Language of document : ECLI:EU:T:2024:26

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir‑Raba’ Awla)

24 ta’ Jannar 2024 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokument ikkomunikat fil-kuntest ta’ proċedura EU Pilot ta’ rimbors tal-VAT – Dokument li joriġina minn Stat Membru – Rifjut ta’ aċċess – Kunsens minn qabel tal-Istat Membru – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑602/22,

Veneziana Energia Risorse Idriche Territorio Ambiente Servizi SpA (Veritas), stabbilita f’Venezia (l-Italja), irrappreżentata minn A. Pasqualin, avukata,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A.‑C. Simon u A. Spina, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

IrRepubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġenta, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir‑Raba’ Awla),

komposta minn R. da Silva Passos, President, S. Gervasoni (Relatur) u N. Półtorak, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat l-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fi żmien tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u peress li ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regolamenti tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr fażi orali tal-proċedura,

wara li rat id-digriet tal‑20 ta’ Settembru 2023 li jordna lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokument li hija kienet irrifjutat l-aċċess għalih lir-rikorrenti u l-produzzjoni ta’ dan id-dokument mill-Kummissjoni fis‑26 ta’ Settembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Veneziana Energia Risorse Idriche Territorio Ambiente Servizi SpA (Veritas), titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2022) 5221 final tal‑15 ta’ Lulju 2022 li tirrifjuta li tikkomunikalha l-ittra tal-awtoritajiet Taljani tas‑17 ta’ Ottubru 2019 mibgħuta fil-kuntest tal-proċedura EU Pilot 9456/19/TAXUD dwar ir-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) miġbura indebitament fuq it-tariffa Taljana għall-iġjene tal-ambjent (tariffa di igiene ambientale, stabbilita permezz tal-Artikolu 49 tad-decreto legislativo n. 22 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 22), tal‑5 ta’ Frar 1997, iktar ’il quddiem it-“tariffa TIAI”).

 Ilkuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jipprovdi fil-paragrafi 2, 4 u 5 tiegħu:

“2. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[…]

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

[…]

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

4. Fir-rigward ta’ dokumenti ta’ partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.

5. Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma’ jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel.”

 Ilfatti li wasslu għallkawża

3        Il-proċedura EU Pilot tikkostitwixxi proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri li hija intiża li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni dwar jekk, fuq kwistjoni partikolari, id-dritt tal-Unjoni Ewropea huwiex osservat u applikat korrettament fi ħdan l-Istati Membri. Din it-tip ta’ proċedura, li ssostitwixxiet, mill‑2008, il-fażi informali tal-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, hija intiża li ssolvi eventwali ksur tad-dritt tal-Unjoni b’mod effikaċi billi tevita, sa fejn possibbli, il-bidu ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, filwaqt li tista’ twassal għall-bidu ta’ tali proċedura (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2018, Pint vs Il‑Kummissjoni, T‑634/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:662, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

4        Fil-kuntest tal-proċedura EU Pilot 9456/19/TAXUD mibdija f’dan il-każ wara b’mod partikolari l-ilment tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem il-“proċedura EU Pilot”), il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani kjarifiki dwar il-modalitajiet tar-rimbors tal-VAT miġbura indebitament fuq it-tariffa TIAI.

5        Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Awwissu 2021, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kienet irċeviet it-tweġiba tal-awtoritajiet Taljani u kienet iddeċidiet li ma tibdiex proċedura ta’ ksur minħabba nuqqas ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni minn dawn l-awtoritajiet.

6        Fil‑21 ta’ Ottubru 2021, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni kopja tat-tweġiba tal-awtoritajiet Taljani miġbura fil-qosor fl-ittra tat‑2 ta’ Awwissu 2021.

7        Il-Kummissjoni wieġbet, permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Novembru 2021 (iktar ’il quddiem it-“tweġiba inizjali”), l-ewwel nett, billi identifikat id-dokument mitlub bħala l-ittra tal-awtoritajiet Taljani tas‑17 ta’ Ottubru 2019 mibgħuta fil-kuntest tal-proċedura EU Pilot, sussegwentement billi rrifjutat l-aċċess għal din l-ittra minħabba li l-iżvelar tagħha kien jippreġudika l-protezzjoni ta’ proċeduri ġudizzjarji pendenti fl-Italja, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

8        Ir-rikorrenti ressqet talba konfermattiva quddiem il-Kummissjoni fit‑30 ta’ Novembru 2021, bil-għan li din tirrevedi l-pożizzjoni tagħha.

9        Il-Kummissjoni kkonfermat, fil‑15 ta’ Lulju 2022, ir-rifjut li tagħti aċċess għall-ittra tal-awtoritajiet Taljani tas‑17 ta’ Ottubru 2019, wara l-oppożizzjoni għall-iżvelar tal-imsemmija ittra minn dawn tal-aħħar skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, abbażi tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ittalbiet talpartijiet

10      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        bħala miżura istruttorja, tordna lill-Kummissjoni tipproduċi l-ittra tal-awtoritajiet Taljani tas‑17 ta’ Ottubru 2019;

–        bħala miżura istruttorja wkoll, tordna lill-Kummissjoni tipproduċi t-tweġiba tal-imsemmija awtoritajiet għall-konsultazzjoni tagħhom qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna kwalunkwe miżura istruttorja oħra li hija tqis li tkun utli.

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

11      Wara l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni, bħala anness mar-risposta, tal-iskambji tagħha mal-awtoritajiet Taljani wara t-tweġiba inizjali u t-talba konfermattiva tar-rikorrenti, din tal-aħħar illimitat it-talba tagħha għall-produzzjoni tat-tweġiba tal-awtoritajiet Taljani għal dik preċedenti għall-imsemmija talba konfermattiva (ara t-tieni inċiż tal-punt 10 iktar ’il fuq).

12      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

13      Ir-Repubblika Taljana titlob li r-rikors jiġi miċħud.

 Iddritt

14      Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel wieħed huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tieni wieħed huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-paragrafu 5 tal-istess artikolu, tal-obbligu ta’ eżami diliġenti u tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat essenzjalment fuq ksur talArtikolu 4(5) tarRegolament Nru 1049/2001 u talobbligu ta’ motivazzjoni

15      Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li, fid-dawl tal-kontradizzjoni bejn it-tweġiba inizjali, minn naħa, li ma tagħmel ebda riferiment għall-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 u għall-oppożizzjoni tal-awtoritajiet Taljani permessa minn din id-dispożizzjoni, u d-deċiżjoni kkontestata, min-naħa l-oħra, li ssemmi l-imsemmija dispożizzjoni kif ukoll din l-oppożizzjoni, hija ma hijiex f’pożizzjoni li tiddetermina liema proċedura ġiet applikata u jekk din ġietx applikata korrettament. Hija tippreċiża, fir-replika, li qiegħda tilmenta fir-rigward tal-Kummissjoni, mhux li hemm differenza bejn it-tweġiba inizjali u d-deċiżjoni kkontestata, iżda li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex eżatta sa fejn hija indikat b’mod żbaljat li t-tweġiba inizjali kienet ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001.

