Language of document : ECLI:EU:T:2006:28

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

26 ta’ Jannar 2006(*)

"‘Dumping’ – Importazzjonijiet ta’ boroż tan-nisa (handbags) tal-ġilda li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – Emenda tar-Regolament li jistabbilixxi dazju definittiv kontra d-‘dumping’ – Nuqqas ta’ effett retroattiv – Annullament mill-Qorti tal-Prim’Istanza – Rikors għad-danni – Ksur suffiċjentement serju"

Fil-kawża T‑364/03

Medici Grimm KG, stabbilita f’Rodgau Hainhausen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. MacLean, solicitor, u E. Gybels, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, avukat,

konvenut

sostnut mill-

Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn N. Khan u T. Scharf, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

parti intervenjenti

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skond l-Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE, intiż sabiex jiġi kkumpensat id-dannu allegatament subit mir-rikorrenti minħabba n-nuqqas ta’ effett retroattiv tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2380/98, tat-3 ta’ Novembru 1998, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1567/97 li jistabbilixxi dazju definittiv kontra d-‘dumping’ fuq l-importazzjonijiet ta’ boroż tan-nisa tal-ġilda li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 296, p. 1), parzjalment annullat mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Ġunju 2000, Medici Grimm vs il-Kunsill (T‑7/99, Ġabra p. II‑2671),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Legal, President, P. Mengozzi u I. Wiszniewska-Białecka, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura miktuba u wara s-seduta ta’ l-14 ta’ Settembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ ‘dumping’ minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996 L 56, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2331/96 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU 1996 L 317, p. 1) u mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 905/98 tas-27 ta’ April 1998 (ĠU 1998 L 218, p. 18) (iktar ’il quddiem ir-regolament ta’ bażi), jistabbilixx l-qafas ġuridiku applikabbli fil-Komunità fil-qasam tad-‘dumping’ fid-data meta seħħew il-fatti tal-kawża preżenti, jiġifieri s-6 ta’ Novembru 1998, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2380/98 tat-3 ta’ Novembru 1998 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1567/97 li jistabbilixxi dazju definittiv kontra d-‘dumping’ fuq l-importazzjonijiet ta’ boroż tan-nisa tal-ġilda li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 1998 L 296, p. 1)

2       L-Artikolu 1(1), tar-regolament ta’ bażi jipprovdi :

"Dazju kontra xiri taħt il-prezz [d-‘dumping’] jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott mixtri taħt il-prezz [iddampjat] li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità tikkawża ħsara."

3       L-Artikolu 11(3), tar-regolament ta’ bażi jipprovdi :

"Il-bżonn ta’ l-impożizzjoni kontinwa ta’ miżuri [kontra d-‘dumping’] tista’ tiġi riveduta wkoll, fejn garantita, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq it-talba ta’ Stat Membru, jew sakemm ikun għadda perijodu raġjonevoli ta’ mill-inqas sena mill-impożizzjoni tal-miżura definittiva, fuq talba minn kwalunkwe esportatur jew importatur jew mill-produtturi tal-Komunità li jkun fiha biżżejjed evidenza li tissostanzja l-bżonn għal reviżjoni interim bħal din.

Reviżjoni interim għandha tinbeda fejn it-talba jkun fiha evidenza biżżejjed li l-impożizzjoni kontinwa tal-miżura ma għadhiex aktar neċessarja biex twieġeb għall-bejgħ taħt il-prezz u/jew li l-ħsara x’aktarx ma titkompliex jew ma terġax tiġri li kieku l-miżura kellha titneħħa jew tiġi mibdula, jew li l-miżura eżistenti mhiex, jew ma għadhiex iktar, biżżejjed sabiex tirribatti għall-bejgħ taħt il-prezz li jkun qiegħed jikkawża ħsara.

Fit-twettiq ta’ l-investigazzjonijiet skond dan il-paragrafu, il-Kummissjoni tista’, inter alia, tikkunsidra jekk iċ-ċirkustanzi fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ taħt il-prezz [id-‘dumping’] u l-ħsara tbiddlux b’mod sinnifikanti, jew jekk il-miżuri eżistenti humiex qegħdin jilħqu r-riżultati maħsuba fit-tneħħija tal-ħsara stabbilita qabel taħt l-Artikolu 3. F’dan il-każ, għandu jingħata kas, fid-determinazzjoni finali, ta’ l-evidenza kollha rilevanti u dokumentata kif suppost."

4       L-Artikolu 11(5) jipprovdi :

"Id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament fejn għandhom x’jaqsmu l-proċeduri u l-kondotta ta’ l-investigazzjonijiet, bl-esklużjoni ta’ dawk li għandhom x’jaqsmu mal-limiti ta’ żmien, għandhom japplikaw għal kwalunkwe reviżjoni imwettqa skond il-paragrafi 2, 3 u 4. Kwalunkwe reviżjoni bħal din għandha titwettaq malajr u għandha normalment tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar mid-data ta’ inizjazzjoni tar-reviżjoni."

5       L-Artikolu 11(6) jippreċiża :

"Reviżjonijiet skond dan l-Artikolu għandhom jinbdew mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv. Fejn garantit permezz ta’ reviżjoni [Fejn ir-reviżjoni tiġġustifika dan], il-miżuri għandhom jiġu rrevokati jew [jiġu] miżmuma skond il-paragrafu 2, jew irrevokati, miżmuma jew emendati skond il-paragrafi 3 u 4, mill-istituzzjoni Komunitarja reponsabbli għall-introduzzjoni tagħhom [...]"

6       L-Artikolu 11(8) jipprovdi :

"Minkejja l-paragrafu 2, importatur jista’ jitlob li jerġu jitħallsu lura d-dazji miġbura fejn jintwera li l-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz [tad-‘dumping’], fuq il-bażi li fuqu kienu mħallsa d-dazji, jkun ġie eliminat, jew imnaqqas għal livell li huwa inqas mil-livell tad-dazju infurzat.

Fit-talba ta’ rifużjoni tad-dazji kontra l-bejgħ taħt il-prezz [‘dumping’], l-importatur għandu jissottometti applikazzjoni lill-Kummissjoni. L-applikazzjoni għandha tiġi sottomessa permezz ta’ Stat Membru tat-territorju li fih il-prodotti tħallew għal ċirkulazzjoni ħielsa, fi żmien sitt xhur mid-data li fiha, kien ġie stabbilit l-ammont tad-dazji definittivi li kellhom jiġu ntaxxati kif xieraq mill-awtoritajiet kompetenti jew mid-data li fiha kienet ittieħdet deċiżjoni definittiva biex jiġu miġbura l-ammonti ggarantiti permezz ta’ dazju proviżjonali [provviżorju]. L-Istati Membri għandhom jgħaddu t-talba lill-Kummissjoni mal-ewwel.

[…]"

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7       Il-kawża preżenti saret fil-kuntest ta’ disputa bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni u l-Kunsill b’riżultat tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2380/98.

8       Fl-1996, il-Kummissjoni fetħet proċeduri kontra d-‘dumping’ li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ boroż tan-nisa li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 1996, C 132, p. 4). La r-rikorrenti, li kienet timporta l-boroż tan-nisa tal-ġilda manifatturati minn Lucci Creation Ltd, kumpannija li tinsab f’Hong Kong, li għandha fabbriki fiċ-Ċina u li timanifatturata boroż tan-nisa tal-ġilda manifatturati esklussivament għar-rikorrenti fil-Komunità, u lanqas Lucci Creation ma pparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

9       B’Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 209/97 tat-3 ta’ Frar 1997 li jistabbilixxi dazju provviżorju kontra d-‘dumping’ fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti boroż tan-nisa li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 33, p. 11), li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Frar 1997, il-Kummissjoni stabbiliet dazji provviżorji kontra d-‘dumping’ ta’ mhux aktar minn 39,2 % fuq dawn l-importazzjonijiet.

