Language of document : ECLI:EU:T:2005:584

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

22 ta' Diċembru 2005 (*)

"Regoli dwar il-ħlas ta' spejjeż u indennizzi lill-Membri tal-Parlament Ewropew – Kontroll ta' l-użu ta' l-indennizzi – Ġustifikazzjoni ta' l-ispejjeż – Rkupru ta' dejn permezz ta' tpaċija"

Fil-kawża T‑146/04,

Koldo Gorostiaga Atxalandabaso, ex membru tal-Parlament Ewropew, residenti f'Saint-Pierre-d'Irube (Franza), irrappreżentat minn D. Rouget, avocat,

rikorrent,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn H. Krück, C. Karamarcos u D. Moore, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut,

sostnut mir-

Renju ta' Spanja, irrappreżentat mill-aġent tiegħu, b'indirizz għan-notifika fil- Lussemburgu,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' Frar 2004, dwar l-irkupru ta' somom mogħtija lir-rikorrent bħala spejjeż u indennizzi parlamentari,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn. J. Pirrung, President, A.W.H. Meij, N.J. Forwood, I. Pelikánová u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura miktuba u wara s-seduta tat-12 ta' Settembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 199(1) KE jipprovdi li:

"Il-Parlament Ewropew għandu jadotta r-regoli ta' proċedura [tiegħu] b'vot tal-maġġoranza tal-membri tiegħu."

2        L-Artikolu 5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew, fil-verżjoni li tapplika għal dan il-każ (ĠU 2003 L 61 p.1, iktar 'il quddiem "ir-Regoli tal-Proċedura"), jipprovdi kif ġej:

"Il-Bureau għandu joħloq regoli dwar il-ħlas ta' spejjeż u indennizzi lill-Membri."

3        Skond l-Artikolu 16 tar-Regoli tal-Proċedura:

"Wara l-elezzjoni tal-Viċi-Presidenti, il-Parlament għandu jeleġġi ħames Kwesturi.

Il-Kwesturi għandhom ikunu eletti bl-istess proċedura bħal Viċi-Presidenti."

4        Skond l-Artikolu 21 tar-Regoli tal-Proċedura:

"1.       Il-Bureau għandu jkun kompost mill-President u mill-erbatax-il Viċi-President tal-Parlament.

2.       Il-Kwesturi għandhom ikunu membri tal-Bureau f'kapaċità konsultattiva."

5        L-Artikolu 22(2) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li:

"Il-Bureau għandu jieħu deċiżjonijiet dwar affarijiet li jikkonċernaw finanzi, organizzazzjoni u amministrazzjoni li jkollhom x'jaqsmu mal-Membri jew ma' l-organizzazzjoni interna tal-Parlament u tas-Segretarjat u l-korpi tiegħu."

6        Skond l-Artikolu 25 tar-Regoli tal-Proċedura:

"Il-Kwesturi għandhom ikunu responsabbli għal affarijiet amministrattivi u finanzjarji li jolqtu direttament lill-Membri, skond il-linji ta' gwida magħmula mill-Bureau."

7        Skond l-Artikolu 182(1) tar-Regoli tal-Proċedura:

"Il-Parlament għandu jkun assistit minn Segretarju Ġenerali maħtur mill-Bureau.

Is-Segretarju Ġenerali għandu jagħmel dikjarazzjoni solenni quddiem il-Bureau li jaqdi d-dmirijiet tiegħu b'mod kuxjenzjuż u b'imparzjalità assoluta."

8        Ir-regoli dwar il-ħlas ta' l-ispejjeż u l-indennizzi lill-Membri tal-Parlament Ewropew (iktar 'il quddiem "ir-regoli SIM") ġew adottati mill-Bureau tal-Parlament Ewropew skond l-Artikolu 22 tar-Regoli tal-Proċedura u skond l-Artikolu 199 KE, l-Artikolu 112 Euratom u l-Artikolu 25 KEFA.

9        Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 13(1) tar-regoli SIM, fit-test li kien fis-seħħ meta seħħew il-fatti tal-kawża, "[i]l-Membri għandhom dritt għal indennizz sħiħ skond ir-rata kurrenti ffissata mill-Bureau sabiex tkopri l-ispejjeż li jirriżultaw mill-attivitajiet parlamentari u li mhumiex koperti minn indennizzi oħra taħt dawn ir-Regoli tal-Proċedura (iktar 'il quddiem imsejjaħ indennizz għall-ispejjeż ġenerali)". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      L-Artikolu 14(1) tar-regoli SIM jipprovdi kif ġej:

"Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-artikolu preżenti, il-membri għandhom dritt għal indennizz (iktar 'il quddiem imsejjaħ indennizz ta' assistenza parlamentari) li jkopri l-ispejjeż li jirriżultaw mill-ħatra ta' jew mill-użu ta' servizzi ta' assistent jew aktar [...]." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      Skond l-Artikolu 14(2) u (7)(b) tar-regoli SIM, il-membru jista' jiddelega lil persuna terza, magħrufa bħala "persuna terza li tħallas", il-ġestjoni amminisrattiva, totali jew parzjali, ta' l-indennizz ta' assistenza parlamentari tiegħu (imsejjaħ ukoll "indennizz ta' segretarjat").

12      Skond l-Artikolu 16(2) tar-regoli SIM:

"Jekk jiġi stabbilit li tħallsu somom li ma kinux dovuti bħala indennizz ta' assistenza parlamentari, is-Segretarju Ġenerali għandu jagħti l-istruzzjonijiet neċessarji bil-għan li jittieħdu proċeduri għall-irkupru ta' dawn is-somom mingħand il-membru in kwistjoni."

13      Skond l-Artikolu 27 tar-regoli SIM:

"2.       Membru li jidhirlu li d-dispożizzjonijiet preżenti ma ġewx applikati korrettament jista' jirreferi l-każ bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali. Jekk ma jintlaħaqx ftehim bejn il-membru u s-Segretaju Ġenerali, il-każ għandu jintbagħat quddiem il-Kwesturi li għandhom jieħdu deċiżjoni wara konsultazzjoni mas-Segretarju Ġenerali. Il-Kwesturi jistgħu jikkonsultaw ukoll mal-President u/jew mal-Bureau.

3.       Jekk is-Segretarju Ġenerali, b'konsultazzjoni mal-Kwesturi, jikkonvinċi ruħu li tħallsu somom li ma kinux dovuti bħala indennizzi previsti fir-Regoli tal-Proċedura preżenti lil membri tal-Parlament Ewropew, huwa għandu jagħti struzzjonijiet sabiex jiġu rkuprati dawn is-somom mingħand il-membru kkonċernat.

4.       F'każijiet eċċezzjonali u fuq proposta tas-Segretarju Ġeneral, magħmula wara konsultazzjoni mal-Kwesturi, il-Bureau jista', skond l-Artikolu 73 tar-Regolament Finanzjarju u skond ir-regoli dettaljati għall-eżekuzzjoni tiegħu, jinkariga lis-Segretarju Ġenerali sabiex jissospendi temporanjament il-ħlas ta' l-indennizzi parlamentari sakemm il-membru ma jkunx ħallas lura dawn is-somom użati meta ma kinux dovuti.

Id-deċiżjoni tal-Bureau għandha tittieħed filwaqt li jiġi assigurat l-eżerċizzju effettiv tal-mandat tal-membru u tal-ħidma tajba ta' l-Istituzzjoni, wara s-smigħ tal-membru kkonċernat." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14      Il-paragrafu 4 iċċitat iktar 'il fuq ġie miżjud ma' l-Artikolu 27 tar-regoli SIM b'deċiżjoni tal-Bureau tat-12 ta' Frar 2003.

15      L-Artikolu 5 tar-Regoli Interni dwar l-Eżekuzzjoni tal-Baġit tal-Parlament Ewropew, approvati mill-Bureau fl-4 ta' Diċembru 2002, jipprovdi kif ġej:

"3.       B'deċiżjoni ta' delega meħuda mill-Istituzzjoni, irrappreżentata mill- President tagħha, is-Segretarju Ġenerali huwa appuntat bħala regolatur delegat prinċipali.

4.       Id-delegi jingħataw mir-regolatur delegat prinċipali lir-regolaturi delegati. Is-sotto delegi jingħataw mir-regolaturi delegati lir-regolaturi sotto delegati." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      L-Artikolu 71(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta' Ġunju 2002, dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p.1; iktar 'il quddiem "ir-Regolament Finanzjarju"), jipprovdi kif ġej:

"Ir-riżorsi proprji mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u kull kreditu li huwa identifikat bħala ċert, likwidu u dovut għandhom jiġu kkonstatati permezz ta' ordni għall-irkupru ta' flus mogħtija lill-accountant, segwita minn avviż ta' debitu indirizzata lid-debitur; iż-żewġ dokumenti maħruġa mir-regolatur kompetenti." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17      Skond l-Artikolu 72(2) tar-Regolament Finanzjarju:

"L-istituzzjoni tista' formalment tistabbilixxi kreditu li huwa dovut minn persuni li mhumiex Stati b'deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv skond l-Artikolu 256 tat-Trattat KE." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18      L-Artikolu 73(1) tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi li:

"L-accountant huwa inkarigat mill-ordnijiet għall-irkupru tal-krediti debitament ivverifikati mir-regolatur kompetenti. Huwa għandu l-obbligu li jassigura b'diliġenza l-ġbir tad-dħul tal-Komunitajiet u għandu jassigura li d-drittijiet tagħhom ikunu mħarsa.

L-accountant għandu jipproċedi bl-irkupru permezz ta' tpaċija bejn il-krediti tal-Komunitajiet u kull debitur li huwa stess għandu kreditu ċert, likwidu u dovut fil-konfront tal-Komunitajiet." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

19      Skond l-Artikolu 78(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta' Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (ĠU L 357, p.1):

"L-avviż ta' debitu jinforma lid-[debitur] li:

(a)       l-Komunitajiet stabbilixxew l-ammont li għandu jitħallas;

(b)       l-pagament tad-debitu lill-Komunitajiet [huwa] dovut fuq ċerta data ("id-data tal-ħlas" minn hawn 'il quddiem);

(ċ)       jekk ma jsirx ħlas sad-data tal-ħlas id-debitu jeħel l-imgħax bir-rata msemmija fl-Artikolu 86, bla ħsara għal regolamenti speċifiċi li jistgħu jkunu jgħoddu;

(d)       meta jista' jkun l-istituzzjoni tirkupra [permezz ta' tpaċija] wara li tkun għarrfet lid-debitur;

(e)       jekk ma jsirx ħlas sad-data tal-ħlas l-istituzzjoni tirkupra billi tenforza xi garanzija li kienet ingħatat bil-quddiem;

(f)      jekk wara li jkunu ttieħdu dawn il-passi kollha l-ammont ma jkunx irkuprat kollu, l-istituzzjoni tagħmel l-irkupru bl-enfurzar ta' deċiżjoni skond l-Artikolu 72(2) tar-Regolament Finanzjarju jew b'azzjoni legali.

L-uffiċjal li jawtorizza [ir-regolatur] jibgħat l-avviż ta' debitu lid-debitur u kopja lill-uffiċjal tal-kontijiet [accountant]."

20      L-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 2342/2002 jipprovdi li:

"1.       L-ammont li għandu jitħallas għandu jkun ibbażat fuq dokumenti ta' sostenn li jiċċertifikaw l-intitolament tal-Komunitajiet.

2.       Qabel ma jistabbilixxi l-ammont li għandu jitħallas l-uffijċal li jawtorizza [ir-regolatur] responsabbli jara d-dokumenti ta' sostenn personalment, jew taħt responsabbilta' tiegħu, jaċċerta li dan ikun sar."

21      Skond l-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 2342/2002:

"F'kull punt tal-proċedura, l-uffiċjal tal-kontijiet [accountant], wara li jkun informa lill-uffiċjali li jawtorizza [ir-regolatur] responsabbli u lid-debitur, jirkupra ammonti stabbiliti permezz ta' kumpens [tpaċija], fejn id-debitur għandu jieħu mingħand il-Komunitajiet, meta li għandu jieħu huwa ċert, ammont fiss u li jrid jingħata minħabba somma stabbilita f'ordni ta' pagament."

22      Skond l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura nru 2342/2002:

"1.       Bla ħsara lill-Artikolu 83, jekk l-ammont sħiħ ma jkunx tħallas sad-data li kellu jitħallas kif speċifikata fl-avviż ta' debitu, l-uffiċjal tal-kontijiet [accountant] irid jgħarraf lill-uffiċjal li jawtorizza [ir-regolatur] responsabbli u mingħajr dewmien jibda l-proċedura biex isir irkupru b'kull mod previst mil-liġi, inkluż, fejn jgħodd, bl-infurzar ta' garanzija mogħtija bil-quddiem.

2.       Bla ħsara lill-Artikolu 83, fejn il-metodu ta' rkupru msemmi fil-paragrafu 1 ma jistax jintuża u d-debitur naqas li jħallas wara l-ittra ta' nota formali mibgħuta mill-uffiċjal tal-kontijiet [accountant], l-uffiċjal tal-kontijiet [accountant] jinforza deċiżjoni ta' rkupru skond l-Artikolu 72(2) tar-Regolament Finanzjarju jew b'azzjoni legali."