16      Minn dan ir-rikorrenti tiddeduċi, it-tieni nett, li, sa fejn mill-proċedura quddiem il-Kummissjoni ma tirriżultax manifestazzjoni preċedenti ta’ rieda minn naħa tal-awtoritajiet Taljani, evalwazzjoni eżawrjenti tat-talba għal aċċess hija meħtieġa, b’differenza mill-ipoteżi ta’ oppożizzjoni effettiva minn naħa ta’ Stat Membru, li fiha l-ġurisprudenza aċċettat eżami prima facie tal-oppożizzjoni mill-Kummissjoni. Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma wettqitx l-eżami fid-dettall meħtieġ u ma wettqitx l-evalwazzjoni awtonoma meħtieġa fl-assenza ta’ eżerċizzju mill-awtoritajiet Taljani tal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001.

17      Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li r-rikorrenti fir-realtà sempliċement tikkontesta l-fondatezza tal-fatt li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001.

18      Fil-fatt, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, fejn din taqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-att kontenzjuż (sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑17/99, EU:C:2001:178, punt 35, u tal‑15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑796/14, EU:T:2016:483, punt 28). Att li ma huwiex suffiċjentement motivat, fis-sens tal-obbligu ta’ motivazzjoni formali, huwa dak li ma jippermettix li jinftiehem għaliex, fuq liema bażi jew għal liema raġuni dan ġie adottat, filwaqt li l-motivi ta’ att, li huma r-raġunijiet u l-ġustifikazzjonijiet tiegħu, jistgħu jkunu suffiċjentement magħrufa u komprensibbli, iżda insuffiċjenti sabiex jiġġustifikawh legalment, sa fejn dawn ma jkunux sostnuti, rilevanti jew konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli.

19      Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti kkjarifikat l-argument tagħha fir-replika, billi ppreċiżat li hija ma kinitx qiegħda tikkritika lill-Kummissjoni b’differenza bejn it-tweġiba inizjali u d-deċiżjoni kkontestata li kienet tipprekludiha milli tkun taf, tifhem u għalhekk tikkontesta l-motivi ta’ din id-deċiżjoni, li kien jikkorrispondi għal kontestazzjoni proċedurali, iżda li hija kienet qiegħda tikkritika l-fatt li bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 fl-assenza ta’ oppożizzjoni effettiva għall-iżvelar mill-awtoritajiet Taljani, b’mod partikolari qabel it-tweġiba inizjali (ara l-punt 15 iktar ’il fuq). Għalhekk, ir-rikorrenti tikkontesta n-nuqqas ta’ konformità tad-deċiżjoni kkontestata mad-dispożizzjonijiet applikabbli.

20      Fi kwalunkwe każ, jista’ jitqies f’dan il-każ li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din issemmi l-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001, tippermetti lir-rikorrenti ssir taf il-motivi tagħha u lill-Qorti Ġenerali tistħarreġ il-legalità tagħhom, hekk kif teżiġi l-ġurisprudenza dwar l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, NLG vs IL‑Kummissjoni, T‑109/05 u T‑444/05, EU:T:2011:235, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta mingħajr ambigwità li l-awtoritajiet Taljani ġew ikkonsultati skont l-Artikolu 4(4) tal-imsemmi regolament u li huma esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għall-iżvelar tal-ittra tagħhom tas‑17 ta’ Ottubru 2019 abbażi tal-Artikolu 4(5) tal-istess regolament. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tindika, fil-parti introduttiva (punt 1), li hija adottat tweġiba inizjali ta’ rifjut ta’ żvelar wara l-konsultazzjoni mal-awtoritajiet Taljani, b’applikazzjoni tal-Artikolu 4(4) u (5) ta’ dan ir-regolament, u tiddedika parti mid-deċiżjoni kkontestata (punt 2.1) għall-espożizzjoni tal-motivi tal-oppożizzjoni tal-awtoritajiet Taljani.

21      Huwa minnu li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma ssemmiex fit-tweġiba inizjali. Madankollu, dan il-fatt ma jippermettix li jitqies li d-deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjentement motivata. Fil-fatt, minn naħa, anki mingħajr ma tiċċita din id-dispożizzjoni, it-tweġiba inizjali tindika b’mod ċar l-oppożizzjoni tal-awtoritajiet Taljani għall-iżvelar tal-ittra tagħhom tas‑17 ta’ Ottubru 2019. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha ċertament tiġi evalwata fid-dawl tal-kuntest tagħha, iżda din għandha tiġi evalwata fuq kollox fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, li hija ċara f’dan il-każ (ara l-punt 20 iktar ’il fuq), u wkoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63, u tal‑15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑796/14, EU:T:2016:483, punt 29). Issa, f’dan il-każ, hekk kif jenfasizzaw il-Kummissjoni u r-Repubblika Taljana, l-Artikoli 7 u 8 tal-imsemmi regolament jipprevedu proċedura f’żewġ stadji, li tippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata tittratta b’iktar ħeffa t-talbiet inizjali, qabel ma tadotta jekk ikun il-każ, fil-każ ta’ talba konfermattiva, pożizzjoni ddettaljata, u b’hekk iktar kompleta, ta’ rifjut tal-imsemmija talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 54, u tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Arca Capital Bohemia vs Il‑Kummissjoni, T‑440/17, EU:T:2018:898, punt 18). Għaldaqstant, mill-assenza ta’ riferiment għall-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 fit-tweġiba inizjali ma jistax jiġi dedott dubju dwar il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija effettivament ibbażata fuq din id-dispożizzjoni li hija ċċitata fiha.

22      Tali dubju huwa inqas u inqas permess sa fejn mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti jirriżulta li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ppermettietilha tifhem li din tal-aħħar kienet ibbażata fuq l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li barra minn hekk hija tikkontesta l-fatt li din hija bbażata fuq l-imsemmija dispożizzjoni, f’dan il-każ minħabba li l-awtoritajiet Taljani ma eżerċitawx il-possibbiltà prevista minn din id-dispożizzjoni.

