7.      L-impriżi li la kienu mħeġġa, permezz ta’ att tal-Komunità, li jieħdu deċiżjoni li sussegwentement irriżultat f’konsegwenzi negattivi għalihom, u lanqas ma kienu benefiċjarji ta’ att amministrattiv favorevoli min-naħa ta’ istituzzjoni Komunitarja li ġie rtirat retroattivament minn din tal-aħħar, ma jistgħux jinvokaw l-aspettattivi tagħhom rigward il-fatt li l-għajnuna inkwistjoni kellha tiġi kkunsidrata rimborsata.

(ara l-punt 134)

8.      L-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 794/2004, li jimplementa r-Regolament Nru 659/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, jipprovdi li l-iffissar tar-rata ta’ interessi applikabbli għall-irkupru għandu jitwettaq “b’kooperazzjoni mill-qrib” mal-Istat Membru kkonċernat. Fl-iffissar ta’ din ir-rata, il-Kummissjoni għandha ċerta marġni ta’ diskrezzjoni. Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 794/2004, ir-rata ta’ interessi għandha tapplika fuq bażi komposta sad-data tal-irkupru tal-għajnuna. L-interessi dovuti f’sena għandhom ikunu suġġetti għal interessi kull sena sussegwenti.

(ara l-punti 162, 164,165)