23      L-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1049/2001, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145 p.43), jipprovdi kif ġej:

"Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' l-istituzzjoni, jekk mhemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

24      Mill-1999 Koldo Gorostiaga Atxalandabaso kien membru tal-Parlament Ewropew fil-lista tal-grupp politiku Bask "Euskal Herritarok/Batasuna" (iktar 'il quddiem l-"EH/B"). Bis-saħħa ta' digriet tal-Juzgado de Instrucción nru 5 ta' Madrid (Imħallef ta' l-Istruttorja nru 5 ta' Madrid), tas-26 ta' Awwissu 2002, kif ukoll ta' sentenza tat-Tribunal Supremo (Qorti Suprema Spanjola), tas-27 ta' Marzu 2003, l-EH/B ġie ddikjarat illeġittimu fi Spanja. L-appelli mressqa kontra din is-sentenza ta' l-aħħar quddiem it-Tribunal Constitucional (Qorti Kostituzzjonali Spanjola) ġew miċħuda. Id-divjet kontra l-EH/B ma kellux konsegwenzi legali fuq il-mandat Parlamentari tar-rikorrent li huwa baqa' jeżercita sa tmiem il-leġiżlatura, f'Ġunju 2004.

25      L-indennizzi parlamentari tar-rikorrent, sa mill-bidu tal-mandat tiegħu fl-1999 u, l-indennezzi għall-ispejjeż ġenerali u l-indennizzi ta' segretarjat, sal-31 ta' Awwissu 2001, tqiegħdu f'kont kurrenti fil-Banque Bruxelles Lambert SA, f'ismu u f'isem l-EH/B. Dan ta' l-aħħar kien jagħmilha ta' persuna terza li tħallas fis-sens ta' l-Artikolu 14(2) tar-regoli SIM.

26      Fil-21 ta' Marzu 2002, ir-rikorrent ġibed is-somma ta' EUR 210, 354 mill-ktieb tal-bank li jikkorrespondi għall-kont kurrenti.

27      L-għada li nġibdet din is-somma, jiġifieri fit-22 ta' Marzu 2002, is-Sur Gorrotxategi, it-teżorier ta' l-EH/B u l-accountant tar-rikorrent, twaqqaf mal-wasla tiegħu fit-territorju Franċiż mill-Belġju. Il-Prim Imħallef Istruttur tat-Tribunal de grande instance de Paris għalhekk ordna s-sekwestru tas-somma ta' EUR 200, 304 li kellu fuqu s-Sur Gorrotxategi.

28      Il-Bureau tal-Parlament sema' għall-ewwel darba b'dan il-każ fil-laqgħa tat-8 ta' April 2002. Il-punt 8.2 tal-minuti ta' l-imsemmija laqgħa jipprovdi kif ġej:

"Il-Bureau […]

–        jieħu nota li l-istampa rrapportat li l-awtoritajiet Franċiżi waqqfu żewġ membri ta' partit politiku nazzjonali li kellhom fil-pussess tagħhom somma kunsiderevoli ta' flus kontanti, li ddikkjaraw li din is-somma kienet ingħatat lil membru Parlamentari fil-qadi ta' dmirijietu bħala membru tal-Parlament Ewropew;

–        jordna, wara li sema' d-dikjarazzjoni tal-President, lis-Segretarju Ġenerali sabiex jieħu l-miżuri kollha neċessarji li titlob is-sitwazzjoni, b'mod partikolari sabiex jivverifika jekk l-ispejjeż li għamel il-membru kkonċernat humiex konformi mad-diversi Regoli tal-Proċedura applikabbli u sabiex jirrapporta lill-Kwesturi dwar kull eventwali ksur ta' dawn ir-Regoli tal-Proċedura".

29      B'ittra tat-12 ta' April 2002, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament (iktar 'il quddiem "is-Segretarju Ġenerali") fakkar lir-rikorrent bid-diversi indennizzi mogħtija lilu mill-bidu tal-mandat tiegħu u talbu sabiex, qabel l-aħħar ta' April 2002, jagħti indikazzjonijiet dettaljati dwar l-użu tal-fondi mogħtija bħala indennizz ta' segretarjat mill-1999 sal-31 ta' Jannar 2001, kif ukoll kjarifiki dwar l-użu tal-fondi mogħtija lilu bħala indennizz għall-ispejjeż ġenerali.

30      Ir-rikorrent wieġeb b'ittra tas-6 ta' Mejju 2002 li fiha ta rendikont finanzjarju dwar l-użu li sar mill-indennizzi ta' segretarjat u għall-ispejjeż ġenerali fis-snin 1999, 2000 u 2001. Skond dan ir-rendikont, ir-rikorrent kien debitur ta' l-EH/B għal EUR 103,269.79, ta' tliet assistenti għal EUR 51,070.19 u tad-dipartimenti tas-sigurtà soċjali għal EUR 15,359.46, jiġifieri għal ammont totali ta' EUR 169,699.44.

31      B'konsegwenza ta' dawn il-kjarifiki mogħtija mir-rikorrent, is-Segretarju Ġenerali talbu, b'ittra tas-7 ta' Ġunju 2002, sabiex iwettaq verifika ta' l-użu ta' dawn l-indennizzi. Huwa kkonstata wkoll, fl-imsemmija ittra, li r-rikorrent ma użax, bħala l-indennizz ta' segretarjat, ammont ta' EUR 58,155.82 u talab il-ħlas lura ta' dan l-ammont minnufih. Fir-rigward ta' din l-aħħar somma, ir-rikorrent intrabat li jħallasha lura lill-Parlament billi jħallas l-ammont ta' EUR 3,000 fix-xahar.

32      Ir-rikorrent wieġeb għal din l-ittra fl-20 ta' Ġunju 2002 billi osserva li s-somma ta' madwar EUR 200,000 sekwestrata mill-awtoritajiet Franċiżi kienet ġejja esklużivament mill-Parlament, li l-kont kurrenti minn fejn ittieħedet kien jirċievi esklużivament ħlasijiet mill-Parlament u li r-rifużjoni ta' din is-somma kienet kundizzjoni indispensabbli sabiex ikunu sodisfatti, jekk ikun il-każ, l-obbligi tiegħu fil-konfront tal-Parlament. Ir-rikorrent talab ukoll lis-Segretarju Ġenerali sabiex jikteb dikjarazzjoni li tindika minn fejn ġejja s-somma msemmija bil-għan li juriha quddiem il-Prim Imħallef Istruttur tat-Tribunal de grande instance de Paris. Barra minn dan, huwa wera li jaqbel mal-proposta tas-Segretarju Ġenerali li titwettaq verifika minn awditur.

33      Is-Segretarju Ġenerali wieġeb b'ittra tat-8 ta' Lulju 2002, li magħha kienet annessa dikjarazzjoni dwar il-ħlasijiet kollha magħmula mill-Parlament fuq il-kont kurrenti. Minn din id-dikjarazzjoni jirriżulta li l-Parlament ħallas fl-imsemmi kont, mill-1 ta' Lulju 1999 sal-31 ta' Diċembru 2001, is-somma totali ta' EUR 495,891.31 bħala indennizzi għal spejjeż ta' vjaġġar, spejjeż ġenerali u spejjeż ta' segretarjat (l-indennizz għal spejjeż ta' segretarjat kien tħallas f'kontijiet oħra mill-1 ta' Settembru 2001).

34      B'nota tad-9 ta' Jannar 2003, id-Direttur Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament ikkomunika lir-rikorrent ir-rapport ta' l-awdituri (bid-data tad-19 ta' Diċembru 2002) dwar il-ħlasijiet magħmula bħala indennizzi għall-ispejjeż ġenerali u ta' segretarjat. Din il-verifika saret minn kumpannija privata, magħżula bi qbil komuni bejn il-partijiet.

35      Skond punt 4 tar-rapport, il-verifika ta' l-awdituri kienet tikkonċerna s-somom imħallsa bejn l-1 ta' Lulju 1999 u l-31 ta' Diċembru 2001 bħala indennizzi għall-ispejjeż ġenerali u ta' segretarjat.

36      Skond ir-rapport ta' l-awdituri, il-Parlament kien ta lir-rikorrent, mill-1 ta' Lulju 1999 sal-31 ta' Diċembru 2001, bħala spejjeż ġenerali, is-somma ta' EUR 104,021, li minnhom 103,927 ġew debitament iġġustifikati. Matul l-istess perijodu, il-Parlament ħallas lir-rikorrent, bħala spejjeż ta' segretarjat, is-somma ta' EUR 242,582. Fir-rigward ta' din is-somma ta' l-aħħar, EUR 53,119 ġew debitament iġġustifikati, filwaqt li r-rikorrent ma pproduċa l-ebda dokument li jiġġustifika l-użu ta' EUR 189,463.

37      Fir-rigward ta' dan ir-rapport, ir-rikorrent għamel osservazjonijiet u ssottomettihom ma' dan l-istess rapport.

38      B'ittra tat-30 ta' Jannar 2003, is-Segretarju Ġenerali informa lir-rikorrent li, fid-dawl tar-rapport ta' l-awdituri, huwa kien mistieden jipproduċi, qabel il-laqgħa suċċessiva tal-Bureau li kienet ippjanata għall-10 ta' Frar, id-dokumenti li kienu jiġġustifikaw l-użu tas-somma ta' EUR 189,463.

39      B'ittra tas-6 ta' Frar 2003, ir-rikorrent ipproduċa dokumenti probatorji u ta kjarifiki ulterjuri.

40      Fit-12 ta' Frar 2003, il-Bureau ddeċieda li jqabbad lis-Segretarju Ġenerali sabiex jiddetermina l-ammont eżatt tad-debitu tar-rikorrent u sabiex jitolbu jħallas lura dan l-ammont.

41      Fis-26 ta' Frar 2003, is-Segretarju Ġenerali bagħat ittra lir-rikorrent li fiha indika li, abbażi ta' l-elementi li huwa stess ipproduċa fl-ittra tiegħu tas-6 ta' Frar ta' 2003, seta' jiġi ġġustifikat b'mod suffiċjenti ammont ta' EUR 12,947 biss. Rigward l-ispejjeż l-oħra, is-Segretarju Ġenerali ddikjara li ma setax jikkunsidrahom peress li dawn ma kinux iġġustifikati minn dokumenti konformi, ma kinux jirrigwardaw l-indennizz ta' segretarjat, jew kienu jirreferu għal ammonti li kienu għadhom ma ngħatawx lill-benefiċċjarji. L-ammont inizjali, għalhekk, tnaqqas għal EUR 176,516. Is-Segretarju Ġenerali stieden lir-rikorrent sabiex jikkuntattja lis-servizzi tal-Parlament bil-għan li jintlaħaq ftehim fir-rigward ta' kif kien ser isir il-ħlas lura.

42      Fl-10 ta' Marzu 2003, ġiet miċħuda b'digriet it-talba ppreżentata mir-rikorrent quddiem l-Imħallef Istruttur tat-Tribunal de grande instance de Paris għar-rifużjoni ta' l-ammont sekwestrat ta' EUR 200,304. Skond l-informazzjoni mogħtija mill-avukat tar-rikorrent, din il-kontroversja hija attwalment pendenti quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

43      L-avukat tar-rikorrent talab ċerti dokumenti u kjarifiki, li ngħatawlu, parzjalment, mis-Segretarju Ġenerali b'ittra tas-16 ta' April 2003; ir-rikorrent għalhekk ressaq, fil-21 ta' April 2003, appell amministrattiv skond l-Artikolu 27(2) tar-regoli SIM kontra l-ittra tas-Segretarju Ġenerali tas-26 ta' Frar 2003.

44      Is-Segretarju Ġenerali wieġeb b'ittra tas-17 ta' Lulju 2003 għall-appell amministrattiv ippreżentat mir-rikorrent. Fl-opinjoni tiegħu, l-appell kien indirizzat, fir-realta', kontra d-deciżjoni tal-Bureau tat-12 ta' Frar 2003. Huwa osserva li din id-deċiżjoni ta' l-aħħar kienet sempliċement tindirizza lir-rikorrent, kif ukoll lis-servizzi legali tal-Parlament, istruzzjonijiet li setgħu jwasslu għal deċiżjonijiet dwar l-istess rikorrent. Is-Segretarju Ġenerali indika, barra minn dan, li l-proċess kien għadu jinsab fil-fażi ta' investigazzjoni, bil-għan li eventwalment issir konsultazzjoni mal-Kwesturi skond l-Artikolu 27(2) tar-regoli SIM u li għalhekk, peress li ma kien hemm l-ebda deċiżjoni tal-Bureau li tikkonċerna direttament lir-rikorrent, huwa ma kienx obbligat jeżamina t-talba fil-mertu tagħha.

