Language of document : ECLI:EU:T:2017:435

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

27 ta’ Ġunju 2017 (*)

“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Kuntratt għal żmien determinat li fih klawżola ta’ xoljiment li ttemm il-kuntratt fil-każ li l-isem tal-membru tal-persunal ma jkunx inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni ġenerali suċċessiva – Xoljiment tal-kuntratt b’applikazzjoni tal-klawżola ta’ xoljiment – Klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat bħala kuntratt għal żmien indeterminat – Awtorità ta’ res judicata – Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑233/16 P,

li għandha bħala suġġett appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tat-2 ta’ Marzu 2016, Ruiz Molina vs UASI (F‑60/15, EU:F:2016:28), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza,

José Luis Ruiz Molina, residenti f’San Juan de Alicante (Spanja), irrappreżentat minn N. Lhoëst u S. Michiels, avukati,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Lukošiūtė, bħala aġent, assistita minn B. Wägenbaur, avukat,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell),

komposta minn M. Jaeger, President, M. Prek (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

1        Permezz tal-appell tiegħu ppreżentat skont l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appellant José Luis Ruiz Molina, jitlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tat-2 ta’ Marzu 2016, Ruiz Molina vs UASI (F‑60/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:F:2016:28), li permezz tagħha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad it-talba tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni tal-President tal-EUIPO tal-4 ta’ Ġunju 2014 li l-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju jintemm wara l-iskadenza ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ sitt xhur.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma msemmija fil-punti 13 sa 29 tas-sentenza appellata skont kif ġej:

“13      Ir-rikorrent daħal fil-kariga mal-[EUIPO] fis-16 ta’ Lulju 2001 u, mis-16 ta’ Lulju 2002, ibbenefika minn kuntratt ta’ membru ta’ persunal temporanju abbażi tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg fis-seħħ dak iż-żmien, għal tul inizjalment previst ta’ erba’ snin, jiġifieri sal-15 ta’ Lulju 2006.

[omissis]

15      Sussegwentement għall-parteċipazzjoni tiegħu f’waħda mill-proċeduri ta’ selezzjoni interna miftuħa fil-qasam tal-‘proprjetà industrijali’ u fid-dawl tal-pożizzjoni ta’ klassifikazzjoni tiegħu, ir-rikorrent irċieva u aċċetta proposta ta’ klawżola addizzjonali għall-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju, b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2005. Għaldaqstant, l-Artikoli 4 u 5 ta’ dan il-kuntratt ġew emendati, u għaldaqstant il-kuntratt tiegħu sar ‘kuntratt […] konkluż għal żmien indeterminat bi klawżola ta’ xoljiment’ skont l-Artikolu 4 l-ġdid.

16      L-Artikolu 5 tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, hekk emendat, kien jipprovdi s-segwenti:

‘Dan il-kuntratt għandu jiġi xolt fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 47 tal-[Kondizzjonjiet tal-impjieg] fil-każ ta’ nuqqas ta’ inklużjoni [ta’ isem] il-membru tal-persunal fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni ġenerali suċċessiva tal-grupp ta’ funzjoni[jiet] tiegħu bi speċjalizzazzjoni fil-proprjetà industrijali organizzata mill-[Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal]. Dan il-kuntratt għandu wkoll jiġi xolt fil-każ li l-membru tal-persunal ma jaċċettax offerta ta’ reklutaġġ bħala uffiċjal tal-grupp ta’ funzjonijiet tiegħu proposta mill-[EUIPO] wara l-pubblikazzjoni tal-lista ta’ riżerva ta’ din il-kompetizzjoni.

Barra minn hekk l-[EUIPO] għandu d-dritt ixolji dan il-kuntratt għal kull motiv ieħor previst fl-Artikoli 47 sa 50 tal-[Kondizzjonjiet tal-impjieg], skont il-kundizzjonjiet imsemmija f’dawn l-artikoli.

Jekk il-kundizzjonijiet għax-xoljiment ikunu ssodisfatti, dan il-kuntratt għandu jintemm ipso jure wara l-iskadenza ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg fis-sens tal-Artikolu 47(c)(i) tal-[Kondizzjonjiet tal-impjieg].’

