Language of document : ECLI:EU:C:2024:478

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)

6 ta’ Ġunju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċeduri ta’ appell fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet – Direttiva 89/665/KEE – Artikolu 2(1)(ċ) – Danni mogħtija lil offerent illegalment eskluż minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Portata – Telf ta’ opportunità”

Fil-Kawża C‑547/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Okresný súd Bratislava II (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava II, is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Lulju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Awwissu 2022, fil-kawża

INGSTEEL spol. s r. o.

vs

Úrad pre verejné obstarávanie,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, Z. Csehi, M. Ilešič, I. Jarukaitis u D. Gratsias (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑20 ta’ Settembru 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Úrad pre verejné obstarávanie, minn V. Országhová,

–        għall-Gvern Slovakk, minn E. V. Larišová u S. Ondrášiková, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn L. Halajová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u A. Daniel, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, M. Fruhmann u M. Winkler‑Unger, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, R. Lindenthal u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Diċembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ), kif ukoll tal-Artikolu 2(6) u (7), tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ĠU 2007, L 335, p. 31, rettifiki fil-ĠU 2018, L 176, p. 23 u fil-ĠU 2022, L 225, p. 5) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn INGSTEEL spol. s r. o. u r-Repubblika Slovakka, li qiegħda taġixxi permezz tal-Úrad pre verejné obstarávanie (l-Awtorità Regolatorja tal-Kuntratti Pubbliċi, is-Slovakkja), dwar rikors għad-danni ppreżentat minn din il-kumpannija wara l-esklużjoni illegali tal-assoċjazzjoni li hija kienet membru tagħha (iktar ’il quddiem l-“assoċjazzjoni offerenti”) minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku mibdija mis-Slovenský futbalový zväz (l-Assoċjazzjoni Slovakka tal-Futbol, iktar ’il quddiem l-“awtorità kontraenti”).

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 89/665

3        Is-sitt premessa tad-Direttiva 89/665 hija fformulata kif ġej:

“Billi huwa neċessarju li jiġi assigurat li proċeduri adegwati jeżistu fl-Istati Membri kollha sabiex jippermettu t-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment u l-kumpens ta’ persuni milquta minn ksur”.

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, intitolat “Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni [appell]”, jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)] sakemm tali kuntratti ma jkunux esklużi skond l-Artikoli 10 sa 18 ta’ din id-Direttiva.

[...]

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ kuntratti li jaqgħu taħt id-Direttiva [2004/18], id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi Komunitarja fil-qasam tal-appalti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn impriżi li jiddikjaraw li jkunu sofrew dannu fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt b’riżultat tad- distinzjoni magħmula minn din id-Direttiva bejn regoli nazzjonali li jkunu qed jimplimentaw liġi Komunitarja u regoli nazzjonali oħra.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, lil kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.

[...]”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ħtiġijiet għall-proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda fir-rigward tal-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 ikunu jinkludu dispożizzjoni għas-setgħat li:

(a)      jittieħdu, ma’ l-ewwel opportunità possibbli u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri intermedji bil-għan li jiġi korrett il-ksur allegat jew li ma jsirx dannu ulterjuri lill-interessi kkonċernati, inklużi miżuri għas-sospensjoni jew sabiex tiġi żgurata s-sospensjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-awtorità kontraenti;

(b)      jitwarrbu jew jiġi żgurat it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluż it-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet diskriminatorji tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji fis-sejħa għall-offerti, fid-dokumenti tal-kuntratt jew fi kwalunkwe dokument ieħor relatat mal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt;

(ċ)      jingħataw danni lil persuni li jġarrbu ħsara minn xi ksur.

[...]

6.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li fil-każ fejn jiġu mitluba danni minħabba li deċiżjoni kienet meħuda illegalment, id-deċiżjoni kkontestata għandha l-ewwel titwarrab minn korp li jkollu s-setgħat neċessarji.