10     B’Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1567/97 ta’ l-1 ta’ Awwissu 1997 li jistabbilixxi dazju definittiv kontra d-‘dumping’ fuq l-importazzjonijiet ta’ boroż tan-nisa tal-ġilda li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u li jġib fi tmiem il-proċedura dwar l-importazzjonijiet ta’ boroż tan-nisa tal-plastik u tad-drap li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 208, p. 31), li daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Awwissu 1997, il-Kunsill stabbilixxa dazji definittivi kontra d-‘dumping’ ta’ mhux aktar minn 38% fuq l-importazzjonijiet ta’ boroż tan-nisa tal-ġilda li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Peress li ma kinitx ipparteċipat fil-proċeduri, Lucci Creation ma ġietx mogħtija trattament individwali u l-importazzjonijiet tal-prodotti tagħha mir-rikorrenti fil-Komunità kienu ġew soġġetti għall-dazju residwu ta’ 38%. Ir-rikorrenti ma kkontestatx ir-Regolament Nru 1567/97.

11     Fit-13 ta’ Settembru 1997, jiġifieri fis-sitt ġimgħat wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament Nru 1567/97, wara li numru kbir ta’ produtturi u ta’ esportaturi mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kkuntattjaw lill-Kummissjoni sabiex jitolbu trattament individwali u l-Kummissjoni ma kinitx iktar f’pożizzjoni li tikkunsidra dawn it-talbiet peress li dawn kienu ġew ippreżentati wara t-terminu stabbilit għall-investigazzjoni inizjali, il-Kummissjoni ppublikat avviż fejn stiednet lill-produtturi u l-esportaturi jippreżentaw elementi li jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ proċedura ta’ reviżjoni interim tal-miżuri ta’ kontra d-‘dumping’ stabbiliti mir-Regolament Nru 1567/97 (ĠU C 278, p. 4). Lucci Creation, fil-kwalità tagħha ta’ produttriċi u ta’ esportatriċi, wieġbet għal din l-istedina u tat l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni.

12     Fit-13 ta’ Diċembru 1997, il-Kummissjoni ppublikat avviż (ĠU C 378, p. 8) li formalment jiftaħ ir-reviżjoni interim tal-miżuri kontra d-‘dumping’ stabbiliti mir-Regolament Nru 1567/97, għalkemm, minn naħa, it-terminu ta’ sena, previst fl-Artikolu 11(3), tar-regolament ta’ bażi, li jibda’ jiddekorri minn meta tiġi stabbilita l-miżura definittiva, li f’dan il-każ tikkonsisti fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 1567/97 iddatat l-1 ta’ Awwissu 1997, u wara liema l-importaturi jew l-esportaturi jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni, b’provi li jsostnu din it-talba, reviżjoni interim, kien għadu ma skadiex u, min-naħa l-oħra, ebda tibdil fiċ-ċirkustanzi ma setgħu immotivaw l-ftuħ tar-reviżjoni mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Ġunju 2000, Medici Grimm vs il-Kunsill, T‑7/99, Ġabra p. II‑2671, iktar ’il quddiem is-"sentenza Medici Grimm I", punt 83). Madankollu, il-Kummissjoni indikat fl-avviż tagħha li l-iskop tar-reviżjoni kien limitat għall-kwistjoni tat-trattament individwali tal-produtturi u l-esportaturi. Il-perijodu ta’ investigazzjoni użat kien l-istess bħal dak previst mill-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1567/97, jiġifieri l-perijodu inkluż bejn l-1 ta’ April 1995 u l-31 ta’ Marzu 1996 (iktar ’il quddiem il-"perijodu ta’ investigazzjoni").

13     Waqt din l-investigazzjoni l-ġdida, l-importazzjonijiet ta’ boroż tan-nisa li ma kinux ingħataw trattament individwali skond ir-Regolament Nru 1567/97 komplew ikunu soġġetti għad-dazju residwu kontra d-‘dumping’ ta’ 38 %.

14     Matul din l-istess investigazzjoni, ir-rikorrenti, f’diversi okkażjonijiet, sostniet bil-miktub quddiem il-Kummissjoni li kien neċessarju li jingħata effett retroattiv għar-regolament li ser jiġi adottat b’riżultat ta’ din l-investigazzjoni, b’mod partikulari għaliex l-informazzjoni użata fiha kienet relatata ma’ l-istess perijodu bħal dak kopert mill-investigazzjoni inizjali li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1567/97. Għall-istess raġuni, ir-rikorrenti talbet ukoll f’diversi okkażjonijiet lill-Kummissjoni r-rifużjoni tad-dazji kontra d-‘dumping’ imħallsa minnha mit-3 ta’ Awwissu 1997, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1567/97. Hija spjegat ukoll li ma kinitx bdiet proċedura għal rifużjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 11(8) tar-regolament ta’ bażi, peress li hi stenniet li l-miżuri l-ġodda ser japplikaw retroattivament.

15     Madankollu, fis-17 ta’ Awwissu 1998, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 11(8), tar-regolament ta’ bażi, ir-rikorrenti ppreżentat l-ewwel applikazzjoni għal rifużjoni quddiem l-awtoritajiet tad-dwana Ġermaniżi tas-somma ta’ 1 046 675,81 Marki Ġermaniżi (DEM), li tikkorispondi għad-dazji kontra d-‘dumping’ imħallsa minnha sa din id-data.

16     Bħala risposta preliminari, il-Kummissjoni infurmat lir-rikorrenti, permezz ta’ ittra ta’ l-14 ta’ Settembru 1998, li jidhru li saru ħmistax-il pagament, li jammontaw għal total ta’ 406 755,77 DEM, qabel il-perijodu ta’ sitt xhur ta’ qabel ma saret din l-ewwel applikazzjoni għal rifużjoni u għalhekk ma setgħetx tittieħed in kunsiderazzjoni skond l-Artikolu 11(8), tar-regolament ta’ bażi.

17     Fid-dokument tas-27 ta’ Awwissu 1998 relatat ma’ l-informazzjoni finali, il-Kummissjoni kkonfermat li r-rikorrenti u Lucci Creation kienu jibbenefikaw minn rata ta’ ‘dumping’ ta’ 0 % u rrifjutat it-talba tar-rikorrenti għall-applikazzjoni retroattiva tar-rati tad-dazji riveduti.

18     Fit-3 ta’ Novembru 1998 il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 2380/98, li minnu jirriżulta li ma kien ġie kkonstatat ebda ‘dumping’ fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ Lucci Creation mir-rikorrenti matul il-perijodu ta’ investigazzjoni u li, konsegwentement, Lucci Creation kellha d-dritt tibbenefika minn rata ta’ ‘dumping’ individwali ta’ 0 %. Madankollu, il-Kunsill irrifjuta t-talba għal effett retroattiv, billi ġġustifika l-pożizzjoni tiegħu, minn naħa, bin-natura prospettiva tal-miżuri adottati b’riżultat ta’ l-investigazzjonijiet ta’ reviżjoni u, min-naħa l-oħra, bil-fatt li "wara l-investigazzjoni preżenti, dan jikkumpensa b’mod inġustifikat, lill-esportaturi soġġetti, b’riżultat ta’ din l-investigazzjoni, għal dazju iktar baxx mid-dazju residwu għan-nuqqas ta’ kooperazzjoni tagħhom waqt l-investigazzjoni inizjali".