[omissis]

18      Fid-19 ta’ Diċembru 2007, id-Direttur tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani tal-[EUIPO] informa lir-rikorrent li l-kompetizzjonijiet ġenerali UASI/AD/02/07 u UASI/AST/02/07 kienu jifformaw parti minn dawk koperti mill-klawżola ta’ xoljiment prevista fl-Artikolu 5 tal-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju, kif emendat fl-1 ta’ Ġunju 2005.

19      Ir-rikorrent ippreżenta ruħu għall-kompetizzjoni ġenerali UASI/AST/02/07, iżda [ismu] ma ġiex inkluż fil-lista ta’ riżerva. Il-kuntratt tiegħu ġie xolt permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2009 b’effett mill-15 ta’ Settembru 2009 filgħaxija (iktar ’il quddiem id-‘deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2009’).

20      Ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2009. Peress li l-ilment tiegħu ġie miċħud, huwa kkontesta din id-deċiżjoni fil-kuntest ta’ rikors kollettiv, ippreżentat flimkien ma’ tlettax-il membru tal-persunal temporanju ieħor u ma’ ex membri tal-persunal temporanju tal-[EUIPO], irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali taħt in-numru ta’ referenza F‑102/09.

21      Ir-rikors kollettiv irreġistrat taħt in-numru ta’ referenza F‑102/09 ta lok għas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Bennett et vs UASI (F‑102/09, EU:F:2011:138, iktar ’il quddiem is-‘sentenza Bennett II’). F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset, minn naħa, li, minkejja l-formulazzjoni tal-Artikolu 4 tiegħu, il-kuntratt tar-rikorrent, hekk kif emendat b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2005, ma setax jiġi kklassifikat bħala kuntratt għal żmien indeterminat, li huwa kkaratterizzat mill-istabbiltà tal-impjieg (sentenza Bennett II, punt 86), u, min-naħa l-oħra, li l-emenda introdotta fl-1 ta’ Ġunju 2005 fil-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju permezz taż-żieda ta’ klawżola ta’ xoljiment kellha titqies bħala l-ewwel tiġdid tal-kuntratt tiegħu għal żmien determinat fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg (sentenza Bennett II, punt 120). Permezz ta’ din l-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors sa fejn dan kien jikkonċerna lir-rikorrent u għaldaqstant ma annullatx id-deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2009.

22      Preċedentement, fil-kuntest ta’ rikors kollettiv ieħor irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali taħt in-numru ta’ referenza F‑19/08, li fih ir-rikorrent kien ukoll parti, u li ta lok għas-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2009, Bennett et vs UASI (F‑19/08, EU:F:2009:75, iktar ’il quddiem is-‘sentenza Bennett I’), il-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat li l-kompetizzjonijiet UASI/AD/02/07 u UASI/AST/02/07 kienu ġew organizzati bil-għan tar-reklutaġġ, rispettivament, ta’ erba’ assistenti u ta’ amministrattur wieħed, kienet qieset, fil-punt 116 ta’ dik is-sentenza dan li ġej:

‘[B]illi pproponiet lil 31 membru tal-persunal, li kienu pparteċipaw b’suċċess għal dan il-għan fi proċeduri ta’ selezzjoni interni, kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat, li jinkludi klawżola ta’ xoljiment applikabbli biss fil-każ li fih il-persuni kkonċernati ma jiġux inklużi f’lista ta’ riżerva stabbilita wara kompetizzjoni ġenerali bi speċjalizzazzjoni fil-proprjetà industrijali, li l-organizzazzjoni tagħha kienet tħabbret mill-President tiegħu stess għall-2007 jew għall-2008, l-[EUIPO] b’mod ċar impenja ruħu jżomm lill-persuni kkonċernati b’mod permanenti fi ħdanu bil-kundizzjoni li huma jkunu inklużi f’tali lista ta’ riżerva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi llimita n-numru ta’ pożizzjonijiet li għandhom jiġu mimlija għal total ta’ ħamsa, filwaqt li l-persuni kkonċernati kienu [wieħed u tlettin] b’kollox, u billi llimita n-numru ta’ kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni inklużi fil-listi ta’ kandidati xierqa stabbiliti wara l-[kompetizzjonijiet UASI/AD/02/07 u UASI/AST/02/07], li barra minn hekk kienu ġenerali, għan-numru eżatt ta’ pożizzjonijiet li għandhom jiġu mimlija, l-[EUIPO] radikalment u oġġettivament naqqas il-possibbiltajiet tar-rikorrenti, fit-totalità tagħhom, li jevitaw l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ xoljiment u, għaldaqstant, irrenda parzjalment superfluwa l-portata tal-impenji kuntrattwali tiegħu meħuda fir-rigward tal-persunal temporanju tiegħu.’