7.      Ħlief fejn previst fl-Artikoli 2d sa 2f, l-effetti ta’ l-eżerċitar tas-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fuq kuntratt konkluż wara li jkun ingħata għandhom ikunu stabbiliti mil-liġi nazzjonali.

Barra minn hekk, ħlief f’każ fejn deċiżjoni jkollha tiġi mwarrba qabel l-għoti tad-danni, Stat Membru jista’ jipprovdi li, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt skond l-Artikolu 1(5), paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jew l-Artikoli 2a sa 2f, is-setgħat tal-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom ikunu limitati għall-ħlas tad-danni lil kull persuna li tkun sofriet minnħabba ksur tal-liġi.

[...]”

 IdDirettiva 2007/66

6        Skont il-premessa 36 tad-Direttiva 2007/66:

“Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv u għal tribunal imparzjali, bi qbil ma’ l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 47 tal-Karta.”

 Iddritt Slovakk

7        Skont l-Artikolu 3(1)(a) taż-zákon č. 514/2003 Z. z. o zodpovednosti za škodu spôsobenreuhpri výkone verejnej moci (il-Liġi Nru 514/2003 Ġabra dwar ir-responsabbiltà għad-danni kkawżati fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika) tat‑28 ta’ Ottubru 2003 (Zbierka zákonov, Nru 215, 2003, p. 3966), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 514/2003”), l-Istat huwa responsabbli għad-dannu kkawżat minn deċiżjoni illegali meħuda mill-korpi pubbliċi fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

8        Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din il-liġi, il-parti fil-proċedura li tkun ġarrbet dannu minħabba deċiżjoni illegali mogħtija f’din il-proċedura, għandha dritt għal kumpens.

9        Skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija liġi, dan id-dritt għal kumpens jista’ jiġi invokat biss jekk tali deċiżjoni tkun ġiet annullata jew emendata, minħabba l-illegalità tagħha, minn awtorità kompetenti. Il-qorti li tiddeċiedi dwar il-kumpens għal tali dannu hija marbuta bid-deċiżjoni ta’ din l-awtorità.

10      Skont l-Artikolu 15(1) tal-istess liġi, id-dritt għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn proċedura amministrattiva irregolari għandu jkun is-suġġett ta’ eżami preliminari abbażi ta’ talba bil-miktub tal-parti leża li titlob l-eżami preliminari tad-dritt tagħha quddiem l-awtorità kompetenti.

11      Mill-Artikolu 16(4) tal-Liġi Nru 514/2003 jirriżulta, minn naħa, li, jekk l-imsemmija awtorità ma tilqax din it-talba jew jekk hija tinforma lill-parti leża, bil-miktub, li hija ma hijiex ser tilqa’ din it-talba, dik il-parti tista’ tressaq kawża quddiem qorti sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi dwar l-imsemmija talba u, min-naħa l-oħra, li, fil-kuntest tal-azzjoni ġudizzjarja tagħha, l-imsemmija parti tista’ titlob kumpens biss fil-limiti tal-portata tat-talba u tad-dritt li kienu s-suġġett tal-eżami preliminari.

12      L-Artikolu 17(1) ta’ din il-liġi jipprevedi li għandu jingħata kumpens għad-damnum emergens u għal-lucrum cessans, sakemm ma jkunx previst mod ieħor minn dispożizzjonijiet speċjali.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

13      Permezz ta’ avviż ippubblikat fis‑16 ta’ Novembru 2013, l-awtorità kontraenti nediet sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni, ta’ modernizzazzjoni u ta’ kostruzzjoni ta’ sittax‑il stadju tal-futbol. L-assoċjazzjoni offerenti pparteċipat f’din is-sejħa għal offerti.

14      Peress li qieset li din l-assoċjazzjoni ma kinitx issodisfat ir-rekwiżiti tal-avviż tal-kuntratt fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħha, l-awtorità kontraenti ddeċidiet li teskludiha mill-kuntratt inkwistjoni. Din id-deċiżjoni ta’ esklużjoni ġiet ikkonfermata b’deċiżjoni tal-konvenuta fil-kawża prinċipali tad‑9 ta’ Mejju 2014, u sussegwentement permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tagħha tas‑7 ta’ Lulju 2014. Peress li l-Krajský súd de Bratislava (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava, is-Slovakkja) ċaħdet ir-rikors kontra din id-deċiżjoni permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2015, l-imsemmija assoċjazzjoni appellat minn din is-sentenza quddiem in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka).

