Language of document : ECLI:EU:C:2019:935

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

7 ta’ Novembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prinċipju ta’ min iniġġes iħallas – Direttiva 2000/60/KE – Artikolu 9(1) – Irkupru tal-ispejjeż għal servizzi marbuta mal-użu tal-ilma – Regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Artikolu 3(1) – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Artikolu 107(1) TFUE – Għajnuna mill-Istat – Ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettriku – Ħlas dovut biss mill-produtturi ta’ enerġija idroelettrika li joperaw f’baċiri tal-ilma inter-Komunitarji”

Fil-Kawżi magħquda C‑105/18 sa C‑113/18,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑27 ta’ Ġunju 2017 (C‑105/18, C‑106/18, C‑108/18, C‑110/18 u C‑111/18), tat‑18 ta’ Lulju 2017 (C‑107/18 u C‑113/18), tal‑4 ta’ Lulju 2018 (C‑109/18) u tal‑11 ta’ Lulju 2017 (C‑112/18) li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Frar 2018, fil-proċeduri

Asociación Española de la Industria Eléctrica (UNESA) (C‑105/18),

Energía de Galicia (Engasa) SA (C‑106/18),

Duerocanto SL (C‑107/18),

Corporación Acciona Hidráulica (Acciona) SLU (C‑108/18),

Associació de Productors i Usuaris d’Energia Elèctrica (C‑109/18),

José Manuel Burgos Pérez,

María del Amor Guinea Bueno (C‑110/18),

Endesa Generación SA (C‑111/18),

Asociación de Empresas de Energías Renovables (APPA) (C‑112/18),

Park del Segre SA,

Electra Irache SL,

Genhidro Generación Hidroeléctrica SL,

Hicenor SL,

Hidroeléctrica Carrascosa SL,

Hidroeléctrica del Carrión SL,

Hidroeléctrica del Pisuerga SL,

Hidroeléctrica Santa Marta SL,

Hyanor SL,

Promotora del Rec dels Quatre Pobles SA (C‑113/18),

vs

Administración General del Estado

fil-preżenza ta’:

Iberdrola Generación SAU,

Hidroeléctrica del Cantábrico SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis, E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Frar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Asociación Española de la Industria Eléctrica (UNESA), minn J. C. García Muñoz, abogado, assistit minn M. C. Villaescusa Sanz, procuradora,

–        għal Energía de Galicia (Engasa) SA, minn F. Plasencia Sánchez u B. Ruiz Herrero, abogados, assistiti minn P. Ortiz-Cañavate Levenfeld, procuradora,

–        għall-Corporación Acciona Hidráulica (Acciona) SLU, minn F. Plasencia Sánchez, assistit minn A. Lázaro Gogorza, procuradora,

–        għall-Associació de Productors i Usuaris d’Energia Elèctrica, minn J. C. Hernanz Junquero, abogado, u D. Martín Cantón, procuradora,

–        għal Endesa Generación SA, minn J. L. Buendía Sierra, F. J. López Villalta y Peinado, E. Gardeta González, J. M. Cobos Gómez u A. Lamadrid de Pablo, abogados,

–        għal Parc del Segre SA et, minn P. M. Holtrop, abogado, assistit minn F. S. Juanas Blanco, procurador,

–        għal Iberdrola Generación SAU, minn J. Ruiz Calzado u J. Domínguez Pérez, abogados, assistiti minn J. L. Martín Jaureguibeitia, procurador,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u V. Ester Casas, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze u J. Möller, sussegwentement minn J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet, P. Němečková, G. Luengo u E. Manhaeve, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 191(2) TFUE, tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275), tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55), kif ukoll tal-Artikolu 107(1) TFUE.

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, l-Asociación Española de la Industria Eléctrica (UNESA) kif ukoll diversi produtturi Spanjoli oħra ta’ enerġija idroelettrika u, min-naħa l-oħra, l-Administración General del Estado (l-Amministrazzjoni Ġenerali tal-Istat, Spanja), dwar il-legalità tal-ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2000/60

3        Il-premessa 13 tad-Direttiva 2000/60 tipprovdi:

“Hemm diversi kundizzjonijiet u ħtiġiet fil-Komunità li jeħtieġu soluzzjonijiet speċifiċi differenti. Id-diversità trid tiġi kunsidrata fl-ippjanar u l-eżekuzzjoni ta’ miżuri biex tkun żgurata l-protezzjoni u l-użu sostenibbli ta’ l-ilma fil-qafas tal-baċin tax-xmara. Id-deċiżjonijiet iridu jittieħdu viċin kemm jisa’ jkun tal-lokazzjonijiet fejn l-ilma huwa affetwat jew użat. Trid tingħata prijorità għal azzjoni li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri mit-tfassil ta’ programmi ta’ miżuri aġġustati għal kundizzjonijiet reġjonali u lokali.”

4        L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Meta l-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara ikunu qed isiru operazzjonali:

a)      għall-ilma tal-wiċċ

(i) L-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu deterjorazzjoni tal-istat ta’ kull korp ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 6 u 7 u mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

(ii)      L-Istati Membri jridu jipproteġu, jenfazizzaw u jsaħħu l-korpi kollha ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ sottoparagrafu (iii) għal korpi ta’ l-ilma artifiċjali u modifikati ħafna, bil-ħsieb li jinkiseb stat tajjeb ta’ l-ilma tal-wiċċ mhux aktar tard minn 15 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, bi qbil mad-disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness V, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ estensjonijiet determinati skond paragrafu 4 u għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 5, 6 u 7 mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

(iii)      L-Istati Membri jridu jipproteġu u jiżviluppaw il-korpi ta’ l-ilma kollha artifiċjali u modifikati ħafna, bil-mira li jinkiseb stat tajjeb ta’ ilma tal-wiċċ kimiku u potenzjal ekoloġiku tajjeb mhux aktar tard minn 15-il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, bi qbil mad-disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness V, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ estensjonijiet determinati skond paragrafu 4 u għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 5, 6 u 7 mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

(iv)      L-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa skond l-Artikolu 16(1) u (8), bil-mira li progressivament jitnaqqas it-tniġġiż minn sustanzi prioritarji u jitwaqqfu jew jitwaqqfu f’fażijiet emmissjonijiet, ħruġ u telf ta’ sustanzi prijoritajri perikolużi;

mingħajr preġudizzju għall-ftehim internazzjonali relevanti imsemmija fl-Artikolu 1 għall-partijiet konċernati;

[…]”

5        L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri jridu jikkunsidraw il-prinċipju ta’ rkuprar ta’ l-ispejjeż tas-servizzi ta’ l-ilma, inklużi l-ispejjeż ta’ l-ambjent u tar-riżorsi, wara li jiġu kkunsidrati l-analiżi ekonomiċi imwettqa skond l-Anness III, u bi qbil partikolarment mal-prinċipju ta’ minn iniġġes iħallas.

L-Istati Membri jridu jiżguraw sa’ s-sena 2010

–      li l-politika ta’ l-apprezzament ta’ l-ilma tipprovdi inċentivi adegwati għall-utenti biex jużaw ir-riżorsi ta’ l-ilma effiċjentament, u b’hekk jikkontribwixxu għall-għanijiet ambjentali ta’ din id-Direttiva,

–      kontribuzzjoni adegwata ta’ użu effiċjenti ta’ l-ilma, imqassam għall-anqas ġo l-industrija, djar u agrikoltura, għall-irkuprar tal-ispejjeż tas-servizzi ta’ l-ilma, bażati fuq l-analiżi ekonomiċi imwettqa skond l-Anness III u jiġi kunsidrat il-prinċipju ta’ minn iniġġes iħallas.

L-Istati Membri jistgħu meta qed jagħmlu dan, jikkunsidraw l-effetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-irkupru kif ukoll il-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi tar-reġjun jew reġjuni affetwati.

2.      L-Istati Membri għandhom jirraportaw fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara fuq il-passi pjanati għall-implimentazzjoni ta’ paragrafu 1 li għandhom jikkontribwixxu għall-kisba ta’ l-għanijiet ambjentali ta’ din id-Direttiva u fuq il-kontribuzzjoni magħmula minn użi varji ta’ l-ilma għall-irkuprar ta’ l-ispejjeż tas-servizzi ta’ l-ilma.

