Language of document : ECLI:EU:C:2014:2344

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

6 ta’ Novembru 2014 (*)

“Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Benefiċċji tal-familja — Regoli fil-każ ta’ kumulu ta’ drittijiet għal benefiċċji tal-familja”

Fil-Kawża C‑4/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Jannar 2013, fil-proċedura

Agentur für Arbeit Krefeld – Familienkasse

vs

Susanne Fassbender-Firman,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur), E. Juhász, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Grieg, minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar il-pubblikazzjoni [l-applikazzjoni] tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 308, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Agentur für Arbeit Krefeld – Familienkasse (aġenzija tax-xogħol fi Krefeld — fond tal-benefiċċji tal-familja, iktar ’il quddiem il-“Familienkasse”) u S. Fassbender-Firman, residenta Belġjana li għandha impjieg fil-Ġermanja, dwar talba għar-rimbors tal-allowances tal-familja mħallsa lil din tal-aħħar mill-Familienkasse.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Taħt it-titolu “Regoli ġenerali”, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi:

“1. Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu[.]

2. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 14 sa 17:

(a) ħaddiem impjegat fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri għandu jkun soġġett għal-leġislazzjoni ta’ dan l-Istat saħansitra jekk ikun jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew l-uffiċċju reġistrat jew tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegawh jinsab fit-territorju ta' Stat Membru ieħor;

[...]”

4        L-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi:

“Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru tkun intitolata, fejn jidħlu l-membri tal-familja tagħha li qegħdin jabitaw fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti mill-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-ewwel, bħallikieku huma kienu jabitaw f’dak l-Istat, suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness VI.”

5        L-Artikolu 76 ta’ dan ir-regolament huwa redatt kif ġej:

“1.      Fejn, matul l-istess perjodu, għall-istess membru tal-familja u minħabba t-twettiq ta’ okkupazzjoni, il-benefiċċji tal-familja jkunu pprovduti mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-familja tabita, l-intitolament tal-benefiċċji tal-familja dovuti skond il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, jekk ikun xieraq taħt l-Artikolu 73 jew 74, jiġu sospiżi sa l-ammont ipprovdut fil-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru.

2.      Jekk applikazzjoni għall-benefiċċji ma ssirx fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jabitaw il-membri tal-familja, l-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat Membru l-ieħor tista’ tapplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 bħallikieku l-benefiċċji jkunu ngħataw fl-ewwel Stat Membru.”

6        L-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83), fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir-Regolament (KE) Nru 118/97 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 574/72”), jipprovdi:

“a)      L-intitolament għall-benefiċċji jew allowances tal-familja dovuti taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, skond liema l-akkwist tad-dritt għal dawk il-benefiċċji jew allowances mhux suġġett għall-kondizzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni, l-impjieg jew l-impjieg għar-ras [bħala persuna li taħdem għal rasha], ikun sospiż meta, waqt l-istess perjodu u għall-istess membru tal-familja, il-benefiċċji huma dovuti biss insegwitu għal-leġislazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor jew fl-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 73, 74, 77 jew 78 tar-Regolament [Nru 1408/71], sas-somma ta’ dawk il-benefiċċji.

b)      Madanakollu, fejn attività professjonali jew kummerċjali titwettaq fit-territorju ta’ l-ewwel Stat Membru:

i)      fil-każ tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni biss ta’ Stat Membru ieħor jew taħt l-Artikoli 73 jew 74 tar-Regolament lill-persuna intitolata għall-benefiċċji tal-familja jew lill-persuna li lilha għandhom jitħallsu, id-dritt tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor biss jew taħt dawn l-Artikoli jkunu sospiżi sas-somma tal-benefiċċji tal-familja pprovdut għalihom mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qiegħed jabita. L-ispiża tal-benefiċċji mħallsa mill-Istati Membri li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qed jabita jitħallsu minn dak l-Istat Membru;

[...]”

7        Għandu jiġi osservat, minn naħa, li r-Regolament Nru 1408/71 ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad‑29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), u, min-naħa l-oħra, li r-Regolament Nru 574/72 ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ĠU L 284, p. 1), fejn dawn ir-regolamenti l-ġodda saru applikabbli fl‑1 ta’ Mejju 2010, skont l-Artikolu 91 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 987/2009. Madankollu, fid-dawl taż-żmien meta seħħew il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn jibqgħu rregolati bir-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72.

