KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WATHELET
ippreżentati fl-10 ta’ April 2014 (1)
Kawża C‑4/13
Agentur für Arbeit Krefeld — Familienkasse
vs
Susanne Fassbender-Firman
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja)]
“Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikolu 76(2) — Benefiċċji tal-familja — Regoli “antikumulu” — Assenza ta’ talba għal benefiċċji fl-Istat Membru ta’ residenza tal-membri tal-familja — Possibbiltà li jiġu sospiżi l-benefiċċji”
I – Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Jannar 2013 mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar il-pubblikazzjoni [l-applikazzjoni] tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (2), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006 (3), (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).
2. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Agentur für Arbeit Krefeld — Familienkasse (aġenzija tax-xogħol fi Krefeld — fond tal-allowances tal-familja, iktar ’il quddiem il-“Familienkasse”) u S. Fassbender-Firman, dwar ir-revoka tal-għoti ta’ allowances tal-familja b’effett mix-xahar ta’ Lulju 2006 u l-irkupru tal-allowances tal-familja mħallsa bejn ix-xahar ta’ Lulju 2006 u x-xahar ta’ Marzu 2007 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kontenzjuż”).
3. S. Fassbender-Firman u l-konjuġi tagħha għandhom dritt għal allowances tal-familja għall-wild tagħhom fil-Ġermanja u fil-Belġju. Skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1408/71, ir-Renju tal-Belġju, l-Istat Membru ta’ residenza tal-membri ta’ din il-familja, huwa l-ewwel u qabel kollox kompetenti għall-ħlas tal-benefiċċji tal-familja tagħhom sabiex jiġi evitat li dawn jiġu kkumulati b’mod mhux iġġustifikat. Madankollu, għall-perijodu kontenzjuż, S. Fassbender-Firman tħallset allowances tal-familja fil-Ġermanja filwaqt li l-konjuġi tagħha la applika għalihom u lanqas ma rċevihom fil-Belġju.
4. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni jekk, u fejn xieraq, f’liema kundizzjonijiet, fl-assenza ta’ preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja fl-Istat Membru ta’ residenza tal-membri tal-familja (ir-Renju tal-Belġju), l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) għandhiex, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71, setgħa diskrezzjonali tissospendi, sal-ammont previst mil-leġiżlazzjoni Belġjana, il-benefiċċji mħallsa fil-Ġermanja.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
5. L-Artikolu 1(u) tar-Regolament Nru 1408/71 jiddisponi li:
“(i) it-terminu benefiċċju tal-familja jfisser il-benefiċċji kollha in natura u fi flus intenzjonati li jlaħħqu ma’ l-ispejjeż tal-familja taħt il-leġislazzjoni li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikolu 4(1)(h), [...];
(ii) kumpensi tal-familja [allowances tal-familja] jfissru l-benefiċċji perjodiċi fi flus mogħtija esklussivament b’riferenza għan-numru u, fejn meħtieġ, bl-età tal-membri tal-familja”.
6. Skont l-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71, dan japplika għal-leġiżlazzjonijiet kollha dwar l-oqsma ta’ sigurtà soċjali li jikkonċernaw il-benefiċċji tal-familja.
7. L-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, bit-titolu “Persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom li l-membri tal-familji tagħhom jabitaw fi Stat Membru differenti mill-Istat kompetenti”, kien jiddisponi li:
“Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru tkun intitolata, fejn jidħlu l-membri tal-familja tagħha li qegħdin jabitaw fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti mill-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-ewwel, bħallikieku huma kienu jabitaw f’dak l-Istat, suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness VI.”
8. L-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, bit-titolu “Regoli jew [ta’] prijorità fil-każijiet ta’ intitolamenti sovrapposti (overlapping) [kumulu ta’ drittijiet] għall-benefiċċji tal-familja taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti u taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru tar-residenza tal-membri tal-familja”, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali kien jipprevedi li:
“1. Fejn, matul l-istess perjodu, għall-istess membru tal-familja u minħabba t-twettiq ta’ okkupazzjoni, il-benefiċċji tal-familja jkunu pprovduti mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-familja tabita, l-intitolament tal-benefiċċji tal-familja dovuti skond il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, jekk ikun xieraq taħt l-Artikolu 73 jew 74, jiġu sospiżi sa l-ammont ipprovdut fil-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru.
2. Jekk applikazzjoni għall-benefiċċji ma ssirx fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jabitaw il-membri tal-familja, l-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat Membru l-ieħor tista’ tapplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 bħallikieku l-benefiċċji jkunu ngħataw fl-ewwel Stat Membru.”
B – Il-kuntest ġuridiku nazzjonali Ġermaniż fis-seħħ matul il-perijodu kontenzjuż
9. L-Artikolu 65 tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz, iktar ’il quddiem l-“EStG”), bit-titolu “Benefiċċji oħra għall-ulied” jiddisponi li:
“1. Ma għandhomx jitħallsu allowances tal-familja għall-ulied li jibbenefikaw minn xi wieħed mill-benefiċċji li ġejjin jew li kienu jirċievu tali benefiċċju jekk applikazzjoni f’dan is-sens tkun ġiet ippreżentata:
1) allowances għall-ulied dipendenti taħt l-assigurazzjoni għall-inċidenti legali jew supplimenti għall-ulied taħt l-assigurazzjonijiet għall-invalidità‑xjuħija legali;
2) benefiċċji għall-ulied mogħtija barra mill-pajjiż u komparabbli għall-allowances tal-familja jew għal xi wieħed mill-benefiċċji msemmija fil-punt 1;
[...]”