23      Preċiżament, fir-rigward, fit-tieni lok, tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija allegatament ibbażata b’mod illegali fuq l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, ġie deċiż li la minn din id-dispożizzjoni u lanqas mill-ġurisprudenza ma jirriżulta li, sabiex ikun jista’ jressaq oppożizzjoni, huwa neċessarju li l-Istat Membru, awtur tad-dokument inkwistjoni, iressaq minn qabel talba formali speċifika għall-istituzzjoni kkonċernata u lanqas ma huwa meħtieġ li l-Istat Membru jinvoka espliċitament l-imsemmija dispożizzjoni. Ma hemm xejn li jindika fil-formulazzjoni ta’ din tal-aħħar, li hija dispożizzjoni ta’ natura proċedurali li titratta l-proċess ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Unjoni (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punti 78 u 81, u tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW Internationaler Tierschutz‑Fonds vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 53), li l-Istat Membru għandu jressaq talba formali, li mingħajrha l-oppożizzjoni espressa minnu ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fl-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni (sentenza tat‑8 ta’ Frar 2018, POA vs Il‑Kummissjoni, T‑74/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:75, punti 32 sa 34). Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-Istat Membru ma huwiex meħtieġ jipproċedi f’żewġ stadji sabiex jopponi għall-iżvelar ta’ wieħed mid-dokumenti tiegħu, l-ewwel billi jitlob lill-Kummissjoni ma tiżvelax id-dokument inkwistjoni mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu, imbagħad billi jirrifjuta li jagħti dan il-kunsens.

24      Minn dan isegwi wkoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li l-Istat Membru kkonċernat jiġi kkonsultat skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jeskludix l-applikazzjoni sussegwenti tal-Artikolu 4(5) tal-istess regolament. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma ġewx meqjusa bħala esklużivi għal xulxin, iżda pjuttost, hekk kif jirriżulta mix-xogħol preparatorju tal-imsemmi regolament (ara l-proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ĠU 2001, 240 E, p. 165, punt 2.4), bħala dispożizzjoni relatata ma’ terzi b’mod ġenerali (paragrafu 4) u dispożizzjoni li tapplika għal terzi speċifiċi li huma l-Istati Membri u li tirriproduċi d-Dikjarazzjoni Nru 35 annessa mat-Trattat ta’ Amsterdam (paragrafu 5) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2018, Malta vs Il‑Kummissjoni, T‑653/16, EU:T:2018:241, punti 98 u 99, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:433, punt 48).

25      Barra minn hekk, sabiex tiġi ggarantita applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, b’mod partikolari billi l-Istat Membru kkonċernat jingħata l-possibbiltà li jeżiġi l-kunsens minn qabel tiegħu għall-iżvelar ta’ dokument li huwa jkun l-awtur tiegħu, jeħtieġ ukoll li dan jiġi informat bl-eżistenza ta’ talba għall-aċċess għal dan id-dokument, fatt li huwa preċiżament is-suġġett tal-konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 4(4) tal-istess regolament.

26      Għalhekk, f’dan il-każ, jista’ jitqies li l-oġġezzjonijiet espressi mill-awtoritajiet Taljani għall-iżvelar tal-ittra tagħhom tas‑17 ta’ Ottubru 2019, wara l-konsultazzjoni tagħhom, u li jirriżultaw mill-ittri elettroniċi mibgħuta lill-Kummissjoni fil‑31 ta’ Marzu, fil‑5 ta’ April u fis‑6 ta’ Mejju 2022, jirriflettu r-rifjut ta’ dawn l-awtoritajiet li jiżvelaw l-imsemmija ittra mingħajr il-kunsens tagħhom minn qabel kif ukoll in-nuqqas ta’ kunsens sussegwenti tagħhom għal dan l-iżvelar taħt l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001. B’mod iktar preċiż, l-imsemmija awtoritajiet indikaw fil‑31 ta’ Marzu 2022 li, fl-istennija tal-kisba tal-elementi meħtieġa, huma ma setgħux jawtorizzaw l-aċċess għal din l-ittra. Fil‑5 ta’ April 2022, huma kkonfermaw ir-rifjut ta’ aċċess u, fis‑6 ta’ Mejju 2022, huma pprovdew preċiżazzjonijiet dwar dan ir-rifjut. Minn dan tirriżulta l-manifestazzjoni effettiva tar-rieda tal-awtoritajiet Taljani, f’dan il-każ preċedenti għad-deċiżjoni kkontestata, li jopponu għall-iżvelar, li huwa biżżejjed, fl-assenza ta’ rekwiżit ratione temporis speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 minbarra dak ta’ kunsens “minn qabel” għall-iżvelar.

27      Għaldaqstant, ma huwiex rilevanti li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx, hekk kif hija tafferma fid-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma dan ġie kkonfermat mir-Repubblika Taljana fin-nota ta’ intervent tagħha, li l-awtoritajiet Taljani kienu esprimew l-oppożizzjoni tagħhom qabel ma ntbagħtet it-tweġiba inizjali.

28      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ġustament ibbażat ruħha fuq l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li, konformement mal-istħarriġ tar-raġunijiet għal nuqqas ta’ żvelar imressqa mill-Istat Membru implikat minn din id-dispożizzjoni (ara l-punt 40 iktar ’il quddiem), hija ma kellhiex l-obbligu li twettaq evalwazzjoni eżawrjenti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni ta’ oppożizzjoni tal-awtoritajiet Taljani.

29      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud, mingħajr ma hemm lok li l-Kummissjoni tintalab tipproduċi l-iskambji tagħha mal-awtoritajiet Taljani qabel ma ntbagħtet ir-risposta inizjali.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat essenzjalment fuq ilksur tattieni inċiż talArtikolu 4(2) tarRegolament Nru 1049/2001, moqri flimkien malparagrafu 5 talistess artikolu, talobbligu ta’ eżami diliġenti u talobbligu ta’ motivazzjoni

30      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha, li jibqa’ anki fil-każ ta’ evalwazzjoni prima facie tal-oppożizzjoni għall-iżvelar, li tivverifika u tispjega kif l-aċċess għad-dokument mitlub jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett, f’dan il-każ dak ibbażat fuq il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq l-interpretazzjoni neċessarjament stretta tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għal dokumenti kif ukoll fuq il-kliem ipotetiku użat fid-deċiżjoni kkontestata, ir-riferiment għal proċedura ġudizzjarja nazzjonali waħda pendenti, barra minn hekk mhux ippreċiżata, u l-assenza ta’ spjegazzjoni dwar il-preġudizzju għall-opportunitajiet ugwali għall-partijiet quddiem il-qorti meta mqabbla magħha stess, li talbet aċċess f’dan il-każ. Hija tenfasizza, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent, l-insuffiċjenza tal-motiv ibbażat fuq in-natura partikolarment plawżibbli ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-proċeduri ġudizzjarji nazzjonali inkwistjoni, li kien tressaq mill-awtoritajiet Taljani sabiex jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ aċċess. Barra minn hekk, il-motivi mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata huma insuffiċjenti, vagi u nieqsa minn kull sustanza.