 Id-dritt Ġermaniż

8        Il-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, tipprovdi, fl-Artikolu 65 tagħha, bit-titolu “Benefiċċji oħra għall-ulied”:

“1.      Ma għandhomx jitħallsu allowances tal-familja għall-ulied li jibbenefikaw minn xi wieħed mill-benefiċċji li ġejjin jew li kienu jirċievu tali benefiċċju jekk applikazzjoni f’dan is-sens tkun ġiet ippreżentata:

1)      allowances għall-ulied dipendenti taħt l-assigurazzjoni għall-inċidenti legali jew supplimenti għall-ulied taħt l-assigurazzjonijiet għall-invalidità xjuħija legali;

2)      benefiċċji għall-ulied mogħtija barra mill-pajjiż u komparabbli għall-allowances tal-familja jew għal xi wieħed mill-benefiċċji msemmija fil-punt 1;

[...]”

9        Il-liġi dwar l-allowances tal-familja għall-ulied dipendenti (Bundeskindergeldgesetz), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, tipprovdi, fl-Artikolu 4 tagħha, bit-titolu “Benefiċċji oħra għall-ulied”:

“Ma għandhomx jitħallsu allowances tal-familja għall-ulied li jibbenefikaw minn xi wieħed mill-benefiċċji li ġejjin jew li kienu jirċievu tali benefiċċju jekk applikazzjoni f’dan is-sens tkun ġiet ippreżentata:

1)      allowances għall-ulied dipendenti taħt l-assigurazzjoni għall-inċidenti legali jew supplimenti għall-ulied taħt l-assigurazzjonijiet għall-invalidità xjuħija legali;

2)      benefiċċji għall-ulied mogħtija barra mill-Ġermanja u komparabbli għall-allowances tal-familja jew għal xi wieħed mill-benefiċċji msemmija fil-punt 1;

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      S. Fassbender-Firman, ta’ nazzjonalità Ġermaniża, u l-konjuġi tagħha, ta’ nazzjonalità Belġjana, kellhom wild fl-1995. Il-familja, li kienet tgħix il-Ġermanja, marret tgħix il-Belġju f’Ġunju 2006 u bħalissa tirrisjedi f’dan l-Istat Membru. S. Fassbender-Firman għandha impjieg il-Ġermanja li għalih huma dovuti kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Il-konjuġi tagħha ilu minn Novembru 2006 jaħdem għal impriża ta’ xogħol temporanju Belġjana u qabel kien qiegħed.

11      S. Fassbender-Firman dejjem irċeviet allowances tal-familja fil-Ġermanja għall-wild tagħha. Il-konjuġi tagħha ma applikax għall-ħlas ta’ tali allowances fil-Belġju u għaldaqstant lanqas ma rċevihom.

12      Meta l-Familienkasse saret taf biċ-ċaqliq tal-familja lejn il-Belġju, din irrevokat l-għoti tal-allowances tal-familja lil S. Fassbender-Firman b’effett minn Lulju 2006 u talbet ir-rimbors tal-allowances tal-familja mħallsa lilha bejn Lulju 2006 u Marzu 2007 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kontenzjuż”).

13      Fil-kuntest ta’ rikors amministrattiv ippreżentat minn S. Fassbender-Firman, il-Familienkasse qieset li għalkemm, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, S. Fassbender-Firman kellha dritt għall-allowances tal-familja għall-perijodu kontenzjuż, kien hemm dritt ukoll għal dawn l-allowances fil-Belġju. Dan id-dritt, skont il-Familienkasse, kien jammonta għal EUR 77.05 fix-xahar, minn Lulju sa’ Settembru 2006, u għal EUR 78.59 fix-xahar, minn Ottubru 2006 sa’ Marzu 2007. Skont il-Familienkasse, b’applikazzjoni tal-Artikoli 76 sa 79 tar-Regolament Nru 1408/71, id-dritt għall-allowances tal-familja Ġermaniżi kellu jiġi sospiż sal-ammont tal-allowances tal-familja Belġjani u setgħet titħallas biss id-differenza bejn l-ammonti dovuti fil-Ġermanja u fil-Belġju. Il-Familienkasse ppreċiżat li l-fatt li ma ġietx ippreżentata applikazzjoni sabiex wieħed jibbenefika mill-allowances tal-familja previsti fil-Belġju kien irrilevanti fir-rigward tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni għandha preċiżament l-għan li tevita l-evażjoni tas-sistema ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi, stabbilita mir-Regolament Nru 1408/71, permezz tan-nuqqas min-naħa ta’ persuna assigurata li tippreżenta applikazzjoni għal allowances tal-familja.