10. Skont l-Artikolu 4 tal-liġi dwar l-allowances tal-familja għall-ulied dipendenti (Bundeskindergeldgesetz, iktar ’il quddiem il-“BKGG”), bit-titolu “Benefiċċji oħra għall-ulied”:
“Ma għandhomx jitħallsu allowances tal-familja għall-ulied li jibbenefikaw minn xi wieħed mill-benefiċċji li ġejjin jew li kienu jirċievu tali benefiċċju jekk applikazzjoni f’dan is-sens tkun ġiet ippreżentata:
1) allowances għall-ulied dipendenti taħt l-assigurazzjoni għall-inċidenti legali jew supplimenti għall-ulied taħt l-assigurazzjonijiet għall-invalidità‑xjuħija legali;
2) benefiċċji għall-ulied mogħtija barra mill-Ġermanja u komparabbli għall-allowances tal-familja jew għal xi wieħed mill-benefiċċji msemmija fil-punt 1;
[...]”
III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11. S. Fassbender-Firman, ta’ nazzjonalità Ġermaniża, u l-konjuġi tagħha, ta’ nazzjonalità Belġjana, kellhom wild fl-1995. S. Fassbender-Firman għandha impjieg il-Ġermanja li għalih huma dovuti kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Il-konjuġi ta’ S. Fassbender-Firman ma baqax qiegħed hekk kif f’Novembru 2006 beda jaħdem għal impriża ta’ xogħol temporanju Belġjana. Il-familja, li kienet tgħix il-Ġermanja, marret tgħix il-Belġju f’Ġunju 2006, fejn bħalissa tirrisjedi. S. Fassbender-Firman kompliet titħallas allowances tal-familja fil-Ġermanja għall-wild tagħha filwaqt li l-konjuġi tagħha la applika għal u lanqas ma rċieva allowances tal-familja fil-Belġju.
12. Meta l-Familienkasse saret taf biċ-ċaqliq tal-familja lejn il-Belġju, din irrevokat l-għoti tal-allowances tal-familja b’effett minn Lulju 2006 u talbet ir-rimbors tal-allowances tal-familja mħallsa minn din id-data u għall-perijodu kontenzjuż kollu. Il-Familienkasse qieset li, għalkemm, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, S. Fassbender-Firman kellha dritt għall-allowances tal-familja għall‑perijodu kontenzjuż, kien hemm dritt ukoll għal allowances tal-familja fil-Belġju. Dan id-dritt, skont il-Familienkasse, kien jammonta għal EUR 77.05 fix-xahar, minn Lulju sa’ Settembru 2006, u għal EUR 78.59 fix-xahar, minn Ottubru 2006 sa’ Marzu 2007. Skont il-Familienkasse, b’applikazzjoni tal-Artikoli 76 sa 79 tar-Regolament Nru 1408/71, id-dritt għall-allowances tal-familja Ġermaniżi kellu jiġi sospiż sal-ammont tal-allowances tal-familja Belġjani u hija kellha tħallas biss id-differenza bejn l-ammonti dovuti fil-Ġermanja u fil-Belġju. Skont il-Familienkasse, il-fatt li ma ġietx ippreżentata applikazzjoni għall-benefiċċju tal-allowances tal-familja previsti fil-Belġju kien irrilevanti fir-rigward tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71, peress li din id-dispożizzjoni għandha preċiżament l-għan li tevita l-evażjoni tas-sistema ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi, stabbilita mir-Regolament Nru 1408/71, permezz tan-nuqqas min-naħa ta’ assigurat li jippreżenta applikazzjoni għall-allowances tal-familja.
13. Il-Finanzgericht (qorti tal-finanzi), li quddiemha S. Fassbender-Firman ressqet il-kawża, iddeċidiet li d-deċiżjoni tal-Familienkasse li tirrevoka u tirkupra l-allowances tal-familja kienet illegali. Din qieset li l-Familienkasse ma eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha mill-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, skont il-Finanzgericht (4), il-konsegwenza legali tat-tnaqqis tal-allowances tal-familja Belġjani — li ma ġewx mitluba — mill-allowances tal-familja Ġermaniżi taqa’, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71, taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Familienkasse, għall-kuntrarju tal-każ skont l-Artikolu 76(1) tal-istess regolament. Fi kliem ieħor, din id-deċiżjoni ma taqax taħt kompetenza limitata. Din qieset li barra minn hekk, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 102 tal-Kodiċi tal-qrati fiskali (Finanzgerichtsordnung), id-deċiżjonijiet diskrezzjonali tal-amministrazzjoni kienu suġġetti biss għal stħarriġ ġudizzjarju limitat.