[omissis]

25      Sussegwentement għas-sentenzi Bennett I u Bennett II, l-[EUIPO] u r-rikorrent iffirmaw, fl-1 ta’ Diċembru 2011, ‘protokoll ta’ integrazzjoni mill-ġdid” li kien jipprevedi l-‘integrazzjoni mill-ġdid” tar-rikorrent fil-kuntest tal-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju, hekk kif emendat fl-1 ta’ Ġunju 2005, filwaqt li l-Artikolu 5 tal-kuntratt ma nbidilx u l-Artikolu 4 tneħħa (iktar ’il quddiem il-‘protokoll ta’ integrazzjoni mill-ġdid”); permezz ta’ dan l-istess protokoll, l-[EUIPO] effettivament integra mill-ġdid lir-rikorrent fil-funzjonijiet tiegħu mill-1 ta’ Diċembru 2011.

[omissis]

27      Fit-28 ta’ Novembru 2013, il-President tal-[EUIPO] informa lir-rikorrent li sussegwentement għall-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni inkwistjoni ‘il-klawżola [ta’ xoljiment prevista fl-Artikolu 5 tal-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju] [kienet] ser titqies [bħala applikabbli] jekk [ismu] ma [jkunx] inkluż […] fuq il-[listi] ta’ riżerva tal-[…] kompetizzjonijiet [ġenerali UASI/AD/01/13 u UASI/AST/02/13’.

28      Ir-rikorrent ipparteċipa fil-kompetizzjoni ġenerali UASI/AST/02/13 (iktar ’il quddiem il-‘kompetizzjoni inkwistjoni’), iżda [ismu] ma ġiex inkluż fil-lista ta’ riżerva. Il-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju ġie xolt permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ġunju 2014, b’effett mill-iskadenza tal-avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ sitt xhur li jibda jiddekorri mill-istess jum, jiġifieri t-3 ta’ Diċembru 2014 (iktar ’il quddiem id-‘eċiżjoni kkontestata’).

29      Fl-4 ta’ Settembru 2014 ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata, liema lment ġie miċħud fit-12 ta’ Jannar 2015.”

 Il-proċedura fl-ewwel istanza u s-sentenza appellata

3        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-22 ta’ April 2015, l-appellant ippreżenta rikors, irreġistrat taħt in-numru ta’ referenza F‑60/15, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-President tal-EUIPO, tal-4 ta’ Ġunju 2014, li jtemm il-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju wara l-iskadenza ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ sitt xhur.

4        Permezz tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad ir-rikors u kkundanna lill-appellant ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, nofs l-ispejjeż sostnuti mill-EUIPO.

5        L-ewwel nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fakkar li “l-protokoll ta’ integrazzjoni mill-ġdid [li l-EUIPO u r-rikorrenti ffirmaw fl-1 ta’ Diċembru 2011] kien jipprevedi l-integrazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent fil-kuntest tal-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju, kif emendat fl-1 ta’ Ġunju 2005, fil-grad u fl-iskala li huwa kellu fid-data ta’ xoljiment ta’ dan il-kuntratt, jiġifieri l-15 ta’ Settembru 2009 filgħaxija”, u li, permezz ta’ dan l-istess protokoll, l-EUIPO “kien qiegħed jimpenja ruħu jikkostitwixxi mill-ġdid il-karriera tar-rikorrent minn din l-istess data u jħallsu d-differenza bejn dak li huwa kien jaqla bejn is-16 ta’ Settembru 2009 u t-30 ta’ Novembru 2011 kieku l-kuntratt tiegħu ma kienx ġie xolt u dak li huwa kien effettivament qala matul l-istess perijodu”. Huwa qies li, “f’dawn iċ-ċikrustanzi, hekk kif [kien] jirriżulta espliċitament mill-Artikolu 1 [ta’ dan il-protokoll], [kien] hemm lok li jitqies li d-deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2009 [kienet] ġiet irtirata permezz ta’ dan il-protokoll u li r-rikorrent [kien] ġie mqiegħed mill-ġdid b’mod retroattiv fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju, kif emendat fl-1 ta’ Ġunju 2005, mid-data ta’ effett tad-deċiżjoni ta’ xoljiment, jiġifieri mill-15 ta’ Settembru 2009 filgħaxija”. Huwa għaldaqstant qies li, “[p]eress li l-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tar-rikorrent, kif emendat fl-1 ta’ Ġunju 2005, kellu jitqies […] bħala l-ewwel tiġdid tal-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ir-rikorrent ma [setax] isostni li d-deċiżjoni kkontestata [kienet kisret] id-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg inkwantu [dan il-protokoll] kien ikkostitwixxa it-tieni tiġdid tal-kuntratt tiegħu li jorbot lill-[EUIPO]” (sentenza appellata, punt 39).

