Language of document : ECLI:EU:C:2012:294

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

YVES BOT

ippreżentati fil-15 ta’ Mejju 2012 (1)

Kawża C‑502/10

Staatssecretaris van Justitie

vs

Mangat Singh

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Direttiva 2003/109/KE — Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul — Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva — Portata tal-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 3(2)(e) — Kunċett ta’ ‘permess ta’ residenza formalment limitat’”





1.        Din il-kawża toffri l-okkażżjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja li tippreċiża l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (2).

2.        Id-Direttiva stabbilixxiet status komuni ta’ resident għat-tul b’tali mod li ċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz, li jirrisjedu legalment u għat-tul fl-Istati Membri, jistgħu jiksbu dan l-istatus u jibbenefikaw minn kundizzjonijiet simili ferm fl-Unjoni Ewropea. Hija armonizzat ukoll il-kriterji tal-kisba tal-istatus ta’ resident għat-tul u d-drittijiet marbuta miegħu, abbażi ta’ ugwaljanza fit-trattament taċ-ċittadini tal-Unjoni.

3.        Fl-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni eskluda mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li “jirrisjedu unikament fuq bażi temporanju bħal ħaddiema au pair jew staġjonali, jew bħala ħaddiema ppustjati minn provditur ta’ servizzi għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi bejn il-fruntieri, jew bħala provdituri ta’ servizzi bejn il-fruntieri jew fil-każi fejn il-permess tar-residenza tagħhom ikun gir [gie] formalment limitat.”

4.        F’din l-ipoteżi u skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, il-perijodi ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istati Membri ma humiex ikkunsidrati fil-kuntest tal-kalkolu tat-tul ta’ residenza meħtieġa għall-finijiet tal-għoti ta’ status ta’ resident għat-tul, li huwa stabbilit għal ħames snin (3).

5.        F’din il-kawża, ir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja, tippreċiża s-sens li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lill-kunċett tal-permess ta’ residenza formalment limitat, b’tali mod li tiġi ddefinita aħjar il-portata tal-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva.

6.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari saret fil-kuntest ta’ kawża bejn l-iStaatssecretaris van Justitie (Segretarju tal-Istat tal-Ġustizzja, iktar ’il quddiem l-“iStaatssecretaris”) u M. Singh, ċittadin Indjan li l-permess ta’ residenza formalment limitat tiegħu ġie mġedded għal ftit iktar minn seba’ snin, dwar ir-rifjut ta’ ħruġ ta’ permess ta’ resident għat-tul.

I –    Id-dritt nazzjonali

7.        Id-Direttiva ġiet trasposta fil-Pajjiżi l-Baxxi permezz tal-liġi għal reviżjoni ġenerali tal-Liġi dwar il-Barranin (Wet tot algehele herziening van de Vreemdelingenwet), tat-23 ta’ Novembru 2000 (4).

8.        Skont l-Artikolu 14(2) ta’ din il-liġi, permess ta’ residenza għal żmien determinat huwa akkumpanjat minn kundizzjonijiet limitati relatati mar-raġuni li għaliha r-residenza tiġi awtorizzata. Kundizzjonijiet oħra jistgħu jiġu imposti. B’applikazzjoni tal-Artikolu 14(3) tal-imsemmija liġi, dan il-permess huwa maħruġ għal tul massimu ta’ ħames snin suċċessivi.

9.        Barra minn hekk, skont l-Artikolu 21(1) tal-liġi għal reviżjoni ġenerali tal-Liġi dwar il-Barranin, it-talba għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza għal żmien indeterminat tista’ tiġi miċħuda, partikolarment, jekk, matul il-ħames snin immedjatament preċedenti għal din it-talba, il-barrani kellu dritt ta’ residenza formalment limitat.

10.      Il-leġiżlatur Olandiż adotta, abbażi ta’ din il-liġi, id-Digriet dwar il-Barranin tal-2000 (Vreemdelingenbesluit 2000) (5).

11.      Skont l-Artikolu 3.5(2)(d) ta’ dan id-digriet, id-dritt ta’ residenza bbażat fuq il-permess ta’ residenza għal żmien determinat huwa temporanju peress li dan kien akkordat b’restrizzjoni marbuta mal-attività mħallsa ta’ mexxej spiritwali jew ta’ għalliem tar-reliġjon, sakemm dan id-dritt ta’ residenza mhux ibbażat fuq id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 1/80 (6), tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar il-ħolqien ta’ assoċjazzjoni.