45      Suċċessivament, ir-rikorrent ippreżenta dokumenti oħra, b'mod partikolari inġunzjoni sabiex jidher quddiem id-Dipartiment tal-Ġustizzja, tax-Xogħol u tas-Sigurtà Soċjali ta' l-amministrazzjoni tal-Komun Awtonomu ta' Euskadi, bil-għan li jintlaħaq ftehim dwar it-talba ppreżentata minn tliet assistenti tiegħu dwar il-ħlas ta' arretrati tas-salarji li jammontaw għal EUR 50,865.43. Huwa pproduċa wkoll rendikont ta' spejjeż b'ammont totali ta' EUR 63,308.64, sostnuti fil-perijodu li kien is-suġġett tal-verifika mill-awdituri, bħala spejjeż personali marbuta mar-residenza tar-rikorrent u ta' l-assistenti tiegħu fi Brussell. Dawn l-ispejjeż ta' l-aħħar daħal għalihom l-EH/B li, skond ftehim milħuq ma' dan ta' l-aħħar, kellu jżomm somma sħiħa ta' EUR 600 fuq is-salarju ta' kull assistent. Dan l-ammont kien għadu ma tħallasx u, għalhekk, kien dovut lill-EH/B.

46      Is-Segretarju Ġenerali rrifjuta li jieħu dawn il-fatti in kunsiderazzjoni. B'ittra tat-18 ta' Diċembru 2003, min-naħa waħda, qal li r-rikorrent ma pproduċiex dokumenti li jiġġustifikaw il-ħlas ta' l-arretrati tas-salarji li kienu s-suġġett tal-ftehim. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fatturi relatati ma' l-ispejjeż personali, huwa kkonstata n-nuqqas ta' dokumenti li juru l-eżistenza ta' obbligi kuntrattwali li għall-eżekuzzjoni tagħhom kellu jingħata l-ammont ta' EUR 63,308.64 u indika, barra minn dan, li dawn il-fatturi ma nħarġux, fil-maġġoranza tagħhom, f'isem EH/B, iżda f'isem persuna oħra.

47      B'ittra tat-28 ta' Jannar 2004, is-Segretarju Ġenerali fakkar lir-rikorrent li d-debitu tiegħu fil-konfront tal-Parlament kien jammonta, fid-dawl tal-verifika ta' l-awdituri u tad-dokumenti probatorji prodotti u suċċessivament aċċettati, għal EUR 176,516 (ara l-punti 38 u 41 iktar 'il fuq). Huwa indika li, peress li r-rikorrent kien diġà beda jħallas lura parti mid-debitu, li tammonta għal EUR 58,155.82, bi ħlas ta' EUR 3 000 fix-xahar (ara l-punt 31 iktar 'il fuq), kien baqa' bilanċ ta' EUR 118,360.18.

48      Is-Segretarju Ġenerali ppreċiża li, skond l-Artikolu 16(2), u l-Artikolu 27(3), tar-regoli SIM, huwa kellu jagħti l-istruzzjonijiet neċessarji għall-irkupru tas-somma ta' EUR 118,360.18 mogħtija indebitament jew, jekk neċessarju, jissuġġerixxi lill-Bureau li jiġu sospiżi temporanjament uħud mill-indennizzi tar-rikorrent, skond l-Artikolu 27(4) ta' l-istess regoli.

49      Fid-9 ta' Frar 2004, is-Segretarju Ġenerali sema' lir-rikorrent. Skond il-minuti relattivi, is-Segretarju Ġenerali kellu l-intenzjoni li jippreżenta proposta lill-Bureau għal-laqgħa tiegħu tal-25 ta' Frar 2004.

50      B'ittra ta' l-24 ta' Frar 2004, is-Segretarju Ġenerali kiteb lir-rikorrent dan li ġej:

"B'referenza għall-ittra tiegħi tat-28 ta' Jannar li għadda u wara s-smigħ tiegħek fid-9 ta' dax-xahar, nitolbok issib annessa ma' din l'ittra d-deċiżjoni tiegħi, li ħadt skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Finanzjarju ta' l-Unjoni kif ukoll tar-regoli dwar l-ispejjeż u l-indennizzi lill-membri, rigward il-ħlas lura ta' EUR 118,360.18 li inti għandek tagħti lill-Parlament. Il-Bureau ser jiġi informat b'dan fil-laqgħa li jmiss […]"

51      Id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali ta' l-24 ta' Frar 2004, mehmuża ma' l-ittra imsemmija iktar 'il fuq (iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni kkontestata"), hija bbażata fuq l-Artikoli 16 u 27 tar-regoli SIM u fuq l-Artikoli 71 u 73 tar-Regolament Finanzjarju. Id-deċiżjoni kkontestata tirreferi wkoll għal konsultazzjoni mal-Kwesturi li saret fl-14 ta' Jannar 2004. Skond l-ewwel premessa tad-deċiżjoni kkontestata, is-somma dovuta lill-Parlament tammonta għal EUR 176,576 u, peress li r-rikorrent diġà ħallas lura EUR 58,155.82 permezz ta' ħlas ta' EUR 3,000 fix-xahar (ara l-punt 47 iktar 'il fuq), l-ammont li għad irid jitħallas lura huwa ta' EUR 118,360.18. Fl-istess deċiżjoni tissemma' ordni ta' rkupru nru 92/332, tat-18 ta' Marzu 2003, maħruġa mir-regolatur sotto delegat tal-Parlament għall-ammont ta' EUR 118,360.18.

52      Skond it-tieni premessa tad-deċiżjoni kkontestata, b'konformità ma' l-Artikoli 16(2) u 27(3) tar-regoli SIM, kien meħtieġ li tiġi rkuprata s-somma ta' EUR 118,360.18 permezz ta' tpaċija ma' l-indennizzi parlamentari l-inqas essenzjali għall-eżekuzzjoni tal-mandat elettiv tar-rikorrent.

53      Skond id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata:

"1.       Mill-indennizzi dovuti lil Koldo Gorostiaga Atxalandabaso, membru tal- Parlament Ewropew, għandhom jinżammu, sakemm jiġi sodisfatt id-debitu tiegħu fil-konfront tal-Parlament Ewropew li jammonta għal EUR 118,360.18:

–        50% ta' l-indennizz għall-ispejjeż ġenerali,

–        50% ta' l-indennizz għall-akkomodazzjoni.

2.       F'każ li jintemm il-mandat ta' Koldo Gorostiaga Atxalandabaso, membru tal-Parlament Ewropew, għandhom jinżammu, sakemm jiġi sodisfatt id-debitu tiegħu fil-konfront tal-Parlament Ewropew:

–        l-indennizz tranżitorju li jingħata meta jintemm il-mandat,

–        kull somma oħra dovuta lill-membru."

54      B'ittra ta' l-1 ta' Marzu 2004, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar id-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li talab dokumenti u kjarifiki ulterjuri, kif ukoll aċċess sħiħ għall-inkartament li ta lok għad-deċiżjonijiet li kienu jirrigwardawh.

55      Is-Segretarju Ġenerali wieġeb b'ittra tal-31 ta' Marzu 2004, li fiha pprovda ċerti kjarifiki u indika li l-aċċess għall-inkartament sħiħ kellu jingħata lir-rikorrent fil-limiti mposti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 45/2001, tat-18 ta' Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU 2001, L 8, p.1).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

56      B'att ippereżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-20 ta' April 2004, ir-rikorrent ressaq dan ir-rikors. Fid-29 ta' Ġunju 2004, il-Parlament ippreżenta r-risposta tiegħu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

57      B'att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-13 ta' Lulju 2004, ir-Renju ta' Spanja talab sabiex jintervjeni f'din il-proċedura in sostenn tal-Parlament. B'digriet ta' l-14 ta' Ottubru 2004, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza aċċetta dan l-intervent. L-intervenjent ippreżenta n-nota tiegħu fit-terminu stabbilit.

58      Abbażi tar-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, il-partijiet ġew mistiedna jwieġbu bil-miktub għal diversi mistoqsijiet.

59      Wara li semgħet lill-partijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza rreferiet il-kawża lit-Tieni Awla Estiża.

60      Il-partijiet wieġbu r-rikorrent, b'ittra ppreżentata fis-27 ta' Mejju 2005 u l-Parlament, b'ittra ppreżentata fl-1 ta' Ġunju 2005, għall-miżuri ta' organizazzjoni tal-proċedura adottati mill-Qorti tal-Prim'Istanza billi pproduċew ukoll ċerti dokumenti.

61      It-trattazzjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula lilhom mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu fis-seduta tat-12 ta' Settembru 2005.

62      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

63      Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

64      Ir-Renju ta' Spanja jitlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

65      In sostenn tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent iressaq tmien motivi ta' annullament, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq il-vjolazzjoni tar-regoli SIM, fit-tieni lok, fuq il-vjolazzjoni tal-"prinċipju ta' oġġettività u ta' imparzjalità", fit-tielet lok, fuq il-vjolazzjoni tal-prinċipju tal-kontradittorju u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, fir-raba' lok, fuq il-vjolazzjoni tar-regoli dwar in-notifika tad-deċiżjonijiet, fil-ħames lok, fuq il-vjolazzjoni ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, fis-sitt lok, fuq il-vjolazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza u ta' nondiskriminazzjoni, fis-seba' lok, fuq l-abbuż tal-poter u, fit-tmien lok, fuq żbalji fl-evalwazzjoni tad-dokumenti probatorji preżentati lis-Segretarju Ġenerali.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-vjolazzjoni tar-regoli SIM

 L-argumenti tal-partijiet

66      L-ewwel motiv jinqasam f'ħames kapi. L-ewwel żewġ kapi huma bbażati, rispettivament, fuq in-nuqqas ta' osservanza ta' l-Artikolu 27(2) u (4) tar-regoli SIM u t-tlieta l-oħra fuq il-vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipju ta' ugwaljanza u ta' l-Artikolu 27(3) tar-regoli SIM.

67      Rigward il-vjolazzjoni ta' l-Artikolu 27(2) tar-regoli SIM, ir-rikorrent josserva li, wara l-ittra tiegħu tal-21 ta' April 2003 (ara l-punt 43 iktar 'il fuq), li fiha huwa kien qal li r-regoli SIM ma kinux ġew applikati b'mod korrett fil-konfront tiegħu, u fid-dawl tal-fatt li ma ntlaħaq l-ebda ftehim bejn is-Segretarju Ġenerali u l-istess rikorrent, din il-kwistjoni kellha tintbagħat quddiem il-Kwesturi b'konformità ma' l-imsemmi artikolu sabiex dawn ta' l-aħħar jiddeċiedu wara konsultazzjoni mas-Segretarju Ġenerali u, eventwalment, mal-President jew mal-Bureau. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ttieħdet mis-Segretarju Ġenerali, li mhuwiex kompetenti f'dan ir-rigward.

68      Rigward il-vjolazzjoni ta' l-Artikolu 27(4) tar-regoli SIM, ir-rikorrent ifakkar li, skond din id-dispożizzjoni, il-Bureau biss huwa kompetenti li jiddeċiedi dwar l-irkupru ta' somom riċevuti indebitament bħala indennizzi parlamentari permezz ta' tpaċija ma' indennizzi dovuti lill-membru in kwistjoni.

69      Rigward il-vjolazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza, ir-rikorrent isostni li l-Parlament, fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta' l-ismijiet tal-membri li kellhom xi kwistjoni pendenti ma' l-Istituzzjoni, aġġixxa b'mod diskriminatorju. Filwaqt li s-soltu l-Parlament ma jikkomunikax informazzjoni personali f'dan ir-rigward, din il-prattika ma kinitx segwita fil-konfront tiegħu. F'dan ir-rigward, ir-rikorrent josserva li f'Marzu 2003 ir-rappreżentanza tal-Parlament fi Spanja xerrdet analiżi ta' l-istampa li kienet tiġbor fiha l-artikli tal-gazzetti Spanjoli li joħorġu ta' kuljum dwar il-kwistjoni preżenti, analiżi li kienet sfavorevoli fil-konfront tiegħu. Din l-imġiba tmur kontra, fl-istess waqt, id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ta' data personali u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar 'il quddiem "il-KEDB").

70      Rigward il-vjolazzjoni ta' l-Artikolu 27(3) tar-regoli SIM, ir-rikorrent jikkunsidra li, għall-kuntrarju ta' dak li timponi din id-dispożizzjoni, is-Segretarju Ġenerali, mingħajr konsultazzjoni minn qabel mal-Kwesturi, ikkunsidra bħala fatt ċert, sa mid-deċiżjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2003 (ara l-punt 41 iktar 'il fuq), li s-somma ta' EUR 176,516 kienet ingħatat indebitament.

71      Rigward l-ewwel żewġ kapi ta' dan il-motiv, il-Parlament isostni li minn qari ta' l-Artikolu 16(2) flimkien ma' l-Artikolu 27(2) sa (4) tar-regoli SIM jirriżulta li dawn l-istess regoli jipprevedu tliet proċeduri distinti f'każ ta' kontestazzjoni jew ta' nuqqas fir-rigward tal-ħlas jew ta' l-użu tad-diversi indennizzi.