15      Wara li adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari, li wasslet għas-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Ingsteel u Metrostav (C‑76/16, EU:C:2017:549), in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) annullat dawn id-deċiżjonijiet tad‑9 ta’ Mejju u tas‑7 ta’ Lulju 2014. Fit‑3 ta’ April 2018, il-konvenuta fil-kawża prinċipali adottat deċiżjoni ġdida li permezz tagħha ordnat lill-awtorità kontraenti tannulla l-esklużjoni tal-assoċjazzjoni offerenti mill-proċedura għall-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni.

16      Peress li fil-frattemp din il-proċedura ngħalqet bil-konklużjoni ta’ ftehim qafas mal-uniku offerent li baqa’ jikkompeti wara l-esklużjoni ta’ din l-assoċjazzjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Okresný súd Bratislava II (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava II, is-Slovakkja), intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-danni allegatament imġarrba minħabba d-deċiżjonijiet illegali tal-konvenuta fil-kawża prinċipali u tal-Bord tal-Gvernaturi tagħha.

17      Quddiem dik il-qorti, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qiegħda ssostni li dan id-dannu jirriżulta mill-esklużjoni illegali tal-assoċjazzjoni offerenti mill-kuntratt inkwistjoni, billi kien biss minħabba din l-esklużjoni li l-offerent rebbieħ akkwista dan il-kuntratt. Hija tqis, essenzjalment, li, kieku din l-assoċjazzjoni ma kinitx ġiet eskluża mill-proċedura ta’ għoti inkwistjoni, l-imsemmija assoċjazzjoni kienet takkwista dan il-kuntratt, billi l-offerta tagħha kienet iktar vantaġġuża minn dik ta’ dan l-offerent rebbieħ u kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha tal-avviż tal-kuntratt ikkonċernat.

18      Sabiex tiġi ddeterminata l-entità tad-dannu allegatament imġarrab, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali wettqet perizja bil-għan li tikkwantifika l-lucrum cessans fir-rigward tal-kuntratt hekk mitluf. Abbażi ta’ din il-perizja, hija qiegħda tallega, fir-rigward tal-kuntratt mitluf, lucrum cessans fl-ammont ta’ EUR 819 498.10, mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud, kif ukoll danni fl-ammont ta’ EUR 2 500, li jikkorrispondu għall-ispejjeż sostnuti fit-tfassil tal-imsemmija perizja.

19      Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-konvenuta fil-kawża prinċipali tirrileva li l-assoċjazzjoni offerenti ġiet eskluża fi tmiem l-ewwel stadju tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt ikkonċernat u li li kieku kellha tiddaħħal mill-ġdid f’din il-proċedura ma kienx awtomatikament iwassal sabiex il-kuntratt jingħata lil din l-assoċjazzjoni, peress li l-awtorità kontraenti kellha tevalwa l-offerta tagħha b’mod iktar iddettaljat u, b’mod partikolari, kellha tiddetermina jekk il-prezz ta’ din tal-aħħar kienx jikkostitwixxi offerta anormalment baxxa.

20      Barra minn hekk, il-konvenuta fil-kawża prinċipali tqis, billi tiċċita, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2005, AFCon Management Consultants et vs Il‑Kummissjoni (T‑160/03, EU:T:2005:107), li t-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija waħda purament ipotetika. Ir-rapport ta’ perizja ppreżentat minn din tal-aħħar huwa bbażat fuq data fittizja u dan meta wieħed iqis, b’mod partikolari, li l-kwantità ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni prevista mis-sejħa għal offerti inkwistjoni mhux neċessarjament ser titwettaq fir-realtà.