12.      Skont l-Artikolu 3.33(1) tal-imsemmi digriet, dan il-permess huwa akkordat biss meta l-barrani jiddikjara, bil-miktub, li huwa informat li r-residenza hija awtorizzata biss għall-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ mexxej spiritwali jew ta’ għalliem tar-reliġjon għall-grupp li għandu jissemma speċifikatament, li r-residenza ma tistax tkun awtorizzata ħlief għat-tul ta’ dawn l-attivitajiet, li fl-aħħar ta’ dawn l-attivitajiet, huwa jrid jitlaq mill-Pajjiżi l-Baxxi u li mhux permess lilu, matul ir-residenza tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi, li jeżerċita attivitajiet ta’ natura oħra.

13.      L-iStaatssecretaris iddeskriva l-modalitajiet tal-eżerċizzju tal-kompetenzi li ġew attribwiti lilu bil-liġi għal reviżjoni ġenerali tal-Liġi dwar il-Barranin tal-2000 u tad-Digriet dwar il-Barranin tal-2000 fiċ-Ċirkolari dwar il-Barranin tal-2000 (Vreemdelingencirculaire 2000).

14.      Skont is-Sezzjoni B1/2.4 ta’ din iċ-ċirkolari, il-fatt li jkun jaf jekk id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz huwiex temporanju jew le, ma jiġix dedott min-natura tal-permess ta’ residenza li huwa akkordat lilu, iżda li jirriżulta biss mill-applikazzjoni tal-Artikolu 3.5 ta’ dan id-digriet. Jekk il-permess ta’ residenza kien mogħti taħt restrizzjoni msemmija fl-Artikolu 3.5(2) tal-imsemmi digriet, allura d-dritt ta’ residenza huwa, min-natura tiegħu, temporanju.

15.      Għandu jiġi speċifikat li din il-leġiżlazzjoni kienet emendata b’liġi tas-7 ta’ Lulju 2010 (7) u b’Digriet tal-24 ta’ Lulju 2010 (8), li madankollu, għadhom ma daħlux fis-seħħ. Minn issa ’l quddiem, ir-residenza ta’ mexxejja spiritwali u għalliema tar-reliġjon fit-territorju Olandiż hija ddefinita bħala waħda, li min-natura, ma hijiex temporanja, u tista’, konsegwentament, tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-għoti ta’ permess ta’ resident għat-tul.

II – Il-fatti prinċipali tal-kawża u d-domanda preliminari

16.      Fit-22 ta’ Ottubru 2001, M. Singh kiseb permess ta’ residenza għal żmien determinat abbażi tal-attività tiegħu ta’ mexxej spiritwali jew ta’ għalliem tar-reliġjon ta’ Guru Nanak Gurudwara. Dan il-permess kien imġedded diversi drabi, kull darba għal perijodu determinat. Fit-30 ta’ Mejju 2007, madwar ħames snin u tmien xhur wara l-wasla tiegħu fit-territorju Olandiż, M. Singh issottometta talba għall-ħruġ ta’ permess ta’ resident għat-tul.

17.      B’deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2007, l-iStaatssecretaris ċaħad it-talba tiegħu u għal darba oħra estenda l-validità tal-permess ta’ residenza tiegħu sad-19 ta’ Jannar 2009. L-iStaatssecretaris ikkunsidra li peress li M. Singh kien intitolat għal permess ta’ residenza formalment limitat, huwa ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

18.      Fil-kuntest tar-rikors sottomess minn M. Singh kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut, l-iStaatssecretaris isostni li l-kunċett ta’ “permess ta’ residenza formalment limitat”, imsemmi fl-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva, jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jeskludu mill-benefiċċju ta’ status ta’ resident għat-tul lid-detenturi ta’ ċerti permessi ta’ residenza suġġetti għal restrizzjonijiet formali.

19.      Ir-Raad van State, li quddiemha tressqet il-kawża, tirrileva min-naħa tagħha, li l-marġni ta’ diskrezzjoni li jippermetti lil Stat Membru li jagħti jew li jġedded permessi ta’ residenza għal żmien determinat — mingħajr ma’ dan jagħti l-possibbiltà ta’ kisba ta’ permess għal resident għat-tul — jistgħu jikkawżaw preġudizzju għall-effettività tad-Direttiva u jxekklu l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ status ta’ resident għat-tul imsemmija fl-istess direttiva.

20.      Wara li rrilevat li l-kunċett ta’ “permess ta’ residenza formalment limitat”, imsemmi fl-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva, ma kienx iddefinit, ir-Raad van State ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Il-kunċett ta’ permess ta’ residenza li ġie formalment limitat, fil-kuntest […] tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi permess ta’ residenza għal żmien determinat li, skont id-dritt Olandiż, ma joffri ebda possibbiltà li jinkiseb permess ta’ residenza għal zmien indeterminat, u dan anki jekk il-perijodu ta’ validità ta’ dan il-permess ta’ residenza jista’ jiġi estiż u anki jekk minn dan jirriżulta li grupp partikolari ta’ persuni, bħall-mexxejja spiritwali u l-għalliema tar-reliġjon, huwa eskluż mill-applikazzjoni tad-direttiva?”