72      L-ewwel proċedura, deskritta fl-Artikolu 27(2), tirrigwarda l-konstatazzjoni tad-drittijiet finanzjarji tal-membru u tal-ħlas ta' l-ispejjeż u ta' l-indennizzi u tiġi applikata f'każ ta' differenza fl-evalwazzjoni bejn il-membru kkonċernat u l-istituzzjoni. F'dan il-każ, skond il-Parlament, il-membru għandu l-ewwel jirreferi l-każ quddiem is-Segretarju Ġenerali, li jista' jilqa' "l-ilment" tiegħu. F'każ ta' nuqqas ta' qbil bejn il-partijiet, il-kwistjoni tintbagħat quddiem il-Kwesturi, li jiddeċiedu wara konsultazzjoni fakultattiva mas-Segretarju Ġenerali u mal-President jew mal-Bureau.

73      It-tieni proċedura, deskritta fl-Artikolu 16(2) u fl-Artikolu 27(3), tirrigwarda l-kontroll a posteriori ta' l-użu tas-somom mogħtija lill-membru bħala spejjeż u indennizzi kif ukoll l-irkupru tas-somom mogħtija indebitament. Skond il-Parlament, meta s-Segretarju Ġenerali jkun ċert li xi somom ingħataw indebitament bħala indennizzi parlamentari (minħabba li ma jkunux intużaw b'mod konformi mar-regoli SIM), huwa għandu jipproċedi għall-irkupru tagħhom. Dejjem skond il-Parlament, l-Artikolu 27(2) mhuwiex applikabbli għal din il- proċedura, in kwantu l-applikazzjoni tiegħu tagħmel impossibbli l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 27(3) u (4) peress li teskludi kull deciżjoni definittiva tas-Segretarju Ġenerali.

74      It-tielet proċedura, prevista mill-Artikolu 27(4), tirrigwarda dawk il-każijiet eċċezzjonali fejn is-sospensjoni temporanja tal-ħlas ta' l-indennizzi parlamentari tista' tiġi deċiża mill-Bureau.

75      Il-Parlament jinvoka wkoll l-Artikoli 71 u 73 tar-Regolament Finanzjarju, filwaqt li jenfasizza li deċiżjoni ta' rkupru għandha tirrispetta d-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmi regolament. Il-Parlament jirreferi wkoll għall-Artikolu 5 tar-Regoli Interni dwar l-Eżekuzzjoni tal-Baġit tiegħu (ara l-punt 15 iktar 'il fuq). Skond dan l-artikolu, is-Segretarju Ġenerali huwa maħtur bħala regolatur delegat prinċipali. Għall-kuntrarju, m'huwa previst l-ebda rwol, f'dan il-kuntest, għall-Bureau jew għall-Kwesturi. Il-Parlament jenfasizza li l-irkupru tad-debitu tar-rikorrent sar permezz ta' tpaċija skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 73(1) tar-Regolament Finanzjarju (ara l-punt 18 iktar 'il fuq).

76      Il-Parlament jenfasizza li l-kontroversja preżenti tirrigwarda esklużivament il-proċedura ta' l-Artikolu 27(3) tar-regoli SIM u mhux dik ta' l-Artikolu 27(2) ta' l-istess regoli. Il-Parlament jippreċiża, fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li, fil-fatt, huwa kkunsidra li kien jaqbel li l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 27(3) tar-regoli SIM jiġu applikati f'daqqa.

77      Rigward l-ittra tar-rikorrent tal-21 ta' April 2003 (ara l-punt 67 iktar 'il fuq), il-Parlament josserva li din l-ittra ma setgħetx tibda l-proċedura ta' l-Artikolu 27(2) tar-regoli SIM, peress li s-Segretarju Ġenerali, f'dak iż-żmien, ma kienx għadu ħa deċiżjoni definittiva.

78      Barra minn dan, il-Parlament isostni li lanqas ma ġiet applikata l-proċedura ta' l-Artikolu 27(4) tar-regoli SIM. Billi mexa fuq il proċedura ta' l-Artikolu 27(3) tar-regoli SIM, il-Parlament ma kkontestax l-ispejjeż u l-indennizzi li kellhom jingħataw lir-rikorrent, iżda uża parti minnhom, permezz ta' tpaċija, sabiex inaqqas is-somma li r-rikorrent kien debitur tagħha. Li kieku l-Parlament issospenda l-ħlas ta' l-indennizzi abbażi ta' l-Artikolu 27(4) tar-regoli SIM, ma kienx ikun hemm somom li sussegwentament setgħu jintużaw sabiex ipaċu d-debitu tar-rikorrent fil-konfront tal-Parlament.

79      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 27(4) tar-regoli SIM ma jiddeskrivix proċedura ta' tpaċija, iżda jagħti lill-Parlament il-possibilità li jagħmel pressjoni fuq il-membri tiegħu permezz tas-sospensjoni temporanja tal-ħlas ta' l-indennizzi, sakemm il-membru in kwistjoni jħallas lura, fuq inizjattiva tiegħu stess, l-ammonti riċevuti indebitament bħala indennizzi parlamentari. Skond il-Parlament, hija involuta dispożizzjoni miktuba ħażin li, għal din ir-raġuni, hija bla effett fil-formulazzjoni attwali tagħha.

80      Il-Parlament, fl-aħħar nett, jenfasizza li l-argument tar-rikorrent rigward vjolazzjoni tad-dispożizzjoni dwar il-protezzjoni ta' data personali huwa infondat fil-fatt u fid-dritt, u għaldaqstant huwa bla effett. Rigward il-vjolazzjoni ta' l-Artikolu 8 tal-KEDB, il-Parlament iqajjem l-inamissibbiltà ta' dan il-motiv minħabba li jidher għall-ewwel darba fir-replika.

81      Ir-Renju ta' Spanja adotta l-argument tal-Parlament fir-rigward ta' l-analiżi tat-tliet proċeduri deskritti fl-Artikoli 16 u 27 tar-regoli SIM u fir-rigward ta' l-applikabbiltà tat-tieni waħda minn dawn il-proċeduri fil-każ in kwistjoni. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 27(3) jikkostitwixxu l-bażi legali korretta tad-deċiżjoni kkontestata.

82      Matul is-seduta, ir-Renju ta' Spanja espona, sussidjarjament, xi riflessjonijiet rigward il-konsegwenzi eventwali f'każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-Artikolu 27(4) tar-regoli SIM kien imissu ttieħed bħala bażi legali korretta mill-Parlament. F'dan il-każ, l-annullament eventwali tad-deċiżjoni kkontestata jerġa' jqiegħed il-kontroversja fil-fażi ta' qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u tagħti lok għal regolarizzazzjoni tal-proċedura. F'dan il-kuntest, ir-Renju ta' Spanja invoka s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ottubru 1998, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill (T-2/95, Ġabra p. II‑3939). Skond l-analiżi tar-Renju ta' Spanja, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tirreferi għall-punt 91 ta' l-imsemmija sentenza u tiddikjara li, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fuq din il-bażi, m'hemmx lok li tiġi kkontestata l-proċedura amministrattiva kollha li wasslet għall-adozzjoni tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

–       Fuq l-ewwel żewġ kapi ta' l-ewwel motiv

83      Rigward l-ewwel kap, ibbażat fuq vjolazzjoni ta' l-Artikolu 27(2) tar-regoli SIM, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tipprevedi proċedura li tvesti lill-Kwesturi bil-kompetenza sabiex jiddeċiedu dwar kull kontroversja li tirrigwarda l-applikazzjoni tar-regoli SIM bejn membru u s-Segretarju Ġenerali. Din hija dispożizzjoni ta' portata ġenerali li tirrigwarda, mingħajr preġudizzju għal regoli speċjali, il-kwistjonijiet kollha rregolati mill-imsemmija regoli (poloz ta' assigurazzjoni, korsijiet tal-lingwi, pensjonijiet, spejjeż mediċi etċ.). Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li din hija dispożizzjoni ġenerali meta mqabbla ma' l-Artikolu 16(2) u ma' l-Artikolu 27(3) u (4) li jirrigwardaw, b'mod partikolari, il-kwistjonijiet marbuta ma' rkupru ta' indennizzi parlamentari mogħtija indebitament. B'konsegwenza ta' dan, fil-preżenza ta' dispożizzjonijiet speċjali, l-Artikolu 27(2) ma japplikax fil-kwistjoni ta' rkupru ta' indennizzi parlamentari mogħtija indebitament (ara, b'mod analogu, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Diċembru 1995, Chiquita Italia, C‑469/93, Ġabra p. I‑4533, punt 61, u tad-19 Ġunju 2003, Mayer Parry Recycling, C‑444/00, Ġabra p. I‑6163, punti 49 sa 57). Għaldaqastant, l-ewwel kap ta' l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

84      Rigward it-tieni kap, ibbażat fuq vjolazzjoni ta' l-Artikolu 27(4) tar-regoli SIM, għandu jiġi ppreċiżat, preliminarjament, li d-deċiżjoni kkontestata fiha, sostanzjalment, żewġ partijiet, jiġifieri, min-naħa waħda, il-konstatazzjoni tas-Segretarju Ġenerali li s-somom hemmhekk imsemmija kienu ngħataw indebitament lir-rikorrent u li kien jeħtieġ li jiġu rkuprati u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni li jsir dan l-irkupru permezz ta' tpaċija ma' l-indennizzi dovuti lir-rikorrent.

85      Il-kap preżenti tal-motiv jirreferi biss għal-legalità tat-tieni parti tad-deċiżjoni kkontestata. F'dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 27(4) jiddeskrivix effettivament proċedura ta' tpaċija u, fl-affermativ, jekk din il-proċedura għandhiex preċedenza, bħala lex specialis, fuq dik ta' l-Artikolu 16(2) u ta' l-Artikolu 27(3) tar-regoli msemmija.

86      Fuq l-ewwel punt, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-Artikolu 27(4), fil-fatt, jiddeskrivi proċedura ta' tpaċija. Din il-konstatazzjoni hija bbażata fuq il-kunsiderazzjonijet li ġejjin. Qabel xejn, l-Artikolu 27(4) jirreferi għall-Artikolu 73 tar-Regolament Finanzjarju kif ukoll għar-regoli dettaljati ta' eżekuzzjoni ta' dan l-artikolu ta' l-aħħar. It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 73(1) tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi għall-obbligu ta' l-accountant ta' kull istituzzjoni sabiex jipproċedi bl-irkupru permezz ta' tpaċija ma' krediti ekwivalenti tal-Komunitajiet fil-konfront ta' kull debitur li, min-naħa tiegħu, ikollu dritt għal kreditu ċert, likwidu u dovut fil-konfront tal-Komunitajiet.

87      Barra minn dan, mill-Artikolu 78(3)(d) sa (f) u mill-Artikoli 83 u 84 tar-Regolament Nru 2342/2002, li jikkonċernaw ir-regoli dettaljati ta' eżekuzzjoni ta' l-Artikoli 71 u 73 tar-Regolament Finanzjarju, jirriżulta li kull istituzzjoni, meta tiġi sabiex tirkupra l-krediti tal-Komunitajiet, għandha tagħti prijorità lil tpaċija u li, f'każ li ma jkunx inkiseb l-irkupru (parzjali jew totali), l-istituzzjoni għandha tgħaddi għall-proċedura ta' rkupru bil-rimedji legali l-oħra (eżekuzzjoni ta' garanzija mogħtija qabel, infurzar ta' titolu bis-saħħa ta' l-Artikolu 72(2) tar-Regolament Finanzjarju jew b'infurzar ta' titolu miksub bis-saħħa ta' proċeduri kontenzjużi).

88      Barra minn dan, għandu jiġi osservat ukoll li l-interpretazzjoni proposta mill-Parlament, li l-Artikolu 27(4) tar-regoli SIM joffri lill-Istituzzjoni l-possibbiltà li tissosspendi, għal kollox jew in parti, il-ħlas ta' l-indennizzi dovuti lil membru sakemm dan ma jħallasx lura, suċċessivament u fuq inizjattiva tiegħu stess, l-ammonti riċevuti indebitament, u dan mingħajr ma tuża, għal dan il-għan, l-ammonti ta' l-indennizzi dovuti lill-istess membru iżda li l-pagament tagħhom ikun sospiż, hija kuntrarja għall-prinċipju ta' proporzjonalità.

89      F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li l-prinċipju ta' proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi li l-azzjonijiet ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jaqbżuz il-limiti ta' dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jinkisbu l-iskopijiet legittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni, bil-kundizzjoni li, meta tkun possibli li ssir għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik l-inqas restrittiva, u li l-inkonvenjenzi kkawżati ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla ma' l-iskopjiet segwiti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Lulju 2005, Rica Foods vs Il-Kummissjoni, C‑41/03 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      Barra minn dan, il-prinċipju ta' proporzjonalità huwa kriterju ta' interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Lulju 2002, MRAX, C‑459/99, Ġabra p I‑6591, punti 61 u 62; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Marzu 1999, Forges de Clabecq vs Il-Kummissjoni, T‑37/97, Ġabra p. II‑859, punt 128, u tad-19 ta' Lulju 1999, Hautala vs Il-Kunsill, T-14/98, Ġabra p. II‑2489, punt 87), b'tali mod li, bejn diversi interpretazzjonijiet possibili ta' dispożizzjoni, għandha tingħata dik l-aktar konformi mal-prinċipju msemmi.