21      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tosserva li pretensjoni li ma hijiex, għal raġunijiet oġġettivi, stabbilita b’ċertezza, ma tistax tiġi kklassifikata mill-ewwel bħala waħda ipotetika. Għall-kuntrarju tad-damnum emergens, il-lucrum cessans ma jikkonsistix fi tnaqqis fl-assi tal-parti leża, iżda f’telf tal-qligħ mistenni — liema qligħ għandu jkun raġonevolment prevedibbli — fil-kuntest ta’ dak li soltu jiġri u fl-assenza tal-att illegali inkwistjoni. Fir-rigward tat-twettiq tal-kuntratt pubbliku, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tirrileva li, jekk l-awtorità kontraenti tagħmel sejħa għal offerti, jista’ jiġi preżunt li hija għandha interess fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni u li hija biħsiebha tikkonkludi kuntratt mal-offerent rebbieħ, kif huwa wkoll l-każ hawnhekk, peress li l-awtorità kontraenti kkonkludiet kuntratt mal-offerent rebbieħ għax-xogħlijiet kollha previsti mis-sejħa għal offerti inkwistjoni.

22      Fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 17 tal-Liġi Nru 514/2003 mad-Direttiva 89/665. Hija tindika li, matul il-proċedura quddiemha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet kumpens minħabba opportunità mitlufa billi nqdiet mill-kunċett ta’ “lucrum cessans”, liema kunċett huwa l-eqreb għad-dritt invokat minnha għal kumpens għal dannu bbażat fuq it-telf ta’ opportunità. Fil-fatt, id-dritt Slovakk ma jagħmilx distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta’ danni li jistgħu jiġu kkumpensati, b’mod li t-telf ta’ opportunità jaqa’ taħt il-kategorija ta’ lucrum cessans. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali żżid tgħid li l-Qorti tal-Ġustizzja ilha żmien twil u b’mod kontinwu tiddeċiedi li, fil-każ ta’ esklużjoni illegali ta’ offerent minn proċedura ta’ kuntratt pubbliku, dan tal-aħħar għandu d-dritt li jitlob kumpens għad-dannu li huwa jkun ġarrab minħabba t-telf ta’ opportunità, liema telf ma jistax jiġi ekwiparat mal-lucrum cessans u ma jeħtieġx grad daqstant għoli ta’ probabbiltà li jinkiseb vantaġġ patrimonjali. Dan huwa kumpens minħabba opportunità mitlufa li jsir qligħ u mhux kumpens għall-qligħ innifsu.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Okresný súd Bratislava II (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava II) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Il-prassi ta’ qorti nazzjonali adita b’tilwima li tirrigwarda talba għal kumpens għal dannu kkawżat lil offerent li kien ġie illegalment eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, hija kompatibbli mal-Artikolu 2(1)(ċ) moqri flimkien mal-[Artikolu] 2(6) u (7) tad-[Direttiva 89/665, kif emendata bid-Direttiva 2007/66], fil-każ fejn jiġi rrifjutat kumpens għal telf ta’ opportunità (loss of opportunity)?

(2)      Il-prassi ta’ qorti nazzjonali adita b’tilwima, li tirrigwarda talba għal kumpens għal dannu kkawżat lil offerent li kien ġie illegalment eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, hija kompatibbli mal-Artikolu 2(1)(ċ) moqri flimkien mal-[Artikolu] 2(6) u (7) tad-[Direttiva 89/665], fejn hija tikkunsidra li talba għal kumpens ma tinkludix talba għal telf ta’ profitti kkawżat mit-telf ta’ opportunità li jipparteċipa fil-kuntratt pubbliku?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lammissibbiltà

24      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali qiegħda tikkontesta l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari billi ssostni, essenzjalment, li dawn ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-rikors fil-kawża prinċipali, peress li la l-ammissibbiltà tiegħu u lanqas il-locus standi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma ġew stabbiliti mill-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari, inkwantu, permezz tagħhom, il-qorti tar-rinviju tixtieq, fir-realtà, li jsir eżami mill-ġdid, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-kawża prinċipali jew tal-istruzzjonijiet fir-rigward tal-proċedura li għandha tiġi segwita fil-każ li hija tiddeċiedi li ma tagħtix kumpens għal telf ta’ opportunità.

