Language of document :

Digriet tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 2017 – Federcaccia della Regione Liguria et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-570/15) 1

(“Ambjent Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi Speċi li jistgħu jkunu suġġetti għall-kaċċa Kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-kaċċa Armonizzazzjoni tal-kriterji ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2009/147/KE – Perijodu magħluq għall-kaċċa fil-Liguria”)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Federcaccia della Regione Liguria (Genova, l-Italja) u l-10 rikorrenti l-oħra li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-anness tad-digriet (rappreżentanti: A. Bruni, P. Balletti u A. Mozzati, avocats)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Gattinara u C. Hermes, aġenti)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 265 TFUE u intiża sabiex jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni astjeniet illegalment milli taġġorna ċerta data li tirrigwarda l-Italja, li tinsab fid-dokument dwar il-kunċetti ewlenin, redatt mill-Kumitat ORNIS, previst fid-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-ittra tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2014 li tindika li l-estenzjoni fl-Italja tal-istaġun tal-kaċċa għal ċerti speċi ta’ għasafar ma hijiex konformi mal-leġiżlazzjoni Ewropea u talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament imġarrab mir-rikorrenti minħabba l-assenza ta’ aġġornament tad-data li tirrigwarda l-Italja mill-Kummissjoni.

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud.

Federcaccia della Regione Liguria u l-partijiet l-oħra li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-anness huma kkundannati għall-ispejjeż.

____________

1     ĠU C 381, 16.11.2015.