14      Il-Finanzgericht, li quddiemha S. Fassbender-Firman ressqet il-kawża, iddeċidiet li din id-deċiżjoni tal-Familienkasse li tirrevoka u tirkupra l-allowances tal-familja inkwistjoni kienet illegali.

15      Fil-fatt, din il-qorti ddeċidiet li, għalkemm il-kundizzjonijiet ta’ fatt stabbiliti mid-dispożizzjonijiet applikabbli sabiex l-allowances tal-familja Ġermaniżi jingħataw biss parzjalment kienu ċertament issodisfatti, il-Familienkasse ma kinitx madankollu eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha mill-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71, peress li l-Artikolu 76 huwa d-dispożizzjoni antikumulu rilevanti sa fejn kienu involuti drittijiet li jirriżultaw minn diversi impjiegi. Il-Familienkasse ħassitha żbaljatament obbligata tnaqqas l-allowances tal-familja Belġjana u, għaldaqstant, aġixxiet b’mod illegali.

16      Skont il-Finanzgericht, id-deċiżjoni li mill-ammont tal-allowances tal-familja Ġermaniżi jitnaqqas l-ammont tal-allowances li ngħata fil-Belġju taqa’, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71, taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni. Il-Finanzgericht għaldaqstant qieset li, f’tali sitwazzjoni, il-Familienkasse ma kinitx qed taġixxi fil-kuntest ta’ kompetenza limitata.

17      Permezz tal-appell tagħha ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju mis-sentenza tal-Finanzgericht, il-Familienkasse ssostni li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 ma għandux jinftiehem bħala li jagħti lill-amministrazzjoni setgħa diskrezzjonali, fis-sens tal-liġi fiskali u soċjali Ġermaniża, fl-evalwazzjoni tal-konsegwenzi legali li tislet mill-fatti. L-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jinkludi regoli fundamentali li jippermettu li jiġu solvuti l-problemi ta’ kumulu ta’ drittijiet għal benefiċċji tal-familja. Minn dawn ir-regoli jirriżulta li d-dritt għall-allowances tal-familja Ġermaniżi huwa sospiż sal-ammont tal-allowances tal-familja li S. Fassbender-Firman hija intitolata għalih fl-Istat ta’ residenza tagħha, sa fejn il-ħlas ta’ tali benefiċċji huwa previst fil-każ ta’ attività professjonali. Dan ifisser li ċertament jeżisti, bħala prinċipju, dritt għal benefiċċji tal-familja, iżda li dan ma huwiex fil-fatt obligatorjament eżerċitat. Issa, anki jekk dan huwa dritt li jista’ ma jiġix eżerċitat, is-sospensjoni, min-naħa tagħha, isseħħ awtomatikament.

18      Fuq din il-bażi, il-Familienkasse tqis li l-kelma “tista’”, użata fl-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71, li jipprevedi l-possibbiltà li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 76(1), ma tistax tiġi interpretata li tagħti lill-amministrazzjoni setgħa diskrezzjonali u li din tfisser sempliċement li l-Istat Membru, li l-benefiċċju tiegħu jiġi sospiż, għandu jibqa’ jagħti biss il-parti tal-benefiċċji tal-familja tiegħu, u dan anki jekk ebda applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja ma tkun ġiet ippreżentata fl-Istat Membru ta’ residenza tal-familja.

19      Il-Familienkasse żżid li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jippermetti li jiġi evitat li, għal raġunijiet ta’ ekwità fit-tqassim tal-ispiża tal-benefiċċji tal-familja, persuna li għandha dritt għal benefiċċji tal-familja tkun tista’ tiddeċiedi, billi tippreżenta jew billi tastjeni milli tippreżenta applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja, liema Stat Membru għandu jbati l-ispiża tal-ħlas ta’ tali benefiċċji.