25      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun infetħet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023, INTER CONSULTING, C‑726/21, EU:C:2023:764, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Dan ifisser li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li dik il-qorti hija responsabbli li tiddefinixxi, u li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk jidher b’mod ovvju li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023, INTER CONSULTING, C‑726/21, EU:C:2023:764, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Issa, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma hijiex qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika, għall-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-domandi preliminari, iżda qiegħda titlobha tinterpretahom. Barra minn hekk, dik il-qorti, li għandha, skont il-ġurisprudenza, tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Regione Puglia, C‑110/20, EU:C:2022:5, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata), fissret b’mod ċar biżżejjed ir-raġunijiet għaliex hija tqis li l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija neċessarja sabiex tiġi deċiża din it-tilwima.

28      Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza daqstantieħor stabbilita, għalkemm jista’ jkun konvenjenti, f’ċerti ċirkustanzi, li, fil-mument li fih isir ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatti ta’ kawża jkunu stabbiliti u l-kwistjonijiet ta’ dritt nazzjonali jkunu deċiżi, il-qrati nazzjonali għandhom diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk iqisu li kawża quddiemhom tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu deċiżjoni min-naħa tagħhom (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe‑Ems, C‑5/14, EU:C:2015:354, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-argument tal-konvenuta fil-kawża prinċipali li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti mid-dritt Slovakk ma jistax jistabbilixxi l-inammissibbiltà tad-domandi preliminari.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li d-domandi magħmula huma ammissibbli.

 Fuq ilmertu

30      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li teskludi l-possibbiltà, għal offerent eskluż minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku minħabba deċiżjoni illegali tal-awtorità kontraenti, li jiġi kkumpensat għad-dannu mġarrab minħabba t-telf ta’ opportunità li jipparteċipa f’din il-proċedura sabiex jakkwista l-kuntratt ikkonċernat.

31      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob, b’mod iktar speċifiku, lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-persuni li jsofru ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u li, għalhekk, għandhom dritt jiġu kkumpensati, jinkludu mhux biss dawk li jkunu ġarrbu dannu minħabba l-fatt li ma jkunux akkwistaw kuntratt pubbliku, jiġifieri n-nuqqas ta’ qligħ tagħhom (lucrum cessans), iżda wkoll dawk li jkunu ġarrbu dannu marbut mal-opportunità mitlufa li jipparteċipaw fil-proċedura għall-għoti ta’ dan il-kuntratt u li jagħmlu qligħ permezz ta’ tali parteċipazzjoni.

32      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li tfittex li tilħaq il-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tal‑20 ta’ April 2023, DIGI Communications, C‑329/21, EU:C:2023:303, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kliem tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni, ifformulata b’mod wiesa’, tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jaraw li jagħtu kumpens lill-persuni li jsofru ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u li, fl-assenza ta’ indikazzjoni li tiddistingwi bejn kategoriji differenti ta’ dannu, tista’ tirreferi għal kull tip ta’ dannu mġarrab minn dawn il-persuni, inkluż dak li jirriżulta mit-telf ta’ opportunità li wieħed jipparteċipa fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt.

34      It-tieni nett, din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li fih tinsab l-imsemmija dispożizzjoni.

35      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-individwi li jsofru ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lil Stat Membru għandhom dritt għal kumpens dment li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li r-regola tad-dritt tal-Unjoni li tkun inkisret ikollha l-għan li tagħti drittijiet lil dawn l-individwi, li l-ksur ta’ din ir-regola jkun serju biżżejjed u li tkun teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu mġarrab minn dawn l-individwi (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe, C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu jkun approporzjon tad-dannu mġarrab, fis-sens li għandu jippermetti li, fejn meħtieġ, jiġu kkumpensati b’mod sħiħ id-danni effettivament imġarrba (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Ksur tad-dritt tal-Unjoni mil-leġiżlatur), C‑278/20, EU:C:2022:503, punt 164 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665 ifisser b’mod konkret dawn il-prinċipji, inerenti għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Combinatie Spijker Infrabouw‑De Jonge Konstruktie et (C‑568/08, EU:C:2010:751, punt 87).