3.      Xejn f’dan l-Artikolu ma’ għandu jipprevjeni l-finanzjament ta’ miżuri preventivi partikolari jew miżuri rimedjali sabiex jinkisbu l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

[…]”

6        L-Artikolu 11 ta’ din l-istess direttiva jipprevedi:

“1.      Kull Stat Membru jrid jiżgura li jkun stabbilit għal kull distrett tal-baċin tax-xmara, jew għall-parti ta’ distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara fi ħdan it-territorju tiegħu, programm ta’ miżuri, b’konsiderazzjoni tar-riżultati ta’ l-analiżi meħtieġa taħt l-Artikolu 5, sabiex jinkisbu l-għanijiet imwaqqfa taħt l-Artikolu 4. Dawn il-programmi ta’ miżuri jistgħu jirreferu għal miżuri li joħorġu minn leġislazzjoni adottata f’livell nazzjonali u tkopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru. Fejn hu xieraq, Stat Membru jista’ jadotta miżuri applikabbli għad-distretti kollha tal-baċin tax-xmara u/jew il-parti ta’ distretti internazzjonali tal-baċin tax-xmara li jaqa’ fi ħdan it-territorju tiegħu.

2.      Kull programm ta’ miżuri jrid jinkludi l-miżuri ‛bażiċi’ speċifikati f’paragrafu 3 u, fejn meħtieġ, miżuri ‛supplimentari’.

3.      ‛Miżuri bażiċi’ huma l-ħtiġiet minimi li jridu jiġu mħarsa u jikkonsistu f’:

[…]

b)      miżuri meqjusa xierqa għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 9;

[…]”

7        L-Anness III tad-Direttiva 2000/60 intitolat “Analiżi ekonomiċi” huwa fformulat kif ġej:

“L-analiżi ekonomiċi jridu jikkontjenu biż-żejjed informazzjoni f’dettal suffiċenti (b’kunsiderazzjoni tal-ispejjeż assoċjati mal-kollezzjoni tad-data relevanti) sabiex:

a)      isiru l-kalkolazzjonijiet relevanti meħtieġa biex jiġu konsidrati taħt l-Artikolu 9 il-prinċipju ta’ rkuprar tal-ispejjeż tas-servizzi ta’ l-ilma, b’konsiderazzjoni ta’ previżjonijiet ta’ żmien twil jew forniment u talba għal ilma fid-distrett tal-baċin tax-xmara u, fejn meħtieġ:

–        stimi tal-volum, prezzijiet u spejjeż assoċjati mas-servizzi ta’ l-ilma, u

–        stimi ta’ investimenti relevanti inklużi previżjonijiet ta’ ċerta investimenti;

b)      isiru ġudiżżji fuq l-aktar kombinazzjonijiet ta’ miżuri li jiffrankaw il-flus fir-rigward ta’ l-użu ta’ l-ilma biex jiġu inklużi fil-programm ta miżuri taħt l-Artikolu 11 bbażat fuq stimi ta’ l-ispejjeż potenzjali ta’ dawn il-miżuri.”

 Id-Direttiva 2009/72

8        Taħt it-titolu “Suġġett u Kamp ta’ applikazzjoni”, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/72 jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, flimkien ma’ dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-enerġija fil-Komunità. Din tistabbilixxi wkoll ir-regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur tal-elettriku, l-aċċess miftuħ għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għal sejħat ta’ offerti u l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet, kif ukoll it-tħaddim ta’ sistemi. Id-Direttiva tiddefinixxi wkoll l-obbligi ta’ servizz universali u d-drittijiet tal-konsumaturi tal-elettriku u tiċċara l-obbligi tal-kompetizzjoni.”

9        L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2009/72 jipprovdi:

“1.       L-Istati Membri għandhom jiżguraw, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’kont dovut għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-impriżi tal-elettriku jiħaddmu konformement mal-prinċipji ta’ din id-Direttiva bil-ħsieb li jintlaħaq suq kompetittiv, sigur, u ambjentalment sostenibbli fil-qasam tal-elettriku, u dawn ma għandhomx jiddiskriminaw bejn dawk l-impriżi fejn jikkonċerna d-drittijiet jew l-obbligi tagħhom.

2.      B’konsiderazzjoni sħiħa għad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 86 tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur tal-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ambjentali, inklużi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, ill-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u l-protezzjoni tal-klima. ali obbligi għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-elettriku Komunitarji għall-konsumaturi nazzjonali. Fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija/il-ġestjoni tad-domanda kif ukoll il-kisba tal-għanijiet ambjentali u tal-għanijiet fir-rigward tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu, kif imsemmi f’dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-implimentazzjoni ta’ ppjanar għal perjodu fit-tul, meta titqies il-possibilità li terzi persuni jitolbu aċċess għas-sistema.”

 Id-dritt Spanjol

 Il-Liġi Fiskali dwar l-Enerġija

10      Il-preambolu tal-Ley 15/2012, de medidas fiscales para la sostenibilidad energética (il-Liġi 15/2012 dwar Miżuri Fiskali għall-Iżvilupp tal-Enerġija b’Mod Sostenibbli), tas-27 ta’ Diċembru 2012 (BOE Nru 312 tat-28 ta’ Diċembru 2012, p. 88081, iktar ’il quddiem il-“Liġi Fiskali dwar l-Enerġija”) jipprovdi:

“[Din il-liġi] għandha l-għan li tadatta s-sistema fiskali tagħna għal użu iktar effiċjenti u iktar favur l-ambjent, u għal żvilupp sostenibbli, valuri li jispiraw din ir-riforma fiskali, u bħala tali skont il-prinċipji bażiċi li jirregolaw il-politika fiskali, tal-enerġija u, ċertament, ambjentali tal-Unjoni Ewropea[…].

[…]

[…] B’hekk, wieħed mill-pedamenti ta’ din ir-riforma fiskali huwa li jkunu internalizzati spejjeż ambjentali li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-elettriku […]. B’dan il-mod, [din] il-liġi għandha sservi ta’ stimulu biex intejbu livelli ta’ effiċjenza fl-enerġija u fl-istess waqt niżguraw li nimmaniġġaw sewwa r-riżorsi naturali u li nkomplu ntejbu l-mudell il-ġdid ta’ żvilupp sostenibbli, kemm minn aspett ekonomiku u soċjali, kif ukoll minn aspett ambjentali. Din ir-riforma tikkontribwixxi wkoll għall-integrazzjoni tal-politiki ambjentali fis-sistema fiskali tagħna […]. Għal dan l-għan, dan l-Att jirregola tliet taxxi ġodda: […] [il-]ħlas għall-użu ta’ ilmijiet interni għall-produzzjoni tal-elettriku […]

Fl-aħħar nett, it-Titolu IV ta’ din il-liġi jimmodifika t-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-Ilma approvat mir-Real Decreto Legislativo 1/2001 de 20 de julio (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2001, tal-20 ta’ Lulju, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Ilma”).

B’mod partikolari, dan it-Titolu jirregola s-sistema ekonomika-finanzjarja għall-użu tar-riżorsi ta’ ilma pubbliku. B’hekk jipprovdi li l-amministrazzjonijiet pubbliċi kompetenti, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ rkupru ta’ spejjeż, u meqjusa previżjonijiet ekonomiċi fit-tul, għandhom jistabbilixxu l-mekkaniżmi adatti biex l-ispejjeż ta’ servizzi relatati mal-immaniġġar tal-ilma, inklużi spejjeż ambjentali u għal riżorsi, jgħaddu għal għand dawk li jagħmlu l-aħħar użu minnhom.