21.      M. Singh, il-gvernijiet Olandiż u Belġjan kif ukoll il‑Kummissjoni Ewropea lkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

III – L-analiżi tiegħi

22.      Essenzjalment, permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-benefiċċju ta’ status ta’ resident għat-tul liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jibbenefikaw minn permess ta’ residenza formalment limitat għall-attività ta’ mexxej spiritwali jew ta’ għalliem tar-reliġjon, minkejja li dan il-permess jkun jista’ jiġi mġedded diversi drabi.

23.      L-importanza tar-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija ċara.

24.      Ir-risposta tirrikjedi li jiġi speċifikat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u b’mod partikolari, li tiġi ddeterminata l-portata li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lill-esklużjoni mill-benefiċċju tal-istatus ta’ resident għat-tul lil ċittadini ta’ pajjiż terz intitolati għal permess ta’ residenza formalment limitat. Din il-preċiżjoni hija indispensabbli għal applikazzjoni koerenti u uniformi fl-Istati Membri kollha tal-kriterji tal-kisba tal-istatus ta’ resident għat-tul, u essenzjali għaċ-ċertezza legali taċ-ċittadini tal-pajjiż terz li jistgħu jippretendu l-għoti ta’ permess ta’ resident għat-tul.

25.      Il-kunċett ta’ permess ta’ residenza formalment limitat ma ġiex iddefinit mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Dan lanqas ma għamel riferiment għad-dritt tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda s-sinjifikat li jinżammu dawn it-termini. Għaldaqstant, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-direttiva, l-imsemmija termini għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jirreferu għal kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fit-territorju tal-Istati Membri kollha (9). Barra minn hekk, dan jimplika li s-sens u l-portata ta’ dawn il-kunċetti, li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma tat l-ebda definizzjoni, għandhom jiġu stabbiliti, partikolarment, fid-dawl tal-kuntest li fihom huma utilizzati u tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu bil-leġiżlazzjoni li minnha jiffurmaw parti (10).

26.      Huwa abbażi ta’ dawn l-elementi li ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-interpretazzjoni ssuġġerita mill-Gvern Olandiż u dak Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Fil-fatt dawn tal-aħħar isostnu li l-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva jippermetti lill-Istati Membri li jikkwalifikaw ċerti permessi ta’ residenza “formalment limitati”, indipendentament min-natura temporanja jew le ta’ residenza, sabiex jeskludu lid-detenturi tagħhom mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Jekk huwa minnu li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla lill-Istati Membri marġni ta’ manuvra u ppermettilhom diskrezzjoni li ċerti kategoriji ta’ ċittadini, li l-każ tagħhom mhux speċifikatament imsemmi mid-Direttiva, jistgħu jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess Direttiva, ma jibqax ħlief marġni ta’ diskrezzjoni li tagħha huma għandhom isibu l-limitu fl-obbligu tagħhom li jiżguraw l-effettività tad-Direttiva.

27.      Madankollu, għar-raġunijiet li ser nesponi, fl-opinjoni tiegħi, ma hemm l-ebda dubju li kemm l-għan tad-Direttiva u kif ukoll l-kontenut tagħha, u partikolarment il-kliem tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva jitolbu li l-kunċett ta’ “permess ta’ residenza formalment limitat”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-permessi ta’ residenza maħruġa mill-Istati Membri bl-iskop li tiġi eżerċitata professjoni jew attività li timplika residenza temporanja fit-territorju tagħhom.

28.      Fil-fatt, l-għan tad-Direttiva, kif inhu espress, partikolarment, fil-premessi 2, 4 u 12 tagħha, hija li tasal għal sistema msejsa fuq l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li huma stabbiliti legalment u għat-tul fl-Istati Membri b’mod li tikkontribwixxi għall-koeżjoni ekonomika u soċjali li hija għan fundamentali tal-Unjoni.

29.      Din is-sistema hija bbażata fuq l-għoti ta’ status ta’ resident għat-tul. Id-definizzjoni ta’ status komuni għall-Istati Membri kollha għandha tippermetti garanzija ta’ ugwaljanza fit-trattament liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni regolari b’mod illi jkunu jistgħu jiksbu dan l-istatus u jibbenefikaw minn kundizzjonijiet simili ferm fl-Unjoni kollha. F’dan is-sens, it-twaqqif tal-imsemmi status għandu jiżgura ċ-ċertezza legali taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz filwaqt li jevita li l-kisba ta’ tali status jitħalla fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri, ladarba l-kundizzjonijiet previsti jiġu effettivament issodisfatti (11).