20      Min-naħa l-oħra, S. Fassbender-Firman tqis li d-deċiżjoni tal-Finanzgericht hija fondata. Mill-kliem tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 hija tiddeduċi li l-amministrazzjoni ta’ Stat Membru tgawdi minn setgħa diskrezzjonali fir-rigward ta’ jekk tnaqqasx jew le, mill-ammont tal-benefiċċji tal-familja li hija tagħti, l-ammont tal-benefiċċji li jkunu mħallsa minn Stat Membru ieħor. Fil-kuntest ta’ din is-setgħa diskrezzjonali għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li jiġi rrifjutat li benefiċjarju potenzjali tal-benefiċċji tal-familja jkun jista’ jiddeċiedi liema Stat Membru għandu jħallas dawn il-benefiċċji.

21      Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jagħti lill-istituzzjoni kompetenti s-setgħa li tiddeċiedi jekk tapplikax jew le l-Artikolu 76(1) ta’ dan ir-regolament fl-assenza ta’ applikazzjoni għal benefiċċji fl-Istat Membru ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem migrant, u għalhekk li tissospendi, totalment jew parzjalment, id-dritt għall-benefiċċji tal-familja dovuti minn din l-istituzzjoni.

22      Din il-qorti hija tal-opinjoni li l-kunċett ta’ “benefiċċji pprovduti”, li jinstab fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1408/71, ma jkoprix il-każ ta’ benefiċċji li fir-rigward tagħhom ma tiġix ippreżentata applikazzjoni. L-Artikolu 76(2) jikkostitwixxi regola speċjali applikabbli fil-każ partikolari li fih benefiċjarju potenzjali ta’ benefiċċji jkun astjena milli jippreżenta applikazzjoni għal benefiċċji, fatt li jirriżulta b’mod partikolari mill-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni. Billi inkluda l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirreaġixxi għall-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi Salzano, 191/83, EU:C:1984:343; Ferraioli, 153/84, EU:C:1986:168, u Kracht, C‑117/89, EU:C:1990:279), li tgħid li, meta ma tkun ġiet ippreżentata ebda applikazzjoni għal benefiċċji fl-Istat Membru ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem migrant, id-dritt għall-benefiċċji tal-familja fl-Istat Membru ta’ impjieg ta’ dan il-ħaddiem ma għandux jiġi sospiż.

23      Il-qorti tar-rinviju tindika li hija diġà ttrattat il-kwistjoni tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija mill-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 fil-kawża li wasslet għas-sentenza Schwemmer (C‑16/09, EU:C:2010:605), mingħajr ma l-Qorti tal-Ġustizzja kienet, madankollu, meħtieġa tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni f’din is-sentenza.

24      Hija tippreċiża wkoll li, fil-kunċett Ġermaniż, l-użu tal-kelma “tista’” f’test leġiżlattiv jew regolamentari ma jfissirx neċessarjament li tingħata setgħa diskrezzjonali lill-amministrazzjoni, peress li l-awtoritajiet leġiżlattivi jew regolatorji xi drabi jużaw din il-kelma wkoll bħala sinonimu ta’ “awtorizzat(a) li” jew “għandu/għandha d-dritt li”. Hija madankollu tqis li ebda element li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 bħala regola ta’ prijorità f’każ ta’ kumulu ta’ drittijiet ma jipprovdi bażi għal tali interpretazzjoni. Barra minn hekk, għalkemm il-kriterji li jistgħu jiġu applikati għall-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali ma humiex definiti, il-fatt li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 tissuġġerixxi li diversi kriterji jistgħu jiġu applikati jista’ jindika li din hija tassew dispożizzjoni li tagħti lill-amministrazzjoni setgħa diskrezzjonali.

25      Il-qorti tar-rinviju tqis li, jekk l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jagħti lill-istituzzjoni kompetenti s-setgħa li tiddeċiedi jekk tapplikax jew le l-Artikolu 76(1) ta’ dan ir-regolament fl-assenza ta’ applikazzjoni għal benefiċċji ppreżentata fl-Istat Membru ta’ residenza, huwa għaldaqstant neċessarju li jiġu ppreċiżati l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom din l-istituzzjoni għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Hija żżid li, f’tali każ, tqum ukoll il-kwistjoni dwar il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li jista’ jiġi eżerċitat fir-rigward ta’ tali deċiżjoni.