31      Ir-rikorrenti tenfasizza, fir-replika, billi tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza, in-neċessità ta’ rabta effettiva bejn l-aċċess mitlub u l-ksur tal-bilanċ proċedurali fil-kuntest ta’ kawża ddeterminata b’mod ċar, filwaqt li, f’dan il-każ, l-unika proċedura li hija kienet parti fiha kienet ingħalqet definittivament qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, hija tirrileva li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din l-istanza, hija wissiet lill-awtoritajiet Taljani bil-ħtieġa li jispjegaw b’liema mod l-iżvelar tad-dokument mitlub jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett inkwistjoni, peress li, skont l-evalwazzjoni tagħha stess, l-imsemmi dokument seta’ jiġi żvelat. Hija żżid li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni naqset mid-dmir tagħha li teżamina jekk l-Istat Membru kienx debitament immotiva l-pożizzjoni tiegħu, billi taċċerta ruħha bl-eżistenza ta’ tali motivazzjoni u billi ssemmi dan fid-deċiżjoni kkontestata.

32      Għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, bħalma jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, li jagħti lill-pubbliku d-dritt ta’ aċċess l-iktar estensiv possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 33, u tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑669/11, EU:T:2014:814, punt 40). Bis-saħħa tal-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament, dan id-dritt ikopri mhux biss id-dokumenti mfassla minn istituzzjoni, imma wkoll dawk riċevuti minn terzi, li fosthom hemm l-Istati Membri, hekk kif jippreċiża espressament l-Artikolu 3(b) tal-istess regolament.

33      Madankollu, dan id-dritt ta’ aċċess huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (sentenzi tal‑1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 62, u tat‑3 ta’ Ottubru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑669/11, EU:T:2014:814, punt 41). Fit-tieni lok, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li Stat Membru jista’ jitlob lil istituzzjoni ma tiżvelax dokument li joriġina minnu mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu.

34      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv, ir-Repubblika Taljana eżerċitat il-possibbiltà mogħtija lilha mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 u talbet lill-Kummissjoni li ma tiżvelax l-ittra tal-awtoritajiet Taljani tas‑17 ta’ Ottubru 2019.

35      L-eżerċizzju tas-setgħa li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jagħti lill-Istat Membru kkonċernat huwa ddelimitat permezz tal-eċċezzjonijiet materjali elenkati fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-istess artikolu, peress li f’dan ir-rigward dan l-Istat Membru jingħata biss il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni fid-deċiżjoni tal-istituzzjoni. Il-kunsens minn qabel tal-Istat Membru kkonċernat li għalih jirreferi dan l-Artikolu 4(5) jindika, b’dan il-mod, mhux dritt ta’ veto diskrezzjonali, iżda forma ta’ kunsens konformi fir-rigward tal-ineżistenza ta’ motivi ta’ eċċezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 tal-istess artikolu. Il-proċess deċiżjonali stabbilit b’dan il-mod mill-imsemmi Artikolu 4(5) għaldaqstant jeżiġi li l-istituzzjoni u l-Istat Membru kkonċernati josservaw l-eċċezzjonijiet materjali previsti fl-imsemmija paragrafi 1 sa 3 (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Peress li l-implimentazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni hija għalhekk fdata konġuntament lill-istituzzjoni u lill-Istat Membru li eżerċita l-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li, għaldaqstant, tali implimentazzjoni tiddependi mid-djalogu li għandu jiġi stabbilit bejniethom, dawn huma obbligati, konformement mal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, jaġixxu u jikkooperaw b’tali mod li l-imsemmija regoli jkunu jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 85).

37      Madankollu, l-intervent tal-Istat Membru kkonċernat ma jaffettwax, fir-rigward tal-applikant, in-natura ta’ att tal-Unjoni tad-deċiżjoni li tindirizza lilu sussegwentement l-istituzzjoni b’risposta għat-talba għal aċċess imressqa minnu fir-rigward ta’ dokument miżmum minn din tal-aħħar (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 94, u tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 60).

38      Mill-ġurisprudenza esposta fil-punti 32 sa 37 iktar ’il fuq jirriżulta, l-ewwel nett, li l-Istat Membru kkonċernat li, wara d-djalogu stabbilit mal-istituzzjoni, jopponi l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni huwa obbligat jimmotiva din l-oppożizzjoni fid-dawl tal-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, l-istituzzjoni ma tistax tilqa’ l-oppożizzjoni mmanifestata minn Stat Membru għall-iżvelar ta’ dokument li joriġina minnu jekk din l-oppożizzjoni tkun nieqsa minn kull motivazzjoni jew jekk il-motivazzjoni mressqa ma tkunx ifformulata b’riferiment għal dawn l-eċċezzjonijiet. Meta, minkejja t-talba espressa f’dan is-sens indirizzata mill-istituzzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, dan tal-aħħar jibqa’ ma jipprovdilhiex tali motivazzjoni, l-imsemmija istituzzjoni għandha, jekk hija tqis min-naħa tagħha li ebda waħda mill-imsemmija eċċezzjonijiet ma tapplika, tagħti aċċess għad-dokument mitlub (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punti 87 u 88).

39      Barra minn hekk, bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjoni stess għandha l-obbligu timmotiva d-deċiżjoni ta’ rifjut li hija tagħti lill-awtur tat-talba għal aċċess. Tali obbligu jimplika li l-istituzzjoni tesponi, fid-deċiżjoni tagħha, mhux biss l-oppożizzjoni mmanifestata mill-Istat Membru kkonċernat għall-iżvelar tad-dokument mitlub, iżda wkoll raġunijiet invokati minn dan l-Istat Membru sabiex tikkonkludi li waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tal-istess regolament hija applikabbli. Tali indikazzjonijiet huma fil-fatt ta’ natura li jippermettu lill-applikant jifhem l-oriġini u r-raġunijiet tar-rifjut kontrih u lill-qorti kompetenti teżerċita, skont il-każ, l-istħarriġ li huwa responsabbiltà tagħha (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 89).