14. Permezz tal-appell tagħha ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju mis-sentenza tal-Finanzgericht, il-Familienkasse ssostni li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jagħtix lill-amministrazzjoni setgħa diskrezzjonali fis-sens tal-liġi fiskali u soċjali Ġermaniża, fl-evalwazzjoni tal-konsegwenzi legali li tislet mill-fatti. Hija tafferma li l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jinkludi r-regoli fundamentali li jippermettu li jiġu solvuti l-problemi ta’ kumulu ta’ drittijiet għal benefiċċji tal-familja.
15. Skont il-Familienkasse, fil-konfront tal-kawża prinċipali jirriżulta li d-dritt għall-allowances tal-familja Ġermaniżi qed jiġi sospiż sal-ammont tal-allowances tal-familja li S. Fassbender-Firman hija intitolata għalih fl-Istat ta’ residenza. Skont il-Familienkasse, dan ifisser li, għalkemm hemm iċ-ċertezza li jeżisti, bħala prinċipju, dritt għal benefiċċji tal-familja, is-sospensjoni msemmija iktar ’il fuq għandha sseħħ awtomatikament.
16. Fuq din il-bażi, il-Familienkasse tqis li l-kelma “tista’”, użata fl-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71, ma tistax tiġi interpretata li tagħti lill-amministrazzjoni setgħa diskrezzjonali u li, għall-kuntrarju, din tfisser sempliċiment li l-Istat Membru, li l-benefiċċju tiegħu jiġi sospiż, għandu jibqa’ jagħti biss il-parti tal-benefiċċji tal-familja tiegħu, u dan anki jekk ebda applikazzjoni għall-benefiċċji tal-familja ma tkun ġiet ippreżentata fl-Istat Membru ta’ residenza tal-familja.
17. Għall-kuntrarju, S. Fassbender-Firman tqis — bħall-Finanzgericht — li t-tnaqqis tal-allowances tal-familja previsti barra mill-pajjiż jaqa’ taħt setgħa diskrezzjonali tal-Familienkasse skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71.
18. Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jagħti lill-istituzzjoni kompetenti s-setgħa li tiddeċiedi li tapplika jew le l-Artikolu 76(1) ta’ dan ir-regolament fl-assenza ta’ applikazzjoni għal benefiċċji fl-Istat Membru ta’ residenza tal-membri tal-familja, u għalhekk li tissospendi, totalment jew parzjalment, id-dritt għal benefiċċji tal-familja li għandha tħallas. Il-qorti tar-rinviju tqis li b’mod partikolari mill-introduzzjoni tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi regola speċjali applikabbli għall-każ partikolari tal-assenza ta’ preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal benefiċċji fl-Istat Membru ta’ residenza tal-familja. Billi inkluda dan it-tieni paragrafu fl-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlatur ried jirreaġixxi speċifikament għall-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (5), li skontha, meta ebda applikazzjoni għal benefiċċji ma tiġi ppreżentata fl-Istat Membru ta’ residenza tal-familja, id-dritt għall-allowances tal-familja fl-Istat Membru ta’ impjieg ma għandux jiġi sospiż.
19. Il-qorti tar-rinviju tinnota madankollu li, fil-kunċett Ġermaniż, l-użu tal-kelma “tista’” f’test leġiżlattiv jew regolamentari ma jfissirx neċessarjament li tiġi mogħtija setgħa diskrezzjonali lill-amministrazzjoni. Din il-kelma tintuża bħala sempliċi sinonimu ta’ “awtorizzat(a) li” jew “għandu/għandha d-dritt li”. Il-qorti tar-rinviju tqis li, jekk l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jagħti lill-istituzzjoni kompetenti s-setgħa li tiddeċiedi li tapplika jew le l-Artikolu 76(1) ta’ dan ir-regolament fl-assenza ta’ applikazzjoni għal benefiċċji ppreżentata fl-Istat Membru ta’ residenza tal-membri tal-familja, ikun neċessarju li jiġu ppreċiżati l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom l-istituzzjoni għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha. Hija żżid li, jekk l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jagħti setgħa diskrezzjonali lill-istituzzjoni kompetenti, tqum konsegwentement il-kwistjoni tal-portata tas-setgħa ta’ stħarriġ tal-qorti.
20. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesfinanzhof iddeċidiet, għall-finijiet tar-riżoluzzjoni ta’ din il-kawża, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) It-tieni paragrafu tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru tal-impjieg hija libera li tapplika jew le l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 76 ta’ dan ir-regolament meta ebda applikazzjoni għal benefiċċji ma tkun ġiet ippreżentata fl-Istat Membru ta’ residenza tal-membri tal-familja?
2) Fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda, liema huma l-elementi ta’ evalwazzjoni li fuq il-bażi tagħhom l-istituzzjoni tal-Istati Membru tal-impjieg kompetenti fil-qasam tal-benefiċċji tal-familja tista’ tapplika l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 bħallikieku benefiċċji kienu ngħataw fl-Istat Membru tar-residenza tal-membri tal-familja?
3) Fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda, sa fejn id-deċiżjoni diskrezzjonali tal-istituzzjoni kompetenti hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju?”
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
21. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-Repubblika Ellenika u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet mistoqsija bil-miktub lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li din tal-aħħar wieġbet fit-terminu stabbilit.