19     Fit-3 ta’ Diċembru 1998, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem l-awtoritajiet tad-dwana Ġermaniżi t-tieni applikazzjoni għar-rifużjoni tas-somma ta’ 409 777,34 DEM, li tikkorrispondi għad-dazji kontra d-‘dumping’ li kienu tħallsu bejn it-18 ta’ Awwissu u s-6 ta’ Novembru 1998.

20     Fit-12 ta’ Jannar 1999, ir-rikorrenti bdiet proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawża li tagħat lok għas-sentenza Medici Grimm I.

21     Fl-24 ta’ Jannar 2000, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar iż-żewġ applikazzjonijiet għar-rifużjoni ta’ dazji kontra d-‘dumping’ li kienu ġew ippreżentati f’din id-data mir-rikorrenti. Din id-deċiżjoni tilqa’ l-applikazzjonijiet għar-rifużjoni tad-dazji għal total ta’ 1 049 697,38 DEM u tiċħad l-applikazzjonijiet għal 406 755,77 DEM, peress illi dawn id-dazji kienu tħallsu fuq transazzjonijiet imwettqa matul il-perijodu ta’ qabel il-perijodu ta’ sitt xhur li jippreċedi l-applikazzjoni għal rifużjoni.

22     Bejn wieħed u ieħor fit-30 ta’ Marzu 2000, l-awtoritajiet tad-dwana Ġermaniżi taw l-ewwel ħlas lura ta’ dazji kontra d-‘dumping’ lir-rikorrenti, għal somma ta’ 682 385,46 DEM. Din is-somma tirrapreżenta s-somma awtorizzata mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-24 ta’ Jannar 2000, wara li ġew imnaqqsa s-sommom stabbiliti mill-awtoritajiet Ġermaniżi wara verifika tar-reġistri ta’ importazzjoni tar-rikorrenti.

23     Bejn wieħed u ieħor fit-2 ta’ Ġunju 2000, l-awtoritajiet tad-dwana Ġermaniżi ħallsu lura somma supplementari ta’ 229 502,16 DEM, li tirrapreżenta d-dazji evalwati mill-ġdid għall-perijodu tas-17 ta’ Frar sal-5 ta’ Novembru 1998. Madankollu, dan il-ħlas lura kien provviżorju, peress li kien soġġett għall-kundizzjoni li l-proċedura ta’ reviżjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-24 ta’ Jannar 2000, prevista fil-punt 4 tagħha, tiġi implementata. Għalhekk, fis-6 ta’ Ġunju 2000, ir-rikorrenti ppreżentat it-tielet applikazzjoni għar-rifużjoni ta’ din is-somma.

24     Fid-29 ta’ Ġunju 2000, il-Qorti tal-Prim’Istanza tat is-sentenza tagħha Medici Grimm I. Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2380/98 f’dak illi l-Kunsill ma kienx wasal, fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet mir-rikorrenti ta’ prodotti ta’ Lucci Creation, għall-konsegwenzi kollha tal-konklużjonijiet ta’ l-investigazzjoni ta’ reviżjoni.

25     Wara li kkonstatat li ebda bidla fiċ-ċirkustanzi ma setgħat immotivat il-ftuħ ta’ reviżjoni mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tuża l-istess perijodu ta’ investigazzjoni bħal dak li kien ifforma l-bażi għall-istabbiliment ta’ dazji definittivi mir-Regolament Nru 1567/97. Minn dan hija kkonkludiet li l-Kunsill ma kinx wettaq reviżjoni tal-miżuri fis-seħħ iżda kien, fir-realtà, reġa’ fetaħ il-proċedura inizjali. Konsegwentement, l-istituzzjonijiet ma setgħawx jibbażaw ruħhom fuq il-loġika u l-finijiet tal-proċedura ta’ reviżjoni sabiex jostakolaw it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex tikseb l-effett retroattiv tar-rata individwali ta’ 0 % li ġiet mogħtija lilha permezz tar-Regolament Nru 2390/98.

26     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, peress li l-istituzzjonijiet Komunitarji kienu kkonstataw fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni ta’ reviżjoni li wieħed mill-elementi li fuq il-bażi tiegħu d-dazji definittivi kontra d-‘dumping’ kienu ġew stabbiliti kien nieqes, ma setgħax iktar jiġi kkunsidrat li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1 tar-regolament ta’ bażi kienu sodisfatti fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 1567/97 u li l-miżuri protezzjonistiċi kontra l-importazzjonijiet ta’ Lucci Creation lejn il-Komunità kienu neċessarji. Peress illi l-istituzzjonijiet ikkonstataw li Lucci Creation ma’ kinitx ipprattikat ‘dumping’ matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, huma għandhom jagħtu lil din il-konstatazzjoni effett retroattiv.

27     Għalhekk il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat parzjalment ir-Regolament Nru 2380/98, sa fejn il-Kunsill ma tax effett retroattiv lill-emenda tar-rata tad-dazju kontra d-‘dumping’ imposta fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ Lucci Creation mir-rikorrenti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu żammet fis-seħħ dan ir-Regolament sakemm l-istituzzjonijiet adottaw il-miżuri li jammontaw għall-eżekuzzjoni tas-sentenza.

28     Din is-sentenza ma kinitx ġiet appellata.

29     Fit-22 ta’ Jannar 2001, wara s-sottomissjoni, mill-Kummissjoni, ta’ proposta għal regolament li jemenda r-Regolament Nru 1567/97, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 133/2001 li emenda r-Regolament (KE) Nru 1567/97 għal dak li jirrigwarda d-data ta’ l-applikazzjoni ta’ ċerti miżuri kontra d-‘dumping’ fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ boroż tan-nisa tal-ġilda li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 23, p. 9) sabiex jikkonforma ruħhu mas-sentenza Medici Grimm I.

30     L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 133/2001 iżid is-subparagrafu segwenti ma’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1567/97 :

"Għal dak li jirrigwarda l-boroż tan-nisa (handbags) tal-ġilda manifatturati minn Lucci Creation Ltd u importati minn Medici Grimm KG […], ir-rata tad-dazju ta’ 0,0% tapplika mit-3 ta’ Awwissu 1997." [traduzzjoni mhux uffiċjali].

31     Dan ir-Regolament daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Jannar 2001.

32     Bejn wieħed u ieħor fid-9 ta’ Frar 2001, wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 133/2001, l-awtoritajiet tad-dwana Ġermaniżi wettqu żewġ ħlasijiet lura supplementari ta’ 16 068,60 DEM u ta’ 120 369,64 DEM, li jikkorrispondu għall-ħlasijiet stabbiliti b’riżultat ta’ l-evalwazzjoni mill-ġdid tad-dazji kontra d-‘dumping’ dovuti mir-rikorrenti għall-perijodu ta’ qabel is-17 ta’ Frar 1998.

33     Madwar id-19 ta’ Frar 2001, l-awtoritajiet tad-dwana Ġermaniżi għamlu l-aħħar ħlas lura ta’ 425 115,90 DEM.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

34     Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-31 ta’ Ottubru 2003, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

35     Permezz ta’ att ippreżentat fis-16 ta’ Frar 2004 fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni talbet sabiex tintervjeni f’din il-proċedura sabiex issostni lill-Kunsill. Permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Mejju 2004, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ dan l-intervent.

36     Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni infurmat lill-Qorti tal-Prim’Istanza li hija kienet qed tirrinunċja milli tippreżenta sottomissjonijiet ta’ l-intervent, iżda li hija kienet sejra tintervjeni fil-kuntest tal-proċedura orali.