91      F'dan il-każ, l-interpretazzjoni proposta mill-Parlament timplika miżura ta' ġegħil fil-konfront ta' membru parlamentari (is-sospensjoni ta' uħud mill-indennizzi tiegħu sabiex iħallas lura b'inizjattiva tiegħu stess l-ammonti riċevuti indebitament), filwaqt li, sabiex jiġu protetti l-interessi ta' l-Istituzzjoni għal-finijiet ta' l-irkupru ta' ħlas mhux dovut, hija biżżejjed tpaċija mwettqa b'konformità ma' l-Artikolu 73 tar-Regolament Finanzjarju u mar-regoli dettaljati ta' l-eżekuzzjoni tiegħu. Interpretazzjoni bħal din tmur ukoll kontra l-artikoli msemmija fil-punt 87 iktar 'il fuq, li jipprovdu li kull istituzzjoni għandha tirkupra l-krediti tal-Komunitajiet billi tirrikorri, bħala prijorità, għal tpaċija u mbagħad għall-metodi l-oħra ta' rkupru. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni proposta mill-Parlament twassal għall-adozzjoni ta' miżura li tista' toħloq inkonvenjenti sproporzjonati lill-membru kkonċernat.

92      Barra minn dan, il-kliem "temporanjament" u "sakemm il-membru ma jkunx ħallas lura dawn is-somom użati meta ma kinux dovuti" fl-Artikolu 27(4) tar-regoli SIM ma jikkonfermawx l-interpretazzjoni tal-Parlament. It-tifsira tal-kelma "temporanjament", fil-fatt, hija ppreċiżata fl-Artikolu stess, jiġifieri, sakemm il-membru ma jkunx ħallas lura dawn is-somom ta' flus użati meta ma kinux dovuti. Issa, il-kliem "ħallas lura" ma jfissrux bilfors ħlas, imma jistgħu jindikaw ukoll ħlas lura permezz ta' tpaċija, li tikkostitwixxi forma ta' kif żewġ obbligi reċiproki jistgħu jispiċċaw simultanjament (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs CCRE, C‑87/01 P, Ġabra p. I‑7617, punt 59).

93      Fis-seduta, barra minn dan, il-Parlament afferma, f'risposta għal mistoqsija orali, li l-Bureau, meta adotta l-Artikolu 27(4) tar-regoli SIM, kellu l-intenzjoni li jistabilixxi regola speċjali fil-konfront ta' dik li tinsab fl-Artikolu 27(3) ta' l-istess regoli, flimkien ma' ċerti garanziji proċedurali favur il-membru li d-debitu tiegħu jiġi rkuprat permezz ta' tpaċija.

94      Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li mir-rapport ta' l-14 ta' Jannar 2004 dwar il-kontenut tal-laqgħa tal-Kwesturi mas-Segretarju Ġenerali (ippreżentat mill-Parlament fuq talba tal-Qorti tal-Prim'Istanza) jirriżulta li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 27(3) u (4) kienu sodisfatti, li d-deċiżjoni definittiva ttieħdet mill-Bureau u li s-Segretarju Ġenerali kien mistieden jisma' lir-rikorrent qabel il-kwistjoni titressaq quddiem il-Bureau, kundizzjonijiet li jirreferu għall-Artikolu 27(4).

95      Rigward ir-relazzjoni ta' speċjalità bejn l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 27(3), u l-Artikolu 27(4) tar-regoli SIM, il-Qorti tal-Prim'Istanza tinnota li dan l-artikolu ta' l-aħħar jispeċifika l-proċedura li tapplika f'każ fejn hija prevista l-applikazzjoni ta' metodu ta' rkupru (it-tpaċija), li jkopri l-indennizzi dovuti lil membru bl-iskop li dan ikun jista' jeżerċita l-missjoni ta' rappreżentanza tiegħu b'effiċjenza massima, filwaqt li jassigura li dan ikun jista' jeżerċita l-mandat tiegħu b'mod effettiv. Għal din ir-raġuni, din il-proċedura tipprevedi serje ta' garanziji proċedurali u sostanzjali (il-konsultazzjoni minn qabel mal-Kwesturi, l-attribuzzjoni tal-kompetenza sabiex tittieħed deċiżjoni lil korp kollettiv, f'dan il-każ il-Bureau, il-ħarsien ta l-eżerċizzju effettiv tal-mandat tal-membru u tal-ħidma tajba ta' l-istituzzjoni u, fl-aħħar nett, is-smigħ minn qabel tal-membru kkonċernat). Peress li tirrigwarda metodu partikolari ta' rkupru ta' indennizz jew indennizzi mogħtija indebitament, din id-dispożizzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala lex specialis fil-konfront ta' l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 27(3) tar-regoli SIM, kunsiderazzjoni li tiġġustifika, barra minn hekk, il-pożizzjoni tagħha wara l-imsemmi Artikolu 27(3).

96      Huwa f'dan il-kuntest li għandha tinftiehem il-frażi "f'każijiet eċċezzjonali" li tinsab fil-bidu ta' l-Artikolu 27(4) tar-regoli SIM u li tikkonferma li t-tpaċċija tista' tiġi effettwata biss wara li jkunu ġew irrispettati l-garanziji msemmijin fil-punt preċedenti.

97      Il-Qorti tal-Prim'Istanza, għaldaqstant, tikkunsidra li, meta bidel ir-regoli SIM fi Frar 2003 biż-żieda ta' l-Artikolu 27(4), il-Parlament ried jipprovdi li, meta jkun meħtieġ li jiġi rkuprat kreditu mingħand membru permezz ta' tpaċija ma' indennizzi parlamentari dovuti lill-istess membru, dan l-irkupru jista' jsir biss skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 27(4). Għaldaqstant, peress li s-Segretarju Ġenerali ma jistax jordna t-tpaċija in kwistjoni mingħajr ma jkun ġie nkarigat sabiex jagħmel dan mill-Bureau skond il-proċedura prevista f'din id-dispożizzjoni, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata safejn tordna din it-tpaċija.

98      Rigward l-osservazzjonijiet tar-Renju ta' Spanja dwar il-possibilità li jinstab rimedju għal dan in-nuqqas, il-Qorti tal-Prim'Istanza tenfasizza li, skond l-Artikolu 233 KE, mhux fil-kompentenza tagħha li tiddeċiedi dwar l-azzjoni li għandha tieħu istituzzjoni bħala reazzjoni għal sentenza li tannulla, totalment jew parzjalment, att. Għall-kuntrarju, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tadotta l-miżuri li jwasslu għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta' annullament (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, T-67/94, Ġabra p. II‑1, punt 200).

99      Id-deċiżjoni kkontestata għandha għaldaqstant tiġi annullata safejn tipprovdi għall-irkupru ta' l-ammont in kwistjoni permezz ta' tpaċija.

100    Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li jeħtieġ teżamina l-fondatezza tal-motivi l-oħra mressqa sabiex isostnu r-rikors, safejn jirrigwardaw l-eżistenza u l-portata ta' l-obbligu tar-rikorrent li jħallas lura lill-Parlament l-ammont indikat fid-deċiżjoni kkontestata.

–       Fuq it-tielet, ir-raba' u l-ħames kapi ta' l-ewwel motiv

101    It-tielet kap, ibbażat fuq vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża, ser jiġi eżaminat fil- kuntest tat-tielet motiv.

102    Rigward il-vjolazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta' l-ismijiet tal-membri li għandhom kawża pendenti mal-Parlament u l-vjolazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ta' data personali (ara l-punt 69 iktar 'il fuq), huwa biżżejjed li jiġi osservat li r-rikorrent la jindika mġiba partikolari tal-Parlament li tikkostitwixxi vjolazzjoni bħal din, la l-informazzjoni li kienet ikkomunikata u lanqas ir-rabta li teżisti bejn din il-komunikazzjoni u d-deċiżjoni kkontestata. It-tixrid ta' l-analiżi tal-gazzetti b'artikli dwar din il-kwistjoni ma jikkostitwixxix azzjoni b'rabta mad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-artikli in kwistjoni nkitbu minn persuni li m'għandhom l-ebda rabta mal-Parlament. It-tielet kap ta' l-ewwel motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.

103    Fl-aħħar nett, il-kap ta' dan il-motiv dwar il-vjolazzjoni ta' l-Artikolu 27(3) tar-regoli SIM, li jipprovdi li s-Segretarju Ġenerali, mingħajr ma kkonsulta qabel mal-Kwesturi, qies bħala vverifikat, sa mid-deċiżjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2003, il-ħlas indebitu tas-somma ta' EUR 176,516 (ara l-punt 70 iktar 'il fuq), għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli skond l-Artikolu 44(1)(ċ) u l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Fil-fatt, kien biss fil-punti 30 sa 32 tar-replika tiegħu li r-rikorrent invoka dan il-motiv, filwaqt li l-fatti mressqa in sostenn tiegħu (id-deċiżjoni tal-Bureau tat-12 ta' Frar 2003 u l-ittra tas-26 ta' Frar 2003 tas-Segretarju Ġenerali) ma seħħewx waqt il-proċedura.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-vjolazzjoni tal-"prinċipju ta' oġġettività u ta' imparzjalità"

 L-argumenti tal-partijiet

104    Ir-rikorrent isostni, fl-ewwel lok, li ma jeżistix qafas ġuridiku li jiggarantixxi l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Bureau mill-influwenzi u mill-pressjonijiet tal-gruppi politiċi tal-Parlament.

105    Ir-rikorrent isostni wkoll, fit-tieni lok, li l-kwistjoni qamet fil-kuntest ta' kampanja mmirata lejn il-kriminalizzazzjoni ta' l-attività politika tas-separatisti Baski, b'mod partikolari ta' l-EH/B, li nbdiet fl-2002 wara konferenza stampa minn ċerti rappreżentanti tal-gruppi parlamentari u tal-partiti politiċi Spanjoli, li kienu qegħdin jagħmlu pressjoni sabiex l-Istituzzjoni ssejjaħ inkjesta.

106    Ir-rikorrent jipproduċi diversi artikli ta' l-istampa li jitfgħu dawl fuq il-kuntest politiku tal-kontroversja. Huwa jenfasizza li ċerti membri tal-Parlament, li ma kinux membri tal-Bureau, ibbenefikaw minn informazzjoni privileġġjata u fformulaw kummenti negattivi fil-konfront tiegħu, filwaqt li huwa stess injora l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Bureau tat-12 ta' Frar 2003. Ir-rikorrent jirreferi wkoll għal ċerti dikjarazzjonijiet u attakki verbali tat-tliet viċi presidenti tal-Parlament li tagħhom huwa kien is-suġġett.

107    Fid-dawl tal-pressjoni mit-tliet viċi presidenti Spanjoli tal-Parlament, kull membru tal-Bureau eżita, skond ir-rikorrent, li jieħu pożizzjoni li setgħat titqies bħala favorevoli jew anki newtrali fil-konfront tiegħu.

108    Il-Parlament jenfasizza, min-naħa waħda, li l-Bureau ma ħa l-ebda deċiżjoni rigward ir-rikorrent u, min-naħa l-oħra, li dan ta' aħħar ma jindikax mil-liema aspett l-oġġezzjonijiet tiegħu jirreferu għad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

109    Għandu jiġi osservat li l-oġġezzjonijiet tar-rikorrent jindirizzaw l-azzjonijiet tal-Bureau u mhux id-deċiżjoni kkontestata, li ttieħdet mis-Segretarju Ġenerali. Minn dan jirriżulta li dawn l-oġġezzjonijiet mhumiex ta' natura li jistgħu jinvalidaw id-deċiżjoni kkontestata (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 471).

110    Fil-fatt, anki jekk il-Bureau ħa deċiżjonijiet matul il-proċedura amministrativa kollha, l-ebda waħda minnhom ma tikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dan jirriżulta li r-rikorrent ma jistax jinvoka allegati rregolaritajiet li jolqtu dawn id-deċiżjonijiet tal-Bureau bħala motiv ta' annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

111    Fi kwalunkwe każ, l-oġġezzjoni dwar in-nuqqas ta' mekkaniżmu ġuridiku li jiggarantixxi l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Bureau hija infondata peress li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fost il-garanziji pprovduti mis-sistema legali Komunitarja fil-proċeduri amministrattivi, jinsab, b'mod partikolari, il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa assoċjat l-obbligu ta' l-istituzzjoni kompetenti li teżamina b'reqqa u imparzjalità l-elementi kollha rilevanti tal-każ in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Jannar 1992, La Cinq vs Il-Kummissjoni, T‑44/90, Ġabra p. II‑1, punt 86, u tal-11 ta' Settembru 2002, Alpharma vs Il-Kunsill, T‑70/99, Ġabra p. II‑3495, punt 182). Għaldaqstant kien dover tar-rikorrent li jissottometti provi li juru vjolazzjoni ta' dan il-prinċipju, ħaġa li huwa m'għamilx.