22. Kienet prevista seduta fil-5 ta’ Marzu 2014. Minbarra mistoqsija lill-Kummissjoni li ġiet mistiedna tagħti t-tweġiba tagħha f’din is-seduta, il-partijiet u l-persuni kkonċernati ġew mistiedna jesprimu ruħhom dwar l-elementi tar-risposta għad-domandi preliminari proposti mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Dawn il-mistoqsijiet saru bit-tama li s-seduta ġġib ċerti elementi ta’ riflessjoni dwar il-preżenza eventwali, b’mod partikolari, tal-partijiet fil-kawża prinċipali u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li ma ppreżentawx osservazzjonijiet bil-miktub.
23. Madankollu, peress li l-Kummissjoni biss uriet ir-rieda tagħha li tipparteċipa, is-seduta ġiet annullata u l-mistoqsija li saritilha għal risposta orali inbidlet f’mistoqsija għal risposta bil-miktub, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Marzu 2014.
V – Analiżi
A – Argumenti
1. Fuq l-ewwel domanda preliminari
24. Ir-Repubblika Ellenika tqis li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 ma għandux jiġi interpretat fis-sens li l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ta’ impjieg hija libera li tapplika jew le l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1408/71, meta ebda applikazzjoni għal benefiċċji ma tkun ġiet ippreżentata fl-Istat Membru ta’ residenza tal-membri tal-familja. Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina kemm il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali kif ukoll l-ammont u t-tul tal-għoti tagħhom (6).
25. Għaldaqstant, skont ir-Repubblika Ellenika, jekk l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jkoprix ipso jure l-projbizzjoni ta’ kumulu fl-eżerċizzju tad-dritt għal benefiċċji tal-familja fis-sitwazzjonijiet fejn ma tkun saret ebda applikazzjoni fl-Istat Membru ta’ residenza tal-membri tal-familja, xejn, f’din id-dispożizzjoni, ma jipprojbixxi lill-Istat Membru ta’ impjieg li jsolvi direttament il-kwistjoni billi jagħmel għażla leġiżlattiva ta’ kwalunkwe waħda mill-possibbiltajiet.
26. Il-Kummissjoni tqis li l-formulazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 u, b’mod partikolari, l-użu tal-kelma “tista’” jindikaw li l-Artikolu 76(2) ta’ dan ir-regolament jikkostitwixxi dispożizzjoni ta’ awtorizzazzjoni. Skont il-Kummissjoni, il-fatt li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 jippermettu li jiġu previsti diversi “kriterji” jitlob awtorizzazzjoni tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni tosserva li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta wkoll, kemm fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83), fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir-Regolament (KE) Nru 118/97, dispożizzjonijiet dwar il-benefiċċji tal-familja li ma jħallu ebda għażla għall-istituzzjonijiet ikkonċernati. L-użu tal-kelma “tista’” fl-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 għandu, għall-kuntrarju, ifisser neċessarjament li l-konsegwenza legali prevista ma hijiex awtomatika.
27. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dritt tal-persuni taxxabbli għal benefiċċji tal-familja ma jistax jiddependi mis-setgħa diskrezzjonali tal‑amministrazzjoni iżda dawn għandhom ikunu rregolati b’mod ċar u mhux ekwivoku mil-leġiżlaturi tal-Istati Membri. Hija tqis li deċiżjoni diskrezzjonali fil-fatt ma hijiex possibbli minħabba l-kriterji li għandhom jiggwidaw lill-amministrazzjoni. La huwa mixtieq u lanqas previst li, fil-perspettiva ta’ politika tal-familja, il-kwistjoni importanti tal-għajnuna għall-familji titħalla għas-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni.
28. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja benefiċċju jista’ jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali sa fejn il-benefiċċju inkwistjoni jingħata lill-benefiċjarji, irrispettivament minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni iddefinita legalment u fejn dan ikun relatat ma’ wieħed mir-riskji indikati espressament fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71. Skont il-Kummissjoni, jekk il-benefiċċju għandu jkun previst fil-leġiżlazzjoni, dan għandu japplika wkoll għal tnaqqis eventwali, li ma jistax jaqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni tal-Istat Membru.
29. Fir-risposta tagħha għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni indikat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija ma kellhiex informazzjoni preċiża dwar l-intenzjonijiet li kellu l-leġiżlatur fir-rigward tal-inklużjoni tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71. Il-proposta tal-Kummissjoni intiża li jiġi emendat ir-Regolament Nru 1408/71 - [COM(88) 27 final], li hija ppreżentat lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-5 ta’ Frar 1988, ma kinitx tinkludi l-emenda ta’ dan l-Artikolu 76, li kienet ġiet adottata sussegwentement mill-Kunsill. Il-Kummissjoni tassumi li, b’din l-emenda, il-Kunsill ried jirreaġixxi għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti u, b’mod partikolari, għas-sentenzi Salzano (EU:C:1984:343), Ferraioli (EU:C:1986:168) u Kracht (EU:C:1990:279). Il-Kummissjoni ma wiġbitx għad-domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk il-leġiżlatur riedx jagħti lill-istituzzjoni kompetenti l-possibbiltà li tapplika direttament l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1408/71 billi għażlet li tirrepeti, fil-parti l-kbira, l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tieni domanda preliminari. Hija żiedet li regola ta’ prijorità obbligatorja li teskludi l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni każ b’każ tikkostitwixxi limitazzjoni sproporzjonata tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema.
