Language of document : ECLI:EU:T:2011:481

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

15 ta’ Settembru 2011(*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ revoka – Trade mark Komunitarja verbali CENTROTHERM – Użu ġenwin mit-trade mark – Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Eżami ex officio tal-fatti – Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 – Ammissibbiltà ta’ provi ġodda – Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Regola 40(5) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95”

Fil-Kawża T‑434/09,

Centrotherm Systemtechnik GmbH, stabbilita fi Brilon (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Albrecht u U. Vormbrock, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider u R. Manea, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

centrotherm Clean Solutions GmbH & Co. KG, stabbilita fi Blaubeuren (il-Ġermanja), irrappreżentata minn O. Löffel, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI, tal-25 ta’ Awwissu 2009 (Każ R 6/2008‑4), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn centrotherm Clean Solutions GmbH & Co. KG u Centrotherm Systemtechnik GmbH,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn E. Moavero Milanesi, President tal-Awla, N. Wahl (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Ottubru 2009,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Frar 2010,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Frar 2010,

wara li rat it-talbiet tal-partijiet sabiex tinżamm seduta,

wara li rat id-digriet tat-30 ta’ Marzu 2011 li jgħaqqad il-Kawżi T‑427/09 u T‑434/09 għall-finijiet tal-proċedura orali,

wara s-seduta tal-5 ta’ Mejju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-7 ta’ Settembru 1999, ir-rikorrenti, Centrotherm Systemtechnik GmbH, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali CENTROTHERM.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 11, 17, 19 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 11: “Tubi għall-gass tal-impjanti tat-tisħin, pajpijiet taċ-ċmieni, pajpijiet għal kaldaruni tat-tisħin, aċċessorji għall-berner tal-gass, partijiet mekkaniċi tal-impjanti ta’ tisħin; ta’ klimatizzazzjoni, ta’ produzzjoni ta’ fwar, ta’ tisħin u ta’ ventilazzjoni; apparat għall-iffiltrar tal-arja u l-partijiet tagħhom; partijiet mekkaniċi tal-impjanti tal-gass, viti għal pajpijiet; reġistru taċ-ċmieni”;

–        klassi 17: “Ġonot, ġonġituri, rinforz għal pajpijiet, pajpijiet flessibbli, u l-prodotti mhux magħmula mill-metall li mhumiex imsemmija iktar ’il fuq; ġonot; material għat-tkaħħil, materjal għall-ippakkjar, għall-mili u bħala iżolatur; material tal-plastikk maħdum parzjalment; artikoli tal-plastikk inklużi fil-klassi 17”;

–        klassi 19: “Materjal għall-kostruzzjoni; pajpijiet, tubi, b’mod partikolari għal kostruzzjoni; pajpijiet għall-ilma; pajpijiet ta’ konnessjoni; pajpijiet flessibili għall-kostruzzjoni, pannelli tal-kostruzzjoni; pannelli; estensjonijiet taċ-ċmieni; pajpijiet għaċ-ċmieni; kapep taċ-ċmieni; xkaffi tal-fuklar, l-artikoli ċċitati iktar ’il fuq mhux tal-metall”;

–        klassi 42: “pariri ta’ kostruzzjoni, ippjannar ta’ kostruzzjoni, servizzi ta’ inġinier, ippjannar tekniku tal-proġetti; xogħlijiet ta’ inġiniera (esperti)”.

4        It-trade mark CENTROTHERM ġiet irreġistrata għall-prodotti u s-servizzi previsti fil-punt 3 iktar ’il fuq, fid-19 ta’ Jannar 2001, bħala trade mark Komunitarja.

5        Fit-7 ta’ Frar 2007, l-intervenjenti, centrotherm Clean Solutions GmbH & Co. KG, ippreżentat quddiem l-UASI, skont l‑Artikolu 15 u l-Artikolu 50(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 15 u l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009], applikazzjoni għar-revoka tat-trade mark CENTROTHERM għall-prodotti u servizzi rreġistrati kollha.

6        L-applikazzjoni għal revoka ġiet innotifikata fil-15 ta’ Frar 2007 lir-rikorrenti, li ġiet mistiedna sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet eventwali tagħha u l-provi ta’ użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata f’terminu ta’ tliet xhur.