L-Artikoli 112 u 114 [tal-Liġi dwar l-ilma] jipprevedu erba’ taxxi differenti marbuta mal-ilma: il-ħlas għall-użu tal-beni pubbliċi, il-ħlas għar-rimi, impost fuq ir-rimi f’ilmijiet pubbliċi, il-ħlas għar-regolarizzazzjoni, impost fuq il-profitt privat miksub sussegwentement għal xogħlijiet ta’ [regolarizzazzjoni mwettqa mill-Istat], u d-drittijiet għall-użu tal-ilma, imposti fuq il-profitt privat miksub wara xogħlijiet imwettqa mill-Istat minbarra x-xogħlijiet ta’ regolarizzazzjoni.

[…] Fil-preżent il-kwalità ġenerali tal-ilmijiet interni Spanjoli tagħmel il-protezzjoni tagħhom meħtieġa biex jitħares wieħed mir-riżorsi naturali meħtieġa għas-soċjetà. F’dan ir-rigward, għandha tissaħħaħ il-politika għall-protezzjoni ta’ ilma pubbliku. Għal dan l-għan jeħtieġ li jinkisbu riżorsi li għandhom jiġu pprovduti minn dawk li jiksbu benefiċċju mill-użu privat tagħhom jew li huma jużaw speċifikament għall-produzzjoni tal-elettriku.

L-għan ta’ din l-emenda, għalhekk, huwa li jiġi applikat ħlas ġdid għal beni pubbliċi deskritti fl-Artikolu 2(a) [tal-Liġi dwar l-Ilma], jiġifieri għall-użu jew għall-iżvilupp ta’ ilmijiet interni għal sfruttament idroelettriku.”

11      L-Artikolu 29 tal-Liġi Fiskali dwar l-Enerġija jemenda l-Liġi dwar l-Ilma permezz tal-inklużjoni tal-Artikolu 112 bis fiha li huwa fformulat kif ġej:

“Artikolu 112 bis Ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika.

1.      L-użu u l-isfruttament tal-beni pubbliċi msemmija fl-Artikolu 2(a) ta’ din il-liġi, għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika għandhom ikunu suġġetti għal taxxa, magħrufa bħala ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika, maħsuba għall-protezzjoni u t-titjib tar-riżorsi ta’ ilma pubbliku.

2.      Il-ħlas ikun dovut mal-għoti inizjali u maż-żamma kull sena tal-konċessjoni idroelettrika u jkun pagabbli fl-ammont korrispondenti u fil-perijodi indikati fil-kundizzjonijiet tal-imsemmija konċessjoni jew awtorizzazzjoni.

3.      Dawk li jkunu obbligati jħallsu t-taxxa għandhom ikunu l-konċessjonarji jew, skont il-każ, dawk surrogati għalihom.

4.      Il-bażi taxxabbli tal-ħlas għandha tiġi stabbilita mill-Awtorità tal-Baċir [l-organu ta’ ġestjoni] u għandha tkun il-valur ekonomiku tal-enerġija idroelettrika prodotta, imkejjel skont l-ispejjeż tal-busbar tal-impjant, f’kull perjodu ta’ taxxa annwali mill-konċessjonarju permezz tal-użu u l-isfruttament ta’ riżorsi ta’ ilma pubbliku.

5.      Ir-rata ta’ taxxa annwali għandha tkun ta’ 22 % tal-valur tal-bażi tat-taxxa u l-obbligu ta’ ħlas tat-total ta’ taxxa għandu jkun l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata ta’ taxxa għall-bażi tat-taxxa.

6.      Impjanti idroelettriċi operati direttament mill-amministrazzjoni kompetenti għall-ġestjoni tar-riżorsi ta’ ilma pubbliku huma eżentati minn dan il-ħlas.

7.      Il-ħlas jitnaqqas b’90 % għall-impjanti idroelettriċi ta’ qawwa ugwali jew inqas minn 50 MW kif ukoll għall-impjanti ta’ produzzjoni tal-enerġija elettrika li jużaw it-teknoloġija idrolika ta’ ppumpjar u ta’ qawwa ta’ iktar minn 50 MW, skont il-modalitajiet iddefiniti mil-liġi għal dawn il-produzzjonijiet jew impjanti li għandhom jiġu inkoraġġuti għal raġunijiet ta’ politika ta’ enerġija ġenerali.

8.      L-immaniġġar u l-ġbir tal-ħlas għandhom ikunu r-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Baċir kompetenti jew tal-Awtorità tat-Taxxi tal-Istat, skont ftehim ma’ din tal-aħħar.

Fil-każ ta’ konklużjoni ta’ ftehim mal-Agencia Estatal de Administración Tributaria [l-Awtorità tat-Taxxi Spanjola], din tirċievi mill-Awtorità tal-Baċir iċ-ċifri u rrilevati rilevanti li jistgħu jiffaċilitaw l-amministrazzjoni tiegħu u, perjodikament, tinforma lill-imsemmija Awtorità skont il-modalitajiet stabbiliti mil-liġi. Għal dan il-għan, il-Comisión Nacional de Energía [il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Enerġija, Spanja] u l-Operador del Sistema eléctrico [l-Operatur tan-Netwerk ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku, Spanja] għandhom jipprovdu lill-Awtorità tal-Baċir jew lill-Awtorità tat-Taxxi kwalunkwe data u rapporti meħtieġa, skont l-Artikolu 94 tal-Ley 58/2003, de 17 de diciembre [il-Liġi Nru 58/2003, tas-17 ta’ Diċembru].

2 % tal-ħlas miġbur għandha titqies bħala dħul tal-Awtorità tal-Baċir u l-organu li jiġbor il-ħlas għandu jħallas lit-Teżor it-98 % li jifdal.”

12      It-tieni dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Fiskali dwar l-Enerġija, li tirrigwarda l-ispejjeż tas-sistema tal-elettriku, tipprovdi:

“Kull sena l-liġijiet finanzjarji ġenerali tal-Istat jallokaw għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-sistema tal-elettriku kif previsti fl-Artikolu 16 ta’ Ley 54/1997, de 27 de noviembre, del Sector Eléctrico [il-Liġi Nru 54/1997 tas-27 ta’ Novembru, dwar is-settur tal-elettriku] ammont ekwivalenti għas-somma ta’:

a)      stima tal-ammonti annwali miġbura mill-Istat fir-rigward ta’ taxxi u ħlasijiet inklużi f’din il-liġi;

a)      id-dħul stmat iġġenerat bl-irkant ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gass serra, b’massimu ta’ EUR 500 miljun.”

 Id-Digriet Irjali 198/2015

13      L-Artikolu 12 tar-Real Decreto 198/2015, por el que se desarrolla el artículo 112bis del Texto Refundido de la Ley de Aguas y se regula el canon por utilización de las aguas continentales para la producción de energía eléctrica en las demarcaciones intercomunitarias (id-Digriet Irjali 198/2015, li jimplimenta l-Artikolu 112 bis tat-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-ilma u li jirregola l-ħlas għall-użu ta’ ilmijiet interni għall-produzzjoni tal-elettriku f’distretti tal-ilmijiet inter-Komunitajiet), tat-23 ta’ Marzu 2015 (BOE Nru 72, tal-25 ta’ Marzu 2015, p. 25674, (iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali 198/2015”), jipprovdi:

“Dħul minn ħlasijiet miġbura

1.      L-ammont tad-dħul miġbur jitħallas lill-Awtorità tal-Baċir [l-organu ta’ ġestjoni] bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 112 bis(8) tat-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-Ilma […].

[…]

3.      2 % tad-dħul nett miġbur għandu jitqies bħala dħul tal-organizzazzjoni tal-baċir.

4.      Mill-ammont tad-dħul nett miġbur, 98 % għandu jitħallas lit-Teżor. Il-baġit ġenerali tal-Istat għandu jalloka mill-inqas ammont daqs l-ammont ipprovdut għal azzjonijiet għall-protezzjoni u t-titjib ta’ riżorsi ta’ ilma pubbliku, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14. Għal dan l-għan il-proġetti ta’ investiment li jiggarantixxu l-protezzjoni u t-titjib ta’ riżorsi ta’ ilma pubbliku jkunu ddeterminati kull sena fil-Liġijiet tal-baġit ġenerali tal-Istat.