2. Fuq it-tieni domanda preliminari
30. Il-Kummissjoni, li hija biss ippreżentat osservazzjonijiet dwar din id-domanda, tqis li, qabel ma l-istituzzjoni kompetenti tissospendi l-ħlasijiet tagħha jew, bħal f’dan il-każ, tillimitahom għall-ammont tad-differenza bejn l-ogħla benefiċċju tagħha u l-inqas benefiċċju tal-Istat ta’ residenza, din għandha tiżgura li jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, hija għandha tinforma lill-ġenituri u, b’mod partikolari, lill-ġenitur li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha li dan tal-aħħar għandu dritt għal benefiċċji tal-familja fl-Istat Membru ta’ residenza. It-tieni nett, hija għandha tiżgura li d-dritt għall-benefiċċji tal-familja jeżisti għall-inqas bħala prinċipju fl-Istat Membru ta’ residenza. It-tielet nett, hija għandha tagħti lill-ġenituri intitolati għad-dritt żmien sabiex iwettqu l-formalitajiet neċessarji skont id-dispożizzjonijiet tal-Istat Membru ta’ residenza, b’mod partikolari sabiex jippreżentaw applikazzjoni korrispondenti. Ir-raba’ nett, hija għandha jkollha informazzjoni preċiża dwar il-kundizzjonijiet għall-ksib tad-dritt u l-ammont tiegħu fl-Istat Membru ta’ residenza għaliex fl-assenza ta’ tali informazzjoni, ikun impossibbli li tiġi kkalkulata b’mod korrett id-differenza bejn iż-żewġ ammonti. Huwa biss ladarba dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati u jekk madankollu tibqa’ tippersisti assenza ta’ applikazzjoni fl-Istat Membru ta’ residenza li l-istituzzjoni kompetenti tkun tista’ tuża l-awtorizzazzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71. Skont il-Kummissjoni, idealment, il-kundizzjonijiet preċedenti kollha għandhom jiġu inklużi fil-liġi tal-Istat Membru kompetenti.
3. Fuq it-tielet domanda preliminari
31. Ħadd ma ppreżenta osservazzjonijiet dwar din id-domanda.
B – Evalwazzjoni
1. Osservazzjonijiet preliminari dwar il-leġiżlazzjoni inkwistjoni
32. Id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 (7) u, b’mod iktar partikolari, dwar il-kwistjoni jekk din id-dispożizzjoni tagħtix lill-istituzzjoni kompetenti setgħa diskrezzjonali li tapplika jew le r-regola “antikumulu” prevista fl-Artikolu 76(1) ta’ dan ir-regolament jekk ikun hemm assenza ta’ preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-benefiċċji fl-Istat Membru ta’ residenza tal-membri tal-familja.
33. Għandu jiġi nnotat li r-Regolament Nru 1408/71 ġie ssostitwit mir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), li beda japplika mill-1 ta’ Mejju 2010, l-istess data minn meta ma baqax japplika r-Regolament Nru 1408/71. Peress li madankollu l-fatti tal-kawża prinċipali jippreċedu d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004, ir-Regolament Nru 1408/71 jibqa’ japplika ratione temporis għal din il-kawża. Ninnota wkoll li, peress li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 ma ġiex inkorporat fir-Regolament Nru 883/2004, l-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju jkollha biss utilità limitata ħafna fil-futur.
34. Ir-regoli ta’ prijorità f’każ ta’ kumulu ta’ benefiċċji tal-familja bħalissa huma previsti fl-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 883/2004 li t-tieni paragrafu tiegħu jipprevedi b’mod partikolari li, fil-każ ta’ kumulu ta’ drittijiet, il-benefiċċji tal-familja għandhom jingħataw b’mod prijoritarju skont il-leġiżlazzjoni indikata u d-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja dovuti, skont il-leġiżlazzjoni jew il-leġiżlazzjonijiet l-oħra inkwistjoni, għandhom jiġu sospiżi sal-ammont stabbilit mill-ewwel leġiżlazzjoni u għandhom jingħataw, fejn xieraq, fi forma ta’ suppliment differenzjali għas-somma li taqbeż dan l-ammont. L-Artikolu 68(3) tal-istess regolament jipprevedi li, jekk tiġi ppreżentata applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja lill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija applikabbli iżda ma hijiex prijoritarja, din l-istituzzjoni għandha tittrażmetti l-applikazzjoni mingħajr dewmien lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija applikabbli u prijoritarja, tinforma lill-persuna kkonċernata, u tagħti, fejn xieraq, is-suppliment differenzjali previst fl-imsemmi tieni paragrafu. Barra minn hekk, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija applikabbli u prijoritarja għandha tittratta din l-applikazzjoni bħallikieku ġiet ippreżentata lilha direttament u d-data li fiha ġiet ippreżentata tali applikazzjoni lill-ewwel istituzzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala d-data ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni lill-istituzzjoni prijoritarja.
35. Qabel ma nagħti risposta għad-domandi li saru mill-qorti tar-rinviju, naħseb li jkun utli li nfakkar id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1408/71 applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali.