112    Rigward l-allegazzjonijiet tar-rikorrent imsemmija fil-punti 105 u 106 iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li dawn mhumiex rilevanti, peress li jirreferu għal azzjonijiet ta' terzi (l-awtoritajiet Spanjoli, ċerti rappreżentanti tal-partiti politiċi Spanjoli, ir-rappreżentanti tal-gruppi parlamentari, ċerti membri tal-Parlament Ewropew u l-istampa) li m'għandhom l-ebda rabta mad-deċiżjoni kkontestata. L-oġġezzjonijiet imressqa fil-konfront tal-viċi presidenti tal-Bureau huma wkoll irrilevanti peress li d-deċiżjonijiet tal-Bureau ma jikkostitwixxux il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata, b'mod partikolari, inkwantu din id-deċiżjoni tirrigwarda l-eżistenza u l-ammont tal-kreditu tal-Parlament fil-konfront tar-rikorrent. Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il vjolazzjoni tal-prinċipju tal-kontradittorju u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża

 L-argumenti tal-partijiet

113    Skond ir-rikorrent, huwa ma ġiex mgħarraf bir-rapport lill-Kwesturi, magħmul mis-Segretarju Ġenerali bis-saħħa tal-mandat mogħti lilu mill-Bureau fit-8 ta' April 2002. Is-Segretarju Ġenerali, barra minn hekk, ċaħħdu mill-aċċess għall-inkartament li wassal għad-deċiżjoni tal-Bureau tat-12 ta' Frar 2003. Minbarra dan, ir-riżultat tal-konsultazzjoni mal-Kwesturi li saret fl-14 ta' Jannar 2004 ma ġiex innotifikat lir-rikorrent. Il-Kwesturi, barra minn dan, peress li ġew ikkonsultati qabel id-9 ta' Frar 2004, ma setgħux jieħdu in kunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tar-rikorrent magħmula f'dik id-data. Fl-aħħar nett, il-Parlament ma nnotifikax lir-rikorrent bir-rapport sħiħ tad-diskussjoni tal-Bureau u lanqas bir-riżultati tal-votazzjonijiet tal-Bureau dwar il-miżuri adottati.

114    Rigward l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, invokat mis-Segretarju Ġenerali, ir-rikorrent josserva li l-Parlament ma weriex mil-liema aspett il-pubblikazzjoni tad-dokumenti msemmija ppreġudikat gravement il-proċess li wassal għad-deċiżjoni, il-kunfidenzjalità, is-sigriet professjonali jew is-sigriet tal-kariga, kif mitlub mid-dispożizzjoni msemmija.

115    Skond ir-rikorrent, il-Parlament għamel żball ta' dritt meta kkunsidrah bħala "parti terza" li jifforma parti mill-"pubbliku", kif definit mir-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, peress li huwa l-persuna involuta direttament "fid-diskussjoni", ir-rikorrent huwa "parti" mill-kwistjoni.

116    Il-Parlament isostni li fil-konfront tar-rikorrent ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni min-naħa tal-Bureau fit-12 ta' Frar 2003 u, għalhekk, ma setax jeżisti inkartament li wassal għal din id-deċiżjoni. Madankollu, is-Segretarju Ġenerali invoka l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u b'mod partikolari l-fatt li l-istituzzjoni kienet għadha ma ħaditx deċiżjoni definittiva, bil-għan li jiġġustifika r-rifjut tal-Parlament li jilqa' t-talba tar-rikorrent.

117    Rigward it-tieni talba għal aċċess għall-inkartament magħmula mir-rikorrent fl-1 ta' Marzu 2004, il-Parlament isostni li dan l-aċċess qatt ma ġie miċħud u li dan ta' l-aħħar jista' jgawdi dejjem minn dan id-dritt, kif ġie indikat lilu fl-ittra tal-31 ta' Marzu 2004 (ara l-punt 55 iktar 'il fuq).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

118    Skond il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, il-persuna li fil-konfront tagħha jitressaq ilment min-naħa ta' l-amministrazzjoni Komunitarja għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu pożizzjoni dwar kull dokument li din ta' l-aħħar ikollha l-intenzjoni tuża kontriha. Safejn il-persuna kkonċernata ma tkunx ingħatat din il-possibbiltà, id-dokumenti li ma ġewx ikkomunikati lilha m'għandhomx jitqiesu bħala elementi ta' prova. Madankollu, din l-esklużjoni ta' ċerti dokumenti użati mill-amministrazzjoni hija ta' importanza biss sakemm l-ilment imressaq ikun jista' jiġi pprovat biss b'referenza għal dawn id-dokumenti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Novembru 1999, Tzoanos vs Il-Kummissjoni, C‑191/98 P, Ġabra p. I‑8223, punt 34; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Lulju 2001, E vs Il-Kummissjoni, T‑24/98 u T‑241/99, Ġabra SP p. I‑A‑149 u II‑681, punt 92). Hija l-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha teżamina jekk in-nuqqas ta' komunikazzjoni tad-dokumenti indikati mir-rikorrent setgħax influwenza, b'mod detrimentali fil-konfront tiegħu, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza E vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 93).

119    Barra minn dan, fil-kuntest tar-rikors ġuridiku mressaq kontra d-deċiżjoni li ttemm il-proċedura amministrativa, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tordna miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura u tordna aċċess sħiħ għall-inkartament sabiex teżamina jekk ir-rifjut ta' komunikazzjoni ta' dokument jistax jippreġudika d-difiża tar-rikorrent (ara, b'mod analogu, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 102).

120    Rigward il-konsultazzjoni mal-Kwesturi ta' l-14 ta' Jannar 2004, il-Parlament ipproduċa, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rapport relatat ma' din il-konsultazzjoni. Ir-rikorrent, min-naħa tiegħu, m'għamel l-ebda osservazzjoni dwar kif in-nuqqas ta' komunikazzjoni ta' dan id-dokument seta' ppreġudika d-difiża tiegħu u jolqot għad-detriment tiegħu r-riżultat tal-proċedura amministrattiva. L-unika oġġezzjoni fformulata mir-rikorrent rigward dan ir-rapport hija li, għall-kuntrarju ta' dak li espona s-Segretarju Ġenerali lill-Kwesturi matul l-imsemmija konsultazzjoni, huwa qatt ma rrikonoxxa, anzi, għall-kuntrarju, dejjem ikkontesta, it-teżi tal-Parlament li l-ammont in kwistjoni kien ingħatalu indebitament. F'dan ir-rigward, biżżejjed jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata ma tteħditx abbażi ta' rikonoxximent min-naħa tar-rikorrent, iżda bis-saħħa tar-riżultat tal-verifika mill-awdituri u tad-dokumenti probatorji ppreżentati suċċessivament mir-rikorrent (ara l-punti 39 u 41 iktar 'il fuq). Għandu jiġi osservat, f'dan il-kuntest, li l-konsultazzjoni mal-Kwesturi ma torbotx lis-Segretarju Ġenerali, ir-regolatur ta' l-Istituzzjoni, fil-kwistjoni ta' konstatazzjoni ta' kreditu bbażat fuq in-nuqqas ta' dokumenti li jikkonfermaw l-użu ta' indennizz parlamentari b'konformità mar-regoli SIM. B'konsegwenza ta' dan, in-nuqqas ta' komunikazzjoni tar-rapport dwar il-konsultazzjoni mal-Kwesturi ta' l-14 ta' Jannar 2004 ma kienx biżżejjed sabiex jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent.

121    Barra minn dan, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ineżistenza ta' dokument li għalih kien hemm talba għall-aċċess hija preżunta meta ssir affermazzjoni f'dan is-sens mill-istituzzjoni kkonċernata. Madankollu, din hija preżunzjoni sempliċi li r-rikorrent jista' jirribatti b'kull mod, abbażi ta' indizji rilevanti u konkordanti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Ottubru 2002, Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, T‑5/02, Ġabra p. II‑4381, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122    Il-Parlament iddikjara, bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li s-Segretarju Ġenerali m'għamel l-ebda rapport għall-attenzjoni tal-Kwesturi wara d-deċiżjoni tat-8 ta' April 2002. Peress li r-rikorrent ma pproduċiex indizji rilevanti u konkordanti li jistgħu jikkontestaw din id-dikjarazzjoni, l-argument tiegħu għandu jiġi miċħud.

123    Barra minn dan, skond it-tweġibiet tal-Parlament għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, lanqas ma jeżisti inkartament li wassal għad-deċiżjoni tal-Bureau tat-12 ta' Frar 2003. Ir-rikorrent ma ressaqx argumenti li jikkontestaw din id-dikjarazzjoni tal-Parlament.

124    Rigward l-oġġezzjoni tar-rikorrent li huwa nstema' wara l-konsultazzjoni mis-Segretarju Ġenerali mal-Kwesturi, b'tali mod li l-Kwesturi ma setgħux jieħdu in kunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tiegħu, għandu jiġi mfakkar li, peress li l-konsultazzjoni mal-Kwesturi ma torbotx lis-Segretarju Ġenerali rigward id-deċiżjoni tiegħu dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw min-nuqqas ta' dokumenti probatorji, il-fatt li r-rikorrent instema' wara l-imsemmija konsultazzjoni mhuwiex ta' natura li jikser id-drittijiet tad-difiża.

125    Rigward l-argumenti tar-rikorrent dwar in-nuqqas ta' komunikazzjoni tar-rapport tad-diskussjonijiet tal-Bureau u r-riżultati tal-votazzjonijiet, għandu jiġi osservat li dawn huma dokumenti li m'għandhomx rilevanza inkawntu ma jirreferux għad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk jirriżulta li r-rikorrent ma jistax jinvoka b'suċċess dan in-nuqqas ta' komunikazzjoni (ara, b'mod analogu, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 119 iktar 'il fuq, punt 126). Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-vjolazzjoni tar-regoli ta' notifika tad- deċiżjonijiet

 L-argumenti tal-partijiet

126    Skond ir-rikorrent, kien biss fuq talba tiegħu li ġie nnotifikat bid-deċiżjoni tat-12 ta' Frar 2003, li tikkostitwixxi l-bażi tal-mandat mogħti lis-Segretarju Ġenerali. Ir-rikorrent jindika wkoll li d-deċiżjoni li rriżultat mill-konsultazzjoni mal-Kwesturi ta' l-14 ta' Jannar 2004 ma ġietx ikkomunikata lilu.

127    Ir-rikorrent isostni li l-obbligu ta' l-istituzzjonijiet li jinnotifikaw kull deċiżjoni li tolqot id-drittijiet jew l-interessi tal-persuni kkonċernati u li jindikaw ir-rimedji legali u t-termini rispettivi jirriżulta mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u mill-Gwida dwar l-obbligi ta' l-uffiċjali u l-aġenti tal-Parlament Ewropew (ĠU 2000, C 97, p.1; iktar 'il quddiem "il-gwida ta' l-obbligi"). Huwa josserva li l-punt A6 tal-parti III ta' din il-gwida jispeċifika li, "jekk deċiżjoni tista' tkun is-suġġett ta' rikors, dan għandu jkun indikat b'mod ċar flimkien ma' l-informazzjoni kollha neċessarja għall-preżentazzjoni ta' rikors bħal dan". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

128    Il-Parlament josserva li, fin-nuqqas ta' deċiżjoni effettiva li tolqot lir-rikorrent adottata fit-12 ta' Frar 2003, ma kien hemm xejn x'jiġi nnotifikat lilu u, għaldaqstant, ma kienx meħtieġ li jissemmew it-termini u r-rimedji legali. Rigward il-gwida ta' l-obbligi, il-Parlament iqajjem l-insammissibbiltà ta' l-argument tar-rikorrent minħabba li tressaq għall-ewwel darba fir-replika tiegħu. Barra minn dan, l-eventwali obbligu li ssir referenza għat-termini u għar-rimedji legali (ikkontestat mill-Parlament) xorta kien jiġi adempit permezz ta' l-ittri tas-Segretarju Ġenerali tas-16 ta' April 2003 u tal-31 ta' Marzu 2004 (ara l-punti 43 u 55 iktar 'il fuq). Il-Parlament josserva wkoll li l-punt imsemmi fil-gwida ta' l-obbligi jirrigwarda biss ir-relazzjonijiet ta' l-Istituzzjoni maċ-ċittadini u mhux dawk mal-membri tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

129    Rigward in-notifika tad-deċiżjoni tal-Bureau tat-12 ta' Frar 2003, huwa biżżejjed li jiġi osservat li din ma tikkostitwixxix id-deċiżjoni kkontestata u lanqas il-bażi legali tagħha u li, f'kull każ, din ġiet innotifikata lir-rikorrent b'faks ta' l-20 ta' Frar 2003. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li din in-notifika seħħet wara t-talba tar-rikorrent huwa irrilevanti.

130    Rigward in-notifika tar-riżultat tal-konsultazzjoni mal-Kwesturi ta' l-14 ta' Jannar 2004, dan l-argument jikkostitwixxi lment identiku għal dak invokat fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq il-vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża, li diġà ġie miċħud.