6        Sussegwentement, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku enfasizza li l-“Ftehim qafas [bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, implementat permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999] ma [kienx] jirrigwarda l-kundizzjonijiet għax-xoljiment tal-kuntratti għal żmien determinat jew indeterminat, iżda l-kundizzjonjiet għall-użu ta’ dawn il-kuntratti, skont il-Klawżola 1(b) tiegħu” u li “l-Klawżola 5(1)(a) ta’ [dan] il-ftehim-qafas ma [setgħetx] tiġi direttament invokata kontra d-deċiżjoni kkontestata, liema deċiżjoni la [kellha] bħala għan u lanqas bħala effett li ġġedded ir-reklutaġġ tar-rikorrent mal-[EUIPO] u [għaldaqstant ma setgħetx] tkun, minnha nnifisha, kuntrarja għad-dispożizzjonijiet ta’ [dan] il-ftehim qafas” (sentenza appellata punt 45).

7        Barra minn hekk, fir-rigward tal-illegalità allegata tal-protokoll ta’ integrazzjoni mill-ġdid li l-EUIPO u l-appellant iffirmaw fl-1 ta’ Diċembru 2011 (iktar ’il quddiem il-“protokoll ta’ integrazzjoni mill-ġdid tal-1 ta’ Diċembru 2011”) inkwantu dan kien imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, implementat permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368, iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fakkar li l-protokoll inkwistjoni kien integra mill-ġdid lill-appellant fil-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju, kif emendat fl-1 ta’ Ġunju 2005 u li “[d]an l-aħħar kuntratt […] [kellu] jitqies bħala l-ewwel tiġdid tal-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, adottat abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 ta’ dawn il-kondizzjonijiet, li b’mod partikolari [kienu] intiżi li jillimitaw ir-rikors għal kuntratti ta’ membru tal-persunal temporanju suċċessivi u [kienu] jaqgħu taħt il-miżuri, koperti mill-Klawżola 5(1) tal-Ftehim-qafas, li jistgħu jipprevjenu l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi” (sentenza appellata, punt 46).

8        Fl-aħħar nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku enfasizza li “peress li d-deċiżjoni ta’ xoljiment tal-kuntratt preċedenti tar-rikorrent mal-[EUIPO] ma ġietx annullata mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-integrazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent bis-saħħa tal-protokoll ta’ integrazzjoni mill-ġdid [tal-1 ta’ Diċembru 2011] [kienet] saret biss fuq l-inizjattiva tal-amministrazzjoni” u li “[t]ali integrazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent fi ħdan id-dipartimenti tal-[EUIPO], minkejja li r-relazzjoni ta’ xogħol kienet ġiet interrota għal iktar minn sentejn, ma[setgħetx] tiġi kklassifikata bħala abbużiva fis-sens tal-Klawżola 1(b) tal-Ftehim-qafas” (sentenza appellata, punt 46).

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Mejju 2016, l-appellant ippreżenta dan l-appell.

[omissis]

17      L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        Konsegwentement, tilqa’ t-talbiet tiegħu fl-ewwel istanza billi tannulla d-deċiżjoni tal-President tal-EUIPO, tal-4 ta’ Ġunju 2014, li l-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju jintemm wara l-iskadenza ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ sitt xhur;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż kollha taż-żewġ istanzi.

18      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        sussidjarjament, tilqa’ t-talbiet tiegħu fl-ewwel istanza;

–        tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż tal-appell.