2. Tfakkir tad-dispożizzjonijiet applikabbli għal din il-kawża
36. Skont l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, il-persuna li, bħal S. Fassbender-Firman, ikollha impjieg fit-territorju ta’ Stat Membru (f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat anki jekk tirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (8) (f’dan il-każ ir-Renju tal-Belġju). S. Fassbender-Firman għalhekk kienet suġġetta għad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż għall-finijiet tas-sigurtà soċjali. Skont l-Artikolu 73 tar-Regolament 1408/71, persuna impjegata suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jkollha dritt, fil-konfront tal-membri tal-familja tagħha li jirrisjedu fit‑territorju ta’ Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja previsti mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat, bħallikieku huma jirrisjedu fit-territorju tiegħu (9). Jirriżulta li S. Fassbender-Firman kellha dritt għall-benefiċċji tal-familja Ġermaniżi għall-wild tagħha matul il-perijodu kontenzjuż.
37. Barra minn hekk, il-konjuġi ta’ S. Fassbender-Firman kien jissodisfa, matul il-perijodu kontenzjuż u għall-istess wild, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Belġjana l-ewwel nett peress li kien qiegħed u ngħata benefiċċju għal dan u, it-tieni nett, minħabba l-attività professjonali tiegħu fil-Belġju.
38. L-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 jinkludi, skont it-titolu stess tiegħu, “[r]egoli jew [ta’] prijorità fil-każijiet ta’ intitolamenti sovrapposti (overlapping) [kumulu ta’ drittijiet] għall-benefiċċji tal-familja taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti u taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru tar-residenza tal-membri tal-familja”. Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din għandha bħala għan il-kumulu ta’ drittijiet għall-benefiċċji tal-familja dovuti skont, minn naħa, b’mod partikolari, l-Artikolu 73 ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat ta’ residenza tal-membri tal-familja li tagħti dritt għall-benefiċċji tal-familja minħabba l-eżerċizzju ta’ attività professjonali (10).
39. Fid-dawl tal-fatt li l-applikazzjoni parallela tal-leġiżlazzjonijiet tas-sigurtà soċjali Ġermaniżi u Belġjani inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħet twassal għal kumulu ta’ drittijiet għal benefiċċji tal-familja u għalhekk għal kumpens żejjed tal-ispejjeż tal-familja (11), billi S. Fassbender-Firman u l-konjuġi tagħha kellhom dritt għal benefiċċji tal-familja minħabba l-attivitajiet professjonali rispettivi tagħhom fil-Ġermanja u l-Belġju, id-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja tagħhom għandhom jiġu indirizzati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet “antikumulu” previsti fl-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71.
40. Skont l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu 76, il-fatt li l-konjuġi ta’ S. Fassbender-Firman kien jeżerċita attività professjonali fl-Istat Membru ta’ residenza tal-membri tal-familja jissospendi, bħala prinċipju, id-dritt għall-benefiċċji tal-familja previsti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża sal-ammont tal-benefiċċji tal-familja previsti mil-leġiżlazzjoni Belġjana (12). Fil-fatt, huwa r-Renju tal-Belġju li huwa kompetenti b’mod prijoritarju għall-ħlas tal-benefiċċji tal-familja inkwistjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha, fejn xieraq, tħallas suppliment differenzjali.
41. Madankollu, għandu jitfakkar li, fil-kawża prinċipali, il-konjuġi ta’ S. Fassbender-Firman la kien ippreżenta applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja fil-Belġju għall-perijodu kontenzjuż u lanqas ma rċieva dawn il-benefiċċji. Ir-raġunijiet għal dan in-nuqqas ma ġewx ikkomunikati lill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, ma nafx jekk il-benefiċċji Belġjani għall-perijodu kontenzjuż jibqgħux dovuti lill-konjuġi ta’ S. Fassbender-Firman fil-każ ta’ applikazzjoni min-naħa tiegħu jew jekk tali applikazzjoni tardiva hijiex preskritta. In-nuqqas ta’ informazzjoni f’din il-kawża ġie enfasizzat, u saħansitra aggravat, mill-fatt li la l-Familienkasse, la S. Fassbender-Firman, la r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lanqas ir-Renju tal-Belġju ma ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub jew urew ir-rieda tagħhom li jipparteċipaw fis-seduta prevista mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan in-nuqqas ta’ interess tal-partijiet fil-kawża prinċipali u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jista’ jkun dovut għaż-żmien li għadda minn fuq il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jmorru lura għas-snin 2006 u 2007, għas-somom żgħar ħafna inkwistjoni u għall-fatt li d-dispożizzjoni li l-interpretazzjoni tagħha ġiet mitluba mill-qorti tar-rinviju ma għadhiex fis-seħħ sa mill-1 ta’ Mejju 2010 u ma ġietx riprodotta fir-Regolament Nru 883/2004.
