Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta’ Frar 2024 minn German Khan mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla) fid-29 ta’ Novembru 2023 fil-Kawża T-333/22, Khan vs Il-Kunsill

(Kawża C-111/24 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: German Khan (rappreżentanti: T. Marembert u A. Bass, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2023, Khan vs Il-Kunsill (T-333/22);

konsegwentement, tiddeċiedi l-azzjoni fuq il-mertu u:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2022/429 tal-15 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, sa fejn tikkonċerna lill-appellant;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/427 tal-15 ta’ Marzu 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, sa fejn jikkonċerna lill-appellant;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1530 tal-14 ta’ Settembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, sa fejn tikkonċerna l-appellant;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1529 tal-14 ta’ Settembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, sa fejn tikkonċerna l-appellant.

sussidjarjament, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2023, Khan vs Il-Kunsill (T-333/22) u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tmien aggravji:

L-ewwel aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikoli 7 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ motivazzjoni insuffiċjenti. Is-sentenza appellata tikser id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għar-reputazzjoni tar-rikorrent billi tastjeni milli teżamina l-argumenti kollha li jirrigwardaw il-falsità tal-allegazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-kriterji (d) tal-Artikolu2(1) tad-Deċiżjoni 2014/145 emendata u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 269/2014 emendat.

It-tieni aggravju bbażat fuq il-kritika lill-Qorti Ġenerali li marret kontra l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145 emendata u tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament 269/2014 emendat, inkwantu l-interpretazzjoni mogħtija mis-sentenza appellata tal-kunċett ta’ negozjanti “ewlenin” hija żbaljata.

It-tielet aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikoli 29 TUE u 215(2) TFUE. Is-sentenza appellata allegatament twettaq żball meta tqis li d-dispożizzjonijiet imsemmija jippermettu li jiġu ssanzjonati kategoriji ta’ persuni mingħajr rabta suffiċjenti mar-reġim li fuqu l-Unjoni għandha l-intenzjoni li tagħmel pressjoni.

Ir-raba’ aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tad-dritt għall-proprjetà u tal-libertà ta’ intrapriża. L-interpretazzjoni adottata mis-sentenza appellata tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145 emendata u tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament 269/2014 emendat ma hijiex kompatibbli mal-prinċipji msemmija.

Fil-kuntest tal-ħames aggravju, il-Qorti Ġenerali hija kkritikata li żnaturat is-sens u l-portata tal-prova Nru 2 tal-Kunsill u l-Anness C5 tal-appellant billi ħalliet l-argumenti tal-appellant mingħajr risposta. Barra minn hekk, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija insuffiċjenti u kontradittorja, bi ksur tal-Artikoli 296 TFUE u 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Is-sitt u s-seba’ aggravju bbażati t-tnejn li huma fuq ksur tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145 emendata u tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament 269/2014 emendat. Il-Qorti Ġenerali hija kkritikata bi żnaturament tal-provi kif ukoll bi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ motivazzjoni insuffiċjenti. Minn naħa, is-sentenza mogħtija ddeduċiet b’mod żbaljat mis-sempliċi entrata, ikkontestata, tal-bank Alfa fuq il-lista ta’ kontribwenti importanti l-konklużjoni li s-settur bankarju huwa sors ta’ dħul sostanzjali għall-Gvern Russu.

Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni mogħtija mis-sentenza appellata tal-kunċett ta’ setturi ekonomiċi li jipprovdu “sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa” hija żbaljata.

Fl-aħħar nett, it-tmien aggravju bbażat fuq allegat ksur ta’ prinċipji ta’ smigħ xieraq u ta’ opportunitajiet ugwali, fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju kif ukoll fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Is-sentenza appellata kisret il-prinċipji msemmija billi fil-punt 104 qieset li “il-komunikazzjoni tal-15 ta’ Marzu 2022 ta’ Interfax li tgħid li Alfa Bank ħabbret bidla fl-istruttura tal-azzjonisti tagħha u li tindika li r-rikorrent ma kienx iktar ‘koproprjetarju’, prodotta mingħajr beda dokument uffiċċjali ieħor insostenn u mingħajr preċiżazzjoni b’mod partikolari dwar id-data eżatta ta’ din il-bidla jew dwar l-identità taċ-ċessjonarju tal-azzjonijiet tar-rikorrent, ma hijiex biżżejjed sabiex tipprova t-trasferiment tal-azzjonijiet tar-rikorrent” u b’hekk qiegħdet lill-appellant f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar.

____________