Language of document :

Appell ippreżentat fl-4 ta’ Frar 2021 minn Deza a.s. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) fis-16 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-638/18, Deza a.s. vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-74/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Deza a.s. (rappreżentanti: P. Sellar, advocaat, K. Van Maldegem, avocat, M. Grunchard, avocate)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju ta’ Spanja, L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tirrinvija l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali għal kunsiderazzjoni; u

tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-argument tal-appellanti skont liema l-Kummissjoni wettqet żball manifest ma kienx neċessarjament jimplika wkoll l-argument li l-Kummissjoni kienet kisret id-dmir li taġixxi b’mod diliġenti, hija żbaljata fil-liġi.

It-tieni aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata fil-liġi li tuża allegat nuqqas ta’ ċarezza legali tal-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 1 bħala bażi sabiex tiċħad l-argument legali li fil-verità kien qiegħed isir mill-appellanti.

It-tielet aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali meta setgħetx tibbaża ruħha fuq il-konklużjoni li l-qafas legali kien kumpless sabiex tiskuża n-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni in-nuqqas ta’ solubbiltà taż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja. Il-Qorti Ġenerali kienet fil-fatt iddeċidiet bil-kontra fi proċeduri relatati preċedenti (Kawża T-689/13 DEP, Bilbaina de Alquitranes SA et vs Il-Kummissjoni Ewropea). Mingħajr ebda spjegazzjoni talli ddeċidiet b’mod oppost, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa insuffiċjenti u kontradittorju.

Ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat it-test ordinarju tad-diliġenża dovuta. Billi ddeċidiet li l-Kummissjoni aġixxiet kif kienet taġixxi kwalunkwe awtorità amministrattiva debitament diliġenti oħra, hija użat punt ta’ paragun skorrett u mhux xieraq sabiex tevalwa d-diliġenza dovuta u l-ordinarjetà tal-Kummissjoni.

Il-ħames aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija insuffiċjenti u kuntradittorja sa fejn il-qorti ddeċidiet, mingħajr ma indikat ebda evidenza u billi bbażat ruħha biss fuq l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali, li l-Kummissjoni seta’ kellha diffikultajiet sabiex tikkoreġi l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tagħha, u b’dan il-mod issuġġeriet li l-approċċ tal-Kummissjoni seta’ jiġi skużat.

Is-sitt aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata fil-liġi li tiddeċiedi li l-iżball tal-Kummissjoni seta’ jiġi skużat b’riferiment għall-prinċipju ta’ prekawzjoni għaliex hija ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ma jistax jiġi invokat matul il-klassifikazzjoni ta’ sustanza.

____________

1 Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2016, L 349, p. 1, fil-ĠU 2019, L 117, p. 8).