7        Fl-osservazzjonijiet tagħha tal-11 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti kkontestat l-applikazzjoni għal revoka u, sabiex turi l-użu ġenwin mit-trade mark tagħha, ipproduċiet l-elementi li ġejjin:

–        erbatax-il ritratt diġitali;

–        erba’ fatturi;

–        dikjarazzjoni intitolata “eidesstattliche Versicherung” (dikjarazzjoni solenni) imwettqa minn W fil-kwalità tiegħu ta’ direttur tar-rikorrenti.

8        Ir-rikorrenti ddikjarat li kellha fil-pussess tagħha diversi kopji oħra ta’ fatturi li hija kienet inizjalment irrinunċjat milli tippreżenta minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità. Filwaqt li affermat li setgħet tipproduċi dokumenti oħra, hija talbet lid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI sabiex tieħu miżura proċedurali bħala konsegwenza ta’ dan, fil-każ fejn hija tixtieq li xi provi oħra jew dokumenti individwali jiżdiedu mal-proċess.

9        Fit-30 ta’ Ottubru 2007, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddikjarat ir-revoka tat-trade mark CENTROTHERM billi kkonstatat li l-provi prodotti mir-rikorrenti ma kinux suffiċjenti sabiex juru l-użu ġenwin mill-imsemmija trade mark.

10      Fl-14 ta’ Diċembru 2007, ir-rikorrenti ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni, li r-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ parzjalment permezz tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Awwissu 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Ir-rikorrenti sostniet b’mod partikolari li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kellha titlobha dokumenti ta’ informazzjoni oħra. Hija kkritikat ukoll lid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi li jidhru fil-proċess ta’ kawża oħra wkoll pendenti quddiem l-UASI li tirrigwarda t-trade mark CENTROTHERM.

11      Il-Bord tal-Appell annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad l-applikazzjoni għal revoka għall-prodotti “tubi għall-gass tal-impjanti tat-tisħin, pajpijiet taċ-ċmieni, pajpijiet għal kaldaruni tat-tisħin, aċċessorji għall-berner tal-gass, partijiet mekkaniċi tal-impjanti ta’ tisħin; partijiet mekkaniċi tal-impjanti tal-gass, viti għal pajpijiet; reġistru taċ-ċmieni”, fil-klassi 11, “ġonot, ġonġituri, rinforz għal pajpijiet, pajpijiet flessibbli, u l-prodotti mhux magħmula mill-metall li mhumiex imsemmija iktar ’il fuq”, fil-klassi 17, u “pajpijiet, tubi, b’mod partikolari għal kostruzzjoni; pajpijiet ta’ konnessjoni; pajpijiet għaċ-ċmieni”, fil-klassi 19. Il-Bord tal-Appell ċaħad il-bqija tar-rikors.

12      B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark CENTROTHERM, fir-rigward tal-perijodu ta’ ħames snin qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għal revoka, jiġifieri s-7 ta’ Frar 2007 (iktar ’il quddiem il-“perijodu rilevanti”), għall-prodotti msemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq kienet ġiet prodotta, peress li r-ritratti pprovduti mir-rikorrenti juru n-natura tal-użu mit-trade mark u l-fatturi prodotti jattestaw li l-prodotti msemmija kienu ġew ikkummerċjalizzati taħt it-trade mark ikkontestata.

13      Madankollu, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li r-rikorrenti kienet biss ipproduċiet id-dikjarazzjoni tad-direttur tagħha bħala prova fir-rigward tal-prodotti u servizzi l-oħra li għalihom it-trade mark CENTROTHERM kienet ġiet irreġistrata (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), li ma kienx suffiċjenti, skont il-Bord tal-Appell, sabiex jintwera l-użu ġenwin tat-trade mark. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell osserva li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni la kienet marbuta li titlob dokumenti oħra u lanqas li tieħu inkunsiderazzjoni l-proċess ta’ każ ieħor pendenti wkoll quddiem l-UASI.