40      Minn dan isegwi, it-tieni nett, li lanqas ma hija responsabbiltà tal-istituzzjoni li tipproċedi, fir-rigward tad-dokument li l-iżvelar tiegħu ġie rrifjutat, għal evalwazzjoni eżawrjenti tal-motivi ta’ oppożizzjoni invokati mill-Istat Membru abbażi tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 65, u tal‑5 ta’ April 2017, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑344/15, EU:T:2017:250, punt 45). Għalhekk, l-obbligu ta’ eżami konkret u individwali li jirriżulta mill-prinċipju ta’ trasparenza ma japplikax meta t-talba għal aċċess tikkonċerna dokument li joriġina minn Stat Membru skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑669/11, EU:T:2014:814, punt 81, u tat‑8 ta’ Frar 2018, POA vs Il‑Kummissjoni, T‑74/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:75, punt 61). Fil-fatt, jekk tiġi mitluba tali evalwazzjoni eżawrjenti din tista’ twassal sabiex, ladarba din issir, l-istituzzjoni adita tista’, b’mod żbaljat, tipproċedi sabiex tikkomunika d-dokument inkwistjoni lill-applikant minkejja l-oppożizzjoni, debitament immotivata tal-Istat Membru li minnu joriġina dan id-dokument (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 64).

41      Għall-kuntrarju, l-obbligu ta’ eżami diliġenti tal-istituzzjoni għandu jwassalha sabiex tivverifika jekk l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Istat Membru sabiex jopponi l-iżvelar tad-dokumenti tiegħu jidhrilhiex prima facie fondati. Hija r-responsabbiltà tal-istituzzjoni li tivverifika jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u tar-regoli ta’ dritt applikabbli, il-motivi mressqa mill-Istat Membru insostenn tal-oppożizzjoni tiegħu kinux ta’ natura li jiġġustifikaw prima facie tali rifjut u, għaldaqstant, jekk dawn il-motivi kinux jippermettu lill-imsemmija istituzzjoni tassumi r-responsabbiltà li jagħtiha l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001. Għandha tiġi evitata l-adozzjoni mill-istituzzjoni ta’ deċiżjoni li hija ma kinitx tqis difendibbli minkejja li hija l-awtur tagħha u għalhekk responsabbli għal-legalità tagħha (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2020, Compañía de Tranvías de la Coruña vs Il‑Kummissjoni, T‑485/18, EU:T:2020:35, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkontesta preċiżament kemm l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni (l-ewwel ilment) kif ukoll dak tal-obbligu ta’ eżami diliġenti (it-tieni lment) u r-riżultat ta’ dan l-eżami (it-tielet ilment).

43      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-osservanza f’dan il-każ tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet li l-awtoritajiet Taljani kienu, billi invokaw it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ibbażaw ir-rifjut tagħhom ta’ żvelar fuq il-preġudizzju għall-integrità ta’ proċeduri ġudizzjarji pendenti dwar ir-rimbors tal-VAT, li huma kkomunikaw ir-riferimenti tagħhom, u fuq il-preġudizzju għall-opportunitajiet ugwali għall-partijiet fil-każ ta’ aċċess tal-parti l-oħra għall-imsemmija proċeduri għall-ittra tagħhom tas‑17 ta’ Ottubru 2019, li kienet ġiet ikkomunikata b’mod kunfidenzjali lill-awtoritajiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-proċedura EU Pilot dwar ir-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament fuq it-tariffa TIAI. Hija semmiet ukoll l-eventwali rinviji għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja mressqa mill-awtoritajiet Taljani abbażi tal-fatt li l-VAT li hija s-suġġett tal-proċeduri nazzjonali inkwistjoni kienet suġġetta għal regoli Ewropej armonizzati.

44      Minn dan jista’ jiġi dedott li l-Kummissjoni żgurat ruħha mill-eżistenza tal-motivazzjoni tal-oppożizzjoni tal-awtoritajiet Taljani u semmiet il-motivi invokati f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk hija ppermettiet lir-rikorrenti tifhem ir-raġunijiet għar-rifjut tal-iżvelar tal-ittra tal-imsemmija awtoritajiet tas‑17 ta’ Ottubru 2019.

45      Għaldaqstant, l-ewwel ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

46      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha ta’ eżami diliġenti tar-rifjut ta’ żvelar tal-awtoritajiet Taljani, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 2.2 tad-deċiżjoni kkontestata intitolat “Evalwazzjoni prima facie tal-Kummissjoni”, wara li fakkret id-dispożizzjonijiet applikabbli, b’mod partikolari t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll il-ġurisprudenza korrispondenti, il-Kummissjoni fakkret li l-imsemmija awtoritajiet kienu enfasizzaw li l-ittra tagħhom tas‑17 ta’ Ottubru 2019 kien fiha l-pożizzjoni tagħhom dwar il-kwistjoni tar-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament fuq it-tariffa TIAI, li din il-kwistjoni kienet inkwistjoni f’kawżi pendenti quddiem il-qrati Taljani, li r-referenzi tagħhom ġew ipprovduti, u li kien hemm probabbiltà kbira ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li l-iżvelar tal-imsemmija ittra kien ipoġġi lil dawn l-awtoritajiet f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar meta mqabbla mal-partijiet l-oħra, peress li dawn kienu jkunu jafu minn qabel il-pożizzjoni tal-awtoritajiet inkwistjoni u jkunu jistgħu jaġġustaw u jirfinaw l-argumenti tagħhom, li jwassal għal vantaġġ sistematiku favur tagħhom. Minn dan hija kkonkludiet li kien jeżisti riskju reali u mhux ipotetiku li jiġu pperikolati u kompromessi serjament il-proċeduri ġudizzjarji pendenti fl-Italja skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

47      Tali analiżi tikkorrispondi għall-evalwazzjoni prima facie meħtieġa mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 40 u 41 iktar ’il fuq.

48      Fil-fatt, hija biss il-Kummissjoni li għandha tivverifika jekk l-elementi pprovduti mill-awtoritajiet Taljani jirrendux plawżibbli l-preġudizzju għall-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Tali stħarriġ tal-plawżibbiltà jimplika min-natura tiegħu l-użu ta’ kliem li ma humiex ċarament affermati, fatt li, għaldaqstant, ma jistax jiġi kkritikat lill-Kummissjoni.

49      Għall-kuntrarju, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tiżgura l-preġudizzju konkret u effettiv għall-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji fl-Italja. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, billi fakkret lill-awtoritajiet Taljani n-neċessità li jispjegaw b’liema mod l-iżvelar tad-dokument mitlub jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett inkwistjoni, il-Kummissjoni sempliċement fakkret lil dawn l-awtoritajiet l-obbligu tagħhom li jwettqu tali kontroll, iżda ma qisitx li kellha hija stess twettaq dan il-kontroll.