30.      L-għoti ta’ status ta’ resident għat-tul għandu wkoll joffri lil dawn iċ-ċittadini drittijiet u dmirijiet komparabbli għal dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni f’ħafna oqsma ta’ setturi ekonomiċi u soċjali, bħal ma huma ix-xogħol, l-akkomodazzjoni, il-protezzjoni jew l-assistenza soċjali, u huwa intiż ukoll li jqarreb bl-ikbar mod possibbli l-istatus ġuridiku tagħhom. F’dan is-sens, dan l-istatus huwa intiż ukoll sabiex jiżguralhom ċertezza legali waqt li jibbenefikaw minn protezzjoni rinforzata kontra l-espulsjoni.

31.      L-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz u l-istatus ta’ resident għat-tul riżultanti minnha, huma għalhekk ibbażati fuq il-kriterja ta’ residenza għat-tul.

32.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni jitlaq mill-prinċipju li, wara perijodu suffiċjentement twil u kontinwu ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ospitanti, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz immanifesta l-volontà tiegħu li jistabbilixxi ruħu għat-tul fit-territorju ta’ dan l-Istat u wera li stabbilixxa l-għeruq tiegħu f’dak l-Istat (12).

33.      Fil-fatt it-tul tar-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, juri l-intensità tar-rabtiet stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-Istat u għalhekk ċerta integrazzjoni, meta dan ikun żviluppa rabtiet stretti mal-imsemmi Stat. Iktar ma jkun twil il-perijodu ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, iktar ir-rabtiet miegħu jkunu kkunsidrati b’saħħithom u iktar l-integrazzjoni jkollha t-tendenza li tkun waħda totali, sa ma tagħti lil dan iċ-ċittadin is-sentiment li huwa fl-istess sitwazzjoni ta’ ċittadin nazzjonali u li jagħmel parti integrali tas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti.

34.      Għalhekk il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jibbaża l-għoti ta’ permess ta’ residenza għal resident għat-tul fuq il-kriterju ta’ residenza twila fl-Istat Membru ospitanti, u fil-fatt il-premessa 4 tad-Direttiva tagħmel riferiment għal-kunċett ta’ residenza twila u l-premessa 6 tal-istess tindika li “il-kriterju prinċipali għall-kisba ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul għandu ikun it-tul ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru”.

35.      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jistipula wkoll il-prinċipju li abbażi tiegħu l-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta’ residenti għat-tul lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ikunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li jiġu minnufih qabel is-sottomissjoni tat-talba inkwistjoni, sakemm jiġu ssodisfatti t-tliet kundizzjonijiet oħra stipulati fl-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva (13).

36.      L-għan u l-istruttura li fuqhom huwa bbażat l-għoti tal-istatus ta’ resident għat-tul jispjegaw il-portata tal-esklużjonijiet imsemmija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva.

37.      Din id-dispożizzjoni hija fformulata skont kif ġej:

“Din id-Direttiva ma tapplikax għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

a)      jirrisjedu sabiex isegwu studji jew taħriġ vokazzjonali;

b)      ikunu awtorizzati li jirrisjedu fi Stat Membru fuq il-bażi ta’ rpotezzjoni ?protezzjoni? temporanja ?…?;

ċ)      ikunu awtorizzati li jirrisjedu fi Stat Membru fuq il-bażi ta’ forma sussidjarja ta’ protezzjoni ?…?;

d)      applikaw għal rikonoxximent bħala refuġjati u ma tkunx għadha ttieħdet deċiżjoni definittiva dwar l-applikazzjoni tagħhom;

e)      jirrisjedu unikament fuq bażi temporanju bħal ħaddiema au pair jew staġjonali, jew bħala ħaddiema ppustjati minn provditur ta’ servizzi għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi bejn il-fruntieri, jew bħala provdituri ta’ servizzi bejn il-fruntieri jew fil-każi fejn il-permess tar-residenza tagħhom ikun ġir formalment limitat;

f)      igawdu status legali regolat mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Diplomatiċi ta’ l-1961, il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar relazzjonijiet Konsulari ta’ l-1963, il-Konvenzjoni ta’ l-1969 dwar Missjonijiet Speċjali jew il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Rappresentazzjoni ta‘ Stati fir-Relazzjoni tagħhom ma’ Organizzazzjonijioet Internazzjonali ta’ Karattru Universali ta’ l-1975.”

38.      L-għan tal-imsemmija dispożizzjoni, kif jirriżulta b’mod ċar mill-proposta tal-Kummissjoni, hija li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva l-persuni li ma għandhomx l-intenzjoni li jirrisjedu fit-tul fit-territorju tal-Istati Membri (14).