37     Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’ Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

38     L-argumenti u r-risposti tal-partijiet għad-domandi orali tal-Qorti tal-Prim’Istanza instemgħu fis-seduta ta’ l-14 ta’ Settembru 2005.

39     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza :

–       tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–       tikkonstata li, bis-saħħa tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE, il-Kunsill huwa responsabbli għad-danni li sarulha u tikkundanna lill-Kunsill iħallasha danni u interessi għal ammont totali ta’ 168 315 EUR jew ta’ kull ammont ieħor li l-Qorti tal-Prim’Istanza tqis xieraq;

–       tikkundanna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż.

40     Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza :

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

41     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiċħad ir-rikors.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

42     Il-Kunsill, mingħajr ma jqajjem b’mod formali eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà permezz ta’ att separat skond l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, isostni xorta waħda li r-rikors huwa inammissibbli. Ir-rikors ma jissodisfax il-ħtiġijiet kollha ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta’ l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, għal żewġ raġunijiet.

43     L-ewwelnett, ir-rikorrenti ma tipprovdix b’mod suffiċjenti l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-att komunitarju jew l-aġir li kkawża d-dannu, u minflok tirreferi għar-Regolament Nru 2380/98, għal nuqqas minn naħa tal-Kusill, għall-"aġir illegali tal-Kunsill fl-adozzjoni" tar-Regolament Nru 2380/98, jew għaż-"żamma" ta’ dazji kontra d-‘dumping’. Hija fl-ebda każ ma ppreċiżat, għal kull wieħed minn dawn, ir-raġuni li għaliha dan jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ regola ta’ dritt intiza sabiex tipproteġiha u r-raġuni li għaliha dan ikkawżalha dannu.

44     It-tieni nett, ir-rikorrenti ma tagħtix dettalji suffiċjenti fuq ir-regola jew ir-regoli tad-dritt komunitarju li l-Kunsill kiser. Ir-rikors huwa bbażat kemm "fuq l-Artikoli 1 u 15, fuq l-Artikolu 11(3), fuq l-Artikolu 7(1), fuq l-Artikolu 9(4), [tar-regolament ta’ bażi] kif ukoll – b’mod ġenerali – fuq ‘il-protezzjoni mogħtija taħt ir-regolament ta’ bażi’". Hemmhekk ukoll, ir-rikorrenti ma tispjegax, għal kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, b’liema mod din id-dispożizzjoni kienet intiża sabiex tipproteġi l-interessi tagħha.

45     Ir-rikorrenti tirrispondi li r-rikors tagħha huwa ammissibbli. Fl-ewwel lok, hija l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2380/98, u b’mod iktar speċifiku r-rifjut tal-Kunsill li jasal għall-konsegwenzi kollha tal-konklużjonijiet ta’ l-investigazzjoni ta’ reviżjoni, li allegatament ikkawżat id-dannu. Fit-tieni lok, ir-regola tad-dritt komunitarju li inkisret hija identifikata b’mod suffiċjenti. Din hija l-Artikolu 1(1), tar-regolament ta’ bażi, id-dispożizzjonijiet l-oħra tar-regolament ta’ bażi ċċitati fir-rikors (l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 9(4), u l-Artikolu 11(5)) huma msemmija biss għaliex, skond ir-rikorrenti, huma l-bażi tal-prinċipju fundamentali stabbilit mill-Artikolu 1(1), tar-regolament ta’ bażi.

46     Hija żżid li l-eċċeżżjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill għandha tiġi miċħuda fid-dawl ta’ l-Artikolu 46(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li l-Kunsill kien naqas milli formalment jikkonkludi għall-inammissibbiltà tar-rikors; att li l-Kunsill jikkontesta billi jsostni li l-kap tat-talbiet tiegħu intiż sabiex jiġi miċħud ir-rikors huwa suffiċjenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

47     Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li dan ir-rikors huwa formalment indirizzat kontra l-Kunsill u mhux kontra l-Komunità. Madankollu, skond ġurisprudenza kostanti, il-fatt li, rikors intiż fuq il-bażi tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità isir kontra l-istituzzjoni nnfisha, minħabba dannu allegatament ikkawżat minn istituzzjoni tal-Komunità, ma jistax iwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors. Fil-fatt, rikors bħal dan irid jiġi kkunsidrat bħala indirizzat kontra l-Komunità rrappreżentata minn din l- istituzzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1989, Briantex u Di Domenico vs il-KEE u l-Kummissjoni, 353/88, Ġabra p. 3623, punt 7, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza ta’ l-10 ta’ April 2002, Lamberts vs l-Ombudsman, T‑209/00, Ġabra p. II‑2203, punt 48).

48     Fir-rigward ta’ l-ammissibbiltà ta’ l-eċċezzjoni ta’ ammissibbiltà imqajma mill-Kunsill, għalkemm l-Artikolu 46(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li r-risposta tad-difiża għandha tinkludi t-talbiet tal-konvenut, dan l-artikolu ma jiddistingwix bejn it-talbiet li jikkonċernaw l-ammissibbiltà tar-rikors u t-talbiet li jikkonċernaw il-fondatezza tar-rikors. Dan l-artikolu lanqas ma jeħtieġ li l-konvenut jippreċiża fit-talbiet tiegħu, lil hinn mill-argumenti żviluppati fil-parti prinċipali tar-risposta tad-difiża tiegħu, ir-raġuni li għaliha l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tilqa jew tiċħad ir-rikors.

49     F’dan il-każ, il-Kunsill espressament indika, fil-parti prinċipali tar-risposta tad-difiża tiegħu, li huwa kien jikkunsidra li r-rikors kellu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, fit-talbiet ta’ l-imsemmija risposta, li huwa kien qed jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiċħad ir-rikors. Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti dwar l-inammissibbiltà ta’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill għandha tiġi miċħuda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza ta’ l-24 ta’ Frar 2000, ADT Projekt vs il-Kummissjoni, T‑145/98, Ġabra p. II‑387, punti 67 u 69). F’kull każ, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill hija ta’ natura ta’ ordni pubblika u tista’ tiġi mqajma ex-ufficio mill-Qorti.

50     Għalhekk, jeħtieġ, li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill.

51     Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti tal-Prim’Istanza bis-saħħa ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 53 ta’ l-imsemmi Statut, u l-Artikolu 44(1)(c) u (d), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kwistjoni, it-talbiet u l-espożizzjoni fil-qosor tal-motivi tat-talba. Din l-indikazzjoni trid tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċidi fuq ir-rikors. Sabiex tiġi garantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju li, sabiex rikors ikun ammissibbli, l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom dan huwa bbażat joħorġu, għall-inqas bħala sunt, iżda b’mod koerenti u komprensibbli, mit-test tar-rikors stess (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Mejju 1997, Guérin automobiles vs il-Kummissjoni, T‑195/95, Ġabra p. II‑679, punt 20, u tat-3 ta’ Frar 2005, Chiquita Brands et vs il-Kummissjoni, T‑19/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 64).

52     Sabiex dawn ir-rekwiżiti jkunu sodisfatti, rikors intiż għall-kumpens ta’ danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni komunitarja għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrent jattribwixxi lill-istituzzjoni, bir-raġunijiet li għalihom huwa jqis li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li huwa jallega li sofra, kif ukoll in-natura u l-estent tad-dannu subit (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Lulju 1990, Automec vs il-Kummissjoni, T‑64/89, Ġabra p. II‑367, punt 73, u Chiquita Brands et vs il-Kummissjoni, iċċitata, iktar ’il fuq punt 65).