5.      Fix-xahar li jsegwi dak li matulu jinġabar il-ħlas, l-Awtorità tal-Baċir għandha tikkalkula l-bilanċ tal-kont finali u tħallas l-ammont lit-Teżor, filwaqt li għandha tirrapporta dwar id-dħul u l-ispejjeż li jiġġustifikaw dan il-bilanċ mal-Agencia Estatal de Administración Tributaria [l-Awtorità tat-Taxxi Spanjola].”

14      L-Artikolu 13 ta’ dan id-Digriet Irjali jipprevedi li:

“Garanzija ta’ protezzjoni ta’ riżorsi pubbliċi

Biex tkun żgurata konformità mal-objettivi ambjentali stabbiliti fid-Direttiva [2000/60] u msemmija fl-Artikolu 98 u f’artikoli sussegwenti tat-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-Ilma, u skont il-prinċipju ta’ rkupru ta’ spejjeż stabbilit fl-Artikolu 111 bis tat-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-Ilma, il-baġit ġenerali tal-Istat għandu jalloka mill-inqas ammont daqs l-ammont previst fit-taqsima 4 tal-Artikolu 12 qabel, f’konformità ma’ dak iddefinit fl-Artikolu 14, għal azzjonijiet għall-protezzjoni u t-titjib ta’ riżorsi ta’ ilma pubbliku u l-għejun ta’ ilma milquta minn żviluppi idroelettriċi.”

15      L-Artikolu 14 tal-imsemmi Digriet Irjali jipprovdi:

“Protezzjoni u titjib ta’ riżorsi ta’ ilma pubbliku

1.      Għall-finijiet ta’ dan id-digriet irjali, protezzjoni u titjib ta’ riżorsi ta’ ilma pubbliku jfissru l-attivitajiet li l-amministrazzjoni ġenerali tal-Istat kompetenti għall-ġestjoni tal-baċiri li jestendu fuq iktar minn komunità awtonoma għandha tagħmel sabiex jintlaħaq għan triplu: jiddeterminaw il-limitazzjonijiet li jirriżultaw mill-attività umana u li jaffettwaw l-ilma, jikkoreġu l-istat tal-ilma u d-degradazzjoni tar-riżorsi ta’ ilma pubbliku, u jimplimentaw b’mod adegwat il-funzjonijiet ta’ kontroll u ta’ sorveljanza tar-riżorsi ta’ ilma pubbliku u tal-pulizija tal-ilma.

2.      L-attivitajiet li jippermettu ġestjoni iktar effiċjenti u sostenibbli tar-riżors billi jiġu rrazzjonalizzati l-użu tar-riżorsi ta’ ilma pubbliku, jaqgħu taħt l-attivitajiet elenkati fil-paragrafu 1.

3.      L-attivitajiet intiżi għat-twettiq tal-għanijiet indikati fil-paragrafi 1 u 2 jinkludu, b’mod partikolari:

a)      Il-qisien, l-analiżi u l-kontroll tal-konsum ta’ ilma mogħtija fil-konċessjonijiet u mniżżla fir-reġistru tal-ilma jew fil-Catálogo ta’ Aguas privatidas [ir-Reġistru ta’ Użu Privat tal-Ilma].

b)      L-attivitajiet ta’ ġestjoni intiżi sabiex jippermettu l-użu tar-riżorsi ta’ ilma pubbliku mill-individwi fil-kuntest tas-sistema ta’ awtorizzazzjonijiet u ta’ dikjarazzjonijiet ta’ konformità fuq l-unur.

c)      L-immodernizzar, iż-żamma u l-aġġornament tar-reġistru tal-ilma.

d)      L-istabbiliment u l-iżvilupp tal-programmi li jippermettu t-twettiq tal-aġġornament u r-reviżjoni tal-awtorizzazzjonijiet u tal-konċessjonijiet relatati mal-ilma.

e)      Is-sorveljanza u l-monitoraġġ tal-livell ta’ osservanza tas-sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet dwar ir-riżorsi ta’ ilma pubbliku, b’mod partikolari tal-kundizzjonijiet imposti f’kull każ, li huma riflessi f’funzjonijiet ta’ appoġġ għall-pulizija tal-ilma.

f)      Il-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-istat kwalitattiv u kwantitattiv tal-korpi tal-ilma. Dan il-monitoraġġ jitwettaq permezz tal-programmi ta’ kontroll u ta’ evalwazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art u tas-superfiċji, taż-żamma u tat-tħaddim tan-netwerks ta’ kontroll u ta’ monitoraġġ tal-istat tal-korpi tal-ilma, kif ukoll tal-monitoraġġ tad-diversi pjanijiet u programmi ta’ trattament tal-ilma mormi.

g)      L-attivitajiet tekniċi li jippermettu li jiġi ddeterminat u li jiddelimitaw il-qiegħ tal-korsijiet ta’ ilma pubbliku, iż-żoni li huma assoċjati magħhom u l-immappjar taż-żoni inondabbli, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji ta’ għargħar li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-organi ta’ ġestjoni.

h)      L-atti ta’ konservazzjoni u ta’ titjib tal-qiegħ tal-korsijiet ta’ ilma pubbliku permezz ta’ attivitajiet ta’ titjib tal-kontinwità fluvjali, ta’ adattament tal-istrutturi għall-migrazzjoni tal-fawna tal-ħut u għat-trasport ta’ sedimenti, ta’ rkupru tal-qiegħ tal-korsijiet ta’ ilma fluvjali u max-xtut, u tal-ġlieda kontra l-ispeċi invażivi li jimplikaw degradazzjoni tal-istat tar-riżorsi ta’ ilma pubbliku.

i)      Ix-xogħlijiet ta’ aġġornament u ta’ reviżjoni tal-ippjanar tal-ilma tad-distrett, fil-fażijiet kollha tagħhom, peress li huma jikkostitwixxu element fundamentali għall-protezzjoni u t-titjib tar-riżorsi ta’ ilma pubbliku sa fejn dawn huma intiżi għat-twettiq tal-għanijiet fil-qasam tal-ambjent deskritti fl-Artikolu 92 bis tat-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-Ilma.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

16      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikorsi quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) intiżi għall-annullament tad-Digriet Irjali 198/2015, li jimplimenta l-Artikolu 112 bis tat-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-Ilma u li jirregola l-ħlas għall-użu ta’ ilmijiet interni għall-produzzjoni tal-elettriku f’distretti tal-ilmijiet inter-komunitarji, jiġifieri d-distretti tal-ilmijiet li jgħaddu mit-territorju ta’ iktar minn komunità awtonoma waħda.

17      Dan l-Artikolu 112 bis, li jistabbilixxi dan il-ħlas, ġie introdott wara l-emenda tal-Liġi dwar l-Ilma permezz tal-Artikolu 29 tal-Liġi Fiskali dwar l-Enerġija.

18      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dan l-Artikolu 29 mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, stabbilit fl-Artikolu 191(2) TFUE, moqri flimkien mad-Direttiva 2000/60, mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll mad-dritt tal-kompetizzjoni, filwaqt li tistaqsi f’dan ir-rigward jekk l-imsemmi ħlas jistax jiġi kkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

19      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, jekk il-Liġi Fiskali dwar l-Enerġija titqies li ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, id-Digriet Irjali 198/2015, li jimplimenta l-ħlas għall-użu ta’ ilmijiet interni għall-produzzjoni tal-elettriku u li huwa s-suġġett tar-rikorsi fil-kawża prinċipali, ikun nieqes minn bażi legali u konsegwentement ikollu jiġi annullat.