50      Fl-aħħar nett, il-fatt li l-Kummissjoni indikat lill-awtoritajiet Taljani, wara l-applikazzjoni konfermatorja, li hija kienet tqis li l-ittra tagħhom tas‑17 ta’ Ottubru 2019 setgħet tiġi żvelata juri wkoll l-eżami diliġenti mwettaq f’dan il-każ, peress li din l-indikazzjoni kienet akkumpanjata minn talba għal spjegazzjonijiet supplimentari u mit-tfakkira tal-kriterji ġurisprudenzjali li jippermettu l-protezzjoni tal-interess inkwistjoni, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 41 iktar ’il fuq u mad-djalogu li kellu jsir bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat skont l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali (ara l-punt 36 iktar ’il fuq).

51      Minn dan isegwi li t-tieni lment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ eżami diliġenti tagħha tal-oppożizzjoni tal-awtoritajiet Taljani għandu wkoll jiġi miċħud.

52      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-fondatezza tar-rifjut ta’ żvelar tal-ittra tal-awtoritajiet Taljani tas‑17 ta’ Ottubru 2019 abbażi tal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jitfakkar, preliminarjament, li meta Stat Membru jinvoka l-Artikolu 4(5) tal-imsemmi regolament u jinvoka motivi ta’ rifjut elenkati fil-paragrafi 1 sa 3 tal-istess artikolu, jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni li tistħarreġ, fuq talba tal-persuna kkonċernata li lilha ġie rrifjutat l-aċċess mill-istituzzjoni mitluba u għall-protezzjoni ġudizzjarja tagħha, jekk dan ir-rifjut seta’ jiġi validament ibbażat fuq l-imsemmija eċċezzjonijiet, u dan irrispettivament minn jekk dan ir-rifjut jirriżultax mill-evalwazzjoni tagħhom mill-istituzzjoni stess jew mill-Istat Membru kkonċernat (sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 72, u tal‑24 ta’ Mejju 2011, Batchelor vs Il‑Kummissjoni, T‑250/08, EU:T:2011:236, punt 67). Meta l-aċċess jiġi rrifjutat abbażi tal-Artikolu 4(5) tar-regolament inkwistjoni, il-qorti tal-Unjoni teżerċita għalhekk stħarriġ komplet tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-Kummissjoni li hija bbażata fuq l-evalwazzjoni materjali mill-Istat Membru kkonċernat tal-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament, u dan anki jekk il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru wara li kkonstatat, abbażi ta’ stħarriġ prima facie, li, fil-fehma tagħha, il-motivi ta’ oppożizzjoni invokati minn dan l-Istat Membru ma kinux invokati b’mod manifestament mhux xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punti 70 sa 72).

53      Għandu jitfakkar ukoll li, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, sakemm interess pubbliku superjuri ma jiġġustifikax l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni.

54      Il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji timplika b’mod partikolari li għandhom jiġu żgurati kemm l-osservanza tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-integrità tal-proċedura ġudizzjarja (sentenza tas‑6 ta’ Frar 2020, Compañía de Tranvías de la Coruña vs Il‑Kummissjoni, T‑485/18, EU:T:2020:35, punt 38).

55      Minn naħa, fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, għandu jiġi osservat li, jekk il-kontenut tad-dokumenti li jesponu l-pożizzjoni ta’ istituzzjoni jew ta’ Stat Membru f’tilwima kellu jkun is-suġġett ta’ dibattitu pubbliku, ikun hemm riskju li l-kritika kontrihom tinfluwenza indebitament il-pożizzjoni difiża mill-istituzzjoni jew mill-Istat Membru quddiem il-qrati inkwistjoni. Barra minn hekk, l-aċċess għad-dokumenti relatati mal-pożizzjoni ta’ istituzzjoni jew ta’ Stat Membru fi proċedura ġudizzjarja pendenti minn parti oħra tista’ tikkawża distorsjoni fl-ekwilibriju indispensabbli bejn il-partijiet f’tilwima, ekwilibriju li huwa l-bażi tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, peress li hija biss l-istituzzjoni kkonċernata jew l-Istat Membru kkonċernat minn talba għal aċċess għal dokumenti, u mhux il-partijiet kollha fil-proċedura, li huma suġġetti għall-obbligu ta’ żvelar. L-osservanza tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet huwa madankollu indispensabbli peress li huwa korollarju tal-kunċett innifsu ta’ “smigħ xieraq” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punti 86 u 87 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 132).

56      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-integrità tal-proċedura ġudizzjarja, għandu jitfakkar li l-esklużjoni tal-attività ġudizzjarja mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti hija ġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi żgurat, matul il-proċedura ġudizzjarja kollha, li d-dibattiti bejn il-partijiet kif ukoll id-deliberazzjoni tal-qorti kkonċernata dwar il-kawża inkwistjoni jipproċedu b’serenità, mingħajr pressjoni esterna fuq l-attività ġudizzjarja. Issa, l-iżvelar tad-dokumenti li jesponu l-pożizzjoni difiża minn istituzzjoni jew Stat Membru fi proċedura ġudizzjarja pendenti jippermetti li ssir, jekk biss fil-perċezzjoni tal-pubbliku, pressjoni esterna fuq l-attività ġudizzjarja u li tiġi ppreġudikata s-serenità tad-dibattiti (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punti 92 u 93).