 It-talbiet tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tilqa’ l-applikazzjoni għar-revoka tat-trade mark CENTROTHERM;

–        tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

15      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

16      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir‑rikors.

 Id-dritt

17      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi għal annullament kif ukoll eċċezzjoni ta’ illegalità. Il-motivi huma bbażati, rispettivament, fuq evalwazzjoni żbaljata tal-provi tal-użu prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ eżami ex officio tal-fatti, skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, u fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-provi prodotti quddiem il-Bord tal-Appell. L-eċċezzjoni ta’ illegalità hija invokata sussidjarjament kontra r-Regola 40(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-provi tal-użu ġenwin prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

18      Ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), kienu juru, suffiċjentement fil-liġi, l-użu ġenwin mit-trade mark CENTROTHERM, peress li kienu jinkludu informazzjoni dwar il-post, it-tul, il-portata u n-natura tal-użu mit-trade mark ikkontestata għall-prodotti u s-servizzi kollha ċċitati fil-punt 3 iktar ’il fuq.

19      B’mod partikolari hija tikkritika lill-Bord tal-Appell talli injora l-valur probatorju tad-dikjarazzjoni solenni tad-direttur tagħha. F’dan ir-rigward, hija tafferma li għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmija dikjarazzjoni hija eżatta fit-totalità tagħha, peress li parti kbira ħafna mill-elementi li hemm fiha huma kkorroborati minn provi addizzjonali li jidhru fil-proċess.

20      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

21      Preliminarjament, għandhom jitfakkru l-proċedura u l-għan segwiti mis-sanzjoni ta’ revoka kif ukoll il-prinċipji li jirregolaw l-amministrazzjoni tal-provi fi proċedimenti ta’ revoka.

22      Mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) u mill-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li d-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati malli ssir applikazzjoni lill-UASI jekk, għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark fl-Unjoni Ewropea f’konnessjoni mal-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija tkun irreġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu.

23      Ir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li l-UASI, fil-każ ta’ applikazzjoni għal revoka, jimponi terminu fuq il-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja, li fih dan għandu jipproduċi prova tal-użu mit-trade mark. Jekk il-prova ma tiġix prodotta fit-terminu stabbilit, ir-revoka tat-trade mark Komunitarja tiġi ddikjarata. Skont ir-Regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95, li hija applikabbli fl-applikazzjonijiet għal revoka abbażi tar-Regola 40(5) tal-istess regolament, il-prova tal-użu tal-marka għandha tirrigwarda l-post, it-tul, l-importanza u n-natura tal-użu li sar minnha.

24      Ir-ratio legis tar-rekwiżit li jipprovdi li trade mark għandha tkun is-suġġett ta’ użu ġenwin sabiex tkun protetta abbażi tad-dritt tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-fatt li r-Reġistru tal-UASI ma jistax jiġi assimilat ma’ reġistru strateġiku u statiku li jagħti lil detentur mhux attiv monopolju legali għal żmien indeterminat. Bil-kontra, u skont il-premessa 10 tar-Regolament Nru 207/2009, l-imsemmi Reġistru għandu jirrifletti fedelment l-indikazzjonijiet li l-impriżi effettivament jużaw fis-suq sabiex jiddistingwu l-prodotti u s-servizzi tagħhom fil-kummerċ (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-27 ta’ Jannar 2004, La Mer Technology, C‑259/02, Ġabra p. I‑1159, punti 18 sa 22).

25      Skont il-ġurisprudenza, trade mark hija s-suġġett ta’ użu ġenwin meta tintuża, skont il-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiżgura l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq tal-bejgħ għal dawn il-prodotti jew is-servizzi, bl-esklużjoni ta’ użi ta’ natura simbolika li għandhom l-għan biss li jżommu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark. Barra minn hekk, il-kundizzjoni relatata mal-użu ġenwin mit-trade mark teħtieġ li din, hekk kif hija protetta fit-territorju rilevanti, tintuża, pubblikament u lejn l-estern [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2007, La Mer Technology vs UASI – Laboratoires Goëmar (LA MER), T‑418/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata].