20      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-konformità ta’ dan il-ħlas mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, fis-sens tal-Artikolu 191(2) TFUE, u mad-Direttiva 2000/60, din il-qorti tenfasizza li, għalkemm mill-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi Fiskali dwar l-Enerġija jirriżulta li l-istabbiliment tal-ħlas fuq il-produzzjoni tal-enerġija idrika jissodisfa raġunijiet ambjentali, jiġifieri l-protezzjoni u t-titjib tar-riżorsi ta’ ilma pubbliku, il-karatteristiċi essenzjali ta’ dan il-ħlas kif ukoll l-istruttura stess ta’ dan tal-aħħar jindikaw li dan tal-aħħar għandu, fir-realtà, għan purament ekonomiku sa fejn huwa intiż sabiex l-Istat jikseb dħul sabiex jagħmel tajjeb għad-defiċit tariffarju tas-sistema tal-elettriku, peress li dan id-defiċit jikkorrispondi għad-differenza bejn id-dħul li l-impriżi elettriċi Spanjoli jirċievu mingħand il-konsumaturi u l-ispejjeż għall-provvista tal-elettriku rrikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

21      Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, minn naħa, il-bażi taxxabbli ta’ dan il-ħlas tiddependi mill-valur tal-enerġija prodotta, li huwa kkalkolat skont ir-remunerazzjoni totali miksuba għall-enerġija injettata fin-netwerk tal-elettriku. Ir-rata tal-imsemmi ħlas fis-seħħ fid-data tal-fatti kienet ta’ 22 %, filwaqt li l-Artikolu 112 bis tat-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-ilma ppreveda biss rata ta’ 5 % għall-okkupazzjoni, l-użu u l-isfruttament tal-korsijiet ta’ ilma naturali, permanenti jew le, u tal-qiegħ prinċipali tal-lagi, tal-laguni u ta’ digi fuq korsijiet ta’ ilma pubbliċi li jeħtieġu konċessjoni jew awtorizzazzjoni amministrattiva. Għall-kuntrarju, huwa biss 2 % tal-ammont tal-ħlas miġbur li huwa allokat għall-interventi tal-Organismo de cuenca (Organu Pubbliku Responsabbli għall-Ġestjoni tal-Ilma f’distretti ta’ Ilmijiet intra-Komunitarji, Spanja), peress li t-98 % rimanenti jitħallsu lit-Teżor Pubbliku u għalhekk jikkostitwixxi dħul addizzjonali tas-sistema elettrika. Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-ammont ta’ dan il-ħlas kellu jkun allokat b’mod sħiħ għall-protezzjoni u għat-titjib tar-riżorsi pubbliċi u li d-Digriet Irjali 198/2015 ipprova jikkoreġi din l-inkonsistenza billi ppreveda li l-baġits ġenerali tal-Istat kellhom jallokaw ammont li jikkorrispondi għal tal-inqas 98 % tad-dħul miksub mill-imsemmi ħlas għal azzjonijiet ta’ protezzjoni u ta’ titjib tar-riżorsi ta’ ilma pubbliku. Il-qorti tar-rinviju tindika madankollu li tali allokazzjoni ma ġietx osservata fil-baġit ġenerali tal-Istat għas-sena 2016, li kien jalloka d-dħul li jirriżulta minn dan l-istess ħlas għall-finanzjament tad-defiċit tas-sistema tal-elettriku.

22      Għalhekk, kuntrarjament għar-rekwiżiti tad-Direttiva 2000/60, il-ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika jikser il-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma, inklużi l-ispejjeż ambjentali, ma jiddeterminax liema huma d-danni ambjentali u jirrigwarda biss tip ta’ użu tal-ilmijiet interni, jiġifieri dak intiż għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika, minkejja n-natura rinnovabbli ta’ din tal-aħħar u l-fatt li l-ilma użat ma huwiex ikkonsmat. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li dan il-ħlas jikkostitwixxi fil-fatt taxxa li ma għandha l-ebda rabta mal-okkupazzjoni tar-riżorsi pubbliċi u lanqas mal-konsegwenzi ambjentali tal-attività marbuta ma’ din l-okkupazzjoni.

23      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72, il-qorti tar-rinviju tindika li dan il-ħlas huwa dovut biss mill-produtturi ta’ enerġija idroelettrika, bl-esklużjoni ta’ kull produttur ieħor ta’ enerġija li juża teknoloġija differenti, li huma proprjetarji ta’ konċessjonijiet amministrattivi f’baċiri tal-ilma inter-komunitarji u mhux inter-komunitarji, jiġifieri f’baċiri tal-ilma li jinsabu fit-territorju ta’ iktar minn komunità awtonoma waħda u mhux fuq dak ta’ komunità awtonoma waħda.

24      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, minħabba n-natura asimetrika tal-imsemmi ħlas, id-differenzi fit-trattament li dan jistabbilixxi jaffettwaw il-kompetizzjoni fis-suq tal-elettriku u għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur produtturi tal-elettriku li ma humiex suġġetti għal dan l-istess ħlas.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin fil-Kawżi C‑105/18 sa C‑108/18 u C‑110/18 sa C‑113/18:

“1)      Il-prinċipju ambjentali ta’ min iniġġeż iħallas, stabbilit fl-Artikolu 191(2) TFUE, u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva [2000/60], li jistabbilixxi l-prinċipju tal-irkupru tal-ispiża tas-servizzi relatati mal-ilma kif ukoll il-kumpens ekonomiku xieraq għall-użu tal-ilma, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-introduzzjoni ta’ tariffa għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni tal-enerġija, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tinkoraġġixxix l-użu effiċjenti tal-ilma, u lanqas tistabbilixxi mekkaniżmi għall-konservazzjoni u għall-protezzjoni taż-żoni għall-pubbliku, li r-rata tagħha ma hija bl-ebda mod marbuta mal-kapaċità li tikkawża ħsara liż-żoni ta’ ilma għall-pubbliku, peress li tiffoka biss u esklużivament fuq il-kapaċità tal-produtturi li jiġġeneraw dħul?

2)      Taxxa bħat-tariffa idrawlika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna esklużivament il-produtturi ta’ enerġija idroelettrika li joperaw f’ilmijiet inter-Komunitarji iżda mhux il-produtturi li għandhom konċessjonijiet f’ilmijiet intra-Komunitarji u l-produtturi li jużaw teknoloġija idroelettrika iżda mhux dawk li jipproduċu enerġija b’teknoloġiji oħra, hija konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn l-operaturi stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72 […]?

3)      L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impożizzjoni ta’ tariffa idrawlika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għad-detriment tal-produtturi ta’ enerġija idroelettrika li joperaw f’ilmijiet inter-Komunitarji, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ipprojbita, peress li tintroduċi sistema ta’ tassazzjoni asimmetrika fl-istess qasam tat-teknoloġija skont il-post li fih jinsab l-impjant [tal-elettriku] u ma hijiex imposta fuq il-produtturi ta’ enerġija minn sorsi oħra?”

26      Fil-Kawża C‑109/18, l-ewwel żewġ domandi preliminari huma, essenzjalment, identiċi għall-ewwel żewġ domandi fil-kawżi ċċitati fil-punt preċedenti, u t-tielet domanda preliminari hija fformulata kif ġej:

“3)      L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas ta’ ssuġġettar għal tariffa idrawlika tal-produzzjoni tal-enerġija idroelettrika li topera f’ilmijiet intra-Komunitarji u ta’ użu ieħor [li jimplika konsum] tal-ilmijiet jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ipprojbita, peress li din it-tariffa tapplika biss fuq l-użu ta’ ilma fir-rigward tal-produzzjoni tal-enerġija?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

27      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 191(2) TFUE u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/60 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika, bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li ma jinkoraġġixxix użu effikaċi tal-ilma, ma jistabbilixxix mekkaniżmi għall-konservazzjoni u għall-protezzjoni tar-riżorsi ta’ ilma pubbliku, li r-rata tiegħu ma għandhiex rabta mal-kapaċità li jiġi kkawżat dannu lil dawn ir-riżorsi ta’ ilma pubbliku, u li huwa biss u esklużivament ibbażat fuq il-kapaċità tal-produtturi tal-enerġija idroelettrika għal ġenerazzjoni ta’ dħul.