26      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru tal-impjieg hija libera li tapplika jew le l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 76 ta’ dan ir-regolament meta ebda applikazzjoni għal benefiċċji ma tkun ġiet ippreżentata fl-Istat Membru ta’ residenza tal-membri tal-familja?

2)      Fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda, liema huma l-elementi ta’ evalwazzjoni li fuq il-bażi tagħhom l-istituzzjoni tal-Istati Membru tal-impjieg kompetenti fil-qasam tal-benefiċċji tal-familja tista’ tapplika l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 bħallikieku benefiċċji kienu ngħataw fl-Istat Membru tar-residenza tal-membri tal-familja?

3)      Fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda, sa fejn id-deċiżjoni diskrezzjonali tal-istituzzjoni kompetenti hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

27      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ta’ impjieg ta’ ħaddiem migrant għandha, fl-assenza ta’ applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja ppreżentata fl-Istat Membru ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ dan il-ħaddiem, setgħa diskrezzjonali f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-regola antikumulu prevista fl-Artikolu 76(1) ta’ dan ir-regolament.

 Osservazzjonijiet preliminari

28      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li l-ħaddiem suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għandu d-dritt, għall-membri tal-familja tiegħu li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja previsti mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat, daqs li kieku kienu joqogħdu fit-territorju ta’ dan l-Istat, l-imsemmija dispożizzjoni, filwaqt li tikkostitwixxi regola ġenerali fir-rigward tal-benefiċċji tal-familja, ma hijiex madankollu regola assoluta (ara s-sentenzi Schwemmer, EU:C:2010:605, punti 41 u 42, kif ukoll Wiering, C‑347/12, EU:C:2014:300, punt 40).

29      B’hekk, peress li hemm riskju li jkun hemm kumulu tad-drittijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza flimkien ma’ dawk li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg, l-Artikolu 73 tal-imsemmi regolament għandu jitqies fid-dawl tar-regoli antikumulu li jinsabu f’dan tal-aħħar u fir-Regolament Nru 574/72, jiġifieri b’mod partikolari l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 (ara s-sentenzi Schwemmer, EU:C:2010:605, punt 43, u Wiering, EU:C:2014:300, punt 42).

30      L-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 jinkludi, skont l-istess titolu tiegħu, “[r]egoli jew [ta’] prijorità fil-każijiet ta’ intitolamenti sovrapposti (overlapping) [kumulu ta’ drittijiet] għall-benefiċċji tal-familja taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti u taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru tar-residenza tal-membri tal-familja”. Mill-kliem ta’ dan l-artikolu jirriżulta li dan għandu l-għan li jsolvi l-kwistjonijiet relatati mal-kumulu ta’ drittijiet għal benefiċċji tal-familja dovuti, minn naħa, skont l-Artikolu 73 ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat ta’ residenza tal-membri tal-familja li tagħti dritt għal benefiċċji tal-familja minħabba l-eżerċizzju ta’ attività professjonali (ara s-sentenzi Dodl u Oberhollenzer, C‑543/03, EU:C:2005:364, punt 53, kif ukoll Schwemmer, EU:C:2010:605, punt 45).

31      Issa, fil-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, S. Fassbender-Firman kellha dritt fil-Ġermanja, matul il-perijodu kontenzjuż, għall-ħlas tal-allowances tal-familja għat-tifel tagħha. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, matul dan il-perijodu u fir-rigward tal-istess tifel, il-konjuġi ta’ S. Fassbender-Firman kellu wkoll dritt fil-Belġju għall-istess allowances, minħabba l-eżerċizzju ta’ attività professjonali, inizjalment, minħabba l-istatus tiegħu ta’ ħaddiem bla impjieg li jirċievi benefiċċji u, sussegwentement, minħabba l-eżerċizzju ta’ attività professjonali f’dan l-Istat Membru.

32      Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 japplika għall-fatti ta’ kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

33      Skont ir-regola antikumulu stabbilita fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1408/71, fejn, matul l-istess perijodu, għall-istess membru tal-familja u minħabba l-eżerċizzju ta’ attività professjonali, il-benefiċċji tal-familja jkunu previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, id-dritt għall-benefiċċji tal-familja dovuti, skont l-Artikolu 73 ta’ dan ir-regolament, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg tal-ħaddiem migrant huwa sospiż sal-ammont previst mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza.