26      Għaldaqstant, minkejja li l-kunċett ta’ użu ġenwin jipprekludi kull użu minimu u insuffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li trade mark hija realment u effettivament użata f’suq determinat, xorta jibqa’ l-fatt li r-rekwiżit ta’ użu ġenwin la huwa intiż sabiex jevalwa s-suċċess kummerċjali, la sabiex jikkontrolla l-istrateġija ekonomika ta’ impriża u lanqas sabiex jirriżerva l-protezzjoni tat-trade marks biss fejn sar użu kummerċjali minnhom b’mod rilevanti mil-lat kwantitattiv [sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-23 ta’ Frar 2006, Il Ponte Finanziaria vs UASI – Marine Enterprise Projects (BAINBRIDGE), T‑194/03, Ġabra p. II-445, punt 32].

27      B’mod iktar preċiż, sabiex tiġi evalwata, f’kawża partikolari, in-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark inkwistjoni, għandha titwettaq evalwazzjoni globali tal-atti ppreżentati fil-proċess, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-kawża. Tali evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha xierqa sabiex jiġi stabbilit jekk l-użu kummerċjali tagħha huwiex reali, b’mod partikolari l-użi kkunsidrati bħala ġġustifikati, fis-settur ekonomiku kkonċernat, sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma tas-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il‑prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il‑karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal‑użu mit-trade mark (ara s-sentenza LA MER, iċċitata iktar ’il fuq, punti 53 sa 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Fir-rigward tal-importanza tal-użu li sar mit-trade mark inkwistjoni, għandu jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari, il-volum kummerċjali tal-atti kollha ta’ użu, minn naħa, u t-tul tal-perijodu li matulu twettqu atti ta’ użu kif ukoll il-frekwenza ta’ dawn l-atti, min-naħa l-oħra (ara s-sentenza LA MER, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata). Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi kkunsidrati. B’hekk, volum baxx ta’ prodotti kkumerċjalizzati taħt l-imsemmija trade mark jista’ jkun ikkumpensat minn intensità qawwija jew kostanza kbira fil-perijodu ta’ użu ta’ din it-trade mark u bil-maqlub (ara s-sentenza LA MER, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Madankollu, iktar ma l-volum kummerċjali tal-użu mit-trade mark ikun limitat, iktar ikun meħtieġ li l-proprjetarju tat-trademark jipproduċi indikazzjonijiet addizzjonali sabiex ikunu jistgħu jitwarrbu dubji li jista’ jkun hemm dwar il-karattru ġenwin tal-użu mit-trade mark ikkonċernata [sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-18 ta’ Jannar 2011, Advance Magazine Publishers vs UASI – Capela & Irmãos (VOGUE), T‑382/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 31].

30      Bara minn hekk, l-użu ġenwin ta’ trade mark ma jistax jiġi pprovat permezz ta’ probabbiltajiet jew ta’ preżunzjonijiet iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi ta’ użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat (ara s-sentenza LA MER, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhu jiġi evalwat jekk kienx ġustament li l-Bord tal-Appell qies li l-provi mressqa mir-rikorrenti ma jurux użu ġenwin tat-trade mark CENTROTHERM għall-prodotti u s-servizzi l-oħrajn barra dawk iċċitati fil-punt 11 iktar ’il fuq.

32      Għandu jitfakkar li l-provi pprovduti mir-rikorrenti lid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sabiex turi l-użu ġenwin mit-trade mark tagħha huma d-dikjarazzjoni solenni tad-direttur tagħha, erba’ fatturi u erbatax-il ritratt diġitali.

33      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li skont ġurisprudenza stabilita, sabiex tiġi evalwata l-forza probatorja ta’ “stqarrijiet bil-miktub ġuramentati jew affermati jew li għandhom effett simili taħt il-liġi tal-Istat fejn tinkiteb l-istqarrija”, fis-sens tal-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, għanda tiġi vverifikata l-validità tal-informazzjoni li tinsab fiha, b’mod partikolari, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tar-redazzjoni tiegħu, id‑destinatarju tiegħu, u wieħed għandu jistaqsi jekk, mill-kontenut tiegħu, l-imsemmi dokument jidhirx raġonevoli u kredibbli [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-16 ta’ Diċembru 2008, Deichmann-Schuhe vs UASI – Design for Woman (DEITECH), T‑86/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 47, u tat-13 ta’ Mejju 2009, Schuhpark Facies vs UASI – Leder & Schuh (jello SCHUHPARK), T‑183/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 38].