28      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 191(2) TFUE jipprovdi li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent tfittex livell għoli ta’ protezzjoni u hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Għalhekk, din id-dispożizzjoni sempliċement tiddefinixxi l-għanijiet ġenerali tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent sa fejn l-Artikolu 192 TFUE jagħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, meta jkunu qegħdin jiddeċiedu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, is-setgħa li jiddeċiedu liema azzjoni għandha tittieħed sabiex jitwettqu dawn l-għanijiet (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2015, Fipa Group et, C‑534/13, EU:C:2015:140, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29      Konsegwentement, peress li l-Artikolu 191(2) TFUE, li jipprevedi l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, japplika għall-azzjoni tal-Unjoni, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata bħala tali minn individwi bl-iskop li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ tintervjeni f’qasam tal-politika ambjentali, meta l-ebda leġiżlazzjoni tal-Unjoni adottata abbażi tal-Artikolu 192 TFUE li tkopri speċifikament is-sitwazzjoni kkonċernata ma tkun applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2015, Fipa Group et, C-534/13, EU:C:2015:140, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      Minn dan isegwi li, sa fejn dan il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas huwa espressament imsemmi fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/60 u sa fejn din id-direttiva ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 175(1) KE (li sar l-Artikolu 192 TFUE), huwa abbażi ta’ dan l-Artikolu 9(1) li għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmi prinċipju huwiex applikabbli għall-kawżi prinċipali.

31      F’dan ir-rigward, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din tifforma parti minnha (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2019, Conti 11. Container Schiffahrt, C‑689/17, EU:C:2019:420, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/60 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż għas-servizzi marbuta mal-użu tal-ilma, inklużi l-ispejjeż għall-ambjent u r-riżorsi, fid-dawl tal-analiżi ekonomika mwettqa skont l-Anness III ta’ din id-direttiva u skont, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas.

33      Peress li dan l-ewwel subparagrafu ma jispeċifikax il-kuntest li fih l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż għas-servizzi marbuta mal-użu tal-ilma, jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija intiża għall-implimentazzjoni, mill-Istati Membri, ta’ politika ġenerali ta’ rkupru ta’ dawn l-ispejjeż, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas.

34      Barra minn hekk, mit-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 9(1) jirriżulta li l-Istati Membri kellhom jiżguraw, mid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva 2000/60 sas-sena 2010, li, minn naħa, il-politika ta’ impożizzjoni ta’ tariffi tal-ilma tinkoraġġixxi lill-utenti sabiex jużaw ir-riżorsi b’mod effikaċi u b’hekk jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, li s-setturi ekonomiċi differenti, imqassma tal-inqas bit-twettiq ta’ distinzjoni tas-settur industrjali, is-settur tad-djar u s-settur agrikolu, jikkontribwixxu b’mod xieraq għall-irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma, abbażi tal-analiżi ekonomika mwettqa skont l-Anness III tal-imsemmija direttiva u fid-dawl tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas.

35      F’dan ir-rigward, il-fatt li dan it-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) jagħmel riferiment għas-setturi ekonomiċi differenti, li għandhom jikkontribwixxu b’mod xieraq għal dan il-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż għas-servizzi marbuta mal-użu tal-ilma, jikkonferma li l-obbligu relatat mat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-prinċipju huwa impost fil-kuntest tal-politika ġenerali tal-Istati Membri dwar dawn is-servizzi. Tali interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata mill-formulazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 9(1), li jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-irkupru ta’ dawn l-ispejjeż kif ukoll il-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi tar-reġjun jew tar-reġjuni kkonċernati, b’tali mod li jħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-imsemmi prinċipju ta’ rkupru tal-imsemmija spejjeż.

36      Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/60 jirriżulta li huwa biss fid-dawl tar-regoli nazzjonali rilevanti kollha li jimplimentaw programmi ta’ miżuri li jirregolaw is-servizzi marbuta mal-użu tal-ilma, li jista’ jiġi vverifikat jekk Stat Membru jkunx ħa inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż ta’ dawn is-servizzi. Minn dan isegwi li l-osservanza ta’ dan l-Artikolu 9(1) ma tistax tiġi evalwata fid-dawl ta’ miżura nazzjonali, meħuda waħedha, li hija imposta fuq utenti tar-riżorsi tal-ilma.

37      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-kuntest li tagħmel parti minnu din id-dispożizzjoni jikkonferma l-interpretazzjoni tal-formulazzjoni tagħha. Fil-fatt, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2000/60 hija direttiva-qafas adottata abbażi tal-Artikolu 175(1) KE (li sar l-Artikolu 192 TFUE). Hija tistabbilixxi l-prinċipji komuni u qafas globali ta’ azzjoni għall-protezzjoni tal-ilmijiet u tiżgura l-koordinament, l-integrazzjoni, kif ukoll, għal medda itwal ta’ żmien, l-iżvilupp tal-prinċipji ġenerali u tal-istrutturi li jippermettu l-protezzjoni u użu ekoloġikament vijabbli tal-ilma fl-Unjoni Ewropea. Dawn il-prinċipji u dan il-qafas għandhom jiġu żviluppati sussegwentement mill-Istati Membri bl-adozzjoni ta’ miżuri partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-525/12, EU:C:2014:2202, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Barra minn hekk, l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva jimponi fuq kull Stat Membru l-obbligu li jiżgura l-istabbiliment, għal kull distrett ta’ baċir tal-ilma jew għall-parti tad-distrett ta’ baċir tal-ilma internazzjonali li jinsab fit-territorju tiegħu, programm ta’ miżuri sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva. L-Artikolu 11(3) tal-istess direttiva jispeċifika li l-miżuri bażiċi ta’ dan il-programm jinkludu l-miżuri meqjusa adegwati għall-finijiet tal-Artikolu 9, li jikkonferma li l-obbligu impost minn dan tal-aħħar huwa intiż għall-implimentazzjoni ta’ sensiela ta’ miżuri li, meħuda flimkien, għandhom ikunu “adegwati” sabiex jiżguraw l-osservanza tal-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż marbuta mal-użu tal-ilma.

39      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2000/60. Fil-fatt, din id-direttiva ma hijiex intiża tikseb armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-ilma (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑525/12, EU:C:2014:2202, punt 50, u tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 34).

40      Skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 2000/60, dan għandu bħala skop li jistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art li jipprevjeni iktar deterjorament u jipproteġi u jżid l-istatus tal-ekosistemi akkwatiċi u, ta’ ekosistemi terrestri li jiddependu direttament fuq ekosistemi akkwatiċi.

41      Id-Direttiva 2000/60 essenzjalment tistrieħ fuq il-prinċipji ta’ amministrazzjoni għall-baċir tax-xmara, tal-iffissar tal-għanijiet għall-korp tal-ilma, tal-ippjanar u tal-programmazzjoni, tal-analiżi ekonomiċi tal-modalitajiet tal-apprezzament tal-ilma, tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-irkupru tal-ispejjeż, kif ukoll tal-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi tar-reġjun jew tar-reġjuni kkonċernati (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑525/12, EU:C:2014:2202, punt 53).

42      Mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jidher li l-miżuri dwar l-irkupru tal-ispejjeż għas-servizzi marbuta mal-użu tal-ilmijiet jikkostitwixxu wieħed mill-istrumenti, għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, dwar l-amministrazzjoni kwalitattiva tal-ilma intiż għal użu razzjonali tar-riżors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑525/12, EU:C:2014:2202, punt 55).

43      Kif indika essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta, bħal fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, Stat Membru jimponi ħlasijiet fuq l-utenti tar-riżors tal-ilma, il-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż għas-servizzi marbuta mal-użu tal-ilma, imsemmi fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/60, ma jimponix li l-ammont ta’ kull wieħed minn dawn il-ħlasijiet, meħud b’mod iżolat, ikun proporzjonat mal-imsemmija spejjeż.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa irrilevanti li, fil-kawżi prinċipali, kif indikat il-qorti tar-rinviju, li hija esklużivament kompetenti sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali applikabbli għal dawn il-kawżi, il-ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika, fid-dawl kemm tal-karatteristiċi essenzjali tiegħu kif ukoll tal-istruttura tiegħu, ma għandux għan ambjentali, iżda għan esklużivament ekonomiku, u li għalhekk jikkostitwixxi dħul tas-sistema tal-elettriku Spanjola intiż sabiex jitnaqqas id-defiċit tariffarju li minnha ssofri din is-sistema mingħajr rabta la mal-okkupazzjoni tar-riżorsi ta’ ilma pubbliku u lanqas mal-konsegwenzi ambjentali tal-attività marbuta ma’ din l-okkupazzjoni.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 191(2) TFUE u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/60 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika, bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li ma jinkoraġġixxux użu effikaċi tal-ilma, ma jistabbilixxux mekkaniżmi għall-konservazzjoni u mal-protezzjoni tar-riżorsi ta’ ilma pubbliku, li r-rata tiegħu ma għandhiex rabta mal-kapaċità li jiġi kkawżat dannu lil dawn ir-riżorsi ta’ ilma pubbliku, u li huwa biss u esklużivament ibbażat fuq il-kapaċità tal-produtturi tal-enerġija idroelettrika għal ġenerazzjoni ta’ dħul.