39.      L-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva jsemmi l-istudenti u persuni awtorizzati għal finijiet ta’ taħriġ vokazzjonali. Fil-proposta tal-Kummissjoni, hija rrilevat li dawn tal-aħħar huma awtorizzati biss għal perijodi temporanji u, bħala regola, jirritornaw lura f’pajjiżhom fl-aħħar tat-taħriġ tagħhom (15). Il-punt b) tagħha jirreferi għal persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja, li nfakkar hija ta’ tul massimu ta’ sena (16). Il-punti ċ) u d) tagħha jsemmu l-individwi li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali jew li t-talba tagħhom tkun għadha qed tiġi eżaminata. Il-punt f) tagħha finalment jagħmel riferiment għal persuni li s-sitwazzjoni legali tagħhom hija skont il-ftehim internazzjonali fil-qasam ta’ relazzjonijiet diplomatiċi, konsulari u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali. L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva jeskludi għalhekk diversi każijiet li fihom ir-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt residenza twila.

40.      Huwa f’dan il-kuntest li jinkwadra l-punt e), li l-portata tal-esklużjoni tiegħu qed tiġi hawn diskussa.

41.      Kuntrarjament għall-esklużjonijiet imsemmija fil-punti a) sa d) u f) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, li lkoll jirreferu għal każijiet ferm speċifiċi, dik imsemmija fil-punt e) tista’ tkopri kamp ta’ applikazzjoni relattivament wiesgħa.

42.      Minn naħa, it-termini użati fl-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva, kemm bil-portata tagħhom (“fuq bażi temporanju”) kemm b’dak li huma espressament jistiednu li jiġu kkunsidrati każijiet oħra minbarra dawk imsemmija fid-dispożizzjoni (“bħal”), ma jippermettux tifsira eżawrjenti tal-każijiet kollha imsemmija fl-imsemmija esklużjoni.

43.      Min-naħa l-oħra, l-każijiet koperti bil-kunċett ta’ permess ta’ residenza formalment limitat lanqas ma huma identifikabbli b’mod ċar ħlief dawk intiżi għal ħaddiema au pair jew staġjonali, il-ħaddiema kkolokati jew bħala fornituri ta’ servizzi transkonfinali.

44.      Għaldaqstant, jekk l-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva kienet prevista, huwa sabiex ikollha sens, li ma jistax ikun ieħor ħlief l-armonizzazzjoni mal-għan tad-Direttiva, li għadni kemm semmejt, u l-istruttura tad-dispożizzjoni li fiha hija tinsab.

45.      Barra minn hekk, din l-esklużjoni għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni ristretta. Fil-fatt hija tikkonsisti f’deroga mill-prinċipji stipulati, minn naħa, fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva li permezz tiegħu din id-direttiva tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva li permezz tiegħu residenza legali u kontinwa ta’ ħames snin fit-territorju ta’ Stat Membru tippermetti l-pretensjoni tal-għoti ta’ status ta’ resident għat-tul. Infakkar li fil-fatt, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, il-perijodi ta’ residenza għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2)(e), ma għandhomx, għal din il-fini, jiġu kkunsidrati. Hija biss interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ permess ta’ residenza formalment limitat li tista’ għalhekk tiggarantixxi lil dawn iċ-ċittadini livell għoli ta’ ċertezza legali fir-rigward tal-għoti ta’ status ta’ resident għat-tul.

46.      Madankollu, il-kliem tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva, jagħti direzzjoni dwar il-kamp li għandu jkopri l-kunċett ta’ permess ta’ residenza formalment limitat.

47.      Din id-dispożizzjoni ssemmi espressament, permezz tat-termini li hija tuża, il-każ ta’ ċittadini li “jirrisjedu unikament fuq bażi temporanju (17)”. Konsegwentament, l-eżempji li l-leġiżlatur tal-Unjoni ta ma jagħmlu xejn għajr juru sitwazzjonijiet li fihom l-professjoni jew l-attività eżerċitata fl-interess tal-Istat Membru hija, min-natura, temporanja u timplika residenza ta’ tul limitat, u għalhekk ma tippermettix liċ-ċittadini kkonċernati li jistabbilixxu rabtiet stretti mal-Istat Membru li fih huma jirrisjedu.

48.      Għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni tal-ħaddiema au pair, tal-ħaddiema staġjonali, il-ħaddiema kkolokati jew fornituri ta’ servizzi transkonfinali, imsemmija fil-proposta tal-Kummissjoni, din tal-aħħar ippreċiżat li l-element komun u determinanti għal dan il-grupp ta’ individwi huwa l-perijodu qasir tar-residenza tagħhom, peress li dawn ma għandhomx l-intenzjoni li jistabbilixxu ruħhom fl-Istat Membru li fih jirrisjedu temporanjament (18) bħall-istudenti u l-persuni f’taħrig vokazzjonali.

49.      Għal dak li jirrigwarda l-każ ta’ persuni intitolati għal permess ta’ residenza formalment limitat, dawn ġew inklużi fil-kuntest tax-xogħlijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq l-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju (19).