34      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, b’kunsiderazzjoni tar-rabtiet evidenti li jorbtu lill-awtur tad-dikjarazzjoni u lir-rikorrenti, l-imsemmija dikjarazzjoni tista’ tingħata valur probatorju biss jekk hija kkorroborata mill-kontenut tal-erbatax-il ritratt diġitali u l-erba’ fatturi ppreżentati.

35      Fir-rigward tal-fatturi, għandu jiġi kkonstatat li tlieta minnhom huma ta’ Lulju 2006 u jirrigwardaw lid-Danimarka, lill-Ungerija u lis-Slovakkja, u li waħda minnhom hija ta’ Jannar 2007 u tirrigwarda lill-Ġermanja. Il-kelma “CENTROTHERM” tidher fuq il-parti ta’ fuq tal-imsemmija fatturi, u magħha jidher il-logo tar-rikorrenti li juża l-isem ta’ din l-impriża flimkien mal-indirizz tagħha.

36      Dawn il-fatturi jattestaw li prodotti differenti li jirrigwardaw il-plumbing (pajpijiet, ġonġituri, armaturi għall-konnessjoni ta’ boiler, imnikeb, għotjien għal sistemi tal-egżost), inbiegħu mir-rikorrenti lil erba’ klijenti għal somma li tikkorrispondi, jekk tiġi inkluża l-fattura tal-2007, għal inqas minn 0.03% tad-dħul mill-bejgħ li r-rikorrenti tiddikjara li wettqet fl-2006, mill-bejgħ tal-prodotti taħt it-trade mark CENTROTHERM.

37      Isegwi li, quddiem l-UASI, ir-rikorrenti ressqet provi ta’ bejgħ relattivament dgħajfa meta mqabbla mas-somom indikati fid-dikjarazzjoni tad-direttur tagħha. Għaldaqstant, anki fil-każ fejn il-Bord tal-Appell kien ħa inkunsiderazzjoni lill-imsemmija dikjarazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li ma kienx hemm elementi suffiċjenti fil-proċess li jsostnu l-kontenut tal-imsemmija dikjarazzjoni fir-rigward tal-valur tal-bejgħ. Barra minn hekk, fir-rigward tal-aspett ratione temporis tal-użu mit-trade mark, l-isemmija fatturi jirrigwardaw perijodu qasir ħafna, saħansitra speċifiku, jiġifieri t-12, 18 u 21 ta’ Lulju 2006, u d-9 ta’ Jannar 2007.

38      Fir-rigward tar-ritratti ppreżentati, għandu jiġi kkonstatat li t-trade mark CENTROTHERM tidher b’mod ċar biss fuq seba’ mill-erbatax-il ritratt, jiġifieri:

–        bħala stampa fuq żewġ pajpijiet;

–        bħala stampa fuq żewġ oġġetti li jidhru li huma partijiet ta’ pajpijiet;

–        bħala stiker imwaħħla fuq oġġett li jidher li huwa pallet u fuq żewġ kartuni.

39      Fuq erba’ ritratti oħra ma huwiex possibbli li jiġi identifikat ħjiel tat-trade mark ikkontestata.

40      Fuq l-aħħar tliet ritratti, huwa possibbli li jiġi identifikat ħjiel tat-trade mark CENTROTHERM, jiġifieri:

–        l-ittri “centroth” fil-bokka ta’ pajp;

–        il-logo tal-kumpannija tar-rikorrenti kif ukoll test li ma jistax jinqara viċin tal-logo li probabbilment jikkorrispondi għat-test li jinsab fil-parti ta’ fuq tal-fatturi prodotti, fuq pajp u fuq oġġett li jidher li huwa l-bokka ta’ pajp.