36      F’dan ir-rigward, u skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665, il-proċeduri ta’ appell previsti f’din tal-aħħar għandhom, tal-inqas, ikunu aċċessibbli għal kull persuna li għandha jew li kellha interess li takkwista kuntratt partikolari u li sofriet jew qiegħda f’riskju li ssofri ħsara minn allegat ksur. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 36 tad-Direttiva 2007/66, is-sistema ta’ rimedji stabbilita mid-Direttiva 89/665 hija maħsuba sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, konformement mal-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2022, EPIC Financial Consulting, C‑274/21 u C‑275/21, EU:C:2022:565, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Din id-direttiva tal-aħħar ma tipprevedi ebda possibbiltà li dan l-aċċess jiġi limitat. Għall-kuntrarju, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt, li proprju ssegwi l-għoti tal-kuntratt, is-setgħat tal-korp responsabbli għall-proċeduri ta’ appell għandhom jiġu limitati għall-għoti ta’ kumpens lil kull persuna li ssofri ksur. Għalhekk, ir-rikors għad-danni previst fl-Artikolu 2(1)(ċ) tal-istess direttiva ġie previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea bħala r-rimedju legali tal-aħħar istanza, li għandu jibqa’ aċċessibbli għall-persuni li jsofru ksur tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjoni fejn dawn tal-aħħar jiġu effettivament imċaħħda minn kull possibbiltà li jibbenefikaw mill-effett utli ta’ xi waħda mir-rimedji l-oħra previsti f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

38      Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ ta’ offerent illegalment eskluż li, peress li talab u kiseb l-annullament tal-esklużjoni tiegħu minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għadx għandu, billi din il-proċedura ngħalqet fil-frattemp, il-possibbiltà li jibbenefika mill-effetti ta’ dan l-annullament.

39      Fil-fatt, għalkemm jista’ jirriżulta dannu min-nuqqas ta’ akkwist, fih innifsu, ta’ kuntratt pubbliku, għandu jiġi kkonstatat li, f’każ bħal dak identifikat fil-punt ta’ qabel, huwa possibbli għall-offerent, li jkun ġie illegalment eskluż, li jġarrab dannu distint, dannu li jikkorrispondi għall-opportunità mitlufa li wieħed jipparteċipa fil-proċedura ta’ għoti kkonċernata sabiex jakkwista dan il-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, United Parcel Service vs Il‑Kummissjoni, C‑297/22 P, EU:C:2023:1027, punt 69). Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfissra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, għandu jkun possibbli li tali dannu jiġi kkumpensat taħt l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665.

40      It-tielet nett, l-interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665 hija kkorroborata mill-għan imfittex minn din id-direttiva, li ma jiġi eskluż ebda tip ta’ dannu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

41      B’mod partikolari, għandu jitfakkar li għalkemm huwa minnu li d-Direttiva 89/665 ma tistax titqies li twettaq armonizzazzjoni kompleta u, għaldaqstant, li tipprevedi r-rimedji kollha possibbli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Hungeod et, C‑496/18 u C‑497/18, EU:C:2020:240, punt 73), xorta jibqa’ l-fatt li, kif iddikjarat fis-sitt premessa ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar tirriżulta mir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżgura li, fl-Istati Membri kollha, proċeduri adegwati mhux biss jippermettu l-annullament tad-deċiżjonijiet illegali, iżda wkoll il-kumpens tal-persuni li jsofru ksur tad-dritt tal-Unjoni.

