Language of document : ECLI:EU:T:2013:413

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

11 ta’ Settembru 2013

Kawża T‑317/10 P

L

vs

Il-Parlament Ewropew

“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Kuntratt għal żmien indeterminat – Deċiżjoni ta’ tkeċċija – Obbligu ta’ motivazzjoni – Telf ta’ fiduċja”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea [kunfidenzjali], u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea [kunfidenzjali], hija annullata sa fejn din naqset milli tagħti deċiżjoni dwar il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità, sa fejn din ċaħdet il-motiv ibbażat fuq l-ineżattezza materjali u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, u sa fejn din qieset li r-rikorrent ma kienx talab li l-Parlament jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Il-kumplament tal-appell huwa miċħud. Il-kumplament tar-rikors ippreżentat minn L quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża [kunfidenzjali] huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha relattivi kemm għall-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll għal dik tal-appell.

Sommarju

1.      Appell – Aggravji – Inammissibbiltà ta’ rikors fl-ewwel istanza – Motiv ta’ ordni pubbliku – Eżami ex officio

2.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni ċara u preċiża tal-motivi invokati

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35)

3.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Membri tal-persunal irreklutati bil-għan li jeżerċitaw funzjonijiet fi ħdan grupp politiku tal-Parlament Ewropew – Tkeċċija minħabba raġunijiet li kienu jikkonċernaw ir-relazzjoni ta’ fiduċja reċiproka – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu (2)(ċ))

4.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Membri tal-persunal irreklutati bil-għan li jwettqu funzjonijiet fi ħdan grupp politiku tal-Parlament Ewropew – Tkeċċija minħabba raġunijiet li kienu jikkonċernaw ir-relazzjoni ta’ fiduċja reċiproka – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu (2)(ċ))

5.      Appell – Aggravji – Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36)

6.      Proċedura ġudizzjarja – Talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali – Talba intiża sabiex fl-istadju tal-appell jiġu ppreżentati dokumenti ġodda li jikkonċernaw il-fatti – Ċaħda

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 62)

1.      Il-qorti tal-appell hija obbligata tiddeċiedi, jekk ikun neċessarju ex officio, dwar il-motiv ta’ ordni pubbliku li jikkonċerna l-ammissibbiltà ta’ rikors fl-ewwel istanza, sabiex tiddetermina jekk l-imsemmi rikors jissodisfax jew le r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni neċessarji.

(ara l-punt 22)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni, C‑176/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 18;

It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 16 ta’ Marzu 2009, R vs Il-Kummissjoni, T‑156/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑11 u II‑B‑1‑51, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Skont l-Artikolu 35 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, rikors għandu, b’mod partikolari, ikun fih espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Dan għandu, għalhekk, jispeċifika l-kontenut tal-motiv li huwa bbażat fuqu r-rikors, b’tali mod li sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tkunx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Barra minn hekk, din l-espożizzjoni, anki jekk tkun fil-qosor, għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra insostenn tiegħu. Iċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeżiġu, sabiex rikors jew, iktar speċifikament, sabiex motiv f’rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess.

(ara l-punt 34)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punt 34; 28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 426;

Il-Qorti Ġenerali: 17 ta’ Ġunju 2003, Seiller vs BEI, T‑385/00, ĠabraSP p. I‑A‑161 u II‑801, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata; 19 ta’ Marzu 2010, Bianchi vs ETF, T‑338/07 P, punt 59

3.      L-obbligu ta’ motivazzjoni taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, li għandu l-għan li jagħti lid-destinatarji tal-atti l-possibbiltà li jevalwaw jekk id-deċiżjoni hijiex korretta, u sabiex iservi ta’ bażi għall-istħarriġ ġudizzjarju, japplika għad-deċiżjonijiet ta’ rexissjoni ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat irregolat mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

B’mod eċċezzjonali, huwa madankollu aċċettat li, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-motivazzjoni ta’ att tista’ tiġi kkompletata jew matul il-fażi amministrattiva, jew inkella wara l-preżentata tar-rikors. Matul il-fażi amministrattiva, huwa aċċettat li l-motivazzjoni tal-att tista’ tiġi kkompletata mill-kuntest magħruf mir-rikorrent, mill-informazzjoni orali u mill-ilment.