41      Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li l-ebda wieħed minn dawn ir-ritratti ma għandu data u li, waqt is-seduta, ir-rikorrenti ammettiet li dawn ma ttieħdux waqt il-perijodu rilevanti.

42      Barra minn hekk, l-imsemmija ritratti ma jippermettux li jiġu identifikati l-prodotti li huma ppakkjati fuq il-pallet u fiż-żewġ kartuni li fihom l-istikers CENTROTHERM. Għalkemm tnejn minn dawn l-istikers fihom indikazzjoni li tirrigwarda l-plumbing, la r-ritratti u lanqas il-fatturi ma jippermettu li jiġi dedott x’kien fihom eżatt dawn il-pakketti.

43      Barra minn hekk, in-numru ta’ oġġetti li huma identifikabbli fuq l-istikers ma jikkorrispondux man-numru ta’ oġġetti mniżżla fuq il-fatturi pprovduti mir-rikorrenti. Isegwi li ma huwiex possibbli li jiġi konkluż, fuq il-bażi tal-imsemmija ritratti u fatturi, li l-pakketti, li fuqhom twaħħlu l-istikers li fihom it-trade mark CENTROTHERM, ġew effettivament iddistribwiti mir-rikorrenti waqt il-perijodu rilevanti.

44      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li la r-ritratti u lanqas il-fatturi ma jippermettu li tiġi kkonfermata d-dikjarazzjoni tad-direttur tar-rikorrenti, sa fejn dan jafferma li l-prodotti li ġejjin ġew ikkummerċjalizzati taħt it-trade mark CENTROTHERM waqt il-perijodu rilevanti: partijiet mekkaniċi tal-impjanti ta’ tisħin; ta’ klimatizzazzjoni, ta’ produzzjoni ta’ fwar, ta’ tisħin u ta’ ventilazzjoni; apparat għall-iffiltrar tal-arja u l-partijiet tagħhom; ġonot; materjal għat-tkaħħil, materjal għall-ippakkjar, għall-mili u bħala iżolatur; materjal tal-plastik maħdum parzjalment; materjal għall-kostruzzjoni; pajpijiet flessibbli għall-kostruzzjoni, pannelli tal-kostruzzjoni; pannelli; estensjonijiet taċ-ċmieni, kapep taċ-ċmieni u xkaffi tal-fuklar.

45      Għandu jiġi konkluż li evalwazzjoni globali tal-elementi li jidhru fil-proċess ma tippermettix li jiġi dedott, sakemm ma jintużawx probabbiltajiet u preżunzjonijiet, li t-trade mark CENTROTHERM kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin waqt il-perijodu rilevanti għall-prodotti u s-servizzi l-oħrajn barra dawk imsemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq.

46      L-ewwel motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu li l-fatti jiġu eżaminati ex officio

 L-argumenti tal-partijiet

47      Ir-rikorrenti tqis li l-UASI wettaq żball ta’ liġi billi kiser l-obbligu ta’ eżami ex officio tal-fatti. Fl-opinjoni tagħha, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kisret l-ewwel sentenza tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn hija naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni elementi li hemm fil-fajl tal-UASI dwar talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark CENTROTHERM, ippreżentata fil-5 ta’ Diċembru 2006 minn kumpannija marbuta mal-intervenjenti.

48      Il-fajl tal-UASI dwar il-proċedura ta’ annullament kien fih elementi rilevanti għall-eżami tal-użu ġenwin mit-trade mark CENTROTHERM, b’mod partikolari l-affermazzjoni tal-preżenza tagħha fis-suq tal-produzzjoni tas-sistemi ta’ egżost tal-plastik għall-bojlers li jaħdmu bil-kondensazzjoni, ċifri dwar il-bejgħ tal-prodotti tar-rikorrenti bejn l-1994 u l-2001, kif ukoll xi referenzi għas-sit internet tagħha.

49      Skont ir-rikorrenti, fid-dawl tal-imsemmija elementi, jista’ jiġi konkluż li “huwa probabbli ħafna” li hija kkummerċjalizzat serje wiesgħa ta’ prodotti matul il-perijodu rilevanti taħt it-trade mark CENTROTHERM.