 Fuq it-tieni domanda

46      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ħlas, bħall-ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jaqa’ esklużivament fuq il-produtturi ta’ enerġija idroelettrika li joperaw fuq f’baċiri tal-ilma li jestendu fit-territorju ta’ iktar minn komunità awtonoma waħda.

47      Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu għalhekk jiġi eżaminat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72.

48      Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, fuq il-bażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u fl-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà li, bla ħsara għall-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-impriżi tal-elettriku joperaw skont il-prinċipji ta’ din id-direttiva sabiex jintlaħaq suq kompetittiv, sikur u sostenibbli fil-livell ambjentali, u ma għandhom joħolqu l-ebda diskriminazzjoni f’dak li jirrigwarda drittijiet u obbligi ta’ dawn l-impriżi.

49      Għandu jiġi rrilevat li dan l-Artikolu 3(1) jistabbilixxi, fil-qasam tas-suq intern tal-elettriku, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni, li jagħmel parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-prinċipju jorbot lill-Istati Membri meta s-sitwazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas, C-13/05, EU:C:2006:456, punt 56, kif ukoll tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C-555/07, EU:C:2010:21, punti 21 u 23).

50      F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li, sa fejn mill-elementi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma purament interni, fis-sens li dawn huma nieqsa minn kull element transkonfinali, u li, min-naħa l-oħra, il-ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika inkwistjoni jikkostitwixxi miżura ta’ natura fiskali, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72, huwa applikabbli biss għal dan il-ħlas jekk din id-direttiva hija intiża għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri.

51      Peress li l-għan tad-Direttiva 2009/72 jikkonsisti fil-ħolqien ta’ suq intern tal-elettriku, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel użu mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja prevista fl-Artikolu 95(1) KE (li sar l-Artikolu 114(1) TFUE), għall-adozzjoni ta’ miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri fl-istabbiliment u fil-funzjonament tas-suq intern.

52      Madankollu, skont l-Artikolu 95(2) KE (li sar l-Artikolu 114(2) TFUE), dan l-Artikolu 95(1) (li sar l-Artikolu 114(1) TFUE) ma japplikax għad-dispożizzjonijiet fiskali.

53      Sa fejn id-Direttiva 2009/72 ma tikkostitwixxix miżura dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri, għandu jiġi kkunsidrat li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 3(1) tagħha ma japplikax għal ħlas, bħalma huwa l-ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix ħlas, bħalma huwa l-ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li huwa dovut biss mill-produtturi ta’ enerġija idroelettrika li joperaw f’baċiri tal-ilma li jestendu fit-territorju ta’ iktar minn komunità awtonoma waħda.

 Fuq it-tielet domanda fil-Kawżi magħquda C105/18 sa C108/18 u C110/18 sa C113/18 kif ukoll fil-Kawża C109/18

55      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma huwiex dovut, l-ewwel nett, mill-produtturi ta’ enerġija idroelettrika li joperaw f’baċiri tal-ilma li jinsabu fit-territorju ta’ komunità awtonoma waħda, it-tieni nett, mill-produtturi ta’ enerġija elettrika li ġejja minn sorsi oħra minbarra s-sors tal-ilma u, it-tielet nett, waqt użu ieħor li jwassal għal konsum ta’ ilma, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

56      Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑109/18 ma tinkludi ebda element ta’ informazzjoni li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-eventwali klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tal-ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika, li tirriżulta mill-fatt li dan ma huwiex dovut mill-impjanti li jużaw l-ilma għal finijiet oħra minbarra l-produzzjoni tal-enerġija idroelettrika.

57      Din il-parti tat-tielet domanda fil-Kawża C‑109/18, sa fejn tirrigwarda tali impjanti, għandha, għaldaqstant, tiġi ddikjarata inammissibbli.

58      Fir-rigward tar-risposta fuq il-mertu tal-partijiet ammissibbli tat-tielet domandi magħmula fil-kawżi magħquda kollha, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teżiġi li l-kundizzjonijiet segwenti kollha jkunu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, irid jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, huwa għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Azienda Napoletana Mobilità, C‑659/17, EU:C:2019:633, punt 20).

59      Sa fejn il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, teżiġi li kull waħda minn dawn l-erba’ kundizzjonijiet tkun issodisfatta, peress li dawn huma kumulattivi u sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biss dwar il-kundizzjoni tas-selettività tal-ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika, għandha tiġi eżaminata, qabel kollox, din l-aħħar kundizzjoni.

60      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-evalwazzjoni tan-natura selettiva tal-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarji permezz ta’ miżura nazzjonali timponi li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, din il-miżura nazzjonali hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex minn din is-sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u li b’hekk isofru minn trattament differenti li essenzjalment jista’ jiġi kklassifikat bħala “diskriminatorju” (sentenza tas-26 ta’ April 2018, ANGED, C‑233/16, EU:C:2018:280, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Il-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali bħala “selettiva” tippreżupponi, l-ewwel nett, li tiġi identifikata s-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat u, it-tieni nett, li jintwera li l-miżura fiskali eżaminata tidderoga minnha, sa fejn tintroduċi differenzi bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan segwit minn din is-sistema komuni, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli (sentenza tas-26 ta’ April 2018, ANGED, C‑233/16, EU:C:2018:280, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      F’dan ir-rigward, id-determinazzjoni tal-kuntest ta’ referenza għandha importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali peress li l-eżistenza nnfisha ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss meta mqabbla ma’ tassazzjoni msejħa “normali” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2006, Portugall vs Il-Kummissjoni, C-88/03, EU:C:2006:511, punt 56, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C-524/14 P, EU:C:2016:971, punt 55).

63      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eżami tan-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tista’ tirriżulta mill-fatt li l-ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika ma huwiex dovut mill-produtturi ta’ enerġija elettrika li s-sors tagħhom ta’ produzzjoni ta’ elettriku ma huwiex is-sors tal-ilma, għandu jiġi rrilevat li għalkemm il-kriterju ta’ tassazzjoni ta’ dan il-ħlas, li jirrigwarda s-sors ta’ produzzjoni tal-enerġija elettrika, ma huwiex formalment derogatorju għal qafas legali ta’ referenza partikolari, xorta jibqa’ l-fatt li dawn il-produtturi ta’ enerġija elettrika jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ħlas.

64      Sa fejn l-Artikolu 107(1) TFUE jiddefinixxi l-interventi statali skont l-effetti tagħhom, indipendentement mit-tekniki użati, ma jistax, għaldaqstant, jiġi eskluż a priori li l-kriterju ta’ tassazzjoni tal-ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija idroelettrika jippermetti li jiġu ffavoriti, fil-prattika, “ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, billi jitnaqqsu l-ispejjeż tagħhom meta mqabbla ma’ dawk li huma suġġetti għal dan il-ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2018, ANGED, C‑233/16, EU:C:2018:280, punti 47 u 48, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-produtturi ta’ enerġija idroelettrika suġġetti għall-ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-produtturi tal-enerġija elettrika li s-sors ta’ produzzjoni ta’ elettriku tagħhom ma huwiex l-ilma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq mill-ħlas inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

66      F’dan ir-rigward, mill-preżentazzjoni tad-dritt nazzjonali li tinsab fid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta, u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 112(1) bis tal-Liġi dwar l-Ilma kif ukoll mill-Artikoli 12 sa 14 tad-Digriet Irjali 198/2015, jirriżulta li l-ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika huwa intiż għall-protezzjoni u għat-titjib tar-riżorsi ta’ ilma pubbliku. Issa, huwa paċifiku li huma biss il-produtturi ta’ enerġija idroelettrika li jużaw ir-riżorsi ta’ ilma pubbliku bħala sors ta’ produzzjoni ta’ elettriku, li jista’ jkollu impatt ambjentali fuq dan ir-riżors tal-ilma.