34      Fil-kawża prinċipali, b’mod konformi ma’ din ir-regola, id-dritt għall-allowances tal-familja dovuti lil S. Fassbender-Firman taħt il-leġiżlazzjoni Ġermaniża huwa għaldaqstant, bħala prinċipju, sospiż sal-ammont tal-allowances tal-familja previsti mil-leġiżlazzjoni Belġjana.

35      Madankollu mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-konjuġi ta’ S. Fassbender-Firman la applika għal u lanqas ma rċieva allowances tal-familja fil-Belġju.

36      Issa, l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li jekk applikazzjoni għal benefiċċji ma tiġix ippreżentata fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jirrisjedu l-membri tal-familja, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ta’ impjieg tista’ tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 76(1) bħallikieku ngħataw benefiċċji fl-Istat Membru ta’ residenza.

37      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din l-aħħar dispożizzjoni hija intiża biex tippermetti lill-Istat Membru ta’ impjieg jissospendi d-dritt għall-benefiċċji tal-familja anki jekk applikazzjoni intiża għall-ħlas ta’ dawn il-benefiċċji ma kinitx ġiet ippreżentata fl-Istat Membru ta’ residenza u anki jekk, konsegwentement, dan tal-aħħar ma għamel ebda ħlas (ara s-sentenzi Schwemmer, EU:C:2010:605, punt 56, kif ukoll Pérez Garcia et, C‑225/10, EU:C:2011:678, punt 49).

38      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, qabel l-inklużjoni tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3427/89, tat-30 ta’ Ottubru 1989 (ĠU L 331, p. 1), li s-sospensjoni tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja dovuti fl-Istat Membru ta’ impjieg ta’ wieħed mill-ġenituri ma sseħħx meta l-ġenitur l-ieħor jirrisjedi mat-tfal fi Stat Membru ieħor u jeżerċita hemmhekk attività professjonali mingħajr madankollu ma jirċievi benefiċċji tal-familja għat-tfal minħabba l-fatt li ma humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru sabiex effettivament jirċievi dawn il-benefiċċji, inkluż il-kundizzjoni li tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni minn qabel (sentenzi, Salzano, EU:C:1984:343, punt 11; Ferraioli, EU:C:1986:168, punt 15, u Kracht, EU:C:1990:279, punt 11), din l-emenda tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 saret sabiex tiġi permessa s-sospensjoni tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja previst fl-Artikolu 76(1) ta’ dan ir-regolament, anki meta ma kinitx ġiet ippreżentata applikazzjoni għal benefiċċji fl-Istat Membru ta’ residenza.

39      Fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71, li jgħid li “l-istituzzjoni kompetenti” tal-Istat Membru ta’ impjieg “tista’” tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1408/71, għandu għaldaqstant jiġi ddeterminat jekk istituzzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Familienkasse, għandhiex, hekk kif sostniet S. Fassbender-Firman quddiem il-qorti tar-rinviju, setgħa diskrezzjonali meta hija tiddeċiedi, fl-assenza ta’ applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja ppreżentata fl-Istat Membru ta’ residenza, li tissospendi d-dritt għall-benefiċċji tal-familja dovuti taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg sal-ammont previst mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

40      Mill-kliem tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta li dan ma jeħtieġx is-sospensjoni tad-dritt għall-allowances tal-familja dovuti taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg sal-ammont previst mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, iżda li dan jawtorizza tali sospensjoni.

41      Kif innota l-Avukat Ġenerali fil-punti 48 u 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jippermetti, anki fl-assenza ta’ kumulu effettiv ta’ benefiċċji tal-familja, li ħaddiem migrant jew il-membri tal-familja tiegħu jiġu mċaħħda mid-dritt għall-benefiċċji tal-familja mogħtija skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bil-konsegwenza li dawn jistgħu jirċievu ammont ta’ benefiċċji tal-familja iktar baxx mill-ammont previst mil-leġiżlazzjoni kemm tal-Istat Membru ta’ impjieg kif ukoll tal-Istat Membru ta’ residenza tal-membri tal-familja. Fid-dawl tal-effetti tagħha, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett.