3. Interpretazzjoni tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71
42. Minn ġurisprudenza stabbilita dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta li, sabiex il-benefiċċji tal-familja jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati li huma dovuti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, il-liġi ta’ dan l-Istat trid tirrikonoxxi d-dritt għall-ħlas tal-benefiċċji lil membru tal-familja li jaħdem f’dan l-Istat. Għalhekk huwa neċessarju li l-persuna kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha, kemm ta’ forma kif ukoll ta’ sustanza, imposti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat sabiex tkun tista’ teżerċita dan id-dritt, fosthom, fejn xieraq, il-kundizzjoni li tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni preċedenti fid-dawl tal-ħlas ta’ benefiċċji simili (13).
43. Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Ragazzoni (134/77, EU:C:1978:88), il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li dan l-Artikolu 76(1) kien jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 73 tal-istess regolament u li din id-dispożizzjoni kellha biss l-għan li tillimita l-possibbiltà ta’ kumulu (14). Is-sospensjoni tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja dovuti fl-Istat Membru ta’ impjieg hija għalhekk imposta biss jekk fil-fatt ikun hemm kumulu ma’ dawk tal-Istat Membru ta’ residenza tal-membri tal-familja, li jippresupponi li dawn ikunu fil-fatt tħallsu u għalhekk saret applikazzjoni għalihom f’dan l-Istat (15).
44. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1408/71, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt ta’ S. Fassbender-Firman għal benefiċċji tal-familja fil-Ġermanja skont l-Artikolu 73 ta’ dan ir-regolament ma kellux jiġi sospiż, peress li ma tħallsux (16) benefiċċji tal-familja fil-Belġju, l-Istat Membru ta’ residenza tal-membri tal-familja, għaliex ma saritx applikazzjoni għalihom hemmhekk (17).
45. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, inkluż permezz tar-Regolament Nru 3427/89, jemenda din il-konklużjoni?
46. Skont il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, meta ma ssirx preżentazzjoni ta’ applikazzjoni fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jirrisjedu l-membri tal-familja, “l-istituzzjoni kompetenti” tal-Istat Membru l-ieħor “tista’” tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1408/71 u, għalhekk, tissospendi d-dritt għall-allowances tal-familja dovuti f’dan l-aħħar Stat Membru sal-ammont previst mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tal‑membri tal-familja, bħallikieku dawn il-benefiċċji ġew mogħtija f’dan l-aħħar Stat.
47. Għall-kuntrarju tal-argumenti mressqa mill-Familienkasse quddiem il-qorti tar-rinviju, nikkunsidra li l-użu tal-kelma “tista’” f’din id-dispożizzjoni jindika biċ-ċar li s-sospensjoni tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja dovuti fl-Istat Membru ta’ impjieg ma hijiex imperattiva. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jawtorizza iżda ma jimponix tali sospensjoni.
48. Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta b’mod mhux ekwivoku li dan l-artikolu jirrikonoxxi l-possibbiltà ta’ tali sospensjoni anki fl-assenza ta’ kumulu effettiv tal-benefiċċji.
49. Din id-dispożizzjoni tippermetti għalhekk li ħaddiem migrant jew l-aventi kawża tiegħu jiġu mċaħħda mid-dritt għall-benefiċċji mogħtija skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bil-konsegwenza li dawn jirċievu ammont ta’ benefiċċji tal-familja iktar baxx mill-ammont previst mil-leġiżlazzjoni kemm tal-Istat Membru ta’ impjieg kif ukoll tal-Istat Membru ta’ residenza tal-membri tal-familja (18). Tali deroga, fl-opinjoni tiegħi, għandha interpretazzjoni stretta, li tiġġustifika li ma tistax tkun imperattiva.
50. F’dan l-istadju, jeħtieġ li jiġi eżaminat min jista’ jeżerċita din il-fakultà u f’liema kundizzjonijiet. Nikkunsidra li dawn il-kwistjonijiet huma marbuta u għandhom jiġu analizzati fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita li tiddisponi li benefiċċju tas-sigurtà soċjali fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jingħata lill-benefiċjarji irrispettivament minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali tagħhom, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment u għandu jirrigwarda wieħed mir-riskji indikati espressament fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (19).
51. Ir-rekwiżit li jingħataw benefiċċji tal-familja fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment jimplika li mhux biss il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-għoti tagħhom, iżda anki, fejn xieraq, is-sospensjoni tagħhom għandhom ikunu ddefiniti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kompetenti, u, b’mod partikolari fil-każ inkwistjoni, tal-Istat Membru ta’ impjieg. Ninnota, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 1408/71 jiddisponi li “leġislazzjoni tfisser fejn jidħlu l-Istatuti ta’ kull Stat Membru, ir-Regolamenti u dispożizzjonijiet oħra u l‑miżuri l-oħra kollha implimentati, preżenti u futuri, marbutin mal-friegħi ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali koperti bl-Artikolu 4(1) […]”.
52. Konsegwentement, l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jikkostitwixxi fid-dritt tal-Unjoni, skont l-osservazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju u tal-Kummissjoni f’din il-kawża, dispożizzjoni ta’ awtorizzazzjoni. Din l-awtorizzazzjoni tawtorizza lill-“Istat Membru ta’ impjieg” (20) jipprevedi fil-leġiżlazzjoni tiegħu s-sospensjoni mill-istituzzjoni kompetenti tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja jekk applikazzjoni sabiex jinkisbu dawn il-benefiċċji ma tkunx ġiet ippreżentata fl-Istat Membru ta’ residenza tal-membri tal-familja. Min dan jirriżulta li l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ta’ impjieg ma tistax tapplika l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1408/71 meta ma tkun ġiet ippreżentata ebda applikazzjoni għal benefiċċji fl-Istat Membru ta’ residenza tal-membri tal-familja, ħlief jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg ma tipprevedix b’mod espliċitu u mhux ekwivoku tali possibbiltà.