57      B’dan il-mod, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-interess pubbliku jipprekludi l-iżvelar tal-kontenut tad-dokumenti mfassla għall-finijiet biss ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari. Dawn id-dokumenti jinkludu n-noti jew atti ppreżentati matul proċedura ġudizzjarja, id-dokumenti interni dwar is-smigħ ta’ kawża pendenti, il-komunikazzjonijiet dwar il-kawża bejn id-direttorat ġenerali kkonċernat u s-servizz legali jew ditta legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2020, Compañía de Tranvías de la Coruña vs Il‑Kummissjoni, T‑485/18, EU:T:2020:35, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      It-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprekludi wkoll l-iżvelar tad-dokumenti li ma jkunux tfasslu għall-ħtiġijiet biss ta’ tilwima partikolari, iżda li l-iżvelar tagħhom jista’ jikkomprometti, fil-kuntest ta’ tilwima partikolari, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Madankollu, sabiex din l-eċċezzjoni tkun tista’ tapplika, jeħtieġ li d-dokumenti mitluba, fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għalihom, ikollhom rabta rilevanti ma’ proċedura ġudizzjarja pendenti. F’dan il-każ, minkejja li l-imsemmija dokumenti ma jkunux tfasslu fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari, l-integrità tal-proċedura ġudizzjarja kkonċernata u l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet jistgħu jiġu ppreġudikati serjament jekk partijiet jibbenefikaw minn aċċess privileġġat għal informazzjoni interna tal-parti l-oħra li jkollha rabta mill-qrib mal-aspetti legali ta’ tilwima pendenti jew potenzjali, iżda imminenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2020, Compañía de Tranvías de la Coruña vs Il‑Kummissjoni, T‑485/18, EU:T:2020:35, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-ittra tal-awtoritajiet Taljani tas‑17 ta’ Ottubru 2019 ma tfasslitx biss għall-bżonnijiet ta’ tilwima partikolari. Din hija risposta tal-imsemmija awtoritajiet għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura EU Pilot mibdija fir-rigward tagħhom wara lmenti dwar il-modalitajiet ta’ rimbors tal-VAT indebitament miġbura fuq it-tariffa TIAI. Għandu jitfakkar li l-għan tal-proċeduri EU Pilot huwa li jiġi vverifikat jekk id-dritt tal-Unjoni huwiex osservat u applikat b’mod korrett fi ħdan l-Istati Membri (ara l-punt 3 iktar ’il fuq). Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tirrikorri ta’ spiss għal talbiet għal informazzjoni, indirizzati kemm lill-Istati Membri involuti kif ukoll liċ-ċittadini u lill-impriżi kkonċernati (sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑669/11, EU:T:2014:814, punt 64). Għaldaqstant, din hija proċedura ta’ natura amministrattiva, li tista’ twassal għall-ftuħ ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, inkluża azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li madankollu ma kienx il-każ hawnhekk, peress li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tibdiex tali proċedura (ara l-punt 5 iktar ’il fuq).

60      Madankollu, l-awtoritajiet Taljani sostnew quddiem il-Kummissjoni li l-iżvelar tal-ittra tal-awtoritajiet Taljani tas‑17 ta’ Ottubru 2019 jista’ jippreġudika l-pożizzjoni tal-amministrazzjonijiet kompetenti bħala partijiet f’sensiela ta’ rikorsi pendenti quddiem il-qrati Taljani, billi jipprovdu tabella rikapitolattiva tal-proċeduri ġudizzjarji kollha kkonċernati (iktar ’il quddiem it-“tabella”), liema tabella l-Kummissjoni pproduċiet bħala anness mar-risposta.

61      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mit-tabella jirriżulta li diversi proċeduri huma pendenti u mhux waħda. Fid-dawl tat-tabella u tar-riferiment, diversi drabi fid-deċiżjoni kkontestata, għal diversi proċeduri ġudizzjarji nazzjonali (ir-raba’, it-tmien u d-disa’ paragrafi tal-punt 2.1, li wieħed minnhom jagħmel riferiment għat-tabella, kif ukoll għat-tnax u għall-erbatax-il paragrafu tal-punt 2.2), ir-riferiment għal proċedura waħda fl-aħħar żewġ paragrafi tal-punt 2.2 tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jiġi kkunsidrat bħala żball tal-pinna. Għandu jingħad ukoll li, fi kwalunkwe każ, l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji tista’ tiġġustifika rifjut ta’ żvelar, anki jekk tkun ikkonċernata biss proċedura ġudizzjarja waħda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑796/14, EU:T:2016:483, punt 98).

62      Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-fatt li hija stess hija parti biss minn waħda mill-proċeduri msemmija fit-tabella, li barra minn hekk kienet ingħalqet fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar it-talba għal aċċess, jista’ jiġi rrilevat li l-iżvelar tal-ittra tal-awtoritajiet Taljani tas‑17 ta’ Ottubru 2019 jista’ jagħtiha pubbliċità estensiva ħafna, li tippermetti b’mod partikolari lill-partijiet fil-proċeduri l-oħra li għadhom pendenti li jinvokawha kontra l-awtoritajiet Taljani fil-kuntest tal-imsemmija proċeduri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2020, Compañía de Tranvías de la Coruña vs Il‑Kummissjoni, T‑485/18, EU:T:2020:35, punt 56).

63      Sussegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk l-ittra tal-awtoritajiet Taljani tas‑17 ta’ Ottubru 2019 għandhiex rabta rilevanti mal-proċeduri ġudizzjarji nazzjonali elenkati fit-tabella, minbarra dik li fiha r-rikorrenti kienet parti u li kienet magħluqa fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar it-talba għal aċċess.

64      Kif jirriżulta mit-tabella, fost it-tnax-il proċedura msemmija, bl-eċċezzjoni ta’ dik tar-rikorrenti, disgħa kienu pendenti fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni dwar it-talba għal aċċess, kif teżiġi l-ġurisprudenza dwar it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2020, Compañía de Tranvías de la Coruña vs Il‑Kummissjoni, T‑485/18, EU:T:2020:35, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), u kienu jirrigwardaw rikorsi ppreżentati minn jew fil-konfront tal-awtorità tat-taxxa Taljana fir-rigward tar-rimbors tal-VAT dwar it-tariffa TIAI b’applikazzjoni tal-Artikolu 30 ter(2) tad-decreto n. 633 del Presidente della Repubblica – Istituzione e disciplina dell’imposta sul valore aggiunto (id-Digriet Nru 633 tal-President tar-Repubblika li Jistabbilixxi u Jirregola l-VAT), tas‑26 ta’ Ottubru 1972, (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 292, tal‑11 ta’ Novembru 1972).