50.      Sakemm il-leġiżlatur tal-Unjoni introduċa dan il-kunċett wara d-diversi eżempji fuq imsemmija bl-użu tal-prepożizzjoni “jew”, din għandha għalhekk tiġi interpretata wkoll bħala riferiment, bħall-eżempji ta’ qabilha, għal ċittadini li r-residenza tagħhom fl-Istat Membru hija waħda temporanja.

51.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena naħseb, li konsegwentament, waqt l-esklużjoni tal-benefiċċju tal-istatus ta’ resident għat-tul liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma intitolati, fl-Istati Membri, għal permess ta’ residenza formalment limitat, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried ikopri każijiet fejn l-Istati Membri ħarġu lil dawn iċ-ċittadini permess ta’ residenza formalment limitat għall-eżerċizzju ta’ professjoni jew ta’ attività li timplika residenza temporanja fit-territorju tagħhom.

52.      Fi kliem ieħor, l-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva ma jippermettix, fl-opinjoni tiegħi, l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ta’ ċittadini li l-permess ta’ residenza tagħhom ġie formalment limitat għall-eżerċizzju ta’ attività jew ta’ professjoni li timplika, min-natura tagħha, jew minħabba t-tiġdid u/jew estensjonijiet ta’ dan il-permess, residenza legali u kontinwa fit-territorju tal-Istat Membru.

53.      Din l-aħħar ipoteżi tkopri s-sitwazzjonijiet li fihom il-permess ta’ residenza, għalkemm formalment limitat għall-eżerċizzju ta’ attività jew ta’ professjoni, ġie mġedded u estiż b’tali mod li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz irrisjeda fit-tul u b’mod kontinwu fit-territorju tal-Istat Membru, u għalhekk l-attività jew professjoni eżerċitata minn dan iċ-ċittadin tilfet in-natura temporanja tagħha u saret waħda għat-tul.

54.      Din l-interpretazzjoni hija mitluba, fl-opinjoni tiegħi, biex tiggarantixxi l-effettività tad-Direttiva u tiżgura l-kontinwazzjoni tal-għanijiet tagħha.

55.      Fil-fatt, billi tippermetti l-Istati Membri li jikkwalifikaw permessi ta’ residenza bħala “formlament limitati” indipendentament min-natura temporanja tar-residenza jew tal-attività inkwistjoni, bħal ma jsostnu l-Gvern Olandiż u dak Belġjan, ifisser li jkunu qed jiġu evitati kemm l-għanijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li jintlaħqu fil-kuntest tad-Direttiva kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, l-Istati Membri jistgħu, għalhekk jillimitaw b’mod artifiċjali l-portata.

56.      Fil-fatt, abbażi tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva u permezz tal-għoti ta’ permess ta’ residenza formalment limitat, l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-benefiċċju ta’ status ta’ resident għat-tul lil kategoriji partikolari ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz minkejja li dawn tal-aħħar, fid-dawl tar-residenza legali u fit-tul tagħhom fit-territorju ta’ dawn l-Istati, jistgħu jkunu eliġibbli għal tali status.

57.      L-ewwel nett, dan iwassal biex iċaħħad lil dawn iċ-ċittadini minn drittijiet marbuta mal-għoti ta’ permess ta’ resident għat-tul li huma differenti minn dawk li minnhom igawdu dawk intitolati għal permess ta’ residenza formalment limitat.

58.      It-tieni nett, dan iwassal sabiex iċaħħad lill-imsemmija ċittadini miċ-ċertezza legali li madankollu d-Direttiva għandha tendenza li tagħti lir-residenti kollha li jirrisjedu legalment u fit-tul fit-territorju ta’ Stat Membru u konsegwentament jkun ta’ ħsara għall-integrazzjoni tagħhom f’dan l-Istat.

59.      It-tielet nett, dan iwassal għal ksur tal-ugwaljanza fit-trattament li għandu jingħata liċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz residenti legalment u fit-tul fit-territorju ta’ Stat Membru. Fil-fatt, sakemm ir-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fi Stat Membru, ma tkunx, min-natura tagħha, temporanja, u tilħaq it-tul ta’ ħames snin fid-dawl tan-numru u t-tul akkumulat ta’ permessi ta’ residenza formalment limitati li jkunu ġew mogħtija, xejn ma jiġġustifika, fl-opinjoni tiegħi, li huwa jiġi mċaħħad, minn naħa, mill-possibbiltà li jgħodd, taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, dawn il-perijodi ta’ residenza, u min-naħa l-oħra, li jippretendi, sakemm jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra imsemmija mid-Direttiva, li jibbenefika minn drittijiet u garanziji marbuta mal-istatus ta’ resident għat-tul.