50      L-UASI u l-intervenjenti jiċħdu l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

51      Preliminarjament, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, “[F]i proċedimenti quddiemu l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.”

52      Fil-kawża preżenti, għandu jiġi rrilevat li l-motivi li jiġġustifikaw id-dikjarazzjoni ta’ revoka huma, l-istess bħall-motivi li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni, kemm ta’ natura assoluta kif ukoll ta’ natura relattiva.

53      Fil-fatt, skont l-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 207/2009, id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati jekk ma jkunx hemm użu ġenwin mit-trade mark għal ħames snin [Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009], jekk, bħala konsegwenza tal-attività jew tal-inattività tal-proprjetarju tagħha, it-trade mark tkun saret l-isem komuni fil-kummerċ ta’ prodott jew ta’ servizz li għalih tkun irreġistrata [Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009] jew jekk it-trade mark, bħala konsegwenza tal-użu li jkun sar minnha mill-proprjetarju tagħha jew bil-kunsens tiegħu, aktarx tista’ tqarraq bil-pubbliku [Artikolu 51(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009].

54      Għalkemm dawn iż-żewġ kundizzjonijiet tal-aħħar jirrigwardaw raġunijiet assoluti għal rifjut, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1)(b) sa (d) u (g) tar-Regolament Nru 207/2009, l-ewwel waħda tirrigwarda dispożizzjoni li taqa’ taħt l-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut, jiġifieri l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-eżami tal-UASI dwar il-kwistjoni tal-użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ revoka huwa suġġett għall-applikazzjoni tal-aħħar parti tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprovdi li dan l-eżami huwa limitat għall-fatti invokati mill-partijiet.

55      Isegwi li l-premessa tar-rikorrenti, li tipprovdi li l-UASI llimita inġustament l-eżami tiegħu għall-provi li hija pproduċiet, hija żbaljata.

56      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-provi prodotti quddiem il-Bord tal-Appell.

 L-argumenti tal-partijiet

57      Ir-rikorrenti ssostni li l-UASI kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-provi tal-użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata li hija kienet ipproduċiet għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell.

58      F’dan ir-rigward, hija prinċipalment tallega li l-Artikolu 51(1)(a), l-ewwel sentenza tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, u r-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-UASI għandu l-obbligu li jikkompleta l-fajl tiegħu dwar proċedimenti ta’ revoka meta huwa ċar li dan ma huwiex komplet. Għaldaqstant, fil-kawża preżenti, il-Bord tal-Appell kellu l-obbligu li jieħu inkunsiderazzjoni l-provi li kienu ġew prodotti għall-ewwel darba quddiemu.

59      Sussidjarjament, ir-rikorrenti tafferma li, anki fin-nuqqas ta’ tali obbligu tal-Bord tal-Appell, dan kellu, fil-kuntest tal-eżerċizzju xieraq tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu abbażi tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, jieħu inkunsiderazzjoni l-provi li kienu ġew prodotti għall-ewwel darba quddiemu.

60      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

61      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-eżami tal-UASI tal-kwistjoni tal-użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja huwa, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 51 sa 54 iktar ’il fuq, suġġett għall-applikazzjoni tal-aħħar parti tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009. L-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi li l-eżami tal-UASI huwa limitat għall-fatti invokati mill-partijiet. Isegwi li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-UASI għandu ex officio l-obbligu li jikkompleta l-fajl tiegħu għandha tiġi injorata.

62      It-tieni nett, il-possibbiltà li l-partijiet fi proċedimenti quddiem l-UASI għandhom li jipproduċu fatti u provi wara li jiskadu t-termini stabbiliti għal dan il-għan, ma teżistix b’mod inkundizzjonat iżda tinsab, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, suġġetta għall-kundizzjoni li ma teżistix dispożizzjoni kuntrarja. Huwa biss jekk dan ir-rekwiżit jiġi sodisfatt li l-UASI jkollu setgħa diskrezzjonali fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatti u tal-provi ppreżentati tardivament [sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Diċembru 2007, K & L Ruppert Stiftung vs UASI – Lopes de Almeida Cunha et (CORPO livre), T‑86/05, Ġabra p. II-4923, punt 47].