42      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, benefiċċju jista’ jitqies li huwa benefiċċju tas-sigurtà soċjali fil-każ fejn dan jingħata lill-benefiċjarji indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni legalment iddefinita, u fejn dan huwa relatat ma’ wieħed mir-riskji espressament elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara s-sentenza Lachheb, C‑177/12, EU:C:2013:689, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      Issa, ir-rekwiżit li jingħata benefiċċju tal-familja fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment jimplika li mhux biss il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-għoti tagħha, iżda anki, fejn xieraq, is-sospensjoni tagħha għandhom ikunu ddefiniti mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, fil-każ inkwistjoni dik tal-Istat Membru ta’ impjieg.

44      Fil-fatt, ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza jimponi li l-ħaddiema migranti u l-membri tal-familja tagħhom jibbenefikaw minn sitwazzjoni legali ċara u preċiża, li tippermettilhom ikunu jafu mhux biss id-drittijiet kollha tagħhom iżda wkoll, fejn xieraq, il-limitazzjonijiet tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punti 58 u 59).

45      Għaldaqstant, hekk kif sostniet il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, id-dritt tal-persuni taxxabbli għal benefiċċji tal-familja ma jistax jiddependi mis-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni kompetenti.

46      Għaldaqstant għandu jitqies li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jawtorizza lill-Istat Membru ta’ impjieg jipprevedi fil-leġiżlazzjoni tiegħu sospensjoni mill-istituzzjoni kompetenti tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja fl-assenza ta’ applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja ppreżentata fl-Istat Membru ta’ residenza. F’tali ċirkustanzi, din l-istituzzjoni ma għandhiex setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-applikazzjoni, skont l-Artikolu 76(2) ta’ dan ir-regolament, tar-regola antikumulu prevista fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1408/71, iżda hija obbligata tapplika din l-aħħar regola jekk tali applikazzjoni hija prevista mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg u jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni għal din l-applikazzjoni huma ssodisfatti.

47      F’dan il-każ, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, mit-tweġiba bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sospensjoni tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja, fl-assenza ta’ applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja ppreżentata fl-Istat Membru ta’ residenza, hija prevista mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, f’dan il-każ l-Artikolu 65 tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali u l-Artikolu 4 tal-liġi dwar l-allowances tal-familja għall-ulied dipendenti, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, li ġew interpretati u applikati b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni b’riżultat tas-sentenza Hudzinski u Wawrzyniak (C‑611/10 u C‑612/10, EU:C:2012:339), b’mod li dejjem titħallas, jekk ikun il-każ, id-differenza eventwali bejn l-allowances tal-familja Ġermaniżi u l-allowances tal-familja mogħtija minn Stat Membru ieħor.

48      F’tali każ, istituzzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tissospendi d-dritt għall-benefiċċji tal-familja dovuti taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg sal-ammont previst mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza.

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jawtorizza lill-Istat Membru ta’ impjieg jipprevedi fil-leġiżlazzjoni tiegħu sospensjoni mill-istituzzjoni kompetenti tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja fl-assenza ta’ applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja ppreżentata fl-Istat Membru ta’ residenza. F’tali ċirkustanzi, jekk l-Istat Membru ta’ impjieg jipprevedi tali sospensjoni tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, l-istituzzjoni kompetenti hija obbligata tapplika din is-sospensjoni, skont l-Artikolu 76(2), sakemm il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni huma ssodisfatti, mingħajr ma hija għandha setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

50      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimbors.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 76(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar il-pubblikazzjoni [l-applikazzjoni] tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jawtorizza lill-Istat Membru ta’ impjieg jipprevedi fil-leġiżlazzjoni tiegħu sospensjoni mill-istituzzjoni kompetenti tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja fl-assenza ta’ applikazzjoni għal benefiċċji tal-familja ppreżentata fl-Istat Membru ta’ residenza. F’tali ċirkustanzi, jekk l-Istat Membru ta’ impjieg jipprevedi tali sospensjoni tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, l-istituzzjoni kompetenti hija obbligata tapplika din is-sospensjoni, skont l-Artikolu 76(2), sakemm il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni huma ssodisfatti, mingħajr ma hija għandha setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.