42      Issa, dan l-għan jitqiegħed f’perikolu jekk l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665 jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li tiġi eskluża, bħala prinċipju, il-possibbiltà, għall-persuni msemmija fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva, li jiġu kkumpensati għal dannu li huma jallegaw li ġarrbu minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

43      Fil-fatt, bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-lucrum cessans, l-esklużjoni totali, bħala kap ta’ dannu, tat-telf ta’ opportunità li wieħed jipparteċipa fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku sabiex jakkwista dan il-kuntratt tal-aħħar ma tistax tiġi aċċettata fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, peress li, speċjalment fir-rigward ta’ kawżi ta’ natura ekonomika jew kummerċjali, tali esklużjoni totali ta’ dan it-telf ta’ opportunità tagħmilha prattikament impossibbli li jiġi kkumpensat id-dannu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 87; tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 96 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑17 ta’ April 2007, AGM‑COS.MET, C‑470/03, EU:C:2007:213, punt 95).

44      Għaldaqstant, l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-danni li l-persuni li jsofru ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jistgħu jitolbu taħt din id-dispożizzjoni jistgħu jkopru d-dannu mġarrab minħabba telf ta’ opportunità.

45      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm dan l-Artikolu 2(1)(ċ) jeħtieġ li jingħata kumpens lill-persuni li jsofru ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni f’dan il-qasam, li għandu jistabbilixxi l-kriterji li abbażi tagħhom għandu jiġi kkonstatat u evalwat id-dannu li jirriżulta mit-telf ta’ opportunità li wieħed jipparteċipa fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku sabiex jakkwista dan il-kuntratt tal-aħħar, kemm‑il darba jkunu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Combinatie Spijker Infrabouw‑De Jonge Konstruktie et, C‑568/08, EU:C:2010:751, punt 90, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-Artikolu 17 tal-Liġi Nru 514/2003 isemmi espressament biss id-“damnum emergens” u l-“lucrum cessans” bħala danni li jistgħu jiġu kkumpensati. Waqt is-seduta, il-Gvern Slovakk indika li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati Slovakki, “lucrum cessans” għandu jiġi kkumpensat f’sitwazzjoni fejn ikun probabbli ħafna, jew fejn saħansitra jkun kważi ċert, li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi eżistenti tal-każ inkwistjoni, il-persuna kkonċernata kienet tagħmel qligħ. Madankollu, filwaqt li rrefera għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tgħid li l-qrati Slovakki għandhom jirrikorru għall-mezzi nazzjonali kollha sabiex jippermettu lil offerent illegalment eskluż minn kuntratt pubbliku effettivament jitlob kumpens għad-danni minħabba opportunità mitlufa, dan il-gvern iddikjara, waqt is-seduta, li xejn ma jżomm lil rikorrent milli jinqeda mir-rimedji għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jafferma d-dritt tiegħu u jipproduċi l-provi li jixhdu dan.

47      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ supremazija jobbliga, b’mod partikolari, lill-qrati nazzjonali jinterpretaw, sa fejn huwa possibbli, id-dritt intern tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Bank BGŻ BNP Paribas, C‑183/18, EU:C:2020:153, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi li l-qrati nazzjonali jemendaw, fejn meħtieġ, ġurisprudenza stabbilita, jew saħansitra kostanti, jekk din tal-aħħar tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt intern li tkun inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għad-domandi preliminari magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li, bħala prinċipju, teskludi l-possibbiltà, għal offerent eskluż minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku minħabba deċiżjoni illegali tal-awtorità kontraenti, li jiġi kkumpensat għad-dannu mġarrab minħabba t-telf ta’ opportunità li jipparteċipa f’din il-proċedura sabiex jakkwista l-kuntratt ikkonċernat.

 Fuq lispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal11 ta’ Diċembru 2007,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li, bħala prinċipju, teskludi l-possibbiltà, għal offerent eskluż minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku minħabba deċiżjoni illegali tal-awtorità kontraenti, li jiġi kkumpensat għad-dannu mġarrab minħabba t-telf ta’ opportunità li jipparteċipa f’din il-proċedura sabiex jakkwista l-kuntratt ikkonċernat.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.