67      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-produtturi ta’ elettriku minbarra dawk li jużaw is-sors tal-ilma, li ma humiex suġġetti għall-ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika, ma humiex, fir-rigward tal-għan ta’ dan il-ħlas, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli għal dik tal-produtturi ta’ elettriku li jużaw is-sors tal-ilma.

68      Għalkemm il-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, tiddikjara li dan il-ħlas, minkejja l-formulazzjoni tal-Artikolu 112 bis tal-Liġi dwar l-Ilma kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali 198/2015 li implimenta l-imsemmi ħlas, għandu, fid-dawl tal-karatteristiċi essenzjali tiegħu kif ukoll tal-istruttura tiegħu, għan purament ekonomiku, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, id-determinazzjoni tal-bażijiet taxxabbli u t-tqassim tal-piż fiskali fuq id-diversi fatturi ta’ produzzjoni u d-diversi setturi ekonomiċi taqa’ taħt il-kompetenza fiskali tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2018, ANGED, C‑233/16, EU:C:2018:280, punt 50, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69      Għalhekk, kriterju ta’ tassazzjoni abbażi tas-sors ta’ produzzjoni tal-enerġija elettrika, jippermetti, bħala prinċipju, li Stat Membru jistabbilixxi ħlas, bħall-ħlas inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, biss għall-produtturi ta’ enerġija elettrika li jużaw l-ilma bħala sors ta’ produzzjoni ta’ elettriku.

70      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-eżami tan-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tista’ tirriżulta mill-fatt li l-ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika ma huwiex dovut mill-produtturi ta’ enerġija idroelettrika li joperaw fuq baċiri tal-ilma li jinsabu fit-territorju ta’ komunità awtonoma waħda, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qafas legali ta’ referenza għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-selettività ta’ miżura ma għandux neċessarjament jiġi ddeterminat fil-limiti tat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, iżda jista’ jkun dak tat-territorju li fih awtorità reġjonali jew lokali teżerċita l-kompetenza li hija għandha taħt il-kostituzzjoni jew taħt il-liġi. Dan ikun il-każ meta din l-entità jkollha status legali u fattwali li jagħmilha suffiċjentement awtonoma fil-konfront tal-gvern ċentrali ta’ Stat Membru sabiex, permezz tal-miżuri adottati minnha, tkun din l-entità, u mhux il-gvern ċentrali, li jkollha rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2018, ANGED, C-233/16, EU:C:2018:280, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-kuntest ta’ referenza jiddependi mill-portata tal-kompetenza tal-awtorità pubblika li tkun adottat il-miżura inkwistjoni.

72      Fl-istess sens, jirriżulta mis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punti 61 u 62), li l-kuntest ta’ referenza rilevanti għall-eżami tan-natura selettiva ta’ miżura jista’ jiġi limitat għas-sistema legali li ġiet adottata minn entità fil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha stess.

73      Fil-fatt, in-natura selettiva ta’ miżura ma tistax tiġi eżaminata mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limiti legali li jirregolaw il-kompetenza tal-awtorità pubblika li adottat din il-miżura.

74      F’dan il-każ, il-Gvern Spanjol iddikjara, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-fatt li l-ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika ma huwiex dovut biss mill-produtturi ta’ enerġija idroelettrika li jużaw baċiri tal-ilma li jinsabu fit-territorju ta’ iktar minn komunità awtonoma waħda kien iġġustifikat mill-istruttura territorjali tal-Istat Spanjol u tal-kompetenzi ta’ kull amministrazzjoni kif ukoll tal-kompetenzi rispettivi tal-gvern ċentrali u tal-komunitajiet awtonomi li, fir-rigward tar-riżorsi pubbliċi tal-ilma, jiżviluppaw is-sistema legali tagħhom.

75      Għalhekk, il-leġiżlatur nazzjonali adotta l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi dan il-ħlas, li hija imposta biss fuq min għandu konċessjonijiet amministrattivi fuq il-baċiri tal-ilma li jinsabu fit-territorju ta’ iktar minn komunità awtonoma waħda, billi eżerċita kompetenza li hija limitata għal dawn il-baċiri biss.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara għall-verifika tat-tqassim tal-kompetenzi li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, jidher li l-kuntest ta’ referenza rilevanti għall-eżami tan-natura selettiva ta’ miżura ta’ għajnuna eventwali huwa kkostitwit mit-tassazzjoni li tolqot il-produzzjoni ta’ enerġija idroelettrika fuq baċiri tal-ilma li jestendu fuq iktar minn komunità awtonoma waħda.

77      Fid-dawl tal-kuntest ta’ referenza limitat b’dan il-mod, għandu jiġi kkonstatat li l-produtturi ta’ enerġija idroelettrika li joperaw fuq baċir tal-ilma li jinsab ġewwa komunità awtonoma waħda ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-produtturi ta’ enerġija li joperaw fuq baċiri tal-ilma li jestendu fit-territorju ta’ iktar minn komunità waħda.

78      Minn dan isegwi li l-kundizzjoni dwar is-selettività tal-miżura inkwistjoni ma hijiex issodisfatta u li, konsegwentement, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra msemmija fil-punt 58 ta’ din is-sentenza.

79      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika, inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, ma huwiex dovut, minn naħa, mill-produtturi ta’ enerġija idroelettrika li joperaw fuq baċiri tal-ilma li jinsabu fit-territorju ta’ komunità awtonoma waħda u, min-naħa l-oħra, mill-produtturi ta’ enerġija elettrika li ġejja minn sorsi oħra minbarra s-sors tal-ilma, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, favur dawn il-produtturi, peress li dawn tal-aħħar ma humiex, fid-dawl tal-kuntest ta’ referenza rilevanti kif ukoll tal-għan ta’ dan il-ħlas, f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-produtturi ta’ enerġija idroelettrika li joperaw fuq baċiri tal-ilma li jestendu fuq it-territorju ta’ iktar minn komunità awtonoma waħda li huma suġġetti għal dan il-ħlas, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

80      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      l-Artikolu 191(2) TFUE u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika, bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li ma jinkoraġġixxux użu effikaċi tal-ilma, ma jistabbilixxux mekkaniżmi għall-konservazzjoni u mal-protezzjoni tar-riżorsi ta’ ilma pubbliku, li r-rata tiegħu ma għandhiex rabta mal-kapaċità li jiġi kkawżat dannu lil dawn ir-riżorsi ta’ ilma pubbliku, u li huwa biss u esklużivament ibbażat fuq il-kapaċità tal-produtturi tal-enerġija idroelettrika għal ġenerazzjoni ta’ dħul.

2)      Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix ħlas, bħalma huwa l-ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li huwa dovut biss mill-produtturi ta’ enerġija idroelettrika li joperaw f’baċiri tal-ilma li jestendu fit-territorju ta’ iktar minn komunità awtonoma waħda.

3)      L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika, inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, ma huwiex dovut, minn naħa, mill-produtturi ta’ enerġija idroelettrika li joperaw fuq baċiri tal-ilma li jinsabu fit-territorju ta’ komunità awtonoma waħda u, min-naħa l-oħra, mill-produtturi ta’ enerġija elettrika li ġejja minn sorsi oħra minbarra s-sors tal-ilma, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, favur dawn il-produtturi, peress li dawn tal-aħħar ma humiex, fid-dawl tal-kuntest ta’ referenza rilevanti kif ukoll tal-għan ta’ dan il-ħlas, f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-produtturi ta’ enerġija idroelettrika li joperaw fuq baċiri tal-ilma li jestendu fuq it-territorju ta’ iktar minn komunità awtonoma waħda li huma suġġetti għal dan il-ħlas, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.