53     F’dan il-każ, l-identifikazzjoni biss ta’ l-aġir li l-Kunsill qiegħed jiġi akkużat bih qed tiġi diskussa.

54     Fir-rigward ta’ l-att tal-Kunsill li kkawża d-dannu, jirriżulta b’mod ċar mill-atti, u b’mod partikulari, mill-indikazzjonijiet mogħtija fir-rikors u fir-replika, li dan l-att huwa l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2380/98 u, b’mod iktar speċifiku, ir-rifjut mill-Kunsill li jasal, f’dan ir-Regolament, għall-konkluzjonijiet kollha mill-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tiegħu. Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà imqajma mill-Kunsill, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ identifikazzjoni ta’ l-att li kkawża d-dannu, għandha tiġi miċħuda.

55     Fir-rigward ta’ l-identifikazzjoni tar-regola tad-dritt li inkisret, huwa veru li r-rikors jirreferi mhux biss għall-Artikolu 1(1) tar-regolament ta’ bażi, iżda wkoll għall-Artikolu 7(1), għall-Artikolu 9(4), u għall-Artikolu 11(5), billi jippreċiża li "dawn id-dispożizzjonijiet għandhom bħala għan li jipproteġu lill-individwi mill-impożizzjoni arbitrarja u inġustifikata ta’ dazji kontra d-‘dumping’ meta t-tliet kriterji essenzjali mhumiex sodisfatti". Madankollu, ir-rikorrenti ppreċiżat fir-replika tagħha li hija kienet qed tinvoka biss il-ksur ta’ l-Artikolu 1(1) tar-regolament ta’ bażi u li d-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-Regolament iċċitati fir-rikors kienu msemmija biss sabiex jiġi muri l-prinċipju fundamentali stabbilit minn dan l-Artikolu. Fid-dawl ta’ dan l-element u peress illi, minn naħa, il-ksur ta’ l-Artikolu 1(1) tar-regolament ta’ bażi ġie mqajjem mir-rikorrenti fir-rikors tagħha u, min-naħa l-oħra, huwa aċċettat li rikorrent jispeċifika d-domanda tiegħu fl-istadju tar-replika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 224), l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà imqajma mill-Kunsill, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ identifikazzjoni tar-regola tad-dritt li inkisret mill-Kunsill, għandha wkoll tiġi miċħuda.

56     Minbarra dan, il-proċess juri li l-Kunsill kien f’pożizzjoni li jassigura d-difiża tiegħu kemm fir-rigward ta’ l-aġir illegali li qiegħed jiġi akkużat bih, kif ukoll fir-rigward tar-regola tad-dritt li ġiet miksura.

57     Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

58     L-ewwelnett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li r-rikors preżenti huwa talba għall-kumpens tad-danni, ibbażat fuq l-Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288, KE.

59     Fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li, sabiex il-Komunità tkun responsabbli, numru ta’ kundizzjonijiet għandhom ikunu sodisfatti , jiġifieri l-illegalità ta’ l-aġir li l-istituzzjonijiet qed jiġu akkużati bih, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenzi tal-Qorti tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs il-KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ 16 Marzu 2005, EnBW Kernkraft vs il-Kummissjoni, T‑283/02, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 84).

60     Jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet mhijiex sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ assunzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali in kwistjoni (sentenza EnBW Kernkraft vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 85).

61     Huwa kostanti, f’dan il-każ, li l-illegalità ta’ l-aġir li bih qiegħed jiġi akkużat il-Kunsill mir-rikorrenti, jiġifieri l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2380/98 mingħajr ma jingħata effett retroattiv għall-emenda tar-rata tad-dazju kontra d-‘dumping’ impost fuq l-importazzjonijiet mir-rikorrenti tal-prodotti ta’ Lucci Creation, ġiet stabbilita mis-sentenza Medici Grimm I u li, skond il-punt 87 ta’ din is-sentenza, il-ksur ta’ l-Artikolu 1(1) tar-regolament ta’ bażi mill-Kunsill huwa wkoll stabbilit.

62     Madankollu, din iċ-ċirkustanza mhijiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-ewwel kundizzjoni ta’ assunzjoni ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, relatata ma’ l-illegalità ta’ l-aġir li l-istituzzjoni in kwistjoni qed tiġi akkużata bih, hija sodisfatta. Fil-fatt, fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni, il-ġurisprudenza teħtieġ li jkun stabbilit ksur suffiċjentement serju tar-regola tad-dritt li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs il-Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punt 42).

63     Peress li ż-żewġ kundizzjonijiet konnessi man-natura tar-regola tad-dritt invokata u mal-gravità tal-ksur tagħha huma kumulattivi, hemm lok li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, tiġi eżaminata qabel kollox il-kwistjoni dwar jekk l-aġir tal-Kunsill jikkostitwixxix ksur suffiċjentement serju ta’ l-Artikolu 1(1) tar-regolament ta’ bażi.

 L-argumenti tal-partijiet

64     Ir-rikorrenti ssostni li l-kriterju sabiex jiġi kkunsidrat jekk ksur tad-dritt komunitarju huwiex suffiċjentement serju, huwa dak tan-nuqqas manifest u serju ta’ osservanza mill-istituzzjoni komunitarja kkonċernata, tal-limiti tad-diskrezzjoni tagħha. Meta dik l-istituzzjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment limitata, jew ma jkollha lebda diskrezzjoni, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed sabiex tġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju.

65     F’dan il-każ, il-Kunsill seta’ biss jasal għall-konklużjonijiet tal-konstatazzjonijiet tiegħu u jagħti effett retroattiv lill-miżuri adottati mingħajr ma kellu marġni ta’ diskrezzjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet diġà ddeċidiet dwar din il-kwistjoni fil-punti 85 u 86 tas-sentenza Medici Grimm I. Għalhekk, is-sentenza Medici Grimm I stabbiliet li l-Kunsill ma kellux poter diskrezzjonali sabiex jiddeċiedi jekk jasalx jew le għall-konsegwenzi kollha tar-reviżjoni u, konsegwentement, is-sempliċi ksur tad-dritt komunitarju huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju.

66     Tliet elementi supplementari juru l-fatt li l-Kunsill kellu ftit jew ma kellu ebda marġni ta’ diskrezzjoni meta adotta r-Regolament Nru 2380/98. Fl-ewwel lok, dan ir-regolament kellu kamp ta’ applikazzjoni u portata limitata. Fit-tieni lok, ir- reviżjoni li twettqet ma kinitx timplika għażla ta’ politika ekonomika minn naħa ta’ l-istituzzjonijiet u għalhekk marġni ta’ diskrezzjoni żgħir jew ebda marġni ta’ diskrezzjoni barra l-eżami tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni ta’ l-esportaturi Ċiniżi li jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Għall-kuntrarju, il-ftuħ mill-ġdid tal-perijodu inizjali ta’ l-investigazzjoni inizjalment stabbilit għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1567/97 għamel l-eżerċizzju bħal proċedura amministrattiva billi eskluda l-għażliet ta’ politika normali li tifforma parti minn proċedura ta’ reviżjoni normali. Fit-tielet lok, ir-Regolament Nru 2380/98 kien limitat li jasal għall-konklużjonijiet ta’ l-analiżi ta’ l-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti u Lucci Creation lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni tagħha.