 Id-dritt

[omissis]

 Fuq l-ewwel u t-tieni aggravju, ibbażati rispettivmanet fuq ksur tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u fuq ksur tal-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Bennett et vs UASI (F102/09, EU:F:2011:138)

21      L-ewwel żewġ aggravji mressqa mill-appellant huma bbażati rispettivament fuq ksur tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u fuq ksur tal-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Bennett et vs UASI(F‑102/09, EU:F:2011:138).

[omissis]

24      L-ewwel żewġ aggravji jeħtieġu li jiġi eżaminat, minn naħa, jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaqx żball meta kkonstata li d-deċiżjoni ta’ xoljiment tat-12 ta’ Marzu 2009 kienet ġiet irtirata u, min-naħa l-oħra, jekk huwa evalwax b’mod korrett il-konsegwenzi ġuridiċi ta’ dan l-irtirar.

25      Fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-irtirar tad-deċiżjoni ta’ xoljiment tat-12 ta’ Marzu 2009 kienx ġuridikament possibbli.

26      L-ewwel nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-irtirar b’mod retroattiv ta’ att amministrattiv legali li kkonferixxa drittijiet suġġettivi jew vantaġġi simili jmur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 1983, Verli-Wallace vs Il‑Kummissjoni, 159/82, EU:C:1983:242, punt 8, u tal-5 ta’ Diċembru 2000, Gooch vs Il‑Kummissjoni, T‑197/99, EU:T:2000:282, punt 52).

27      It-tieni nett, fir-rigward tal-atti amministrattivi illegali, għandu jitfakkar, li skont ġurisprudenza stabbilita sewwa, mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li, bħala prinċipju, l-amministrazzjoni għandha s-setgħa tirtira, b’effett retroattiv, att amministrattiv favorevoli adottat illegalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal+ vs Il‑Kummissjoni, T‑251/00, EU:T:2002:278, punti 138 sa 140, u tal-15 ta’ April 2011, IPK International vs Il‑Kummissjoni, T‑297/05, EU:T:2011:185, punt 118), iżda li l-irtirar retroattiv ta’ att li ħoloq drittijiet favur id-destinatarju tiegħu huwa ġeneralment suġġett għal kundizzjonijiet stretti ħafna. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1978, 28 Herpels vs Il‑Kummissjoni, 54/77, EU:C:1978:45 punt 38). Fil-fatt, għalkemm kull istituzzjoni tal-Unjoni li tikkonstata li l-att li hija għadha kif adottat huwa vvizzjat b’illegalità għandha tiġi rrikonoxxuta d-dritt li tirtirah f’terminu raġonevoli b’effett retroattiv, dan id-dritt jista’ jiġi limitat min-neċessità li jiġu osservati l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-att li seta’ jibbaża ruħu fuq il-legalità tiegħu (sentenzi tas-26 ta’ Frar 1987, Consorzio Cooperative d’Abruzzo vs Il‑Kummissjoni, 15/85, EU:C:1987:111, punti 12 sa 17; tal-20 ta’ Ġunju 1991, Cargill vs Il‑Kummissjoni, C‑248/89, EU:C:1991:264, punt 20, u tas-17 ta’ April 1997, de Compte vs Il‑Parlament, C‑90/95 P, EU:C:1997:198, punt 35). Tali deċiżjoni hija wkoll suġġetta għall-kundizzjoni li ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2003, Ineichen vs Il‑Kummissjoni, T‑293/01, EU:T:2003:55, punt 91).

28      It-tielet nett, mis-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010 Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni (C‑362/09 P, EU:C:2010:783, punt 59), essenzjalment jirriżulta li l-kundizzjonijiet stretti previsti mis-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Herpels vs Il‑Kummissjoni (54/77, EU:C:1978:45), tas-26 ta’ Frar 1987, Consorzio Cooperative d’Abruzzo vs Il‑Kummissjoni (15/85, EU:C:1987:111), u tas-17 ta’ April 1997, de Compte vs Il‑Parlament (C‑90/95 P, EU:C:1997:198), li taħthom jista’ jsir l-irtirar retroattiv ta’ att amministrattiv illegali li jiġġenera drittijiet suġġettivi, ma humiex rilevanti fil-każ li l-att ikkonċernat ma jikkostitwixxix, fir-rigward tad-destinatarju tiegħu, att li joħloq drittijiet, iżda att li jikkawżalu preġudizzju.