63      Issa, fil-kawża preżenti, teżisti dispożizzjoni li tipprekludi teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi prodotti quddiem il-Bord tal-Appell, jiġifieri, ir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95.

64      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tar-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95

 L-argumenti tal-partijiet

65      Essenzjalment, ir-rikorrenti tafferma li r-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95 ma hijiex applikabbli sa fejn tipprojbixxi lill-UASI milli jieħu inkunsiderazzjoni provi prodotti quddiemu tardivament fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ revoka abbażi tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009. F’dan ir-rigward, hija tallega li r-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95 tikser l-Artikolu 202 KE kif ukoll l-Artikolu 57(1), l-Artikolu 76(1) u l-Artikolu 162(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li l-imsemmija regola hija kuntrarja għall-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, għad-dritt ta’ proprjetà u għad-dritt għal smigħ xieraq.

66      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu ċ-ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ illegalità.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

67      Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, għalkemm huwa minnu li r-regoli tar-Regolament Nru 2868/95 ma jistgħux imorru kontra d-dispożizzjonijiet u l-istruttura tar-Regolament Nru 207/2009, xorta jibqa’ il-fatt li l-ebda kontradizzjoni ma tista’ tiġi kkonstatata bejn ir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95 u d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-revoka li hemm fir-Regolament Nru 207/2009.

68      Fil-fatt, filwaqt li r-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi regola materjali, jiġifieri s-sanzjoni ta’ revoka għat-trade marks Komunitarji li ma kinux is-suġġett ta’ użu ġenwin, ir-Regolament Nru 2868/95 jippreċiża r-regoli proċedurali applikabbli, b’mod partikolari l-attribuzzjoni tal-oneru tal-prova u l-konsegwenzi ta’ nuqqas fir-rigward tat-termini stabbiliti. Barra minn hekk, hekk kif diġà ġie kkonstatat preċedentement (ara l-punti 51 sa 54 iktar ’il fuq), mill-istruttura tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li, fir-rigward tal-applikazzjoni għal revoka abbażi ta’ nuqqas ta’ użu ġenwin, il-firxa u l-intensità tal-eżami tal-UASI huma limitati mill-mezzi u mill-fatti invokati mill-partijiet.

69      Għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti bl-ebda mod ma juru li d-dispożizzjoni proċedurali tar-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95, li tatribwixxi l-oneru tal-prova lill-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja u tipprovdi li n-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ provi suffiċjenti fit-termini stabbiliti jirriżulta f’dikjarazzjoni ta’ revoka, tista’ tmur kontra r-Regolament Nru 207/2009.

70      Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li n-nuqqas ta’ rispett tat-termini mingħajr motiv ġust, li huma fundamentali gћall-funzjonament tajjeb tas-sistema Komunitarja, jista’ jiġi ssanzjonat mil-leġiżlazzjoni Komunitarja permezz tat-telf ta’ dritt, mingћajr ma dan ikun inkompatibbli mal-imsemmi prinċipju ta’ proporzjonalità [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-17 ta’ Settembru 2008, Neurim Pharmaceuticals (1991) vs UASI – Eurim-Pharm Arzneimittel (Neurim PHARMACEUTICALS), T‑218/06, Ġabra p. II‑2275, punt 55].

71      Fl-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjoni li tipprovdi li r-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95 tippreġudika d-dritt ta’ proprjetà u d-dritt għal smigħ xieraq hija infondata. L-imsemmija regola ma taffettwa bl-ebda mod id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja, sakemm dan ma jagħżilx, bħalma fil-fatt għamlet ir-rikorrenti fil-kawża preżenti, li ma jipproduċix quddiem l-UASI, fit-terminu stabbilit, l-elementi fil-pussess tiegħu li juru użu ġenwin mit-trade mark tiegħu.

72      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li anki l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

73      Għaldaqstant ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

74      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

75      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-UASI. Peress li l-intervenjenti ma talbitx li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż, din għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      CENTROTHERM Systemtechnik GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      centrotherm Clean Solutions GmbH & Co. KG għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Moavero Milanesi

Wahl

Soldevila Franoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Settembru 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.