67     Ir-rikorrenti sussidjarjament iżżid li f’kull każ, il-Kunsill manifestament u b’mod serju eċċeda l-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa kellu. In-nuqqas ta’ osservanza tal-protezzjoni mogħtija mir-regolament ta’ bażi hija ċara peress li l-Kunsill ma kkunsidrax il-konsegwenzi tal-konklużjonijiet ta’ l-investigazzjoni, billi kellu l-intenzjoni jikkonkludi investigazzjoni ta’ reviżjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 11(3) tar-regolament ta’ bażi sabiex jevita l-konsegwenzi tal-konklużjonijiet ta’ din l-investigazzjoni, meta fil-fatt il-proċedura segwita kienet ftuħ mill-ġdid ta’ l-investigazzjoni inizjali.

68     Il-ksur tal-protezzjoni mogħtija mir-regolament ta’ bażi huwa aggravat b’tliet fatturi. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ġibdet l-attenzjoni tal-Kunsill fuq il-fatt li r-rifjut li jingħata effett retroattiv lill-konklużjonijiet tar-Regolament Nru 2380/98 kien inkompatibbli mal-loġika tar-regolament ta’ bażi. Fit-tieni lok, il-konsegwenzi, għar-rikorrenti, ta’ dan ir-rifjut kienu prevedibbli u minkejja dan kienu skartati mill-Kunsill bħala mhux importanti. Fit-tielet lok, l-għażla li jintuża l-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali kellha tiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill dwar in-natura mhux tas-soltu tal-proċedura u kellu jkun evidenti għalih li r-Regolament Nru 2380/98 kellu jkun adottat sabiex jindirizza numru ta’ ċirkustanzi partikulari, li jistgħu possibbilment ikollhom konsegwenzi speċjali.

69     Barra minn dan, il-motivi mogħtija mill-Kunsill sabiex jiġġustifikaw ir-rifjut tiegħu li jikkonforma ruħhu mal-konklużjonijiet tar-reviżjoni jammontaw għal abbuż ta’ poter.

70     F’kull każ, fid-dawl tal-fatti ta’ dan il-każ partikulari, l-aġir tal-Kunsill jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju, peress illi l-Kunsill kien konxju mill-fatt li informazzjoni relatata mal-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali qatt ma kienet intużat qabel sabiex issir investigazzjoni ta’ reviżjoni, miżuri retroattivi kontra d-‘dumping’ kienu diġà ġew adotatti fil-passat u d-diffikultajiet li l-Kunsill iltaqa’ magħhom kienu irrilevanti sabiex tiġi evalwata l-legalità ta’ l-atti tiegħu.

71     Il-Kunsill jirrispondi billi jgħid li, kieku l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkunsidra li huwa kiser regola tad-dritt intiża sabiex tipproteġi lir-rikorrenti, dan il-ksur ma jkunx suffiċjentement serju. L-evalwazzjoni tan-natura suffiċjentement serja jew le ta’ ksur tad-dritt komunitarju għandha ssir billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b’mod partikulari, il-komplessità tas-sitwazzjonijiet li jridu jiġi rregolati, id-diffikultajiet fl-applikazzjoni jew fl-interpretazzjoni tat-testi u, b’mod partikulari, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu min iħejji l-att in kwistjoni. Minbarra dan, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi kkunsidrat li ksur tad-dritt komunitarju huwa ta’ natura suffiċjentement serja huwa dak tan-nuqqas manifest u serju ta’ osservanza, tal-limiti li għandu l-poter diskrezzjonali tiegħu. Meta din l-istituzzjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment limitata, jew ma jkollhiex marġni ta’ diskrezzjoni, is-sempliċi ksur tad-dritt komunitarju jista’ jkun suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju.

72     F’dan il-każ, il-Kunsill jikkunsidra li kellu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal- kwistjoni tar-retroattività tar-Regolament Nru 2380/98.

73     Minn naħa, il-Kunsill jenfasizza li l-pożizzjoni tiegħu fuq jekk ir-Regolament Nru 2380/98 għandux effett retroattiv jew le ttieħdet fil-bidu ta’ proċess li nbeda bil-ftuħ ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni fuq talba ta’ l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, li minħabba l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, ir-rikorrenti sabet ruħha f’sitwazzjoni aktar favorevoli milli kieku din l-investigazzjoni ma nfetħitx. Għalhekk, il-ftuħ ta’ l-investigazzjoni ta’ reviżjoni kien att purament diskrezzjonarju, li ppermetta lir-rikorrenti tibbenefika minn kumpens li hi ma kienx ikollha dritt titlob fin-nuqqas ta’ ftuħ ta’ l-imsemmija investigazzjoni. Il-fatt li l-istituzzjonijiet ma tawx iktar kumpens lir-rikorrenti ma jistgħax jiġi kkunsidrat bħala ksur suffiċjentement serju li jagħti lok għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità bis-saħħa tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE.

74     Sussidjarjament, il-Kunsill iressaq tliet argumenti addizzjonali. Fl-ewwel lok, id-deċiżjoni dwar l-effett retroattiv tar-Regolament Nru 2380/98 inkludiet element ta’ diskrezzjoni, li kien dwar jekk iċ-ċirkustanzi ta’ l-investigazzjoni ta’ reviżjoni kinux jippermettu jew jiġġustifikaw deroga mir-regola ġenerali li l-miżuri adottati b’riżultat ta’ l-investigazzjonijiet ta’ reviżjoni għandhom biss natura prospettiva. Fit-tieni lok, ir-riżultati ta’ l-investigazzjoni ta’ reviżjoni ma kinux intenzjonalment mhux meqjusa mill-Kunsill. Dan ta’ l-aħħar saqsa lilu nnifsu jekk kinx possibbli li jingħata effett retroattiv lir-Regolament Nru 2380/98, peress li kien jaf li l-użu mill-ġdid ta’ l-informazzjoni inizjali fil-kuntest ta’ reviżjoni ma kellux preċedent u li kien ċar li l-konklużjonijiet ma kinux relatati ma’ perijodu ulterjuri. Madankollu huwa kien ikkonkluda li tali soluzzjoni ma kinitx possibbli b’rigward tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tar-reviżjoni u fin-nuqqas ta’ preċedent simili. Huwa ma setgħax jipprevedi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx ser taqbel miegħu. Peress li l-każ kien eċċezzjonali, ir-riskju ta’ żball kien akbar. Minbarra dan, billi ċaħad l-effett retroattiv, huwa kien sempliċement qed jipprova japplika r-regolament ta’ bażi b’mod mhux diskriminatorju għal sitwazzjoni li għaliha dan ir-regolament ma kinx ipprovda soluzzjoni; l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt b’analoġija tkun diffiċli ħafna. Fit-tielet lok, il-fatt li r-rikorrenti ġibdet l-attenzjoni ta’ l-istituzzjonijiet għall-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ effett retroattiv tar-Regolament Nru 2380/98 huwa irrilevanti, b’mod partikulari peress li l-istituzzjonijiet ma injorawx din it-twissija, iżda sempliċement waslu għal konklużjoni differenti.

75     Ma twettaq ebda abbuż ta’ poter peress li l-applikazzjoni retroattiva ġiet miċħuda minħabba n-natura prospettiva tal-miżuri adottati wara t-tmiem tal-proċedura tar-reviżjoni u r-Regolament Nru 2380/98 ma kinx ġie adottat bil-għan esklussiv jew speċifiku li jintlaħqu għanijiet oħra minn dawk iddikjarati.

76     Għalhekk, f’dan il-każ partikulari, l-aġir tal-Kunsill jikkonstiti biss f’"approċċ żballjat, iżda skużabbli, ta’ problema ta’ dritt mhux solvuta", li ma jwassalx għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità skond is-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE.