29      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali tqis li xejn ma jipprekludi li att amministrattiv illegali jew legali li jikkostitwixxi, fir-rigward tad-destinatarju tiegħu, att li prinċipalment jikkawżalu preġudizzju u li b’mod aċċessorju joħloq drittijiet favurih jista’ jiġi rtirat, jekk ma humiex ippreġudikati l-aspettattivi leġittimi ta’ dan id-destinatarju u l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma huwiex miksur.

30      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni ta’ xoljiment tat-12 ta’ Marzu 2009 tikkostitwixxi prinċipalment att amministrattiv li jikkawża preġudizzju lill-appellant u li din b’mod aċċessorju toħloq drittijiet favurih.

31      Għandu wkoll jiġi rrilevat li, billi ffirma l-protokoll ta’ integrazzjoni mill-ġdid tal-1 ta’ Diċembru 2011, l-appellant ta l-kunsens tiegħu fir-rigward tal-irtirar tad-deċiżjoni ta’ xoljiment tat-12 ta’ Marzu 2009 u li, għaldaqstant, l-irtirar inkwistjoni sar b’osservanza tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi ta’ dan l-appellant u b’konformità mal-prinċipju ta’ ċertezza legali mfakkra fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1 ta’ dan il-protokoll jindika b’mod ċar li din id-deċiżjoni hija rtirata.

32      Huwa għaldaqstant b’mod korrett li t-Tribunal għas-Servizz Pubblika kkonstata, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni ta’ xoljiment tat-12 ta’ Marzu 2009 kienet ġiet irtirata permezz tal-protokoll ta’ integrazzjoni mill-ġdid tal-1 ta’ Diċembru 2011.

33      Fit-tieni lok, peress li l-irtirar tad-deċiżjoni ta’ xoljiment tat-12 ta’ Marzu 2009 kien legalment possibbli, għandu jiġi eżaminat jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaqx żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-konsegwenzi ġuridiċi ta’ dan l-irtirar.

34      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, peress li d-deċiżjoni ta’ xoljiment tat-12 ta’ Marzu 2009 ġiet irtirata, din għandha titqies bħala li qatt ma eżistiet. Għaldaqstant huwa b’mod korrrett li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, li l-appellant tqiegħed mill-ġdid b’mod retroattiv fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju hekk kif emendat fl-1 ta’ Ġunju 2005, mill-15 ta’ Settembru 2009. Id-dispożizzjonijiet tal-protokoll ta’ integrazzjoni mill-ġdid tal-1 ta’ Diċembru 2011 jikkonkretizzaw biss f’dan ir-rigward l-integrazzjoni mill-ġdid tal-appellant fil-pożizzjoni li huwa kellu qabel il-15 ta’ Settembru 2009.

35      It-tieni nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, li l-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tal-appellant, hekk kif emendat permezz tal-klawżola addizzjonali tal-1 ta’ Ġunju 2005, kellu jitqies bħala l-ewwel tiġdid tal-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, u ċaħad l-argument li l-protokoll ta’ integrazzjoni mill-ġdid tal-1 ta’ Diċembru 2011 kien ikkostitwixxa t-tieni tiġdid ta’ dan il-kuntratt.

36      Dan ir-raġunament imwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa eżenti minn żbalji ta’ liġi. Fil-fatt, hekk kif ġie indikat fil-punt 33 iktar ’il fuq, l-irtirar tad-deċiżjoni ta’ xoljiment tat-12 ta’ Marzu 2009, ikkonkretizzat permezz tal-protokoll ta’ integrazzjoni mill-ġdid tal-1 ta’ Diċembru 2011, kellu bħala effett li jqiegħed mill-ġdid lill-appellant fis-sitwazzjoni li huwa kien jinsab fiha qabel il-15 ta’ Settembru 2009 u mhux li jqegħdu f’pożizzjoni li huwa ma kellux qabel din id-data, u lanqas, għaldaqstant, li jġedded għat-tieni darba il-kuntratt tiegħu għal żmien determinat.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      José Luis Ruiz Molina għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Jaeger

Prek

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Ġunju 2017.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż


1      Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.