B’mod partikolari, fir-rigward ta’ tkeċċija ġġustifikata mit-telf ta’ fiduċja reċiproka bejn membru tal-persunal temporanju u grupp politiku tal-Parlament Ewropew li lilu jiġi assenjat, għalkemm membru tal-persunal temporanju assenjat ma’ membri mhux irreġistrati jkollu interess li jiżgura li r-rabta ta’ fiduċja miksura hija tabilħaqq dik li tgħaqqad lilu mar-responsabbli amministrattiv dirett tiegħu, fil-każ ta’ membru tal-persunal assenjat lil grupp politiku tradizzjonali minbarra dak tal-membri mhux irreġistrati, ikkaratterizzat minn konvinzjoni politika preżunta komuni, meta r-rabta ta’ fiduċja tinkiser, din ma tkunx teżisti iktar mal-grupp fil-globalità tiegħu, u l-kwistjoni ta’ liema persuni tilfu l-fiduċja ma tibqax rilevanti.

(ara l-punti 60, 61 u 64)

Referenza:

II-Qorti tal-Ġustizzja: 28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il-Kummissjoni, C‑17/07 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 50 sa 52;

Il-Qorti Ġenerali: 8 ta’ Diċembru 2005, Reynolds vs Il-Parlament, T‑237/00, ĠabraSP p. I‑A‑385 u II‑1731, punt 96; 17 ta’ Ottubru 2006, Bonnet vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑406/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑213 u II‑A‑2‑1097, punt 52; 8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06, Ġabra p. II‑2841, punti 143 sa 171 u 179; 7 ta’ Lulju 2011, Longinidis vs Cedefop, T‑283/08 P, punt 68; 24 ta’ Ottubru 2011, P vs Il-Parlament, T‑213/10 P, punt 35

4.      L-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ fiduċja ma hijiex ibbażata fuq elementi oġġettivi u, min-natura tagħha stess, ma taqax taħt stħarriġ ġudizzjarju, peress li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ bl-evalwazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-qasam tal-politika, it-telf ta’ fiduċja huwa kunċett wiesa’.

Madankollu, jekk istituzzjoni li tiddeċiedi r-rexissjoni ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għal fatti materjali preċiżi li jkunu wasslu għad-deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba telf ta’ fiduċja, il-qorti tkun obbligata tivverifika l-veraċità ta’ dawn il-fatti materjali. Sa fejn istituzzjoni tispjega r-raġunijiet li jkunu wasslu għat-telf tal-fiduċja permezz tar-riferiment għal fatti materjali preċiżi, il-qorti għandha tistħarreġ li dawn ir-raġunijiet ikunu bbażati fuq fatti materjalment eżatti. Billi tagħmel hekk il-qorti ma tissostitwixxix l-evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti, li tgħid li t-telf ta’ fiduċja seħħ, bl-evalwazzjoni tagħha, iżda sempliċement tistħarreġ jekk il-fatti li jkunu wasslu għad-deċiżjoni msemmija mill-istituzzjoni humiex materjalment eżatti.

(ara l-punti 68 sa 70)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 14 ta’ Lulju 1997, B vs Il-Parlament, T‑123/95, ĠabraSP p. I‑A‑245 u II‑697, punt 73

5.      L-aggravju bbażat fuq in-nuqqas ta’ risposta tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għal motiv invokat fl-ewwel istanza jammonta, essenzjalment, għal allegazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku permezz tal-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-istess statut.

(ara l-punt 94)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il‑Kummissjoni, C‑583/08 P, Ġabra p. I‑4469, u l-ġurisprudenza ċċitata)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 110 u 111)