Language of document : ECLI:EU:T:2017:435

Kawża T233/16 P

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

José Luis Ruiz Molina

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Kuntratt għal żmien determinat li fih klawżola ta’ xoljiment li ttemm il-kuntratt fil-każ li l-isem tal-membru tal-persunal ma jkunx inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni ġenerali suċċessiva – Xoljiment tal-kuntratt b’applikazzjoni tal-klawżola ta’ xoljiment – Klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat bħala kuntratt għal żmien indeterminat – Awtorità ta’ res judicata – Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) tas-27 ta’ Ġunju 2017

1.      Atti tal-istituzzjonijiet – Irtirar – Att legali li jagħti drittijiet suġġettivi – Illegalità

2.      Atti tal-istituzzjonijiet – Irtirar – Atti illegali li jagħtu drittijiet suġġettivi – Kundizzjonijiet – Osservanza ta’ terminu raġonevoli u tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali – Atti illegali li jikkawżaw preġudizzju lid-destinatarju – Ittaffar tal-kundizzjonijiet

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 26)

2.      Mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li, bħala prinċipju, l-amministrazzjoni għandha s-setgħa tirtira, b’effett retroattiv, att amministrattiv favorevoli adottat illegalment, iżda li l-irtirar retroattiv ta’ att li ħoloq drittijiet favur id-destinatarju tiegħu huwa ġeneralment suġġett għal kundizzjonijiet stretti ħafna. Fil-fatt, għalkemm kull istituzzjoni tal-Unjoni li tikkonstata li l-att li hija għadha kif adottat huwa vvizzjat b’illegalità għandha tiġi rrikonoxxuta d-dritt li tirtirah f’terminu raġonevoli b’effett retroattiv, dan id-dritt jista’ jiġi limitat min-neċessità li jiġu osservati l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-att li seta’ jibbaża ruħu fuq il-legalità tiegħu. Tali deċiżjoni hija wkoll suġġetta għall-kundizzjoni li ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Madankollu, il-kundizzjonijiet stretti, li taħthom jista’ jsir l-irtirar retroattiv ta’ att amministrattiv illegali li jiġġenera drittijiet suġġettivi, ma humiex rilevanti fil-każ li l-att ikkonċernat ma jikkostitwixxix, fir-rigward tad-destinatarju tiegħu, att li joħloq drittijiet, iżda att li jikkawżalu preġudizzju.

Minn dan jirriżulta li xejn ma jipprekludi li att amministrattiv illegali jew legali li jikkostitwixxi, fir-rigward tad-destinatarju tiegħu, att li prinċipalment jikkawżalu preġudizzju u li b’mod aċċessorju joħloq drittijiet favurih jista’ jiġi rtirat, jekk ma humiex ippreġudikati l-aspettattivi leġittimi ta’ dan id-destinatarju u l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma huwiex miksur.

(ara l-punti 27 sa 29)