60.      Ir-raba’ nett, ikun qed jintesa dak li jikkostitwixxi, fid-dawl tal-premessa 6 u tal-Artikolu 4 tad-Direttiva, il-kriterju prinċipali għall-kisba ta’ status ta’ resident għat-tul, jiġifieri t-tul tar-residenza, għal benefiċċju ta’ kriterji oħra iktar vagi, bħal ma huma dawk marbuta mal-eżerċizzju ta’ ċerti tipi ta’ professjonijiet jew ta’ attivitajiet.

61.      Fl-opinjoni tiegħi, din il-kawża turi perfettament dawk ir-riskji, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tagħha u, partikolarment, tan-numru u tat-tul akkumulat ta’ permessi ta’ residenza formalment limitata li kienu ġew akkordati lil M. Singh (20).

62.      Fil-fatt huwa kien ġie mogħti permess ta’ residenza formalment limitat li beda mit-22 ta’ Ottubru 2001, li kien ġie mġedded kull darba għal żmien determinat, l-ewwel sat-8 ta’ Settembru 2002, imbagħad sad-19 ta’ Jannar 2005, imbagħad sad-19 ta’ Jannar 2008, u fl-aħħar sad-19 ta’ Jannar 2009, għal perijodu totali ta’ tul ta’ iktar minn seba’ snin. Kuntrarjament għall-Artikolu 14(3) tal-Liġi għar-reviżjoni ġenerali tal-Liġi dwar il-Barranin, ir-residenza tiegħu kienet awtorizzata għal tul ferm itwal minn ħames snin.

63.      Matul dan il-perijodu, ma hemmx dubju li M. Singh kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi ruħu għat-tul fit-territorju Olandiż, kif jixhdu, minn naħa, l-attivitajiet tiegħu, li kif ser naraw min-natura tagħhom ma jurux raġunijiet ta’ residenza temporanja, u min-naħa l-oħra, it-talba tiegħu, fit-30 ta’ Mejju 2007, għall-akkwist ta’ permess ta’ residenza ta’ resident għat-tul.

64.      Minkejja li M. Singh irrisjeda għal perijodu ta’ iktar minn seba’ snin fit-territorju Olandiż, u għalhekk għal iktar mit-tul ta’ residenza rikjest għall-kisba ta’ status ta’ resident għat-tul, huwa sab ruħu mċaħħad, minn naħa mill-possibiltà li jgħodd dawn il-perijodi ta’ residenza għall-kisba ta’ dan l-istatut, u konsegwentament li jippretendi dan l-istatus, u min-naħa l-oħra, miċ-ċertezza legali li d-Direttiva għandha l-għan li tiggarantixxi liċ-ċittadini stabbiliti legalment u għat-tul fl-Istati Membri.

65.      Barra minn hekk, M. Singh ingħata permess ta’ residenza formalment limitat għall-eżerċizzju ta’ professjoni li, min-natura tagħha ma hijiex temporanja u li għalhekk hija differenti b’mod ċar ħafna mis-sitwazzjoni ta’ ħaddiema au pair, jew dik ta’ ħaddiema staġjonali, jew inkella minn dik ta’ studenti li t-tul tar-residenza tagħhom hija limitata sew fiż-żmien u li l-intenzjoni tagħhom ma hijiex li jintegraw fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huma jirrisjedu.

66.      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa stabbilit li t-tul tal-validità ta’ permess ta’ residenza ta’ mexxej spiritwali jew ta’ għalliem tar-reliġjon tista’ tittawwal b’mod indeterminat. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju turi li, skont ittra mibgħuta mill-Ministeru tal-Immigrazzjoni u tal-Integrazzjoni fil-11 ta’ Mejju 2006, fil-prattika, ħafna cittadini li jirrisjedu minħabba dan il-għan ma jitilqux mill-Pajjiżi l-Baxxi, li f’ħafna każijiet, ir-residenza tagħhom tkun fit-tul u li, għal dawn ir-raġunijiet, l-imsemmi ministru kellu l-intenzjoni li jikkunsidra, fil-futur, is-sitwazzjoni ta’ mexxejja spiritwali u ta’ għalliema tar-reliġjon bħala li ma hijiex, min-natura tagħha, temporanja. Fil-fatt, huwa importanti li jiġi rrelevat, kif tindika l-qorti tar-rinviju, li mill-1 ta’ Jannar 2002, dawn iċ-ċittadini huma obbligati jitgħallmu l-lingwa Olandiża u li jintegraw fis-soċjetà.

67.      Barra minn hekk, il-Gvern Olandiż irrikonoxxa, skont l-osservazzjonijiet magħmulin mill-qorti tar-rinviju, li r-residenza ta’ mexxejja spiritwali u ta’ għalliema tar-reliġjon fit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma hijiex, min-natura tagħha, temporanja.