53. Fil-fatt, dispożizzjonijiet ta’ dan it-tip biss jistgħu jiżguraw informazzjoni minima għall-pubbliku. Kif tinnota tajjeb il-Kummissjoni, id-dritt tal-persuni taxxabbli għal benefiċċji tal-familja ma jistax jiddependi mis-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni kompetenti.
54. Ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza jimponi li l-ħaddiema migranti jew l-aventi kawża tagħhom jibbenefikaw minn sitwazzjoni legali ċara u preċiża li tippermettilhom ikunu jafu mhux biss id-drittijiet kollha tagħhom iżda wkoll, fejn xieraq, il-limitazzjonijiet tagħhom (21).
4. Fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni
55. Jeħtieġ neżamina fil-qosor il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikolu 65 tal-EStG u l-Artikolu 4 tal-BKGG josservawx il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71.
56. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinnota essenzjalment li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Hudzinski u Wawrzyniak (C‑611/10 u C‑612/10, EU:C:2012:339), l-Artikolu 65 tal-EStG u l-Artikolu 4 tal-BKGG ġew interpretati u applikati b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni. Is-sospensjoni kif ukoll il-ħlas tad-differenza eventwali bejn l-allowances tal-familja barranin iktar baxxi u l-allowances tal-familja nazzjonali ogħla huma msemmija b’mod ċar. Dan l-Istat Membru jqis li l-istituzzjoni kompetenti ma għandha ebda setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward.
57. Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, nikkunsidra li mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 65 tal-EStG u l-Artikolu 4 tal-BKGG jissodisfaw il-kriterji ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza mitluba fid-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi eżerċitata l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 u jiżguraw li eventwalment jitħallas suppliment differenzjali (22).
5. Fuq ir-rekwiżit eventwali ta’ kundizzjonijiet supplimentari għas-sospensjoni
58. Nerġa’ mmur lura għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għandhom, skont din, jiġu ssodisfatti qabel ma l-benefiċċji tal-familja jiġu sospiżi skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 (23).
59. Fl-opinjoni tiegħi, il-kundizzjonijiet deskritti b’dettall kbir mill-Kummissjoni huma parzjalment ispirati mill-kliem tal-Artikolu 68(3) tar-Regolament Nru 883/2004 (24) li huwa intiż li jissalvagwardja d-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja dovuti fl-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija applikabbli u prijoritarja, meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għal dawn il-benefiċċji lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru mhux prijoritarja.
60. Għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kundizzjonijiet preċiżi proposti mill-Kummissjoni huma nieqsa b’mod ċar mit-test tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 u ma jistgħux iwasslu sabiex jillimitaw b’mod retroattiv l-awtorizzazzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni.
61. Biex nikkonkludi, jiena tal-opinjoni li l-istituzzjoni kompetenti ma għandha ebda setgħa diskrezzjonali fid-deċiżjoni dwar jekk jiġux sospiżi jew le l-benefiċċji tal-familja skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71. Din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Istat Membru ta’ impjieg jipprevedi fil-leġiżlazzjoni tiegħu s-sospensjoni mill-istituzzjoni kompetenti tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja jekk applikazzjoni sabiex jinkisbu dawn il-benefiċċji ma tkunx ġiet ippreżentata fl-Istat Membru ta’ residenza tal-membri tal-familja. Il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg għandha tillimita b’mod ċar l-użu ta’ din il-possibbiltà. Inqis li l-evalwazzjoni “każ b’każ” proposta mill-Kummissjoni fit-tweġiba bil-miktub tagħha għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja (25) mhux talli tikkontradixxi l-osservazzjonijiet bil-miktub preċedenti tagħha dwar l-assenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni kompetenti f’dan il-qasam (26), iżda tmur kontra wkoll il-kunċett innifsu ta’ benefiċċju tas-sigurtà soċjali fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 (27).
62. Nikkunsidra li, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, u b’mod partikolari fl-assenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni kompetenti f’dan il-qasam, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju.
VI – Konklużjoni
63. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Bundesfinanzhof kif ġej:
L-istituzzjoni kompetenti ma għandha ebda setgħa diskrezzjonali fid-deċiżjoni dwar jekk jiġux sospiżi jew le l-benefiċċji tal-familja skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar il-pubblikazzjoni [l-applikazzjoni] tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006. Din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Istat Membru ta’ impjieg jipprevedi fil-leġiżlazzjoni tiegħu s-sospensjoni mill-istituzzjoni kompetenti tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja jekk applikazzjoni sabiex jinkisbu dawn il-benefiċċji ma tkunx ġiet ippreżentata fl-Istat Membru ta’ residenza tal-membri tal-familja. Il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg għandha tillimita b’mod ċar l-użu ta’ din il-possibbiltà.