77     Matul is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li f’dan il-każ, il-Kunsill billi adotta r-Regolament Nru 2380/98, sempliċement u b’mod volontarju kkoreġa applikazzjoni stretta wisq u severa wisq tar-Regolament Nru 1567/97, sabiex jgħin lil partijiet bħar-rikorrenti. Peress illi r-regolament ta’ bażi ma jinkludi ebda dispożizzjoni dwar ftuħ mill-ġdid tal-proċedura, investigazzjoni ta’ reviżjoni infetħet fil-kuntest ta’ l-Artikolu 11(3) tar-regolament ta’ bażi. Minbarra dan, il-ġurisprudenza tagħti lill-istituzzjonijiet poter diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward ta’ l-għażla tal-perijodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, l-istituzzjonijiet sempliċement ħasbu li jwettqu reviżjoni tal-miżuri fis-seħħ. Kienet biss is-sentenza Medici Grimm I li għamlitha ċara li d-dispożizzjonijiet tar-regolament ta’ bażi dwar ir-reviżjoni ma kinux applikabbli f’dan il-każ. Peress li kien hemm ċirkustanzi ġodda u eċċezzjonali, ma jistgħax jiġi konkluż li l-Kunsill, billi aġixxa b’dan il-mod, naqas manifestament jew serjament milli josserva l-limiti tal-poter diskrezzjonali tiegħu. Għalhekk, f’dan il-każ partikulari mhemmx ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju li jwassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

78     L-aġir li f’dan il-każ il-Kunsill qiegħed jiġi akkużat bih jirriżulta essenzjalment mill-fatt li, fir-Regolament Nru 2380/98, il-Kunsill ma wasalx għall-konsegwenzi kollha tal-konklużjonijiet ta’ l-investigazzjoni ta’ reviżjoni dwar l-importazzjonijiet mir-rikorrenti ta’ prodotti ta’ Lucci Creation, billi ma tax effett retroattiv lill-emenda li saret lir-rata tad-dazju kontra d-‘dumping’ impost fuq dawn l-importazzjonijiet.

79     Skond ġurisprudenza kostanti, u kif tfakkar ir-rikorrenti, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi kkunsidrat jekk il-ksur tad-dritt Komunitarju huwiex suffiċjentement serju huwa dak tan-nuqqas manifest u serju ta’ osservanza, mill-istituzzjoni komunitarja kkonċernata, tal-limiti tad-diskrezzjoni tagħha. Meta dik l-istituzzjoni in kwistjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment limitata, jew ma jkollha ebda diskrezzjoni, is-sempliċi ksur tad-dritt komunitarju jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (sentenzi Bergaderm u Goupil vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 sa 44, u EnBW Kernkraft vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 87). B’mod partikulari, il-konstatazzjoni ta’ irregolarità li, f’ċirkustanzi simili, amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti ma kinitx twettaq, tippermetti li jiġi konkluż li l-aġir ta’ l-istituzzjoni kkostitwixxa illegalità tali li twassal għar-responsabbiltà tal-Komunità taħt l-Artikolu 288 KE (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs il-Kummissjoni, T‑198/95, T‑171/96, T‑230/97, T‑174/98 u T‑225/99, Ġabra p. II‑1975, punt 134).

80     F’dan ir-rigward ir-regoli komunitarji ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità jieħdu in kunsiderazzjoni wkoll il-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati, u d-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tat-testi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, Ġabra p. I‑1029, punt 43, u ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, Ġabra p. I‑11355, punt 52).

81     Minbarra dan, il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-individwi mid-dritt Komunitarju ma tistax tvarja skond jekk l-awtorità responsabbli għad-danni hijiex waħda nazzjonali jew Komunitarja (sentenza Bergaderm u Goupil vs il-Kummissjoni, iċċitata, iktar ’il fuq punt 41). Għalhekk hemm lok li jiġi rikonoxxut li, bħal fil-każ ta’ proċeduri relatati mar-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għall-ksur tad-dritt Komunitarju, sabiex jiġi stabbilit jekk ksur tad-dritt Komunitarju imwettaq minn istituzzjoni komunitarja jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju, il-qorti komunitarja li quddiemha tkun tressqet it-talba għall-kumpens tad-danni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni mressqa quddiemha, u li dawn l-elementi jinkludu b’mod partikulari l-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola li ġiet miksura u n-natura intenzjonali jew ineskużabbli ta’ żball ta’ dritt possibbli (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Haim, C‑424/97, Ġabra p. I‑5123, punt 43, u ta’ l-4 ta’ Diċembru 2003, Evans, C‑63/01, Ġabra p. I‑14447, punt 86).

82     Fl-ewwel lok, f’dan il-każ partikulari hemm lok li jiġi stabbilit jekk il-Kunsill kellux marġni ta’ diskrezzjoni meta adotta r-Regolament Nru 2380/98 f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni tar-retroattività ta’ l-emenda tar-rata tad-dazju kontra d-‘dumping’ impost fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ Lucci Creation.

83     Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 87 tas-sentenza Medici Grimm I, li, peress li l-istituzzjonijiet komunitarji kienu kkonstataw, fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni ta’ reviżjoni, li wieħed mill-elementi li fuqhom id-dazji definittivi kontra d-‘dumping’ kienu ġew imposti kien nieqes, ma kinx iktar possibbli li jiġi kkunsidrat li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1 tar-regolament ta’ bażi kienu sodisfatti meta ġie adottat ir-Regolament Nru 1567/97 u li miżuri ta’ protezzjoniżmu kontra l-esportazzjonijiet ta’ Lucci Creation lejn il-Komunità kienu neċessarji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istituzzjonijiet kienu obbligati li jaslu għall-konsegwenzi kollha ta’ l-għażla tal-perijodu ta’ investigazzjoni stabbilit u, peress li huma kienu kkonstataw li Lucci Creation ma kinitx tippratika ‘dumping’ matul l-imsemmi perijodu, huma kellhom jagħtu effett retroattiv lill-konsegwenzi ta’ din il-konstatazzjoni.

84     Minn dan jirriżulta li peress li l-Kunsill kien ikkonstata li Lucci Creation ma kienet ippratikat ebda ‘dumping’ matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, huwa ma kellux dritt jimponi dazju kontra d-‘dumping’ fuq l-importazzjonijiet ta’ dawn il-prodotti mir-rikorrenti. Għalhekk legalment, ma kellu ebda marġni ta’ diskrezzjoni u kien obbligat jagħti effett retroattiv lill-emenda lir-rata ta’ dazju bħal dan.

85     L-argumentazzjoni kuntrarja tal-Kunsill, dwar in-natura prospettiva tal-miżuri adottati b’riżultat ta’ l-investigazzjonijiet ta’ reviżjoni, ma tistgħax tiġi milqugħa. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fis-sentenza Medici Grimm I li, peress li l-perijodu ta’ investigazzjoni stabbilit għar-reviżjoni li tippreċedi l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2380/98 kien l-istess bħal dak kopert mill-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1567/97, din ma kinitx iktar proċedura ta’ reviżjoni, iżda ftuħ mill-ġdid ta’ l-investigazzjoni inizjali.

86     Minbarra dan, anki kieku wieħed kellu jissuponi li ġie stabbilit il-fatt li l-ftuħ ta’ l-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 2380/98 seta’ kien ġest politiku, li jaqgħa taħt l-għażla diskrezzjonali tal-Kunsill, dan huwa irrilevanti, safejn din l-għażla ma seta’ jkollha ebda effett fuq l-obbligi li l-Kunsill għandu bis-saħħa tar-regolament ta’ bażi.