68.      Fil-fatt u kif jien indikajt fil-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-awtoritajiet Olandiżi reċentement adottaw riforma, li għadha ma daħlitx fis-seħħ, li emendat l-Artikolu 3.5 tad-Digriet dwar il-Barranin tal-2000, sabiex tippermetti lill-mexxejja spiritwali u lill-għalliema tar-reliġjon li jippretendu l-għoti ta’ permess ta’ resident għat-tul.

69.      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-residenza ta’ dawn iċ-ċittadini fil-Pajjiżi l-Baxxi ma hijiex, min-natura tagħha, temporanja, b’tali mod li l-permess ta’ residenza għal perijodu determinat li jingħatalhom, marbut b’restrizzjoni relatata mal-eżerċizzju ta’ attività bħala mexxej spiritwali jew ta’ għalliem tar-reliġjon, ma tistax tiġi kkwalifikata bħala “formalment limitata” skont l-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva.

70.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena nqis, konsegwentement, li l-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ Stat Membru, li teskludi mill-benefiċċju tal-istatus ta’ resident għat-tul liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li għandhom permess ta’ residenza formalment limitat għall-eżerċizzju ta’ attività jew ta’ professjoni li timplika, min-natura tagħha jew mir-raġuni tat-tiġdid u/jew tal-estensjoni ta’ dan il-permess, residenza legali u għat-tul fit-territorju ta’ dan l-Istat.

IV – Konklużjoni

71.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi b’dan il-mod għad-domandi preliminari magħmula mill-Pajjiżi l-Baxxi:

“L-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz residenti għat-tul, għandha tkun interpretata fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-benefiċċju tal-istatus ta’ resident għat-tul liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li għandhom permess ta’ residenza formalment limitat għall-eżerċizzju ta’ attività jew ta’ professjoni li timplika, min-natura tagħha jew mir-raġuni tat-tiġdid u/jew tal-estensjoni ta’ dan il-permess, residenza legali u għat-tul fit-territorju ta’ dan l-Istat.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”. Din id-Direttiva ġiet emendata, wara l-fatti tal-kawża prinċipali, bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2011 (ĠU L 132, p. 1).


3 – Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, “[l]-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ residenti għat-tul lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ikunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li jiġu minnufih qabel is-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni relevanti”.


4 – Stb. 2000, Nru 495.


5 – Stb. 2000, Nru 497.


6 – Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni kien twaqqaf permezz tal-ftehim li ħoloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara, mir-Repubblika tat-Turkija minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra. Dan il-ftehim kien ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10).


7 – Stb. 2010, Nru 2009.


8 – Stb. 2010, Nru 307.


9 – Ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C‑425/10, Ġabra p. I‑14035, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


10 – Ibidem (punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11 – Ara l-punt 5.2 tal-Proposta tad-Direttiva tal-Kunsill dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul [COM(2001) 127 finali, iktar ’il quddiem “proposta tal-Kummissjoni”], punt 5.2.


12 – Il-premessa 6 tad-Direttiva.


13 – Bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jkollu riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti, kif ukoll assigurazzjoni għall-mard u ma jkunux ta’ theddida għall-ordni pubblika u għas-sigurtà pubblika.


14 – Proposta tal-Kummissjoni (punt 5.3).


15 – Ara l-kummentarju tal-Artikolu 3(2) (p. 14).


16 – Ara l-Artikoli 2(a) u 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE, tal-20 ta’ Lulju 2001, dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 162).


17 – Enfasi tiegħi.


18 – Ara l-proposta tal-Kummissjoni, kummentarju tal-Artikolu 3(2)(d) (p. 14).


19 – Ara r-riżultati tax-xogħlijiet tal-Kumitat strategiku dwar l-immigrazzjoni, il-fruntieri u l-ażil [COM(2001) 127 finali] (nota ta’ qiegħ il-paġna 2, p. 4). Dan id-dokument huwa disponibbli fuq is-sit internet tal-Kunsill taħt ir-referenza 8408/03.


20 – Għal eżempju ieħor, ara l-komunikazzjoni lill-membri tas-26 ta’ Ottubru 2009 dwar il-petizzjoni Nru 0118/2008 mressqa quddiem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew, dwar l-applikazzjoni tal-esklużjoni msemmija fl-Artikolu (3)(2)(e) tad-Direttiva f’Ċipru, li hija disponibbli fuq is-sit internet tal-Parlament. Fil-kuntest ta’ din il-petizzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ġew ikkritikati li rrifjutaw li jagħtu status ta’ resident għat-tul lil ċittadin ta’ pajjiż terz li kellu permess ta’ residenza formalment limitat għall-attività ta’ seftur, meta l-permess tiegħu kien imġedded kemm-il darba sabiex huwa rrisjeda legalment għal disa’ snin fit-territorju Ċiprijott.