131    Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-indikazzjoni tat-termini u tar-rimedji legali fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li l-ebda dispożizzjoni espressa tad-dritt Komunitarju ma timponi fuq l-istituzzjonijiet l-obbligu ġenerali li jinformaw lid-destinatarji ta' l-atti bir-rimedji legali possibbli u lanqas bit-termini li fihom dawn ir-rimedji għandhom jintużaw (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Marzu 1999, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, C‑153/98 P, Ġabra p. I‑1441, punti 13 u 15; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Frar 2000, ADT Projekt vs Il-Kummissjoni, T‑145/98, Ġabra p. II‑387, punt 210). Rigward l-obbligi li l-Istituzzjoni mponiet fuqha stess meta adottat il-gwida ta' l-obbligi, il-fatt li fid-deċiżjoni kkontestata ma indikatx il-possibilità li jitressaq rikors legali jista' ċertament jikkostitwixxi ksur ta' l-obbligi mposti mill-imsemmi gwida (ara, b'mod analogu, id-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Marzu 2002, Laboratoire Monique Rémy vs Il-Kummissjoni, T‑218/01, Ġabra p. II‑2139, punt 25). In-nuqqas ta' osservanza ta' dan l-obbligu ma jikkostitwixxix, madankollu, ksur ta' formalità sostanzjali, b'mod li tiġi ppreġudikata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dan jirriżulta li r-raba' motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-vjolazzjoni ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

132    Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex immotivata biżżejjed, inkwantu ma tindikax mil-liema aspett id-dokumenti probatorji li huwa ppreżenta lis-Segretarju Ġenerali matul il-proċedura mhumiex konformi mar-regoli SIM. Huwa jenfasizza wkoll li l-ħlas ta' ċerti debiti jista' jsir biss wara r-rifużjoni ta' l-ammont sekwestrat mill-awtoritajiet Franċiżi. Minn dan jirriżulta li l-bżonn li jiġu prodotti dokumenti li juru l-estinzjoni ta' dawn l-obbligi mhuwiex immotivat biżżejjed, peress li l-eżistenza ta' dawn l-obbligi mhijiex ikkontestata.

133    Skond il-Parlament, id-deċiżjoni kkontestata tindika l-ammont li għandu jitħallas lura, ir-raġuni tal-ħlas lura, kif ukoll il-metodi ta' kif ġie kkalkulat l-imsemmi ammont. Barra minn dan, il-Parlament ifakkar li, ġeneralment, ir-rekwiżiti ta' motivazzjoni jkunu inqas meta l-persuna kkonċernata tkun segwiet mill-qrib il-proċess li jwassal għad-deċiżjoni u tkun taf, permezz ta' rapport ta' l-awdituri li għalih tirreferi d-deċiżjoni kkontestata u li kien innotifikat lilha, ir-raġuni għalxiex l-istituzzjoni tqis li m'għandhiex tinkludi l-ispejjeż in kwistjoni bħala piż fuq il-baġit.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

134    Għandu jiġi mfakkar li l-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura ta' l-att in kwistjoni u għandha turi b'mod ċar u inekwivoku r-raġunament ta' l-istituzzjoni, awtriċi ta' l-att, b'mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati li jagħrfu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u b'mod li jippermetti lill-qorti kompetenti teżerċita l-kontroll tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Lulju 2000, Eridania, C-289/97, Ġabra p. I‑5409, punt 38, u ta' l-14 ta' Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kunsill, C‑340/98, Ġabra p. I‑2663, punt 58).

135    Barra minn dan, deċiżjoni tista' titqies bħala immotivata biżżejjed meta tirreferi għal rapport ta' l-awdituri li jkun intbagħat lir-rikorrent (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' April 1996, Industrias Pesqueras Campos et vs Il-Kummissjoni, T‑551/93, T‑231/94 sa T‑234/94, Ġabra p. II‑247, punti 142 sa 144, u tas-17 ta' Settembru 2003, Stadtsportverband Neuss vs Il-Kummissjoni, T‑137/01, Ġabra p. II‑3103, punti 52 sa 58).

136    F'dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi b'mod espliċitu għall-verifika mwettqa f'Diċembru 2002. Kopja tar-rapport ta' din il-verifika ntbagħtet lir-rikorrent b'ittra tad-Direttur Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament tad-9 ta' Jannar 2003. Ir-rikorrent ippreżenta bil-miktub l-osservazzjonijiet tiegħu dwar dan ir-rapport (ara l-punti 34 u 37 iktar 'l fuq). Bl-istess mod, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi għad-dokumenti ppreżentati mir-rikorrent wara l-verifika, kif ukoll għall-ħlas ta' kull xahar ta' EUR 3,000 a saldu tad-debitu li jammonta għal EUR 58,155.82. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-referenza espressa għar-rapport ta' l-awdituri nnotifikat lir-rikorrent għandha titqies bħala suffiċjenti fir-rigward tar-rekwiżiti ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza Industrias Pesqueras Campos et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 135 iktar 'il fuq, punt 144).

137    Barra minn dan, ir-rikorrent kien, fil-fatt, segwa mill-qrib il-proċess li wassal għad-deċiżjoni kkontestata u kien jaf, permezz tar-rapport ta' l-awdituri kif ukoll permezz tad-dokumenti probatorji li ssottometta lill-Parlament, il-fatti li fuqhom ibbaża ruħu s-Segretarju Ġenerali sabiex jistabbilixxi l-ammont eżatt tad-debitu (ara l-punti 37, 39, 41 u 51 iktar 'il fuq).

138    L-argumenti dwar in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni ta' ċerti dokumenti probatorji ma jirrigwardawx l-eżistenza jew is-suffiċjenza tal-motivazzjoni, iżda l-fondatezza tal-motivi, kwistjoni li tolqot il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 35), u għalhekk ser jiġu eżaminati fil-kuntest tat-tmien motiv. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-vjolazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza u ta' non diskriminazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

139    Ir-rikorrent jenfasizza li, anki jekk ma kienx akkużat b'abbuż analogu għal dawk ikkonstatati normalment, b'mod partikolari mill-Qorti ta' l-Awdituri, il-miżuri adottati fil-konfront tiegħu m'għandhomx preċedent. Dan jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza u ta' non diskriminazzjoni.

140    Il-Parlament iwieġeb li l-abbużi eventwali jew eżistenti huma s-suġġett ta' investigazzjonijiet mis-Segretarjat Ġenerali u diġà taw lok għall-irkupru ta' somom mogħtija indebitament.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

141    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-osservanza tal-prinċipju tat-trattament ugwali għandha tiġi kkonċiljata ma' l-osservanza tal-prinċipju ta' legalità li jipprovdi li ħadd ma jista' jinvoka, a vantaġġ tiegħu, illegalità mwettqa favur oħrajn (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Ottobru 1984, Witte vs Il-Parlament, 188/83, Ġabra p.3465, punt 15; ta' l-4 ta' Lulju 1985, Williams vs Il-Qorti ta' l-Awdituri, 134/84, Ġabra p.2225, punt 14, u L-Italja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq f'punt 134, punti 87 sa 93).

142    B'dan il-mod, anki jekk jiġu kkunsidrati bħala fondati l-oġġezzjonijiet imressqa mir-rikorrent fir-rigward ta' l-atti illegali mwettqa favur membri oħra, minħabba nuqqas jew insuffiċjenza ta' kontroll dwar l-użu ta' l-indennizzi parlamentari, ir-rikorrenti xorta ma jistax jibbenefika minnhom. Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-seba' motiv, ibbażat fuq l-abbuż tal-poter

 L-argumenti tal-partijiet

143    Skond ir-rikorrent, f'dan il-każ jeżistu indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti li jindikaw li l-proċedura nbdiet mill-Bureau għal motivi purament politiċi minħabba l-pressjoni li saret mir-rappreżentanti ta' żewġ gruppi politiċi Spanjoli. Dawn ta' l-aħħar talbu lit-tliet viċi presidenti Spanjoli sabiex jaġixxu fi ħdan il-Bureau kontra r-rikorrent.

144    Il-Parlament jwieġeb li ma kienx hemm deċiżjoni tal-Bureau fil-konfront tar-rikorrent u li għaldaqstant l-argument mressaq mir-rikorrent huwa mingħajr effett. Barra minn dan, l-elementi li l-Parlament kellu għad-dispożizzjoni tiegħu kienu jiġġustifikaw il-bidu ta' inkjesta f'dan ir-rigward.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

145    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li att ikun ivvizzjat b'abbuż ta' poter biss jekk, abbażi ta' indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, jirriżulta li l-att ġie adottat bl-iskop waħdieni, jew għall-inqas determinanti, li jilħaq għanijiet differenti minn dawk iddikjarati jew li tiġi evitata proċedura maħsuba speċifikament mit-Trattat sabiex tindirizza ċ-ċirkustanzi tal-każ in kwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra p. I‑4023, punt 24, u ta' l-14 ta' Mejju 1998, Windpark Groothusen vs Il-Kummissjoni, C‑48/96 P, Ġabra p. I‑2873, punt 52).

146    Ir-rikorrent ma pprovdiex indizji bħal dawn. Għandu jiġi mfakkar li r-rikorrent kien irċieva, sal-mument tas-sekwestru, ammont totali ta' EUR 495,891.31 bħala spejjeż u indennizzi parlamentari. Is-sekwestru ta' parti konsiderevoli ta' dan l-ammont (EUR 200,304), li ġejja, skond id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrent, mill-Parlament, ma setax ma qanqalx dubji dwar il-konformità mar-regoli SIM ta' l-użu ta' parti konsiderevoli mill-ispejjeż u mill-indennizzi mogħtija lir-rikorrent. Il-ftuħ ta' inkjesta kien għalhekk iġġustifikat. Għaldaqstant, is-seba' motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq żbalji fl-evalwazzjoni tad-dokumenti probatorji ppreżentati lis-Segretarju Ġenerali

 L-argumenti tal-partijiet

147    Ir-rikorrent isostni li l-Parlament għamel żball manifest ta' evalwazzjoni meta naqas milli jieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li huwa ma kienx f'pożizzjoni li jipprovdi ċerti elementi tar-rendikont tiegħu minħabba li t-teżorier tiegħu kien ġie arrestat u minħabba s-sekwestru ta' diversi dokumenti ta' kontabbiltà kif ukoll tas-somma ta' EUR 200,304. Skond ir-rikorrent, din is-somma kienet ġejja esklużivament mill-Parlament.

148    Ir-rifjut li jittieħdu in kunsiderazzjoni diversi kategoriji ta' spejjeż, mingħajr ma ġie indikat għalxiex dawn imorru kontra r-regoli SIM, jikkostitwixxi wkoll, skond ir-rikorrent, żball manifest ta' evalwazzjoni. L-ispejjeż li, skond is-Segretarju Ġenerali, ma setgħux jiġu pprovati minn irċevuti konformi jistgħu jkunu s-suġġett ta' evalwazzjoni sħiħa. Ir-rikorrent ifakkar, f'dan ir-rigward, l-ittra tiegħu tas-6 ta' Frar 2003 indirizzata lis-Segretarju Ġenerali (ara l-punt 39 iktar 'l fuq), li kienet tinkludi rendikont ġdid li kien jipprovdi li l-ispejjeż iġġustifikati bħala indennizz ta' segretarjat kienu jammontataw, sa dak iż-żmien, għal EUR 191,860, jiġifieri EUR 138,741 iġġustifikati mill-elementi annessi ma' l-istess ittra flimkien ma' EUR 53,119 li kienu diġà ġġustifikati mill-verifika, b'tali mod li l-bilanċ li kellu jitħallas lura lill-Parlament kien jammonta għal EUR 50,722.

149    B'mod aktar preċiż, ir-rikorrent iqis li l-ammonti marbuta ma' l-arretrati tas-salarji (EUR 67,340) u ma' l-arretrati ta' kontribuzzjonijiet soċjali (EUR 26,054) kien imisshom ittieħdu in kunsiderazzjoni mis-Segretarju Ġenerali, peress li dawn id-debiti ser jitħallsu meta ssir ir-rifużjoni ta' l-ammont sekwestrat. Barra minn dan, ir-rikorrent jerġa' jqajjem l-argument dwar ir-rifjut tal-Parlament li jieħu in kunsiderazzjoni l-ammonti dwar il-ħlasijiet ta' spejjeż personali (EUR 27,600) filwaqt li dawn l-ammonti jistgħu jiġu pprovati b'mezzi oħrajn, kif ukoll l-ispejjeż ta' telefons ċellulari kkalkulati abbażi ta' estrapolazzjoni (EUR 4,800).

150    Bl-istess mod, ir-rifjut li tittieħed in kunsiderazzjoni serje ta' dokumenti u ta' fatturi li jikkonċernaw l-ispejjeż marbutin mar-residenza tar-rikorrent u ta' l-assistenti tiegħu, li jammontaw għal EUR 63,308.64, kif ukoll l-ispejjeż li jikkonċernaw l-arretrati tas-salarji li għalihom ir-rikorrent kien instab debitur mit-tribunal industrijali ta' San Sebastián (EUR 50,865.43, ara l-punt 45 iktar 'l fuq) jikkostitwixxi wkoll żball manifest ta' evalwazzjoni.