87     Madankollu, in-nuqqas ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kunsill fir-rigward ta’ l-effett retroattiv tar-Regolament Nru 2380/98 mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li f’dan il-każ kien hemm ksur suffiċjentement serju ta’ l-Artikolu 1(1) tar-regolament ta’ bażi tali li jwassal għar-responsabbiltà tal-Komunità. Fil-fatt, jieħtieġ ukoll, li fit-tieni lok, tittieħed in kunsiderazzjoni l-komplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi rregolata, id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tat-testi, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola li ġiet miksura u n-natura intenzjonali jew ineskużabbli ta’ l-iżball ta’ dritt imwettaq.

88     F’dan il-każ partikulari, il-Kunsill essenzjalment isostni, li huwa wettaq żball skużabbli, peress illi ċ-ċirkustanzi tal-każ partikulari ma kellhomx preċedent, u li huwa aġixxa in bona fede meta għażel li ma jagħtix effett retroattiv lir-Regolament Nru 2380/98.

89     F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħad, l-ewwelnett, li jirriżulta kemm mir-Regolament Nru 2380/98 kif ukoll mill-proċedura kollha li saret qabel l-adozzjoni tiegħu li l-istituzzjonijiet qisu li huma fetħu investigazzjoni ta’ reviżjoni, u mhux li reġew fetħu l-proċedura inizjali. Kien biss minn wara s-sentenza Medici Grimm I li s-sitwazzjoni ġuridika ġiet iċċarata u li l-proċedura segwita mill-istituzzjonijiet ġiet riklassifikata.

90     Fit-tieni lok, jirriżulta mill-prinċipji applikabbli fil-qasam tar-reviżjoni, u b’mod partikulari mill-Artikolu 11(6) tar-regolament ta’ bażi, li l-miżuri adottati b’riżultat ta’ investigazzjonijiet ta’ reviżjoni huma ta’ natura prospettiva, peress li l-effett possibilment retroattiv ta’ ċerti regolamenti ta’ reviżjoni huwa ammess biss taħt ċerti kundizzjonijiet limitati, li ma ġewx sodisfatti f’dan il-każ. Minbarra dan, ma jeżistix preċedent simili.

91     Fit-tielet lok, it-tieni paragrafu tal-premessa 19 tar-Regolament Nru 2380/98 juri b’mod ċar li l-Kunsill ma injorax l-argumenti li ġew ippreżentati mir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2380/98, fir-rigward ta’ l-effett tiegħu retroattiv, iżda li, wara li ikkunsidrhom, wasal għal konklużjoni differenti.

92     Fir-raba’ lok, anki jekk l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2380/98 fiha nnfisha ma tinvolvix għażla ta’ politika ekonomika, hija xorta waħda qajmet kwistjoni ġuridika diffiċli, li m’għandhiex preċedent li joħroġ mill-ġurisprudenza, u li ġiet solvuta biss meta l-Qorti tal-Prim’Istanza, permezz tas-sentenza Medici Grimm I, ddeċidiet dwar il-legalità ta’ l-imsemmi regolament.

93     Fil-ħames lok, lanqas ma ġie stabbilit li l-Kunsill abbuża mill-poter tiegħu. Skond il-ġurisprudenza, att ta’ istituzzjoni komunitarja huwa annullat biss b’illégalità bħal din jekk dan kien adottat bil-għan esklussiv, jew għall-inqas speċifiku, li jilħaq għanijiet oħra minn dawk iddikjarati (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ġunju 1997, l-Italja vs il-Kummissjoni, C‑285/94, Ġabra p. I‑3519, punt 52, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2001, T. Port vs il-Kummissjoni, T‑52/99, Ġabra p. II‑981, punt 53) u abbuż ta’ poter jista’ jiġi kkonstatat biss fuq il-bażi ta’ evidenza oġġettiva, rilevanti u konsistenti (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ April 1996, Industrias Pesqueras Campos et vs il-Kummissjoni, T‑551/93, T‑231/94 sa T‑234/94, Ġabra p. II‑247, punt 168, u T. Port vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

94     Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma stabbiliet li l-Kunsill irrifjuta li jagħti effett retroattiv lir-Regolament Nru 2380/98 bil-għan esklussiv, jew għall-inqas speċifiku li jilħaq għanijiet oħra minn dawk imsemmija.

95     Kuntrarjament, il-Kunsill irrifjuta li jagħti effett retroattiv lir-Regolament Nru 2380/98 mhux bil-għan esklussiv jew speċifiku li jiżgura li l-importaturi li ma kinux ipparteċipaw fl-investigazzjoni inizjali jkunu sanzjonati u jkunu mċaħda milli jiksbu l-ħlas lura tad-dazji tagħhom kontra d-‘dumping’, iżda għaliex, fil-kuntest fattwali u ġuridiku bħalma seta’ raġonevolment ikun ipperċepit f’dak iż-żmien, il-Kunsill kien jikkunsidra li effettivament kienet twettqet investigazzjoni ta’ reviżjoni u li l-miżuri li għandhom jittieħdu b’riżultat ta’ din seta’ jkollhom biss natura prospettiva. Il-ġustifikazzjoni għar-rikors għall-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali għal raġunijiet ta’ ħeffa, fil-premessa 8 tar-Regolament Nru 2380/98, u l-klassifikazzjoni ta’ dan ir-rikors bħala "eċċezzjonali" turi li barra minn hekk l-istituzzjonijiet kienu konvinti li kienu qed iwettqu reviżjoni.

96     Minbarra dan, il-motivazzjoni mressqa mill-Kunsill sabiex jiġġustifika r-rifjut li jagħti effett retroattiv lir-Regolament Nru 2380/98, imsemmi fil-punt 18 iktar ’il fuq, mhux rilevanti għall-finijiet ta’ l-analiżi ta’ l-eżistenza possibbli ta’ abbuż ta’ poter. Fil-fatt, anki jekk din il-motivazzjoni hija bla dubju ta’ xejn bla sostanza, din hija biss sekondarja meta mqabbla mal-motivazzjoni prinċipali mressqa, li fiha nnfisha hija suffiċjenti, li l-proċeduri ta’ reviżjoni, fil-kuntest ta’ liema l-Kunsill ikkunsidra li kien qed jaġixxi, għandhom minn natura tagħhom, natura prospettiva.

97     Għalhekk, kuntrarjament għal dak li sosstni r-rikorrenti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi u fin-nuqqas ta’ element ta’ prova kuntrarja, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kunsill abbuża mill-poter tiegħu jew intenzjonalment kiser l-Artikolu 1(1) tar-regolament ta’ bażi.

98     F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li l-Kunsill kiser l-Artikolu 1(1), tar-regolament ta’ bażi b’mod suffiċjentement serju li jwassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. L-argument tar-rikorrenti għalhekk għandu jiġi miċħud, mingħajr mhemm bżonn li jiġi eżaminat jekk din id-dispożizzjoni għandhiex bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

99     Għaldaqstant, peress li l-kundizzjoni li tagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità konnessa ma’ l-aġir ta’ l-istituzzjoni in kwistjoni f’dan il-każ ma ġietx sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud mingħajr mhemm lok li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra li jagħtu lok għall-imsemmija responsabbiltà.

 Fuq l-ispejjeż

100   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tigi kkundannata tbati l-ispejjez, skond it-talbiet tal-konvenuta.

101   Il-Kummissjoni, bħala parti intervenjenti, għandha tbati l-ispejjeż tagħha b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(4), tar-Regoli tal-Proċedura, skond liema, l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż tal-Kunsill.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Legal

Mengozzi

Wiszniewska-Białecka

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-26 ta’ Jannar 2006.

E. Coulon

 

      H. Legal

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.