65      Għaldaqstant, teżisti rabta evidenti bejn dawn il-proċeduri, li jirrigwardaw kawżi bejn l-awtorità tat-taxxa Taljana u l-kontribwenti dwar ir-rimbors tal-VAT fuq it-tariffa TIAI, u l-ittra tal-awtoritajiet Taljani tas‑17 ta’ Ottubru 2019, prodotta b’eżekuzzjoni ta’ miżura istruttorja, li, kif jirriżulta mill-kliem tagħha, tikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni mill-awtoritajiet ministerjali Taljani dwar il-modalitajiet ta’ dan ir-rimbors. Fil-fatt, l-imsemmija ittra tiżvela l-pożizzjoni tal-awtoritajiet Taljani dwar il-kwistjoni kontenzjuża mqajma fil-proċeduri quddiem il-qrati Taljani, b’tali mod li hija stabbilita r-rabta rilevanti u r-relazzjoni stretta mal-aspetti ġuridiċi tat-tilwimiet pendenti li hija meħtieġa mill-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2023, Troy Chemical Company vs Il‑Kummissjoni, T‑662/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:442, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Minn naħa, l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet jistgħu jiġu ppreġudikati serjament jekk partijiet kellhom jibbenefikaw minn aċċess privileġġat għal din l-informazzjoni tal-parti l-oħra li jkollha rabta mill-qrib mal-aspetti ġuridiċi ta’ tilwimiet pendenti jew potenzjali, iżda kkomunikati b’mod kunfidenzjali lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura EU Pilot (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2022, Leino-Sandberg vs Il‑Parlament, T‑421/17 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2022:592, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, l-iżvelar tal-ittra tal-awtoritajiet Taljani tas‑17 ta’ Ottubru 2019 huwa ta’ natura li jobbliga, fil-fatt, lill-awtoritajiet Taljani jiddefendu ruħhom kontra allegazzjonijiet magħmula mill-partijiet avversarji kontra kunsiderazzjonijiet li jinsabu fl-imsemmija ittra li, possibbilment, huma ma użawx għall-finijiet tad-difiża tagħhom quddiem il-qrati Taljani, b’tali mod li tiġi ppreġudikata l-effettività tad-difiża tagħhom, filwaqt li l-partijiet l-oħra fil-proċeduri inkwistjoni ma humiex suġġetti għal tali koerċizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2022, Leino-Sandberg vs Il‑Parlament, T‑421/17 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2022:592, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, kif tenfasizza r-Repubblika Taljana, fid-dawl tan-natura differenti, minn naħa, tal-proċedura EU Pilot, intiża li ssolvi ksur eventwali tad-dritt tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, tal-proċeduri ġudizzjarji pendenti inkwistjoni bejn l-awtorità tat-taxxa Taljana u l-persuni taxxabbli, l-elementi indikati mill-awtoritajiet Taljani u l-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali ma humiex neċessarjament l-istess.

67      Minn naħa l-oħra, l-iżvelar tal-ittra tal-awtoritajiet Taljani tas‑17 ta’ Ottubru 2019 li tesponi l-pożizzjoni difiża minn dawn l-awtoritajiet dwar kwistjoni li hija s-suġġett ta’ diversi kawżi pendenti jippermetti li ssir, jekk biss fil-perċezzjoni tal-pubbliku, pressjoni esterna fuq l-attività ġudizzjarja u li tiġi ppreġudikata s-serenità tad-dibattiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punti 92 u 93). Issa, l-esklużjoni tal-attività ġudizzjarja mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt għal aċċess għal dokumenti hija ġġustifikata fid-dawl tan-neċessità li jiġi żgurat, tul il-proċedura ġudizzjarja kollha, li d-dibattiti bejn il-partijiet kif ukoll id-deċiżjoni tal-qorti kkonċernata fir-rigward tal-kawża quddiemha jiżvolġu b’serenità sħiħa, mingħajr pressjoni esterna fuq l-attività ġudizzjarja (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2020, Compañía de Tranvías de la Coruña vs Il‑Kummissjoni, T‑485/18, EU:T:2020:35, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ikkontestati mill-argument tar-rikorrenti li s-sempliċi affermazzjoni tan-natura partikolarment plawżibbli ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-qrati Taljani kkonċernati ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika r-rifjut tal-iżvelar tal-ittra tal-awtoritajiet Taljani tas‑17 ta’ Ottubru 2019.

69      Ċertament ġie deċiż li, sabiex din l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 tkun tista’ tapplika għal dokumenti li ma tfasslux fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari, jeħtieġ li d-dokumenti mitluba, fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għalihom, ikollhom rabta rilevanti jew ma’ proċedura ġudizzjarja pendenti quddiem il-qorti tal-Unjoni u li fir-rigward tagħha l-istituzzjoni kkonċernata tinvoka din l-eċċezzjoni, jew ma’ proċedura pendenti quddiem qorti nazzjonali, bil-kundizzjoni li dawn il-proċeduri jqajmu kwistjoni ta’ interpretazzjoni jew ta’ validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni b’mod li, fid-dawl tal-kuntest tal-kawża, ikun jidher partikolarment plawżibbli li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari (sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑796/14, EU:T:2016:483, punti 88 u 89, u tas‑7 ta’ Frar 2018, Access Info Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑852/16, EU:T:2018:71, punt 67).

70      Madankollu, is-sentenzi msemmija fil-punt 69 iktar ’il fuq ingħataw f’kawżi li fihom kienu inkwistjoni dokumenti mfassla mill-istituzzjonijiet stess, u mhux, bħal f’dan il-każ, dokumenti li joriġinaw minn Stati Membri u mibgħuta lil istituzzjoni. Fil-fatt, fir-rigward ta’ dokument imfassal minn istituzzjoni, il-preġudizzju għall-opportunitajiet ugwali għall-partijiet u għall-kapaċità ta’ difiża tal-istituzzjoni kkonċernata jista’ jsir biss fil-kuntest ta’ istanzi li fihom hija parti, jiġifieri istanzi li jiżvolġu bħala prinċipju quddiem il-qorti tal-Unjoni.

71      Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ dokument li joriġina minn Stat Membru u marbut ma’ proċeduri pendenti quddiem il-qrati nazzjonali li fihom l-Istat huwa parti, bħal f’dan il-każ, hija l-garanzija ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet f’dawn il-proċeduri nazzjonali li tittieħed inkunsiderazzjoni. Minn dan isegwi li hija irrilevanti f’dan il-każ il-kwistjoni dwar jekk rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-qrati Taljani aditi b’proċeduri nazzjonali inkwistjoni kienx partikolarment plawżibbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑27 ta’ Marzu 2014, Ecologistas en Acción vs Il‑Kummissjoni, T‑603/11, mhux ippubblikat, EU:T:2014:182, punti 56 sa 65).

72      Konsegwentement, hemm lok li jiġi miċħud it-tielet ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji permezz tal-iżvelar tal-ittra tal-awtoritajiet Taljani tas‑17 ta’ Ottubru 2019.

73      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud, l-istess bħalma għandu jiġi miċħud ir-rikors kollu kemm hu, mingħajr ma hemm lok li jiġu ordnati miżuri istruttorji oħra.

 Fuq lispejjeż

74      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

75      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Repubblika Taljana għandha, għaldaqstant, tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Veneziana Energia Risorse Idriche Territorio Ambiente Servizi SpA (Veritas) hija kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha, kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

da Silva Passos

Gervasoni

Półtorak

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑24 ta’ Jannar 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.