151    Waqt is-seduta, ir-rikorrent ippreċiża li s-Sur Gorrotxategi kellu jżomm EUR 100,000 mill-200,304 sekwestrati peress li dan ta' l-aħħar, bħala t-teżorier tiegħu, kien tah minn qabel dan l-ammont bil-għan li jissodisfa l-obbligi tiegħu fil- konfront ta' l-assistenti tiegħu. Barra minn dan, l-ammont li għalih kien instab debitur mit-tribunal ta' San Sebastián favur l-assistenti tiegħu kellu jittieħed mis-somma sekwestrata.

152    Il-Parlament jenfasizza, preliminarjament, li d-dikjarazzjoni magħmula fuq talba tar-rikorrent (ara l-punti 32 u 33 iktar 'il fuq) sempliċiment tagħti rendikont tal-pagamenti magħmula fuq il-kontijiet bankarji tiegħu, kif ukoll lill-persuna terza li tħallas, bħala d-diversi indennizzi parlamentari u ma tagħmilx referenza għall-ammont sekwestrat.

153    Il-Parlament josserva li ma teżistix rabta bejn l-irkupru ta' EUR 200, 304 u l-produzzjoni ta' dokumenti probatorji supplimentari, peress li s-somma sekwestrata tirrigwarda perijodu suċċessiv għal dak li matulu l-indennizzi kellhom jintużaw b’konformità mar-regoli SIM. Għaldaqstant, kemm in-nuqqas ta' dokumenti probatorji kif ukoll l-eżistenza ta' ammont konsiderevoli fil-kont kurrenti wasslu lill-Parlament sabiex jaħseb li dawn is-somom ma ntużawx bil-għan li jkunu sodisfatti l-obbligi assunti b'konformità mar-regoli SIM.

154    Skond il-Parlament, ir-rapport ta' l-awdituri stabbilixxa l-ksur tar-regoli SIM min-naħa tar-rikorrent. Barra minn dan, ir-rikorrent stess irrikonoxxa li wħud mill-obbligi tiegħu fil-konfront ta' l-assistenti tiegħu ma kinux sodisfatti. Il-Parlament jikkontesta, barra minn hekk, il-valur probatorju ta' l-elementi invokati mir-rikorrent rigward il-konċiljazzjoni li tirrigwarda l-arretrati ta' l-assistenti tar-rikorrent (ara l-punt 149 iktar 'il fuq) kif ukoll dik tad-dokumenti mressqa matul il-proċedura.

155    Il-Parlament jenfasizza li l-ammonti invokati mir-rikorrent, li huma allegatament dovuti lill-assistenti, ma setgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni peress li, skond ir-rapport ta' l-awdituri, il-kuntratti in kwistjoni kienu konklużi bejn dawn ta' l-aħħar u l-EH/B, kif ġie enfasizzat ukoll mir-Renju ta' Spanja.

156    Fl-aħħar nett, il-Parlament jiddikjara li, kif ippreċiżat fil-punt 3 tad-deċiżjoni kkontesta, huwa għadu lest jieħu in kunsiderazzjoni d-dokumenti probatorji supplimentarji li r-rikorrent jista' jippreżentalu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

157    Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li, skond is-sistema stabbilita mir-regoli SIM, il-membru li jaħtar persuna terza li tħallas inkarigata mill-ġestjoni ta' l-ammonti mogħtija bħala indennizzi ta' assistenza parlamentari għandu jkun f'pożizzjoni li jipproduċi dokumenti li jiġġustifikaw użu konformi mal-kuntratti li huwa jkun ikkonkluda ma' l-assistenti tiegħu. In-nuqqas ta' dokumenti li jiġġustifikaw l-ispejjeż sostnuti bħala salarji ta' l-assistenti jew kull spiża oħra li tista' titħallas lura skond ir-regoli SIM jista' biss jipproduċi bħala konsegwenza l-obbligu li jitħallsu lura l-ammonti relattivi lill-Parlament. Fil-fatt, kull ammont li fir-rigward tiegħu ma jiġix ipprovat, permezz ta' dokumenti probatorji, l-użu komformi mar-regoli SIM, għandu jitqies bħala mogħti indebitament. Għaldaqstant, huwa l-membru kkonċernat li jippreżenta dokumenti probatorji lill-amministrazzjoni bil-għan li jiġġustifika l-użu tal-fondi riċevuti li għandu jinvoka u jipprova, in sostenn tar-rikors tiegħu quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li l-amministrazzjoni żbaljat meta rrifjutat li tikkunsidrahom.

158    F'dan il-kuntest, l-argument tar-rikorrent dwar id-diffikultajiet li kellu jiffaċċja minħabba li t-teżorier tiegħu ġie arrestat u minħabba s-sekwestru ta' diversi dokumenti ma jistax jintlaqa'. Ir-rikorrent ippreċiża, f'dan ir-rigward, fi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li l-uniku dokument sekwestrat mill-awtoritajiet Franċiżi kien in-nota li ssemmi l-irtirar ta' EUR 210,354, maħruġa mill-Banque Bruxelles Lambert lill-mandatarju tal-kont kurrenti. Ir-rikorrent akkwista kopja ta' din in-nota mill-aġenzija tal-bank u ressaqha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Il-fatt li r-rikorrent kellu jipprepara r-rendikont tiegħu mingħajr l-għajnuna tat-teżorier tiegħu huwa irrilevanti.

159    Rigward l-evalwazzjoni sħiħa ta' l-ispejjeż magħmula mir-rikorrent, din ma tistax tiġi aċċettata. Huwa paċifiku li l-ħlas ta' l-obbligi koperti mill-indennizz ta' segretarjat għandu jiġi pprovat b'dokumenti probatorji li jipprovdu l-elementi kollha neċessarji għat-twettiq ta' kontroll a posteriori (l-ammonti eżatti, id-dati tal-ħlasijiet, l-informazzjoni dwar id-debitur u l-kreditur, il-bażi legali tal-ħlas eċċ.). Evalwazzjoni sħiħa, li, barra minn hekk, mhijiex prevista mill-ebda dispożizzjoni, ma toffrix din il-possibilità.

160    Rigward ir-rifużjoni tas-somma ta' EUR 200, 304 sekwestrata fi Franza u, speċifikament, l-argument tar-rikorrent li l-Parlament kien fid-dmir li jikkunsidra l-fatt li l-produzzjoni ta' parti mid-dokumenti probatorji tiddependi minn din ir-rifużjoni, dan l-argument ma jistax jintlaqa'.

161    Ir-rikorrent, fil-fatt, jipprova juri li huwa debitur ta' ċerti ammonti fil-konfront ta' persuni mħallsa bil-krediti ta' l-indennizzi ta' segretarjat u jsostni li, għal din ir-raġuni, il-Parlament kien fid-dmir li jikkunsidra dawn l-ammonti bħala debitament iġġustifikati. F'dan ir-rigward, huwa jirreferi għall-arretrati tas-salarji (EUR 67, 340) u għall-arretrati ta' kontribuzzjonijiet soċjali (EUR 26 054), filwaqt li jenfasizza li dawn id-debiti ser jitħallsu meta l-ammont sekwestrat jingħata lura.

162    Madankollu, il-fatt li r-rikorrent huwa debitur ta' ċerti ammonti fil-konfront ta' suġġetti li għalihom huwa destinat l-indennizz ta' segretarjat ma jeħilsux mill-obbligu li jipprovdi d-dokumenti li juru l-estinzjoni ta' l-obbligi tiegħu. Jekk ikun mod ieħor, il-membru jkun jista' jirċievi indennizz mingħajr ma jħallas is-somom destinati għall-prestatarji ta' servizzi u jċaħħad għalhekk lill-Parlament minn kull kontroll billi jipprovdi kwalunkwe prova tad-debitu tiegħu fil-konfront ta' dawn ta' l-aħħar.

163    Minn dan isegwi li, kif diġà ġie osservat, il-Parlament għandu jikkontrolla l-eżistenza ta' dokumenti probatorji li juru li l-fondi ntużaw b'mod konformi mar-regoli SIM. Barra minn dan, il-Parlament ma jistax jiġi obbligat jiddispensa lir-rikorrent mill-produzzjoni tad-dokumenti probatorji minħabba sekwestru li għalih huwa mhux responsabbli. Fil-fatt, huwa l-membru parlamentari li jġorr, mill-mument li jieħu l-indennizz, ir-riskji inerenti għall-ġestjoni tiegħu. Il-Parlament, barra minn hekk, iddikjara li huwa kien lest jieħu in kunsiderazzjoni dokumenti probatorji dwar il-pagament tad-debiti li għalihom jirreferi r-rikorrent. Għaldaqstant, il-Parlament ikkunsidra s-sekwestru magħmul fi Franza u joffri lir-rikorrent il-possibilità li jiġġustifika s-somom mogħtija bħala indennizzi parlamentari.

164    Rigward ir-rifjut, min-naħa tal-Parlament, li jikkunsidra ammonti dwar il-ħlasijiet ta' spejjeż personali (EUR 27,600) filwaqt li, skond ir-rikorrent, dawn l-ammonti jistgħu jiġu vverifikati b'mezzi oħra, huwa biżżejjed jingħad li dan ta' l-aħħar ma jispeċifikax dawn il-mezzi. Rigward l-ispejjeż ta' telefons ċellulari, għandu jingħad li, għar-raġunijiet mogħtija fil-punt 159 iktar 'il fuq, l-estrapolazzjoni proposta ma tistax tiġi ammessa bħala mezz ta' ġustifikazzjoni ta' l-ispejjeż fil-kuntest tar-regoli SIM.

165    Fir-rigward tad-deċiżjoni tat-tribunal industrijali ta' San Sebastián, invokata mir-rikorrent bħala prova tad-debitu tiegħu (li jammonta għal EUR 50,865.43) fil-konfront ta' l-assistenti tiegħu, għandu jiġi enfasizzat li din id-deċiżjoni mhijiex att maħruġ minn awtorità ġudizzjarja, iżda deċiżjoni ta' natura amministrativa, maħruġa mill-medjatur tad-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Gvern Bask u bbażata fuq ftehim bejn ir-rikorrent u l-assistenti tiegħu. Fi kwalunkwe każ, din id-deċiżjoni, peress li mhijiex prova ta' l-estinzjoni ta' debitu tar-rikorrent fil-konfront ta' l- assistenti tiegħu, ma tikkostitwixxix dokument probatorju konformi (ara l-punti 162 u 163 iktar 'il fuq). Ad abundantiam, ftehim milħuq fil-kuntest ta' konċiljazzjoni, bħal dak li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni msemmija iktar 'il fuq, ma joffri, fil-verità, l-ebda prova ċerta ta' l-eżistenza ta' kreditu. Għaldaqstant, il-Parlament ġustament talab dokumenti li jipprovaw il-ħlas ta' dawn l-arretrati lill-assistenti bil-għan li jipproċedi għat-tnaqqis tad-debitu.

166    Ir-rikorrent isostni li s-somma ta' EUR 63,308.64 kien imissha ġiet ikkunsidrata bħala ġustifikata bħala spejjeż personali. Dawn l-ispejjeż kienu sostnuti mill-EH/B, li, skond ftehim konkluż miegħu, kellu jżomm somma sħiħa ta' EUR 600 fuq is-salarji ta' kull assistent. Dan l-ammont huwa, skond ir-rikorrent, dovut lill-EH/B (ara l-punti 45 u 150 iktar 'il fuq).

167    F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, għar-raġunijiet esposti iktar 'il fuq, debitu mhux imħallas ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni bħala spiża ġustifikata. Għaldaqstant, il-Parlament ġustament irrifjuta li jieħu dan l-element in kunsiderazzjoni.

168    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rifjut tas-Segretarju Ġenerali li jieħu in kunsiderazzjoni d-dokumenti prodotti mir-rikorrent u msemmija iktar 'il fuq mhuwiex ivvizzjat bi żball. Minn dan isegwi li t-tmien motiv għandu jiġi miċħud.

169    Peress li ġew miċħuda l-aħħar tliet kapi ta' l-ewwel motiv, kif ukoll il-motivi suċċessivi kollha (mit-tieni sat-tmien wieħed), id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata inkwantu tipprovdi li l-irkupru tas-somma dovuta mir-rikorrent għandu jiġi effettwat permezz ta' tpaċija.

 Fuq l-ispejjeż

170    Skond l-Artikolu 87(3) tar-Regoli ta' Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. F'dan il-każ, fid-dawl ta' l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontesta u taċ-ċaħda tal-parti l-kbira tal-motivi mressqa mir-rikorrent, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

171    Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli ta' Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' Frar 2004, dwar l-irkupru ta' somom mogħtija lir-rikorrent bħala spejjeż u indennizzi parlamentari, hija annullata inkwantu tipprovdi li l-irkupru tas-somma dovuta mir-rikorrent għandu jiġi effettwat permezz ta' tpaċija.

2)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-rikorrent, il-Parlament u r-Renju ta' Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Pirrung

Meij

Forwood

Pelikánová

 

      Papasavvas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-22 ta' Diċembru 2005.

E. Coulon

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.